Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0661

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakkja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) u (3) – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE – Artikolu 4(1) – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) – Programmi ta’ ġestjoni tal-foresti – Qtugħ b’urġenza – Evalwazzjoni xierqa tal-effett tiegħu – Siti Natura 2000 – Żoni ta’ protezzjoni speċjali indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ – Assenza ta’ miżuri għall-prevenzjoni tad-deterjorament tal-habitats kif ukoll ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċjali f’ċerti żoni.
Kawża C-661/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:496

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt tal-Unjoni

 

1. Id-Direttiva “Habitats”

 

2. Id-Direttiva “Għasafar”

 

B. Id-dritt Slovakk

 

1. Il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura

 

2. Il-Liġi dwar il-Foresta

 

II. Il‑proċedura prekontenzjuża

 

III. Fuq ir‑rikors

 

A. Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 6(3) tad‑Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal‑Artikolu 7 ta’ din id-direttiva

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-ammissibbiltà

 

b) Fuq il-mertu

 

1) Osservazzjonijiet preliminari

 

2) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment, dwar il-PMF

 

3) Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment, dwar il-qtugħ b’urġenza

 

4) Fuq it-tielet parti tal-ewwel ilment, dwar il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati mill-aġenti ta’ ħsara

 

B. Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-ammissibbiltà

 

b) Fuq il-mertu

 

C. Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-ammissibbiltà

 

b) Fuq il-mertu

 

IV. Fuq l-ispejjeż

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) u (3) – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE – Artikolu 4(1) – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) – Programmi ta’ ġestjoni tal-foresti – Qtugħ b’urġenza – Evalwazzjoni xierqa tal-effett tiegħu – Siti Natura 2000 – Żoni ta’ protezzjoni speċjali indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ – Assenza ta’ miżuri għall-prevenzjoni tad-deterjorament tal-habitats kif ukoll ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċjali f’ċerti żoni”

Fil-Kawża C‑661/20,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fil-5 ta’ Diċembru 2020,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u R. Lindenthal, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tas-Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, u P. G. Xuereb, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, billi eżentat il-programmi ta’ manutenzjoni tal-foresti (iktar ’il quddiem il-“PMF”) u l-emendi tagħhom, il-qtugħ b’urġenza kif ukoll il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali mill-obbligu, fil-każ li jkunu jistgħu jaffettwaw iż-żoni Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq iż-żona kkonċernata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona;

skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni d-deterjorament tal-habitats u d-disturbi b’effetti sinjifikattivi fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Chočské vrchy SKCHVU050, ŻPS Horná Orava SKCHVU008, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013, ŻPS Poľana SKCHVU022, ŻPS Slovenský Raj SKCHVU053, ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051 u ŻPS Strážovské vrchy SKCHVU028);

skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Għasafar’”), billi ma ħaditx il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali applikabbli għall-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tiegħu sabiex tiġi żgurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tiegħu fiż-żona ta’ distribuzzjoni tiegħu (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013 u ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051),

Ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Id-Direttiva “Habitats”

2

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva “Habitats” jipprevedi:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”

3

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

4

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [79/409], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

2.   Id-Direttiva “Għasafar”

5

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi li:

“1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

(a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

(b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.”

6

Fost l-ispeċi ta’ annimali li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw il-habitat tagħhom, sabiex tiġi zgurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom, li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, jinsab, b’mod partikolari, is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

B. Id-dritt Slovakk

1.   Il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura

7

Iż-zákon č. 543/2002 Z. z. o ochrane prírody a krajiny (il-Liġi Nru 543/2002 Ġabra dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u tal-Pajsaġġ), fil-verżjoni tagħha applikabbli fl‑24 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura”), tipprovdi fl-Artikolu 4(1) u (2) tagħha:

“1.   Kull persuna li twettaq attivitajiet li jistgħu jipperikolaw, jiddeterjoraw jew jeqirdu pjanti, annimali jew il-habitats tagħhom hija obbligata tipproċedi b’mod li tevita li tikkawża l-mewt inutli tagħhom, id-deterjorament jew il-qerda tagħhom.

2.   Jekk waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 tipperikola l-eżistenza ta’ speċi ta’ pjanti u annimali jew twassal għad-deġenerazzjoni tagħhom, tfixkil tal-kapaċitajiet ta’ riproduzzjoni tagħhom jew l-estinzjoni tal-popolazzjoni tagħhom, is-servizz tal-Istat kompetenti fil-qasam tal-konservazzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ (iktar ’il quddiem l-“awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura”) għandu jillimita jew jipprojbixxi dawn l-attivitajiet, permezz ta’ avviż minn qabel.”

8

L-Artikolu 26(5) u (6) ta’ din il-liġi, kif emendata bil-Liġi Nru 356/2019 Ġabra, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, jipprovdi:

“5.   F’żona ta’ protezzjoni tal-għasafar, l-attivitajiet li jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-ispeċi li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ konservazzjoni taż-żona huma pprojbiti. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(6) u (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-eżekuzzjoni ta’ qtugħ b’urġenza u ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-foresta f’kull żona ta’ protezzjoni tal-għasafar li jibbenefikaw minn livell ta’ konservazzjoni li ma huwiex il-ħames livell.

6.   Il-Gvern jikklassifika, permezz ta’ digriet, il-habitats tal-ispeċi ta’ għasafar li huma ta’ interess Komunitarju u l-habitat tal-ispeċi ta’ għasafar migratorji li jidhru fil-lista approvata ta’ siti ornitoloġiċi f’żoni ta’ protezzjoni tal-għasafar u jistabbilixxi d-delimitazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni tal-għasafar, kif ukoll il-lista tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 5, inklużi r-restrizzjonijiet territorjali u temporali tat-twettiq tagħhom.”

9

L-Artikolu 28(4) sa (9) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura huwa fformulat kif ġej:

“4.   L-awtorità tad-distrett tas-sede tar-reġjun għandha tagħti opinjoni esperta fuq l-abbozz tal-pjan jew ta’ proġett imsemmi fil-paragrafu 3 dwar il-possibbiltà li jkun hemm effett sinjifikattiv fuq iż-żona tan-netwerk ta’ żoni protetti. Jekk il-pjan jew il-proġett ikollu jitwettaq fit-territorju ta’ diversi reġjuni, din l-opinjoni tingħata mill-awtorità tad-distrett fis-sede tar-reġjun li fit-territorju tiegħu tkun ser titwettaq il-parti l-kbira tal-pjan jew tal-proġett. Opinjoni esperta tista’ wkoll tinħareġ mill-Ministeru jew l-uffiċċju tad-distrett fis-sede tar-reġjun, fuq inizjattiva tiegħu stess, jekk l-inizjattiva li għandha tingħata tali opinjoni tkun ġiet identifikata matul il-proċedura ta’ ħruġ ta’ deroga, ta’ kunsens jew ta’ dikjarazzjoni skont din il-liġi. Jekk, skont l-opinjoni tal-espert, pjan jew proġett jista’, individwalment jew flimkien ma’ pjan jew proġett ieħor, jaffettwa lil dan it-territorju b’mod sinjifikattiv, dan għandu jkun is-suġġett ta’ analiżi tal-effetti konformement mal-leġiżlazzjoni speċifika.

5.   Pjan jew proġett jista’ jiġi approvat jew awtorizzat biss jekk jintwera, fuq il-bażi tar-riżultati ta’ studju tal-impatt imwettaq konformement mal-leġiżlazzjoni speċifika, li dan ma huwiex ser jaffettwa ħażin l-integrità taż-żona tan-netwerk ta’ żoni protetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem “ħsara għall-integrità taż-żona”).

