Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0585

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-14 ta’ Ġunju 2023.
Polwax S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq upstream tax-xama’ slack – Suq downstream tax-xama’ tal-paraffina – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Assenza ta’ impenn dwar il-provvista tax-xama’ slack – Effetti vertikali – Esklużjoni mis-suq tal-input.
Kawża T-585/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:332

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

14 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq upstream tax-xama’ slack – Suq downstream tax-xama’ tal-paraffina – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Assenza ta’ impenn dwar il-provvista tax-xama’ slack – Effetti vertikali – Esklużjoni mis-suq tal-input”

Fil-Kawża T‑585/20,

Polwax S.A., stabbilita fi Jasło (il-Polonja), irrappreżentata minn E. Nessmann u G. Duda, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, G. Meessen u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Polski Koncern Naftowy Orlen S.A., stabbilita fi Płock (il-Polonja) irrappreżentata minn M. Mataczyński, avukat,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn F. Schalin, President, S. Frimodt Nielsen, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm (Relatur) u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Polwax S.A., titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Lulju 2020 (Każ M.9014), adottata abbażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat kompatibbli mas-suq intern u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), konċentrazzjoni bejn Polski Koncern Naftowy Orlen S.A. (iktar ’il quddiem “Orlen”) u Grupa Lotos S.A. (iktar ’il quddiem “Lotos”), bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti impenji minn Orlen.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors

2

Ir-rikorrenti hija kumpannija Pollakka li tipproduċi u tikkummerċjalizza xama’ tal-paraffina u prodotti fuq bażi ta’ paraffina.

3

Orlen hija impriża integrata vertikalment, prinċipalment attiva fir-raffinar u l-kummerċjalizzazzjoni (inkluż bl-imnut) ta’ kombustibbli u prodotti relatati ma’ kombustibbli fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka, fil-Litwanja u fil-Ġermanja. Hija involuta wkoll fl-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-produzzjoni upstream taż-żejt mhux maħdum u tal-gass naturali kif ukoll fis-suq tal-petrokimika.

4

Lotos hija impriża integrata vertikalment, prinċipalment attiva fir-raffinar u l-kummerċjalizzazzjoni (inkluż bl-imnut) ta’ kombustibbli u prodotti relatati ma’ kombustibbli, prinċipalment fil-Polonja. Hija involuta wkoll fl-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ żejt mhux maħdum u ta’ gass naturali upstream.

5

Fit‑3 ta’ Lulju 2019, Orlen ikkomunikat lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 139/2004, proġett ta’ konċentrazzjoni li jikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll esklużiv ta’ Lotos.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2019 (ĠU 2019, C 273, p. 2), il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ eżami fil-fond, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004 u stiednet lit-terzi kkonċernati sabiex jibagħtulha l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq il-proġett ta’ konċentrazzjoni.

7

Fit‑30 ta’ Settembru 2019, wara talba f’dan is-sens, ir-rikorrenti ngħatat l-istatus ta’ parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004.

8

Fis‑7 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha ntbagħtet lir-rikorrenti fl‑4 ta’ Mejju 2020.

9

Fil‑15 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u sostniet li kellhom jiġu previsti impenji sabiex jiġi żgurat li l-konċentrazzjoni ma taffettwax l-aċċess tagħha għal ċerti inputs li hija kienet tuża fil-produzzjoni tagħha.

10

Fl‑14 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

11

Fi stqarrija għall-istampa tal-istess jum, il-Kummissjoni, l-ewwel, iddikjarat li, fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, hija kienet qiegħda tibża’ li l-konċentrazzjoni, kif ikkomunikata fil-bidu, kienet ser tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-swieq li ġejjin:

il-provvista bl-ingrossa ta’ karburanti għall-magni fil-Polonja;

il-provvista bl-imnut ta’ kombustibbli għall-magni fil-Polonja;

il-provvista ta’ karburant tal-avjazzjoni fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka;

il-provvista ta’ prodotti relatati, bħal tipi differenti ta’ bitum, fil-Polonja.

12

It-tieni, il-Kummissjoni sostniet li, sabiex tneħħi t-tħassib tagħha, Orlen kienet ipproponiet impenji li jirrigwardaw is-swieq imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

13

It-tielet, il-Kummissjoni ddikjarat “li l-kombinament ta’ trasferimenti u ta’ impenji oħra jippermetti lix-xerrejja tal-entitajiet ittrasferiti, kif ukoll lil kompetituri oħra, li jissuġġettaw l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati fil-futur”, li, “[f]is-swieq bl-ingrossa tad-diżil u tal-petrol b’mod partikolari, ix-xerrej tal-holding fir-raffinerija jkun f’pożizzjoni li jimporta volumi sinjifikattivi permezz ta’ aċċess iktar wiesa’ għall-infrastrutturi” u li, “[m]inħabba dan il-kombinament ta’ kapaċità ta’ raffinar u ta’ potenzjal ta’ importazzjoni, ix-xerrej jeżerċita pressjoni kompetittiva simili għal dik ta’ Lotos qabel l-operazzjoni”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li “l-operazzjoni, kif emendata mill-impenji, ma toħloqx iktar problema ta’ kompetizzjoni” u ppreċiżat li “[d]in id-deċiżjoni kienet suġġetta għall-osservanza sħiħa tal-impenji meħuda”.

14

Fid-data tal-preżentata tar-rikors, fl‑24 ta’ Settembru 2020, ebda sunt tad-deċiżjoni kkontestata ma kien ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ebda verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija deċiżjoni ma kienet ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni.

15

Fit‑18 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat fuq is-sit internet tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Sunt ta’ din id-deċiżjoni ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑25 ta’ Mejju 2021 (ĠU 2021, C 196, p. 8).

16

Id-deċiżjoni kkontestata fiha punt 37 dwar is-suq upstream tax-xama’ slack u s-suq downstream tax-xama’ tal-paraffina (premessi 1993 sa 2006).

