Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0696

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
    B. vs Dyrektor Izby Skarbowej w W.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Naczelny Sąd Administracyjny.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 41 – Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija – Post – Katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi – Klassifikazzjoni żbaljata ta’ parti mit-tranżazzjonijiet – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali.
    Kawża C-696/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:528

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 41 – Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija – Post – Katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi – Klassifikazzjoni żbaljata ta’ parti mit-tranżazzjonijiet – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali”

    Fil-Kawża C‑696/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2020, fil‑proċedura

    B.

    vs

    Dyrektor Izby Skarbowej w W.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: M. Ferreira, amministratiċi prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Jannar 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal B., minn M. Boender, G. Bulk, M. Goj, D. Kroesen u D. Pokrop, doradcy podatkowi, M. Kaleta, radca prawny, R. van den Andel u F. Vervaet,

    għad-Dyrektor Izby Skarbowej w W., minn A. Cichoń, radca prawny, B. Kołodziej, D. Pach u T. Wojciechowski, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Kramarczyk-Szaładzińska, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Brauhoff, M. Siekierzyńska u V. Uher, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija B. u d-Dyrektor Izby Skarbowej w B. (id-Direttur tal-Awla Fiskali ta’ W., il-Polonja) dwar id-determinazzjoni tal-ammont tar-rimbors tad-differenza fit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal April 2012.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

    “1.   It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

    […]

    b)

    l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn:

    i)

    persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi b’dan il-mod […].;

    […]

    […]”

    4

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “‘Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ għandha tfisser l-akkwist tad-dritt li tiddisponi bħala sid ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata għand il–persuna li qed takkwista l-merkanzija, mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li qed takkwista l-merkanzija, fi Stat Membru minbarra dak li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija.”

    5

    L-Artikolu 40 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “Il–post ta’akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies bħala l-post li fih tispiċċa l-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lill-persuna li akkwistatha.”

    6

    L-Artikolu 41 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40, il–post ta’ akkwist intra–Komunitarju ta’ merkanzija kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b)(i) għandu jitqies li jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ħareġ in-numru ta’ l-identifikazzjoni tal-VAT li permezz tiegħu l-persuna li qed takkwista l–merkanzija għamlet l-akkwist, sakemm il–persuna li takkwista l-merkanzija tistabbilixxi li ġiet applikata l-VAT għal dak l-akkwist skond l-Artikolu 40.

    Jekk tiġi applikata l-VAT għall-akkwist skond l-ewwel paragrafu u sussegwentement applikata, skond l-Artikolu 40, għall-akkwist fl-Istat Membru li fih tispiċċa l-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, l-ammont taxxabbli għandu jitnaqqas skond il-każ fl-Istat Membru li ħareġ in–numru ta’ l-identifikazzjoni tal-VAT li permezz tiegħu l-persuna li tkun akkwistat il-merkanzija tkun għamlet l-akkwist.”

    Id‑dritt Pollakk

    7

    Skont l-Artikolu 25 tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Merkanzija u fuq is-Servizzi, tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2004, Nru 54, pożizzjoni 535, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”):

    “1.   Akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies li jkun sar fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun tinsab il-merkanzija fil-mument tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport.

    2.   Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fil-każ fejn l-akkwirent inkwistjoni fl-Artikolu 9(2) fil-kuntest ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, ikun ikkomunika numru allokat lilu għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji mill-Istat Membru kkonċernat minbarra l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-merkanzija fil-mument tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport, akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu jitqies li jkun sar ukoll fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm il-persuna li takkwista ma tistabbilixxix li l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija:

    1)

    kien suġġett għat-taxxa fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab il-merkanzija fil-mument tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport, jew

    2)

    jitqies li kienet suġġett għat-taxxa fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab il-merkanzija fil-mument tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-proċedura ssemplifikata fit-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji trijangolari inkwistjoni fit-Taqsima XII.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    8

    B. hija kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-attivitajiet tagħha huma suġġetti għall-VAT f’dan l-Istat Membru. Matul April 2012, il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-kumpannija kienet irreġistrata wkoll għall-VAT fil-Polonja.

