EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0522

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat-8 ta’ Frar 2023.
Carpatair SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Miżuri implimentati mir-Rumanija favur l-ajruport ta’ Timișoara – Miżuri implementati mill-ajruport ta’ Timișoara favur Wizz Air u l-kumpanniji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport – Deċiżjoni li tikkonstata, parzjalment, l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat favur l-ajruport ta’ Timișoara u l-kumpanniji tal-ajru li jużaw dan tal-aħħar – Tariffi tal-ajruport – Rikors għal annullament – Att regolatorju – Inċidenza individwali – Inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva – Inċidenza diretta – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Artikolu 107(1) TFUE – Natura selettiva – Vantaġġ – Kriterju ta’ operatur privat.
Kawża T-522/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:51

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

8 ta’ Frar 2023 ( *1 )

[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑13/07/2023]

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Miżuri implimentati mir-Rumanija favur l-ajruport ta’ Timișoara – Miżuri implementati mill-ajruport ta’ Timișoara favur Wizz Air u l-kumpanniji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport – Deċiżjoni li tikkonstata, parzjalment, l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat favur l-ajruport ta’ Timișoara u l-kumpanniji tal-ajru li jużaw dan tal-aħħar – Tariffi tal-ajruport – Rikors għal annullament – Att regolatorju – Inċidenza individwali – Inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva – Inċidenza diretta – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Artikolu 107(1) TFUE – Natura selettiva – Vantaġġ – Kriterju ta’ operatur privat”

Fil-Kawża T‑522/20,

Carpatair SA, stabbilita f’Timişoara (ir-Rumanija), irrappreżentata minn J. Rivas Andrés u A. Manzaneque Valverde, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat u C. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn E. Vahida, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

u minn

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Lulju 2023] Societatea Națională “Aeroportul Internaţional TimişoaraTraian Vuia” SA (AITTV), stabbilita fi Ghiroda (ir-Rumanija), irrappreżentata minn V. Power u R. Hourihan, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen, M. Jaeger, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä (relatur), imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2022,

tagħti din is-

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Carpatair SA, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1428 tal‑24 ta’ Frar 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 31662 – C/2011 (ex NN/2011) implimentata mir-Rumanija għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Timișoara – Wizz Air (ĠU 2021, L 308, p. 1; rettifika ĠU 2021, L 327, 16.9.2021, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn hija tikkonkludi li ċerti miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Lulju 2023] L-Ajruport Internazzjonali ta’ Timișoara (iktar ’il quddiem l-“ajruport”) jinsab fil-punent tar-Rumanija, 50 kilometru (km) mill-Ajruport ta’ Arad (ir-Rumanija), li t-traffiku tiegħu huwa limitat ħafna. L-ajruport huwa operat mit-tieni intervenjenti, Societatea Națională “Aeroportul Internaţional Timişoara – Traian Vuia” SA (AITTV), li hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li fiha l-Istat Rumen għandu 80 % tal-azzjonijiet.

3

Ir-rikorrenti, Carpatair SA, hija kumpanniji tal-ajru reġjonali Rumena. Fl‑2000, stabbilixxiet il-hub tagħha fl-ajruport, minn fejn operat network hub-and-spoke. Bejn l‑2007 u l‑2009, l-attività tal-ajruport kienet iċċentrata fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti, li pprovdiet servizzi komprensivi u serviet madwar 32 destinazzjoni nazzjonali u Ewropea.

4

B’antiċipazzjoni taż-żieda fit-traffiku mistennija li kellha tirriżulta mill-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea fl‑2007, u sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni fiż-żona Schengen f’termini ta’ sigurtà, AITTV irċeviet finanzjament mill-Istat Rumen għall-bini ta’ terminal għal titjiriet mhux fix-Schengen u għat-tagħmir tas-sigurtà.

5

Barra minn hekk, bħala parti minn strateġija biex jiġu attirati kumpanniji tal-ajru low-cost u tiżdied il-profittabbiltà ġenerali tal-ajruport, AITTV iffirmat fl-2008 mal-ewwel intervenjent, Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) (iktar ’il quddiem “Wizz Air”), kumpannija tal-ajru low-cost Ungeriża, ftehimiet li jiddefinixxu l-prinċipji tal-kooperazzjoni tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura u s-servizzi tal-ajruport minn Wizz Air (iktar ’il quddiem il-“Ftehimiet tal‑2008”). Tnejn minn dawn il-ftehimiet ġew emendati fil‑25 ta’ Ġunju 2010 permezz ta’ skema ġdida ta’ roħs miftiehma bejn Wizz Air u AITTV, li kopriet il-perijodu sas‑6 ta’ Frar 2011 (iktar ’il quddiem il-“Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010”). Wizz Air bdiet topera titjiriet mill-ajruport f’Ottubru tal‑2008.

6

Fit‑30 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali mogħtija mill-awtoritajiet Rumeni lill-ajruport favur Wizz Air.

7

Fl‑24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”) dwar il-finanzjament annwali tal-operazzjoni mogħti lil AITTV fl-2007, fl-2008 u fl-2009, l-iskontijiet u r-roħs fuq it-tariffi tal-ajruport mogħtija skont il-Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika (iktar ’il quddiem il-“PIA”) tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010, il-Ftehimiet tal-2008 kif ukoll in-nuqqas ta’ ġbir tat-tariffi tal-ajruport iffatturati lil Wizz Air bejn Ottubru 2009 u Frar 2010. Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑13 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, C 270, p. 11), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar din il-miżura.

8

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni indikat preliminarjament li ma setgħetx teskludi li l-iskontijiet u r-roħs previsti mill-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010 kif ukoll il-Ftehimiet tal‑2008 jinvolvu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

9

L-awtoritajiet Rumeni, kif ukoll il-partijiet interessati, fosthom AITTV, ir-rikorrenti u Wizz Air, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Rumeni, li setgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwarhom.

10

Permezz ta’ ittri mibgħuta bejn l‑2011 u l‑2018, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Rumeni, li kkonformaw ma’ dawn it-talbiet.

11

Permezz ta’ ittri mibgħuta bejn l‑2011 u l‑2018, ir-rikorrenti pprovdiet informazzjoni addizzjonali.

12

Permezz ta’ ittri mibgħuta fl‑2011 u fl‑2016, AITTV ippreżentat informazzjoni addizzjonali.

13

Fl‑14 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Rumeni u lill-partijiet interessati bl-adozzjoni tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal‑2014”) u stednithom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mir-rikorrenti, Wizz Air u AITTV.

14

Fil‑11 ta’ Frar u fit‑3 ta’ Lulju 2015, Wizz Air ipprovdiet informazzjoni addizzjonali.

15

Mill‑2014, ir-rikorrenti waqfet mill-operazzjonijiet tagħha fl-ajruport u kienet suġġetta għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja. Il-bażi ewlenija tal-operazzjonijiet tagħha issa tinsab fl-ajruport ta’ Arad, li minnu toffri b’mod partikolari titjiriet charter. Ma għadhiex toffri titjiriet skedati.

16

Fl‑24 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

Id‑deċiżjoni kkontestata

17

Fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward, l-ewwel, tal-finanzjament annwali mogħti lil AITTV mill‑2007 sal‑2009 (ara l-premessi 38, 39 u 171 sa 235 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, it-tariffi tal-ajruporti ppubblikati fil-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010 (ara l-premessi 40 sa 49 u 267 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tielet, il-Ftehimiet tal‑2008 u l-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010 (iktar ’il quddiem it-“tielet miżura”) (ara l-premessi 50 sa 76 u 300 sa 440 tad-deċiżjoni kkontestata) u, ir-raba’, it-tariffi tal-ajruport li ma jinġabrux iffatturati lil Wizz Air bejn Ottubru 2009 u Frar 2010 (ara l-premessi 77, 78 u 441 sa 443 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, wara li kkunsidrat li parti mill-finanzjament mogħti lil AITTV kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern (ara l-premessi 236 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata).

18

Fir-rigward tal-imposti tal-ajruport stabbiliti fil-PIA tal‑2007, tal-2008 u tal‑2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rata bażi, l-iskontijiet u r-roħs fuq dawn l-imposti previsti f’dawn il-PIA ma kinux selettivi, peress li kienu applikabbli b’mod mhux diskriminatorju. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

19

Fir-rigward tat-tielet miżura, il-Kummissjoni nnotat li din kellha tirriżulta f’redditu inkrementali għal AITTV. Għalhekk, qieset li operatur privat prudenti f’ekonomija tas-suq kien jidħol fi ftehimiet bħal dawn. Barra minn hekk, din il-miżura kienet parti minn strateġija ġenerali u sforz fit-tul sabiex tiġi promossa l-profittabbiltà ġenerali tal-ajruport. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li dawn il-ftehimiet ma kinux taw lil Wizz Air vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq u li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

20

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-finanzjament pubbliku li r-Rumanija pprovdiet fil-perjodu 2007-2009 lill-[AIITV] għall-iżvilupp tat-terminal mhux ta’ Schengen, it-titjib tat-taxiway u l-estensjoni tar-rampa u t-tagħmir tad-dawl li jammontaw għal [29194600 leu Rumen (RON)] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-[TFUE]. Dan ġie implimentat bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-[TFUE].

2.   L-għanjuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-[TFUE].

Artikolu 2

Il-finanzjament pubbliku tat-triq ta’ aċċess u l-iżvilupp taż-żona tal-parkeġġ fl‑2007 u għat-tagħmir tas-sigurtà fl‑2008, l-imposti tal-ajruport [fil-PIA] tal‑2007, [il-PIA] tal‑2008 u [l-PIA] tal‑2010 u l-Ftehimiet tal‑2008 ma’ Wizz Air (inklużi l-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010) ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE].

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.”

It‑talbiet tal‑partijiet

21

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ma tikkonkludix li l-PIA tal‑2010 (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura”) u t-tielet miżura (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “il-miżuri kkontestati”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern mogħtija lil Wizz Air;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fid‑dritt

Fuq l‑ammissibbiltà

23

Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, sostnuta minn AITTV, tisħaq li r-rikors huwa inammissibbli minħabba, minn naħa, li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi biex tippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li ma għandhiex interess reali u attwali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

24

Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

Fuq l‑interess ġuridiku

25

Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma għandha l-ebda interess attwali u dirett fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-miżuri kontenzjużi ma għandhom ebda effett negattiv fuq is-servizzi attwali tat-trasport bl-ajru tar-rikorrenti, li huma ta’ natura differenti minn dik tas-servizzi pprovduti minn Wizz Air matul is-snin koperti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni (u anki issa). Fir-rigward tal-allegata intenzjoni tar-rikorrenti li terġa’ tibda l-attivitajiet tagħha fl-ajruport, minbarra l-fatt li ma hija sostnuta minn ebda prova, din ma hijiex tali li turi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku.

