Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0720

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
    RO legalment irrappreżentata vs Bundesrepublik Deutschland.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu – Ġenituri ta’ dan il-minuri li preċedentement kisbu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Artikolu 3(2) – Artikolu 9 – Artikolu 20(3) – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u responsabbiltà għall-eżami tagħha.
    Kawża C-720/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:603

     SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu – Ġenituri ta’ dan il-minuri li preċedentement kisbu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Artikolu 3(2) – Artikolu 9 – Artikolu 20(3) – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u responsabbiltà għall-eżami tagħha”

    Fil-Kawża C‑720/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

    RO, legalment irrappreżentata,

    vs

    Bundesrepublik Deutschland,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, S. Rodin, I. Ziemele u J. Passer (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, M. Safjan, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal RO, legalment irrappreżentata, minn V. Gerloff, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, A. Hanje, M. J. Langer u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, L. Grønfeldt u M. C. Ladenburger, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Marzu 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 20(3) tiegħu, kif ukoll tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri”), u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 33(2)(a) tagħha.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RO, minuri, legalment irrappreżentat, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar iċ-ċaħda, bħala inammissibbli, tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ dan il-minuri, li twieled f’dan l-Istat Membru u li l-ġenituri u l-ħames aħwa tiegħu kisbu, qabel it-twelid tiegħu, protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament (KE) Nru 343/2003

    3

    L-Artikolu 16(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), jipprovdi:

    “L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat […] jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess.”

    4

    Ir-Regolament Nru 343/2003 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III.

    Ir‑Regolament Dublin III

    5

    Il-premessi 4, 5 u 14 tar-Regolament Dublin III jistipulaw:

    “(4)

    Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw […] li [s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (s-SEKA)] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

    (5)

    Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

    […]

    (14)

    F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-rispett lejn il-ħajja tal-familja għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

    6

    Ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi, fl-Artikolu 1 tiegħu, “l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida”.

    7

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    (c)

    ‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

    […]

    (f)

    ‘benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li ngħataw protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)];

    (g)

    ‘memri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

    […]

    meta l-applikant ikun minorenni u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-applikant, kemm jekk bil-liġi kif ukoll jekk bil-prattika tal-Istat Membru fejn l-adult ikun preżenti;

    […]”

    8

    Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali u salwagwardji”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 3, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, li l-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu jipprovdu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom […]. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

    2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

    […]”

    9

    Il-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-Kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 7, 9 u 10 ta’ dan ir-regolament.

    10

    L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.”

    11

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Membri tal-familja li huma benefiċarji tal-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

    “Fejn l-applikant għandu membru tal-familja, bla ma jitqies jekk il-familja kenitx ifformata qabel fil-pajjiż ta’ oriġini jew le, li kien tħalla jirrisjedi bħala benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

    12

    L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Membri tal-familja li huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”, jistipula:

    “Jekk l-applikant għandu membru tal-familja fi Stat Membru li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu f’dak l-Istat Membru tkun għadha ma kenitx suġġetta għall-ewwel deċiżjoni fir-rigward tas-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

    13

    Il-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuni dipendenti u klawsoli diskrezzjonali”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 17, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi:

    “L-Istat Membru li fih issir l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u li jkun għaddej mill-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, jew l-Istat Membru responsabbli jista’, fi kwalunkwe ħin qabel ma tittieħed l-ewwel deċiżjoni rigward is-sustanza, jitlob Stat Membru ieħor biex jieħu f’idejh l-applikazzjoni sabiex jġib flimkien kwalunkwe relazzjonijiet familjari, għal raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikolari fuq konsiderazzjonijiet familjari u kulturali, ukoll fejn dan l-Istat Membru l-ieħor mhux responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 11 u 16. Il-persuni kkonċernati għandhom juru li jaqblu bil-miktub.

    […]”

    14

    Il-Kapitolu VI tal-istess regolament, intitolat “Il-Proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, jinkludi fit-Taqsima I tiegħu, intitolata “Il-bidu tal-proċedura”, l-Artikolu 20, li t-titolu tiegħu huwa identiku għal dak ta’ din it-taqsima u li jipprovdi:

    “1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

    2.   Applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

    3.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni ta’ minorenni li jkun jakkumpanja lill-applikant u li jissodisfa ddefinizzjoni ta’ membru tal-familja għandha tkun indissoċjabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu/tagħha u għandha tkun materja tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dak il- membru tal-familja, ukoll jekk il-minorenni mhuwiex/mhijiex individwalment applikant(a), sakemm huwa fl-aħjar interess tal-minorenni. L-istess trattament għandu jkun applikat lil tfal imwielda wara li l-applikant jasal fit-territorju tal-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li titnieda proċedura ġdida biex wieħed jinkariga ruħu minnhom

    […]”

    15

    It-Taqsima II ta’ dan l-istess Kapitolu VI, intitolata “Il-proċeduri għat-talbiet biex jittieħed inkarigu”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 21, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu”, li jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.”

