Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CO0545

    Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzj tat-3 ta’ Ġunju 2022.
    Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 263 TFUE – Rikors intiż għall-annullament ta’ att tal-Unjoni – Artikolu 278 TFUE – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att – Trasport – Regolament (UE) 2020/1055 – Obbligu għal impriża li tirritorna l-vetturi tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha – Urġenza – Degradazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Stat Membru – Ħsara għall-ambjent.
    Kawża C-545/20 R.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:445

     DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    3 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

    “Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 263 TFUE – Rikors intiż għall-annullament ta’ att tal-Unjoni – Artikolu 278 TFUE – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-att – Trasport – Regolament (UE) 2020/1055 – Obbligu għal impriża li tirritorna l-vetturi tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha – Urġenza – Degradazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Stat Membru – Ħsara għall-ambjent”

    Fil-Kawża C‑545/20 R,

    li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 278 TFUE, imressqa fit‑13 ta’ Diċembru 2021,

    Ir‑Repubblika tal‑Bulgarija, irrappreżentata minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir‑Repubblika tal‑Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg u M. Kriisa, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika tal‑Latvja, irrappreżentata minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika tal‑Litwanja, irrappreżentata minn K. Dieninis, R. Dzikovič u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado,

    Ir‑Repubblika tal‑Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

    Ir‑Rumanija, irrappreżentata minn L.‑E. Baţagoi, E. Gane, L. Liţu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    vs

    Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou, O. Denkov u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

    Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Gurov, A. Norberg u L. Vétillard, bħala aġenti,

    konvenuti,

    sostnuti minn:

    Ir‑Renju tad‑Danimarka, irrappreżentat minn M. Søndahl Wolff, bħala aġent,

    Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn S. Chala, bħala aġent,

    Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, A. Ferrand u N. Vincent, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Lipari, procuratore dello Stato, u minn G. Santini, avvocato dello Stato,

    Il‑Gran Dukat tal‑Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux, bħala aġent,

    Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bultermann u J. Langer, bħala aġenti,

    Ir‑Repubblika tal‑Awstrija, irrappreżentata minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

    Ir‑Renju tal‑Isvezja, irrappreżentat minn H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, prinċipalment, tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU 2020, L 249, p. 17), sa fejn dan jistabbilixxi l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51), sussidjarjament, tal-Artikolu 1(3) fl-intier tiegħu jew, b’mod iktar sussidjarju, tar-Regolament 2020/1055 fl-intier tiegħu.

    2

    Din it-talba tressqet wara l-preżentata, fit‑23 ta’ Ottubru 2020, minn dan l-Istat Membru, ta’ rikors, skont l-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament parzjali jew, jekk ikun il-każ, totali tar-Regolament 2020/1055.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055 jiddisponi:

    “l-Artikolu 5 [tar-Regolament 1071/2009] huwa sostitwit b’dan li ġej:

    […]

    1. Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-impriża għandha:

    […]

    (b)

    torganizza l-attività tal-flotta tal-vetturi tagħha b’tali mod li jiġi żgurat li l-vetturi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-impriża u użati fit-trasport internazzjonali jirritornaw lejn wieħed miċ-ċentri operazzjonali f’dak l-Istat Membru tal-inqas fi żmien tmien ġimgħat wara li jitilqu minn hemm;

    […]”

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

    4

    B’deċiżjonijiet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Jannar u tat‑3 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Bulgarija.

    5

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055, sa fejn dan jistabbilixxi l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 1071/2009 sakemm tingħata s-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20;

    sussidjarjament, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055 fl-intier tiegħu sakemm tingħata s-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20;

    b’mod iktar sussidjarju, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan ir-regolament fl-intier tiegħu sakemm tingħata s-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20, u

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    6

    Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji u tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

    Fuq it‑talba għal miżuri provviżorji

    7

    L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

    8

    Fil-fatt, miżura provviżorja tista’ tingħata mill-Imħallef għal miżuri provviżorji biss jekk ikun stabbilit li l-għoti tagħha huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li hija meħtieġa, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, illi tingħata u jkollha l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi quddiemu. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    9

    Fil-kuntest tal-eżami komplessiv tal-imsemmija kundizzjonijiet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati, kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ma teżisti ebda regola tad-dritt tal-Unjoni li timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2021, ACER vs Aquind, C‑46/21 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:633, punt 16).