26

Barra minn hekk, dan ir-rikors ma jistax jibbenefika direttament lir-rikorrenti. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-eżitu favorevoli ta’ dan ir-rikors ma jkollu ebda effett la fuq ir-rikors għad-danni u lanqas fuq ir-rikors għall-irkupru ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-qrati Rumeni. Kieku l-qrati tal-Unjoni kellhom jannullaw id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi, il-Kummissjoni jkollha teżamina mill-ġdid dawn il-miżuri u b’mod partikolari l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. Peress li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna, l-ebda qorti nazzjonali ma tista’ b’mod indipendenti tikkonkludi li miżura hija inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tal-għajnuna.

27

Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara l-att ikkontestat annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors jista’ għalhekk, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lil-parti li ppreżentatu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, l-interess li jiġi ppreżentat rikors għal annullament għandu jkun reali u attwali u jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għandu jitfakkar ukoll li, bħala prinċipju, parti żżomm l-interess tagħha li tippreżenta rikors għal annullament meta dan tal-aħħar jista’ jifforma l-bażi ta’ eventwali rikors għad-danni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Il-possibbiltà ta’ rikors għad-danni hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit tali interess ġuridiku, sakemm dan ma jkunx ipotetiku (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 43 u ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, l-interess ġuridiku jista’ jirriżulta minn kwalunkwe azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-eventwali annullament tal-att ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ jikseb vantaġġ għar-rikorrent (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-interess ġuridiku quddiemha, li tevalwa l-probabbiltà tal-fondatezza ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qrati nazzjonali skont id-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, li tieħu post dawn il-qrati tal-aħħar għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa meħtieġ, iżda huwa suffiċjenti, li, bl-eżitu tiegħu, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun jista’ jikseb benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu. (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, fit‑28 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għad-danni quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), kontra AITTV, l-awtoritajiet Rumeni u Wizz Air, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil Wizz Air permezz, b’mod partikolari, tal-miżuri kontenzjużi. Dan ir-rikors ta lok għal deċiżjonijiet mit-Tribunalul București (l-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) kif ukoll tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija). L-appell ippreżentat mir-rikorrenti mid-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar jinsab pendenti quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija).

34

Barra minn hekk, wara s-sentenza tat-Tribunalul Timiș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Timiș, ir-Rumanija) tat‑30 ta’ Awwissu 2011, li kkonkludiet li r-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura kien għajnuna mill-Istat illegali u kkonfermata mill-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești, ir-Rumanija) fl‑14 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni fl‑2015. Dan ir-rikors bħalissa jinsab pendenti quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), li ddeċidiet, fil‑21 ta’ Diċembru 2020, li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata sentenza finali fil-kawża preżenti.

35

B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jinfluwenza l-eżitu tal-kawża pendenti quddiem il-qrati Rumeni.

36

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni ilment imressaq mir-rikorrenti, il-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar, fl‑1 ta’ Lulju 2020, bl-intenzjoni tagħha li ma tiftaħx proċedura ta’ investigazzjoni formali f’din it-tieni kawża, għar-raġuni li l-miżuri inkwistjoni huma analogi ma’ dawk eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li l-eżami preliminari, mill-Kummissjoni, ta’ dan it-tieni ilment għadu għaddej.

37

Għaldaqstant, l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jwassal għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest ta’ din it-tieni kawża, li matulha r-rikorrenti jkollha, bħala prinċipju, il-possibbiltà li teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha billi tagħmel osservazzjonijiet.

38

Għaldaqstant, ir-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata kien jista’ jġibilha benefiċċju. Għalhekk hija għandha interess ġuridiku sabiex tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni msemmija.

Fuq il‑locus standi

39

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

40

L-ewwel, ir-rikorrenti waqfet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport mill‑2013, bil-bażi ewlenija tal-operazzjonijiet tagħha issa tinsab fl-ajruport ta’ Arad. Bidlet ukoll il-mudell tan-negozju tagħha u issa toffri titjiriet charter. Ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda informazzjoni speċifika dwar ir-relazzjoni kompetittiva li kellha ma’ Wizz Air meta ġie ppreżentat ir-rikors.

41

It-tieni, fiż-żmien tal-fatti, ir-rikorrenti kienet biss waħda mill-ħafna kompetituri ta’ Wizz Air fl-ajruport u kienet f’kompetizzjoni diretta magħha biss għal numru limitat ħafna ta’ destinazzjonijiet. Żewġ kumpanniji tal-ajru oħra, Blue Air u Malev, kienu wkoll f’kompetizzjoni diretta ma’ Wizz Air fis-suq tat-titjiriet skedati tal-passiġġieri lejn u mill-ajruport.

42

It-tielet, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar id-daqs tas-swieq inkwistjoni, u lanqas dwar il-partijiet mis-suq tagħha stess, dawk ta’ Wizz Air u dawk ta’ kompetituri potenzjali oħra f’dawn is-swieq, u lanqas dwar l-iżvilupp ta’ dawn il-partijiet mis-suq wara l-għoti tal-miżuri kontenzjużi. Hija ma pproduċiet l-ebda prova li turi li t-tnaqqis fl-attività tagħha fuq ċerti rotot, id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u r-rilokazzjoni tal-attivitajiet tagħha fl‑2013 jew il-parti mis-suq allegatament akkwistat minn Wizz Air fis-swieq inkwistjoni kienu l-konsegwenza tal-miżuri kontenzjużi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti la pprovdiet ir-rapport tal-amministratur ġudizzjarju u lanqas id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li hija ssemmi. Barra minn hekk, fatturi oħra, inkluż l-użu ta’ inġenji tal-ajru ta’ kapaċità baxxa, l-użu ta’ mudell operattiv ta’ netwerk hub-and-spoke u l-kriżi finanzjarja, jistgħu jispjegaw id-diffikultajiet finanzjarji tagħha.

43

Wizz Air issostni wkoll li d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom ir-rikorrenti ma kinux ikkawżati mill-allegata għajnuna li ngħatatilha, iżda mill-fatt li sar obsolet il-mudell ta’ attività tar-rikorrenti matul is-snin li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni, liema fatt li sar obsolet enfasizzat mill-amministratur ġudizzjarju fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess ibbenefikat minn vantaġġi fl-ajruport taħt it-tieni miżura, b’tali mod li rabta kawżali bejn l-allegata għajnuna mogħtija lil Wizz Air u d-deterjorament tal-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti, li allegatament ma rċeviet l-ebda vantaġġ, ma setgħetx tiġi stabbilita.

44

Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tan-natura tal-miżuri kontenzjużi, li dawn tal-aħħar għandhom jiġu eżaminati separatament, inkluż fir-rigward tal-ammissibbiltà. Bl-istess mod, Wizz Air ssostni, fit-tweġibiet tagħha għall-istess mistoqsijiet, li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għat-tielet miżura hija miżura individwali, filwaqt li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għat-tieni miżura hija att regolatorju. Konsegwentement, għandu jiġi evalwat l-interess ġuridiku sabiex titressaq kawża kontra din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE dwar l-atti regolatorji.

45

F’dan ir-rigward, madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk, fir-rigward tat-tieni miżura, kellu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni, ir-rikorrenti xorta waħda kellha tkun kkonċernata direttament minn dik il-miżura, li ma huwiex il-każ. Bl-istess mod, Wizz Air ssostni li l-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għat-tieni miżura tippreżupponi li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata, li ma huwiex il-każ, peress li t-tieni miżura ma kinitx tkun applikabbli għal Wizz Air. It-tariffi tal-ajruport applikabbli għal Wizz Air fil-fatt kienu rregolati mit-tielet miżura.

46

Fit-tweġibiet tagħha għall-istess mistoqsijiet, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608), li din is-sentenza hija rilevanti biss fir-rigward tat-tielet miżura. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll Wizz Air jargumentaw li l-kontribuzzjoni ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-kunċett ta’ definizzjoni tas-suq hija irrilevanti f’dan il-każ u ma tippermettix li jiġi konkluż li r-rikors huwa ammissibbli, peress li rabta kawżali bejn l-għajnuna allegata u l-effett fuq il-pożizzjoni tas-suq tar-rikorrenti hija, fi kwalunkwe każ, meħtieġa. Issa, f’dan il-każ, tali rabta kawżali hija assenti. Pereżempju, skont il-Kummissjoni, l-abbandun mir-rikorrenti tar-rotta Timișoara-Frankfurt (il-Ġermanja) kien dovut għall-assenza ta’ slots disponibbli fl-ajruport ta’ Frankfurt, u mhux għat-tielet miżura.

47

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex id-destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 5991, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 31).

– Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar in‑natura tal‑miżuri kontenzjużi

48

L-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” bħala li tkopri “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

49

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-għan tagħha huwa li tawtorizza jew tipprojbixxi “skema ta’ għajnuna” hija ta’ portata ġenerali u għalhekk tista’ tiġi kklassifikata bħala “att regolatorju”, fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑594/19 P, EU:C:2022:40, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, mill-punt 21 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors jikkonċerna l-miżuri kontenzjużi.

51

Fir-rigward tat-tieni miżura, skont il-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema tat-tariffi tal-ajruport prevista fiha kienet applikabbli għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport. Dawn ma humiex imsemmija fit-tieni miżura.

52

Minn dan isegwi li l-iskema tat-tariffi tal-ajruport prevista fit-tieni miżura kienet tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u pproduċiet effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, b’tali mod li, jekk wieħed jassumi li din l-iskema tinvolvi għajnuna mill-Istat, din tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Konsegwentement, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għat-tieni miżura hija ta’ portata ġenerali u għalhekk tista’ tiġi kklassifikata bħala att regolatorju fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

53

Min-naħa l-oħra, il-ftehimiet li jikkostitwixxu t-tielet miżura, ukoll imsemmija fir-rikors, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew innegozjati individwalment u applikati biss għaż-żewġ partijiet kontraenti. Għalhekk, għandhom jitqiesu bħala miżuri individwali. Billi l-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għal dawn il-ftehimiet ma jikkostitwixxux att regolatorju skont it-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li ma hijiex att ta’ portata ġenerali, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

– Fuq l‑inċidenza individwali tar‑rikorrenti fir-rigward tat‑tielet miżura

54

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 33).

55

Jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-għajnuna meħuda abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew, bħal f’dan il-każ, wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li dan jista’ jiġi kkunsidrata bħala “persuna interessata”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jitqies ammissibbli. Imbagħad għandu juri li għandu status speċjali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ fejn il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ikkonċernat tkun sostanzjalment effettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37).