    9

    Matul dan il-perijodu, B. ħadet sehem fi tranżazzjonijiet f’katina li jirrigwardaw l-istess merkanzija, konklużi minn tal-inqas tliet operaturi. Il-merkanzija ġiet ittrasportata direttament mill-ewwel operatur tal-katina, li jinsab fi Stat Membru, lill-aħħar operatur ta’ din il-katina, li jinsab fi Stat Membru ieħor. B. kellha r-rwol ta’ intermedjarju bejn il-fornitur u d-destinatarju.

    10

    B’mod iktar partikolari, B. akkwistat merkanzija mingħand il-kumpannija BOP, stabbilita fil-Polonja, billi indikat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Pollakk tagħha. Il-kunsinni minn BOP lil B. ġew ikklassifikati bħala kunsinni nazzjonali u ġiet applikata r-rata tal-VAT ta’ 23 % relatata ma’ dan it-tip ta’ kunsinna. Min-naħa l-oħra, B. qieset il-kunsinni tagħha lejn il-klijenti tagħha fi Stati Membri oħra bħala kunsinni intra-Komunitarji ta’ oġġetti, suġġetti għal rata ta’ VAT ta’ 0 % fil-Polonja, li wassal għal rimbors tat-taxxa għall-benefiċċju tagħha.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2015, id-Dyrektor Urzędu Kontroli Skarbowej (id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Kontroll tat-Taxxa, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) qies li B. kienet wettqet żball fil-klassifikazzjoni tal-kunsinni li kienu jagħmlu parti mill-katina ta’ tranżazzjonijiet, li wasslet sabiex jitnaqqas l-ammont tal-VAT dovut. Fil-fatt, skont l-awtorità tat-taxxa, it-trasport tal-merkanzija inkwistjoni kellu jiġi marbut mal-kunsinna bejn BOP u B., li kellha, għaldaqstant, natura ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ merkanzija fir-rigward ta’ BOP u ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija fir-rigward ta’ B.

    12

    Konsegwentement, l-awtorità tat-taxxa kkunsidrat li l-kunsinni tal-merkanzija inkwistjoni mwettqa minn B. lill-partijiet kontraenti tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħra ma kinux jaqgħu taħt is-sistema ta’ kunsinni intra-Komunitarji ta’ merkanzija u li dawn il-provvisti kellhom jiġu ntaxxati bħala kunsinni mwettqa fi ħdan l-Istati Membri tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta.

    13

    Fir-rigward tal-provvisti mwettqa minn BOP lil B., l-awtorità tat-taxxa qieset li B. kellha tirreġistra għall-finijiet tal-VAT fit-territorju tal-Istati Membri tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta inkwistjoni u tiffattura hemmhekk dawn il-provvisti bħala akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija. Barra minn hekk, din l-awtorità qieset li B., peress li kienet indikat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Pollakk tagħha fil-kuntest ta’ dawn il-provvisti, li kien in-numru mogħti minn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija, kien obbligat, skont il-punt 1 tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-VAT, li jiffattura l-VAT ukoll fil-Polonja. Barra minn hekk, BOP, li ħarġet fatturi li jindikaw ammont ta’ VAT żbaljat, kienet obbligata li tiffattura l-VAT b’rata ta’ 23 %, filwaqt li d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT dovuta fuq dawn il-fatturi kien ġie rrifjutat lil B. Konsegwentement, B. kienet suġġetta għal piż effettiv ta’ VAT ta’ 46 %.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2015, id-Dyrektor Izby Skarbowej (id-Direttur tal-Awla dwar it-Taxxa) annulla d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa tal‑11 ta’ Ġunju 2015 u żied l-ammont ta’ rimbors tad-differenza fit-taxxa mħallsa lil B għal April 2012, filwaqt li ssottoskriva, bħala prinċipju, il-konstatazzjonijiet fattwali u legali essenzjali kollha magħmula minn din l-awtorità.

    15

    B. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja), li, ċaħditu bħal infondat, permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017.

    16

    Din il-qorti kkonfermat l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-VAT għal B., peress li din il-kumpannija, bħala persuna taxxabbli li wettqet akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija u li indikat numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT differenti minn dak mogħti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq it-trasport tal-merkanzija, ħolqot żewġ postijiet ta’ akkwist ta’ merkanzija, wieħed fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija u l-ieħor fl-Istat Membru li ħareġ in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT li taħtu dan l-akkwirent wettaq dan l-akkwist (iktar ’il quddiem “l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni”). Peress li B. ma wrietx li hija stess issuġġettat għat-taxxa l-akkwist tal-merkanzija inkwistjoni fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ din il-merkanzija tqies li twettaq fil-Polonja, u dan minkejja li ġie kkonstatat li l-akkwirenti tal-imsemmija merkanzija mingħand B. kienu pproduċew li dawn kienu ġew akkwistati fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport u li ma kienx hemm telf ta’ VAT.

