EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0708

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2021.
BT vs Seguros Catalana Occidente u EB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-County Court at Birkenhead.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet – Talba għal kumpens għad-dannu subit minn individwu ddomiċiljat fi Stat Membru wara inċident li seħħ f’abitazzjoni mikrija fi Stat Membru ieħor – Azzjoni miġjuba mill-persuna leża kontra, minn naħa, l-assiguratur u, min-naħa l-oħra, il-persuna assigurata, proprjetarja ta’ din l-abitazzjoni – Applikabbiltà tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament.
Kawża C-708/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:986

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

9 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet – Talba għal kumpens għad-dannu subit minn individwu ddomiċiljat fi Stat Membru wara inċident li seħħ f’abitazzjoni mikrija fi Stat Membru ieħor – Azzjoni miġjuba mill-persuna leża kontra, minn naħa, l-assiguratur u, min-naħa l-oħra, il-persuna assigurata, proprjetarja ta’ din l-abitazzjoni – Applikabbiltà tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament”

Fil-Kawża C‑708/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-County Court at Birkenhead (il-Qorti tal-Kontea ta’ Birkenhead, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

BT

vs

Seguros Catalana Occidente,

EB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EB, minnha nnifisha,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u. Bartl, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Peluso, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger, X. Lewis u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BT u, Seguros Catalana Occidente u EB, fir-rigward ta’ talba ppreżentata minn BT sabiex tikseb kumpens għad-dannu sostnut wara inċident li seħħ fi proprjetà immobbli ta’ EB.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 16, 18 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(16)

Barra [l-qorti ta]d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni [qrati awtorizzati] bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

[…]

(18)

B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”)], ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 [tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il- ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, li hija intitolata “Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni”, tinkludi l-Artikoli 10 sa 16 tiegħu.

5

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprevedi dan li ġej:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7.”

6

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat;

b)

fi Stat Membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn ir-rikorrent ikun domiċiljat; jew

c)

jekk ikun koassiguratur, fil-qrati ta’ Stat Membru li fih jinġiebu l-proċedimenti kontra l-assiguratur prinċipali.

2.   Assiguratur li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, ikun meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru.”

7

Skont kliem l-Artikolu 13 tal-istess regolament:

“1.   Fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità, l-assiguratur jista’ wkoll, jekk tippermetti l-liġi tal-qorti, jiġi kjamat fil-proċedimenti li l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun ressqet kontra l-assiguratur.

2.   L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta tali azzjonijiet diretti jkunu permessi.

3.   Jekk il-liġi li tirregola tali azzjonijiet diretti tipprevedi li min ikollu polza ta’ assigurazzjoni jew dak li jkun assigurat jista’ jiġi kjamat [mħarrek] fil-kawża, l-istess qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni fuqhom.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

BT, iddomiċiljata fir-Renju Unit, kellha inċident meta kienet vaganza fi Spanja, matul is-sena 2018. Dan l-inċident seħħ fi proprjetà immobbli ta’ EB, li hija ddomiċiljata fl-Irlanda.

9

Seguros Catalana Occidente hija l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili ta’ EB f’dak li jirrigwarda din il-proprjetà immobbli u għandha s-sede tagħha fi Spanja.

10

BT tallega li, konformement għall-kuntratt konkluż, f’isimha, minn membru tal-familja tagħha, EB aċċettat li tipprovdilha akkomodazzjoni, flimkien mal-familja tagħha, fl-imsemmija proprjetà immobbli mill‑31 ta’ Marzu 2018.

11

Fit‑3 ta’ April 2018, BT kienet weġġgħet wara waqgħa inċidentali li seħħet f’bitħa li tifforma parti mill-istess proprjetà immobbli.

12

BT iddeċidiet li tressaq azzjoni kontra EB u Seguros Catalana Occidente għad-danni u għat-telf sostnut minħabba din il-waqgħa. Hija ssostni li EB kellha, fil-konfront tagħha, obbligu li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà kuntrattwali u għal responsabbiltà fil-qasam ta’ delitt, li tikkonsisti f’li turi diliġenza u kompetenza raġonevoli sabiex tiżgura ruħha li l-proprjetà immobbli setgħet tintuża b’mod raġonevolment sikur u li hija kisret dan l-obbligu. Skont BT, EB kellha tinstalla poġġaman jew sinjal ta’ twissija fl-akwati immedjati tal-imsemmija tarġa jew inkella timmarkaha b’xi mod jew ieħor.