    10

    F’dan il-każ, għandha qabel kollox tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar l-urġenza.

    Argumenti

    11

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-applikazzjoni tal-obbligu għal impriża li tirritorna l-vetturi tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, previst fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 1071/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 2020/1055 (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”), twassal għal dannu gravi u irreparabbli lis-sewwieqa li joriġinaw kemm mill-Bulgarija kif ukoll minn Stati Membri oħra tal-Ewropa tal-Lvant.

    12

    Il-prevedibbiltà ta’ dan id-dannu hija pprovata minn rapport mogħti fix-xahar ta’ Ottubru 2019 u aġġornat fix-xahar ta’ Frar 2020 wara ordni minn assoċjazzjoni Bulgara ta’ professjonisti tat-trasport bit-triq (iktar ’il quddiem l-“ewwel rapport”) kif ukoll permezz ta’ rapport mogħti fix-xahar ta’ Frar 2021 fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“tieni rapport”).

    13

    B’mod ġenerali, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża timplika, minħabba t-tqassim tal-offerta u tad-domanda fis-suq tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija, it-twettiq ta’ vjaġġi supplimentari mwettqa minn trakkijiet bla tagħbija (iktar ’il quddiem il-“vjaġġi bla tagħbija”). Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, b’mod iktar preċiż, li 46 % tal-vetturi li għandhom imorru lura f’dan l-Istat Membru sabiex jikkonformaw ruħhom mal-miżura kontenzjuża jwettqu l-vjaġġ tagħhom bla tagħbija.

    14

    Fl-ewwel lok, din is-sitwazzjoni hija ta’ natura li tippreġudika l-ambjent, u b’hekk tikkawża dannu li jkun, min-natura tiegħu, irreparabbli.

    15

    Fil-fatt, l-imsemmija sitwazzjoni tista’ twassal għall-emissjoni ta’ 2.9 miljun tunnellata supplimentari ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2), jiġifieri żieda ta’ 4.6 % tal-emissjonijiet li ġejjin mit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq. L-emissjonijiet supplimentari tat-trasportaturi Bulgari huma stmati għal 71162 tunnellata ta’ CO2, jiġifieri żieda ta’ 2 % tal-emissjonijiet totali tal-vetturi Bulgari ddedikati għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija. Dawn l-emissjonijiet supplimentari ta’ CO2 huma ta’ natura li jikkompromettu l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-obbligi tagħhom ta’ limitazzjoni ta’ tali emissjonijiet.

    16

    Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża tista’ twassal għal 107 tunnellata sa 619‑il tunnellata ta’ emissjonijiet supplimentari ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), jiġifieri żieda ta’ 1.35 % sa 7.81 % ta’ tali emissjonijiet, u ta’ 38 tunnellata sa 221 tunnellata ta’ emissjonijiet supplimentari ta’ partiċelli fini (PM2.5), jew żieda ta’ 0.86 % sa 4.98 % ta’ tali emissjonijiet. L-ispejjeż ta’ dan it-tniġġis tal-arja huma stmati bejn EUR 4.5 miljun u EUR 25.9 miljun fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea kollha.

    17

    Fit-tieni lok, konġestjoni ikbar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li jinsabu barra miż-żona Schengen tirriżulta miż-żieda, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, tan-numru ta’ vjaġġi effettwati mit-trasportaturi Bulgari. Konsegwentement, l-osservanza, minn dawn it-trasportaturi, tat-termini ta’ kunsinna kif ukoll tal-ġestjoni tal-flotta tagħhom ta’ vetturi jistgħu jiddegradaw ruħhom, li jimplika nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-klijenti tagħhom u degradazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni loġistika.

    18

    Fit-tielet lok, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża twassal għal konsegwenzi ekonomiċi u soċjali dannużi.