    Id‑Direttiva dwar il‑Proċeduri

    16

    Skont il-premessa 43 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri:

    “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-[Direttiva 2011/95], ħlief fejn din id-Direttiva tkun tipprovdi mod ieħor, partikolarment fejn wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l- eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fejn pajjiż ta’ asil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew inkella protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż.”

    17

    L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jistipula:

    “1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-[Direttiva 2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

    (a)

    il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

    […]”

    Id‑dritt Ġermaniż

    18

    Il-punt 1(a) tal-Artikolu 29(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1126), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprovdi:

    “(1)   Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

    1)

    Stat Membru ieħor

    a) skont [ir-Regolament Dublin III], […]

    huwa responsabbli għall-proċedura ta’ ażil,

    […]”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    19

    Fid‑19 ta’ Marzu 2012, il-ġenituri u l-ħames aħwa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadini tal-Federazzjoni Russa, kisbu l-istatus ta’ refuġjat fil-Polonja.

    20

    Fix-xahar ta’ Diċembru 2012, huma telqu mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lejn il-Ġermanja fejn ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

    21

    Fil‑25 ta’ April 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lir-Repubblika tal-Polonja tieħu lura dawn il-persuni abbażi tal-Artikolu 16(1)(ċ) tar-Regolament Nru 343/2003.

    22

    Fit‑3 ta’ Mejju 2013, ir-Repubblika tal-Polonja rrifjutat li tilqa’ din it-talba, minħabba li l-imsemmija persuni kienu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħha.

    23

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-istess persuni bħala inammissibbli, minħabba l-istatus ta’ refuġjat li dawn kienu diġà kisbu fil-Polonja, u ordnatilhom jitilqu mit-territorju Ġermaniż, taħt piena ta’ tneħħija.

    24

    Fis‑7 ta’ Novembru 2014, din id-deċiżjoni ġiet annullata biss f’dak li jirrigwarda l-ordni ta’ tluq mit-territorju Ġermaniż taħt piena ta’ tneħħija.

    25

    Fis‑7 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fil-Ġermanja fil‑21 ta’ Diċembru 2015 u li hija, bħall-ġenituri tagħha u bħall-ħames aħwa tagħha, ċittadina tal-Federazzjoni Russa, ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi.

    26

    Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) adottati rispettivament fl‑14 ta’ Frar 2019 u fid‑19 ta’ Marzu 2019, il-ġenituri u l-aħwa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ ordni ġdida ta’ tluq mit-territorju Ġermaniż taħt piena ta’ tneħħija, minħabba l-protezzjoni internazzjonali li kienu diġà jibbenefikaw minnha fil-Polonja. Ir-rikors ippreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet għadu pendenti.

    27

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2019, l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala inammissibbli, abbażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III.

    28

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont dik il-qorti, ebda proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, konformement mar-Regolament Dublin III, ma nbdiet fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hijiex, skont ir-Regolament Dublin III, l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u jekk, fl-affermattiv, dan l-Istat Membru jistax madankollu jiċħad din l-applikazzjoni bħala inammissibbli.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fid-dawl tal-għan tad-dritt tal-Unjoni li jiġi evitat il-moviment sekondarju, iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-unità tal-familja li huwa espress fir-[Regolament Dublin III], għandha ssir applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament meta wild minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-istess Stat Membru, iżda fejn il-ġenituri għandhom diġà protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-wild twieled fl-Istat Membru li fih huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-applikazzjoni għal ażil tal-wild minuri skont ir-[Regolament Dublin III] għandha ma tiġix eżaminata u għandha tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni, pereżempju, li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-wild minuri l-Istat Membru li fih il-ġenituri tiegħu għandhom protezzjoni internazzjonali?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 20(3) tar-[Regolament Dublin III] japplika wkoll b’analoġija sa fejn, skont it-tieni sentenza tiegħu, huwa inutli li tinbeda proċedura ġdida ta’ responsabbiltà għall-wild li twieled sussegwentement, minkejja li hemm imbagħad ir-riskju li l-Istat Membru ospitanti ma jkollux għarfien tal-eventwali neċessità li tittieħed responsabbiltà għall-wild minuri jew ir-riskju li, skont il-prassi amministrattiva tiegħu, huwa jiċħad applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament u, b’hekk, ikun hemm ir-riskju li l-wild minuri jsir ‘refugee in orbit’?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni u t-tielet domanda, tista’ tingħata deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-[Direttiva dwar il-Proċeduri], lil wild minuri li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru anki jekk ma jkunx dan il-wild innifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jkollhom protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    30

