EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0371
Judgment of the General Court (Sixth Chamber, Extended Composition) of 14 September 2022.#Pollinis France v European Commission.#Access to documents – Regulation (EC) No 1049/2001 – Standing Committee for Plants, Animals, Food and Feed – EFSA guidance document on the risk assessment of plant protection products on bees – Individual positions of the Member States – Refusal to grant access – Article 4(3) of Regulation No 1049/2001 – Exception relating to protection of the decision-making process.#Joined Cases T-371/20 and T-554/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tal-14 ta’ Settembru 2022.
Pollinis France vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf – Dokument ta’ gwida tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal – Pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri – Rifjut ta’ aċċess – Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.
Kawżi magħquda T-371/20 u T-554/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tal-14 ta’ Settembru 2022.
Pollinis France vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf – Dokument ta’ gwida tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal – Pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri – Rifjut ta’ aċċess – Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.
Kawżi magħquda T-371/20 u T-554/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:556
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)
14 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf – Dokument ta’ gwida tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal – Pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri – Rifjut ta’ aċċess – Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali”
Fil-Kawżi magħquda T‑371/20 u T‑554/20,
Pollinis France, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn C. Lepage u T. Bégel, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude, C. Ehrbar u G. Gattinara, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),
komposta minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, C. Iliopoulos u R. Norkus, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li rat id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2020 li tgħaqqad il-Kawżi T‑371/20 u T‑554/20 għall-finijiet tat-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, tal-eventwali fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza,
wara s-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Pollinis France, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4231 final tad‑19 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5120 final tal‑21 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħhom din irrifjutatilha l-aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal, adottat mill-EFSA fis‑27 ta’ Ġunju 2013, inizjalment ippubblikat fl‑4 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013”), u tatha aċċess parzjali għal ċerti dokumenti oħra li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
2 |
Ir-rikorrenti hija organizzazzjoni mhux governattiva Franċiża li topera għad-difiża tal-ambjent u li għandha l-għan li tipproteġi n-naħal selvaġġ u tal-għasel u li tippromwovi l-agrikoltura sostenibbli bl-għan li tgħin li jiġu ppreżervati l-pollinaturi. |
A. Kawża T‑371/20
3 |
Fis‑27 ta’ Jannar 2020, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. |
4 |
Wara skambji li l-Kummissjoni kellha mar-rikorrenti sabiex tiddefinixxi u tnaqqas il-portata tat-talba tagħha, din it-talba ġiet limitata, essenzjalment, għad-dokumenti li jiddokumentaw il-pożizzjoni tal-Istati Membri, tal-Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feeds) (iktar ’il quddiem is-“Scopaff”) u tal-Kummissjoni dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kif ukoll għal kull abbozz li jirrigwarda dan is-suġġett irċevut jew imfassal mill-Kummissjoni sa minn Ottubru 2018. |
5 |
Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni identifikat 25 dokument li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess tar-rikorrenti, indikat li 6 dokumenti (dokumenti 20 sa 25) kienu disponibbli fuq is-sit internet Europa u ċaħdet it-talba għal aċċess għad‑19‑il dokument li jifdal (dokumenti 1 sa 19) bis-saħħa tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Mit-tabella annessa ma’ din l-ittra jirriżulta li l-imsemmija dokumenti 1 sa 19 huma messaġġi elettroniċi, li xi drabi għandhom annessi, mibgħuta minn ċerti Stati Membri fi ħdan is-Scopaff bejn Jannar u Lulju 2019 u li jirrigwardaw, essenzjalment, id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jew l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar abbozz ta’ emenda tal-prinċipji uniformi ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“prinċipji uniformi”). |
6 |
Fil‑25 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva għal aċċess għal dokumenti. |
7 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-terminu sabiex tingħata tweġiba għat-talba konfermattiva għal aċċess kellu jiġi estiż u, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑11 ta’ Mejju 2020, hija informat lir-rikorrenti li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunikalha tweġiba għat-talba konfermattiva fl-imsemmi terminu estiż. |
8 |
Fl-assenza ta’ tweġiba espliċita għat-talba konfermattiva, ir-rikorrenti ppreżentat, fil‑15 ta’ Ġunju 2020, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda”), konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
9 |
Permezz tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, mibgħuta lir-rikorrenti permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑22 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni wieġbet espliċitament għat-talba konfermattiva, billi tat aċċess parzjali għad-dokument 2, peress li l-aċċess għal ċerti partijiet minnu kien ġie rrifjutat skont l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha msemmija f’din it-talba (dokumenti 1 u 3 sa 19) skont l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
B. Kawża T‑554/20
10 |
Fit‑8 ta’ April 2020, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni talba oħra għal aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. Din it-talba kienet tikkonċerna, essenzjalment, il-korrispondenza, l-aġendi, il-minuti jew ir-rapporti tal-laqgħat bejn il-membri tas-Scopaff u ċerti uffiċjali jew Membri tal-Kummissjoni dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 matul il-perijodu bejn Lulju 2013 u Settembru 2018. |
11 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni identifikat 59 dokument li jaqgħu taħt it-tieni talba għal aċċess tar-rikorrenti u ċaħdet din it-talba għall-imsemmija dokumenti kollha bis-saħħa tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Mit-tabella annessa ma’ din l-ittra jirriżulta li l-imsemmija dokumenti huma messaġġi elettroniċi jew “kummenti”, li xi drabi għandhom annessi, trażmessi minn ċerti Stati Membri fi ħdan is-Scopaff bejn Settembru 2013 u Diċembru 2018 u li jirrigwardaw, essenzjalment, id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jew l-implimentazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mad-dokumenti 1 sa 19 imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, id-“dokumenti mitluba”). |
12 |
Fil‑25 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva għal aċċess għall-imsemmija dokumenti. |
13 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑17 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-terminu sabiex tingħata tweġiba għat-talba konfermattiva kellu jiġi estiż. |
14 |
Permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għat-talba konfermattiva billi tat aċċess parzjali għal erba’ dokumenti (dokumenti 3, 10, 12 u 33), peress li l-aċċess għal ċerti partijiet minnhom ġie rrifjutat skont l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha koperti minn din it-talba (dokumenti 1, 2, 4 sa 9, 11, 13 sa 32 u 34 sa 59) skont l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-imsemmija dokumenti kienu kollha messaġġi elettroniċi. |
II. It‑talbiet tal‑partijiet
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id‑dritt
17 |
Ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi, essenzjalment identiċi, kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
18 |
L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, li għandhom jibbenefikaw mill-aċċess usa’ mogħti lid-dokumenti leġiżlattivi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, peress li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata iktar u iktar b’mod strett meta l-informazzjoni mitluba tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) u tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
19 |
Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-motivi, għandu jiġi ppreċiżat is-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑371/20, fid-dawl tat-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u tan-nota ta’ adattament tar-rikors tar-rikorrenti. |
A. Fuq is‑suġġett tar‑rikors fil-Kawża T‑371/20
20 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat talba sabiex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T‑371/20. Ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ adattament tar-rikors fit‑18 ta’ Awwissu 2020. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq in-nota ta’ adattament tar-rikors ġew ippreżentati rispettivament fil‑31 ta’ Awwissu u fl‑1 ta’ Ottubru 2020. Fit‑13 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad mal-mertu l-eżami tat-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. |
21 |
Fl-ewwel lok, huwa stabbilit bejn il-partijiet li d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġiet issostitwita bl-ewwel deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar tagħti tweġiba espliċita għat-talba konfermattiva mressqa mir-rikorrenti fil‑25 ta’ Marzu 2020. |
22 |
Għandu jitfakkar li, fejn deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess tkun ġiet irtirata permezz ta’ deċiżjoni espliċita meħuda sussegwentement, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn dan huwa dirett kontra l-imsemmija deċiżjoni impliċita (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni, T‑214/13, EU:T:2015:448, punt 36; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 88 u 89). |