    19

    L-ispejjeż tal-operat tat-trasportaturi stabbiliti fi Stati Membri tal-Ewropa tal-Lvant għandhom għalhekk jiżdiedu sa EUR 3 biljun, jiġifieri bħala medja EUR 11000 għal kull vettura. Barra minn hekk, dawn it-trasportaturi huma msejħa jġarrbu telf ta’ dħul minħabba l-multiplikazzjoni ta’ vjaġġi bla tagħbija. Sabiex jevitaw dawn l-effetti tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, ċerti trasportaturi jistgħu jagħżlu li jittrasferixxu l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra, trasferiment li minnu nnifsu jiġġenera spejjeż rikorrenti u okkażjonali.

    20

    Issa, iktar minn 80 % tal-vetturi tqal tal-merkanzija li jaqsmu regolarment il-fruntieri Ewropej jappartjenu għal impriżi żgħar u medji li huma partikolarment vulnerabbli. Konsegwentement, skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, f’dan l-Istat Membru, 36 % tal-vetturi intiżi għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija jieqfu mill-attività tagħhom, li jkollu konsegwenzi fuq il-prodott gross domestiku tal-imsemmi Stat Membru u jista’ jwassal għat-tneħħija tal-impjieg ta’ 14000 impjegat tas-settur Bulgaru tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

    21

    Uħud mill-konsegwenzi ekonomiċi rrilevati jistgħu eventwalment ikunu s-suġġett ta’ kumpens. Għall-kuntrarju, ma huwiex ċert li l-impriżi li ser ikunu kostretti jwaqqfu l-attività tagħhom, li jittrasferuha fi Stat Membru li ma huwiex il-Bulgarija jew li jorjentawha lejn setturi oħra ta’ attività jistgħu jerġgħu jibdew l-attività tagħhom sussegwentement fis-settur tat-trasport fil-Bulgarija. Bl-istess mod, id-degradazzjoni tal-livell ta’ għajxien tal-impjegati li tilfu l-impjieg tagħhom u l-konsegwenzi soċjali tad-degradazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ma jistgħux jiġu kkumpensati a posteriori.

    22

    Fir-raba’ lok, il-waqfien tal-attività ta’ ċerti impriżi tat-trasport inaqqas il-kapaċità tal-ktajjen loġistiċi u jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    23

    Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu l-argumenti tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar ir-riskju ta’ danni ambjentali, ekonomiċi u soċjali. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ Malta tirreferi għal rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, maħruġ fix-xahar ta’ Novembru 2020.

    24

    Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw li r-Repubblika tal-Bulgarija ma wrietx li hemm riskju li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli qabel l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

    25

    L-ewwel, huma jikkritikaw il-metodoloġija segwita waqt it-tfassil tal-ewwel u t-tieni rapporti invokati mir-Repubblika tal-Bulgarija, sa fejn, b’mod partikolari, dawn huma bbażati fuq ipoteżi mhux realistiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-volum tal-vjaġġi bla tagħbija, u li dawn jimplikaw estrapolazzjonijiet imwettqa abbażi ta’ data li tirriżulta minn kampjuni li ma humiex rappreżentattivi.

    26

    It-tieni, l-istimi dwar l-allegat dannu lill-ambjent huma ftit affidabbli u parzjalment kontradittorji, filwaqt li l-ispejjeż imħallsa ma humiex sinjifikattivi. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Istati Membri huma suġġetti għal obbligi fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ CO2, skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill‑2021 sal‑2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26), u ta’ konċentrazzjonijiet fl-arja ta’ NOx kif ukoll ta’ PM2.5, konformement mad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1).

    27

    It-tielet, l-istimi ppreżentati fil-qasam tal-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera huma manifestament żbaljati.

    28

    Ir-raba’, l-ispejjeż iġġenerati mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma jkunux irreparabbli u jkunu sopravalutati, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, ta’ obbligu li jinstalla ċ-ċentru operattiv fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

    29

    Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli turi li t-telf eventwali ta’ partijiet mis-suq tal-impriżi Bulgari huwa dewwiemi, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-settur tat-trasport li jirriżultaw mit-tieni rapport. Barra minn hekk, huwa improbabbli li xufiera ta’ vetturi tqal ta’ merkanzija jitilfu xogħol, peress li hemm nuqqas kbir ta’ tali sewwieqa fl-Unjoni.