17

Fil-premessa 1993 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li x-xama’ slack hija prodott sekondarju tal-produzzjoni taż-żjut tal-petroleum u li hija prinċipalment użata bħala materja prima tax-xama’ tal-paraffina rrafinata kompletament, li jikkostitwixxu, fihom innifishom, il-materjal mhux maħdum tal-manifattura tax-xemgħat. Hija tenfasizza sussegwentement, fil-premessa 1994 tal-imsemmija deċiżjoni, li, għalkemm Lotos u Orlen jipproduċu t-tnejn li huma xama’ slack, din tinbiegħ biss minn Lotos, filwaqt li Orlen tużaha għall-produzzjoni tagħha stess ta’ xama’ tal-paraffina u li, għaldaqstant, il-konċentrazzjoni prevista twassal għall-ħolqien ta’ rabta vertikali bejn il-partijiet, peress li Lotos hija attiva upstream u Orlen, downstream.

18

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 1997 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-swieq tal-prodotti kkonċernati kienu dawk tax-xama’ slack u tax-xama’ tal-paraffina.

19

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dimensjoni ġeografika tas-swieq inkwistjoni, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 1999 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’deċiżjoni preċedenti, qieset li s-suq tax-xama’ slack seta’ jestendi għaż-ŻEE kollha jew ikollu dimensjoni nazzjonali, filwaqt li enfasizzat li xerrejja tax-xama’ slack, ir-rikorrenti, kienet enfasizzat il-preferenzi tagħha għas-sorsi ta’ provvista lokali, minħabba l-ispejjeż għoljin ta’ trasport. Hija qieset fiha wkoll li d-definizzjoni tas-suq tax-xama’ tal-paraffina bħala li jinkludi din it-totalità kienet plawżibbli, peress li l-fornituri ta’ dan il-prodott kienu indikaw li kienu jbigħuh lil hinn mill-fruntieri tal-Polonja u li Orlen kienet tbigħ bejn 30 u 40 % tal-produzzjoni tagħha barra mill-Polonja, essenzjalment fiż-ŻEE. Sussegwentement hija sostniet, fil-premessa 2000 tal-imsemmija deċiżjoni, li evalwat l-effetti tal-konċentrazzjoni prevista fuq l-iktar swieq potenzjali stretti, jiġifieri dak tal-Polonja għax-xama’ slack u dak taż-ŻEE għax-xama’ tal-paraffina.

20

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni prevista fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessa 2003 tad-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà, enfasizzata mir-rikorrenti, li l-konċentrazzjoni twassal għal esklużjoni tal-input, peress li l-entità l-ġdida ma tibqax tipprovdilha xama’ slack jew biss bi prezz ħafna ogħla, b’tali mod li tipprekludiha milli tikkompeti ma’ din tal-aħħar fis-suq tax-xama’ tal-paraffina.

21

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 2004 tad-deċiżjoni kkontestata, li, jekk is-suq upstream tax-xama’ slack kien iddefinit fuq bażi nazzjonali, Lotos kien ikollha bejn 30 u 40 % sehem mis-suq fil-Polonja fl‑2017 u fl‑2018. Filwaqt li rrikonoxxiet li tali sehem mis-suq kien jimplika l-eżistenza ta’ effetti vertikali, hija enfasizzat li bejn 60 u 70 % tas-sorsi tax-xama’ slack kienu għadhom disponibbli u li Orlen stess kienet tirrikorri għal fornituri esterni. Minn dan hija ddeduċiet li ma kienx jidher li l-entità l-ġdida maħluqa kellha l-kapaċità li teskludi l-aċċess għax-xama’ slack għall-klijenti ta’ Lotos attivi fis-suq tax-xama’ tal-paraffina.

22

Il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 2005 tad-deċiżjoni kkontestata, li Orlen kellha biss sehem żgħir ħafna mis-suq downstream u minn dan iddeduċiet li l-entità l-ġdida lanqas ma kellha interess li teskludi l-aċċess għall-inputs għall-klijenti ta’ Lotos attivi f’dan is-suq. Hija rrilevat li r-rikorrenti stess enfasizzat li l-kompetizzjoni fl-imsemmi suq kienet ħajja, peress li tali suq kellu, f’ċerti każijiet, dimensjoni globali u kien taħt pressjoni mill-produtturi Ċiniżi.

23

Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 2006 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-investigazzjoni tagħha ma żvelatx provi ċari fis-sens ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fir-rigward tar-rabta vertikali bejn is-suq tax-xama’ slack fil-Polonja u dak tax-xama’ tal-paraffina fiż-ŻEE.

II. It‑talbiet tal‑partijiet

24

B’att separat, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu.

25

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rtirat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

26

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27

Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent ta’ Orlen u waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna perizja fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, tordna lill-Kummissjoni tipprovdi l-elementi li abbażi tagħhom hija kienet stabbilixxiet il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

28

Il-Kummissjoni u Orlen jitolbu, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tiċħad it-talba għal perizja mitluba mir-rikorrenti;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id‑dritt

A. Fuq it‑talba għal perizja

29

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna perizja fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Hija tiġġustifika d-dewmien fil-preżentata ta’ din it-talba, essenzjalment, bil-fatt li kien biss fl-istadju tal-imsemmija nota ta’ intervent li r-raġunament li fuqu kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni ġie spjegat. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fid-data tal-preżentata tar-rikors u għan-natura sommarja kemm tal-motivazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni kif ukoll tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

30

Il-Kummissjoni u Orlen joġġezzjonaw għal din it-talba għal perizja billi jenfasizzaw, b’mod partikolari, in-natura tardiva tagħha.

31

Skont l-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura, “il-miżuri istruttorji jistgħu jiġu adottati jew emendati f’kull stadju tal-proċedura, jew ex officio jew fuq talba ta’ parti prinċipali”. Il-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni jippreċiża li, “[m]eta […] it-talba titressaq wara l-ewwel skambju ta’ noti, il-parti li tressaq it-talba għandha tesponi r-raġunijiet għaliex ma setgħetx tressaqha qabel”.

