Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0342

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
    Indo European Foods Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice – Trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata BASMATI – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom – Perijodu ta’ tranżazzjoni – Interess ġuridiku – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 2017/10014 – Sistema tal-azzjoni tal-common law kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) – Riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa – Probabbiltà ta’ dilwizzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni.
    Kawża T-342/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:651

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice – Trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata BASMATI – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom – Perijodu ta’ tranżizzjoni – Interess ġuridiku – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar‑Regolament Nru 2017/1001) – Sistema tal-azzjoni tal-common law kontra l‑abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) – Riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa – Probabbiltà ta’ dilwizzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni”

    Fil-Kawża T‑342/20,

    Indo European Foods Ltd, stabbilita f’Harrow (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Norris, barrister, u N. Welch, solicitor,

    rikorrenti,

    kontra

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn H. O’Neill u V. Ruzek, bħala aġenti,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

    Hamid Ahmad Chakari, residenti fi Vjenna (l-Awstrija),

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal‑Appell tal-EUIPO tat-2 ta’ April 2020 (Każ R 1079/2019‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Indo European Foods u H. A. Chakari,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz u G. Steinfatt (Relatriċi), Imħallfin,

    Reġistratur: J. Pichon, Amministratriċi,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2020,

    wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2020,

    wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-14 ta’ Ġunju 2017, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, H. A. Chakari, ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (sostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

    Image

    3

    Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara ċaħda parzjali tal-applikazzjoni fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni paralleli, fil-klassijiet 30 u 31, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957 kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

    klassi 30: “Dqiq tar-ross; gallettini tar-ross; Kejkijiet tar-ross; għaġin tar-ross għall-użu fit-tisjir; prodotti tal-ikel estrużi abbażi ta’ ross”;

    klassi 31: “Dqiq tar-ross [għall-għalf]”.

    4

    L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal‑Unjoni Ewropea Nru 169/2017, tas-6 ta’ Settembru 2017.

    5

    Fit-13 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti, Indo European Foods Ltd, ressqet oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

    6

    L-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata fir-Renju Unit BASMATI użata b’riferiment għar-ross.

    7

    Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 2017/1001. Ir-rikorrenti kienet sostniet, essenzjalment, li hija setgħet, abbażi tad-dritt applikabbli fir-Renju Unit, tipprekludi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, permezz tal-forma msejħa “estiża” tal-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni (action for passing off).

    8

    Fil-5 ta’ April 2019, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Hija kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti kienet intużat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali qabel id-data rilevanti u fit-territorju inkwistjoni. Konsegwentement, fil-fehma tagħha, waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001 ma kinitx issodisfatta.

    9

    Fis-16 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell bħala infondat minħabba li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-isem “basmati” kien jippermettilha tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-Renju Unit minħabba r-reat ta’ estensjoni tal-abbuż tad-denominazzjoni fil-common law.

    11

    Mill-provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li, sabiex azzjoni twassal għall-imsemmi reat, għandu jintwera li, l-ewwel nett, l-isem “basmati” jindika klassi ferm iddefinita ta’ prodotti, it-tieni, dan l-isem igawdi minn reputazzjoni li tagħti lok għal “goodwill” (jiġifieri kapaċità li tiġbed l-attenzjoni tal-klijentela) fir-rigward ta’ parti sinjifikattiva tal-pubbliku tar-Renju Unit, it-tielet nett, ir-rikorrenti hija waħda mid-diversi operaturi ekonomiċi awtorizzati li jinvokaw il-goodwill assoċjata mal-imsemmi isem, ir-raba’ nett, hemm rappreżentazzjoni qarrieqa min-naħa tal-applikant li twassal jew tista’ twassal lill-pubbliku jemmen li l-prodotti proposti taħt is-sinjal huma ross basmati u, il-ħames nett, sostniet jew tirriskja li ssostni dannu minħabba l-konfużjoni maħluqa mill-imsemmija rappreżentazzjoni qarrieqa.

    12

    Il-Bord tal-Appell qies li l-ewwel tliet kundizzjonijiet tal-forma estiża tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni kienu ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-użu tas-sinjal li r-reġistrazzjoni tiegħu kienet ikkontestata seta’ jwassal għal preżentazzjoni qarrieqa tal-isem magħruf “basmati”. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li, f’dan il-każ, l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kienx jirriskja li jikkawża dannu kummerċjali lir-rikorrenti bbażat fuq it-telf ta’ bejgħ, sa fejn il-prodotti inkwistjoni kienu prodotti li ma humiex tar-ross, filwaqt li r-rikorrenti kienet tbigħ esklużivament ross. Bl-istess mod, l-ebda argument ma jispjega b’liema mod l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jaffettwa l-karattru distintiv tal-kelma “basmati”, fid-dawl tal-fatt li r-ross “super basmati” kien varjetà rikonoxxuta ta’ ross basmati.

    It-talbiet tal-partijiet

    13

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tilqa’ l-oppożizzjoni għall-prodotti kollha;

    sussidjarjament, tibgħat lura l-kwistjoni quddiem l-EUIPO għal eżami mill-ġdid;

    tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    14

    L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Fid-dritt

    Fuq is-suġġett u l-ammissibbiltà tar-rikors

    15

    Fl-ewwel lok, l-EUIPO jsostni li, sa fejn l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti mhux irreġistrata fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fid-dawl tal-ħruġ ta’ dan l-Istat mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Frar 2020, l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”) iċċaħħad il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u dan ir-rikors mill-iskop tagħhom. Fil-fatt, mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ir-riferimenti magħmula fir-Regolament 2017/1001 għall-Istati Membri u għad-dritt tal-Istati Membri ma humiex relatati iktar mar-Renju Unit u mad-dritt tar-Renju Unit. Konsegwentement, minn din id-data, l-ewwel nett, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tipproduċi ebda effett ġuridiku fit-territorju tar-Renju Unit, it-tieni nett, id-dritt invokat mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix iktar “dritt preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001 u, it-tielet, wara l-eventwali reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma jista’ jqum ebda kunflitt, peress li din tal-aħħar ma hijiex protetta fir-Renju Unit, filwaqt li d-dritt preċedenti huwa esklużivament protett fir-Renju Unit.

    16

    Il-Ftehim dwar il-ħruġ, li jiddefinixxi l-modalitajiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Dan il-ftehim jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ jippreċiża li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni għandu jkompli japplika fit-territorju tar-Renju Unit.