    30

    Il-Parlament iżid li, sa fejn ir-Regolament 2020/1055 ġie adottat madwar sentejn ilu, l-impriżi kkonċernati diġà bdew jadattaw ruħhom u li għalhekk din it-talba għal miżuri provviżorji tressqet tard wisq sabiex jiġi evitat li l-miżura kontenzjuża tipproduċi l-effetti tagħha.

    Evalwazzjoni

    31

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fuq il-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li l-okkorrenza tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, huwa dejjem l-obbligu tal-parti li titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tesponi u tistabbilixxi l-okkorrenza probabbli ta’ dannu gravi u irreparabbli. F’dan ir-rigward, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti ddettaljati li jippermettu li jiġu eżaminati l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, probabbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ April 2021, Il‑Litwanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑541/20 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:264, punti 1920).

    33

    Għalhekk, f’dan il-każ, hija r-Repubblika tal-Bulgarija li għandha tistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fil-perijodu bejn l-iffirmar ta’ dan id-digriet u l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20 hija ta’ natura li twassal, b’mod prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, għal dannu gravi u irreparabbli.

    34

    Mit-talba għal miżuri provviżorji jirriżulta li dan l-Istat Membru jibbaża ruħu fuq danni li jirriżultaw mill-effetti tal-miżura kontenzjuża fuq il-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ ċerti Stati Membri, fuq il-funzjonament tas-suq intern kif ukoll fuq l-ambjent.

    35

    Dawn id-diversi danni jistgħu validament jiġu invokati mir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex tikseb l-għoti ta’ miżuri provviżorji, peress li l-Istati Membri huma responsabbli għall-interessi kkunsidrati bħala ġenerali fuq il-livell nazzjonali u jistgħu jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ April 2021, Il‑Litwanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑541/20 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:264, punt 21).

    36

    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-provi prodotti mir-Repubblika tal-Bulgarija jippermettux li jiġi stabbilit, minn naħa, li l-okkorrenza ta’ wieħed jew iktar mill-imsemmija danni huwiex prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-istess danni għandhom natura gravi u irreparabbli.

    37

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-proċeduri għal miżuri provviżorji ma humiex intiżi sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ fatti kumplessi u kontroversjali ħafna. L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma għandux il-mezzi neċessarji sabiex iwettaq il-verifiki meħtieġa u, f’ħafna każijiet, ikollu diffikultà jagħmel hekk fi żmien utli (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 54).

    Fuq l‑effetti tal‑miżura kontenzjuża fuq il-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera

    38

    Mit-tieni rapport jirriżulta li l-ivvjaġġar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera jimplika, indipendentement mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, ħin ta’ stennija notevoli. It-titwil tat-tul ta’ vjaġġ li jirriżulta minnu jikkostitwixxi għalhekk wieħed mill-elementi li għandhom, b’mod ġenerali, jittieħdu inkunsiderazzjoni mit-trasportaturi bit-triq fl-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom.

    39

    Ċertament, ma huwiex eskluż li, fin-nuqqas ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri kkonċernati bil-għan li jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża tista’ twassal għal żieda ta’ dan il-ħin ta’ stennija u b’hekk timponi fuq it-trasportaturi tal-merkanzija kkonċernati li jużaw mezzi supplementari sabiex jassiguraw l-osservanza tat-termini ta’ kunsinna u l-amministrazzjoni tajba tal-flotta ta’ vetturi tagħhom.

    40

    L-ispejjeż hekk iġġenerati jikkostitwixxu madankollu dannu ta’ natura pekunjarja li ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens pekunjarju huwa, bħala regola ġenerali, kapaċi jistabbilixxi mill-ġdid lill-persuna leża fis-sitwazzjoni preċedenti għall-okkorrenza tad-dannu (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ April 2021, Il‑Litwanja vs Il‑Parlament u Il-‑Kunsill, C‑541/20 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:264, punt 29).

