This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0723
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 24 March 2022.#Galapagos BidCo. S.a.r.l. v DE and Others.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Regulation (EU) 2015/848 – Insolvency proceedings – Article 3(1) – International jurisdiction – Moving of the centre of a debtor’s main interests to another Member State after a request to open main insolvency proceedings has been lodged.#Case C-723/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022.
Galapagos BidCo. S.a.r.l. vs DE et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Artikolu 3(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali.
Kawża C-723/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022.
Galapagos BidCo. S.a.r.l. vs DE et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Artikolu 3(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali.
Kawża C-723/20.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:209
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
24 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Artikolu 3(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali”
Fil‑Kawża C‑723/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura
Galapagos BidCo. Sàrl
vs
DE, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju ta’ Galapagos SA,
Hauck Aufhäuser Fund Services SA,
Prime Capital SA,
IL-QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal‑Awla, I. Jarukaitis (Relatur), M. Ilešič, D. Gratsias u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Galapagos BidCo. Sàrl, minn W. Nassall, Rechtsanwalt, |
– |
għal DE, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju ta’ Galapagos SA, minn C. van de Sande, Rechtsanwalt, |
– |
għal Hauck Aufhäuser Fund Services SA u Prime Capital SA, minn R. Hall, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u S. Noë, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Galapagos BidCo. Sàrl u DE, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju ta’ Galapagos SA, Hauck Aufhäuser Fund Services SA u Prime Capital SA, dwar talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-Ġermanja fir-rigward ta’ Galapagos. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Ftehim dwar il‑Ħruġ
3 |
L-Artikolu 67(3) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) jipprovdi: “Fir-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq], kif ukoll fl-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jinvolvu lir-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw kif ġej: […]
[…]” |
4 |
L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi: “Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000
5 |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), imħassar bir-Regolament 2015/848, kien jipprevedi: “Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.” |
Ir‑Regolament 2015/848
6 |
Il-premessi 1, 3, 5, 8, 23, 27, 29, 33 u 65 tar-Regolament 2015/848 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
7 |
Skont il-punt (7) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, is-“sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza” tfisser deċiżjoni li tinkludi d-deċiżjoni ta’ kwalunkwe qorti li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza jew li tikkonferma l-ftuħ ta’ tali proċedura u d-deċiżjoni ta’ qorti li taħtar prattikant fl-insolvenza. |
8 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jiddisponi: “1. Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti tal-insolvenza (‘il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza’). Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-preżunzjoni tkun li l-post tal-uffiċċju rreġistrat ikun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. […] 2. Meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ insolvenza kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor. 3. Meta proċedimenti ta’ insolvenza jkunu nfetħu skont il-paragrafu 1, kull proċediment miftuħ sussegwentement skont il-paragrafu 2 ikun proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza. […]” |
9 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Eżami tal-ġurisdizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Qorti li tiġi invokata bit-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza għandha teżamina ex ufficio jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3. Is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza għandha tispeċifika r-raġunijiet fuq xiex tkun ibbażata l-ġurisdizzjoni tal-qorti, u, b’mod partikolari, jekk il-ġurisdizzjoni tkunx ibbażata fuq l-Artikolu 3(1) jew (2).” |
10 |
L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2015/848 jipprovdi: “Kwalunkwe sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3 għandu jkun rikonoxxut fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 |
Galapagos hija kumpannija holding li għandha s-sede statutorja tagħha fil-Lussemburgu. Fix-xahar ta’ Ġunju 2019, hija ddeċidiet li tittrasferixxi l-amministrazzjoni ċentrali tagħha lejn Fareham (ir-Renju Unit). Fit‑22 ta’ Awwissu 2019, l-amministraturi tagħha maħtura fit‑13 ta’ Ġunju 2019 talbu lill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division (Business and Property Courts, Insolvency and Companies list) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tan-Negozju u l-Proprjetà, Reġistru tal-Insolvenza u tal-Kumpanniji, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem il-“High Court”), għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, l-għada, dawn l-amministraturi ġew irrevokati fuq l-instigazzjoni ta’ grupp ta’ kredituri li kellhom pleġġ ta’ azzjonijiet u ġew issostitwiti minn amministratur ġdid. Dan tal-aħħar stabbilixxa, għal Galapagos, uffiċċju f’Düsseldorf (il-Ġermanja) u ta istruzzjoni lill-avukati li jirrappreżentawha sabiex jirtiraw it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, dan l-irtirar ma seħħx għaliex grupp ta’ kredituri ngħaqad ma’ din it-talba. Il-High Court kienet għadha ma ddeċidietx fuqha fis‑17 ta’ Diċembru 2020, data li fiha tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