13

Il-proċedura tressqet quddiem il-County Court Money Claims Centre (England and Wales) (iċ-Ċentru għall-Ilmenti Pekunjarji tal-Qorti tal-Kontea (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit), fl‑14 ta’ April 2019. Din ġiet sussegwentement innotifikata lill-konvenuti, jiġifieri Seguros Catalana Occidente u EB, u sussegwentement ġiet ittrasferita lill-County Court at Birkenhead (il-Qorti tal-Kontea ta’ Birkenhead, ir-Renju Unit).

14

BT issostni li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ Seguros Catalana Occidente abbażi tal-Artikolu 11(1)(b) u tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

15

BT issostni, fir-rigward ta’ EB, li rikorrent jista’ jressaq azzjoni kontra persuna assigurata ddomiċiljata f’pajjiż barrani f’azzjoni miġjuba kontra assiguratur stabbilit f’pajjiż barrani abbażi tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, l-eżistenza ta’ “kontestazzjoni” bejn l-assiguratur u l-persuna assigurata f’dak li jirrigwarda l-validità jew l-effett tal-polza tal-assigurazzjoni ma hijiex neċessarja f’dan ir-rigward. L-unika kundizzjoni li għandha tkun issodisfatta abbażi tal-imsemmi Artikolu 13(3) hija li tali taħrik tal-persuna assigurata jkun previst mil-liġi li tirregola l-azzjoni diretta kontra l-assiguratur, f’dan il-każ il-liġi Spanjola.

16

Seguros Catalana Occidente ma kkontestatx il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju u ppreżentat ir-risposta tagħha.

17

Fid‑29 ta’ Jannar 2020, EB ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales biex jiddeċiedu dwar it-talbiet imressqa kontriha minn BT abbażi tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012.

18

Fl-opinjoni ta’ EB, din id-dispożizzjoni tapplika biss għat-talbiet fil-qasam ta’ assigurazzjoni. Issa, fil-fehma tagħha, it-talba ta’ BT hija talba għal kumpens għad-dannu u għat-telf indirett li jirriżulta minn allegata negliġenza fil-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vakanzi. Din ma hijiex talba fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet u din ma tistax issir tali għas-sempliċi fatt li hija tressqet fil-kuntest tal-istess azzjoni bħall-azzjoni diretta kontra l-assiguratur.

19

Qabel ma t-talba ta’ EB intiża li tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales ma tkun tista’ tinstema’, Seguros Catalana Occidente ċċarat il-pożizzjoni tagħha fuq il-mertu u sostniet li l-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet previsti mill-polza tal-assigurazzjoni kienu jfissru li din tal-aħħar ma kinitx testendi għall-użu tal-proprjetà immobbli minn EB għal finijiet ta’ akkomodazzjoni, bi ħlas, ta’ terzi għal vaganzi. Seguros Catalana Occidente, b’konsegwenza ta’ dan, ikkontestat li hija obbligata tikkumpensa lil EB b’relazzjoni mal-inċident inkwistjoni u talbet, sussegwentement, iċ-ċaħda tat-talba mressqa minn BT kontriha. Il-qorti tar-rinviju ssospendiet id-deċiżjoni dwar it-talba de Seguros Catalana Occidente intiża għaċ-ċaħda tat-talba mressqa minn BT, sakemm tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

20

Dik il-qorti tqis li hija għandha minn qabel tqis il-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha minn EB. Hija tispeċifika li Seguros Catalana Occidente ma tipparteċipax fil-proċedura f’dak li jirrigwarda dan l-aspett tal-aħħar.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-County Court at Birkenhead (il-Qorti tal-Kontea ta’ Birkenhead) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13(3) [tar-Regolament Nru 1215/2012] jeħtieġ li s-suġġett u l-kawża invokati mill-persuna leża insostenn ta’ talba indirizzata kontra d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata jkunu jinvolvu kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ikun biżżejjed, sabiex jiġi konkluż li t-talba mressqa mill-persuna leża kontra d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata hija kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni, li din it-talba tkun tirriżulta mill-istess fatti u tkun imressqa fil-kuntest tal-istess azzjoni bħat-talba mressqa direttament kontra l-assiguratur, anki jekk is-suġġett u l-kawża tat-talba tal-persuna leża mressqa kontra d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata ma jkollhomx rabta mal-assigurazzjoni?