56

Il-fatt li r-rikorrent wera li hemm preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni tagħha fis-suq ma timplikax deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjoni kompetittiva bejn dan il-parti u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss min-naħa ta’ din il-parti li tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tippreġudika lill-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 28, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 57).

57

Il-preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq inkwistjoni ma jirriżultax minn analiżi fil-fond tad-diversi relazzjonijiet kompetittivi f’dan is-suq, li jippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni twassal sabiex jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 58).

58

Minn dan isegwi li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta sakemm ir-rikorrent jipproduċi provi sabiex juri li l-miżura inkwistjoni tista’ tkun ta’ preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 38, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 59).

59

Il-wiri ta’ preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma jistax ikun limitat għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarja tar-rikorrenti, bħal tnaqqis sinjifikattiv fid-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju sinjifikattiv jew anki tnaqqis kunsiderevoli fil-parti mis-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ wkoll jippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva ta’ operatur b’modi oħra, b’mod partikolari billi jikkawża telf ta’ qligħ jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing,C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punti 3435, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 61).

60

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-elementi prodotti mir-rikorrenti sabiex jintwera li hija affettwata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, li t-tielet miżura tista’ tkun ta’ preġudizzju sostanzjali lill-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti.

61

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti kellha rwol attiv fl-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva. Hija ressqet ilment lill-Kummissjoni u ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet.

62

Madankollu, għandu jiġi osservat li mis-sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva tar-rikorrent ma jistax jiġi dedott li huwa individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 60, u digriet tas‑26 ta’ Settembru 2016, Greenpeace Energy et vs Il‑Kummissjoni, T‑382/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:589, punt 39), anki jekk, bħal f’dan il-każ, kellu rwol importanti f’din il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari billi ressaq l-ilment li oriġina d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 9495).

63

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti pproduċiet elementi dwar is-swieq li fihom hija kellha relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ Wizz Air u li fihom hija ġiet affettwata b’mod sostanzjali. B’hekk, ir-rikorrenti u Wizz Air it-tnejn operaw titjiriet mill-ajruport bejn Ottubru 2008, id-data meta Wizz Air stabbbilixxiet ruħha fl-ajruport, u Jannar 2014, id-data li fiha r-rikorrenti waqfet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport.

64

B’mod iktar speċifiku, meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-ftuħ fl‑2011, ir-rikorrenti u Wizz Air kienu f’kompetizzjoni fuq ħames rotot lejn jew mill-ajruport, jiġifieri, fir-rigward tal-Ġermanja, ir-rotta li sservi Düsseldorf (bir-rikorrenti sservi Düsseldorf u b’Wizz Air isservi Dortmund, li jinsabu 70 km minn xulxin bit-triq) u, fir-rigward tal-Italja, ir-rotot li jservu Venezia (bir-rikorrenti sservi Venezia u Wizz Air sservi Treviso, li jinsabu 41 km minn xulxin bit-triq), Bergamo-Milano, Bologna (bir-rikorrenti sservi Bologna u b’Wizz Air sservi Forlì, li jinsabu 73 km minn xulxin bit-triq) u Ruma.

65

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet b’hekk iddefinixxiet is-suq tal-prodotti rilevanti bħala l-par ta’ bliet fit-trasport bl-ajru u b’mod impliċitu kkunsidrat bħala sostitwibbli ajruporti qrib bħal Düsseldorf u Dortmund jew Bologna u Forlì, skont il-prattika tagħha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni. Skont din id-definizzjoni tas-suq, ir-rikorrenti u Wizz Air kienu għalhekk f’kompetizzjoni fil-ħames swieq li ġejjin: Düsseldorf/Timișoara, Venezia/Timișoara, Bergamo-Milano/Timișoara, Bologna/Timișoara u Ruma/Timișoara.

66

Ir-rikorrenti tqis ukoll li hija kienet f’kompetizzjoni indiretta ma’ Wizz Air fuq ħames rotot addizzjonali, iddefiniti minn żona ta’ klijentela ta’ 200 km. Fil-fatt tissuġġerixxi li, billi sservi Dortmund, Venezia, Bergamo-Milano u Forlì, Wizz Air kienet qed tikkompeti wkoll mal-konnessjonijiet li kienet tipprovdi min-naħa tagħha ma’ Frankfurt (il-Ġermanja) (li tinsab 222 km minn Dortmund bit-triq), Verona (l-Italja) (li tinsab 121 km minn Venezia bit-triq), Torino (l-Italja) (li tinsab 185 km minn Bergamo bit-triq), Firenze (l-Italja) (li tinsab 109 km minn Forlì bit-triq) u Ancona (l-Italja) (li tinsab 166 km minn Forlì bit-triq).

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, dwar il-bliet ta’ Dortmund u Frankfurt, li dawn jinsabu iktar minn 200 km ’il bogħod bit-triq, b’tali mod li, anki jekk wieħed jassumi li tapplika d-definizzjoni tas-suq tar-rikorrenti dawn ma jikkonċernawx, fi kwalunkwe każ, l-istess suq.

68

Fir-rigward tal-erba’ rotot l-oħra, ir-rikorrenti ma tispjegax għalfejn iż-żona ta’ klijentela rilevanti f’dan il-każ (200 km) hija kunsiderevolment ikbar minn dik użata tradizzjonalment mill-Kummissjoni fil-prattika deċiżjonali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (100 km). Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess serviet kemm Torino u Bergamo, Bergamo u Verona, Verona u Venezia kif ukoll Bologna u Firenze, jiġifieri pari ta’ bliet li jinsabu fl-istess żona ta’ klijentela ta’ 200 km, minkejja li hija ssostni li dawn id-destinazzjonijiet kienu ssostitwibbli. Din iċ-ċirkustanza tista’ tpoġġi f’dubju r-rilevanza tal-allegata “kompetizzjoni indiretta” eżistenti bejn ir-rikorrenti u Wizz Air għal dawn il-pari.

69

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti u Wizz Air kienu f’kompetizzjoni fuq ħames rotot (speċifikati fil-punt 65 iktar ’il fuq) lejn jew mill-ajruport, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li Wizz Air kienet tikkompeti magħha wkoll, indirettament, fuq ħames rottot addizzjonali (speċifikati fil-punt 66 iktar ’il fuq).

70

Fit-tielet lok, hemm elementi juru li turi l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq. F’osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Kummissjoni fis‑7 ta’ Ġunju u fit‑8 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ddikjarat li hija sofriet telf ta’ iktar minn disa’ miljun euro fl‑2010 u li rrevediet il-mudell kummerċjali tagħha sabiex timminimizza t-telf operattiv tagħha. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonstatat li, bejn l‑2008 u l‑2010, in-numru ta’ passiġġieri, il-profitabbiltajiet u d-dħul tar-rikorrenti fuq il-ħames rotot f’kompetizzjoni ma’ Wizz Air naqsu b’mod konsiderevoli. Mill‑2014, ir-rikorrenti waqfet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport u kienet is-suġġett ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

71

Fir-raba’ lok, mill-elementi pprovduti mir-rikorrenti jirriżulta li din tal-aħħar kellha status speċjali, li ddistingwietha mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti fl-ajruport, billi l-attività ta’ din tal-aħħar kienet iċċentrata fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti, li kienet, fl‑2008, l-operatur ewlieni f’termini ta’ traffiku. Matul din is-sena, ir-rikorrenti tgħid li ġġenerat 38 % tad-dħul ta’ AITTV. Għall-kuntrarju, bejn l‑2000 u l‑2013, iktar minn 90 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti kien ġej mill-attivitajiet hub-and-spoke tagħha fl-ajruport.

72

Ir-rikorrenti kellha wkoll status partikolari peress li kienet l-unika kumpannija li kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ Wizz Air fuq ħames rotot. Fil-fatt, żewġ kumpanniji tal-ajru oħra biss li joperaw fl-ajruport, Blue Air u Malev, kienu jiffaċċjaw kompetizzjoni diretta minn Wizz Air. Skont ir-rikorrenti, din il-kompetizzjoni kienet limitata għal destinazzjoni waħda għal kull waħda minnhom, rispettivament Ruma u Budapest (l-Ungerija).

73

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti stabbilixxiet li t-tielet miżura kienet waħda mill-kawżi ta’ preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

74

Mill-Anness A.7 tar-rikors jirriżulta li, bejn l‑2008 u l‑2010, ir-rendiment nett tar-rikorrenti naqas bin-nofs fuq il-ħames rotot f’kompetizzjoni diretta ma’ Wizz Air.

75

Fir-rigward tal-Ġermanja, mill-Anness A.7 tar-rikors jirriżulta li, bejn l‑2008 u l‑2010, ir-rendiment nett tar-rikorrenti fuq ir-rotta tagħha lejn Düsseldorf naqas b’57 %.

76

Fir-rigward tal-Italja, mill-Anness A.7 tar-rikors jirriżulta li, bejn l‑2008 u l‑2010, ir-rendiment nett tar-rikorrenti naqas bi 52 % fuq ir-rotot li hija kienet topera ma’ Venezia, Bergamo-Milano, Bologna u Ruma.

77

Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Kummissjoni fis‑7 ta’ Ġunju 2011 jirriżulta wkoll li din tal-aħħar tilmenta mhux biss li tilfet passiġġieri lil Wizz Air, iżda wkoll li ma setgħetx tieħu lura t-traffiku ta’ Alitalia u Alpi Eagles lejn it-Tramuntana tal-Italja wara t-tluq ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru mill-ajruport fl‑2008, għaliex tgħid li dan it-traffiku kien ttieħed minn Wizz Air.

78

L-elementi msemmija fil-punti 75 sa 77 iktar ’il fuq isostni mhux biss tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti, iżda wkoll telf ta’ profitt jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien ikun irreġistrat fl-assenza tat-tielet miżura fir-rigward tar-rotta li r-rikorrenti pprovdiet mal-Ġermanja u r-rotot pprovduti mal-Italja. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, dawn l-elementi tal-aħħar tista’ tkun biżżejjed sabiex turi preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq.