    41

    Għaldaqstant, peress li r-Repubblika tal-Bulgarija ma semmietx ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mar-riskju ta’ konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, l-argument ibbażat fuq dan ir-riskju ma jistax jistabbilixxi li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta.

    Fuq l‑effetti ekonomiċi u soċjali tal‑miżura kontenzjuża

    42

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-miżura kontenzjuża fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika tal-Bulgarija, invokati kemm minn dan l-Istat Membru kif ukoll mill-Istati Membri intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħha, ma jistgħux, f’dan il-każ, ikunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura prevedibbli tal-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli.

    43

    Fil-fatt, qabelxejn, għalkemm ir-Repubblika tal-Bulgarija tirreferi, b’mod ġenerali, għad-dannu subit minn Stati Membri oħra, id-data iktar preċiża li fuqha hija tibbaża l-argument tagħha tirreferi biss, b’mod ġenerali, għas-sitwazzjoni tal-impriżi Bulgari.

    44

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssemmi, ċertament, l-ispejjeż supplimentari li tista’ toħloq, għat-trasportaturi ta’ Stati Membri oħra, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża. Madankollu, dawn l-ispejjeż addizzjonali ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ dan id-digriet, bħala li jikkostitwixxu dannu gravi u irreparabbli.

    45

    Sussegwentement, għalkemm ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja jirreferu għall-effetti ekonomiċi u soċjali tal-miżura kontenzjuża fit-territorji rispettivi tagħhom, huma ma jipproduċu ebda prova intiża sabiex turi r-realtà ta’ dawn l-effetti.

    46

    Fl-aħħar, fir-rigward tar-Repubblika ta’ Malta, ir-rapport prodott minn dan l-Istat Membru jindika li l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija f’dan ir-rapport jista’ jkollha effetti fuq is-settur tat-trasport mill-ħolqien ta’ 51 impjieg ġdid għat-tneħħija ta’ 96 impjieg. Barra minn hekk, din l-applikazzjoni timplika, l-iktar l-iktar, waqfien ta’ attivitajiet li jikkonċernaw 43 trakk.

    47

    Issa, tali effetti, anki jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma jippreżentawx portata suffiċjenti sabiex jitqiesu li jikkostitwixxu dannu gravi u irreparabbli.

    48

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-Repubblika tal-Bulgarija, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 44 ta’ dan id-digriet jirriżulta li ż-żieda fl-ispejjeż li għalihom huma esposti t-trasportaturi ta’ dan l-Istat Membru minħabba l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma tikkostitwixxix, bħala tali, dannu gravi u irreparabbli, kif tirrikonoxxi barra minn hekk ir-Repubblika tal-Bulgarija.

    49

    Għall-kuntrarju, dawn l-ispejjeż għandhom rilevanza, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jekk jiġi stabbilit li huma ta’ portata tali li neċessarjament jimplikaw ristrutturazzjoni tas-settur tat-trasport fil-Bulgarija ta’ natura li twassal f’dan l-Istat Membru għal tnaqqis sinjifikattiv tal-prodott gross domestiku jew żieda kunsiderevoli fir-rata tal-qgħad.

    50

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu ċertament jiġi kkonstatat, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-affidabbiltà tal-istimi ppreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija dwar iż-żieda potenzjali fl-ispejjeż sostnuti mit-trasportaturi Bulgari, li ma jistax jiġi eskluż li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża tiġġenera ċerti spejjeż supplimentari għal dawn it-trasportaturi, sa fejn din timplika neċessarjament ritorn regolari tal-vetturi tagħhom f’dan l-Istat Membru.

    51

    Madankollu, is-sempliċi fatt li diversi impriżi tas-settur Bulgaru tat-trasport huma ta’ daqs żgħir ma huwiex biżżejjed sabiex juri, fl-assenza ta’ elementi iktar preċiżi fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-impriżi, li dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża u li għalhekk ikunu mġiegħla jieqfu mill-attività tagħhom, li jorjentawha lejn setturi oħra ta’ attivitajiet jew ukoll li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħra.