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Dublin III li jipprevjeni l-movimenti sekondarji u li jippreżerva d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u, b’mod partikolari, l-unità tal-familja, l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fih twieled dan il-minuri, filwaqt li l-ġenituri tiegħu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin III, li huwa intitolat “Il-bidu tal-proċedura” u li jagħmel parti mill-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tiegħu, jipprovdi li, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, is-sitwazzjoni tal-minuri li jakkumpanja l-applikant u jissodisfa d-definizzjoni ta’ membru tal-familja hija inseparabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi membru tal-familja, anki jekk il-minuri ma jkunx applikant individwali, sakemm dan ikun fl-interessi superjuri tal-minuri. It-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3) tippreċiża li l-istess trattament japplika għat-tfal imwielda wara l-wasla tal-applikant fit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr ma jkun neċessarju li tinbeda proċedura ġdida ta’ teħid ta’ responsabbiltà għalihom.

    32

    Mill-kliem ċar tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li dan jippreżumi li l-membri tal-familja tal-minuri għad għandhom il-kwalità ta’ “applikant”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ dan ir-regolament, u li, għaldaqstant, ma jirregolax is-sitwazzjoni ta’ minuri li twieled wara li dawn il-membri tal-familja tiegħu jkunu kisbu l-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-minur ikun twieled u jirrisjedi mal-familja tiegħu.

    33

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward il-punt dwar jekk l-imsemmija membri tal-familja ppreżentawx applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-aħħar Stat Membru u jekk dan ċaħadx tali applikazzjonijiet bħala inammissibbli qabel jew wara t-twelid tal-minuri kkonċernat. Fil-fatt, għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax validament jirrikjedi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, fil-kuntest tal-proċeduri ddefiniti minn dan ir-regolament, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali mit-tieni minn dawn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 78).

    34

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III jistax madankollu japplika b’analoġija għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali u dik ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma diġà benefiċjarji ta’ tali protezzjoni ma humiex komparabbli fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III, peress li l-kunċetti ta’ “applikant” u ta’ “benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali”, rispettivament iddefiniti f’punt (c) u f’punt (f) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jkopru fil-fatt statuti legali distinti rregolati minn dispożizzjonijiet differenti ta’ dan ir-regolament.

    35

    F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fl-istess punt tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk b’mod partikolari għamel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma diġà benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III, u dik tal-minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali, imsemmija fir-rigward tiegħu fl-Artikolu 10 u l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament.

    36

    Fl-ewwel waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, li tikkorrispondi għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III lill-minuri kkonċernat iċċaħħad kemm lill-minuri ikkonċernat kif ukoll lill-Istat Membru li jkun ta protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja ta’ dan il-minuri mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmi previsti minn dan ir-regolament.

    37

    B’mod partikolari, l-applikazzjoni b’analoġija tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III għal tali minuri jkollha l-konsegwenza li dan jista’ jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment mingħajr ma tinbeda proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal dan il-minuri. Issa, l-eżenzjoni mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-minuri mwieled wara l-wasla tal-applikant fit-territorju tal-Istati Membri, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III, tippreżumi li l-minuri ser ikun inkluż fil-proċedura miftuħa fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu u, għaldaqstant, li din il-proċedura tkun pendenti, li ma huwiex preċiżament il-każ meta dawn il-membri tal-familja jkunu diġà kisbu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

    38

    Barra minn hekk, il-fatt li l-Istat Membru ta’ twelid tal-minuri jitħalla, b’applikazzjoni b’analoġija tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III, jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment mingħajr ebda proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jwassal, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat it-terminu previst f’dan ir-rigward mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament u għal sitwazzjoni fejn l-Istat Membru li ta protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja qabel it-twelid ta’ dan il-minuri jsib ruħu affaċċjat b’tali deċiżjoni ta’ trasferiment, minkejja li la kien infurmat u lanqas ma seta’ jagħraf ir-responsabbiltà tiegħu għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi minuri.

    39

    Ulterjorment, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda regoli speċifiċi fil-każ fejn il-proċedura miftuħa fir-rigward tal-membri tal-familja tal-minuri tkun intemmet u fejn għalhekk dawn il-membri tal-familja ma jibqgħux applikanti, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Dublin III, iżda jitħallew jirrisjedu bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru. Din is-sitwazzjoni hija rregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 9 tal-istess regolament.

    40

    Fil-fatt, l-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III jipprovdi li, jekk membru tal-familja tal-applikant, irrispettivament minn jekk din il-familja kinitx jew le komposta minn qabel fil-pajjiż ta’ oriġini, ikun tħalla jirrisjedi bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dan l-Istat Membru huwa responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.