    17

    Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-2 ta’ April 2020, li fiha huwa ta deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-motiv ta’ oppożizzjoni invokat mir-rikorrenti. Issa, l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal oppożizzjoni għandha tiġi evalwata, l-iktar tard, fil-mument meta l-EUIPO jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali reċentement iddeċidiet li t-trade mark preċedenti li sservi ta’ bażi għall-oppożizzjoni kellha tkun valida mhux biss fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda wkoll fil-mument meta l-EUIPO jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni (sentenza tat-14 ta’ Frar 2019, Beko vs EUIPO Acer (ALTUS), T‑162/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:87, punt 41). Madankollu, teżisti ġurisprudenza kuntrarja skont liema, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni marbuta ma’ oppożizzjoni, wieħed għandu jqiegħed ruħu fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li kontriha tressqet l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark preċedenti. (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2018, Golden Balls vs EUIPO – Les Éditions P. Amaury (GOLDEN BALLS), T‑8/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:692, punt 76; tat-30 ta’ Jannar 2020, Grupo Textil Brownie vs EUIPO – The Guide Association (BROWNIE), T‑598/18, EU:T:2020:22, punt 19; u tat-23 ta’ Settembru 2020, Bauer Radio vs EUIPO – Weinstein (MUSIKISS), T‑421/18, EU:T:2020:433, punt 34). Skont din il-ġurisprudenza tal-aħħar, il-fatt li s-sinjal preċedenti jista’ jitlef l-istatus ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali f’mument wara din id-data, b’mod partikolari wara rtirar eventwali mill-Istat Membru li fih it-trade mark tgawdi minn protezzjoni, huwa bħala prinċipju irrilevanti għall-eżitu tal-oppożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, BROWNIE, T‑598/18, EU:T:2020:22, punt 19).

    18

    F’dan il-każ, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, H. A. Chakari applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Ġunju 2017, u għalhekk f’mument meta r-Renju Unit kien Stat Membru tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ittieħdet fit-2 ta’ April 2020, jiġifieri wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, iżda matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji fil-Ftehim dwar il-ħruġ, ir-Regolament 2017/1001 jibqa’ japplika għat-trade marks tar-Renju Unit kif ukoll għat-trade marks preċedenti mhux irreġistrati fir-Renju Unit użati fil-kummerċ. Għaldaqstant, it-trade mark preċedenti tkompli tibbenefika mill-istess protezzjoni bħal dik li kienet tibbenefika minnha fl-assenza ta’ ħruġ mir-Renju Unit mill-Unjoni sal-aħħar tal-perijodu ta’ tranżizzjoni (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, MUSIKISS, T‑421/18, EU:T:2020:433, punt 33).

    19

    Fi kwalunkwe każ, li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tat-tilwima jintemm meta jseħħ fil-mori tal-kawża avveniment li sussegwentement għalih trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, b’mod partikolari wara rtirar eventwali mill-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni, iwassal, għall-Qorti Ġenerali, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni motivi li dehru wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li ma humiex intiżi li jaffettwaw il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Les Complices (Stilla f’ċirku), T‑342/12, EU:T:2014:858, punt 24). Issa, peress li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001, il-Qorti Ġenerali għandha, bħala prinċipju, sabiex tevalwa l-imsemmija legalità, tirreferi għad-data tad-deċiżjoni kkontestata.

    20

    Minn dan isegwi li, ikun xi jkun il-mument deċiżiv li fih huwa magħżul li jsir riferiment (il-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark jew dak tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell), it-trade mark invokata mir-rikorrenti insostenn tal-oppożizzjoni u tal-appell tagħha tista’ tkun il-bażi tal-oppożizzjoni.

    21

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mill-EUIPO. Għalkemm mis-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, ALTUS (T‑162/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:87, punti 41 sa 43), invokata mill-EUIPO, jirriżulta li t-trade mark preċedenti li sservi ta’ bażi għall-oppożizzjoni għandha dejjem tkun valida fil-mument meta tiddeċiedi dwarha, minn dan ma jistax jiġi dedott li rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jitlef is-suġġett tiegħu meta din it-trade mark titlef l-istatus tagħha fir-rigward tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001 matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    22

    Is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2021, Style & Taste vs EUIPO – The Polo/Lauren Company (Rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo) (T‑169/19, EU:T:2021:318), li jirreferi wkoll għaliha l-EUIPO, u li, skont hu, tikkonċerna kwistjoni “konnessa”, fil-fatt, ma hijiex rilevanti għal din it-tilwima. L-ewwel nett, il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza ma tikkonċernax proċedimenti ta’ oppożizzjoni, iżda l-kwistjoni dwar liema hija d-data li fiha dritt preċedenti għandu jiġi protett sabiex tkun tista’ tiġi bbażata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 52(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). It-tieni nett, skont is-soluzzjoni adottata f’dik is-sentenza, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà industrijali preċedenti msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni għandu jistabbilixxi li huwa jista’ jipprojbixxi l-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontenzjuża mhux biss fid-data tal-preżentata jew ta’ prijorità ta’ din it-trade mark, iżda wkoll fid-data li fiha l-EUIPO jiddeċiedi dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2021, Rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo, T‑169/19, EU:T:2021:318, punt 30). Issa, din id-data ma hijiex sussegwenti għal dawk imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq.

    23

    Għaldaqstant, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ma wassalx għat-telf tas-suġġett ta’ din it-tilwima.

    24

    Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax iktar ikun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti, din ma għadx għandha interess ġuridiku f’din il-proċedura. Huwa jirrileva li, anki jekk jiċħad l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-applikant ikun f’pożizzjoni li jittrasforma t-trade mark tiegħu f’applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jżomm, skont l-Artikolu 139 tar-Regolament 2017/1001, il-prijorità tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea miċħuda. Għalhekk, l-applikant jikseb il-protezzjoni tat-trade mark fl-istess territorju daqslikieku l-oppożizzjoni magħmula kontra l-imsemmija applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi miċħuda. Waqt is-seduta, l-EUIPO żied li, fil-fehma tiegħu, l-assenza ta’ interess ġuridiku tirriżulta barra minn hekk mill-fatt li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u meta t-tilwima tiġi, konsegwentement, mibgħuta lura quddiem il-Bord tal-Appell, dan ikun jista’ biss jiċħad ir-rikors, peress li mill-ġurisprudenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2019, ALTUS (T‑162/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:87), u tat-2 ta’ Ġunju 2021, Rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo (T‑169/19, EU:T:2021:318), jirriżulta li t-trade mark protetta li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ma għandhiex titlef il-validità fil-mument fejn l-EUIPO jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

    25

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, ikun jeżisti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors ikun inammissibbli. Dan l-iskop tal-kawża, bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Ottubru 2014, Stilla f’ċirku, T‑342/12, EU:T:2014:858, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent ma jibqax jeżisti matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalih.