79

Ir-rikorrenti għalhekk ipproduċiet elementi dwar is-swieq li fihom hija kellha relazzjoni kompetittiva ma’ Wizz Air u li fuqhom il-pożizzjoni tagħha kienet sostanzjalment affettwata. Hija pprovdiet ukoll elementi li jsostnu l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq, kemm f’termini ta’ degradazzjoni fil-prestazzjonijiet tagħha jew telf ta’ qligħ, u n-natura partikolari tal-istatus tagħha fost il-kumpanniji tal-ajru li joperaw fl-ajruport. Fl-aħħar, hija stabbilixxiet li t-tielet miżura kienet waħda mill-kawżi tal-preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

80

L-elementi prodotti mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit li t-tielet miżura setgħet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-swieq ikkonċernati ma humiex ikkontestati mill-argument tal-Kummissjoni li, minn naħa, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar id-daqs tas-swieq inkwistjoni jew fuq il-partijiet mis-suq tagħha stess jew dawk ta’ Wizz Air, u lanqas ma pprovdiet evidenza li turi li t-tnaqqis fl-attività tagħha fuq ċerti rotot u d- degradazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha huma konsegwenza tal-miżuri kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, fatturi oħra, inkluż l-użu ta’ mudell hub-and-spoke kif ukoll il-kriżi finanzjarja, setgħu spjegaw id-diffikultajiet finanzjarji tagħha (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq jirriżulta li l-wiri mir-rikorrenti ta’ preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni tagħha fis-suq ma timplikax li tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn din il-parti u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss li l-imsemmija parti tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħet tagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti.

82

B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tistax tiġi rikjesta turi li d-diffikultajiet finanzjarji tagħha huma esklużivament dovuti għall-miżuri kontenzjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑894/16, EU:T:2019:508, punt 65).

83

F’dan il-każ, filwaqt li huwa plawżibbli li taħlita ta’ fatturi setgħet ikkontribwixxiet għad-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti, jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-elementi mressqa minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija stabbilixxiet biżżejjed li t-tielet miżura x’aktarx taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-swieq ikkonċernati.

84

Fl-aħħar, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti waqqfet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport mill‑2013, li hija bidlet il-mudell kummerċjali tagħha u li hija ma pprovdiet ebda informazzjoni speċifika dwar ir-relazzjoni kompetittiva li kellha ma’ Wizz Air fiż-żmien meta ġie ppreżentat ir-rikors (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-effett sostanzjali għandha ssir fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-żmien meta l-miżuri kontenzjużi ngħataw u setgħu jkollhom effett, kif fuq kollox irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta.

85

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet miżura setgħet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-swieq ikkonċernati.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti stabbilixxiet li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-tielet miżura.

– Fuq l‑inċidenza diretta tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi

87

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Fir-rigward speċifikament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi enfasizzat li dawn għandhom l-għan li jħarsu l-kompetizzjoni. B’hekk, f’dan il-qasam, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni żżomm kompletament l-effetti ta’ miżuri nazzjonali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent ikun sostna, fi lment indirizzat lil dik l-istituzzjoni, li ma kinux kompatibbli ma’ dan l-għan u li jqegħduh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata jippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 u ġurisprudenza ċċitata).

89

Sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta teħtieġ li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar indikax b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni aktarx li tpoġġih fi żvantaġġ kompetittiv u, għalhekk, tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 47).

90

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel miż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet twettaq attivitajiet simili għal dawk ta’ Wizz Air u kienet attiva fl-istess suq tas-servizzi u fl-istess suq ġeografiku bħal Wizz Air. Sa fejn Wizz Air kienet l-allegata benefiċjarja tal-miżuri kontenzjużi evalwati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ġġustifikat b’mod rilevanti li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża u li, għalhekk, din id-deċiżjoni affettwat direttament is-sitwazzjoni legali tagħha, b’mod partikolari d-dritt tagħha li ma tiġix suġġetta għal kompetizzjoni distorta f’dan is-suq mill-miżuri kontenzjużi.

91

Fir-rigward tat-tieni miż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tħalli l-effetti kemm tat-tieni kif ukoll tat-tielet miżura sħaħ, b’mod purament awtomatiku bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra.

92

Minn dan isegwi li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, kemm fir-rigward tat-tieni miżura kif ukoll tat-tielet miżura.

93

Ir-rikorrenti għalhekk għandha interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

94

Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑annessi

Fuq l‑ammissibbiltà tas‑siltiet mir‑rapport tal‑amministratur ġudizzjarju

95

Ir-rikorrenti pprovdiet siltiet mir-rapport tal-amministratur ġudizzjarju bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent ta’ AITTV.

96

AITTV issostni li, peress li r-rikorrenti pprovdiet biss siltiet minn dan ir-rapport, dawn ma jistgħux jintużaw. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll Wizz Air isostnu li dan id-dokument huwa inammissibbli u għandu jiġi sfilzat mill-proċess peress li, minn naħa, huwa redatt bir-Rumen, u mhux fil-lingwa tal-kawża, mingħajr ma hu akkumpanjat minn traduzzjoni u, min-naħa l-oħra, ġie ppreżentat tardivament.

97

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-offerti ta’ provi jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. F’dan il-każ, għalkemm ir-rapport tal-amministratur ġudizzjarju kien imsemmi fir-rikors, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni valida għaliex is-siltiet minn dan ir-rapport kienu ġew prodotti tardivament, bi tweġiba għan-nota ta’ intervent ta’ AITTV.

98

Għaldaqstant, is-siltiet mir-rapport tal-amministratur ġudizzjarju għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑Anness Q.2

99

Fl-Anness Q.2 tar-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Lulju 2022, ir-rikorrenti pprovdiet fatturi mibgħuta minn AITTV lil Wizz Air, b’dati bejn it‑30 ta’ Novembru 2010 u l‑31 ta’ Mejju 2011, li minnhom jirriżulta li r-roħs (minn 72 sa 85 %) li jirriżulta mill-punt 7.3 tat-tieni miżura japplika għat-taxxi kollha tal-ajruport, u mhux biss għat-taxxi tal-inżul.

100

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà ta’ dawn il-fatturi u talbet li dawn jiġu sfilzati mill-proċess, peress li, minn naħa, kienu fformulati bir-Rumen u, min-naħa l-oħra, kienu ġew ippreżentati tardivament. Il-Kummissjoni talbet li, fin-nuqqas ta’ dan, traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dawn il-fatturi tiddaħħal fil-proċess.

101

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 46(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull dokument prodott jew anness u redatt f’lingwa differenti minn dik tal-kawża għandu jkun akkumpanjat minn traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprevedi, madankollu, li fil-każ ta’ dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ siltiet. Barra minn hekk, mill-punt 99 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, meta d-dokumenti annessi ma’ att proċedurali ma jkunux akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, ir-reġistratur jitlob ir-regolarizzazzjoni tagħhom mill-parti kkonċernata, jekk din it-traduzzjoni tidher meħtieġa għall-iżvolġiment bla xkiel tal-kawża.

102

It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tad-dokumenti annessi għalhekk ma tikkostitwixxix rekwiżit li għandu jiġi ssodisfat sistematikament. Konsegwentement, assenza ta’ traduzzjoni ma tistax twassal awtomatikament għall-inammissibbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE,T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 35 sa 38; tad‑9 ta’ Ġunju 2021, HIM vs Il‑Kummissjoni, T‑235/19, EU:T:2021:343, punti 84 sa 89 (mhux ippubblikati), u tas-6 ta’ Ottubru 2021, Allergan Holdings France vs EUIPO – Dermavita Company (JUVEDERM), T‑397/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:653, punti 24 sa 26).

103

F’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta li l-fatturi inkwistjoni kienu diġà parti mill-proċess tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Min-naħa l-oħra, il-lingwa li biha huma redatti dawn il-fatturi tikkorrispondi ma’ dik li biha l-Kummissjoni kkomunikat mal-awtoritajiet Rumeni u mal-lingwa awtentika li fiha d-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata ġew redatti, jiġifieri r-Rumen. B’hekk, jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tifhem il-kontenut tal-fatturi inkwistjoni.

104

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti rregolarizzat spontanjament l-Anness Q.2, li tiegħu hija pprovdiet traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, filwaqt li rrilevat li tali traduzzjoni ma kinitx rikjesta, peress li l-valur probatorju tal-fatturi inkwistjoni kien fiċ-ċifri u l-perċentwali li kienu fihom kif ukoll f’termini li jinftiehmu faċilment.

105

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fatturi inkwistjoni, li japplikaw roħs għas-servizzi kollha pprovduti minn AITTV lil Wizz Air, ġew ipprovduti mir-rikorrenti sabiex turi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni kien is-suġġett ta’ waħda mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali lill-partijiet fid‑19 ta’ Lulju 2022, fuq il-bażi tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li jawtorizza lill-Qorti Ġenerali tagħmel mistoqsijiet lill-partijiet sabiex jintefa dawl fuq ċerti aspetti tat-tilwima.

106

L-Anness Q.2 għandu għalhekk jiġi aċċettat bħala ammissibbli u t-talba għall-isfilz imressqa mill-Kummissjoni dwar dan l-anness għandha tiġi miċħuda.

Fuq il‑mertu

107

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi li jirrigwarda l-assenza ta’ natura selettiva tat-tieni miżura. It-tieni motiv huwa bbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, bi żball ta’ liġi u b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn titlob, minħabba applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, li t-tielet miżura ma tatx vantaġġ bla bżonn lil Wizz Air. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tad-diskriminazzjoni fil-prezzijiet li allegatament seħħew bejn it-trasportaturi bl-ajru fl-ajruport permezz tal-miżuri kontenzjużi. Permezz tar-raba’ motiv tagħha, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-għajnuna mill-Istat li t-tielet miżura allegatament tat lil Wizz Air fil-forma ta’ roħs fit-tariffa tas-sigurtà.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar in‑natura selettiva tat‑tieni miżura

108

Peress li l-PIA tal-2007 u tal-2008 ippreċedew il-wasla ta’ Wizz Air, ir-rikorrenti tirreferi biss, bl-ewwel motiv tagħha, għat-tieni miżura.

109

Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis il-ġdid tat-tariffi tal-ajruport sa 85 %, previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura, huwa mfassal b’tali mod li jagħti vantaġġ selettiv lil Wizz Air, l-unika kumpannija tal-ajru fl-ajruport li tuża inġenji tal-ajru b’piż massimu għat-tlugħ (iktar ’il quddiem il-“MTOW”) ta’ iktar minn 70 tunnellata u li jġorru iktar minn 10000 passiġġier fix-xahar.

110

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li kumpanniji tal-ajru oħra bbenefikaw jew setgħu jibbenefikaw mir-roħs inkwistjoni u li t-tieni miżura kienet applikata għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-ajruport ma jeskludix li r-roħs previst fih kien imfassal sabiex jiffavorixxi lil Wizz Air b’mod selettiv, ħaġa li l-Kummissjoni naqset milli teżamina.