    52

    Fit-tieni lok, jidher li l-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-miżura kontenzjuża huwa bbażat essenzjalment fuq il-previżjonijiet imressqa fl-ewwel rapport f’dak li jirrigwarda d-dħul tal-impriżi tas-settur Bulgaru tat-trasport, il-waqfien tal-attivitajiet ta’ tali impriżi u d-distruzzjoni ta’ impjiegi f’dan is-settur.

    53

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li dan ir-rapport huwa espliċitament ippreżentat bħala li huwa intiż sabiex jevalwa l-effetti tal-applikazzjoni kkombinata ta’ serje ta’ regoli marbuta, b’mod partikolari, mar-ritorn regolari tax-xufiera fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ mistrieħ tax-xufiera kif ukoll mal-eżerċizzju tal-kabotaġġ. Minħabba f’hekk, l-imsemmi rapport ma jippermettix li jiġi ddeterminat sa fejn l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali li huwa jiddeskrivi huma mistennija li jipproċedu għall-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża u jistgħu jiġu evitati fil-każ ta’ sospensjoni ta’ din il-miżura biss.

    54

    Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li l-ewwel rapport jesponi li l-applikazzjoni tal-miżuri li huwa jsemmi ser iwasslu għal ristrutturazzjoni profonda tas-settur Bulgaru tat-trasport, huwa ma jindikax f’liema terminu għandha sseħħ din ir-ristrutturazzjoni.

    55

    Fl-aħħar, l-evalwazzjoni magħmula f’dan ir-rapport tan-numru ta’ vetturi li jieqfu mill-attività tagħhom u tan-numru ta’ impjiegi li ser jitneħħew fil-Bulgarija, li minnhom jirriżultaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li tinvoka r-Repubblika tal-Bulgarija, hija bbażata fuq estrapolazzjoni tar-risposti għal investigazzjoni pprovduta minn 57 impriża Bulgari, filwaqt li mill-imsemmi rapport jirriżulta li s-settur tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq f’dan l-Istat Membru jinkludi 12700 impriża u li bl-ebda mod ma huwa allegat fl-istess rapport li l-impriżi li pparteċipaw fl-investigazzjoni jikkostitwixxu kampjun rappreżentattiv ta’ dan is-settur.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-elementi li jinsabu fl-ewwel rapport ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura li jistabbilixxu l-prevedibbiltà, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, tal-okkorrenza, qabel l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20, tad-dannu ta’ natura ekonomika u soċjali li tinvoka r-Repubblika tal-Bulgarija fil-każ ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

    57

    Fit-tielet lok, it-tieni rapport ma jesponix elementi li jsostnu l-argumenti tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-miżura kontenzjuża.

    58

    Għall-kuntrarju, dan ir-rapport jikkonkludi li, anki jekk jiġu inklużi l-ispejjeż supplimentari li timplika l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, l-impriżi tal-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant għandhom iżommu vantaġġ kompetittiv fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u minn dan jiddeduċu li huwa probabbli li dan is-settur ma jkollux ristrutturazzjoni fl-Unjoni.

    59

    Barra minn hekk, l-imsemmi rapport jesponi li l-konsegwenzi prevedibbli tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fuq l-aċċess għall-impjieg tas-sewwieqa ser ikunu neċessarjament limitati, minħabba l-insuffiċjenza tan-numru ta’ sewwieqa disponibbli fl-Unjoni.

    60

    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-provi prodotti mir-Repubblika tal-Bulgarija ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża huma ta’ natura li jwasslu, b’mod prevedibbli, għal dannu gravi u irreparabbli.

