Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0211

    Kawża C-211/20 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Marzu 2020 fil-Kawża T-732/16, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 262, 10.8.2020, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 262/16


    Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Marzu 2020 fil-Kawża T-732/16, Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-211/20 P)

    (2020/C 262/20)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea

    Partijiet oħra fil-proċedura: Valencia Club de Fútbol, S.A.D. u r-Renju ta’ Spanja

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata sa fejn fiha l-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal-4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (ĠU 2017, L 55, p. 12), sa fejn din tirrigwarda l-miżura 1, li tikkonsisti fl-għoti tal-garanzija tal-Istat mogħtija mill-IVF fil-5 ta’ Novembru 2009 sabiex tkopri self bankarju mogħti lill-Fundación Valencia għas-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet tal-Valencia CF fil-kuntest taż-żieda fil-kapital tal-Valencia CF;

    tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

    tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

    Aggravju u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tibbaża l-appell tagħha fuq aggravju wieħed, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt tal-Unjoni meta interpretat l-Artikolu 107(1) TFUE b’mod ħażin, b’mod partikolari meta wriet l-eżistenza tal-kundizzjoni tal-vantaġġ. B’mod iktar speċifiku, fil-punti 124 sa 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, interpretat b’mod ħażin l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10) flimkien mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6) kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża; fit-tieni lok, wettqet żball ta’ liġi dwar l-oneru tal-prova fil-qasam tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn garanzija individwali u dwar id-dmir ta’ diliġenża tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali; u, fit-tielet lok, żnaturat il-fatti.


    Top