111

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji fl-analiżi, minn naħa, tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni miżura tagħmilx distinzjoni bejn impriżi f’sitwazzjonijiet paragunabbli u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk din id-distinzjoni setgħetx tkun iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet tas-sistema ta’ riferiment. Fil-fatt, ir-roħs introdott fil-punt 7.3 tat-tieni miżura jikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ riferiment li tiddiskrimina bejn il-kumpanniji tal-ajru li użaw l-ajruport, li kienu f’sitwazzjoni paragunabbli.

112

Barra minn hekk, l-ammont ta’ roħs (bejn 72 u 85 %) ma jkunx iġġustifikat ekonomikament, sa fejn ma jkun hemm ebda indikazzjoni li l-użu ta’ inġenju tal-ajru ikbar iwassal għal roħs ta’ iktar minn 70 % tal-ispejjeż tal-ajruport, kif il-Kummissjoni nnotat fil-premessa 164 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Barra minn hekk, fiż-żmien tal-adozzjoni tat-tieni miżura, l-infrastruttura tal-ajruport ma setgħetx tiflaħ inġenji tal-ajru kbar. It-tagħbija żejda fuq il-karreġġata minħabba l-operazzjonijiet tal-Wizz Air kienet saħansitra tirriżulta fi spejjeż ogħla għall-ajruport.

113

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tan-natura selettiva tat-tieni miżura, li hija de facto selettiva. L-ewwel, Wizz Air kienet l-uniku trasportatur bl-ajru intitolat jikseb tali roħs fit-tariffi tal-ajruport u l-uniku wieħed li effettivament kiseb dan, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessi 154 u 226 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, Tarom kellha inġenju tal-ajru wieħed b’MTOW ta’ iktar minn 70 tunellata u ma setgħetx tiġġenera traffiku ta’ iktar minn 10000 passiġġier fix-xahar (fl‑2009, in-numru medju fix-xahar ta’ passiġġieri ta’ Tarom fi tluq kien ta’ 5480).

114

It-tieni, l-emenda tat-tariffi tal-ajruport bit-tieni miżura kien tentattiv minn AITTV sabiex tagħmel iktar leġittimu ir-roħs mogħti lil Wizz Air permezz tal-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010.

115

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn AITTV, targumenta, fl-ewwel lok, li n-numru ta’ impriżi li effettivament setgħu jibbenefikaw mir-roħs ma kienx ikkunsidrat bħala fattur determinanti sabiex jiġi konkluż li kien hemm assenza ta’ natura selettiva tal-miżura. Hija tinnota wkoll li t-tieni miżura pprovdiet mhux biss roħs għal inġenji tal-ajru b’MTOW ikbar minn 70 tunnellata, iżda wkoll roħs ieħor, b’mod partikolari għal inġenji tal-ajru iżgħar bħal dawk operati mir-rikorrenti.

116

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argument tar-rikorrenti, imressaq fir-replika, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji fl-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni miżura tagħmilx distinzjoni bejn impriżi f’sitwazzjonijiet paragunabbli, u jekk din id-distinzjoni setgħetx tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet tas-sistema ta’ riferiment, jikkostitwixxi motiv ġdid u, bħala tali, inammissibbli.

117

Fi kwalunkwe każ, ir-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura ma jikkostitwixxix deroga mis-sistema ta’ riferiment, jiġifieri l-PIA meħuda kollha kemm hi. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ dan ir-roħs, hija stabbilita fil-premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata. Id-deċiżjoni li jiżdied it-traffiku fl-ajruport billi jitbaxxew it-tariffi għal inġenji tal-ajru kbar kienet ibbażata fuq ir-raġunament ekonomiku li d-dħul totali miġbur ikun ogħla.

118

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ kienet tinkludi l-iskemi kollha ta’ roħs stabbiliti mill-PIA tal-2007, tal_2008 u tal‑2010. Madankollu tgħid li l-ewwel motiv jirrigwarda r-roħs previst biss fil-punt 7.3 tat-tieni miżura, jiġifieri miżura differenti minn dik eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata, u hija, għal din ir-raġuni, ineffettiva.

119

Fi kwalunkwe każ, Wizz Air ma kinitx l-unika kumpannija tal-ajru li topera inġenji tal-ajru b’MTOW ta’ iktar minn 70 tunnellata. Dan kien ukoll il-każ ta’ Tarom, li setgħet iżżid dan l-użu sabiex tkun tista’ tibbenefika mir-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura. F’dan ir-rigward, Wizz Air u AITTV jargumentaw li dan ir-roħs kien maħsub sabiex jinkoraġġixxi kumpanniji tal-ajru low-cost oħrajn jibbażaw inġenji tal-ajru b’MTOW ogħla minn 70 tunellata fl-ajruport, billi jistabbilixxu livell ta’ traffiku li jista’ jintlaħaq (il-limitu ta’ 10000 passiġġier li, skont Wizz Air, jista’ jintlaħaq b’inqas minn żewġ titjiriet li jitilqu kuljum).

120

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li miżura tista’ titqies li tikkostitwixxi diskriminazzjoni de facto biss jekk tiddiskrimina kontra impriżi f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-iskema ta’ riferiment. Madankollu, it-tieni miżura ma hijiex diskriminatorja fl-ebda parti tagħha fir-rigward ta’ kumpanniji tal-ajru f’sitwazzjoni paragunabbli.

– Fuq l‑evalwazzjoni tat-tieni miżura fid‑deċiżjoni kkontestata

121

Il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tat-tariffi tal-ajruport ippubblikati fil-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010 fil-premessi 267 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija evalwat il-kundizzjoni dwar is-selettività fil-premessi 284 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata.

122

B’hekk, fil-premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-qafas ta’ riferiment rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk il-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010 kellu l-effett li jiffavorixxu ċerti kumpanniji tal-ajru fuq oħrajn li kienu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli kien dak previst mill-iskema applikabbli fl-ajruport. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema tat-tariffi tal-ajruport u l-iskontijiet u r-roħs kienu applikabbli għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw jew li aktarx jużaw l-ajruport, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet deskritti fil-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010, skont il-każ.

123

Fil-premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-“iskontijiet applikabbli kienu fuq skala flessibbli, bl-inqas skont ikun ta’ 10 % għal 250 – 500 inżul fis-sena, jiġifieri madwar 5 inżul fil-ġimgħa” u li “fil-perjodu li qed jiġi vvalutat, minbarra Wizz Air, kien hemm numru ta’ linji tal-ajru oħra li joperaw fl-[ajruport] li fil-flotta tagħhom kellhom inġenji tal-ajru tad-daqsijiet rilevanti u/jew biżżejjed frekwenzi u għalhekk, ibbenefikaw jew setgħu bbenefikaw mill-iskontijiet rilevanti”.

124

Fil-premessi 293 u 294 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rata bażi, l-iskontijiet u r-roħs previsti fil-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010 ma kinux selettivi, peress li kienu applikabbli b’mod mhux diskriminatorju. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li din il-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

– Fuq il‑fondatezza tal‑evalwazzjoni tat‑tieni miżura

125

Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) TFUE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

126

Għaldaqstant, huma biss il-miżuri li b’mod selettiv jagħtu vantaġġ lil ċerti impriżi jew kategoriji ta’ impriżi jew lil ċerti setturi ekonomiċi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”.

127

Madankollu, il-ġurisprudenza ppreċizat li anki interventi li, mad-daqqa ta’ għajn, huma applikabbli għall-kumpanniji b’mod ġenerali jistgħu jippreżentaw ċerta selettività u, għalhekk, jitqiesu bħala miżuri intiżi li jiffavorixxu ċerti kumpanniji jew ċerti prodotti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Is-selettività de facto tista’ tiġi stabbilita f’sitwazzjonijiet fejn, għalkemm il-kriterji formali għall-applikazzjoni tal-miżura huma fformulati f’termini ġenerali u oġġettivi, il-miżura hija strutturata b’tali mod li l-effetti tagħha jiffavorixxu b’mod sinjifikattiv grupp partikolari ta’ impriżi (ara, li f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Il‑Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 101 sa 107; ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1), punt 121).

129

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jirrigwardax il-miżuri mill-Istat li jintroduċu differenzjazzjoni bejn impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzjazzjoni tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jaqgħu fiha (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-intervent tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, EU:T:2002:61, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

Għaldaqstant, minkejja li ma jistax jiġi eskluż li miżura li permezz tagħha impriża pubblika tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-oġġetti jew tas-servizzi tagħha, minkejja li tkun ta’ applikazzjoni ġenerali għall-impriżi kollha li jużaw dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi, għandha karattru distintiv, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, li wieħed jieħu kont mhux tan-natura ta’ din il-miżura, iżda tal-effetti tagħha billi wieħed ifittex jekk il-vantaġġ li hija intiża li tagħti, fil-verità jkunx ta’ benefiċċju biss għal uħud minn dawn l-impriżi meta mqabbla mal-oħrajn, minkejja li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-iskema kkonċernata, l-imsemmija impriżi kollha jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 49).

132

Id-determinazzjoni tal-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali li fir-rigward tal-għan tagħha għandha tiġi eżaminata, jekk ikun il-każ, il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni fattwali u legali rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li ma humiex (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 60).

133

Preliminarjament, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li l-punti 1 sa 4 tat-tieni miżura indikaw ir-rati tad-diversi tariffi tal-ajruport (jiġifieri l-inżul, id-dwal, l-ipparkjar u s-servizzi għall-passiġġieri, inkluża s-sigurtà). It-tariffi attwalment iffatturati jistgħu jkunu suġġetti għal diversi tipi ta’ roħs. Il-punti 7.1, 7.2 u 7.3 tat-tieni miżura pprovdew, rispettivament, għal tliet tipi ta’ roħs, mhux kumulattivi:

l-ewwel, roħs ta’ 10 sa 70 % skont in-numru ta’ nżul li sar is-sena preċedenti għat-titjiriet internazzjonali;

it-tieni, roħs ta’ 50 % għal perijodu ta’ tnax-il xahar għal trasportaturi tal-ajru ġodda li joperaw mill-inqas tliet titjiriet fil-ġimgħa, b’inġenju tal-ajru b’kapaċità ta’ mill-inqas 70 post. Għal kull destinazzjoni ġdida servuta, ir-roħs applikat kien ta’ 50 % għal perjodu ta’ sitt xhur; minbarra dan ir-roħs, AITTV tat ukoll rimbors ta’ 10 sa 30 % tad-dħul li ġej mit-tariffi tal-imbark, skont in-numru ta’ passiġġieri imbarkati fis-sena;

fit-tielet lok, roħs ta’ 72 sa 85 % għal inġenji tal-ajru b’MTOW ikbar minn 70 tunellata b’iktar minn 10000 passiġġier imbarkat fix-xahar.