12 |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2019, Galapagos ressqet talba oħra għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li, permezz ta’ digriet mogħti fl-istess jum, ħatret lil DE bħala amministratur ġudizzjarju provviżorju u ordnat miżuri kawtelatorji. Madankollu, fis‑6 ta’ Settembru 2019, din il-qorti, adita minn kredituri b’rikors immedjat, irrevokat id-digriet tagħha u ċaħdet bħala inammissibbli t-talba ta’ Galapagos, għar-raġuni li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni. |
13 |
Fis‑6 ta’ Settembru 2019, Hauck Aufhäuser Fund Services u Prime Capital, żewġ kumpanniji kredituri oħra ta’ Galapagos, adixxew lill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) b’talba oħra għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Settembru 2019, din il-qorti reġgħet ħatret lil DE bħala amministratur ġudizzjarju provviżorju u ordnat miżuri provviżorji, billi kkunsidrat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos kien jinsab f’Düsseldorf meta din it-talba ġiet ippreżentata. |
14 |
Galapagos BidCo, li hija kemm sussidjarja kif ukoll kreditriċi ta’ Galapagos, f’din il-kwalità tal-aħħar adixxiet lil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’rikors immedjat sabiex tikseb l-annullament tad-digriet tad‑9 ta’ Settembru 2019, billi sostniet li l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali, peress li l-amministrazzjoni ċentrali ta’ Galapagos kienet ġiet ittrasferita lil Fareham fix-xahar ta’ Ġunju 2019. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Ottubru 2019, Galapagos BidCo. adixxiet lill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. |
15 |
Dik il-qorti tesponi li l-qorti tal-appell ikkunsidrat li kien ġust li l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) kienet aċċettat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha billi kkunsidrat li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos kien jinsab fil-Ġermanja fid‑9 ta’ Settembru 2019. Barra minn hekk, din il-qorti tal-appell qieset li t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza mressqa quddiem il-High Court ma kinitx tipprekludi din il-ġurisdizzjoni, peress li l-prinċipju li l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ma tistax tiġi eskluża bit-trasferiment, bejn it-talba u l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, taċ-ċentru tal-interessi prinċipali fi Stat Membru ieħor jikkonċerna biss, fil-fehma tagħha, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita inizjalment u ma għandu ebda effett fuq il-ġurisdizzjoni ta’ qrati oħra aditi sussegwentement. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-eżitu tal-appell li hija adita bih jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-qorti tal-appell, fil-fehma tagħha, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos kien jinsab fil-Ġermanja, jekk l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija, li għandha s-sede statutorja tagħha fl-ewwel Stat Membru, għandha titqies li ma għandhiex iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha fit-tieni Stat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-amministrazzjoni ċentrali tagħha meta din il-kumpannija tkun ittrasferixxiet l-amministrazzjoni ċentrali tagħha mit-tielet Stat Membru lejn dan it-tieni Stat Membru minkejja li kienet preċedentement ġiet ippreżentata f’dan it-tielet Stat Membru talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza u li għadha ma ngħatatx deċiżjoni dwar din it-talba. |
17 |
Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 tistipula li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jikkorrispondi għall-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li huwa verifikabbli minn terzi. Hija tosserva li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-Regolament Nru 1346/2000, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellu jiġi pprivileġġat il-post identifikabbli tal-amministrazzjoni ċentrali tal-kumpannija kkonċernata. Għaldaqstant, hija tqis li jkun hemm lok li tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-qorti tal-appell li Galapagos kellha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha fil-Ġermanja fil-bidu tax-xahar ta’ Settembru 2019. |
18 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, wara r-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 magħmula bir-Regolament Nru 2015/848, hemmx lok, fid-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi u sabiex jiġi evitat aġir abbużiv f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li tressqet quddiemha, li jiġu imposti rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi kkunsidrat li trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali lejn Stat Membru ieħor għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. |
19 |
Fit-tieni lok, il-qorti tal-appell, skont il-qorti tar-rinviju, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tirriżulta mill-fatt li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos kien jinsab fit-territorju Ġermaniż fix-xahar ta’ Settembru 2019, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fil-mument tat-tressiq ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jibqa’ jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-livell internazzjonali sabiex jiftħu din il-proċedura meta d-debitur jittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma jseħħ il-ftuħ tal-imsemmija proċedura u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru inizjalment aditi teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet oħra għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali. |
20 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, qabelxejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2006, Staubitz-Schreiber (C‑1/04, EU:C:2006:39), interpretat l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fil-mument tat-tressiq tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza mid-debitur jibqa’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ l-imsemmija proċedura meta l-imsemmi debitur ikun ittrasferixxa ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara l-preżentata ta’ din it-talba, iżda qabel il-ftuħ tal-proċedura. Hija tistaqsi, madankollu, jekk, fid-dawl tar-riformulazzjoni ta’ dan ir-regolament imwettqa bir-Regolament 2015/848, din il-ġurisprudenza għadhiex rilevanti. |