3)

Barra minn hekk, u sussidjarjament, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ikun biżżejjed, sabiex jiġi konkluż li t-talba mressqa mill-persuna leża hija kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni, li jkun hemm tilwima bejn l-assiguratur u l-persuna leża dwar il-validità jew l-effett tal-polza ta’ assigurazzjoni?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ikun biżżejjed li l-liġi li tirregola l-azzjoni diretta kontra l-assiguratur tkun tippermetti li d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata jiġu kkjamati fil-kawża [imħarrka] fil-kuntest tal-azzjoni diretta kontra l-assiguratur?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel tliet domandi

22

Permezz tal-ewwel tliet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjoni diretta miġjuba mill-persuna leża kontra assiguratur, konformement ma’ dan l-Artikolu 13(2), il-qorti tal-Istat Membru li fih tkun iddomiċiljata din il-persuna tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni wkoll, abbażi tal-imsemmi Artikolu 13(3), sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens imressqa fl-istess ħin mill-imsemmija persuna kontra d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni jew il-persuna assigurata li hija ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor u li ma ġietx imħarrka mill-assiguratur.

23

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi msemmija l-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ kemm għall-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, u għall-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra.

24

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, għalkemm il-liġi dwar l-azzjoni diretta li tinġieb mill-persuna leża kontra l-assiguratur tipprevedi t-taħrik tad-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni jew tal-persuna assigurata, l-istess qorti jkollha wkoll ġurisdizzjoni fir-rigward tagħhom. Għandu jiġi kkonstatat li fiha nnifisha din il-formulazzjoni ma tipprovdix risposta għall-ewwel tliet domandi magħmula f’din il-kawża.

26

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-formulazzjoni ġenerali tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament jifforma parti mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tiegħu. Din it-taqsima, li, skont it-titolu tagħha u skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, tiddetermina l-ġurisdizzjoni “fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet”, tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C‑340/16, EU:C:2017:576, punt 27).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-kunċett ta’ “fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet” jirriżulta li n-natura tal-azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur fid-dritt nazzjonali ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen, C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 30).

28

F’dan il-kuntest, EB, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li azzjoni għal kumpens miġjuba minn persuna leża kontra persuna assigurata ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, għaliex din ma tirriżultax minn “relazzjoni ta’ assigurazzjonijiet”, iżda taqa’ essenzjalment taħt il-qasam ta’ delitt.

29

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kunċett awtonomu ta’ “fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet” jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-ġurisdizzjoni prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament fl-imsemmi qasam u l-ġurisdizzjoni speċjali prevista fit-Taqsima 2 tal-istess kapitolu fil-qasam kuntrattwali u fil-qasam ta’ delitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen, C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 30).

30

Għalhekk, hemm lok li jitqies li, sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-regoli speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni previsti f’din it-Taqsima 3, l-azzjoni li titressaq quddiem il-qorti għandha neċessarjament tqajjem kwistjoni dwar drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ assigurazzjoni bejn il-partijiet f’din l-azzjoni.

31

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet” timplika li wieħed ma jistax iqis li talba mressqa mill-persuna leża kontra d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni jew il-persuna assigurata tikkostitwixxi talba fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet biss minħabba l-fatt li din it-talba u t-talba mressqa direttament kontra l-assiguratur joriġinaw mill-istess fatti jew il-fatt li jeżisti, bejn l-assiguratur u l-persuna leża, nuqqas ta’ qbil dwar il-validità jew l-effett tal-polza tal-assigurazzjoni.