6.   Pjan jew proġett li jista’ jaffettwa ħażin l-integrità tat-territorju jista’ jiġi approvat jew awtorizzat biss jekk jintwera li ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi oħra u għandu jiġi implimentat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika. F’dan il-każ, għandhom jittieħdu miżuri kumpensatorji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-koerenza globali tan-netwerk Ewropew ta’ żoni protetti.

7.   Meta l-ħabitat prijoritarji jew speċi prijoritarji jkunu preżenti fin-netwerk ta’ żoni protetti, pjan jew proġett li jista’ jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit jista’ jiġi approvat jew awtorizzat biss għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku kbir marbuta mas-saħħa pubblika u mas-sigurtà pubblika jew ma’ konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ importanza kbira għall-ambjent u għal raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku kbir ibbażati fuq l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

8.   Il-kwistjoni dwar jekk l-approvazzjoni ta’ pjan jew l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jaffettwa ħażin l-integrità tat-territorju tikkostitwixxix interess pubbliku superjuri hija deċiża mill-gvern abbażi ta’ proposta ppreżentata mill-Ministeru fuq talba tal-awtorità governattiva ċentrali li taħtha jaqa’ l-pjan jew il-proġett approvat. It-talba għandha tinkludi informazzjoni dwar il-portata, il-lokalizzazzjoni tal-miżuri kumpensatorji proposti u l-ammont tal-finanzjament neċessarju għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll l-opinjoni tal-Ministeru dwar il-portata u l-lokalizzazzjoni tal-miżuri proposti msemmija fit-tagħrif mogħti. It-tagħrif għandu jiġi pprovdut mill-iżviluppatur u l-opinjoni tinħareġ mill-Ministeru fuq talba tal-iżviluppatur.

9.   Il-proposta ta’ miżuri kumpensatorji għandha titfassal, bi spejjeż tal-iżviluppatur, minn organu ta’ konservazzjoni tan-natura jew persuna professjonali kompetenti [Artikolu 55] b’kooperazzjoni ma’ organu ta’ konservazzjoni tan-natura. Għal proposta ta’ miżuri kumpensatorji, l-iżviluppatur huwa obbligat jitlob l-approvazzjoni tal-Ministeru qabel ma jiġi approvat jew awtorizzat il-pjan jew il-proġett.”

10

L-Artikolu 85(3) u (4) ta’ din il-liġi jippreċiża li:

“3.   Fil-każ ta’ proċedura li għandha l-għan li tiggarantixxi obbligi bis-saħħa ta’ liġi speċjali, l-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura għandha tagħti deċiżjoni sa mhux iktar tard mid-data tal-attività prevista, jekk it-talba tkun tressqet skont l-Artikolu 82(1), mill-inqas 30 jum qabel l-attività prevista.

4.   Fejn l-awtorità responsabbli għall-preservazzjoni tan-natura ma tieħux deċiżjoni skont il-paragrafu 3, hija għandha titqies li tkun ħadet deċiżjoni li tilqa’ t-talba.”

11

L-Artikolu 104g(4) u (11) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, kif emendata bil-Liġi Nru 356/2019 Ġabra, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, jipprovdi:

“4.   Il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1)(ċ) u fl-Artikolu 14(1)(l) ma japplikawx għall-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ programmi ta’ manutenzjoni tal-foresti li għalihom ikun ġie stabbilit protokoll, konformement ma’ leġiżlazzjoni speċifika, qabel il‑31 ta’ Diċembru 2019.

[…]

11.   L-organu ta’ konservazzjoni tan-natura [Artikolu 65a] għandu jevalwa, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, l-impatt tal-qtugħ li jipprevedu l-programmi ta’ manutenzjoni tal-foresti approvati konformement mal-paragrafu 10 fiż-żoni tan-netwerk Ewropew ta’ żoni ta’ konservazzjoni u jitlob f’dan it-terminu lill-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura li tagħti deċiżjoni skont l-Artikolu 14(6) u (7), jekk l-eżekuzzjoni ta’ dan il-qtugħ tkunx tista’ taffettwa ħażin l-ispeċi li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni taż-żona, jew tipproponi lill-awtorità responsabbli għall-koservazzjoni tan-natura li tissottometti talba ta’ emenda tal-programm ta’ manutenzjoni tal-foresti sabiex jiġu integrati fih miżuri intiżi li jeskludu tali effett negattiv.”

2.   Il-Liġi dwar il-Foresta

12

Skont l-Artikolu 14 taż-zákon č. 326/2005 Z. z. o lesoch (il-Liġi Nru 326/2005 Ġabra dwar il-Foresti), fil-verżjoni tagħha applikabbli fl-24 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Foresti”):

“1.   Foresti b’għan speċjali huma foresti ddikjarati bħala tali u li l-għan tagħhom huwa li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet speċifiċi tas-soċjetà, tal-persuni ġuridiċi jew tal-persuni fiżiċi li fir-rigward tagħhom l-iskemi ta’ ġestjoni jevolvu sostanzjalment meta mqabbla mal-ġestjoni normali (iktar ’il quddiem imsejħa “skema speċjali ta’ ġestjoni”).

2.   Il-foresti jistgħu jiġu ddikjarati bħala foresti għal użu speċjali:

(a)

fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-fażijiet I u II, fejn, waqt l-estrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art, l-abbundanza u l-kwalità tas-sors tal-ilma jistgħu jiġu żgurati biss permezz ta’ metodu ta’ ġestjoni speċifiku;

(b)

fiż-żoni ta’ protezzjoni ta’ riżorsi minerali naturali u fiż-żona termali interna tas-sit ta’ spa;

(ċ)

foresti periurbani u oħrajn li għandhom funzjoni sanitarja, kulturali jew rikreattiva sinjifikattiva;

(d)

fl-art fejn jitrabbew il-fagani u ż-żoni magħluqa għat-trobbija tal-annimali artiodattili;

(e)

fiż-żoni protetti u l-artijiet forestali li għandhom habitats ta’ interess Komunitarju jew ta’ speċi protetti;

(f)

il-bażijiet ġenetiċi forestali stabbiliti;

(g)

intiżi għar-riċerka u t-taħriġ forestali;

(h)

li huma essenzjali għall-bżonnijiet tad-difiża tal-Istat skont regolamenti speċifiċi (iktar ’il quddiem imsejħa “foresti militari”).

3.   Meta foresti b’għan partikolari fis-sens tal-paragrafu 2(e) jiġu ddikjarati fl-interess pubbliku, proposta għal sistema ta’ ġestjoni speċifika għandha titfassal fil-kuntest ta’ studju globali tal-istat tal-foresti [Artikolu 38(2)(b)] imwettaq flimkien mal-applikant jew l-organizzazzjoni awtorizzata tiegħu.”

13

L-Artikolu 23(6) sa (10) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“6.   Jekk il-ġbir aċċidentali jaqbeż 1/20 tal-volum totali ta’ injam stabbilit għall-ġbir fil-kuntest ta’ programm ta’ ġestjoni tal-foresti għall-unità forestali kkonċernata jew għall-proprjetaru kkonċernat jew ma jkunx jista jitwettaq mill-amministratur tal-foresta f’terminu ta’ sitt xhur, huwa għandu jistabbilixxi abbozz ta’ skeda għall-implimentazzjoni tiegħu u jissottomettih lill-amministrazzjoni nazzjonali tal-foresti għall-approvazzjoni. L-amministrazzjoni nazzjonali tal-foresti għandha tinforma lill-awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ bi ftuħ il-proċedura. Rikors kontra d-deċiżjoni li tapprova l-programm ta’ ġbir anċillari ma għandux effett sospensiv.

