Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0007

    Kawża T-7/20: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2020 – Global Translations Solutions vs Il-Parlament

    ĠU C 87, 16.3.2020, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 87/23


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2020 – Global Translations Solutions vs Il-Parlament

    (Kawża T-7/20)

    (2020/C 87/28)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Global Translation Solutions ltd. (Valletta, Malta) (rappreżentanti: C. Mifsud-Bonnici, avukat)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tat-28 ta’ Ottubru 2019 li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti mressqa għal-Lott 15 b’rabta mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt TRA/EU19/2019 (1);

    alternattivament, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tagħti Lot 15 b’konnessjoni mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt TRA/EU19/2019 lil operatur ekonomiku wieħed biss; u,

    tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-konvenut tat-28 ta’ Ottubru 2019 li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti mressqa għal-Lott 15 b’rabta mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt TRA/UE19/2019 kienet allegatament illegali peress li hija bbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-fatti, jiġifieri, li l-format tal-fajl “.doc” ma ssodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tad-dokumenti tal-għoti ta’ kuntratt fuq il-bażi li:

    li d-dokumenti tal-għoti tal-kuntratt ma ġewx abbozzati f’termini preċiżi u inekwivoki ċari biżżejjed; u/jew

    li l-format tal-fajl “.doc” huwa funzjonalment ekwivalenti għall-format tal-fajl “.docx”.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-konvenut tat-28 ta’ Ottubru 2019 li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti mressqa għal-Lott 15 b’rabta mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt TRA/UE19/2019 allegatament kienet illegali fuq il-bażi li:

    l-aġir tal-konvenut kien jikser il-liġi fost l-oħrajn l-Artikolu 106(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2) u jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi b’mod partikolari l-proporzjonalità; u/jew

    l-aġir tal-konvenut kien jikser il-liġi b’mod partikolari l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Finanzjarju (3) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż, l-amministrazzjoni tajba b’mod partikolari d-dmir ta’ premura.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-konvenut tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tagħti l-Lott 15 relatata mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt TRA/EU19/2019 lil operatur ekonomiku wieħed allegatament kienet tikser il-liġi fuq il-bażi li din tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tmur kontra l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.


    (1)  ĠU 2019/S 54-123613

    (2)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).

    (3)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002)ĠU 2012, L 298, p. 1).


    Top