32

Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti pprovdietx ġustifikazzjoni konvinċenti għall-formulazzjoni tardiva tat-talba tagħha għal miżura ta’ perizja, għandu jitfakkar li r-Regoli tal-Proċedura jagħtu lill-Qorti Ġenerali setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tordna tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Talanton vs Il‑Kummissjoni, T‑65/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:491, punti 35 sa 37). Għaldaqstant, anki meta parti tkun irċeviet talba għal miżura ta’ perizja fi stadju avvanzat tal-proċedura, hija tista’ dejjem tiddeċiedi li tadotta l-imsemmija miżura ex officio, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

33

It-talba għal perizja tar-rikorrenti għandha, madankollu, tiġi miċħuda peress li tmur lil hinn mis-suġġett tal-miżuri istruttorji msemmija fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tal-prova tal-veraċità tal-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn parti insostenn tal-motivi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BĊE, T‑553/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:275, punt 317 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-fatt, abbażi tat-talba tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna perizja dwar is-“swieq ġirien, inkluż is-suq tat-trattament tax-xama’ slack, fir-rigward tal-elementi li ġejjin: (a) effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-swieq inkwistjoni tax-xama’ slack u tal-paraffina kif ukoll fis-swieq ġirien, b’mod partikolari r-riperkussjoni tal-imsemmija konċentrazzjoni fuq il-prezz tal-prodotti għall-klijenti finali u għall-konsumaturi; (b) l-effett ta’ din il-konċentrazzjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti kif ukoll fuq dik tal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw attività identika għal dik tar-rikorrenti fir-rigward tat-trasformazzjoni tax-xama’ slack, tal-paraffina u s-swieq relatati; (c) spejjeż ogħla sostnuti mir-rikorrenti minħabba x-xiri tax-xama’ slack barra mis-suq lokali; (d) limitazzjoni tal-aċċess għax-xama’ slack fis-suq lokali; (e) perċentwali tas-sehem mis-suq Ewropew tal-operatur amalgamat wara l-konċentrazzjoni”.

35

Minflok ma hija intiża li tipprova l-veraċità ta’ ċerti allegazzjonijiet fattwali, tali talba għandha, fir-realtà, l-għan li teżamina mill-ġdid l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw il-konformità tal-proġett ta’ konċentrazzjoni mal-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, hija tmur lil hinn mill-għan ta’ miżura istruttorja fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tkun qiegħda teċċedi l-kompetenza tagħha bl-adozzjoni ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punti 2425).

B. Fuq il‑fondatezza tal‑motivi

36

Fir-rikors, ir-rikorrenti ressqet, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 9(1) ta’ dan l-istess regolament. Barra minn hekk, fir-replika, hija ppreżentat motiv ġdid, ibbażat fuq in-natura insuffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kkontestata.

37

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 139/2004, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

1.   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004

38

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li l-konċentrazzjoni ma twassalx għal ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-suq tax-xama’ tal-paraffina, jirriżulta minn applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004.

39

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 139/2004:

“Konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun stabbilit jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni jew le.

Meta tkun qiegħda tagħmel din l-istima, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-bżonn li tinżamm u li tkun żviluppata kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni, u dan minħabba, fost l-oħrajn, l-istruttura ta’ l-iswieq konċernati u l-kompetizzjoni attwali u potenzjali minn impriżi li qegħdin fil-jew barra mill-[Unjoni];

(b)

il-pożizzjoni ta’ l-impriżi konċernati fis-suq u s-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u għall-konsumaturi, l-aċċess li għandhom għal provisti jew swieq, xi barrieri legali jew barrieri oħra li jfixklu d-dħul fis-suq, tendenzi fil-provista u fit-talba għall-merkanzija u għas-servizzi relevanti, l-interessi tal-konsumaturi - kemm dawk intermedjarji u kif ukoll dawk finali - u l-iżvilupp ta’ progress tekniku u ekonomiku sakemm dan ikun fl-interess tal-konsumaturi u ma jkunx ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni.”

40

L-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdi, minn naħa, li “[k]onċentrazzjoni li mhix ħa tkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq [intern] jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala kompatibbli mas-suq [intern]” u, min-naħa l-oħra, li “[k]onċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq [intern] jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq [intern].”

41

L-argumentazzjoni tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, skont jekk humiex ikkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-swieq rilevanti jew l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq dawn is-swieq.

a)   Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq definizzjoni żbaljata tas‑swieq rilevanti

42

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 139/2004 minħabba definizzjoni żbaljata tas-swieq rilevanti.

43

Skont il-ġurisprudenza, id-definizzjoni adegwata tas-suq rilevanti hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għal kull evalwazzjoni magħmula fuq l-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 143).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-suq tal-prodotti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinvolvi dawk il-prodotti jew is-servizzi kollha li l-konsumatur iqis li huma interkambjabbli jew sostitwibbli, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “suq rilevanti” jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jagħmlu parti mill-istess suq (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punti 5051).

45

Barra minn hekk, meta jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni fuq swieq oħra barra minn dawk li fuqhom għamlet l-analiżi kompetittiva, huwa r-rikorrenti li għandu jipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika s-swieq rilevanti, jiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva fl-assenza ta’ konċentrazzjoni u jindika liema ser ikunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fuq dawn is-swieq (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punti 6566, u tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punti 174175).

46

Fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat żewġt iswieq ikkonċernati mill-konċentrazzjoni, jiġifieri, minn naħa, suq upstream ikkostitwit mill-provvista ta’ xama’ slack fil-Polonja u, min-naħa l-oħra, suq downstream ikkostitwit mill-provvista tax-xama’ tal-paraffina fiż-ŻEE, li jużaw ix-xama’ slack bħala materja prima.

47

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li llimitat id-definizzjoni tas-suq downstream tax-xama’ tal-paraffina biss għal “xama’ tal-paraffina totalment raffinata”, jiġifieri x-xama’ prodotta abbażi tax-xama’ slack ħafifa, li sservi bħala materja prima għall-produzzjoni tax-xemgħat, u li ma inkludietx ix-xama’ abbażi ta’ xama’ slack medja u tqila, użata għall-manifattura ta’ xemgħat taċ-ċimiterju u ta’ diversi preparazzjonijiet industrijali.