    Fuq l‑effetti tal‑miżura kontenzjuża fuq il‑funzjonament tas‑suq intern

    61

    Għandu jiġi enfasizzat li l-effetti tal-miżura kontenzjuża fuq il-funzjonament tas-suq intern li tinvoka r-Repubblika tal-Bulgarija jirriżultaw, skont dan l-Istat Membru, minn tnaqqis tal-offerta ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq fi ħdan l-Unjoni. Dan it-tnaqqis tal-offerta ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq jirriżulta, min-naħa tiegħu, mill-waqfien tal-attivitajiet ta’ diversi impriżi ta’ dan is-settur ta’ attività li ġġib magħha l-applikazzjoni ta’ din il-miżura.

    62

    Issa, mill-punti 42 sa 60 ta’ dan id-digriet jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ma stabbilixxietx li l-okkorrenza, qabel l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20, ta’ tali waqfien ta’ attivitajiet huwa prevedibbli.

    63

    Minn dan isegwi li n-natura prevedibbli tal-effetti allegati tal-miżura kontenzjuża fuq il-funzjonament tas-suq intern lanqas ma hija stabbilita minn dan l-Istat Membru.

    Fuq l‑effetti ambjentali tal‑miżura kontenzjuża

    64

    Jidher li, sabiex jiġi stabbilit riskju li jseħħ dannu ambjentali, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirreferi għal riskju ta’ żieda fl-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet li jintwera, f’dan l-Istat Membru, permezz ta’ elementi li jinsabu fl-ewwel rapport u, fl-Unjoni kollha, mill-informazzjoni esposta fit-tieni rapport.

    65

    Fir-rigward taċ-ċifri mressqa fl-ewwel rapport sabiex jiġi stabbilit ir-riskju ta’ ħsara għall-ambjent mit-trasportaturi Bulgari, għandu jiġi rrilevat li dawn jirrigwardaw biss l-emissjonijiet ta’ CO2.

    66

    Barra minn hekk, il-limiti metodoloġiċi ta’ dan ir-rapport imsemmija fil-punti 53 u 55 ta’ dan id-digriet ma jippermettux li wieħed jibbaża ruħu fuqu sabiex jevalwa l-effetti eventwali tal-miżura kontenzjuża fuq dawn l-emissjonijiet.

    67

    Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi rapport ma jinkludi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni prevedibbli ta’ kull waħda mill-miżuri li huwa jsemmi għaż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 imsemmija. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-effetti tal-miżura kontenzjuża, din iż-żieda hija intiża li tirriżulta mit-twettiq ta’ numru kbir ta’ vjaġġi bla tagħbija. Issa, il-frekwenza prevedibbli tal-vjaġġi bla tagħbija li fuqha hija bbażata l-istima esposta fl-istess rapport ġiet iddeterminata abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-kampjun ta’ impriżi li pparteċipaw fl-investigazzjoni inkwistjoni, li l-assenza ta’ rappreżentattività tagħhom diġà ġiet ikkonstatata.

    68

    Barra minn hekk, il-kalkolu taż-żieda tal-emissjonijiet ta’ CO2 isir, fl-ewwel rapport, billi t-trakkijiet kollha użati mis-settur Bulgaru tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq jiġu attribwiti għat-twettiq ta’ vjaġġi bla tagħbija, filwaqt li minn dan ir-rapport jirriżulta li 53 % tal-vetturi li jaqgħu taħt dan is-settur huma użati għal attivitajiet li jimplikaw ċikli ta’ trasport ta’ inqas minn tmien ġimgħat u ma humiex, konsegwentement, imsejħa sabiex jibdlu l-prattiki attwali tagħhom sabiex jikkonformaw ruħhom mal-miżura kontenzjuża.

    69

    Fir-rigward taċ-ċifri invokati mir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex jiġi stabbilit ir-riskju ta’ preġudizzju għall-ambjent mit-trasportaturi tal-Unjoni kollha, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru jibbaża ruħu b’mod wiesa’ fuq waħda mill-ipoteżijiet previsti mit-tieni rapport, li skontha l-impriżi tas-settur tat-trasport ser jikkonformaw ruħhom mal-miżura kontenzjuża mingħajr ma dan is-settur ikollu bżonn ta’ ristrutturazzjoni.