    17

    B. ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, kontra s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017.

    18

    Din il-qorti tippreċiża li, f’dan il-każ, il-kunsinni mwettqa fil-kuntest tal-katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi ġew suġġetti għall-VAT u li din tħallset f’kull stadju tal-katina. Hija tqis li l-awtoritajiet tat-taxxa Pollakka ġustament ikkunsidra li B. wettqet żbalji fil-klassifikazzjoni tad-diversi kunsinni inkwistjoni u li dawn l-iżbalji wasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-VAT, dispożizzjoni li tittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 25(2) mill-awtorità tat-taxxa. Skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minn din l-awtorità, l-ebda mekkaniżmu ta’ korrezzjoni ma huwa applikat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-merkanzija kkunsinnata ġiet intaxxata fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, iżda wkoll fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija, peress li ma huwiex B. stess li ntaxxa l-akkwist ta’ merkanzija f’dan l-aħħar Stat Membru iżda l-klijenti tagħha. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi mekkaniżmu korrettorju sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja u li l-għan ta’ dan l-Artikolu 41 huwa l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa. Issa, l-attivitajiet ta’ B. u tal-partijiet kontraenti tagħha la jikkostitwixxu evażjoni u lanqas abbuż. L-assenza ta’ kompetenza tal-awtoritajiet li jmexxu l-proċedura sabiex jivverifikaw il-katina kollha ta’ kunsinni jkollu l-effett li jikser il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    20

    Għaldaqstant, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 41 tad-[Direttiva tal-VAT] kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità jipprekludu l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 25(2) tal-ustawa z dnia 11 marca 2004 r. o podatku od towarów i usług (il-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-Taxxa fuq Oġġetti u Servizzi) għal tranżazzjonijiet ta’ akkwist intra-Komunitarju mwettqa mill-persuna taxxabbli,

    jekk diġà kienet ġiet applikata t-taxxa fuq dan l-akkwist fit-territorju tal-Istat Membru li fih tispiċċa l-merkanzija mix-xerrej tal-oġġetti ta’ din il-persuna taxxabbli,

    fejn ġie kkonstatat li l-aġir tal-persuna taxxabbli ma kienx relatat ma’ xi tip ta’ frodi [evażjoni] tat-taxxa iżda kien ir-riżultat ta’ identifikazzjoni żbaljata ta’ provvisti fi tranżazzjonijiet f’katina u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT Pollakk ingħata minnha għal ħtiġijiet ta’ provvista [kunsinna] nazzjonali u mhux intra-Komunitarja?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    21

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom tranżazzjonijiet li jifformaw katina ta’ żewġ kunsinni suċċessivi taw lok biss għal trasport intra-Komunitarju wieħed, hija ġurisprudenza stabbilita li dan it-trasport jista’ jiġi attribwit biss għal waħda miż-żewġ kunsinni, peress li din il-kunsinna hija l-unika eżentata, fl-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija, bħala kunsinna intra-Komunitarja. Sabiex tiġi stabbilita dik miż-żewġ kunsinni li lilha t-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit, għandha ssir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Toridas, C‑386/16, EU:C:2017:599, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    F’dan il-każ, B. issostni li l-ewwel u t-tieni kunsinna tal-katina inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġustament ġew ikklassifikati, rispettivament, bħala provvista nazzjonali u kunsinna intra-Komunitarja, peress li t-trasport kellu jiġi attribwit għat-tieni kunsinna tal-katina.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tkun tista’ tikkontestaha jew tivverifika l-eżattezza tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Real Vida Seguros, C‑449/20, EU:C:2021:721, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    F’dan il-każ, l-awtorità tat-taxxa kkonkludiet, abbażi tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula minnha, li t-trasport kellu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna tal-katina inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, hija din il-kunsinna li kellha tiġi kklassifikata bħala kunsinna intra-Komunitarja, filwaqt li t-tieni kunsinna tal-katina kellha tiġi kklassifikata bħala kunsinna nazzjonali, imwettqa magħmula fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport.