23 |
Konsegwentement, kif issostni l-Kummissjoni, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda. |
24 |
Fit-tieni lok, madankollu, skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ adattament tar-rikors fid-dawl tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata wara l-preżentata tagħha, intiża sabiex ir-rikors issa jitqies li qiegħed jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni espliċita. |
25 |
Issa, għalkemm it-talbiet tal-partijiet huma kkaratterizzati, bħala prinċipju, mill-immutabbiltà tagħhom, l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi deroga minn dan il-prinċipju. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att, li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu, jiġi ssostitwit b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid billi jintroduċi l-imsemmi adattament permezz ta’ att separat u fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors. |
26 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġiet issostitwita bl-ewwel deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ adattament tar-rikors ġiet ippreżentata fil-forom u fit-terminu previsti għal dan l-għan, fatt li barra minn hekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija nota ta’ adattament. |
27 |
Minn naħa, il-Kummissjoni madankollu osservat, b’mod ġenerali, li ma kienx ippreċiżat b’mod ċar jekk din in-nota tissostitwixxix jew tikkompletax ir-rikors, iżda bbażat ruħha fuq dan l-aħħar fehim. Mistoqsija f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti, fir-risposta tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Marzu 2022, ikkonfermat li, fil-fatt, in-nota ta’ adattament tagħha kkompletat ir-rikors. Issa, sa fejn dan tal-aħħar huwa l-fehim komuni tal-partijiet u, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura, in-nota ta’ adattament ma għandhiex tissostitwixxi r-rikors b’mod sħiħ, iżda għandha tinkludi t-talbiet adattati u, jekk ikun il-każ, il-motivi u l-argumenti adattati kif ukoll il-provi u l-offerti ta’ provi marbuta mal-adattament tat-talbiet, l-osservazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tikkontesta l-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament bħala tali. |
28 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eċċepixxiet in-natura inammissibbli, ineffettiva jew manifestament infondata tal-motivi ppreżentati fin-nota ta’ adattament. Madankollu, peress li dawn il-kritiki jirrigwardaw l-ammissibbiltà, in-natura effettiva jew il-fondatezza tal-imsemmija motivi, dawn jaqgħu taħt l-evalwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi u għalhekk huma irrilevanti fir-rigward tal-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament kollha kemm hi. |
29 |
Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura ġew issodisfatti f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors fil-Kawża T‑371/20 issa għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. |
30 |
Barra minn hekk, f’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni indikat, abbażi ta’ sentenza li tinsab fl-osservazzjonijiet fuq it-talba li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni mressqa mir-rikorrenti, li din ma kinitx tidher li qiegħda tikkontesta l-ewwel deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tat aċċess parzjali għad-dokument 2 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li s-sentenza tar-rikorrenti invokata mill-Kummissjoni sempliċement issemmi l-interess tagħha li tikseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata billi tfakkar li din kompliet tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha (punt 9 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li n-nota ta’ adattament tar-rikors ma tillimitax is-suġġett tar-rikors biss għad-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ rifjut totali ta’ aċċess. Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li r-rikorsi tagħha kienu intiżi li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ikkontestati, inkluż sa fejn dawn jagħtu aċċess parzjali għal ċerti dokumenti, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, ir-rikors fil-Kawża T‑371/20 għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi. |
B. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il‑ksur tal‑Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il‑Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett l‑eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal‑proċess deċiżjonali
31 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, ċertament, it-titolu u l-punti inizjali u finali tal-ewwel motiv tar-rikorsi kif żviluppati fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20 jirreferu għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jirriproduċu t-terminoloġija u l-istruttura tal-ewwel motiv ippreżentat fir-rikors fil-Kawża T‑371/20, dwar id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda. Madankollu, l-iżviluppi relatati mal-imsemmi motiv, inklużi fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, ma jirrigwardawx biss l-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda jirreferu b’mod iktar konkret għar-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati u jirrigwardaw ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
32 |
L-ewwel motiv huwa għalhekk essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet, li jirrigwardaw il-ksur, l-ewwel, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni, tal-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni. |
33 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, kif issostni l-Kummissjoni, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq argument ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jew saħansitra fuq assenza ta’ indikazzjoni tar-raġunijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija ineffettiva, peress li ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, fihom, il-Kummissjoni ma applikatx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Barra minn hekk, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2020 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), invokat it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 4(3) peress li dawn il-kawżi ma humiex intiżi għall-annullament tal-imsemmija ittra, iżda tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li fihom il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
34 |
It-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, tinkludi żewġ ilmenti. Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, minn naħa, ir-rilevanza tal-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, invokata mill-Kummissjoni, peress li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni ma kienx għadu pendenti, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
35 |
Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda li tinħoloq unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar rispett possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u b’mod li kemm jista’ jkun ikun qrib iċ-ċittadini. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod partikolari, u f’konformità mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument f’każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument mitlub lilha, hija għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar b’liema mod l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tinvoka. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali dannu għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku. Is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżumi li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokument imsemmi jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. L‑evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi ta’ dan l-iżvelar fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
L-istituzzjonijiet ma jistgħux jintalbu jipproduċu provi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali riskju. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tinkludi elementi tanġibbli li minnhom jista’ jiġi konkluż li r-riskju ta’ preġudizzju għall-proċess deċiżjonali huwa, fid-data tal-adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku, u li b’mod partikolari tintwera l-eżistenza, f’tali data, ta’ raġunijiet oġġettivi li abbażi tagħhom jista’ jiġi raġonevolment previst li tali preġudizzju jseħħ fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorsi. |
2. Fuq l‑ewwel ilment tat‑tieni parti tal‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑assenza ta’ natura pendenti fil‑proċess deċiżjonali
44 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni u l-użu mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma humiex iġġustifikati. Skont ir-rikorrenti, ir-raġuni mogħtija mill-Kummissjoni għar-rifjut tal-aċċess, jiġifieri li tipproteġi l-proċess deċiżjonali pendenti, hija f’kontradizzjoni mal-indikazzjoni tal-Kummissjoni li skontha ġie mwaqqaf il-proċess deċiżjonali. Din l-aħħar indikazzjoni hija sors ta’ konfużjoni u tqarraq, peress li l-proċess huwa jew “imwaqqaf”, jew inkella “pendenti”. Anki jekk jiġi aċċettat li l-proċess deċiżjonali jiġi sospiż u rivist fuq verżjoni riveduta tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, dak id-dokument ma jibqax l-istess. |
45 |
Il-Kummissjoni tirribatti li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni ma ġiex ikkompletat u tippreċiża li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, hija użat il-kelma “imwaqqaf” bħala li tfisser “sospiża” jew “imqiegħed f’pawża”. Barra minn hekk, il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jista’ jiġi emendat ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma hijiex kontradittorja. |