    26

    Qabelxejn, għandu jiġi miċħud l-argument tal-EUIPO li l-assenza ta’ interess ġuridiku tirriżulta mill-fatt li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jittrasforma t-trade mark tiegħu f’applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u b’hekk jikseb il-protezzjoni tat-trade mark fl-istess territorju daqslikieku l-oppożizzjoni magħmula kontra l-imsemmija applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea kienet miċħuda. Fil-fatt, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, bħala prinċipju, għal kull proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

    27

    Barra minn hekk, l-EUIPO huwa żbaljat meta jsostni li l-Bord tal-Appell li quddiemu l-kawża tintbagħat lura jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata jkollha tiċħad ir-rikors minħabba nuqqas ta’ trade mark preċedenti protetta mid-dritt ta’ Stat Membru. L-EUIPO jitlaq minn premessa żbaljata meta jsostni li l-Bord tal-Appell kellu jqiegħed lilu nnifsu, għall-evalwazzjoni tal-fatti, fil-mument tad-deċiżjoni l-ġdida tiegħu. Fil-fatt, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, l-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell jerġa’ jsir pendenti (sentenza tat-8 ta’ Frar 2018, Sony Interactive Entertainment Europe vs EUIPO – Marpefa (Vieta), T‑879/16, EU:T:2018:77, punt 40). Għaldaqstant, huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeċiedi mill-ġdid fuq dan l-istess appell, u dan skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu, peress li r-appell sar pendenti fl-istess stadju li fih kien jinsab qabel id-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza ċċitata mill-EUIPO insostenn tar-raġunament tiegħu hija irrilevanti. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza sempliċement tikkonferma li, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun meħtieġ li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tkompli teżisti f’mument sussegwenti għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

    28

    Minn dan isegwi li din il-kawża ma tilfitx is-suġġett tagħha u li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti għadu għaddej.

    Fuq il-mertu

    Fuq id-determinazzjoni tar-regolament applikabbli ratione temporis

    29

    Fid-dawl tad-data ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-14 ta’ Ġunju 2017, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-kawża huma rregolati bid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 12, u tat-18 ta’ Ġunju 2020, Primart vs EUIPO, C‑702/18 P, EU:C:2020:489, punt 2 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Konsegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għandhom jinftiehmu r-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001 bħala li jirreferu għall-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ kontenut identiku.

    Fuq it-talba għal annullament

    31

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tikkontesta b’mod partikolari l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa ma jistax jiġi stabbilit abbażi tal-prodotti kkontestati kif ukoll l-evalwazzjoni li tgħid li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jirriskjax li jikkawżalha dannu fin-nuqqas ta’ riskju ta’ telf dirett ta’ bejgħ. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat id-dritt dwar l-abbuż tad-denominazzjoni u l-kundizzjonijiet li fihom preżentazzjoni qarrieqa tista’ tkun il-bażi ta’ appell.

    32

    Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal li ma huwiex trade mark jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea taħt l-erba’ kundizzjonijiet segwenti: is-sinjal huwa użat fil-kummerċ; għandu portata li ma hijiex biss lokali; id-dritt għal din it-trade mark għal dan is-sinjal inkiseb qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea; dan is-sinjal jattribwixxi lill-proprjetarju tiegħu l-fakultà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li, meta trade mark mhux irreġistrata jew sinjal ma jissodisfawx waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjali oħrajn użati fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, Bacardi vs EUIPO – Palírna U zeleného stromu (42 BELOW), T‑435/12, EU:T:2018:715, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal jew tat-trade mark invokati, li dawn tal-aħħar ma għandhomx ikunu biss lokali, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, 42 BELOW, T‑435/12, EU:T:2018:715, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Min-naħa l-oħra, mill-frażi “sa fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ipprovduti sussegwentement fl-Artikolu8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa ġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi l-possibbiltà għal sinjali li ma humiex parti mis-sistema ta’ trade mark tal-Unjoni li jiġu invokati kontra trade mark tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, 42 BELOW, T‑435/12, EU:T:2018:715, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Konformement mal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, l-oneru tal-prova li l-kundizzjoni li skontha s-sinjal invokat jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti hija ssodisfatta jaqa’ fuq min iressaq l-oppożizzjoni quddiem l-EUIPO (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Dentsply De Trey vs EUIPO – IDS (AQUAPRINT), T‑312/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:358, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-eżami li tagħmel il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkostitwixxi stħarriġ sħiħ tal-legalità (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 52).

    36

    F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell ħax inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u jekk kienx eżamina b’mod korrett, fir-rigward tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    37

    L-oppożizzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-forma estiża tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt applikabbli fir-Renju Unit. Billi invokat is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2012, Tilda Riceland Private vs UASI – Siam Grains (BASmALI) (T‑304/09, EU:T:2012:13, punt 18), li tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, ir-rikorrenti tirreferi għat-Trade Marks Act, 1994 (Il-Liġi tar-Renju Unit dwar it-trade marks), li l-Artikolu 5(4) tagħha jipprovdi, b’mod partikolari, li trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jekk, jew sa fejn, l-użu tagħha fir-Renju Unit jista’ jiġi prekluż minħabba kull regola tad-dritt (b’mod partikolari skont id-dritt dwar l-abbuż tad-denominazzjoni) li tipproteġi trade mark mhux irreġistrata jew kull sinjal ieħor użat fil-kummerċ.

    38

    Mill-Artikolu 5(4) tal-Liġi tar-Renju Unit dwar it-trade marks, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, jirriżulta li l-parti li tinvokah għandha tipproduċi l-prova li, konformement mas-sistema legali tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt applikabbli fir-Renju Unit, tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, li s-sinjal inkwistjoni jkun kiseb goodwill, it-tieni nett, li l-offerta taħt dan is-sinjal tal-prodotti koperti mit-trade mark l-iktar reċenti tikkostitwixxi preżentazzjoni qarrieqa min-naħa tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark u, it-tielet, li teżisti ħsara għall-goodwill (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Paice vs EUIPO – Blackmore (DEEP PURPLE), T‑328/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:649, punti 22 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Mejju 2019, AQUAPRINT, T‑312/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:358, punt 102).