134

Mill-premessi 46 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-roħs deskritt fl-ewwel u fit-tieni inċiż iktar ’il fuq kien diġà previst fil-PIA tal-2008. Fost ir-roħs previst mit-tieni miżura, dak previst fil-punt 7.3, deskritt fit-tielet inċiż iktar ’il fuq, kien l-unika novità fir-rigward tal-PIA tal-2008.

135

It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel motiv huwa ineffettiv peress li jirrigwarda biss ir-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura (jiġifieri roħs ta’ 72 sa 85 % għal inġenji tal-ajru b’MTOW ta’ iktar minn 70 tunellata b’iktar minn 10000 passiġġier imbarkati kull xahar), filwaqt li t-tieni miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ kienet tinkludi t-tipi kollha ta’ roħs stabbiliti mill-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010.

136

Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Ċertament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ir-roħs previst fit-tieni miżura kollu kemm hu, mingħajr ma eżaminat separatament ir-roħs previst fil-punt 7.3. Jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar roħs huwa wkoll kopert mid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti speċifikament tallega li l-Kummissjoni bi żball naqset milli teżamina jekk dan ir-roħs, meħud individwalment, kienx selettiv fir-rigward ta’ Wizz Air.

137

It-tielet, matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-punt 7.3 tat-tieni miżura ma kienx applikabbli għal Wizz Air, peress li din tal-aħħar kienet ikkonkludiet ftehimiet mal-ajruport. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-iskema tat-tariffi tal-ajruport kif ukoll l-iskontijiet u r-roħs kienu applikabbli għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw jew li jistgħu jużaw l-ajruport, inkluża Wizz Air.

138

F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset in-natura tar-roħs bħala mhux selettiva previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura, għar-raġuni li kumpanniji tal-ajru oħra bbenefikaw jew setgħu jibbenefikaw mir-roħs ikkonċernat u li t-tieni miżura kienet tapplika għall-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fl-ajruport.

139

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-iskema tat-tariffi tal-ajruport kif ukoll l-iskontijiet u r-roħs kienu applikabbli għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw jew li aktarx jużaw l-ajruport li jissodisfaw il-kundizzjonijiet deskritti fil-PIA tal‑2007, tal‑2008 jew tal‑2010, skont il-każ.

140

Madankollu, in-natura tat-tieni miżura, li ħadet il-forma ta’ applikazzjoni ta’ skema “ġenerali”, ibbażata fuq kriterji, fihom innifishom, ukoll ta’ natura ġenerali, ma tipprekludix li tiġi kkonstatata n-natura selettiva ta’ din il-miżura. Fil-fatt, il-kundizzjoni dwar is-selettività għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ inklużi miżuri li, bl-effetti tagħhom, jiffavorixxu ċerti impriżi minħabba karatteristiċi speċifiċi għal dawk l-impriżi. Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-għajnuna ma hijiex immirata lejn benefiċjarju partikolari wieħed jew iktar iddefiniti minn qabel, iżda li hija suġġetta għal sensiela ta’ kriterji oġġettivi li fl-applikazzjoni tagħhom tista’ tingħata lil numru indefinit ta’ benefiċjarji, mhux identifikati individwalment fil-bidu, ma jistax ikun biżżejjed sabiex ipoġġi f’dubju n-natura selettiva tal-miżura u, għalhekk, il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Tali ċirkustanza fil-fatt ma teskludix li dan l-intervent pubbliku jkollu jiġi analizzat bħala li jikkostitwixxi miżura selettiva jekk, bis-saħħa tal-kriterji ta’ applikazzjoni tagħha, hija ġġib vantaġġ lil ċerti impriżi, bl-esklużjoni ta’ oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, EU:T:2000:223, punt 40). B’hekk, in-natura ġenerali tal-PIA ma eskludietx, bħala tali, diskriminazzjoni de facto possibbli bejn il-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport.

141

Fit-tieni lok, fil-premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li “[l]-iskontijiet applikabbli kienu fuq skala flessibbli, bl-inqas skont ikun ta’ 10 % għal 250 - 500 inżul fis-sena, jiġifieri madwar [ħames] inżul fil-ġimgħa” u li “fil-perjodu li qed jiġi vvalutat, minbarra Wizz Air, kien hemm numru ta’ linji tal-ajru oħra li joperaw fl-[ajruport] li fil-flotta tagħhom kellhom inġenji tal-ajru tad-daqsijiet rilevanti u/jew biżżejjed frekwenzi u għalhekk, ibbenefikaw jew setgħu bbenefikaw mill-iskontijiet rilevanti”.

142

Issa, meta għamlet dan, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni eżaminat flimkien it-tliet tipi ta’ roħs previsti mit-tieni miżura, mingħajr ma spjegat fiex, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk din il-miżura kinitx selettiva, tali evalwazzjoni konġunta kienet rilevanti, peress li kull tip ta’ roħs issodisfa kundizzjonijiet differenti u li l-imsemmi roħs ma kienx kumulattiv. Għaldaqstant, hija naqset milli teżamina jekk it-tip ta’ roħs speċifikament previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura, meħud b’mod iżolat, iffavorixxiex lil Wizz Air minħabba l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha, bl-esklużjoni tal-linji tal-ajru l-oħra preżenti fl-ajruport.

143

It-tieni, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk, fir-rigward speċifikament tat-tip ta’ roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura, kumpanniji tal-ajru għajr għal Wizz Air kellhomx fil-flotta tagħhom inġenji tal-ajru, ta’ daqs xieraq u li jipprovdu frekwenzi suffiċjenti, li effettivament jippermettulhom li jibbenefikaw minnu.

144

Ċertament, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, Wizz Air sostniet li kumpanniji tal-ajru li operaw inġenji tal-ajru fosthom il-MTOW ta’ iktar minn 70 tunellata u jistgħu għalhekk jibbenefikaw mit-tip ta’ roħs previst f’punt 7.3 tat-tieni miżura (ara l-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata). Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni rrilevat li Tarom kienet tħaddem inġenji tal-ajru bħal dawn u li setgħet tfittex li żżid it-traffiku tagħha fl-ajruport sabiex tibbenefika minn dan ir-roħs.

145

Jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, it-tip ta’ roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura bbenefikat esklużivament minnu Wizz Air u li ebda kumpannija tal-ajru oħra, inkluża Tarom, ma laħqet in-numru minimu ta’ passiġġieri mbarkati fix-xahar rikjest minn dan il-punt 7.3.

146

Fir-rigward ukoll tal-argument ta’ Wizz Air u ta’ AITTV li jgħid li dan ir-roħs kien intiż sabiex iżid it-traffiku fl-ajruport u b’hekk id-dħul effettivament miġbur, għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, b’tali mod li dawn l-għanijiet fil-qasam tat-traffiku u tad-dħul ma jkunux rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva tar-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda element li turi l-imsemmi l-għanijiet.

147

It-tielet, hemm lok li jiġi rrilevat li t-teħid inkonsiderazzjoni, kif invokat mill-Kummissjoni, taż-żewġ miżuri ta’ roħs l-oħrajn previsti mit-tieni miżura huwa iktar u iktar probabbli li jqiegħed fid-dubju n-natura mhux selettiva tar-roħs previst fil-punt 7.3 ta’ din il-miżura. Fil-fatt, dawn iż-żewġ miżuri l-oħrajn kienu pprovdew roħs minn 10 % sa 70 % u 10 % sa 30 %, filwaqt li l-punt 7.3 ippermetta roħs ogħla u ħafna inqas gradwali li jibda minn 72 % u jogħla sa 85 %.

148

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina jekk ir-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura, meħud individwalment, kienx intiż li jiġi applikat b’mod selettiv, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati la n-natura allegatament tardiva u lanqas il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-roħs previst fil-punt 7.3 tat-tieni miżura jikkostitwixxi deroga għas-sistema ta’ riferiment stabbilita minn din il-miżura.

149

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni peress li d‑deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li t-tielet miżura ma tatx vantaġġ indebitu lil Wizz Air.

150

It-tieni motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, dwar l-evalwazzjoni tal-fatti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata injorat il-provi li juru li l-aġir ta’ AITTV ma kienx paragunabbli ma’ dak ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq.

151

B’mod partikolari, l-ebda analiżi ex ante ma saret minn AITTV sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Ftehimiet tal‑2008 setgħux jipprovdulha rendiment pożittiv jew, għall-inqas, li jkopru l-ispejjeż operattivi ta’ Wizz Air, minkejja li l-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni kellu l-effett li jagħti lil Wizz Air roħs sa 85 % tat-tariffi kollha tal-ajruport. Issa, operatur tas-suq prudenti kien iwettaq analiżi ex ante tal-profittabbiltà qabel ma jimmodifika l-istrateġija kummerċjali tiegħu b’dan il-mod.

152

Permezz tat-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq għat-tielet miżura. Il-Kummissjoni ħalliet barra fil-fatt il-kuntest ġenerali tat-tielet miżura kif ukoll l-iżviluppi prevedibbli, bħall-ispejjeż tat-tisħiħ tan-numru tal-klassifikazzjoni tal-karreġġata, li jirriżultaw minn din il-miżura u l-konsegwenzi tagħha fuq terminu medju u twil. B’mod partikolari, adottat b’mod żbaljat perijodu ta’ tliet snin biss sabiex tevalwa l-profittabbiltà tal-Ftehimiet tal‑2008.

153

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li r-rikorrenti ma tikkontestax l-analiżi tagħha tal-profittabbiltà tal-Ftehimiet ta’ Emenda tal-2010, iżda biss l-analiżi tagħha tal-profittabbiltà tal-Ftehimiet tal-2008. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, sabiex tikkontesta b’suċċess l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jkollha turi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx biss żbaljata, iżda wkoll nieqsa minn plawsibbiltà.

154

Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni, dwar l-assenza ta’ analiżi ex ante, li ma jistax jiġi eskluż li studju li jevalwa ex post il-profittabbiltà addizzjonali mistenni minn ftehim iffirmat minn ajruport u kumpannija tal-ajru, iżda li huwa bbażat fuq data li kienet tkun disponibbli fiż-żmien tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim, jista’ jiġi aċċettat.

155

Fir-rigward tat-tieni parti, li tirrigwarda b’mod partikolari l-perijodu użat għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà tal-Ftehimiet tal‑2008, il-Kummissjoni ssostni li għażlet perijodu ta’ tliet snin, li jikkorrispondi għall-perijodu inizjali ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni, peress li, b’mod partikolari, operatur privat prudenti f’ekonomija tas-suq ma kienx joqgħod fuq tiġdid tal-ftehimiet fi tmiem tal-eżekuzzjoni tagħhom, kif huwa spjegat fil-premessi 334 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata.