21 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mir-Regolament 2015/848 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li tista’ tinfetaħ proċedura waħda ta’ insolvenza prinċipali u li l-Istati Membri kollha huma marbuta bid-deċiżjoni li tiftaħ tali proċedura, b’tali mod li l-ġurisdizzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament titqies li tikkostitwixxi ġurisdizzjoni esklużiva. Issa, skont din il-qorti, jekk iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita inizjalment ma teskludix il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet ġodda għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, tali qorti adita ulterjorment tkun tista’ tiftaħ il-proċedura ta’ insolvenza prinċipali permezz ta’ deċiżjoni li tkun torbot lill-qorti adita inizjalment, b’tali mod li din tal-aħħar ma tkunx tista’ iktar tiftaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali, u dan jista’ jċaħħad minn effett utli ż-żamma tal-ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva li tirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2015/848 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
22 |
Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tar-rikors li hija adita bih, hija għandha titlaq mill-prinċipju li, fid-data li fiha tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza quddiem il-High Court, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tar-Renju Unit sabiex jiftħu proċeduri ta’ insolvenza prinċipali kienet stabbilita skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, peress li, skont il-fatti li fuqhom huwa bbażat dan ir-rikors, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos kien jinsab f’din id-data fir-Renju Unit. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq it‑tieni domanda
24 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali żżomm ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiftaħ tali proċedura meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma din il-qorti tkun iddeċidiet dwarha. |
25 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar il-klassifikazzjoni jew dwar il-konsegwenzi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, tat-trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur qabel it-tressiq tal-ewwel talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza li kienet seħħet f’mument qrib ta’ dan it-tressiq. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li hija għandha, essenzjalment, għal raġunijiet proċedurali, titlaq mill-prinċipju li, fid-data li fiha tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ Galapagos quddiem il-High Court, dan iċ-ċentru kien jinsab fir-Renju Unit. |
26 |
Peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest ta’ din id-domanda, b’mod iktar preċiż dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u, speċjalment, l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2006, Staubitz-Schreiber (C‑1/04, EU:C:2006:39), humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, dan iwettaq riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 li kien ġie emendat diversi drabi. Issa, minn naħa, bħal dan tal-aħħar, ir-Regolament 2015/848 huwa intiż b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 8 tiegħu, sabiex itejjeb u jħaffef il-proċeduri ta’ insolvenza li għandhom effetti transkonfinali billi jinkludi, f’att vinkolanti u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u d-dritt applikabbli f’dan il-qasam. |
27 |
Barra minn hekk, bħar-Regolament Nru 1346/2000, ir-Regolament 2015/848 ifittex b’mod partikolari l-għan, stabbilit fil-premessa 5 tiegħu, li jiġi evitat, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li l-partijiet ma jkunux inċentivati li jittrasferixxu assi jew proċeduri ġudizzjarji minn Stat Membru għal ieħor bil-ħsieb li jtejbu s-sitwazzjoni legali tagħhom għad-detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri (forum shopping). Għal dan l-għan, huwa jfittex b’mod partikolari, kif isegwi mill-premessa 29 tiegħu, li jistabbilixxi garanziji intiżi sabiex jipprekludu t-tfittxija frawdolenti jew abbużiva tal-qorti l-iktar favorevoli. |
28 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jipprevedi, bħall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza. |
29 |
Konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1346/2000 fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 20). |
30 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jagħti, għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali, ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur għandu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Rastelli Davide u C., C‑191/10, EU:C:2011:838, punt 27, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 23). |
31 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2006, Staubitz-Schreiber (C‑1/04, EU:C:2006:39), li l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur meta titressaq it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza mid-debitur jibqa’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ l-imsemmija proċedura meta l-imsemmi debitur jittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara t-tressiq tat-talba, iżda qabel ma jseħħ il-ftuħ tal-proċedura. |
32 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari, fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-għan tar-Regolament Nru 1346/2000, li huwa identiku għal dak li issa huwa segwit mir-Regolament 2015/848, li jikkonsisti f’li jiġi evitat li l-partijiet fil-proċedura jiġu mħeġġa jittrasferixxu assi jew proċeduri ġudizzjarji minn Stat Membru għal ieħor, sabiex itejbu s-sitwazzjoni legali tagħhom, u kkunsidrat li dan l-għan ma jintlaħaqx jekk id-debitur ikun jista’ jittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu lejn Stat Membru ieħor bejn it-tressiq tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza u meta tingħata d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura u jiddetermina, b’dan il-mod, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni kif ukoll id-dritt applikabbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 26 tal-imsemmija sentenza, li tali trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jkun ukoll kuntrarju għall-għan, issa stabbilit fil-premessi 3 u 8 tar-Regolament 2015/848, ta’ funzjonament effettiv, imtejjeb u mħaffef tal-proċeduri amministrattivi, billi jobbliga lill-kredituri jfittxu kontinwament lid-debitur fil-post fejn huwa jiddeċiedi li huwa tajjeb li jistabbilixxi ruħu b’mod bejn wieħed u ieħor definittiv, u joħloq ir-riskju li, fil-prattika, iwassal ħafna drabi għal dewmien fil-proċedura. |