    39

    Jekk il-preżentazzjoni qarrieqa, intenzjonata jew le, mill-konvenut tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni hija dik li tista’ twassal lill-klijenti tal-applikant jattribwixxi lilha l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi proposti mill-konvenut (ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, AQUAPRINT, T‑312/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:358, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata), mid-deċiżjonijiet tal-qrati tar-Renju Unit jirriżulta li sinjal li jservi sabiex ikopri oġġetti jew servizzi jista’ jkun kiseb reputazzjoni fuq is-suq, fis-sens tad-dritt applikabbli għall-abbuż tad-denominazzjoni, minkejja li huwa użat minn diversi operaturi fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha (Chocosuisse Union des fabricants suisses de chocolat & Ors v Cadbury Ltd. [1999] EWCA Civ 856). Din il-forma msejħa “estiża” tal-azzjoni għal abbuż tad-denominazzjoni, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tar-Renju Unit, tippermetti b’hekk lil bosta operaturi li jkunu jistgħu jiddisponu minn drittijiet fuq sinjal li jkun kiseb reputazzjoni fis-suq (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, Tilda Riceland Private vs UASI – Siam Grains (BASmALI), T‑136/14, EU:T:2015:734, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Fil-forma “estiża” tar-reat tal-abbuż tad-denominazzjoni, il-konvenut iqarraq dwar l-oriġini jew in-natura tal-prodotti tiegħu billi jippreżentahom b’mod qarrieqi bħala li ġejjin minn reġjun partikolari, jew li għandhom karatteristiċi jew kompożizzjoni partikolari. Din il-preżentazzjoni qarrieqa tista’ ssir permezz tal-użu ta’ terminu deskrittiv jew ġeneriku li ma jiddeskrivix korrettament il-prodotti tal-konvenut, li jagħti x’jifhem li dawn għandhom karatteristika jew kwalità li ma għandhomx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Alfonso Egüed vs EUIPO – Jackson Family Farms (BYRON), T‑45/16, EU:T:2017:518, punt 95).

    41

    F’dan il-każ, il-motiv invokat mir-rikorrenti jikkonċerna t-tieni u t-tielet kundizzjoni ċċitati fil-punt 38 iktar ’il fuq, jiġifieri dawk relatati, minn naħa, mal-preżentazzjoni qarrieqa kif ukoll, min-naħa l-oħra, mad-dannu kkawżat lill-goodwill miksub mis-sinjal preċedenti.

    – Fuq il-preżentazzjoni qarrieqa

    42

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser il-kundizzjonijiet legali tal-forma estiża tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista mid-dritt applikabbli fir-Renju Unit billi llimita ruħu, fl-eżami tiegħu tar-riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa, għall-kwistjoni dwar jekk numru sinjifikattiv ta’ membri tal-pubbliku rilevanti setgħux jiġu mqarrqa fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodott ikkonċernat minflok ma qajjem il-kwistjoni dwar jekk dan il-pubbliku setax jiġi mqarraq fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-kwalitajiet intrinsiċi tal-imsemmi prodott.

    43

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li r-ross ma jagħmilx parti mill-prodotti inkwistjoni ma huwiex determinanti. Fil-fehma tagħha, sa fejn il-pubbliku rilevanti jasal biex jemmen li l-imsemmija prodotti huma bbażati fuq ross basmati, filwaqt li dan ma jkunx il-każ, il-kundizzjoni dwar il-preżentazzjoni qarrieqa hija ssodisfatta. Il-goodwill assoċjata mal-kelma “basmati” testendi mhux biss għar-ross basmati, iżda wkoll għall-prodotti li jinkluduh jew li huma abbażi ta’ dan ir-ross u ttikkettjati bħala tali, li jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2016 tal-United Kingdom Intellectual Property Office (l‑Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tar-Renju Unit) fil-proċedura ta’ oppożizzjoni O‑378–16 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Basmati Bus”). Il-karatteristiċi minimi tar-ross basmati li jagħmluh klassi definita sew jibqgħu fiż-żewġ każijiet. Il-pubbliku rilevanti jistenna, meta jixtri prodott kopert bħala li huwa magħmul minn bażi ta’ ross basmati jew li jinkludi minnu, li dan il-prodott ikun effettivament jinkludi dan ir-ross u mid-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), Taittinger SA v ALLBEV LTD (1993) F.S. R. 641 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Taittinger”), u mid-deċiżjoni Basmati Bus jirriżulta li l-kundizzjoni relatata ma’ preżentazzjoni qarrieqa tista’ tkun issodisfatta għal prodotti ta’ natura differenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tar-Renju Unit, waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-leġiżlazzjoni dwar l-abbuż tad-denominazzjoni hija l-fatt li l-prodotti ma għandhomx bżonn ikunu identiċi jew li jibbenefikaw minn reputazzjoni jew goodwill tal-istess portata sabiex ikun hemm preżentazzjoni qarrieqa li tista’ tagħti lok għal rikors jew li toħloq dannu.

    44

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kien żbalja meta bbaża d-deċiżjoni tiegħu wkoll fuq il-kunsiderazzjoni li hija ma kinitx sostniet, u wisq inqas ipprovat, li H. A. Chakari kien juża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-Renju Unit u li dan l-użu kien jikkonċerna prodotti li ma kinux immanifatturati minn ross basmati awtentiku. Fil-fehma tagħha, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi prodotta prova konkreta f’dan ir-rigward, ir-riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa tal-isem magħruf “basmati” jirriżulta minn użu leali u fittizju tal-imsemmija trade mark. Hija tqis li, peress li hija waħda mill-proprjetarji tal-goodwill assoċjata mal-kelma “basmati” u li dan it-terminu huwa użat fir-Renju Unit sabiex jiddeskrivi tip partikolari ta’ ross, dan ir-riskju jirriżulta mid-deskrizzjoni wiesgħa tal-prodotti koperti minn din it-trade mark, li jinkludu prodotti ppreparati mit-tipi kollha ta’ ross. Għalhekk, fil-fehma tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni użu leali u fittizju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tad-deskrizzjoni ġenerali tal-imsemmija prodotti.