46 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà u r-rilevanza ta’ diversi argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv sa fejn dawn ma jirrigwardawx l-eċċezzjoni applikata fid-deċiżjonijiet ikkontestati jew li kienu ġew ippreżentati indebitament fl-istadju tar-replika, dan ma huwiex neċessarjament il-każ għall-argumenti li jirrigwardaw in-natura pendenti tal-proċess deċiżjonali riprodott fil-punt 44 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament tar-rikors fil-Kawża T‑371/20, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li tali argumenti kienu jinsabu fl-imsemmija nota ta’ adattament u kienu jirrigwardaw l-eċċezzjoni invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, billi indikat li, “irrispettivament mill-punti […] tan-nota ta’ adattament, li [kienu] jirreferu għan-natura pendenti tal-proċess deċiżjonali, ir-rikorrenti ma adattatx il-motivi tagħha għall-bażi legali ġdida invokata fl-[ewwel deċiżjoni kkontestata]”. Għandu effettivament jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ġew ippreżentati fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20. Barra minn hekk, dawn l-argumenti ġew ippreżentati, b’mod identiku, fir-rikors fil-Kawża T‑554/20. Konsegwentement, kull allegazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni, ippreżentata b’mod partikolari fir-risposti tagħha jew waqt is-seduta, intiża sabiex tissuġġerixxi li dawn l-argumenti huma inammissibbli jew ineffettivi jew li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni huwa pendenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
47 |
Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ewwel ilment tar-rikorrenti. |
48 |
Mill-proċess jirriżulta li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 ġie ppreparat mill-EFSA fl‑2013 fuq talba tal-Kummissjoni. Dan id-dokument ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lis-Scopaff fl‑2013 għal opinjoni, għall-adozzjoni tiegħu skont il-proċedura konsultattiva prevista mir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13), u dan skont l-Artikoli 77 u 79(2) tar-Regolament Nru 1107/2009. |
49 |
Huwa stabbilit bejn il-partijiet li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet għal diversi snin fi ħdan is-Scopaff, mingħajr ma seta’ jintlaħaq ftehim fuq it-test tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri, u mingħajr ma l-Kummissjoni b’hekk waslet sabiex tadotta l-imsemmi dokument ta’ gwida. |
50 |
Fl-assenza ta’ adozzjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 bħala tali u għall-finijiet tal-implimentazzjoni parzjali tal-imsemmi dokument, fl‑2018, il-Kummissjoni pproponiet li timplimenta ċerti partijiet tiegħu, u dan billi introduċiet emendi għall-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal‑10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 1107/2009 dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 127). Il-Kummissjoni għalhekk issottomettiet, fl‑2018, abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 546/2011 lis-Scopaff għal opinjoni, bl-għan li dan jiġi adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), u dan skont l-Artikolu 29(6), l-Artikolu 78(1)(c) u l-Artikolu 79(4) tar-Regolament Nru 1107/2009. |
51 |
Huwa stabbilit bejn il-partijiet li s-Scopaff ta opinjoni pożittiva fuq abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 546/2011 matul ix-xahar ta’ Lulju 2019, iżda li dan lanqas ma ġie adottat mill-Kummissjoni, peress li, fil-kuntest tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Parlament Ewropew oppona l-adozzjoni tiegħu fix-xahar ta’ Ottubru 2019, billi qies, essenzjalment, li l-imsemmi abbozz ma kienx jipprevedi livell suffiċjenti ta’ protezzjoni. |
52 |
Filwaqt li, sal‑2018, hija ma kinitx ippjanat reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, matul ix-xahar ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA sabiex twettaq reviżjoni tal-imsemmi dokument, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp xjentifiku sa mill‑2013. |
53 |
Huwa għalhekk f’dan il-kuntest li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, adottati matul ix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni indikat li, fl-istennija tal-finalizzazzjoni tar-reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 mill-EFSA, l-eżami tagħha fi ħdan is-Scopaff kien “imwaqqaf” u li dan kien ifisser li l-proċess deċiżjonali seta’ jiġi kkunsidrat bħala “pendenti”, peress li kien ser jitkompla biss wara li l-EFSA kienet temmet ir-reviżjoni tal-imsemmi dokument ta’ gwida. Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li hija enfasizzat mal-EFSA l-importanza li tibgħat “ir-rapport rivedut tagħha” għax-xahar ta’ Marzu 2021 u li talbitha wkoll sabiex tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perspettivi kollha, li għandu jippermetti aċċettazzjoni rapida tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal Rivedut. |
54 |
Mistoqsija dwar l-istat tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal Rivedut matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li kull kunsiderazzjoni dwar il-kontenut u n-natura eventwalment vinkolanti ta’ dan id-dokument kienet ipotetika, peress li l-proċess ta’ reviżjoni tal-imsemmi dokument mill-EFSA kien għadu ma tlestiex. L-istess japplika għal kull kunsiderazzjoni dwar il-forma tal-eventwali adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni u għall-proċedura li tista’ tiġi segwita għal dan l-għan. |
55 |
Miċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 48 sa 54 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tqies mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċess deċiżjonali li għalih jirreferu d-dokumenti mitluba ma setax jitqies li kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. |
56 |
Fil-fatt, jista’, ċertament, jitqies li d-dokumenti mitluba jirrigwardaw proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li seħħ mill‑2013 sal‑2019 u li kien intiż għall-implimentazzjoni totali jew parzjali, mill-Kummissjoni, tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, jew billi jiġi adottat l-imsemmi dokument ta’ gwida bħala tali skont il-proċedura konsultattiva prevista mir-Regolament Nru 182/2011, jew billi jiġu emendati l-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament Nru 546/2011 skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista mid-Deċiżjoni 1999/468. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-ebda proċess deċiżjonali ma kien intiż sabiex jimplimenta l-imsemmi dokument ta’ gwida tal‑2013, la bħala tali u lanqas bħala emenda tal-prinċipji uniformi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, impliċitament iżda neċessarjament, li ma tibqax timplimenta dan id-dokument ta’ gwida tal‑2013 u kienet saħansitra talbet espressament lill-EFSA sabiex tipproċedi għar-reviżjoni tiegħu, peress li tali reviżjoni, li kienet għadha pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kienet timplika barra minn hekk l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-kontenut tal-eventwali dokument ta’ gwida rivedut, il-forma tal-eventwali adozzjoni tiegħu u l-proċedura li eventwalment kienet ser tiġi segwita għal dan l-għan. Din ir-reviżjoni timplika, għaldaqstant, l-assenza stess tas-suġġett ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
57 |
L-argument tal-Kummissjoni li, minkejja ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 48 sa 54 iktar ’il fuq, hija dejjem kellha l-għan li timplimenta dokument ta’ gwida dwar in-naħal, sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dokument li juri “tagħrif xjentifiku u tekniku attwali” skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali għan huwa kkonfermat, dan bl-ebda mod ma jimplika, fih innifsu, li proċess deċiżjonali li għandu tali dokument bħala suġġett kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għall-kuntrarju, l-elementi tal-proċess jidhru li juru li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tibqax timplimenta d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 u li, jekk meħtieġ, proċess deċiżjonali li kellu bħala suġġett dokument ta’ gwida dwar in-naħal rivedut seta’ jseħħ meta l-EFSA kienet bagħtet dan id-dokument lill-Kummissjoni u din tal-aħħar kienet iddeċidiet li timplimentah, li kien barra minn hekk ipotetiku fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u kien għadu hekk fid-data tas-seduta. Għall-istess raġunijiet, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti talbet, jew għadha qiegħda titlob, li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jiġi adottat fl-intier tiegħu bl-ebda mod ma jimplika li proċess deċiżjonali li jirrigwarda dan id-dokument kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati jew li saħansitra għadu għaddej. |
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fatt li r-reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 mill-EFSA kienet għadha għaddejja bl-ebda mod ma jimplika li proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-istess dokument kien għadu għaddej fid-dati tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għall-kuntrarju, l-iżvolġiment stess ta’ dan il-proċess ta’ reviżjoni jikkorrobora l-konstatazzjoni li, wara ċ-ċaħda tal-emenda tal-prinċipji uniformi, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma kienet għadha tmexxi l-ebda proċess deċiżjonali dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. Fil-fatt, kif enfasizzat ir-rikorrenti mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, sal‑2018, din tal-aħħar ma kinitx ippjanat li titlob tali reviżjoni. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, din ir-reviżjoni tidher li ġiet ikkunsidrata fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi adottat id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 u bl-għan li tippermetti aċċettazzjoni rapida ta’ dokument ta’ gwida dwar in-naħal rivedut. |
59 |
Minn dan isegwi li l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li kellu bħala suġġett id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien ġie konkluż fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li, konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża l-imsemmija deċiżjonijiet fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiża sabiex tipproteġi l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni dwar kwistjoni li fuqha din tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni. |