    25

    Peress li l-qorti tar-rinviju ma tikkontestax l-imsemmija konstatazzjonijiet ta’ fatt kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ewwel u t-tieni kunsinna tal-katina inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija l-konsegwenza ta’ dan, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula fir-rigward tal-elementi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju li skonthom l-ewwel kunsinna ta’ din il-katina kellha natura ta’ kunsinna intra-Komunitarja, fir-rigward ta’ BOP, u ta’ akkwist intra-Komunitarju, fir-rigward ta’ B.

    26

    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija jitqies li twettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dan l-akkwist, li jikkostitwixxi l-ewwel tranżazzjoni f’katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi, ġie kklassifikat b’mod żbaljat bħala tranżazzjoni nazzjonali mill-persuni taxxabbli implikati, li indikaw għal dan il-għan in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tagħhom attribwit mill-imsemmi Stat Membru, u li t-tranżazzjoni sussegwenti, li ġiet ikklassifikata ħażin bħala tranżazzjoni intra-Komunitarja, kienet suġġetta għall-VAT bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija mill-akkwirenti fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija.

    27

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu indirizzati suċċessivament it-tliet elementi segwenti, relatati mal-fatt li, f’dan il-każ, l-awtorità tat-taxxa tinvoka r-regola stabbilita fl-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT u implimentata fid-dritt nazzjonali permezz tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-VAT, wara li kklassifikat mill-ġdid bħala kunsinna intra-Komunitarja kunsinna kklassifikata inizjalment bħala kunsinna nazzjonali u li tikkostitwixxi l-ewwel stadju ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi.

    28

    Qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT huwiex applikabbli meta l-Istat Membru li jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni sabiex jissuġġetta għall-VAT akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, bħala Stat Membru ta’ identifikazzjoni, huwa l-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija.

    29

    Sussegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi, għall-impożizzjoni inkwistjoni, tal-issuġġettar għall-VAT tal-merkanzija fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport, mill-akkwirenti rispettivi ta’ din il-merkanzija, waqt it-tieni kunsinna mwettqa fil-kuntest tal-katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi inkwistjoni.

    30

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi indirizzat il-fatt li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, minkejja l-klassifikazzjoni mill-ġdid mwettqa mill-awtorità tat-taxxa, il-persuna taxxabbli li għandha l-kwalità ta’ bejjiegħ waqt l-ewwel kunsinna tal-katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi inkwistjoni, jiġifieri BOP, tibqa’ obbligata li tiffattura l-VAT bir-rata normali, filwaqt li x-xerrej, jiġifieri B., ma jistax inaqqas il-VAT tal-input imħallsa upstream.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 40 tad‑Direttiva 2006/112, il-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija jitqies li jinsab fil-post fejn il-merkanzija tinsab fil-mument tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport tal-merkanzija fid-destinazzjoni tal-persuna li qed takkwista.

    32

    Madankollu, meta l-akkwirent ma jistabbilixxix li dan l-akkwist kien suġġett għall-VAT skont dan l-Artikolu 40, il-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija huwa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT, meqjus li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    33

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT iżid li jekk, skont l-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, l-akkwist ikun suġġett għall-VAT fl-Istat Membru tal-wasla tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport wara li jkun ġie suġġett għat-taxxa skont l-ewwel paragrafu, il-valur taxxabbli jitnaqqas b’mod korrispondenti fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    34

    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Tecnoservice Int., C‑245/18, EU:C:2019:242, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT huwiex applikabbli fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru li jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni, bħala Stat Membru ta’ identifikazzjoni, huwa l-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li tali ipoteżi hija koperta mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 41.

    36

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT, B. issostni li akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, jippreżumi li l-persuna taxxabbli għandha tkun aġixxiet b’numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT attribwit minn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-VAT, jitqies bħala “akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija” l-akkwist tad-dritt li wieħed jiddisponi bħala proprjetarju ta’ proprjetà tanġibbli mobbli, mibgħuta jew ittrasportata lejn l-akkwirent, mill-bejjiegħ, mill-akkwirent jew għan-nom tiegħu, lejn Stat Membru għajr dak tat-tluq tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport tagħha.

    38

    Issa, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-VAT ma jistax jiġi dedott li d-determinazzjoni tan-natura intra-Komunitarja jew le ta’ tranżazzjoni tiddependi mill-użu ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT speċifiku. Għaldaqstant, il-fatt li, f’dan il-każ, B. użat in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija ma jeskludix, waħdu, in-natura intra-Komunitarja tat-tranżazzjoni u l-applikabbiltà tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT.