32

F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-interpretazzjoni teleoloġika, għandu, minn naħa, jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-azzjoni fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet hija kkaratterizzata minn ċertu żbilanċ bejn il-partijiet, li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament huma intiżi li jikkoreġu billi jagħtu lill-parti l-iktar dgħajfa l-benefiċċju ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jkunu iktar favorevoli għall-interessi milli r-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C‑340/16, EU:C:2017:576, punt 28, u tas‑27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punti 2744).

33

Dan l-iżbilanċ huwa ġeneralment assenti meta azzjoni ma tikkonċernax l-assiguratur, li fil-konfront tiegħu kemm il-persuna assigurata kif ukoll il-persuna leża huma meqjusa bħala iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C‑77/04, EU:C:2005:327, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 44).

34

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-paġna 32 tar-Rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, imfassal minn P. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1) [mhux disponibbli bil-Malti], l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż li jagħti lill-assiguratur id-dritt li jħarrek lill-persuna assigurata, inkwantu t-tielet parti fil-proċedura bejnu u bejn il-persuna leża, sabiex jipprovdilu arma kontra l-frodi u sabiex jiġi evitat li qrati differenti ma jagħtux deċiżjonijiet li ma jaqblux bejniethom. Minn dan jirriżulta li meta azzjoni għal kumpens inġiebet mill-persuna leża direttament kontra assiguratur u meta dan tal-aħħar ma wettaqx tali taħrik tal-persuna assigurata kkonċernata, il-qorti adita ma tistax tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

35

Min-naħa l-oħra, huwa ċertament minnu li, konformement mal-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li jikkonsistu f’li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u li t-taħrik, mill-persuna leża, tal-persuna assigurata, inkwantu t-tielet parti għall-proċedura quddiem il-qorti adita, għandu jippermetti li jiġi evitat ir-riskju li fl-istess ħin ikun hemm żewġ kontenzjużi paralleli.

36

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-persuna leża tiġi awtorizzata tħarrek lill-persuna assigurata fuq il-bażi tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 ikun jammonta għal evitar tar-regoli ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà fil-qasam ta’ delitt, kif huma ddefiniti fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu. Fil-fatt, kull persuna leża tkun tista’ għalhekk tressaq rikors kontra l-assiguratur fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 13(2) sabiex tibbenefika mid-dispożizzjonijiet iktar favorevoli tal-Artikoli 10 sa 12 tal-imsemmi regolament sabiex, sussegwentement, tħarrek lill-persuna assigurata, inkwantu t-tielet parti f’din il-proċedura, fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 13(3).

37

F’kull każ, l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ġeneralment, jintlaħaq b’mod suffiċjenti meta, hekk kif huwa previst fl-istess Artikolu 3(1), il-persuna assigurata tkun tista’ ssejjaħ lill-assiguratur quddiem l-istess qorti bħal dik li quddiemha l-persuna leża taġixxi kontra din il-persuna assigurata, dejjem sakemm il-liġi tal-Istat Membru ta’ dik il-qorti tkun tippermetti dan.

38

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi għanda tkun li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjoni diretta miġjuba mill-persuna leża kontra assiguratur, konformement ma’ dan l-Artikolu 13(2), il-qorti tal-Istat Membru li fih tkun iddomiċiljata din il-persuna ma tistax tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni wkoll, abbażi tal-imsemmi Artikolu 13(3), sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens imressqa fl-istess ħin mill-imsemmija persuna kontra d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni jew il-persuna assigurata li hija ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor u li ma ġietx imħarrka mill-assiguratur.

Fuq ir‑raba’ domanda

39

Fid-dawl tar-risposta mogħtija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma tistax tkun is-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjoni diretta miġjuba mill-persuna leża kontra assiguratur, konformement ma’ dan l-Artikolu 13(2), il-qorti tal-Istat Membru li fih tkun iddomiċiljata din il-persuna ma tistax tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni wkoll, abbażi tal-imsemmi Artikolu 13(3), sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens imressqa fl-istess ħin mill-imsemmija persuna kontra d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni jew il-persuna assigurata li hija ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor u li ma ġietx imħarrka mill-assiguratur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top