60 |
Fil-fatt, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel distinzjoni ċara skont jekk proċedura tkunx ingħalqet jew le. Ladarba d-deċiżjoni adottata, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali huma inqas akuti, b’mod li l-iżvelar ta’ kull dokument minbarra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jista’ qatt jippreġudika l-imsemmi proċess u r-rifjut ta’ żvelar ta’ tali dokument ma jistax jiġi awtorizzat, minkejja li l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament dan il-proċess kieku seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. B’hekk, ir-raġunijiet invokati minn istituzzjoni u li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal tali dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva jistgħu ma jkunux suffiċjenti sabiex jopponu r-rifjut ta’ żvelar tal-istess dokument wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punti 78, 80 u 82). |
61 |
Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
62 |
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll, barra minn hekk, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li jirrigwarda r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jitqies għalhekk li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ. |
3. Fuq it‑tieni lment tat‑tieni parti tal‑ewwel motiv, dwar ir‑raġunijiet mogħtija fid‑deċiżjonijiet ikkontestati
63 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq grupp ta’ tliet raġunijiet marbuta sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-Kummissjoni, l-ewwel, il-proċeduri ta’ komitoloġija jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. It-tieni, l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri skambjati f’kuntest ta’ kunfidenzjalità jikkomprometti l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Ċerti ċirkustanzi li jirrigwardaw id-diskussjonijiet dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jikkostitwixxu provi solidi tal-kumplessità u tan-natura sensittiva tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni, li għandu jiġi protett. It-tielet, il-Kummissjoni kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna li ġejja minn diversi partijiet ikkonċernati li għandhom interessi kontradittorji, b’tali mod li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jesponi proċess deċiżjonali twil u kumpless għal iktar pressjoni esterna. L-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra u l-flessibbiltà tal-Istati Membri, li għandhom ikunu liberi li jesploraw, mingħajr pressjoni esterna, l-għażliet kollha fi ħdan il-kumitati permanenti. |
64 |
Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw dawn ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-imsemmija argumenti, ikkontestata mill-Kummissjoni minħabba li dawn jikkostitwixxu motiv ġdid. |
a) Fuq l‑ammissibbiltà tal‑argumenti tar‑rikorrenti
65 |
Ir-rikorrenti, fir-replika, tindika li hija tikkonferma li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru wkoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr ma jinbidlu l-argumenti tagħha, ħlief sabiex “‘it-tieni subparagrafu’ jiġi ssostitwit bl-‘ewwel subparagrafu’”, peress li d-dritt applikabbli huwa l-istess. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti rreferiet espressament għall-imsemmi l-ewwel subparagrafu fin-nota ta’ adattament tagħha tar-rikors fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20. Dan l-argument għalhekk ma huwiex “motiv ġdid”, peress li r-raġunament espost huwa eżattament l-istess u r-rikorrenti diġà għamlet riferiment għalih. Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza dwar l-estensjoni tal-motivi, ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, iż-żewġ subparagrafi jikkostitwixxu “żidiet meħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ żvelar tad-dokumenti […] f’dak li jirrigwarda n-neċessità li jiġi protett il-proċess deċiżjonali” u li s-sens tal-argument tagħha, fir-rikors u fir-replika ppreżentati f’kull waħda mill-kawżi magħquda, huwa l-istess. Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ewwel motiv għaldaqstant ma huwiex inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
66 |
Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika, fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tippreċiża l-portata tal-ewwel motiv, preliminarjament, tosserva li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonċernaw l-istess eċċezzjoni waħda, filwaqt li dawn jirrigwardaw żewġ eċċezzjonijiet differenti li japplikaw b’mod alternattiv. F’dan il-kuntest, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kkonfermat li hija kellha l-intenzjoni tinvoka ksur tat-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, u għalhekk l-invokazzjoni ta’ dan is-subparagrafu ma kinitx żball materjali. Għall-kuntrarju, huwa r-riferiment għall-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni (darba fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u darba fir-rikors fil-Kawża T‑554/20) li jikkostitwixxi żball materjali, peress li ma hemm l-ebda argument awtonomu f’dan ir-rigward, iktar u iktar peress li ż-żewġ eċċezzjonijiet japplikaw alternattivament. Jekk ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni tiżviluppa raġunament sussidjarju jew kumulattiv dwar l-ewwel subparagrafu, hija kellha tindika dan b’mod ċar fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 jew fir-rikors fil-Kawża T‑554/20; hija ma tistax tapplika tali estensjoni b’mod retroattiv. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka fir-replika argumenti li jirrigwardaw l-ewwel subparagrafu minħabba li dawn huma strettament marbuta ma’ dawk imressqa fir-rikors, peress li ż-żewġ eċċezzjonijiet huma differenti u jipproteġu żewġ interessi differenti. Il-fatt li d-dokumenti jistgħu jaqgħu taħt iż-żewġ eċċezzjonijiet ma għandu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha twettaq, li tvarja skont jekk l-interess protett huwiex proċess deċiżjonali pendenti jew magħluq. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess argument ma huwiex rilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rikorrenti, fir-replika, invokat motiv ġdid li huwa inammissibbli. |
67 |
L-ewwel, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-argument żviluppat fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi traspost għall-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, minħabba li d-dritt applikabbli huwa l-istess u li l-argument tar-rikorrenti jista’ għalhekk jibqa’ l-istess billi sempliċement jiġi ssostitwit il-kliem “it-tieni subparagrafu” bil-kliem “l-ewwel subparagrafu”. Fil-fatt, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq premessi żbaljati. Kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, ir-raġunament applikabbli fil-kuntest ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex l-istess, peress li dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet huma intiżi sabiex jipproteġu żewġ interessi differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li tista’ tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet oħra li ma humiex dawk invokati minħabba li hemm bżonn jinbidel, fl-argumenti tagħha, is-sempliċi riferiment għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. |
68 |
It-tieni, madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, fl-atti promoturi, hija invokat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, konsegwentement, fir-replika, hija tista’ testendi l-argumenti żviluppati insostenn ta’ tali invokazzjoni. |
69 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jitfakkar li, effettivament, kif jirriżulta barra minn hekk mill-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, fin-nota ta’ adattament tar-rikors fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti espressament invokat il-ksur tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi indikat li “ir-rikorrenti [qieset] li l-interpretazzjoni u l-użu mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pendenti) tar-Regolament […] Nru 1049/2001 ma [kinitx] iġġustifikata”. |
70 |
Barra minn hekk, b’mod koerenti ma’ tali invokazzjoni, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fl-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti fakkret espressament “ir-raġuni mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti, jiġifieri ‘li tipproteġi l-proċess deċiżjonali pendenti’”. |
71 |
Bl-istess mod, fil-parti introduttiva tan-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 kif ukoll tar-rikors fil-Kawża T‑554/20, ir-rikorrenti fakkret li kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati kienet “ibbażata fuq l-eċċezzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pendenti) tar-Regolament Nru 1049/2001”. |
72 |
Barra minn hekk, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikorsi, ir-rikorrenti invokat il-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
73 |
Għalhekk, mill-kontenut tal-ewwel motiv, kif ukoll mir-rikorsi kollha kemm huma, jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġie espressament invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-iżviluppi relatati mal-ewwel motiv tar-rikorsi. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li dawn ir-riferimenti huma żbalji tal-pinna tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. |
74 |
Għalkemm huwa ċertament ta’ dispjaċir li, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti invokat mingħajr distinzjoni dispożizzjonijiet li għandhom portata differenti, bħall-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, xorta jibqa’ l-fatt li l-invokazzjoni tal-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tirriżulta kemm min-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 kif ukoll mir-rikors fil-Kawża T‑554/20. |
75 |
Min-naħa l-oħra, huwa ċertament minnu li, minbarra l-argumenti diġà mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq, huwa biss fir-replika li, b’risposta għall-kritika tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti kompliet tartikola tali invokazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi żviluppat argumenti intiżi sabiex ikomplu jsostnu t-tieni parti tal-ewwel motiv. |