156

Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li Wizz Air rċeviet għajnuna mill-Istat permezz tal-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010, peress li, essenzjalment, it-tieni miżura u l-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010 taw l-istess vantaġġ lil Wizz Air.

157

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fil-kontroreplika, li l- Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010 u t-tieni miżura ma jikkostitwixxux miżura waħda u li hija evalwathom separatament.

– Fuq l‑evalwazzjoni tat‑tielet miżura fid‑deċiżjoni kkontestata

158

Il-Ftehimiet tal‑2008 kienu jinkludu memorandum ta’ ftehim, ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni, ftehim operattiv u ftehim ta’ ground handling.

159

Bis-saħħa tal-memorandum ta’ ftehim u l-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni, li sar għal perijodu inizjali ta’ tliet snin, AITTV impenjat ruħha, fost l-oħrajn, li tespandi t-terminal tal-passiġġieri sabiex takkomoda sa tliet miljun passiġġier fis-sena qabel l‑1 ta’ Jannar 2011, sabiex ittejjeb il-klassifikazzjoni tal-mitjar tal-inżul u t-tlugħ qabel tmiem l‑2009 u sabiex isiru disponibbli slots skont it-talba ta’ Wizz Air. Din tal-aħħar kienet impenjat ruħha li twettaq attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni għal AITTV.

160

Il-ftehim operattiv u l-ftehim ta’ ground handling, konklużi għal perijodu inizjali ta’ sena, iffissaw it-tariffi tal-ajruport li kellhom jitħallsu minn Wizz Air, kif ukoll l-iskontijiet u l-eżenzjonijiet mill-ħlas tagħhom. It-tariffi kienu essenzjalment l-istess bħal dawk fil-PIA tal-2008. Fil‑25 ta’ Ġunju 2010, il-ftehim operattiv u l-ftehim ta’ ground handling ġew emendati mill-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010, skema ġdida ta’ roħs li kienet tikkorrispondi għal dak li kien ġie ddefinit fit-tieni miżura (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

161

Il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tat-tielet miżura fil-premessi 300 sa 440 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija evalwat il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fil-premessi 322 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata għall-Ftehimiet tal‑2008, li hija evalwat b’mod konġunt, u fil-premessi 416 sa 439 għall-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010.

162

Fir-rigward tal-Ftehimiet tal‑2008, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-dħul marġinali ġġenerat mill-attività ta’ Wizz Air bħala riżultat ta’ dawn il-ftehimiet (jiġifieri d-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi, li ġej minn tariffi imposti mħallsa minn Wizz Air, u dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi) qabeż l-ispejjeż marġinali (jiġifieri l-ispejjeż operattivi, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ investiment) attribwibbli għall-preżenza ta’ Wizz Air fl-ajruport (ara l-premessi 341 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata).

163

Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni eżaminat suċċessivament analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà, irrikostitwiti ex post fuq il-bażi tad-data disponibbli qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008, ippreżentati rispettivament mir-Rumanija fid‑9 ta’ Diċembru 2014 (ara l-premessi 344 sa 356 tad-deċiżjoni kkontestata), u minn Wizz Air, fl‑10 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Oxera tal‑2015”) (ara l-premessi 357 sa 381 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija eżaminat ukoll studju ppreżentat mir-rikorrenti fl‑10 ta’ Novembru 2014 (ara l-premessi 382 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata).

164

Fir-rigward tal-analiżi ppreżentata mir-Rumanija, il-Kummissjoni nnutat li kellha diversi nuqqasijiet. B’mod partikolari, ma pprovdiet l-ebda kalkolu tal-ispejjeż marġinali, iżda biss tad-dħul marġinali. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-analiżi ma wrietx li l-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq kien ġie osserva fil-Ftehimiet tal‑2008 (ara l-premessi 355 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata).

165

Fir-rigward tar-rapport Oxera tal‑2015, dan ibassar valur attwali nett (iktar ’il quddiem “VAN”) tal-Ftehimiet tal‑2008 ta’ 7.6 miljuni lei Rumeni (RON) (madwar Eur 1.5 miljun). Il-Kummissjoni aċċettat il-biċċa l-kbira tal-ipoteżijiet bażiċi tar-rapport Oxera 2015. Hija rrevediet xi wħud minnhom sabiex iżżomm spejjeż marġinali iktar baxxi, li wasslu għal benefiċċji marġinali ogħla, meta jiġi kkunsidrat b’mod partikolari li l-ebda wieħed mill-investimenti li saru, fir-rigward b’mod partikolari tat-terminal tal-passiġġieri u tal-mitjar tat-tlugħ u l-inżul, ma nħoloq bil-preżenza ta’ Wizz Air fl-ajruport (ara l-premessi 362 u 372 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li b’hekk ikkalkulat mill-ġdid l-ispejjeż, id-dħul u l-benefiċċji marġinali fuq il-bażi tar-rapport Oxera tal‑2015, il-Kummissjoni qieset li dan tal-aħħar ippermetta li jiġi konkluż li l-Ftehimiet tal‑2008 għandhom iwasslu għal redditu b’mod marġinali għal AITTV (ara l-premessa 381 tad-deċiżjoni attakkata).

166

Fir-rigward tal-istudju x ta’ redditu, ippreżentat mir-rikorrenti, li kkonkluda li l-Ftehimiet tal‑2008 ma kinux rentabbli, il-Kummissjoni ċaħdet il-biċċa l-kbira tal-ipoteżijiet ta’ bażi, u b’mod partikolari dik li l-investimenti għax-xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-numru ta’ klassifikazzjoni tal-karreġġata kif ukoll għax-xogħol imwettaq fit-terminal tal-passiġġieri kienu jkunu spejjeż marġinali marbuta mal-preżenza ta’ Wizz Air fl-ajruport. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-istudju ma setax jintuża sabiex jiġi prodott il-prova li l-Ftehimiet tal‑2008 ma kinux konformi mal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq (ara l-premessi 388 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata).

167

Il-Kummissjoni qieset ukoll studji ex post imwettqa minn Oxera u RBB fis‑27 ta’ Ottubru 2011 bħala li jsostnu r-riżultati tar-rapport Oxera tal‑2015. L-istudju ex post li sar minn Oxera qies li l-Ftehimiet tal‑2008 kellhom VAN pożittiv ta’ EUR 145249 matul il-perijodu ta’ tliet snin previst minn dawn il-ftehimiet (ara l-premessa 398 tad-deċiżjoni kkontestata).

168

Fir-rigward tal-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010, ir-rapport Oxera tal‑2015 bassar VAN ta’ RON 2.3 miljun, jew madwar EUR 469852 (ara l-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-istudju ex post li sar minn Oxera, li stmat li l-Ftehimiet ta’ Emenda tal‑2010 kellhom VAN pożittiv ta’ EUR 483147 fuq il-perijodu ta’ disa’ xhur li jikkorrispondi mal-applikazzjoni tagħhom (ara l-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

169

B’hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq il-bażi tar-rapport Oxera tal‑2015 kif kienet ikkalkulatu mill-ġdid u sostnut mill-istudji ex post ta’ Oxera u ta’ RBB, li t-tielet miżura kellha twassal għal redditu marġinali għal AITTV. Barra minn hekk, din il-miżura kienet tkun parti minn strateġija ġenerali u sforz fit-tul biex tiġi promossa l-profittabbiltà ġenerali tal-ajruport. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li operatur prudenti ta’ ekonomija tas-suq privat kien jidħol fi ftehimiet bħal dawn. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li dawn il-ftehimiet ma kinux jagħtu lil Wizz Air vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq u li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (ara l-premessi 413 sa 415 u 437 sa 440 tad-deċiżjoni kkontestata).

– Fuq il‑fondatezza tal‑evalwazzjoni tat‑tielet miżura

170

Skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tpoġġa għad-dispożizzjoni tagħha permezz tar-riżorsi tal-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, fejn din l-evalwazzjoni ssir bħala prinċipju bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171

Sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata adottawx jew le l-aġir ta’ investitur prudenti li jopera fl-ekonomija tas-suq, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li fih il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju ttieħdu sabiex tiġi vvalutata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Membru jew l-entità pubblika, u għaldaqstant ma għandha tingħata l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni suċċessiva (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 71, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 93).

172

F’dan il-kuntest, l-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-elementi oġġettivi u verifikabbli li juru li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi preliminari paragunabbli ma’ dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, operatur privat razzjonali li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik li jinsab fiha dak l-Istat jew dik l-entità, kien jistabbilixxi, qabel jadotta l-miżura inkwistjoni, bil-għan li jiddetermina l-profitabbiltà futura ta’ din il-miżura (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173

Għaldaqstant, huma biss rilevanti, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni li għandha ssir it-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla ma’ miżura li ma ġietx innotifikata lilha u li diġà ġiet implimentata mill-entità pubblika kkonċernata fil-mument meta din twettaq l-eżami tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 94).

174

Għaldaqstant, meta jidher li l-kriterju ta’ operatur privat jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti u hija ma tistax tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni ħlief jekk l-elementi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jsir l-investiment inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 96).

175

Huwa l-Istat Membru kkonċernat jew, f’dan il-każ, l-impriża pubblika kkonċernata, li għandu jipprovdi l-informazzjoni li turi li xi ħadd minnhom wettaq evalwazzjoni ekonomika minn qabel tal-profittabbiltà tal-miżura inkwistjoni, paragunabbli ma’ dik li operatur privat kien jagħmel f’sitwazzjoni simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 184).

176

Ladarba l-impriża pubblika tibgħat lill-Kummissjoni elementi tan-natura rikjesta, hija madankollu r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar li twettaq evalwazzjoni globali billi tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-elementi provduti minn din l-impriża, kull element rilevanti ieħor li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni tikkonformax mal-kriterju ta’ operatur privat. L-impriża pubblika kkonċernata b’hekk għandha l-possibbiltà, matul il-proċedura amministrattiva, li tipproduċi provi addizzjonali, li jiġu kkompilati wara l-adozzjoni tal-miżura, iżda li huma bbażati fuq l-elementi li kienu disponibbli u fuq l-iżviluppi li kienu prevedibbli fil-mument ta’ din l-adozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 186).

177

L-impossibbiltà li jsiru previżjonijiet iddettaljati u sħaħ ma teżentax investitur pubbliku milli jagħmel evalwazzjoni xierqa minn qabel tal-profittabbiltà tal-investiment tiegħu, paragunabbli ma’ dik li operatur privat f’sitwazzjoni simili kien iwettaq, skont l-informazzjoni disponibbli u prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 182).