48

Dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

49

Fil-fatt, fil-premessa 1993 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li “ix-xama’ slack [kienet] prodott sekondarju tal-produzzjoni taż-żjut minerali [,li] [kellha] użi multipli, iżda [kienet tintuża] prinċipalment bħala materja prima [għall-] manifattura ta’ xama’ tal-paraffina totalment raffinata, li — min-naħa tagħha — [kienet] il-materja prima prinċipali għall-produzzjoni tax-xemgħat”. Fil-premessi 1996 u 1997 ta’ din id-deċiżjoni, hija indikat li kienet qiegħda teżamina l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq tax-xama’ slack u tax-xama’ tal-paraffina.

50

Issa, l-ewwel, mill-premessa 1993 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq downstream tax-xama’ tal-paraffina b’mod iktar ristrett, bħala li jkopri biss ix-xama’ tal-paraffina totalment raffinata. F’din il-premessa, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, enfasizzat espliċitament li x-xama’ slack kienet użata “għal diversi applikazzjonijiet”, u mhux esklużivament għall-produzzjoni ta’ xama’ tal-paraffina totalment raffinata.

51

It-tieni, fil-premessa 1997 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal suq ikkostitwit globalment mix-xama’ tal-paraffina, u mhux biss mix-xama’ tal-paraffina totalment raffinata.

52

It-tielet, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-qari tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li għalihom tirreferi l-premessa 1997 tad-deċiżjoni kkontestata u li fl-estensjoni tagħhom taqa’ d-definizzjoni tas-suq downstream tax-xama’ tal-paraffina.

53

Għalhekk, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2008) 4576 final, tal‑1 ta’ Ottubru 2008 li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ COMP/C.39181 – Candle Waxes) (sunt ippubblikat fil-ĠU 2009, C 295, p. 17), ix-xemgħat tal-paraffina ġew iddefiniti bħala li jinkludu “ix-xemgħat tal-paraffina totalment raffinati u nofshom raffinati (skont il-kontenut ta’ żejt), kif ukoll l-idroxema’, it-taħlit ta’ xama’, l-ispeċjalitajiet tax-xama’ u x-xama’ tal-paraffina solida”, li “jintużaw għall-produzzjoni ta’ varjetà ta’ prodotti[,] bħal xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkjar, tal-adeżivi u taċ-chewing-gum”.

54

Minn dan jirriżulta li s-suq downstream ma ġiex limitat, fid-deċiżjoni kkontestata, biss għax-xama’ tal-paraffina totalment raffinata, kif tiddikjara r-rikorrenti, iżda għax-xama’ tal-paraffina kollha, kif iddefinita fil-punt 53 iktar ’il fuq.

55

Dan l-ilment għalhekk għandu jiġi miċħud.

56

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li s-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jinkludu diversi riferimenti għat-tipi differenti ta’ xama’ slack, jiġifieri “ħafifa”, “medja” jew “tqila”, kif ukoll għall-proprjetajiet u għall-użu differenti tagħhom. Sa fejn dawn ir-riferimenti għandhom jinftiehmu bħala li jikkostitwixxu lment ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq upstream minħabba li l-Kummissjoni kellha tikkonstata l-eżistenza ta’ tliet swieq differenti, skont jekk kinux jikkonċernaw dawn it-tliet tipi ta’ xema’ slack, tali lment ma jistax jintlaqa’.

57

Fil-fatt, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi indizji serji li juru li ma kienx jeżisti livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn ix-xama’ slack “tqil”, ix-xama’ slack “ħafifa” u x-xama’ slack “medja” sabiex dawn jaqgħu fl-istess suq.

58

B’mod iktar partikolari, fid-dawl tal-metodu espost fl-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi [tal-Unjoni] dwar il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Dwar id-Definizzjoni tas-Suq Rilevanti”), hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi indizji serji li juru li t-tipi differenti ta’ xama’ slack ma humiex sostitwibbli min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista sabiex dawn jaqgħu fl-istess suq.

59

Mill-perspettiva tat-talba, ir-rikorrenti kellha tipproduċi indizji serji li juru li l-klijenti ta’ tip ta’ xama’ slack ma kinux ser jaqilbu għal tip ieħor ta’ xama’ slack fil-każ ta’ żieda żgħira fil-prezz, b’tali mod li dawn ma setgħux jitqiesu li huma sostitwibbli (ara, f’dan is-sens, il-punti 15 sa 20 tal-Komunikazzjoni Dwar id-Definizzjoni tas-Suq Rilevanti).

60

Mill-perspettiva tal-offerta, ir-rikorrenti kellha tipproduċi indizji serji li juru li l-fornituri ta’ tip ta’ xama’ slack ma setgħux jorjentaw il-produzzjoni tagħhom lejn il-produzzjoni ta’ tip ieħor ta’ xama’ slack u jikkummerċjalizzawha fi żmien qasir, mingħajr ma jsostnu ebda spiża jew riskju addizzjonali sostanzjali b’reazzjoni għal varjazzjonijiet żgħar, iżda permanenti, tal-prezzijiet relattivi (ara, f’dan is-sens, il-punti 20 sa 24 tal-Komunikazzjoni Dwar id-Definizzjoni tas-Suq Rilevanti).

61

Ir-rikorrenti tillimita ruħha, fil-punti 112 sa 120 tar-replika, tenfasizza li x-xama’ slack ħafifa, ix-xama’ slack medja u x-xema’ slack tqila jikkostitwixxu l-inputs ta’ materja prima differenti. F’aspetti oħra tal-argumentazzjoni tagħha, hija ssostni li l-kwalità tax-xama’ slack minn raffinerija għal oħra tista’ tvarja b’mod sinjifikattiv. Issa, tali allegazzjonijiet ma jikkostitwixxux indizji serji li juru li ma jeżistix livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn dawn it-tipi differenti ta’ xama’ slack sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti mill-perspettiva tad-domanda. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tindirizzax il-kwistjoni ta’ eventwali sostitwibbiltà mill-perspettiva tal-offerta.