76 |
Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, ħlief jekk dan il-motiv ikun ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Minbarra dan, l-argumenti li s-sustanza tagħhom għandha rabta stretta ma’ motiv mogħti fir-rikors ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala motivi ġodda u l-preżentazzjoni tagħhom hija ammessa fl-istadju tar-replika jew tas-seduta (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Pro NGO! vs Il‑Kummissjoni, T‑454/17, EU:T:2018:755, punt 70). |
77 |
Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-replika ma jikkostitwixxux motiv ġdid, iżda għandhom rabta stretta mal-invokazzjoni tal-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li kien diġà inkluż fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20. |
78 |
Fil-fatt, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, ir-rikorrenti sostniet li l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 “ma [kinitx] iġġustifikata”. Barra minn hekk, fl-imsemmija atti, ir-rikorrenti żiedet, ċertament b’mod ġenerali, li “il-Kummissjoni [naqset] milli tispjega kif l-aċċess għad-dokumenti mitluba jippreġudika speċifikament u effettivament il-proċess deċiżjonali”. Fir-replika, ir-rikorrenti spjegat għaliex, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni “ma [kinitx] uriet li l-awtorizzazzjoni tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba kienet twassal għal riskju konkret u effettiv għall-proċess deċiżjonali pendenti” u, b’mod iktar preċiż, għaliex ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jurux “b’mod adegwat li l-awtorizzazzjoni tal-iżvelar tad-dokumenti kienet ser twassal għal riskju konkret, effettiv u serju fil-proċess deċiżjonali pendenti”. L-argumenti esposti fir-replika f’kull kawża huma intiżi għalhekk sabiex jiżviluppaw direttament l-ilment li jinsab fl-atti introduttivi li jirrigwardaw l-assenza ta’ ġustifikazzjoni adegwata li tippermetti l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
79 |
Konsegwentement, peress li, f’dan il-każ, l-argumenti ppreżentati fir-replika f’kull kawża dwar il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxu estensjoni tal-motiv imsemmi fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20 dwar din l-istess dispożizzjoni, dawn għandhom jitqiesu li huma ammissibbli. |
80 |
Barra minn hekk, minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti, sa fejn jirrigwardaw ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati, jikkoinċidu, essenzjalment, mal-argumenti żviluppati – b’mod ċertament kultant sfortunatament impreċiż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom kien invokat – fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20 fir-rigward tal-kontenut konkret tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punti 31 u 74 iktar ’il fuq). |
81 |
Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-replika sabiex jiġu kkontestati r-raġunijiet imfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
b) Fuq il‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti
82 |
Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li r-Regoli standard ta’ proċedura għall-kumitati (ĠU 2011, C 206, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“Regoli proċedurali standard”) ma jistgħux jipprevalu fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma spjegatx kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien iwassal għal riskju konkret u effettiv għall-proċess deċiżjonali pendenti. L-ewwel, il-Kummissjoni ma turix kif l-effett fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali. Il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 ilu jkun diskuss għal iktar minn seba’ snin jew qiegħed jiġi rrivedut huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. It-tieni, il-pressjoni esterna invokata mill-Kummissjoni lanqas ma tipprova li l-iżvelar kien jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali. Din il-pressjoni lanqas ma għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li ma hijiex il-konsegwenza diretta tal-iżvelar tad-dokumenti u huma l-istituzzjonijiet li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitawha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss ma stabbilixxietx ir-realtà tal-pressjoni allegata, iżda ma spjegatx għal liema raġunijiet din il-pressjoni toħloq “riskju serju” għall-proċess deċiżjonali. It-tielet, il-Kummissjoni kellha turi l-eżistenza ta’ riskju speċifiku fir-rigward ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba. |
83 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti huma infondati. Minn naħa, ir-rikorrenti tinjora l-kuntest ġuridiku rilevanti, b’mod partikolari r-Regoli proċedurali standard. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tidher li qiegħda tikkontesta għall-ewwel darba, u b’mod inkoerenti mal-argumenti preċedenti tagħha, il-fatt li l-Kummissjoni ġarrbet pressjoni esterna. L-elementi li jsostnu l-eżistenza tar-riskju għall-proċess deċiżjonali ma għandhomx jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, iżda bħala li jagħmlu parti minn sensiela ta’ indizji konkordanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma applikatx preżunzjoni ġenerali, iżda evalwat b’mod speċifiku l-kontenut tad-dokumenti kollha mitluba. |
84 |
Qabel kollox, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn jistgħu jinftiehmu bħala li jinvokaw nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 63 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ikkontestati jesponu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni jippermettux li tali rifjut jiġi ġġustifikat validament taqa’ taħt il-fondatezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u mhux taħt in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu eżaminati. |
1) Fuq il‑pożizzjoni individwali tal‑Istati Membri fil‑proċeduri ta’ komitoloġija
85 |
Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat li l-proċeduri ta’ komitoloġija jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri u li dan huwa rifless f’ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 182/2001, dispożizzjonijiet li, skont il-Kummissjoni, “jeskludu espressament il-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri mill-aċċess tal-pubbliku”. |
86 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-Regoli proċedurali standard ma jistgħux jipprevalu fuq ir-Regolament Nru 1049/2001. |
87 |
Il-Kummissjoni tirrispondi li r-rikorrenti tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku rilevanti. |
88 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din it-tilwima ma tirrigwardax, b’mod ġenerali, ir-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-kumitati ta’ komitoloġija, u lanqas l-aċċess dirett għal dan ix-xogħol, iżda biss l-aċċess, wara talba għal aċċess imressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001 mir-rikorrenti, għal ċerti dokumenti skambjati fi ħdan is-Scopaff fil-kuntest tal-eżami tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, peress li dawn id-dokumenti huma messaġġi elettroniċi li jinkludu, essenzjalment, il-pożizzjoni individwali ta’ ċerti Stati Membri dwar l-imsemmi dokument ta’ gwida jew dwar abbozz ta’ emenda tal-prinċipji uniformi intiżi sabiex jimplimentawh (ara l-punti 5, 11 u 14 iktar ’il fuq). |
89 |
Fl-ewwel lok, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sabiex issostni r-raġuni li l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri kellha tiġi protetta fil-proċeduri ta’ komitoloġija u għalhekk kellha tiġi eskluża mill-aċċess tal-pubbliku, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-kontenut ta’ żewġ dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard, jiġifieri l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(2) tagħhom: l-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tindika li l-“kitba fil-qosor m’għandhiex issemmi l-pożizzjoni individwali tal-membri waqt id-diskussjonijiet tal-kumitat” u, it-tieni waħda, li d-“diskussjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.” |
90 |
Fi kliem ieħor, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni la bbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, la fuq ir-Regolament Nru 182/2011, u lanqas fuq il-kontenut ta’ regoli interni li s-Scopaff kien effettivament adotta. |
91 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, meta ġiet mistoqsija fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dwar il-kwistjoni jekk is-Scopaff kellux regoli interni, il-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Marzu 2022, indikat li dan il-kumitat ma kellux regoli interni, iżda li kien jorganizza x-xogħol tiegħu skont ir-Regoli proċedurali standard. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova insostenn ta’ din l-aħħar indikazzjoni. Mistoqsija waqt is-seduta abbażi ta’ dan l-approċċ tas-Scopaff, il-Kummissjoni ma semmietx xi bażi partikolari, iżda indikat, essenzjalment, li peress li s-Scopaff, filwaqt li ma rriproduċiex ir-regoli tar-Regoli proċedurali standard f’regoli interni, irrefera għalihom “b’mod prattiku” sabiex jorganizza x-xogħol tiegħu. |
92 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mis-sitwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, ViaSat vs Il‑Kummissjoni (T‑649/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:235), dwar ċerti attivitajiet ta’ kumitat ta’ komitoloġija ieħor, f’dan il-każ, l-ebda element fil-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-Scopaff adotta regoli interni li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati u li jenfasizzaw l-importanza li dan il-kumitat jagħti lill-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni skambjata fi ħdanha u tad-diskussjonijiet tagħha. |
93 |
Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li s-Scopaff adotta jew segwa “b’mod prattiku” ir-regoli tar-Regoli proċedurali standard, inklużi d-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tali fatt ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk kellhom jiġu interpretati fis-sens li huma jenfasizzaw in-natura kunfidenzjali tad-diskussjonijiet tas-Scopaff u tal-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri f’dan il-kuntest, jistgħu jeskludu, bħala prinċipju, ċerti dokumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. |
94 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 19 tar-Regolament Nru 182/2011 tippreċiża li għandu jiġi ggarantit l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar ix-xogħol tal-kumitati, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001. Għal dan l-għan, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 182/2011 jistabbilixxi li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti li huma applikabbli għall-Kummissjoni japplikaw għall-kumitati (dispożizzjoni identika kienet barra minn hekk tinsab fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 1999/468). Ir-Regolament Nru 182/2011 ifakkar ukoll li l-kumitati huma suġġetti għall-istess regoli bħall-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, jiġifieri dawk tar-Regolament Nru 1049/2001, u ma fihx regola speċifika li tirrigwarda l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw ix-xogħol tal-kumitati. |
95 |
Ċertament, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprevedi li kull kumitat għandu jadotta r-regoli interni tiegħu abbażi tar-Regoli proċedurali standard, li huma mfassla mill-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-Istati Membri, u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
96 |
Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-regoli interni ta’ kumitat, jew anki dawk tar-Regoli proċedurali standard, irrispettivament minn jekk ġewx riprodotti mill-kumitat fir-regoli interni tiegħu jew le, ma jistgħux jippermettu l-għoti, bi tweġiba għal talba għal aċċess mill-pubbliku, ta’ protezzjoni għal dokumenti li jmorru lil hinn minn dak li huwa previst mir-Regolament Nru 1049/2001. |
97 |
B’hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jippermettu li jiġu protetti l-pożizzjonijiet individwali espressi mill-Istati Membri lil hinn minn dak li huwa previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 92). |
98 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti ma tistax tiġġustifika li istituzzjoni tirrifjuta, bħala prinċipju, l-aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw id-diskussjonijiet tagħha minħabba li dawn jinkludu informazzjoni dwar il-pożizzjoni meħuda mir-rappreżentanti tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2001, British American Tobacco International (Investments) vs Il‑Kummissjoni, T‑111/00, EU:T:2001:250, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
99 |
Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti inerenti għax-xogħol tal-kumitati ta’ komitoloġija, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-kuntest ġuridiku rilevanti jeskludi, bħala prinċipju, l-aċċess tal-pubbliku għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. |
100 |
Fit-tielet lok, barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-aċċess tal-pubbliku, fuq talba, għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. |
101 |
L-ewwel, l-Artikolu 10(2) tar-Regoli proċedurali standard jirrigwarda l-kontenut tar-“rapport sommarju” tax-xogħol tal-kumitati. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 182/2011, ir-rapport sommarju huwa wieħed mid-dokumenti li jagħmlu parti mir-reġistru tax-xogħol tal-kumitati miżmum mill-Kummissjoni skont din l-aħħar dispożizzjoni, dokumenti li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati fl-imsemmi reġistru, konformement mal-paragrafu 5 tal-istess dispożizzjoni. L-Artikolu 10 tar-Regoli proċedurali standard iżid, ċertament, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, għalkemm ir-rapport sommarju għandu jiddeskrivi l-punti tal-aġenda u r-riżultati tal-voti, huwa “m’[għandux isemmi] l-pożizzjoni individwali tal-membri waqt id-diskussjonijiet tal-kumitat”. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni ma tirrigwardax l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-kumitati, iżda l-kontenut tar-reġistru tax-xogħol tal-kumitati, b’mod partikolari l-kontenut ta’ wieħed mid-dokumenti li jikkostitwixxuh, ir-rapport sommarju. Issa, il-fatt li r-rapport sommarju ma jsemmix il-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri ma għandux effett fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti u għalhekk ma jistax jippreġudika l-aċċess tal-pubbliku, fuq talba, għal dokumenti li juru l-imsemmija pożizzjonijiet individwali. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri ma għandha tiġi rreġistrata fl-ebda dokument, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss il-kontenut tar-rapport sommarju. |
102 |
Barra minn hekk, sa fejn, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 182/2011 sabiex issostni li l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri għandha tiġi protetta, peress li huma biss ir-riżultati tal-voti li jidhru fir-reġistru tax-xogħol tal-kumitati, tali argument għandu wkoll jiġi miċħud skont l-istess loġika. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss il-kontenut tar-reġistru tax-xogħol tal-kumitat, u mhux l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 182/2011, jista’ jseħħ skont ir-Regolament Nru 1049/2001. |
103 |
It-tieni, l-Artikolu 13(2) tar-Regoli proċedurali standard jindika, ċertament, li “[i]d-diskussjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali”. |
104 |
Madankollu, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement issemmi n-natura kunfidenzjali tad-“diskussjonijiet tal-kumitat”, u mhux il-proċedura kollha li fi tmiemha l-membri tal-kumitat jiddeliberaw (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 81). Min-naħa l-oħra, mingħajr ma hemm lok li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “diskussjonijiet tal-kumitat” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni tidher irrelativizzata mill-Artikolu 13 kollu tar-Regoli proċedurali standard. Fil-fatt, il-paragrafu 1 tiegħu jindika li t-talbiet għal aċċess għal dokumenti tal-kumitat għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u l-paragrafu 3 tiegħu jżid li “[d]okumenti mgħoddija lil membri tal-kumitat, lil esperti u lil rappreżentanti ta’ partijiet terzi għandhom ikunu kunfidenzjali […], dment li ma jingħatax aċċess għal dawk id-dokumenti skont il-paragrafu 1 jew li ma jsirux pubbliċi b’mod ieħor mill-Kummissjoni”. |
105 |
B’hekk, l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regoli proċedurali standard jipprevedi l-possibbiltà li, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess jingħata b’mod partikolari għal dokumenti mibgħuta minn membru tal-kumitat lill-membri l-oħra tal-kumitat u li, f’tali każ, dawn id-dokumenti ma jkunux kunfidenzjali jew ma jkunux għadhom kunfidenzjali. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jeskludu d-dokumenti, bħal messaġġi elettroniċi, li jinkludu l-osservazzjonijiet jew il-proposti ta’ membru tal-kumitat dwar abbozz ta’ miżura, ħlief sabiex titnaqqas indebitament il-portata tal-imsemmi paragrafu 3 fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti. |
106 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, xejn ma jsostni l-interpretazzjoni li, fid-dawl tal-allegata kunfidenzjalità li tirriżulta mill-Artikolu 13(2) tar-Regoli proċedurali standard, id-diskussjonijiet ta’ kumitat huma, bħala prinċipju, sensittivi. |
107 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċeduri ta’ komitoloġija, u b’mod partikolari r-Regoli proċedurali standard, ma jirrikjedux, bħala tali, li l-aċċess għal dokumenti li jirreferu għall-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri fi ħdan is-Scopaff jiġi rrifjutat sabiex jiġi protett il-proċess deċiżjonali ta’ dan il-kumitat, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni, f’każijiet debitament iġġustifikati, milli tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw il-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri fi ħdan l-imsemmi kumitat meta l-iżvelar tagħhom jirriskja li jippreġudika b’mod konkret l-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. |
2) Fuq il‑kooperazzjoni u l‑fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il‑kumplessità u s‑sensittività tal‑proċess deċiżjonali
108 |
Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar tal-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri, espressa f’kuntest ta’ kunfidenzjalità, jaffettwa negattivament il-kooperazzjoni tagħhom “fil-proċeduri ta’ komitoloġija” u jaffettwa l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni żiedet, essenzjalment, li l-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet għal iktar minn sitt snin, il-fatt li ma kienx intlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri matul dan il-perijodu u l-fatt li l-imsemmi dokument ta’ gwida kien is-suġġett ta’ reviżjoni kienu jikkostitwixxu prova solida tal-kumplessità u tas-sensittività tal-proċess deċiżjonali li kellu jiġi protett f’dan il-każ. Barra minn hekk, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet in-natura politikament sensittiva tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, liema fatt intwera mit-tul tad-diskussjonijiet f’dan ir-rigward. |
109 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx kif l-effett tal-fiduċja reċiproka jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali u li ċ-ċirkustanzi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati huma irrilevanti, filwaqt li hija pjuttost l-assenza ta’ trasparenza li tostakola l-proċess deċiżjonali. |
110 |
Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li l-elementi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu kkunsidrati mhux individwalment, iżda meħuda flimkien. |
111 |