    45

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tippreċiża li l-argumenti tagħha ma humiex intiżi sabiex jiġġustifikaw il-projbizzjoni tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minn H. A. Chakari minħabba l-kwalità tal-prodotti abbażi tar-ross koperti minn din it-trade mark, iżda jirrigwardaw il-fatt li xejn fid-deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni ma jeżiġi li dawn jiġu mmanifatturati biss abbażi ta’ ross basmati awtentiku, b’tali mod li dawn jistgħu ma jkunu jinkludu xejn ross basmati.

    46

    L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-abbuż tad-denominazzjoni hija kkaratterizzata ċertament mill-fatt li l-prodotti rispettivi ma għandhomx ikunu l-istess, u lanqas jibbenefikaw minn reputazzjoni u goodwill tal-istess portata, sabiex jiġi kkonstatat riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa u ta’ dannu kkawżat lill-goodwill. Madankollu, dan ma jinvalidax ir-raġunament tal-Bord tal-Appell, peress li la indika u lanqas ma ried li l-prodotti kkontestati kellhom ikunu l-istess bħal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti kienet tgawdi minn goodwill. Barra minn hekk, skont l-EUIPO, il-fatt li l-prodotti rispettivi ma għandhomx ikunu l-istess ma jfissirx li sempliċi rabta bejniethom, pereżempju fil-livell tal-ingredjenti, hija suffiċjenti sabiex twassal għal preżentazzjoni qarrieqa. Huwa għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell enfasizza li l-goodwill miksub għal tip partikolari ta’ ross, f’dan il-każ ir-ross basmati, ma kienx paragunabbli ma’ goodwill miksub għal prodotti li fihom ir-ross. Peress li l-goodwill hija l-forza attraenti li twassal għall-klijentela, il-portata tagħha hija ddefinita mill-prodotti u s-servizzi li magħhom il-pubbliku rilevanti jassoċja din il-forza attraenti. Peress li r-rikorrenti tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi li jużaw il-kelma “basmati” sabiex jindikaw tip partikolari ta’ ross, ir-ross huwa l-prodott li għalih tinfirex il-goodwill miksub. Il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell jistabbilixxu li l-punt tat-tluq kien li t-terminu “basmati” kien igawdi minn goodwill għall-prodott “ross” u li kien hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ dan it-terminu għall-prodotti inkwistjoni kienx jikseb vantaġġ minn din il-goodwill billi joħloq, f’moħħ il-konsumatur, preżentazzjoni qarrieqa. Fir-rigward tad-dqiq tar-ross, il-platti ppreparati abbażi tar-ross jew id-dqiq tar-ross għall-għalf, skont l-EUIPO, ma ġiet prodotta l-ebda prova sabiex jintwera li t-tip ta’ ross użat kien jikkostitwixxi għall-konsumaturi fattur importanti fid-deċiżjoni tax-xiri ta’ dawn il-prodotti.

    47

    Fit-tieni lok, l-EUIPO jqis li l-Bord tal-Appell ma evitax l-eżami ta’ użu fittizju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda ppreveda b’mod ċar tali użu, li jista’ jinkludi dak għal prodotti li ma fihomx jew li ma humiex abbażi ta’ ross basmati.

    48

    Barra minn hekk, l-EUIPO jenfasizza li, anki jekk ir-rikorrenti setgħet turi li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-kelma “basmati” bħala li tindika li l-prodotti inkwistjoni huma magħmula minn ross basmati jew fihom ross basmati, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni, sa fejn ebda prova ma ġiet prodotta insostenn tal-pożizzjoni li H. A. Chakari kellu l-intenzjoni li juża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal prodotti li ma humiex dawk ta’ ross basmati jew li fihom ross basmati. Fil-fehma tiegħu, il-forma estiża tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni hija kreazzjoni ġudizzjarja li tirriżulta minn azzjonijiet ta’ ksur kontra użu qarrieqi effettiv ta’ trade mark, u mhux kontra użu futur, purament ipotetiku, meta xejn ma jindika li dan l-użu ser ikun qarrieqi. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark, fin-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ qerq effettiv jew ta’ riskju gravi ta’ qerq futur, is-sempliċi possibbiltà li tali użu qarrieqi jista’ jseħħ fil-futur ma hijiex biżżejjed sabiex tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark meta l-ispeċifikazzjoni tawtorizza użu magħmul in bona fide. Barra minn hekk, dan l-approċċ jikkorrispondi għal prattika stabbilita fir-rigward ta’ kategoriji wiesgħa ta’ prodotti koperti mir-raġuni assoluta ta’ qerq skont l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, li fil-kuntest tiegħu jkun preżunt li l-applikanti ma jaġixxux in mala fide. Skont l-EUIPO, l-Artikolu 52(1)(a) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li r-revoka tat-trade mark għandha tiġi ddikjarata jekk, wara l-użu li jsir minnha mill-proprjetarju għall-prodotti li għalihom hija rreġistrata, ikun tali li jqarraq bil-pubbliku b’mod partikolari dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika ta’ dawn il-prodotti, jikkostitwixxi protezzjoni suffiċjenti.

    49

    Fit-tielet lok, skont l-EUIPO, ir-rikorrenti tallega b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta telaq mill-premessa li l-argument tar-rikorrenti kien ibbażat fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prodotti inkwistjoni setgħux jinkludu kwalità inferjuri jew superjuri ta’ ross basmati. Dan ma huwiex il-każ, peress li l-Bord tal-Appell espona biss il-limiti tal-forma estiża tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni u enfasizza li r-rikorrenti ma kinitx tgawdi mill-istess tip ta’ drittijiet ta’ monopolju marbuta mas-sinjali li huma distintivi ta’ oriġini kummerċjali unika, li fuqhom huma bbażati l-parti l-kbira tal-motivi l-oħra relattivi għall-oppożizzjoni previsti mir-Regolament Nru 207/2009.