62

Tali lment tar-rikorrenti, jekk jitqies li ġie fformulat, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

63

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fis-suq upstream, ix-xama’ slack importata fil-Polonja u li din kellha tillimita d-definizzjoni tal-imsemmi suq biss għax-xama’ slack prodotta u kkummerċjalizzata fil-Polonja. Hija tiġġustifika din id-dikjarazzjoni minħabba d-differenza fil-kwalità tax-xama’ slack skont ir-raffinerija ta’ oriġini tagħha u l-ispiża tat-trasport tagħha minn barra l-pajjiż.

64

Tali lment lanqas ma jista’ jintlaqa’.

65

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-paragrafi 15 sa 20 tal-Komunikazzjoni Dwar id-Definizzjoni tas-Suq Rilevanti, kif miġbura fil-qosor fil-punt 59 iktar ’il fuq, prodotti jaqgħu fl-istess suq, b’mod partikolari, jekk jitqiesu li huma sostitwibbli mill-konsumatur.

66

Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-provvista ta’ xama’ slack disponibbli għall-klijenti Pollakki, qabel il-konċentrazzjoni, ma kinitx esklużivament ikkostitwita minn Lotos, l-unika produttriċi tax-xama’ slack Pollakka li toffri dan il-prodott fis-suq, iżda wkoll minn fornituri li jinsabu barra minn dan it-territorju. Hija stess tirrikonoxxi li għamlet użu minn importazzjonijiet ta’ xama’ slack mill-Gran Brittanja, Franza, l-Ungerija u l-Italja.

67

L-argument tar-rikorrenti huwa bbażat, fir-realtà, pjuttost fuq il-vantaġġi li tirrappreżenta, għaliha, ix-xama’ slack li ġejja minn Lotos mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-ispiża iktar baxxa tagħha tat-trasport, tad-diversità tat-tipi ta’ xama’ slack offruti jew tal-adegwatezza tagħhom għall-proċess ta’ manifattura tagħha tax-xama’ tal-paraffina, peress li dawn kienu jagħmlu parti mill-istess kumpannija sal‑2012.

68

Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet huma irrilevanti, sa fejn it-talba għax-xama’ slack, fil-Polonja, ma hijiex esklużivament issodisfatta mill-produzzjoni nazzjonali, iżda wkoll mill-importazzjonijiet, b’tali mod li teżisti kompetizzjoni effettiva, fis-suq Pollakk, bejn l-offerta ta’ xama’ slack nazzjonali u l-offerta ta’ xama’ slack barranija, li tiġġustifika li din tal-aħħar tiġi inkluża fid-definizzjoni tas-suq rilevanti.

69

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-provi l-ġodda prodotti mir-rikorrenti fit‑13 ta’ Diċembru 2022 u fil‑5 ta’ Jannar 2023, li jenfasizzaw iż-żieda fl-ispiża tat-trasport tal-merkanzija u l-impossibbiltà li tinkiseb xama’ slack mingħand ir-raffineriji Russi wara l-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

70

F’dan ir-rigward u mingħajr ma huwa neċessarju li wieħed jistaqsi dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi fid-dawl tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, sa fejn dawn jikkonċernaw avvenimenti sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, dawn huma irrilevanti, peress li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-elementi fattwali eżistenti fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punti 203204, u tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 59).

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal‑effetti tal‑konċentrazzjoni fuq is‑swieq rilevanti

72

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-istess artikolu, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni kemm fis-suq tax-xama’ slack kif ukoll f’dak tax-xama’ tal-paraffina.

73

Preliminarjament, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-argument imressaq mir-rikorrenti, li jirreferi espliċitament għal ksur tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ koerenza tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

74

Għalkemm, effettivament, is-silta tar-rikors li tirrigwarda speċifikament il-ksur tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004 hija limitata għal żewġ paragrafi, ir-rikorrenti tirreferi għall-argumenti, l-iktar żviluppati, li hija ressqet għall-ksur tal-Artikolu 2(1) tal-istess regolament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tifhem l-argumenti li r-rikorrenti ressqet insostenn tal-kontestazzjoni tagħha għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni.

75

Din il-parti tista’ tinqasam f’żewġ ilmenti, li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta, rispettivament, l-assenza ta’ eżami tal-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fis-suq tax-xama’ slack u l-fondatezza tal-eżami tal-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni fis-suq tax-xama’ tal-paraffina.

1) Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑assenza ta’ eżami tal‑effetti orizzontali tal‑konċentrazzjoni fis‑suq tax‑xama’ slack

76

Ir-rikorrenti tenfasizza, essenzjalment, li Orlen kienet hija stess impriża produttriċi tax-xama’ slack, b’tali mod li l-akkwist ta’ Lotos minnha kellu wkoll dimensjoni orizzontali. Minn dan hija tiddeduċi li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni, li kienet obbligata tagħmel b’applikazzjoni tal-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali”).

77

Il-Kummissjoni tirribatti li l-konċentrazzjoni ma setax ikollha effetti orizzontali fis-suq tax-xama’ slack, sa fejn Orlen ma kinitx preżenti f’dan is-suq.

78

Hekk kif tfakkar il-Kummissjoni fil-punt 22 tal-Linji Gwida Dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali tagħha, dawn tal-aħħar jistgħu, b’żewġ modi prinċipali, jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

79

Minn naħa, teżisti s-sitwazzjoni tal-effetti mhux ikkoordinati jew unilaterali, meta l-konċentrazzjoni tneħħi pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi fuq impriża waħda jew iktar, li għalhekk ikollhom saħħa fis-suq ikbar, mingħajr ma jirrikorru għal koordinazzjoni tal-aġir.