Fl-ewwel lok, sa fejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni invokat in-neċessità li tiġi protetta l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq motivazzjoni ta’ natura astratta, fir-rigward tal-preżervazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni fil-proċeduri ta’ komitoloġija inġenerali. Bl-istess mod, sa fejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni semmiet in-neċessità li tipproteġi l-fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, peress li l-pożizzjonijiet individwali ta’ dawn tal-aħħar ġew skambjati f’ “kuntest ta’ kunfidenzjalità”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq motivazzjoni ta’ natura ġenerali. Dawn il-ġustifikazzjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li l-proċeduri ta’ komitoloġija jipproteġu, fir-rigward ta’ talba għal aċċess għal dokumenti, il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri espressi fi ħdan il-kumitati, premessa li, madankollu, diġà ġiet miċħuda fil-punt 107 iktar ’il fuq. Għalhekk dawn huma ġustifikazzjonijiet li ma għandhom l-ebda rabta konkreta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni f’din il-kawża. |
112 |
Konsegwentement, kif tirrileva r-rikorrenti, l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex ta’ natura li juru kif il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka fil-proċess deċiżjonali inkwistjoni jkunu affettwati fil-każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. |
113 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma marbuta b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejniethom u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 TUE, b’tali mod li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għal biża’ li jkun hemm nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu u d-dgħufija tad-dmirijiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. |
114 |
Fit-tieni lok, sa fejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti ċirkustanzi fattwali sabiex issostni li l-proċess deċiżjonali li hemm lok li jiġi protett f’dan il-każ huwa kumpless u sensittiv, u anki li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 huwa politikament sensittiv, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-kontenut tad-dokumenti mitluba, iżda, b’mod ġenerali, għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni kollu kemm hu jew għad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. |
115 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni għalhekk la sostniet, u lanqas a fortiori ma wriet, li d-dokumenti mitluba kienu ta’ natura sensittiva jew li dawn huma dokumenti sensittivi fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, dispożizzjoni li bl-ebda mod ma hija inkwistjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma sostniet li xi Stat Membru kien talabha, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li ma tiżvelax, mingħajr il-kunsens tiegħu, il-pożizzjoni tiegħu fuq id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. |
116 |
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kumplessità allegata tal-proċess deċiżjonali ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, raġuni partikolari sabiex ikun hemm biża’ li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika dan il-proċess serjament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 81). Bl-istess mod, il-fatt li suġġett ikun sensittiv lanqas ma jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni oġġettiva suffiċjenti li tiġġustifika l-biża’ ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali f’każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 80, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑51/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:519, punt 34). Fil-fatt, suġġett allegatament sensittiv ma jistax jiġi konfuż ma’ dokument sensittiv (sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Pech vs Il‑Kunsill, T‑252/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:203, punt 57). |
117 |
B’hekk il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-kumplessità tad-diskussjonijiet, il-possibbiltà ta’ diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn il-parteċipanti jew in-natura sensittiva ta’ dibattitu ma jippermettux li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Pech vs Il‑Kunsill, T‑252/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:203, punt 56). |
118 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jippermettux li jkun hemm biża’ ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali fil-każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. |
119 |
L-ewwel, il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet għal diversi snin u l-fatt li, matul dan iż-żmien, ma nstabx ftehim bejn l-Istati Membri ma jikkorroborawx ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tad-dokumenti mitluba invokat mill-Kummissjoni, iżda, għall-kuntrarju, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, għandhom tendenza li jikkontradixxuha. Fil-fatt, il-proċess deċiżjonali inkwistjoni ma wassalx għall-adozzjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 minkejja li huwa stabbilit li dan il-proċess seħħ mingħajr ma l-pubbliku kellu aċċess għall-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Għalhekk, minn naħa, l-assenza ta’ konklużjoni tal-proċess ma għandha l-ebda rabta ma’ xi forma ta’ informazzjoni jew ta’ trasparenza fir-rigward tal-pubbliku u, min-naħa l-oħra, ma huwiex stabbilit li l-assenza ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba tippermetti li dan il-proċess jiġi konkluż. Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ma jidhirx li jista’ jippreġudika l-proċess deċiżjonali inkwistjoni. |
120 |
It-tieni, il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 huwa s-suġġett ta’ reviżjoni mill-EFSA lanqas ma jikkorrobora r-rekwiżit ta’ protezzjoni invokat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma għandux impatt fuq l-imsemmija reviżjoni, li saret mill-EFSA, u mhux mill-Kummissjoni. |
121 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġuni invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati dwar il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka kif ukoll il-kumplessità u s-sensittività tal-proċess deċiżjonali ma hijiex ta’ natura li turi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni. |
3) Fuq il‑pressjonijiet esterni, il‑marġni ta’ manuvra u l‑flessibbiltà
122 |
Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat li hija kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna min-naħa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, li kultant jirrappreżentaw interessi diverġenti. Hija żiedet li l-Istati Membri, u l-Kummissjoni stess, għandhom ikunu liberi li jesploraw l-għażliet kollha fil-“kumitati permanenti” u jkunu ħielsa minn pressjoni esterna. L-iżvelar tad-dokumenti mitluba jesponi proċess deċiżjonali twil u diffiċli għal iktar pressjoni esterna. B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri waqt il-voti kif ukoll il-flessibbiltà tagħhom, billi jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali li ser iseħħ fi ħdan il-Kummissjoni. |
123 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-pressjoni esterna ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex il-konsegwenza tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. |
124 |
Il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti stess ammettiet l-eżistenza ta’ din il-pressjoni. |
125 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pressjoni esterna invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali kontra pressjoni esterna mmirata tista’ tikkostitwixxi raġuni leġittima sabiex jiġi ristrett l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ dan il-proċess deċiżjonali. Madankollu, ir-realtà ta’ tali pressjoni esterna għandha tiġi stabbilita b’ċertezza u għandha tiġi prodotta prova li r-riskju li l-proċess deċiżjonali pendenti jiġi affettwat b’mod sostanzjali kien raġonevolment prevedibbli, minħabba l-imsemmija pressjoni esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 86). |
126 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-raġuni marbuta mal-eżistenza ta’ pressjoni esterna tressqet mill-Kummissjoni b’mod ġenerali u vag. |
127 |
Qabel kollox, għalkemm il-Kummissjoni indikat li hija kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna min-naħa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, għandu jiġi rrilevat li din il-pressjoni kienet sempliċement allegata, u r-realtà tagħha ma ġietx ipprovata fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet tali pressjoni b’mod tant astratt (“[i]l-Kummissjoni kienet, u għadha, il-mira ta’ pressjoni esterna min-naħa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, li kultant jirrappreżentaw interessi diverġenti”) li tali ġustifikazzjoni tista’ tintuża għal kwalunkwe proċess deċiżjonali fi kwalunkwe qasam. |
128 |
Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, fin-nota ta’ adattament tar-rikors fil-Kawża T‑371/20, ir-rikorrenti indikat li hija “[kienet] tirrikonoxxi li, f’dan il-proċess, il-Kummissjoni [kienet] il-mira ta’ pressjoni esterna”. Madankollu, minbarra l-fatt li l-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda d-deċiżjonijiet ikkontestati u li tali dikjarazzjoni tar-rikorrenti ma tistax għalhekk tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati, din id-dikjarazzjoni hija wkoll vaga u ġenerali bħal dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti tirreferi għal “dan il-proċess”, hija lanqas ma tippreċiża l-pressjoni esterna inkwistjoni, b’tali mod li ma jistax jiġi konkluż li r-“realtà” tal-imsemmija pressjoni inkisbet “b’ċertezza” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 125 iktar ’il fuq. |
129 |
Sussegwentement, fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza, essenzjalment, ir-rikorrenti, il-ġustifikazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati tikkonċerna biss il-pressjoni esterna li l-Kummissjoni stess kienet il-mira tagħha. Għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jirreferu għal ebda pressjoni esterna li ġiet sostnuta mill-Istati Membri. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jipprovdu l-ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn il-pressjoni esterna sostnuta mill-Kummissjoni, jekk jiġi preżunt li din ġiet ipprovata, u l-preġudizzju li jirriżulta mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba, li jirrigwardaw il-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. |