7.   Il-volum tal-injam miġbur f’mergħa ta’ iktar minn 50 sena ma jistax jinqabeż b’iktar minn 15 % meta mqabbel mal-ammont irrakkomandat fil-programm ta’ ġestjoni tal-foresti. Jekk il-volum tal-injam miġbur, inkluż dak tas-siġar mejta u kkonservati, jkun laħaq il-volum ta’ ġbir irrakkomandat fil-programm ta’ ġestjoni tal-foresti, miżjud b’ 15 %, l-amministratur tal-foresta jista’ jkompli jipproċedi għal qtugħ aċċidentali jew għal ġbir addizzjonali.

8.   Il-volum totali ta’ injam stabbilit għall-ġbir fil-kuntest tal-programm ta’ ġestjoni tal-foresti għall-entità forestali [Artikolu 39(3)] ma jistax jinqabeż mill-ġbir. Meta entità forestali tinkludi diversi amministraturi ta’ foresti, l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jaqbeż il-volum totali ta’ injam stabbilit għall-ġbir fl-unità jew fl-istand tal-proprjetà.

9.   Fil-każ li jinqabeż l-ammont totali tal-injam imsemmi fil-paragrafu 8 billi jwettaq ġbir aċċidentali jew straordinarju, l-amministratur tal-foresta jista’ jwettaq:

(a)

il-ġbir b’urġenza [Artikolu 22(3)(a)] wara emenda tal-programm ta’ ġestjoni tal-foresti [Artikolu 43(2) u (3)];

(b)

il-ġbir aċċidentali;

(ċ)

il-produzzjoni eċċezzjonali; jew

(d)

il-kompiti tal-pjan ta’ miżuri ekonomiċi [Artikolu 40(2)(ċ)] fuq il-bażi ta’ aġġornament tal-programm ta’ ġestjoni tal-foresti [Artikolu 43(4)].

10.   Il-ġbir intenzjonat ma jnaqqasx is-sostituzzjoni tal-kopertura forestali għal inqas minn 7/10 tas-sostituzzjoni totali; Din id-dispożizzjoni ma tapplikax jekk:

(a)

l-għan ikun li titnaqqas is-sostituzzjoni permezz tat-tħaffir riġenerattivi tal-minjieri;

(b)

il-foresta tkun qed tisġar mill-ġdid; jew

(ċ)

dan jirriżulta mill-orjentazzjoni funzjonali tal-foresti protettiva jew minn skema ta’ ġestjoni speċifika.”

14

L-Artikolu 28(1) u (2) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“1.   L-amministratur tal-foresta huwa obbligat jimplimenta miżuri preventivi sabiex jipprevjeni l-ħsarat kkawżati lill-foresti u sabiex jimplimenta miżuri ta’ protezzjoni u ta’ difiża kontra l-ħsarat ikkawżati minn aġenti ta’ ħsara, b’mod partikolari:

(a)

jiżgura li d-dehra u l-iżvilupp ta’ aġenti ta’ ħsara u ta’ ħsarat fil-foresti kkawżati minnhom jiġu identifikati u rreġistrati; f’każ ta’ numru eċċessiv, jinforma b’dan mingħajr dewmien lill-amministrazzjoni tal-foresti tal-Istat u l-organu professjonist għas-superviżjoni tal-protezzjoni tal-foresti tal-Istat [Artikolu 29];

(b)

jimplimenta miżuri preventivi biex jipprevjeni t-tixrid eċċessiv ta’ disturbi biotiċi, jiżgura l-istabbiltà u r-reżiljazzjoni tal-istands forestali;

(ċ)

ineħħi bħala prijorità s-siġar morda u li soffew ħsarat mill-istands forestali, li jistgħu jkunu sors ta’ disturb bijotiku ikbar minbarra ż-żoni li jibbenefikaw mill-ħames livell ta’ protezzjoni;

(d)

jippromwovi prattiki u prodotti tajbin fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti, billi jenfasizza b’mod partikolari l-prattiki bijoloġiċi u bijotekniċi fil-qasam tal-protezzjoni mill-ħsarat ikkawżata mill-aġenti biotiċi;

(e)

jamministra l-foresti taħt l-influwenza ta’ imissjonijiet konformement mal-miżuri ekonomiċi speċifikati fil-programmi ta’ ġestjoni tal-foresti sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-effetti tagħhom;

(f)

jimplementa miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-ħsarat ikkawżati mill-annimali tal-kaċċa;

(g)

jimplimenta miżuri preventivi kontra n-nirien fil-foresti;

(h)

jamministra l-foresta b’mod li ma jipperikolax il-foresti ta’ proprjetarji oħra;

(i)

jirrispetta l-miżuri l-oħra ta’ protezzjoni tal-foresti imposti mill-amministrazzjoni nazzjonali tal-foresti jew l-organi professjonisti għas-superviżjoni tal-protezzjoni tal-foresti tal-Istat [Artikolu 29].

2.   Fil-każ ta’ theddida għall-foresti jew ħsarat ikkawżati minn aġenti ta’ ħsara, l-amministratur tal-foresta għandu jimplimenta, bi spejjeż tiegħu stess, miżuri urġenti għall-prevenzjoni ta’ theddid għall-foresti u biex jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tal-ħsarat; fuq is-siti protetti li jibbenefikaw mill-ħames livell ta’ protezzjoni, dan l-obbligu huwa impost biss wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali għall-konservazzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ li tawtorizza d-deroga.”

15

Skont l-Artikolu 41(13) ta’ din il-liġi, kif emendata bil-Liġi Nru 355/2019 Ġabra, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020:

“Il-proposta ta’ programm ta’ manutenzjoni għandha tiġi approvata mill-awtorità responsabbli għall-amministrazzjoni tal-foresti permezz ta’ deċiżjoni li tipproduċi fl-anness il-programm ta’ manutenzjoni wara l-għoti mill-amministratur tas-sistema ta’ informazzjoni tal-amministrazzjoni tal-foresti [Artikolu 45] ta’ ċertifikat li jiċċertifika l-eżattezza u l-konformità tar-rabtiet bejn id-data diġitali u grafika tal-proposta ta’ programm ta’ manutenzjoni u wara opinjoni vinkolanti tad-dipartimenti kkonċernati dwar il-kontroll tal-osservanza tal-osservazzjonijiet u tar-rekwiżiti fformulati konformement mal-paragrafu 8; fil-każ ta’ żoni tan-netwerk Ewropew ta’ żoni ta’ konservazzjoni, l-awtorità inkarigata mill-amminstrazzjoni tal-foresti għandha wkoll tagħti d-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa konformement ma’ leġiżlazzjoni speċifika [nota Nru 57 aa, li tirreferi għall-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, kif emendata], li tinkludi proposta ta’ miżuri intiżi li jiggarantixxu li l-eżekuzzjoni tal-programm ta’ manutenzjoni ma jkollhiex effett negattiv fuq dawn iż-żoni. […]”

II. Il‑proċedura prekontenzjuża

16

Matul is-sena 2017, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti li jirreferu għall-isfruttament eċċessiv tal-foresti fit-tnax-il ŻPS indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fis-Slovakkja li affettwa l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi protetta.

17

Waqt laqgħat li nżammu f’Ottubru 2017, fi Frar 2018 kif ukoll fil‑31 ta’ Mejju sal‑1 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni stiednet diversi drabi lir-Repubblika Slovakka sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

18

Fid‑19 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 258 TFUE, li permezz tagħha hija qieset li l-imsemmi Stat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttivi “Habitats” u “Għasafar” sa fejn il-PMF, il-qtugħ b’urġenza kif ukoll il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tad-danni kkawżati minn diżastri naturali, li dawn jirrigwardaw aġenti ta’ ħsara, ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-ŻPS ikkonċernati.