80

Min-naħa l-oħra, hemm is-sitwazzjoni tal-effetti kkoordinati, meta l-konċentrazzjoni tbiddel in-natura tal-kompetizzjoni b’tali mod li l-impriżi li, sa dak iż-żmien, ma kinux jikkoordinaw l-aġir tagħhom issa huma ħafna iktar probabbli li jagħmlu dan u li jżidu l-prezzijiet tagħhom jew jippreġudikaw, b’mod ieħor, il-kompetizzjoni effettiva. Operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tista’ wkoll tiffaċilita, tistabbilizza jew trendi iktar effikaċi l-koordinazzjoni bejn impriżi li diġà kienu jikkoordinaw l-aġir tagħhom qabel il-konċentrazzjoni.

81

Għaldaqstant, sa fejn huwa paċifiku li Orlen ma kinitx tikkummerċjalizza l-produzzjoni tagħha tax-xama’ slack, il-konċentrazzjoni ma setax ikollha bħala konsegwenza tnaqqis tal-provvista fis-suq tax-xama’ slack. Minn din il-perspettiva, hija ma setgħetx twassal għat-tneħħija ta’ “pressjoni kompetittiva sinjifikattiva f’dan is-suq”, għall-kostituzzjoni ta’ “saħħa fis-suq ikbar” favur l-impriżi preżenti fl-imsemmi suq u ma setgħetx tiffaċilita l-koordinazzjoni fis-suq, fis-sens tal-Linji Gwida Dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali.

82

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tilmentax li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-possibbiltà, prevista fil-punti 58 sa 60 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, li l-konċentrazzjoni tipproduċi effetti antikompetittivi minħabba għaqda bejn impriża diġà preżenti fis-suq, Lotos, u kompetitur potenzjali, Orlen.

83

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi serjament akkużata li ma pprevedietx espliċitament din il-possibbiltà.

84

Kif tfakkar fil-punt 60 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, kien ikun neċessarju, sabiex il-konċentrazzjoni jkollha effetti orizzontali sinjifikattivi, li l-eventwalità ta’ dħul ta’ Orlen fis-suq tax-xama’ slack min-naħa tal-offerta tkun tikkostitwixxi, qabel l-imsemmija konċentrazzjoni, pressjoni sinjifikattiva fuq il-fornituri attwalment preżenti f’dan is-suq. Issa, l-eżistenza ta’ tali pressjoni kienet eskluża minħabba l-kwalità ta’ xerrej ta’ Orlen fl-imsemmi suq, irrilevata fil-premessa 2004 tad-deċiżjoni kkontestata.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2) Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq eżami żbaljat tal‑effetti vertikali tal‑konċentrazzjoni fis‑suq tax‑xama’ tal‑paraffina

86

Ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 2004 u 2005 tad-deċiżjoni kkontestata, li Orlen, wara l-akkwist ta’ Lotos, la kellha l-kapaċità u lanqas l-inċentiv li ssegwi strateġija ta’ esklużjoni tal-aċċess għax-xama’ slack fis-suq tax-xama’ tal-paraffina.

87

Il-Kummissjoni, sostnuta minn Orlen, tqis li, ġustament, eskludiet l-eventwalità ta’ tali esklużjoni.

88

Kif indikat fil-punt 31 tal-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, Vol. 265, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Dwar Konċentrazzjonijiet Mhux Orizzontali”), l-esklużjoni mis-suq tal-input isseħħ meta, bħala riżultat tal-konċentrazzjoni, l-entità l-ġdida tista’ tirrestrinġi l-aċċess għall-prodotti jew għas-servizzi li hija kienet tkun tipprovdi li kieku l-konċentrazzjoni ma seħħitx. Skont il-punt 32 ta’ dawn il-Linji Gwida, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ xenarju ta’ esklużjoni antikompetittiva tas-suq tal-input, il-Kummissjoni teżamina, l-ewwel, jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollhiex, wara l-operazzjoni tal-konċentrazzjoni, il-kapaċità li teskludi l-aċċess tal-input b’mod sinjifikattiv, it-tieni, jekk hija jkollhiex l-inċentiv li tagħmel dan u, it-tielet, jekk strateġija ta’ esklużjoni jkollhiex effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream.

89

Għandu jiġi rrilevat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ esklużjoni tal-input (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 2004 tad-deċiżjoni kkontestata, li Orlen, wara l-konċentrazzjoni, ma kellhiex il-kapaċità li teskludi l-aċċess għax-xama’ slack peress li “iktar minn [60 sa 70 %] tas-suq [jibqa’] disponibbli bħala sors ta’ provvista ta’ xama’ slack”.

91

Kif tindika l-Kummissjoni fil-punt 35 tal-Linji Gwida Dwar Konċentrazzjonijiet Mhux Orizzontali, “[b]iex l-esklużjoni tad-dħul tkun raġuni ta’ tħassib, il-kumpanija integrata vertikalment li tirriżulta mill-amalgamazzjoni għandu jkollha livell sinjifikanti ta’ setgħa tas-suq fis-suq upstream” u “[h]uwa biss f’dawn iċ-ċirkostanzi li l-kumpanija amalgamata tista’ kollha influwenza sinjifikanti fuq il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq upstream u b’hekk, possibbilment, fuq prezzijiet u kondizzjonijiet tal-fornitura fis-suq downstream”.

92

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-punt 36 tal-Linji Gwida Dwar Konċentrazzjonijiet Mhux Orizzontali, li l-“entità amalgamata jkollha biss l-abbiltà li teskludi lill-kompetituri downstream fis-suq billi tnaqqas l-aċċess għall-prodotti tagħha stess fis-suq upstream, hija tista’ taffettwa b’mod negattiv id-disponibbiltà ġenerali tad-dħul għas-suq downstream f’termini ta’ prezz jew kwalità”, li “[d]an jista’ jkun il-każ fejn il-bqija tal-fornituri fis-suq upstream huma inqas effiċjenti, joffru alternattivi inqas preferuti, jew m’għandhomx l-abbiltà li jespandu l-produzzjoni b’reazzjoni għar-restrizzjoni fil-fornitura, per eżempju għaliex għandhom limiti ta’ kapaċità jew, b’mod aktar ġenerali, jiffaċċjaw ritorn għall-iskala dejjem inqas” u li, “[u]koll, il-preżenza tal-kuntratti esklussivi bejn l-entità amalgamata u fornituri indipendenti tad-dħul tista’ tillimita l-abbiltà tar-rivali downstream fis-suq li jkollhom aċċess xieraq għad-dħul”.