130 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma sostnietx li n-nuqqas ta’ konklużjoni tal-proċess deċiżjonali kien il-konsegwenza ta’ pressjoni esterna, iżda indikat espressament li dan kien jirriżulta minn nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri, li ma għandu l-ebda rabta mal-allegata pressjoni sostnuta mill-Kummissjoni. |
131 |
Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni indikat li l-Istati Membri u hija nnifisha kellhom ikunu ħielsa minn pressjoni esterna sabiex jesploraw kull għażla fil-“kumitati permanenti”, huwa biżżejjed li jiġi osservat li hija ma rreferietx għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni fi ħdan is-Scopaff, iżda semmiet espressament, b’mod ġenerali, il-“kumitati permanenti” kollha kemm huma. |
132 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-marġni ta’ manuvra u tal-flessibbiltà invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sempliċement ressqet affermazzjonijiet ġenerali, li ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jwassal għal tnaqqis tal-marġni ta’ manuvra jew tal-flessibbiltà tal-Istati Membri fi ħdan is-Scopaff. |
133 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni ma rreferiet għal ebda element konkret li jista’ juri xi deterjorament tal-pożizzjoni tal-Istati Membri fil-każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Għall-kuntrarju, kif ġie osservat fil-punt 131 iktar ’il fuq, meta hija indikat li l-Istati Membri kellhom ikunu jistgħu jesploraw l-għażliet kollha, hija ma rreferietx għas-sitwazzjoni fi ħdan is-Scopaff fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni, iżda, b’mod ġenerali, għall-pożizzjoni tagħhom fi ħdan “kumitati permanenti”. |
134 |
Sussegwentement, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi li jistabbilixxu rabta bejn it-tnaqqis tal-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri u l-pressjoni esterna sostnuta mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija pressjoni li hija ssostni jkollha impatt fuq il-pożizzjoni tal-Istati Membri u li, għaldaqstant, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra tagħhom jew il-flessibbiltà tagħhom. |
135 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-marġni ta’ manuvra u l-kapaċità li jinkiseb kompromess bejn l-Istati Membri jkunu mnaqqsa ma jistax jikkaratterizza riskju suffiċjentement serju u raġonevolment prevedibbli sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑51/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:519, punt 36). |
136 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġuni invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati dwar il-pressjonijiet esterni, il-marġni ta’ manuvra u l-flessibbiltà ma hijiex ta’ natura li turi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni. |
137 |
Minn dan isegwi li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġġustifikaw, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, anki jekk jitqies, kif ġie invokat fil-punt 62 iktar ’il fuq, li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ. |
138 |
Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jintlaqa’ wkoll u, fuq din il-bażi wkoll, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
4. Konklużjonijiet fuq l‑ewwel motiv
139 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi rrifjutat l-iżvelar tad-dokumenti mitluba minħabba li minn dan jirriżulta preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali pendenti. |
140 |
Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba fid-dawl tan-natura leġiżlattiva u ambjentali tagħhom, kwistjoni mqajma fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi. |
141 |
Għall-kuntrarju, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv. |
C. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq l‑applikazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 4(1)(b) u tal‑Artikolu 4(6) tar‑Regolament Nru 1049/2001
142 |
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-neċessità li tiġi protetta l-ħajja privata u l-integrità tal-individwu fir-rigward tad-data personali li tinsab fid-dokumenti mitluba, peress li, jekk tali informazzjoni tinsab f’dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni jkollha tanonimazzahom u tiżvela l-partijiet l-oħra tad-dokumenti. |
143 |
Ir-rikorrenti żżid li hija ma hijiex marbuta bil-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li hija ssostni li l-Kummissjoni setgħet tiżvela d-dokumenti mitluba wara li tkun anonimizzat l-informazzjoni dwar id-data personali: għalkemm il-Kummissjoni għamlet dan għad-dokument 2 imsemmi fl-ewwel deċiżjoni kkontestata u għad-dokumenti 3, 10, 12 u 33 imsemmija fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-kumplament tad-dokumenti għadhom ma ġewx ippubblikati. |
144 |
Il-Kummissjoni twieġeb li r-raba’ motiv huwa żbaljat fuq il-livell fattwali u huwa ineffettiv. |
145 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 għal ċerti dokumenti mitluba, jiġifieri d-dokument 2 imsemmi fl-ewwel deċiżjoni kkontestata u d-dokumenti 3, 10, 12 u 33 imsemmija fit-tieni deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 9 u 14 iktar ’il fuq). Għalhekk, filwaqt li tat aċċess għal ċerti partijiet tal-imsemmija dokumenti, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal partijiet oħra ta’ dawn id-dokumenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eċċezzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu, minn naħa, il-proċess deċiżjonali pendenti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, min-naħa l-oħra, il-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament. Huwa fir-rigward tal-imsemmija dokumenti li r-rikorrenti kellha aċċess parzjali għalihom li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, applikat l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tipproteġi d-data personali ta’ ċerti individwi. |
146 |
Issa, kif jirriżulta mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-rigward tar-raba’ motiv, u kif ikkonfermat waqt is-seduta, permezz ta’ dan il-motiv hija ma għandhiex l-għan li ssostni li, fir-rigward tad-dokumenti li għalihom hija kellha aċċess parzjali, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ma tathiex aċċess għad-data personali li l-aċċess għaliha ġie rrifjutat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, filwaqt li tikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn taw aċċess parzjali għal uħud mid-dokumenti mitluba, ir-rikorrenti ma titlobx li jkollha aċċess għad-data personali protetta mill-Kummissjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti u, barra minn hekk, hija ma ressqet l-ebda argument intiż li jikkontesta l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-imsemmija eċċezzjoni f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, dak li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, huwa li l-Kummissjoni kellha ssegwi l-istess approċċ għad-dokumenti l-oħra mitluba, fis-sens li hija kellha wkoll tagħtiha aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti l-oħra billi tillimita ruħha li tipproteġi d-data possibbilment personali li kienet tinsab fihom. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti huwa intiż, essenzjalment, sabiex isostni li l-Kummissjoni applikat indebitament l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
147 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ motiv huwa ineffettiv, peress li, minn naħa, ma tistax tiġi kkontestata l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet f’dan il-każ tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex effett fuq dik tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ ksur tal-ewwel dispożizzjoni, anki jekk dan il-ksur jiġi stabbilit, ma tistax twassal, fiha nnifsha, għall-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ partijiet ta’ dokumenti mitluba li għalihom l-aċċess ġie rrifjutat bis-saħħa tat-tieni dispożizzjoni. |
148 |
Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud. |
149 |
Peress li t-tieni parti tal-ewwel motiv intlaqgħet fl-ewwel ilment tagħha (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq) u fit-tieni ilment tagħha (ara l-punti 137 u 138 iktar ’il fuq), u billi kull wieħed minn dawn l-ilmenti milqugħa għandu jwassal, fih innifsu, għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hemm lok li l-imsemmija deċiżjonijiet jiġu annullati. |
IV. Fuq l‑ispejjeż
150 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, sabiex tħallasha ammont ta’ EUR 3000 bħala spejjeż. |
151 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Qorti Ġenerali tiddetermina esklużivament it-tqassim tal-oneru tal-ispejjeż bejn il-partijiet, mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-ammont tagħhom. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura awtonoma, irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, distinta mid-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-ispejjeż. Għalhekk, l-intaxxar tal-ispejjeż jista’ jsir biss wara s-sentenza jew id-digriet li jtemmu l-istanza (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2019, Karp vs Il‑Parlament, T‑580/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:62, punt 100). |
152 |
Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda bħala inammissibbli l-parti tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż li fiha hija titlob li l-Qorti Ġenerali tiffissa l-ammont li l-Kummissjoni għandha tħallasha bħala spejjeż f’kull waħda minn dawn il-kawżi għal EUR 3000. |
153 |
Xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
154 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
155 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Marcoulli Frimodt Nielsen Schwarcz Iliopoulos Norkus Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Settembru 2022. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.