    41

    Ċertament, kif osservaw ċerti partijiet ikkonċernati waqt is-seduta, il-fatt li l-implimentazzjoni tal-kriterju ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jinsab fl-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III huwa suġġett għall-kundizzjoni espressa li l-persuni kkonċernati jkunu esprimew ix-xewqa bil-miktub tagħhom jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju fl-assenza ta’ espressjoni ta’ tali xewqa. Din is-sitwazzjoni tista’ b’mod partikolari sseħħ meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-minuri kkonċernat tiġi ppreżentata wara moviment sekondarju irregolari tal-familja tiegħu mill-ewwel Stat Membru lejn l-Istat Membru fejn din l-applikazzjoni tiġi ppreżentata. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tneħħi xejn mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, permezz ta’ dan l-Artikolu 9, dispożizzjoni li tkopri preċiżament sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-membri tal-familja ta’ applikant ma jibqgħux huma stess applikanti, iżda jibbenefikaw diġà minn protezzjoni internazzjonali mogħtija minn Stat Membru.

    42

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, ma tistax issir deroga mir-rekwiżit tal-manifestazzjoni bil-miktub tax-xewqa tal-persuni kkonċernati, meħtieġa minn dan l-artikolu. Għalhekk, il-prevenzjoni tal-movimenti sekondarji, li tikkostitwixxi, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 77), wieħed mill-għanijiet segwiti mir-Regolament Dublin III, ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni differenti ta’ dan l-artikolu.

    43

    L-istess japplika fir-rigward tal-proċedura prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Dublin III, li skontha l-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’, f’kull ħin, qabel ma tittieħed l-ewwel deċiżjoni dwar il-mertu, jitlob lil Stat Membru ieħor jieħu responsabbiltà għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali sabiex issir il-konċiljazzjoni ta’ kwalunkwe relazzjoni familjari għal raġunijiet umanitarji, sakemm il-persuni kkonċernati jesprimu l-kunsens tagħhom bil-miktub.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’sitwazzjoni fejn il-persuni kkonċernati ma jkunux esprimew, bil-miktub, ix-xewqa li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ minuri jkun dak li fih il-membri tal-familja tiegħu jkunu tħallew jirrisjedu bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha ssir skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, alternattivament applikabbli, fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar abbażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fih twieled dan il-minuri, filwaqt li l-ġenituri tiegħu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

    Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

    46

    Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domanda.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    47

    Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, b’applikazzjoni b’analoġija, li tiġi miċħuda bħala inammissibbli l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ minuri meta ma jkunx dan il-minuri nnifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

    48

    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja – Protezzjoni diġà mogħtija), C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 23).

    49

    Din in-natura eżawrjenti hija msejsa kemm fuq il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari l-kelma “biss” li tiġi qabel l-elenku tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà, kif ukoll fuq l-iskop tagħha li huwa dak, hekk kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiġi mħaffef billi jiġu ddefiniti każijiet fejn tali applikazzjoni titqies inammissibbli (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dan l-iskop, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri jippreżenta, b’mod ġenerali, deroga mill-obbligu tal-Istati Membri li jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali.

    50

    Skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor. Din il-possibbiltà hija spjegata b’mod partikolari mill-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li l-Unjoni tikkostitwixxi, u li din id-dispożizzjoni hija espressjoni tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil komuni stabbilita minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja – Protezzjoni diġà mogħtija), C‑483/20, EU:C:2022:103, punti 2829).

    51

    Madankollu, kemm min-natura eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri kif ukoll min-natura derogatorja tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà jirriżulta li din il-lista tinkludi li l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta u għalhekk ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjoni li ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tiegħu.

    52

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax, konsegwentement, jiġi estiż għal applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jibbenefikax huwa stess minn tali protezzjoni msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 43 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri li tippreċiża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata ta’ din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà billi tiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-mertu meta l-ewwel pajjiż ta’ ażil ikun ta “lill-applikant” l-istatus ta’ refuġjat jew ikun tah titolu ieħor li joffri protezzjoni suffiċjenti.

    53

    Konsegwentement, f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-applikant huwa minuri li l-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, iżda li ma jibbenefikax huwa stess minn tali protezzjoni, dan l-applikant ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tiegħu ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli fuq din il-bażi.

    54

    Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata b’analoġija sabiex tkun il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà f’din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, tali applikazzjoni tinjora mhux biss in-natura eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri iżda wkoll il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ tali minuri ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li diġà jibbenefika minn tali protezzjoni mogħtija minn Stat Membru ieħor, li jeskludi kull analoġija.

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli b’analoġija għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fi Stat Membru meta ma jkunx dan il-minuri nnifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

    Fuq l‑ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma huwiex applikabbli b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fih twieled dan il-minuri, filwaqt li l-ġenituri tiegħu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

     

    2)

    L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma huwiex applikabbli b’analoġija għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fi Stat Membru meta ma jkunx dan il-minuri nnifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top