93

Ir-rikorrenti tibbaża l-kapaċità tal-entità l-ġdida li teskludi mis-suq fuq il-fatt li l-fornituri l-oħra tax-xama’ slack għandhom inqas għażla fil-qasam tal-prodotti, jistgħu jipprovdu biss kwantitajiet insuffiċjenti, għandhom prodotti ta’ kwalità inqas tajba, jikkostitwixxu sorsi aleatorji, minħabba diffikultajiet ta’ natura amministrattiva jew politika, jew jippreżentaw diffikultajiet loġistiċi kbar wisq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tipprovdi, bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, analiżi komparattiva tat-tipi ta’ xama’ slack li hija tuża skont il-fornituri tagħha (Lotos u oħrajn), li tenfasizza, essenzjalment, id-differenzi bejniethom.

94

Fl-ewwel lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 65 sa 69 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġustament inkludiet fid-definizzjoni tagħha tas-suq upstream ix-xama’ slack importata fil-Polonja.

95

Fit-tieni lok u konsegwentement, il-Kummissjoni kienet ukoll korretta meta kkonstatat, essenzjalment, fil-premessa 2004 tad-deċiżjoni kkontestata, li parti sostanzjali mill-offerta ta’ xama’ slack fis-suq ma kinitx ser tiġi affettwata mill-konċentrazzjoni.

96

Fit-tielet lok, minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ importazzjoni ta’ xama’ slack lejn il-Polonja kienet tirrendi improbabbli li, fi tmiem il-konċentrazzjoni, Orlen kellha l-kapaċità li teskludi l-aċċess għal dan is-suq, peress li r-rikorrenti tibqa’ f’pożizzjoni li ddur lejn sorsi ta’ provvista alternattivi fl-eventwalità fejn ix-xama’ slack kkontrollata minn Orlen ma tkunx iktar aċċessibbli għaliha, jew biss fi kwantitajiet inqas.

97

Fir-raba’ lok, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-differenzi fil-kwalità eżistenti bejn ix-xama’ slack importata u dik ipprovduta minn Lotos, id-diffikultajiet ta’ provvista u l-ispejjeż tat-trasport marbuta max-xama’ slack li toriġina minn sorsi oħra ma jippermettux li jintwera li l-entità l-ġdida li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun f’pożizzjoni li “taffettwa b’mod negattiv id-disponibbiltà ġenerali tad-dħul għas-suq downstream f’termini ta’ prezz jew kwalità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Linji Gwida Dwar Konċentrazzjonijiet Mhux Orizzontali.

98

L-ewwel, fir-rigward tal-argument imressaq dwar id-differenza fil-kwalità bejn ix-xama’ slack prodotta minn Lotos u x-xama’ slack importata, għandu jiġi rrilevat li din hija kunsiderazzjoni suġġettiva, speċifika għar-rikorrenti, li toriġina mill-fatt li hija kienet tifforma parti mill-grupp Lotos sal‑2012 u li timplika li l-proċess ta’ manifattura tagħha huwa bbażat fuq il-karatteristiċi tax-xama’ slack li ġejja mir-raffineriji ta’ Lotos. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni hija, sa ċertu punt, kontradetta mill-użu mir-rikorrenti, fil-passat, tax-xama’ slack importata.

99

It-tieni, fir-rigward tal-argument imressaq dwar id-diffikultajiet ta’ provvista u tal-ispejjeż ta’ trasport marbuta max-xama’ slack importata, anki jekk jitqiesu bħala pprovati, dawn għandhom madankollu jiġu kkwalifikati, peress li parti sostanzjali mix-xama’ slack ikkummerċjalizzata fis-suq Pollakk, qabel il-konċentrazzjoni, kienet diġà ġejja minn importazzjonijiet.

100

It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, fit‑13 ta’ Diċembru 2022 u fil‑5 ta’ Jannar 2023, dwar żieda fil-prezz u tnaqqis tas-sorsi ta’ provvista esterni għall-Polonja wara l-konċentrazzjoni, għar-raġunijiet esposti fil-punti 69 u 70 iktar ’il fuq, din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi mistħarrġa l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

101

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi ssodisfatta sabiex l-eżistenza ta’ esklużjoni mis-suq tal-input tiġi aċċettata ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ. Fid-dawl tan-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet, kif tfakkar fil-punt 89 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment.

102

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wettqet ukoll applikazzjoni korretta tat-tieni kundizzjoni meta qieset li ma kienx jeżisti inċentiv għall-entità l-ġdida li tirriżulta mill-konċentrazzjoni sabiex teskludi mis-suq tal-input.

103

Fil-premessa 2005 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq is-sehem żgħir ħafna tas-suq miżmum minn Orlen fis-suq tax-xama’ tal-paraffina u fuq l-intensità tal-kompetizzjoni eżistenti fl-imsemmi suq sabiex teskludi kull inċentiv, min-naħa tal-entità l-ġdida li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, ta’ adozzjoni ta’ strateġija ta’ esklużjoni mis-suq upstream tax-xama’ slack.

104

Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-punt 40 tal-Linji Gwida Dwar Konċentrazzjonijiet Mhux Orizzontali, “l-inċentiva ta’ l-esklużjoni [mis-suq tal-input] tiddependi fuq il-grad sa liem l-esklużjoni tista’ ġġib profitt”. Skont l-imsemmi paragrafu, “[i]l-kumpanija integrata vertikalment tqis kif il-fornituri tagħha ta’ dhul lill-kompetituri downstream jaffettwaw mhux biss il-qligħ tad-diviżjoni tagħha fis-suq upstream, iżda wkoll tad-diviżjoni tagħha downstream”. Fl-aħħar nett, fl-istess paragrafu huwa espost li “[l]-entità amalgamata tiffaċċja tpattija bejn il-qligħ mitluf fis-suq upstream minħabba tnaqqis ta’ bejgħ tad-dħul lil rivali (attwali jew potenzjali) u ż-żieda fil-qligħ, fit-terminu l-qasir jew itwal, minn żieda tal-bejgħ downstream jew, skond il-każ, li tkun tista’, żżid il-prezzijiet għall-konsumaturi”.