19

L-awtoritajiet Slovakki rrispondew għall-ittra ta’ intimazzjoni fit‑12 ta’ Settembru 2018, filwaqt li ammettew li l-istat u t-tendenzi attwali tal-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) kienu sfavorevoli għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi protetta u li kien neċessarju li jittieħdu miżuri sabiex titjieb is-sitwazzjoni, inkluża l-emenda tal-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ, jiġifieri l-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u l-Liġi dwar il-Foresti.

20

Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Slovakka, fejn akkużatha li ma ttrasponietx b’mod korrett l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kif ukoll li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha u mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”. Il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħhu mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn.

21

Permezz ta’ ittri tal‑21 ta’ Marzu 2019, tal-21 ta’ Ġunju 2019, tal‑20 ta’ Diċembru 2019 u tat‑2 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika Slovakka wieġbet għall-opinjoni motivata filwaqt li allegat li n-nuqqasijiet invokati fil-konfront tagħha ma kinux fondati.

22

Fix-xahar ta’ Settembru 2019, il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u l-Liġi dwar il-Foresti ġew emendati, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2020, b’tali mod li r-Repubblika Slovakka kienet tqis li l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni kienet kompletament iggarantita minn din id-data.

23

Fix-xhur ta’ Novembru 2019, ta’ Ġunju 2020 u ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni aġġornata mil-lanjant, li kkonfermat il-qerda tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), it-tnaqqis ta’ din l-ispeċi bejn is-snin 2015 u 2018 u l-qtugħ tal-injam magħmul matul is-sena 2019 f’ŻSP indikati għall-konservazzjoni tal-imsemmija speċi.

24

Matul ix-xhur ta’ Mejju sa Lulju 2020, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-qtugħ b’urġenza kif imwettqa skont l-emendi leġiżlattivi li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020 fl-ordinament ġuridiku Slovakk.

25

Peress li qieset li l-miżuri kif ikkomunikati mir-Repubblika Slovakka kienu insuffiċjenti sabiex tintemm is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegata, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil‑5 ta’ Diċembru 2020, li tippreżenta dan ir-rikors.

III. Fuq ir‑rikors

26

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet ilmenti, ibbażati fuq ksur, l-ewwel, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, it-tieni, tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva kif ukoll, it-tielet, tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”.

A. Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 6(3) tad‑Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal‑Artikolu 7 ta’ din id-direttiva

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

27

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Slovakka kisret l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, billi eżentat il-PMF u l-emendi tagħhom, il-qtugħ b’urġenza kif ukoll il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali mill-obbligu, meta dawn ikunu jistgħu jaffettwaw iż-żoni Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq iż-żona kkonċernata fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona.

28

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis, fir-rigward tal-PMF, li dawn għandhom jitqiesu bħala pjanijiet jew proġetti li ma humiex direttament marbuta jew li ma humiex neċessarji għall-ġestjoni tas-sit sa fejn huma ma jistabbilixxu ebda għan jew miżura ta’ konservazzjoni.

29

Skont din l-istituzzjoni, il-PMF jistgħu jikkompromettu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 peress li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’, b’mod partikolari, twassal għal qtugħ ta’ injam jew għall-kostruzzjoni ta’ mogħdijiet fil-foresti fl-imsemmija siti, jew taffetwa lil dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, l-awtoritajiet Slovakki huma obbligati jissuġġettawhom għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom u li japprovawhom biss bil-kundizzjoni li ma jaffettwawx ħażin l-integrità tas-siti kkonċernati.

30

Issa, il-Kummissjoni tirrileva li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fl‑24 ta’ Marzu 2019, il-leġiżlazzjoni Slovakka ma kinitx konformi ma’ din id-dispożizzjoni peress li, minn naħa l-PMF billi kienu meqjusa li huma dokumenti li jservu għall-konservazzjoni tan-natura, kienu għalhekk eżenti minn evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-siti affettwati u li, min-naħa l-oħra, mill‑1 ta’ Jannar 2015, tneħħa l-obbligu preeżistenti li tiġi inkluża fl-opinjoni tal-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura, opinjoni dwar l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti. B’mod partikolari, mill-proċedura prevista fl-Artikolu 41(13) tal-Liġi dwar il-Foresti jirriżulta li l-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura kienet ikkonsultata fuq il-proposta ta’ pjan u mhux fuq il-verżjoni finali tagħha, filwaqt li din setgħet tkun differenti minn dik li fuqha din l-awtorità kienet tat l-opinjoni tagħha u li ma kien hemm ebda evalwazzjoni xierqa tal-effetti jekk din tal-aħħar ma rrispondetxi f’terminu ta’ ħmistax-il jum.

31

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi l-fatti fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-emendi leġiżlattivi li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, kif imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata, minn naħa, li dawn l-emendi jiggarantixxu li l-PMF ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom jekk ma jkunx possibbli li jiġi eskluż li dawn jistgħu jaffettwaw is-siti Natura 2000 b’mod sinjifikattiv u għalhekk irrimedjaw il-problema tan-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għal dak li jikkonċerna l-PMF imfassla u approvati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi leġiżlattivi. Min-naħa l-oħra, il-PMF eżistenti u diġà approvati huma eżenti mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom.

32

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti minn dawn l-emendi leġiżlattivi ma humiex suffiċjenti sabiex jiggarantixxu l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”. L-ewwel, dawn id-dispożizzjonijiet ma jindikawx b’mod ċar fuq liema bażi l-organu ta’ konservazzjoni tan-natura huwa marbut li jimmodifika l-PMF diġà approvat. It-tieni, ma hemmx obbligu espliċitu li jiġi evalwat jekk tali PMF jistax jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv, u lanqas obbligu espliċitu li ssir evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu. It-tielet, ma huwiex żgurat li tintlaqa’ tali talba tal-organu ta’ konservazzjoni tan-natura intiża sabiex jiġi emendat l-PMF diġà approvat. Ir-raba’, huwa biss l-impatt tal-qtugħ previst mill-PMF li jiġi evalwat, u mhux l-impatt tal-PMF kollu kemm hu. Il-ħames, ma huwiex speċifikat li l-PMF approvati jistgħu jiġu implimentati biss sakemm ma jippreġudikawx l-integrità tas-siti Natura 2000.

33

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-qtugħ b’urġenza, il-Kummissjoni tosserva, qabel kollox, li dan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi pjanijiet jew proġetti li ma humiex neċessarji għas-siti Natura 2000 peress li ma għandhomx l-għan li jikkonservaw habitats jew speċi li jiġġustifikaw l-indikazzjoni ta’ sit bħala “sit protett min-netwerk Natura 2000”.

34

Sussegwentement, il-Kummissjoni tirrileva li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tagħha, l-Artikolu 23(9) tal-Liġi dwar il-Foresti kien jipprevedi l-possibbiltà li jsir qtugħ b’urġenza lil hinn mill-qafas miftiehem fil-PMF, mingħajr ma tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura.

35

Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tippreċiża li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, ikun neċessarju li l-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura tiġi informata biss jekk il-volum ta’ injam maqtugħ jaqbeż 20 % tal-istands tal-foresti fiż-żona koperta mill-PMF, jew jekk ikun inqata’ fuq superfiċi kontinwa ta’ iktar minn 0.5 ettaru. Barra minn hekk, il-kunsens ta’ din l-awtorità jkun preżunt li nkiseb jekk din ma tagħtix opinjoni fi żmien 30 jum.

36

Matul il-fażi prekontenzjuża, l-awtoritajiet Slovakki rrikonoxxew ukoll, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni rilevanti mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” u indikaw l-emendi leġiżlattivi li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020 li jintroduċu regoli ġodda dwar il-qtugħ b’urġenza għal kull livell ta’ protezzjoni, iżda li, fil-fehma tal-Kummissjoni, jibqgħu insuffiċjenti.