    50

    L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jkopri t-trade marks mhux irreġistrati u kull “sinjal ieħor” użat fil-kummerċ. Il-funzjoni tal-użu tas-sinjal inkwistjoni tista’ tinsab, skont in-natura tal-imsemmi sinjal, mhux biss fl-identifikazzjoni mill-pubbliku rilevanti tal-oriġini kummerċjali tal-prodott ikkonċernat, iżda wkoll, b’mod partikolari, fl-identifikazzjoni tal-oriġini ġeografika tiegħu u tal-kwalitajiet partikolari li huma intrinsiċi għalih jew tal-karatteristiċi li fuqhom hija bbażata r-reputazzjoni tiegħu. Is-sinjal inkwistjoni, skont in-natura tiegħu, jista’ għalhekk jiġi deskritt bħala karatteristika distintiva meta jintuża sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra, iżda wkoll, b’mod partikolari, meta jintuża sabiex jidentifika ċerti prodotti jew servizzi minn prodotti u servizzi simili (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2015, BASmALI, T‑136/14, EU:T:2015:734, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Kif ġie ppreċiżat fil-punt 40 iktar ’il fuq, fil-forma “estiża” tar-reat tal-abbuż tad-denominazzjoni, li fuqu huwa bbażat dan ir-rikors, il-konvenut iqarraq fuq l-oriġini jew in-natura tal-prodotti tiegħu billi jippreżentahom b’mod qarrieqi bħala li ġejjin minn reġjun partikolari, jew li għandhom karatteristiċi jew kompożizzjoni partikolari. Din il-preżentazzjoni qarrieqa tista’ ssir permezz tal-użu ta’ terminu deskrittiv jew ġeneriku li ma jiddeskrivix korrettament il-prodotti tal-konvenut, li jagħti x’jifhem li dawn għandhom karatteristika jew kwalità li ma għandhomx (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, BYRON, T‑45/16, EU:T:2017:518, punt 95).

    52

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-ewwel kundizzjonijiet tal-forma estiża tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni kienu ssodisfatti sa fejn il-kelma “basmati” tintuża fir-Renju Unit sabiex tiddeskrivi klassi ta’ prodotti partikolari u fejn dan it-terminu għandu reputazzjoni fir-Renju Unit li tagħti lok għal goodwill mingħand parti sinjifikattiva tal-pubbliku, li r-rikorrenti hija waħda mill-proprjetarji tagħha.

    53

    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar preżentazzjoni qarrieqa, il-Bord tal-Appell żbalja meta qies li ebda prova prodotta mir-rikorrenti ma kienet tippermetti li jiġi konkluż li r-reputazzjoni tal-kelma “basmati” u l-goodwill li tirriżulta minnha kienu jaqbżu l-klassi ta’ prodotti ddefiniti b’mod ċar, jiġifieri tip partikolari ta’ ross, sabiex tkopri prodott ta’ natura differenti, iżda li r-ross tiegħu kien ingredjent.

    54

    L-ewwel nett, sa fejn il-Bord tal-Appell, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti u fuq il-ġurisprudenza tar-Renju Unit invokata minnha, għandu jiġi ppreċiżat li, indipendentement mill-valur probatorju tal-imsemmija ġurisprudenza, l-eżami tal-Bord tal-Appell ma kellux ikun limitat għal din il-ġurisprudenza kif ippreżentata mir-rikorrenti. Fil-fatt, meta l-EUIPO jkollu jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih is-sinjal preċedenti li fuqu hija bbażata l-oppożizzjoni jgawdi minn protezzjoni, huwa għandu jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ li tali informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, 42 BELOW, T‑435/12, EU:T:2018:715, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tar-Renju Unit dwar ir-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni jirriżulta ċertament li, meta l-goodwill marbuta ma’ isem tkun ġiet stabbilita għal ċerti prodotti u servizzi u meta dan l-isem jintuża sussegwentement għal prodotti jew servizzi oħra, l-eżistenza ta’ riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa tkun iktar diffiċli sabiex jintwera li dawn il-prodotti u servizzi huma differenti. Issa, ġie ppreċiżat minn din l-istess ġurisprudenza li, minkejja li dan il-fatt huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi ta’ riskju eventwali ta’ preżentazzjoni qarrieqa, l-eżistenza ta’ qasam ta’ attività komuni ma hijiex determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, DEEP PURPLE, T‑328/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:649, punti 3031, u tat-2 ta’ Diċembru 2020, Monster Energy vs EUIPO – Nanjing aisiyou Clothing (Rappreżentazzjoni ta’ girfa), T‑35/20, mhux ippubblikata, EU:T:2020:579, punt 86).

    56

    F’dak li jikkonċerna, b’mod iżjed speċifiku, l-estensjoni tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni, ir-rikorrenti rreferiet għas-sentenza Taittinger, minn fejn jirriżulta li tista’ teżisti preżentazzjoni qarrieqa anki fil-preżenza ta’ prodotti ta’ natura differenti (sentenza Taittinger, paġni 641, 665 u 667; ara wkoll id-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), u Diageo North America Inc v Intercontinental Brands (ICB) Ltd (2010) EWCA Civ 920, punti 9 u 15). Fil-fatt, fis-sentenza Taittinger, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), qieset li kien plawsibbli li parti mhux negliġibbli mill-pubbliku tista’ temmen li l-prodott inkwistjoni, li jismu, “Elderflower Champagne”, ma kienx xampanja, iżda kien relatat magħha b’xi mod. Il-parti tal-pubbliku li tinduna li kienet xarba mhux alkoħolika tista’ temmen li xampanja mhux alkoħolika kienet inħolqot mill-produtturi tax-xampanja bl-istess mod bħal f’dak li jikkonċerna l-inbid mhux alkoħoliku jew il-birra mhux alkoħolika.

    57

    Minn dan jirriżulta li identiċità tal-prodotti kkonċernati ma hijiex meħtieġa u, kif barra minn hekk jirrikonoxxi l-EUIPO nnifsu, l-eżistenza ta’ riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa tista’ tiġi stabbilita wkoll għal prodotti li jixxiebhu biss. Dan japplika iktar u iktar għall-prodotti inkwistjoni, li kollha huma bbażati fuq ross u, għalhekk, simili ħafna għar-ross basmati.

    58

    Konsegwentement, anki jekk il-goodwill assoċjat mal-kelma “basmati” tirreferi biss għar-ross basmati bħala varjetà jew klassi ta’ prodotti, kif ġie kkonstatat fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata b’riferiment għad-deċiżjoni Basmati Bus, parti mhux negliġibbli tal-pubbliku rilevanti tista’ taħseb li l-prodotti ċċitati mill-Bord tal-Appell, jiġifieri d-dqiq tar-ross, gallettini tar-ross, l-għaġin tar-ross jew id-dqiq tar-ross għall-għalf, bit-tikketta “Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice” huma relatati b’xi mod mar-ross basmati. Għalhekk, ir-rikorrenti ġustament issostni li l-imsemmi pubbliku jistenna, billi jixtri prodott indikat bħala li huwa abbażi ta’ ross basmati jew li fih minnu, li dan il-prodott effettivament ikun fih dan ir-ross.