105

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li inċentiv sabiex tiġi segwita strateġija ta’ esklużjoni tax-xama’ slack jinsab fil-possibbiltà li jiżdiedu l-prezzijiet fis-suq tax-xama’ tal-paraffina.

106

Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 2000 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq tax-xama’ tal-paraffina bħala li jkopri ż-ŻEE kollha, li, fil-premessa 2002 tal-imsemmija deċiżjoni, hija osservat li Orlen kellha bejn 5 u 10 % tas-sehem mis-suq u li, fil-premessa 2005 ta’ din id-deċiżjoni, hija rrilevat li l-kompetizzjoni kienet intensa hemmhekk. Dawn l-evalwazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

107

Issa, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi tas-suq downstream, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis, fil-premessa 2005 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx jeżisti inċentiv għall-entità l-ġdida sabiex tirrestrinġi l-aċċess għax-xama’ slack.

108

Fil-fatt, minn naħa, l-effetti ta’ esklużjoni jistgħu jaffettwaw biss parti żgħira tal-kompetizzjoni fis-suq downstream u għalhekk ma jippreżentawx vantaġġ għall-entità l-ġdida. Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni timplika telf ta’ dħul fis-suq upstream tax-xama’ slack.

109

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti, esposta fit‑13 ta’ Diċembru 2022 u fil‑5 ta’ Jannar 2023, li tipprovdi li l-biża’ li hija kienet esponiet ta’ esklużjoni mis-suq tax-xama’ slack timmaterjalizza, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 69, 70 u 100 iktar ’il fuq, din għandha titqies li hija, fi kwalunkwe każ, irrilevanti fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

110

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li dan il-motiv, meħud fid-diversi partijiet u lmenti tiegħu, jiġi miċħud.

2.   Fuq it‑tieni motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

111

Ir-rikorrenti tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-swieq rilevanti. Hija tqis li dan il-motiv huwa ammissibbli, anki jekk jiġi ppreżentat fl-istadju tar-replika, peress li l-imsemmija deċiżjoni kienet għadha ma ġietx ippubblikata fid-data tal-preżentata tar-rikors.

112

Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli, peress li l-invokazzjoni tiegħu fl-istadju tar-replika tmur kontra l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura u li n-natura tardiva tiegħu tirriżulta mill-għażla tar-rikorrenti li tippreżenta r-rikors qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li l-imsemmija deċiżjoni hija mmotivata suffiċjentement skont il-liġi.

113

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-insuffiċjenza jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ att għandhom jitqajmu ex officio mill-Qorti Ġenerali. Il-fatt li argument f’dan is-sens jitressaq fi stadju tardiv tal-proċedura mir-rikorrent ma jistax ibiddel, fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni.

114

Skont l-Artikolu 296 TFUE, l-atti ġuridiċi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati.

115

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66, u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

116

Fl-ewwel lok, mill-eżami u miċ-ċaħda tal-ewwel motiv jirriżulta neċessarjament li r-raġunament tal-Kummissjoni li jinsab fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata ppermetta lir-rikorrenti tiddefendi b’mod effettiv id-drittijiet tagħha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

117

Fit-tieni lok, din il-konklużjoni tapplika b’mod partikolari fir-rigward ta’ dak li jidher li huwa l-kritika prinċipali tar-rikorrenti, jiġifieri allegata insuffiċjenza ta’ spjegazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex ma tipprivileġġax definizzjoni tas-suq upstream limitata biss għax-xama’ slack prodotta u kkummerċjalizzata fil-Polonja.

118

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni mill-Kummissjoni tax-xama’ slack kollha kkummerċjalizzata fil-Polonja fid-definizzjoni tagħha tas-suq tikkostitwixxi sempliċi applikazzjoni tal-kriterji li jinsabu fil-Komunikazzjoni Dwar id-Definizzjoni tas-Suq Rilevanti, li tagħmel parti mill-kuntest ġuridiku li fih taqa’ d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem il-motivi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, mingħajr obbligu għall-Kummissjoni li tipprovdi motivazzjoni iktar espliċita f’dan ir-rigward.

119

Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, fl-eventwalità stess li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq upstream, din ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

120

Minn naħa, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà ta’ esklużjoni mis-suq tal-input, li tfakkar fil-punt 88 iktar ’il fuq, kull wieħed mill-motivi li jinsabu fil-premessi 2004 u 2005 tad-deċiżjoni kkontestata kien ta’ natura li jiġġustifika l-konklużjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-eventwalità li l-konċentrazzjoni twassal għal esklużjoni tal-aċċess għax-xama’ slack.

121

Min-naħa l-oħra, insuffiċjenza fil-motivazzjoni tad-definizzjoni tas-suq upstream taffettwa biss il-motiv ibbażat fuq assenza ta’ kapaċità tal-entità l-ġdida li twettaq esklużjoni mis-suq, li jinsab fil-premessa 2004 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ma taffettwax il-motiv ibbażat fuq il-fatt li din l-entità l-ġdida ma għandhiex inċentiv f’dan is-sens, li jinsab fil-premessa 2005 tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, dan jinkludi esklużivament evalwazzjonijiet dwar id-dimensjoni ġeografika tas-suq downstream tax-xama’ tal-paraffina u tal-intensità tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

122

Għaldaqstant, it-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-talba tar-rikorrenti, imressqa waqt is-seduta, intiża, essenzjalment, sabiex fil-każ li t-talba għal perizja ma tintlaqax, il-Qorti Ġenerali tikseb mill-Kummissjoni l-elementi li abbażi tagħhom hija stabbilixxiet il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

IV. Fuq l‑ispejjeż

123

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti f’dan is-sens.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Polwax S.A. hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Schalin

Frimodt Nielsen

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ġunju 2023.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top