37

B’mod partikolari, l-amministraturi tal-foresti jżommu, skont l-Artikolu 23(14) tal-Liġi dwar il-Foresti, il-possibbiltà li jeżegwixxu qtugħ b’urġenza lil hinn mill-volum totali tal-injam stabbilit fil-PMF. Għas-siti tat-tieni sar-raba’ livell, fejn jinsabu l-parti l-kbira tas-siti Natura 2000, minkejja li l-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tipprojbixxi jew tillimita qtugħ b’urġenza, ebda evalwazzjoni xierqa tal-effetti ma hija prevista. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li, anki għall-ħames livell ta’ protezzjoni, kien possibbli, sal‑1 ta’ Jannar 2020, li ssir deroga mill-projbizzjoni ta’ dawn il-miżuri bil-kunsens preżunt miksub mill-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura.

38

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-qtugħ b’urġenza jirrappreżenta madwar 52 % tal-volum totali tal-qtugħ magħmul fis-Slovakkja matul is-sena 2017. Bejn is-snin 2014 u 2017, is-sehem tiegħu fil-volum totali tal-qtugħ imwettaq fis-Slovakkja kien bħala medja ta’ iktar minn 55 % meta mqabbel mal-qtugħ previst fil-PMF u, matul l-aħħar deċennju, l-qtugħ b’urġenza kien jirrappreżenta bejn 40 % u 65 % tal-estrazzjoni tal-injam f’dan l-Istat Membru.

39

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati minn aġenti ta’ ħsara, li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ma humiex direttament marbuta mat-tmexxija tas-siti, il-Kummissjoni tirrileva li, bl-istess mod bħal fil-każ tal-qtugħ b’urġenza, id-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura ma kinitx meħtieġa ħlief fil-ħames livell ta’ protezzjoni u, anki f’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija awtorità kienet preżunta mogħtija peress li din ma kinitx adottat deċiżjoni fi 30 jum, b’tali mod li ebda evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom ma kienet twettqet.

40

Ir-Repubblika Slovakka tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-PMF huma eżenti mill-obbligu li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru huwa kuntent li l-ilment tal-Kummissjoni ma għadux jikkonċerna l-PMF imfassla u approvati wara l‑1 ta’ Jannar 2020 u jammetti, fil-kontroreplika tiegħu, li l-PMF adottati qabel l‑1 ta’ Jannar 2020 ma kinux is-suġġett, bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u l‑31 ta’ Diċembru 2019, ta’ evalwazzjonijiet xierqa tal-effetti tagħhom minħabba lakuni fl-applikazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan il-perijodu.

41

Madankollu, l-awtoritajiet Slovakki jirrilevaw li, minn naħa, dawn il-PMF ma kinux eżentati mill-obbligu ta’ evalwazzjoni xierqa stabbilit fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” peress li l-Artikolu 28 tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, li jittrasponi din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku Slovakk, kien applikabbli għalihom. Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 104g(11) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, l-organu ta’ konservazzjoni tan-natura kellu l-obbligu li jwettaq, qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020, evalwazzjoni tal-effett ta’ qtugħ intenzjonat fil-kuntest tal-PMF l-antik fuq is-siti tan-netwerk Natura 2000.

42

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-qtugħ b’urġenza u l-miżuri l-oħra ta’ protezzjoni tal-foresta, ir-Repubblika Slovakka tirrileva li, mill‑1 ta’ Jannar 2020, ġiet itterminata l-preżunzjoni ta’ kunsens tal-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura, kif imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

43

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Slovakka tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument imqajjem mill-Kummissjoni fl-istadju tar-replika, li jgħid li l-preevalwazzjoni, mill-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura, tal-possibbiltà ta’ effett sinjifikattiv fuq is-sit ma twassalx għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi jekk il-qtugħ b’urġenza jistax jaffettwa s-siti Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, jeċċedi l-kuntest tal-ksur allegat u huwa, konsegwentement, inammissibbli.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)   Fuq l-ammissibbiltà

44

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan l-ilment, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta jkun skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil li jsir wara (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (Kontabbilisti), C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Deterjorament taż-żona naturali ta’ Doñana), C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fil-każ ta’ emenda sussegwenti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma għandhiex temenda s-suġġett tar-rikors tagħha billi timputa l-ilmenti fformulati kontra l-leġiżlazzjoni preċedenti lil dik li tirriżulta mill-emenda adottata, meta ż-żewġ verżjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jkollhom kontenut identiku (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (Kontabbilisti), C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Min-naħa l-oħra, is-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jirregolaw il-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (Kontabbilisti), C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fil-każ ineżami, sa fejn il-Kummissjoni imputat, fir-rikors tagħha u fir-replika tagħha, l-ewwel ilment tagħha mqajjem inizjalment fl-opinjoni motivata tagħha anki lill-emendi leġiżlattivi msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-imputazzjoni timplikax, fiha nnifisha, modifika tal-portata tal-imsemmi lment.

48

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel ilment, dwar l-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-PMF, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 41(13) tal-Liġi dwar il-Foresti, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-emendi li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, issa jinkludi obbligu espress li l-PMF jiġu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa, li madankollu ma għandhiex effett fuq il-PMF eżistenti u approvati qabel din id-data, li jibqgħu esklużi mill-obbligu ta’ tali evalwazzjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma għandhiex ekwivalenti fil-leġiżlazzjoni preċedenti.

49

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-qtugħ b’urġenza, il-Kummissjoni stess tammetti li l-emenda tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura introduċiet regoli ġodda dwar dan il-qtugħ b’urġenza għal kull livell ta’ protezzjoni, li għalhekk ma għandhiex ekwivalenti fil-leġiżlazzjoni preċedenti.

50

Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel ilment, dwar l-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jiġu eliminati l-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati mill-aġenti ta’ ħsara, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 26(5) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi li daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tintroduċi regola ġdida, jiġifieri, l-applikazzjoni għaż-żoni protetti għall-għasafar tar-regoli dwar it-tielet livell ta’ protezzjoni.

51

Għalhekk, sa fejn l-emendi tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni u l-Liġi dwar il-Foresti, kif daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, irrevedew b’mod sinjifikattiv il-qafas leġiżlattiv tal-protezzjoni tal-foresti fit-territorju Slovakk, il-kontenut tagħhom ma jistax jitqies li huwa identiku għal dak tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

52

Għaldaqstant, sa fejn l-ewwel ilment jirrigwarda wkoll l-imsemmija emendi leġiżlattivi, dawn jimmodifikaw il-portata ta’ dan l-ilment b’tali mod li hemm lok li dan jiġi eżaminat mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-estensjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rikors u fir-replika u li b’hekk tinżamm il-portata tal-imsemmi lment kif iddeterminat fl-opinjoni motivata.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-emendi tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura u tal-Liġi dwar il-Foresti, kif daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, u sempliċement tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-verżjoni tagħha applikabbli fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

54

F’dak li jirrigwarda, fir-raba’ u l-aħħar lok, l-inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni fir-replika tagħha dwar il-proċedura ta’ preevalwazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li din l-istituzzjoni speċifikat, f’din ir-replika, l-ewwel parti tal-ewwel ilment tagħha li hija kienet diġà invokat b’mod iktar ġenerali fir-rikors sabiex tirrispondi għall-argumenti żviluppati mill-awtoritajiet Slovakki fir-risposta tagħhom ma biddlitx is-suġġett tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għalhekk ma kellha ebda effett fuq il-portata tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (Valuri limiti – PM10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Isegwi li dan l-argument huwa ammissibbli.

b)   Fuq il-mertu

1) Osservazzjonijiet preliminari

56

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, sabiex jintlaħaq l-għan iktar ġenerali ta’ din id-direttiva li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tas-siti protetti taħt din id-direttiva (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Habitats” huma intiżi sabiex l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernata, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

B’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, meta pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit jippreżenta riskju li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, dan għandu jitqies li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

L-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat li għandha titwettaq skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” timplika li għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113).