    59

    Il-Bord tal-Appell kien ukoll żbaljat meta kkunsidra, fir-rigward ta’ ċerti prodotti, bħad-dqiq tar-ross, gallettini tar-ross, l-għaġin tar-ross jew id-dqiq tar-ross għall-għalf, li l-ebda element ta’ prova ma jindika li t-tip ta’ ross użat għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti kien rilevanti għall-konsumaturi u, għaldaqstant, li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tax-xiri tagħhom.

    60

    Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li tali rekwiżit jista’ jiġi dedott mir-regola nazzjonali li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni Basmati Bus jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa hija ssodisfatta peress li l-pubbliku rilevanti jista’ jitwassal sabiex jemmen li l-prodotti inkwistjoni huma bbażati fuq jew fihom ross basmati, filwaqt li dan ma huwiex il-każ. Is-silta rilevanti ta’ din id-deċiżjoni ġiet iċċitata fil-punt 19 tar-rikors:

    “[N]umru sostanzjali [ta’ konsumaturi] jistennew li jirċievu ross basmati pjuttost milli tip ieħor ta’ ross. Jekk dawn is-servizzi ma joffrux ross basmati, li l-ispeċifikazzjoni eżistenti tawtorizza, jeżisti riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa.”

    61

    F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li s-sempliċi riskju li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ kwalità inferjuri għal dik tar-ross basmati ma jawtorizzax lir-rikorrenti tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha sa fejn il-leġiżlazzjoni dwar l-abbuż mid-denominazzjoni ma hijiex intiża sabiex tiggarantixxi lill-konsumatur il-kwalità ta’ dak li huwa jixtri, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni, ġustament, li l-argumenti tagħha huma intiżi sabiex jiġġustifikaw il-projbizzjoni tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minn H. A. Chakari minħabba li, minħabba d-deskrizzjoni wiesgħa tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dawn il-prodotti jista’ ma jkunx fihom ross basmati.

    62

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li r-rikorrenti ma sostnietx, u wisq inqas ipprovat, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet użata fir-Renju Unit u li dan l-użu kien jikkonċerna prodotti li ma kinux immanifatturati minn ross basmati awtentiku, għandu jiġi rrilevat li l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jinsabx fost il-kundizzjonijiet tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), Sezzjoni Ċivili), Maier v ASOS Plc (2015) F.S. R. 20, punti 71 sa 85, li użu leali u fittizju tat-trade mark mitluba għandu jkun preżunt. Fir-rigward tal-forma estiża tal-azzjoni għal abbuż tad-denominazzjoni, dan ir-riżultat huwa wkoll ikkonfermat mid-deċiżjoni Basmati Bus, fejn l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tar-Renju Unit ma rrikjediex il-prova li t-trade mark inkwistjoni (Basmati Bus) kienet effettivament intużat għal ross ta’ firxa standard, iżda kkuntentat ruħha li tikkonstata li, “[g]ħalkemm [is-servizzi inkwistjoni] ma [kinux jipproponu] ross basmati, li l-ispeċifikazzjoni eżistenti [kienet tawtorizza], [kien jeżisti] riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa” (deċiżjoni Basmati Bus, punt 54).

    63

    Barra minn hekk, l-użu effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni lanqas ma huwa kundizzjoni imposta mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

    64

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ġustament issostni li r-riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa jirriżulta minn użu leali u fittizju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tad-deskrizzjoni ġenerali tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri l-prodotti abbażi tar-ross.

    65

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-EUIPO li, essenzjalment, il-forma estiża tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni tixbah ir-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq in-natura qarrieqa tat-trade mark skont l-Artikolu 7(1)(g) jew tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, dispożizzjonijiet li għall-applikazzjoni tagħhom huwa preżunt li r-rikorrenti ma jaġixxux in mala fide, b’tali mod li l-EUIPO ma jqajjem ebda oġġezzjoni ex officio, sakemm ma tkunx tista’ tiġi preżupposta l-eżistenza ta’ qerq effettiv jew ta’ riskju biżżejjed serju ta’ qerq fil-konfront tal-konsumatur.

    66

    Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, li tipprovdi li t-trade mark mhux irreġistrata jew is-sinjal għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Minn dan isegwi li l-prattika stabbilita fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(g) jew fl-Artikolu 52(1)(a) tal-imsemmi regolament ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li huwa esklużivament irregolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali allegata insostenn tal-oppożizzjoni u tad-deċiżjonijiet tal-qrati mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 190).

    – Fuq id-dannu

    67

    Ir-rikorrenti ssostni li d-dannu kkawżat lill-goodwill assoċjat mal-kelma “basmati” jista’ jseħħ jekk il-prodotti tal-ikel li allegatament jiġu mmanifatturati abbażi tar-ross basmati huma, fir-realtà, immanifatturati abbażi ta’ tip ieħor ta’ ross u tenfasizza li d-dannu huwa marbut mat-telf ta’ karattru distintiv jew tal-“partikolarità u tal-esklużività” anki tar-ross basmati awtentiku. L-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li ebda argument ma jispjega l-mod kif l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jaffettwa l-karattru distintiv tal-imsemmi terminu, fid-dawl tal-fatt li l-varjetà “super basmati” hija varjetà rikonoxxuta ta’ ross basmati, ma hijiex rilevanti, sa fejn din l-affermazzjoni tippreżupponi li l-imsemmija trade mark tintuża għal prodotti abbażi ta’ ross basmati.

    68

    Minn naħa, l-EUIPO jsostni li l-osservazzjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward ma humiex determinanti għar-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħu, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa b’mod ċar li effett fuq il-karattru distintiv jikkostitwixxi tip ta’ dannu potenzjali li jista’ jseħħ fil-każ ta’ reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni. Madankollu, huwa enfasizza ġustament li ebda argument ma tqajjem mir-rikorrenti sabiex turi l-eżistenza ta’ qerq effettiv jew ta’ riskju gravi ta’ qerq futur tal-konsumatur, jiġifieri l-preżentazzjoni minn H. A. Chakari ta’ ross li ma jappartjenix għall-varjetà basmati bħala ross basmati.