    39

    Huma irrilevanti, f’dan il-kuntest, l-argumenti ta’ B. dwar l-Artikolu 138(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1910 tal‑4 ta’ Diċembru 2018 (ĠU 2018, L 311, p. 3), li jipprevedi li l-Istati Membri jeżentaw il-kunsinni ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata barra mit-territorju rispettiv tagħhom iżda fl-Unjoni meta l-persuna taxxabbli jew il-persuna ġuridika mhux taxxabbli destinatarja tal-kunsinna ta’ oġġetti hija identifikata għall-finijiet tal-VAT fi Stat Membru li ma huwiex dak tat-tluq tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport tagħha u jkun ikkomunika n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu lill-fornitur.

    40

    Fil-fatt, anki jekk jitqies li, skont dan l-Artikolu 138(1)(b), il-fatt li l-akkwirent juża numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, mogħti minn Stat Membru li ma huwiex dak tat-tluq tal-merkanzija mibgħuta jew tat-trasport tagħha, għandu jitqies bħala kundizzjoni sostantiva addizzjonali li għaliha hija suġġetta l-eżenzjoni fil-każ ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ merkanzija, xorta jibqa’ l-fatt li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni, introdotta bid-Direttiva 2018/1910, ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.

    41

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża, minn naħa, li tiggarantixxi l-issuġġettar ta’ akkwist intra-Komunitarju inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jevita t-taxxa doppja għall-istess akkwist (sentenza tat‑22 ta’ April 2010, X u fiscale eenheid Facet-Facet Trading, C‑536/08 u C‑539/08, EU:C:2010:217, punt 35).

    42

    Issa, dawn iż-żewġ għanijiet jistgħu effettivament jintlaħqu mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta dan tal-aħħar ikun ukoll l-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija.

    43

    Għaldaqstant, l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT huwa applikabbli fil-każ fejn l-Istat Membru li jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni sabiex jissuġġetta għall-VAT akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, bħala Stat Membru ta’ identifikazzjoni, ikun l-Istat Membru ta’ tluq tat-trasport tal-merkanzija.

    44

    Fir-rigward tat-tieni element, indikat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-issuġġettar għall-VAT tal-akkwist inizjalment ikklassifikat bħala intra-Komunitarja fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT, ir-regola dwar il-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija prevista minn din id-dispożizzjoni hija rilevanti biss sa fejn ix-xerrej ma jistabbilixxix li dan l-akkwist kien suġġett għall-VAT, konformement mal-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva.

    45

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, dwar l-effett tal-issuġġettar għall-VAT mill-akkwirenti rispettivi, fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija, tat-tieni kunsinna tal-katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi inkwistjoni, jiġifieri dik li ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija.

    46

    F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-“persuna li takkwista”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT, hija dik li wettaq l-“akkwist intra-Komunitarju” ta’ merkanzija li din id-dispożizzjoni tipprevedi li titqies li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

    47

    Issa, peress li l-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-impożizzjoni tal-ewwel kunsinna tal-katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi inkwistjoni, isegwi li B. għandha titqies bħala li hija l-“persuna li takkwista”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, it-taxxa mħallsa mill-klijenti ta’ B. waqt it-tieni kunsinna tal-istess katina tirreferi għal tranżazzjoni distinta.

    48

    Għaldaqstant, il-fatt li l-klijenti ta’ B. issuġġettaw għall-VAT l-akkwisti ta’ merkanzija kklassifikata b’mod żbaljat bħala akkwisti intra-Komunitarji fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT.

    49

    Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha, għandu jiġi eżaminat ukoll it-tielet element, indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jiġifieri r-rilevanza tal-fatt li, skont l-ispjegazzjonijiet ta’ din il-qorti, minkejja l-klassifikazzjoni mill-ġdid mill-awtorità tat-taxxa bħala tranżazzjoni intra-Komunitarja tal-ewwel kunsinna tal-katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi inkwistjoni mill-awtorità tat-taxxa, minflok il-klassifikazzjoni inizjali tiegħu bħala tranżazzjoni nazzjonali, il-bejjiegħ, jiġifieri BOP, jibqa’ marbut li jiffattura biss il-VAT b’rata normali, fil-waqt li x-xerrej, jiġifieri B., ma jistax inaqqas il-VAT imħallsa upstream.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT ma tippermettix, bħala tali, li jiġi ddeterminat jekk tali fatt huwiex rilevanti għall-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni.