61

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-Repubblika Slovakka kisritx l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

2) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment, dwar il-PMF

62

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Slovakka ma tikkontestax li l-PMF jikkostitwixxu pjanijiet li ma humiex direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tat‑tnax-il ŻPS indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fit-territorju tagħha li għandhom, f’din il-kwalità, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom.

63

Issa, għandu jiġi rrilevat li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru stess, il-PMF ma kinux suġġetti, mill‑1 ta’ Jannar 2015, għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom minħabba l-assenza ta’ proċeduri u ta’ proċessi suffiċjentement kompleti u armonizzati.

64

B’mod partikolari, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, minn din id-data, l-obbligu preeżistenti, previst fl-Artikolu 28(4) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, li tiġi inkluża fl-opinjoni tal-awtoritajiet responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura, opinjoni xjentifika dwar ir-riskju li PMF jaffettwa b’mod sinjifikattiv sit Natura 2000, tneħħa.

65

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel ilment għandha tiġi milqugħa.

3) Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment, dwar il-qtugħ b’urġenza

66

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li l-qtugħ b’urġenza jikkostitwixxi pjanijiet li ma humiex direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tat-tnax-il ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fis-Slovakkja, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li għandhom, għaldaqstant, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom.

67

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 23(9) tal-Liġi dwar il-Foresti, moqri flimkien mal-paragrafu 8 tal-imsemmija dispożizzjoni, jawtorizza l-qtugħ li jeċċedi l-kwantità totali tal-injam stabbilit għall-ġbir fil-kuntest tal-PMF mingħajr ma jkun hemm kwalunkwe indikazzjoni ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ tali qtugħ u mingħajr ma tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-organu ta’ konservazzjoni tan-natura. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-ħames livell ta’ protezzjoni, assoċjat ma’ sistema ta’ nuqqas ta’ intervent, ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 85(4) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, il-kunsens tal-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura għal qtugħ b’urġenza f’sit li jaqa’ taħt dan il-livell ta’ protezzjoni kien preżunt mogħti meta din ma kinitx adottat deċiżjoni tal-inqas 30 jum qabel l-attività prevista.

68

Issa, ir-Repubblika Slovakka tindika, fir-risposta tagħha, li dan il-kunsens preżunt tal-organu ta’ konservazzjoni tan-natura tneħħa biss mill‑1 ta’ Jannar 2020.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li teżenta b’mod ġenerali ċerti attivitajiet, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, min-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat, ma huwiex ta’ natura li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-sit protett. Għalhekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma jistax jawtorizza Stat Membru jistabbilixxi regoli nazzjonali li, b’mod ġenerali, jevitaw għal ċerti tipi ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi eżentat b’mod ġenerali l-qtugħ b’urġenza minn evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

71

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel ilment għandha tiġi milqugħa.

4) Fuq it-tielet parti tal-ewwel ilment, dwar il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati mill-aġenti ta’ ħsara

72

Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet Slovakki żviluppaw l-argument tagħhom f’dan ir-rigward biss fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti wara l-emendi leġiżlattivi li saru b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2020, b’tali mod li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet parti tal-ewwel ilment.

73

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Slovakka ma tikkontestax il-klassifikazzjoni tal-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati mill-aġenti ta’ ħsara bħala pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000.

74

Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura kienet meħtieġa biss għall-ħames livell ta’ protezzjoni, assoċjat ma’ sistema ta’ nuqqas ta’ intervent, b’tali mod li l-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati mill-aġenti ta’ ħsara fl-ewwel erba’ livelli ta’ protezzjoni ma kienu suġġetti għal ebda awtorizzazzjoni u, għaldaqstant, għal ebda evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

75

Barra minn hekk, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 67 u 68 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, is-sistema ta’ nuqqas ta’ intervent assoċjata mal-ħames livell ta’ protezzjoni lanqas ma tippermetti li tiġi żgurata l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

76

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel ilment għandha tiġi milqugħa.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi eżentat lill-PMF u lill-emendi tagħhom, il-qtugħ b’urġenza u l-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali mill-obbligu, meta dawn ikunu jistgħu jaffettwaw iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq iż-żona kkonċernata, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

B. Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva

1.   L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Slovakka li kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” meta ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex twaqqaf id-deterjorament tal-habitats u d-disturbi b’effetti sinjifikattivi fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

79

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, din l-istituzzjoni ssostni li l-użu intensiv tal-foresti, il-tqaċċit totali fuq żoni kbar flimkien ma’ msaġar ta’ tip wieħed ta’ siġar li jwaddbu d-dell u l-użu tal-pestiċidi kkawżaw ħsara lill-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fit-tnax-il ŻPS ikkonċernati billi naqqsu d-daqs ta’ dan il-habitat kif ukoll l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet tiegħu, u b’hekk ikkontribwixxew għal tnaqqis sinjifikattiv tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi f’dawn iż-ŻPS.

80

Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li l-ikbar tnaqqis tal-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) ġie kkonstatat f’waħda mill-ħames ŻSP prinċipali, f’dan il-każ iż-ŻPS Nízke Tatry, li fiha kwantità kbira ta’ siġar ġiet maqtugħa sabiex tissolva l-problema ta’ insetti subkortikali.

81

Din l-istituzzjoni tenfasizza li r-Repubblika Slovakka stess irrikonoxxiet id-deterjorament tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fil-kuntest tal-Programm ta’ Konservazzjoni tas-Serduq Selvaġġ 2018/2022 approvat mill-Ministeru tal-Ambjent f’April 2018 (iktar ’il quddiem il-“Programm ta’ Konservazzjoni”).

82

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk, kif sostniet ir-Repubblika Slovakka matul il-fażi prekontenzjuża, l-awtoritajiet responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura taw, bejn is-snin 2015 u 2018, seba’ deċiżjonijiet, fuq 33 talba, intiżi sabiex jillimitaw jew jipprojbixxu l-isfruttament tal-foresti u wettqu għaxar spezzjonijiet wara twiddiba minn organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li wasslu għall-interruzzjoni ta’ qtugħ tas-siġar f’ħames ŻPS, dawn id-deċiżjonijiet u dawn il-kontrolli individwali ma humiex suffiċjenti jew xierqa għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) inkwantu huma limitati għal każijiet iżolati u twettqu biss bħala risposta għat-talbiet ta’ individwi jew ta’ NGO. Filwaqt li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” jeżiġi sistema ta’ protezzjoni legali koerenti, speċifika u kompleta, ir-Repubblika Slovakka ma introduċietx sistema strutturali li tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ qtugħ biss jekk dan ma jaffettwax is-siti Natura 2000 b’mod sinjifikattiv.

83

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrimarka li din is-sitwazzjoni kienet għadha tippersisti mal-preżentata ta’ dan ir-rikors. L-ewwel, għalkemm l-awtoritajiet Slovakki enfasizzaw li huma kienu taw opinjonijiet fuq 1599 qtugħ b’urġenza, billi taw opinjoni negattiva fi kważi 150 każ, madankollu, fl‑1 000 każ fejn ġew stabbiliti kundizzjonijiet stretti u speċifiċi, la kien hemm eżami tal-probabbiltà li s-siti jkunu affettwati b’mod sinjifikattiv u lanqas evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom. Barra minn hekk, f’madwar 450 każ, ma ġiet imposta ebda limitazzjoni u għalhekk kien possibbli li jiġi eżegwit qtugħ b’urġenza mingħajr eżami tal-probabbiltà li s-siti jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv u mingħajr evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan.