    70

    Issa, diversi elementi mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija jipprekludu t-twettiq ta’ din l-ipoteżi, li l-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw barra minn hekk li huma purament teoretiċi. Għalhekk, sabiex jistabbilixxi d-dannu ta’ natura ekonomika u soċjali li huwa jinvoka, dan l-Istat Membru jsostni li s-settur tat-trasport huwa msejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni ta’ ristrutturazzjoni kbira fil-każ ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża. Bl-istess mod, filwaqt li l-imsemmi Stat Membru jsostni li 46 % tal-vjaġġi mwettqa minn trasportaturi Bulgari sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din il-miżura ser ikunu vjaġġi bla tagħbija, il-kalkoli li jinsabu fit-tieni rapport b’rabta mal-każ tal-assenza ta’ ristrutturazzjoni huma bbażati fuq il-premessa li 100 % tal-vjaġġi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-imsemmija miżura ser ikunu vjaġġi bla tagħbija.

    71

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-evalwazzjoni tan-numru ta’ vetturi użati f’ċikli tat-trasport ta’ iktar minn tmien ġimgħat, li hija determinanti sabiex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet supplimentari li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, tirriżulta minn estrapolazzjoni tad-dikjarazzjonijiet miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni minn kampjun ta’ trasportaturi deskritt fit-tieni rapport bħala insuffiċjenti fid-dawl tad-daqs tas-suq tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq.

    72

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm ma jkunx jista’ jiġi eskluż li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża tista’ żżid l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet, id-dokumenti pprovduti mir-Repubblika tal-Bulgarija ma jippermettux li jiġi evalwat bi preċiżjoni l-volum ta’ din iż-żieda.

    73

    Fir-rigward tan-natura gravi u irreparabbli li jista’ jkollha l-imsemmija żieda, għandu jiġi rrilevat li, kif jenfasizzaw il-Parlament u l-Kunsill, l-emissjonijiet ta’ CO2, ta’ NOx u ta’ PM2.5. huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni.

    74

    Għalhekk, ir-Regolament 2018/842 jistabbilixxi obbligi għal kull Stat Membru fil-qasam tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fosthom iċ-CO2,, filwaqt li d-Direttiva 2008/50 tipprevedi għanijiet nazzjonali ta’ tnaqqis tal-espożizzjoni għall-PM2.5 kif ukoll tal-valuri limitu ta’ NOx u ta’ PM2.5.

    75

    Minn dan isegwi li, anki jekk wieħed jibbaża fuq iċ-ċifri l-iktar għoljin imressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija, l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża timplika biss żieda moderata tal-emissjonijiet ta’ CO2, ta’ NOx u ta’ PM2.5, li ma huwiex stabbilit li hija ta’ natura li tikkontesta, f’terminu ta’ żmien medju, is-salvagwardja tal-kwalità tal-arja u l-ġlieda kontra t-tisħin globali (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑320/03 R, EU:C:2003:543, punt 98).

    76

    Għall-bqija, l-ispejjeż li jirriżultaw miż-żieda tal-emissjonijiet ta’ NOx u ta’ PM2.5 li ssemmi r-Repubblika tal-Bulgarija ma jistgħux, fid-dawl tal-ammont tagħhom għall-Unjoni kollha, juru n-natura serja tad-dannu allegat mir-Repubblika tal-Bulgarija.

    77

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-Repubblika tal-Bulgarija ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-effetti ambjentali tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża huma ta’ natura li jwasslu, b’mod prevedibbli, għal dannu gravi u irreparabbli.

    78

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jidher li r-Repubblika tal-Bulgarija ma stabbilixxietx li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fil-perijodu bejn l-iffirmar ta’ dan id-digriet u l-għoti tas-sentenza li ttemm il-proċedura fil-Kawża C‑545/20 hija ta’ natura li twassal, b’mod prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, għal dannu gravi u irreparabbli u, għaldaqstant, li l-kundizzjoni dwar l-urġenza hija ssodisfatta.

    79

    Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, hemm lok, għaldaqstant, li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet dwar il-fumus boni juris u dwar l-ibbilanċjar tal-interessi.

    80

    Konformement mal-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq il-kawża jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

     

    2)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top