    51

    F’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jinsab dan l-Artikolu 41, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont is-sistema ġenerali tad-Direttiva tal-VAT, il-kunsinni intra-Komunitarji huma bħala prinċipju eżentati fl-Istat Membru ta’ tluq tat-trasport tal-merkanzija filwaqt li l-akkwisti intra-Komunitarji huma ntaxxati fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport, u għalhekk akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandu bħala korollarju kunsinna intra-Komunitarja eżentata.

    52

    F’dan il-każ, minkejja li l-awtorità tat-taxxa kklassifikat mill-ġdid, abbażi tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula minnha, il-kunsinna mwettqa minn BOP lil B fi tranżazzjoni nazzjonali bħala tranżazzjoni intra-Komunitarja, BOP tibqa’ obbligata tiġbor il-VAT bir-rata normali fuq din il-kunsinna. Peress li din it-tranżazzjoni hija, għaldaqstant, suġġetta għat-taxxa fil-Polonja, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kunsinna intra-Komunitarja ta’ oġġetti minn BOP lil B hija ttrattata bħala mhux eżentata.

    53

    Issa, fl-assenza ta’ eżenzjoni tal-kunsinna intra-Komunitarja ta’ oġġetti fl-Istat Membru tat-tluq tat-trasport tal-merkanzija, ma jistax jeżisti r-riskju ta’ evitar tat-taxxa, b’tali mod li l-issuġġettar ta’ din it-tranżazzjoni f’dan l-Istat Membru abbażi tar-regola stabbilita fl-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT imur kontra l-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni, kif imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

    54

    Għandu jiżdied li, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw miżuri sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u ma jistgħux, għaldaqstant, jintużaw b’mod li jerġgħu jqiegħdu inkwistjoni n-newtralità tal-VAT, li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, P (Karti ta’ fjuwil), C‑48/20, EU:C:2021:215, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Issa, l-applikazzjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT għal akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li tirriżulta minn kunsinna intra-Komunitarja ta’ merkanzija mhux eżentata twassal għal impożizzjoni addizzjonali li ma hijiex konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija huwa kkunsidrat bħala li twettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dan l-akkwist, li jikkostitwixxi l-ewwel tranżazzjoni ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi, ġie kklassifikat b’mod żbaljat bħala tranżazzjoni nazzjonali mill-persuni taxxabbli involuti, li indikaw għal dan il-għan in-numri tagħhom ta’ identifikazzjoni tal-VAT attribwiti mill-imsemmi Stat Membru, u li t-tranżazzjoni sussegwenti, li ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala tranżazzjoni intra-Komunitarja, kienet suġġetta għall-VAT bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija mill-akkwirenti ta’ merkanzija fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija. Din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali, tipprekludi madankollu tali leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru meta l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li jitqies li sar fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ikun ġej minn kunsinna intra-Komunitarja ta’ merkanzija li ma tkunx ġiet ittrattata bħala tranżazzjoni eżentata fl-imsemmi Stat Membru.

    Fuq l‑ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija huwa kkunsidrat bħala li twettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dan l-akkwist, li jikkostitwixxi l-ewwel tranżazzjoni ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi, ġie kklassifikat b’mod żbaljat bħala tranżazzjoni nazzjonali mill-persuni taxxabbli involuti, li indikaw għal dan il-għan in-numri tagħhom ta’ identifikazzjoni tal-VAT (taxxa fuq il-valur miżjud) attribwiti mill-imsemmi Stat Membru, u li t-tranżazzjoni sussegwenti, li ġiet ikklassifikata b’mod żbaljat bħala tranżazzjoni intra-Komunitarja, kienet suġġetta għall-VAT bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija mill-akkwirenti ta’ merkanzija fl-Istat Membru tal-wasla tat-trasport tal-merkanzija. Din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali, tipprekludi madankollu tali leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru meta l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija li jitqies li sar fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ikun ġej minn kunsinna intra-Komunitarja ta’ merkanzija li ma tkunx ġiet ittrattata bħala tranżazzjoni eżentata fl-imsemmi Stat Membru.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top