84

It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri l-iktar importanti tal-Programm ta’ Konservazzjoni, bħall-emendi tad-digrieti li jindikaw iż-ŻPS sabiex jipprojbixxu l-attivitajiet ta’ ħsara, l-adozzjoni ta’ programmi ta’ manutenzjoni taż-ŻPS, it-tqassim f’żoni tal-ikbar żoni protetti u l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ nuqqas ta’ intervent assoċjata mal-ħames livell ta’ protezzjoni, għadhom ma ġewx adottati mir-Repubblika Slovakka.

85

It-tielet, filwaqt li r-Repubblika Slovakka spjegat li ġestjoni tal-foresti favorevoli għas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) tkun possibbli jekk il-foresti kkonċernati jiġu kklassifikati bħala “foresti għal użu speċjali”, skont l-Artikolu 14(2)(e) tal-Liġi dwar il-Foresti, il-Kummissjoni tikkonstata li l-proċedura għad-deżinjazzjoni bħala tali, prevista f’din id-dispożizzjoni, għadha ma bdietx.

86

Ir-raba’, din l-istituzzjoni tirrileva li l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 104g(4) l-ġdid tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, fl-istennija ta’ tmiem il-proċess ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” li jistabbilixxi obbligi li japplikaw b’mod permanenti għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

87

Ir-Repubblika Slovakka tirrispondi, fl-ewwel lok, li, sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) kif ukoll id-disturb b’effetti sinjifikattivi fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi, l-awtoritajiet responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura adottaw deċiżjonijiet skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, inkluż qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

88

Dan l-Istat Membru jenfasizza, fit-tieni lok, li huwa jintervjeni b’mod kontinwu sabiex jevalwa u japprova l-pjanijiet u l-proġetti li t-twettiq tagħhom jista’ jkollu effett negattiv fuq il-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), kif jixhdu, minn naħa, il-waqfien tal-kostruzzjoni mwettqa fil-kuntest tal-proġett tal-kumpannija STIV Čertovica, s. r. o. fuq is-sit taż-ŻPS Nízke Tatry relatat mat-tkabbir tal-pisti tal-iskijjar u għall-kostruzzjonijiet relatati magħhom, u min-naħa l-oħra l-evalwazzjoni pendenti tal-effetti tal-proġett “Ottimizzazzjoni tal-Infrastruttura tat-Trasport fil-Muntanji u tat-Trasport f’Štrbské Pleso”.

89

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Slovakka tidentifika għadd ta’ miżuri, adottati bejn is-snin 2018 u 2020, li juru, fil-fehma tagħha, il-progress imwettaq fil-proċedura ta’ preparazzjoni, ta’ negozjati minn qabel u ta’ approvazzjoni tal-programmi ta’ manutenzjoni taż-ŻPS. F’dan ir-rigward, huma b’mod partikolari ċċitati:

l-approvazzjoni tal-PTF għaż-ŻPS Horná Orava li hija s-suġġett ta’ proposta li titlob id-dħul tagħha fil-kategorija “foresta għal użu speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u (2)(e) tal-Liġi dwar il-Foresti;

it-tfassil, matul is-sena 2019, mill-organu ta’ konservazzjoni tan-natura tal-proġett ta’ PMF għaż-ŻPS Muránska pjanina-Stolica;

it-tfassil, bejn Settembru 2020 u Jannar 2021, mill-organu ta’ konservazzjoni tan-natura ta’ proposti xjentifiċi ta’ PMF għal sitt ŻPS (Nízke Tatry, Tatry, Veľká Fatra, Malá Fatra, Volovské vrchy ut Levočské vrchy);

il-finalizzazzjoni, fix-xahar ta’ Awwissu 2020, tal-proċess ta’ preparazzjoni u ta’ konsultazzjonijiet xjentifiċi fuq il-proġett ta’ riżerva naturali Pralesy Slovenska (Foresti primarji fis-Slovakkja) li għandu jippermetti lil din ir-riżerva naturali tibbenefika mill-ħames livell ta’ protezzjoni;

il-preparazzjoni, fix-xahar ta’ Ottubru 2020, ta’ proġett ta’ protezzjoni sabiex tinħoloq ir-riżerva naturali tal-Hluchánia, li l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-istands forestali residwali fuq dan is-sit inizjali ta’ habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

90

Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka tirrileva li, kif jirriżulta minn analiżi mwettqa mill-organu ta’ konservazzjoni tan-natura fix-xahar ta’ Lulju 2020, fuq medda totali ta’ 54 346.17 ettaru, il-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) jibbenefikaw, sa massimu ta’ 23 952.19 ettaru, mis-sistema ta’ nuqqas ta’ intervent. Madankollu, tali sistema, li barra minn hekk ma hijiex meħtieġa mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, tista’ tirriżulta manifestament inadegwata għal din l-ispeċi skont il-kundizzjonijiet konkreti tal-habitat inkwistjoni, b’mod partikolari jekk il-foresta tkun saret qadima wisq u uniformi.

91

Fir-raba’ u l-aħħar lok, skont dan l-Istat Membru, in-natura adegwata u proporzjonata tal-miżuri adottati fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) huma diġà parzjalment viżibbli. B’hekk, matul l-aħħar sentejn, setgħet tiġi osservata tendenza li tiġi stabbilizzata l-popolazzjoni tal-individwi ta’ din l-ispeċi, anki jekk tkompli tonqos ftit.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)   Fuq l-ammissibbiltà

92

Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ssemmi, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, kemm fatti preċedenti kif ukoll fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata.

93

Skont ġurisprudenza stabbilita, kif imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

94

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, sa fejn rikors ikun intiż sabiex jinvoka nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sistematiku u persistenti taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, il-produzzjoni ta’ elementi addizzjonali intiżi sabiex, fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, isostnu l-ġeneralità u l-kostanza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk allegat, bħala prinċipju ma tistax tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jestendi għal fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata sakemm dawn ikunu tal-istess natura u jikkostitwixxu l-istess aġir bħall-fatti msemmija f’dik l-opinjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li d-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata indirizzata lir-Repubblika Slovakka ġiet iffissata għall-24 ta’ Marzu 2019, il-fatti kollha invokati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, li jirrigwardaw esklużivament in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ miżuri xierqa intiżi sabiex jipproteġu l-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tiegħu, huma sussegwenti għal din id-data.

97

Issa, minkejja li ma ġewx invokati matul il-proċedura prekontenzjuża, dawn il-fatti, li l-Kummissjoni saret taf bihom wara l-ħruġ ta’ din l-opinjoni motivata, setgħu validament jissemmew minn din l-istituzzjoni insostenn tar-rikors tagħha, bħala eżempju tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ natura ġenerali li hija tinvoka.

b)   Fuq il-mertu

98

Preliminarjament, għandu jitfakkar li attività tkun konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” fil-każ biss li jkun iggarantit li din l-attività ma tikkawża ebda disturb li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minnha (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-istatus legali ta’ protezzjoni taż-ŻSP għandu jiggarantixxi wkoll li jiġi evitat fihom id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll id-disturbi sinjifikattivi li jirrigwardaw l-ispeċi li għalihom l-imsemmija żoni jkunu ġew ikklassifikati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑293/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:706, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, il-protezzjoni taż-ŻPS ma għandhiex tkun limitata għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati ħsarat u disturbi esterni kkważati mill-bniedem, imma trid tinkludi wkoll, skont is-sitwazzjoni li tkun teżisti, miżuri pożittivi għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-istat tas-sit (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 135).

101

Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi rabta każwali bejn attività ta’ ġestjoni tal-foresta u disturb sinjifikattiv ikkawżata lis-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus). Fid-dawl tal-fatt li l-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” u l-paragrafu 3 ta’ dan artikolu huma intiżi sabiex jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li din l-attività tikkawża disturb sinjifikattiv għal din l-ispeċi (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142).