    69

    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Bord tal-Appell indika li ċaħad il-motiv ibbażat fuq il-forma estiża tal-abbuż tad-denominazzjoni fuq il-bażi biss tal-assenza ta’ preżentazzjoni qarrieqa tal-isem magħruf “basmati”. Madankollu, il-Bord tal-Appell, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontesta, ħa pożizzjoni dwar il-kwistjoni tad-dannu, billi kkunsidra li l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma jirriskjax li jikkawża lir-rikorrenti dannu kummerċjali, minħabba li “ma [kienx jara] kif l-użu [tal-imsemmija trade mark] għall-[prodotti inkwistjoni] kien jirriskja li jikkawża telf dirett ta’ bejgħ lir-rikorrenti, liema, skont l-osservazzjonijiet tagħha stess, [kienet] fornitur importanti ta’ ross biss u mhux [tal-imsemmija] prodotti”. Din l-evalwazzjoni hija żbaljata.

    70

    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali u kif l-EUIPO jirrikonoxxi huwa stess, indipendentement mir-riskju ta’ telf dirett ta’ bejgħ għar-rikorrenti, id-dannu huwa marbut mat-telf tal-karattru distintiv tal-imsemmi sinjal jew mill-“partikolarità u tal-esklużività” stess tar-ross basmati awtentiku. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) tal-2010 msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq jirriżulta li wieħed mill-elementi li rikorrent għandu jipprova sabiex jistabbilixxi każ ta’ estensjoni tal-abbuż tad-denominazzjoni huwa li sostna, jew li huwa ferm probabbli li jsostni, dannu għall-goodwill li huwa proprjetarju tagħha minħabba li l-konvenut ibigħ prodotti deskritti ħażin mis-sinjal li jibbenefika mill-goodwill. Skont dik is-sentenza, id-dannu jista’ b’mod partikolari jseħħ bit-tnaqqis tal-karattru distintiv tas-sinjal. Barra minn hekk, fis-sentenza Taittinger, ġie deċiż li, anki fin-nuqqas ta’ riskju ta’ telf sinjifikattiv jew dirett tal-bejgħ, peress li kull prodott ma huwiex xampanja, iżda huwa awtorizzat li jiġi deskritt bħala tali, idgħajjef inevitabbilment din il-karatteristika u din l-esklużività u b’hekk jikkawża dannu mhux biss qarrieqi, iżda fuq kollox serju (sentenza Taittinger, paġni 641, 668 sa 670 u 678).

    71

    Barra minn hekk, sa fejn il-Bord tal-Appell irrileva li ebda argument ma jispjega b’liema mod l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jaffettwa l-karattru distintiv tal-kelma “basmati”, fid-dawl tal-fatt li l-varjetà “super basmati” hija varjetà rikonoxxuta ta’ ross basmati, din il-konstatazzjoni titlaq mill-premessa żbaljata li l-użu tal-imsemmija trade mark huwa limitat għal prodotti abbażi ta’ ross basmati jew ta’ ross super basmati. Issa, ir-riskju ta’ preżentazzjoni qarrieqa jirriżulta, kif ġie ppreċiżat fil-punt 64 iktar ’il fuq, minn użu leali u fittizju ta’ din it-trade mark fid-dawl tad-deskrizzjoni ġenerali tal-prodotti kkontestati, jiġifieri tal-prodotti abbażi ta’ firxa wiesgħa ta’ ross.

    72

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-motiv uniku tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

    Fuq it-talba intiża sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni

    73

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ l-oppożizzjoni għall-prodotti kollha.

    74

    L-EUIPO jqis li din it-talba hija inammissibbli għar-raġuni li hija teħtieġ li jsir eżami ġdid tal-fatti, tal-provi u tal-osservazzjonijiet li fuqhom il-Bord tal-Appell ma tax deċiżjoni.

    75

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, permezz tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, titlob lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li tadotta d-deċiżjoni li, fil-fehma tagħha, l-EUIPO kellu jieħu, jiġifieri deċiżjoni li tikkonstata li l-kundizzjonijiet ta’ oppożizzjoni huma ssodisfatti. Hija titlob għalhekk il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, kif prevista fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli.

    76

    Madankollu, is-setgħa ta’ bdil, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001, ma għandhiex l-effett li tagħtiha s-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma ħax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72; ara, wkoll, is-sentenza tat-30 ta’ April 2019, Kuota International vs EUIPO – Sintema Sport (K), T‑136/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:265, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    77

    F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil tal-Qorti Ġenerali ma humiex issodisfatti.

    78

    Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata biss fuq il-fatt li r-rikorrenti allegatament ma kinitx ipprovat li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni seta’ jwassal għal preżentazzjoni qarrieqa tal-kelma magħrufa “basmati”. B’mod partikolari, huwa ppreċiża espressament li l-motiv ibbażat fuq il-forma estiża tal-abbuż tad-denominazzjoni ma setax jirnexxi mingħajr ma kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-użu tat-trade mark preċedenti fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 kienx ġie pprovat. Peress li għalhekk il-Bord tal-Appell wettaq analiżi inkompleta tal-kundizzjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali hija prekluża milli teżerċita s-setgħa ta’ bidla.

    79

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiża sabiex tikseb il-bdil tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni kap tat-talbiet

    80

    L-EUIPO jsostni li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, ippreżentat sussidjarjament u li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti Ġenerali li hija tibgħat lura l-kawża quddiem l-EUIPO, ma huwiex talba sussidjarja għall-annullament, fid-dawl tal-fatt li tali rinviju jkun il-konsegwenza tal-ewwel parti tal-ewwel kap tat-talbiet li kieku din tiġi aċċettata.

    81

    Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, dan tal-aħħar huwa obbligat, konformement mal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa l-EUIPO li għandu jislet il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, Pear Technologies vs EUIPO – Apple (PEAR), T‑215/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:45, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti ma għandux skop proprju, sa fejn huwa biss konsegwenza tal-ewwel parti tal-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    Dwar l-ispejjeż

    82

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    83

    Peress li l-EUIPO tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

    84

    Madankollu, jekk, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru, dan ma japplikax għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti dwar dawn l-aħħar spejjeż għandha tiġi miċħuda.

     

    Għal dawn ir-raġunijiet,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat-2 ta’ April 2020 (Każ R 1079/2019‑4) hija annullata.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż, inkluż għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn Indo European Foods Ltd għall-finijiet tal‑proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

     

    Collins

    Kreuschitz

    Steinfatt

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2021.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top