EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0665

Kawża C-665/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-7 ta’ Diċembru 2020 – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra X; parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

ĠU C 128, 12.4.2021, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-7 ta’ Diċembru 2020 – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra X; parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

(Kawża C-665/20)

(2021/C 128/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra: X

Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

1)

Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħżel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa jekk l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhiex tiġi rrifjutata?

2)

Il-kunċett ta’ “l-istess atti”, li jinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI u l-istess kunċett li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bl-istess mod, u, jekk dan ma huwiex il-każ, kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett fl-ewwel dispożizzjoni ċċitata?

3)

Il-kundizzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI li teżiġi li l-kundanna “ġiet skontata […] jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza” għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirreferi wkoll għas-sitwazzjoni fejn il-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata definittivament għall-istess fatti għal piena ta’ priġunerija li hija tkun skontat parti minnha fil-pajjiż li fih ingħatat il-kundanna u li bbenefikat għall-bqija tal-kundanna minn maħfra tal-piena, mogħtija minn awtorità mhux ġudizzjarja ta’ dan il-pajjiż, bħala parti minn miżura ta’ klemenza ġenerali li hija applikabbli wkoll għal persuni kkundannati għal fatti gravi, bħal fil-każ tal-persuna rikjesta, u li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet razzjonali ta’ politika kriminali?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


Top