33 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru inizjalment adita għandhiex il-konsegwenza li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talbiet ġodda għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li mill-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/848 isegwi li hija biss proċedura prinċipali li tista’ tinfetaħ u li din tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istati Membri kollha li fihom dan ir-regolament huwa applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 52). |
34 |
Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2015/848, moqri fid-dawl tal-premessa 27 tiegħu, hija l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali li għandha teżamina ex officio jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni u, għal dan l-għan, tivverifika li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jinsab f’dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 41). Il-premessa 33 ta’ dan ir-regolament tindika barra minn hekk li, meta l-qorti adita b’tali talba tikkonstata li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ma jinsabx fit-territorju tal-Istat li tagħmel parti minnu, din ma għandhiex tiftaħ proċedura prinċipali ta’ insolvenza. |
35 |
Fl-aħħar, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament 2015/848, kull deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha minn meta tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru li jiftaħ il-proċeduri. Dan ir-rikonoxximent huwa bbażat, bħalma tindika l-premessa 65 tal-imsemmi regolament, fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li jeżiġi li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra jirrikonoxxu d-deċiżjoni li tiftaħ tali proċedura, mingħajr ma jkunu jistgħu jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 42). |
36 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali żżomm ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiftaħ tali proċedura meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma din il-qorti tkun iddeċidiet dwarha, u li, konsegwentement, meta talba titressaq sussegwentement għall-istess finijiet quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, din tal-aħħar ma tistax, bħala prinċipju, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ tali proċedura sakemm l-ewwel qorti ma tkunx iddeċidiet u rrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha. |
37 |
Fil-kawża prinċipali, jidher li huwa paċifiku li, qabel ma ġiet adita l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf), kienet tressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali dwar Galapagos quddiem il-High Court. Għaldaqstant, sabiex tevalwa l-validità tad-deċiżjoni tal-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) li taċċetta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti prodotti mill-preżentata ta’ din it-talba quddiem il-High Court, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti f’din is-sentenza. |
38 |
Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kunsiderazzjoni li, skont l-Artikolu 67(3)(ċ) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Regolament 2015/848 japplika għar-Renju Unit kif ukoll fl-Istati Membri fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit, għall-proċeduri ta’ insolvenza, bil-kundizzjoni li l-proċedura prinċipali tkun infetħet qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 126 ta’ dan il-ftehim. |
39 |
Konsegwentement, kieku kellu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li, fid-data tal-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri fil‑31 ta’ Diċembru 2020, il-High Court kienet għadha ma ddeċidietx dwar it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali, minn dan ikun jirriżulta li r-Regolament 2015/848 ma jkunx jeżiġi iktar li, minħabba din it-talba, qorti ta’ Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Galapagos, tastjeni milli tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni għall-finijiet tal-ftuħ ta’ tali proċedura. |
40 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali żżomm ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiftaħ tali proċedura meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma din il-qorti tkun iddeċidiet fuqha. Konsegwentement, u sakemm dan ir-regolament jibqa’ applikabbli għall-imsemmija talba, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor sussegwentement adita b’talba mressqa għall-istess finijiet ma tistax, bħala prinċipju, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali sakemm l-ewwel qorti ma tkunx iddeċidiet u rrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha. |
Fuq l‑ewwel domanda
41 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jitqies li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu, filwaqt li din tal-aħħar ġiet ittrasferita minn Stat Membru ieħor wara t-tressiq, f’dan tal-aħħar, ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali u li għadha ma ngħatatx deċiżjoni fuq din it-talba. |
42 |
Issa, mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda jirriżulta li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali ma għandhiex, f’tali ċirkustanzi, l-obbligu li tivverifika jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsabx f’dan l-Istat Membru. |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza prinċipali żżomm ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiftaħ tali proċedura meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor wara t-tressiq ta’ din it-talba, iżda qabel ma din il-qorti tkun iddeċidiet fuqha. Konsegwentement, u sakemm dan ir-regolament jibqa’ applikabbli għall-imsemmija talba, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor sussegwentement adita b’talba mressqa għall-istess finijiet ma tistax, bħala prinċipju, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiftaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali sakemm l-ewwel qorti ma tkunx iddeċidiet u rrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.