178

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv tar-rikorrenti, li permezz tiegħu hija ssostni b’mod partikolari li AITTV ma wettqet l-ebda analiżi ex ante tal-profittabbiltà fir-rigward tal-Ftehimiet tal‑2008.

179

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li tidher fil-punt 6.3, iddedikata għas-sommarju tal-osservazzjonijiet ta’ AITTV dwar it-tielet miżura, u mhux fil-parti dwar l-evalwazzjoni ta’ din il-miżura mill-Kummissjoni:

“[AITTV] iddikjara[t] li kien[et wettqet] kalkoli qabel ma kkonklud[iet] l-Ftehimiet tal‑2008. Skont [AITTV], ma kien hemm l-ebda obbligu legali li [t]ħejji pjan ta’ direzzjoni tan-negozju. [AITTV] ma kell[ha] l-ebda raġuni għaliex iżomm xi dokumentazzjoni.”

180

Għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-kalkoli allegati li AITTV wettqet qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal-2008 ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq dawn il-kalkoli sabiex tevalwa l-profittabbiltà ta’ dawn il-ftehimiet fir-rigward tal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq.

181

B’hekk, kuntrarjament għal dak li huwa rikjest mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 175 u 177 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ AITTV li tikkonkludi l-Ftehimiet tal-2008 ma’ Wizz Air kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi preċedenti li jkun għamel operatur privat f’sitwazzjoni simili, skont l-informazzjoni disponibbli u prevedibbli.

182

Anki jekk AITTV kienet evalwat ex ante il-profittabbiltà futura tal-Ftehimiet tal-2008, hija fi kwalunkwe każ naqset mill-obbligu tagħha li tikkomunika lill-Kummissjoni elementi ta’ evalwazzjoni preċedenti xierqa li tippermetti lil din tal-aħħar tivverifika jekk l-attitudni ta’ din l-impriża pubblika kinitx paragunabbli ma’ dik ta’ operatur privat razzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 182185).

183

Verament, ir-rapport Oxera tal‑2015 jirreferi għal “pjan ta’ negozju” mħejji minn AITTV fil-kuntest tal-Ftehimiet tal‑2008 u pprovdut minn AITTV lil Oxera għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport. It-tweġibiet ta’ Wizz Air u AITTV għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Lulju 2022, madankollu, għamluha possibbli li jiġi kkonfermat li dan il-“pjan ta’ negozju” ma kienx ġie ppreparat fl‑2008, iżda kien ġie rrikostitwit ex post matul il-proċedura amministrattiva, fuq il-bażi tal-informazzjoni allegatament disponibbli għal AITTV fl‑2008.

184

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda dokument bil-miktub ippreparat qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008 meta analizzat il-kwistjoni dwar jekk AITTV kinitx aġixxiet bħala operatur privat f’sitwazzjoni simili, fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli u prevedibbli.

185

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà, irrikostitwit ex post fuq il-bażi tad-data disponibbli qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal-2008, ippreżentata mir-Rumanija fid‑9 ta’ Diċembru 2014, fuq talba tal-Kummissjoni, kien fiha nuqqasijiet u ma kinitx tippermetti li jintwera li l-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq kien ġie osservat fil-Ftehimiet tal‑2008 (ara l-premessi 344 u 356 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 163 u 164 iktar ’il fuq). B’hekk, huwa improbabbli li l-kalkoli ipotetiċi li saru minn qabel u li huma msemmija fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li AITTV wettqet qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008, kienu jippermettu li jintwerew prospetti ta’ redditu ex ante sodisfaċenti għal dawn il-ftehimiet.

186

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ftehimiet tal-2008 kellhom redditu fuq il-bażi tar-rapport Oxera tal‑2015, jiġifieri analiżi ex ante tal-profittabbiltà, irrikostitwita ex post fuq il-bażi tad-data disponibbli qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008, ippreżentata minn Wizz Air fl‑10 ta’ Frar 2015, u kkalkulata mill-ġdid mill-Kummissjoni (ara l-punti 163 u 165 iktar ’il fuq).

187

Kif issostni l-Kummissjoni, ir-rapport Oxera tal‑2015, għalkemm sar kważi seba’ snin wara l-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008, huwa bbażat fuq data disponibbli qabel il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

188

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat, minħabba l-fatt biss li dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-elementi disponibbli u fuq l-iżviluppi prevedibbli fiż-żmien meta ġiet adottata t-tielet miżura fl‑2008, li dan jammonta għal analiżi ex ante kapaċi li turi konformità mal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq.

189

Ċertament, skont il-ġurisprudenza, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli minn tali operatur privat. F’dan ir-rigward, kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, għandha titqies bħala rilevanti (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 2930 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 60).

190

Madankollu, elementi sussegwenti għall-mument li fih il-miżura kkonċernata ġiet adottata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ operatur privat (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 9394).

191

F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 iktar ’il fuq, l-impriża pubblika kkonċernata għandha l-possibbiltà, matul il-proċedura amministrattiva, li tipproduċi provi addizzjonali, li jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tal-miżura, tali possibbiltà ma tistax teżenta lil din l-impriża mill-obbligu li twettaq evalwazzjoni ekonomika minn qabel adegwata, ibbażata fuq analiżi tal-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli li tkun adegwata fid-dawl tan-natura, tal-kumplessità, tal-importanza u tal-kuntest tat-tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 186188).

192

Madankollu, f’dan il-każ, ir-rapport Oxera tal‑2015, anki jekk ibbażat fuq data disponibbli qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008, xorta jibqa’ konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà reali ta’ dawn il-ftehimiet. Għal din ir-raġuni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 190 iktar ’il fuq, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità mal-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq.

193

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, fid-deċiżjoni kkontestata, studji ex post imwettqa minn Oxera u RBB fis‑27 ta’ Ottubru 2011 bħala sostenn tar-riżultati tar-rapport Oxera tal‑2015 (ara l-punti 167 u 169 iktar ’il fuq).

194

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju tal-miżura kkonċernata effettivament irċevietx vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, analiżijiet ekonomiċi addizzjonali pprovduti mill-Istat Membru waqt il-proċedura amministrattiva, huma probabbli li jitfgħu dawl fuq l-informazzjoni eżistenti fiż-żmien tad-deċiżjoni ta’ investiment u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 134).

195

Madankollu, f’dan il-każ, il-provi rrikostitwiti ex post ikkunsidrati mill-Kummissjoni, kemm jekk dawk ipprovduti mir-Rumanija jew inkella dawk ipprovduti minn Wizz Air, ma kkompletawx il-provi stabbiliti qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008, li AITTV allegatament bagħtet lill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, kienu l-uniċi elementi li ġew prodotti lill-Kummissjoni u l-uniċi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-Ftehimiet tal‑2008.

196

Fir-raba’ lok u fl-aħħar nett, fil-konklużjoni tagħha dwar il-vantaġġ ekonomiku fir-rigward tal-Ftehimiet tal‑2008, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li kien “hemm indikazzjonijiet, b’mod partikolari bbażati fuq il-Pjan ta’ Żvilupp 2006‑2015 li l-Ftehimiet tal-2008 ma’ Wizz Air kienu parti minn strateġija globali u sforz fit-tul lejn il-profittabbiltà globali tal-ajruport” (ara l-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 169 iktar ’il fuq).

197

Madankollu, tali elementi vagi, li ma huma ssostanzjati bl-ebda mod, ma jistgħux jikkostitwixxu prova suffiċjenti li evalwazzjoni ekonomika preliminari tal-profittabbiltà kienet titwettaq qabel il-konklużjoni tal-Ftehimiet tal‑2008.

198

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li operatur privat prudenti f’ekonomija tas-suq li kkonkluda il-Ftehimiet tal‑2008 hija kompletament ibbażata fuq provi stabbiliti ex post, kuntrarjament għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 170 sa 177 iktar ’il fuq.

199

Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma bbażatx legalment il-konklużjoni tagħha li t-tielet miżura ma kinitx tatx lil Wizz Air vantaġġ ekonomiku li hija kieku ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq u li għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

200

Mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħrajn mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv, dan il-motiv għandu għalhekk jintlaqa’ fejn huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li t-tielet miżura ma tatx vantaġġ indebitu lil Wizz Air.

201

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu għalhekk jintlaqa’ fuq il-bażi tal-ewwel u t-tieni motiv, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ motiv.

Fuq l-ispejjeż

202

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din l-aħħar. Wizz Air u AITTV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (it-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

[Kif irrettifikat permezz tad-digriet tat‑13 ta’ Lulju 2023] L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1428 tal-24 ta’ Frar 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 31662 – C/2011 (ex NN/2011) implimentata mir-Rumanija għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Timișoara – Wizz Air huwa annullat fejn jikkonkludi li t-tariffi tal-ajruport li jidhru fil- Pubblikazzjoni ta’ Informazzjoni Ajrunawtika tal-2010 u l-ftehimiet konklużi bejn Societatea Națională “Aeroportul Internaţional Timişoara – Traian Vuia” SA (AITTV) u Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) fl‑2008 (inklużi l-Ftehimiet ta’ Emenda tal-2010) ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Carpatair SA.

 

3)

Wizz Air Hungary u AITTV għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Papasavvas

Svenningsen

Jaeger

Mac Eochaidh

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Frar 2023.

Firem

Werrej

 

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

Id‑deċiżjoni kkontestata

 

It‑talbiet tal‑partijiet

 

Fid‑dritt

 

Fuq l‑ammissibbiltà

 

Fuq l‑interess ġuridiku

 

Fuq il‑locus standi

 

– Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar in‑natura tal‑miżuri kontenzjużi

 

– Fuq l‑inċidenza individwali tar‑rikorrenti fir-rigward tat‑tielet miżura

 

– Fuq l‑inċidenza diretta tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi

 

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑annessi

 

Fuq l‑ammissibbiltà tas‑siltiet mir‑rapport tal‑amministratur ġudizzjarju

 

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑Anness Q.2

 

Fuq il‑mertu

 

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar in‑natura selettiva tat‑tieni miżura

 

– Fuq l‑evalwazzjoni tat-tieni miżura fid‑deċiżjoni kkontestata

 

– Fuq il‑fondatezza tal‑evalwazzjoni tat‑tieni miżura

 

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni peress li d‑deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li t-tielet miżura ma tatx vantaġġ indebitu lil Wizz Air.

 

– Fuq l‑evalwazzjoni tat‑tielet miżura fid‑deċiżjoni kkontestata

 

– Fuq il‑fondatezza tal‑evalwazzjoni tat‑tielet miżura

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.

Top