102

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li, fil-każ ineżami, it-tieni lment jista’ jkun fondat biss sa fejn il-Kummissjoni turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-Repubblika Slovakka ma ħaditx il-miżuri ta’ protezzjoni xierqa, li jikkonsisti f’li jiġi evitat li l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-foresti ma jipproduċux deterjorament tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) kif ukoll disturbi li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għan imfittex mid-Direttiva “Habitats” li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-imsemmija speċi.

103

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-proċess sottomesss lill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-Programm ta’ Konservazzjoni jirriżulta li qtugħ intensiv ta’ siġar fuq żoni kbar u l-użu ta’ pestiċidi għall-ġlieda kontra l-insetti subkortikali, inkluż matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), ikkontribwixxa għal tnaqqis sinjifikattiv tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi fit‑tnax-il ŻSP indikati għall-konservazzjoni tagħha, jiġifieri tnaqqis ta’ 49.4 % bejn is-snin 2004 u 2019.

104

B’mod partikolari, fir-rigward taż-ŻPS Nízke Tatry fejn ġie kkonstatat l-ikbar telf tal-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) wara qtugħ b’urġenza, il-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi naqset b’ 42.5 % bejn is-snin 2004 u 2015.

105

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Slovakka għadha ma stabbilixxietx li hija adottat miżuri xierqa sabiex tevita li tali attivitajiet ta’ ġestjoni tal-foresta jikkawżaw disturbi sinjifikattivi għas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

106

Huwa minnu li dan l-Istat Membru wera, permezz tal-approvazzjoni tal-Programm ta’ Konservazzjoni, li huwa konxju tat-tnaqqis tal-habitat u tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi u li huwa għandu l-intenzjoni li jirrimedja għal din is-sitwazzjoni, kif jixhdu d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tan-natura sal‑20 ta’ Ġunju 2020 sabiex jillimitaw jew jipprojbixxu l-isfruttament forestali fiż-żoni ta’ habitat tal-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) u l-ispezzjonijiet imwettqa f’ċerti ŻPS.

107

Madankollu, dawn il-miżuri għandhom xi nuqqasijiet, inkwantu huma ma jinkludux miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti b’mod sistematiku, skont l-eżiġenzi ekoloġiċi ta’ din l-ispeċi u ta’ kull tip ta’ habitat preżenti f’kull waħda mit‑tnax-il ŻSP indikati għall-konservazzjoni tagħha. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-imsemmija miżuri huma limitati għal każijiet iżolati u, ħafna drabi, ġew adottati biss wara lmenti minn individwi jew minn NGO, b’tali mod li dawn huma ta’ natura parzjali u juru l-assenza ta’ sistema strutturali intiża sabiex tiżgura l-konservazzjoni ta’ serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) billi ttemm id-deterjoramenti tal-habitat tagħha.

108

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li r-Repubblika Slovakka tirreferi, fir-risposta tagħha, għal numru ta’ miżuri li, fil-fehma tagħha, huma xierqa sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) kif ukoll disturb li għandu effett sinjifikattiv fuq din l-ispeċi, jiġifieri l-proġett “Ottimizzazzjoni tal-Infrastruttura tat-Trasport fil-Muntanji u tat-Trasport f’Štrbské Pleso”, il-proposta ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid taż-ŻPS Horná Orava bħala “foresta għal użu speċjali”, il-proġett ta’ tqassim f’żoni tal-park nazzjonali għaż-ŻPS Muránska planina-Stolica, il-proposti xjentifiċi tal-PMF għal sitt ŻPS, il-proġetti ta’ riżerva naturali Pralesy Slovenska (Foresti primarji tas-Slovakkja) u Hluchánia u l-proġett integrat Natura 2000 SVK.

109

Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-proġett Natura 2000 SVK, li t-twettiq tiegħu beda fix-xahar ta’ Jannar 2021, il-miżuri kollha msemmija fil-punt preċedenti huma fl-istadju ta’ proġett u, konsegwentement, ma kinux implimentati kemm fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kif ukoll fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Għalhekk, sa fejn dawn jinkludu obbligi li japplikaw biss għall-ġejjieni, dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

110

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wriet, b’mod suffiċjentement iddokumentat u ddettaljat, l-assenza kostanti u kważi ġeneralizzata ta’ miżuri ta’ protezzjoni xierqa, li jikkonsistu f’li jiġi evitat li l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-foresti ma jipproduċux deterjorament tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) kif ukoll tfixkil ta’ din l-ispeċi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ konservazzjoni tal-imsemmija speċi.

111

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex twaqqaf id-deterjorament tal-habitats u d-disturbi b’effetti sinjifikattivi fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Għasafar”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

C. Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”

1.   L-argumenti tal-partijiet

112

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Slovakka li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” billi ma ħaditx il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali applikabbli għall-ħabitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tiegħu sabiex tiżgura s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tiegħu fiż-żona tad-distribuzzjoni tiegħu.

113

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi metodu ta’ ġestjoni taż-ŻPS relatat ma’ dak tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “Habitats”, b’tali mod li ż-ŻSP huma suġġetti għal sistema ta’ protezzjoni simili għal dik taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Konsegwentement, l-obbligu li jiġu previsti miżuri ta’ konservazzjoni speċjali msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” jinkludi l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni u miżuri speċifiċi għas-sit ikkonċernat, li għandhom effettivament jiġu implimentati.

114

Issa, il-Kummissjoni tosserva li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Slovakka ma kinitx adottat miżuri ta’ konservazzjoni speċjali fir-rigward tal-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fi ħdax mit-tnax-il ŻSP indikati għall-konservazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tinnota li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, seba’ ŻPS indikati għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi, inkluż l-iktar sit importanti għal din l-ispeċi, jiġifieri ż-ŻPS Nízke Tatry, ma kellhomx programmi ta’ manutenzjoni taż-żoni ta’ konservazzjoni.

115

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm l-Artikolu 26(6) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura tippermetti li tiġi stabbilita permezz ta’ digriet tal-Gvern il-projbizzjoni tal-attivitajiet li għandhom effett negattiv fuq il-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), dan l-Istat Membru ma implimentax tali projbizzjonijiet. Dan in-nuqqas ġie aċċettat mill-awtoritajiet Slovakki nnifishom, peress li l-Programm ta’ Konservazzjoni jeżiġi li d-digrieti li jindikaw iż-ŻPS jiġu emendati sabiex jistabbilixxu projbizzjonijiet għall-attivitajiet li għandhom effett negattiv fuq din l-ispeċi, li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, kien għadu mhux il-każ.

116

Qabel kollox, fir-rigward tal-ammissibbiltà, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mir-rikors tal-Kummissjoni, it-tielet ilment imqajjem minn din l-istituzzjoni jirrigwarda, fir-realtà, seba’ ŻPS biss u mhux ħdax jew tnax-il ŻPS.

117

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni, fil-kontroreplika tiegħu, li r-riferiment mill-Kummissjoni, fl-istadju tar-replika, tal-ġurisprudenza, kif imsemmija fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali ma għandhomx ikunu limitati għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati l-ħsarat u d-disturbi esterni kkawżati mill-bniedem, iżda għandhom ukoll, skont is-sitwazzjoni li tkun teżisti, jinkludu miżuri pożittivi intiżi għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-istat tas-sit, huwa inammissibbli sa fejn jikkostitwixxi lment ġdid.

118

Fir-rigward tal-mertu, ir-Repubblika Slovakka tirrispondi, fl-ewwel lok, li l-organu ta’ konservazzjoni tan-natura pprepara proposta ta’ siti ssorveljati permanenti għas-sorveljanza tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fil-kuntest tal-proġett tal-PO QE intitolat “Sorveljanza tal-Ispeċi u tal-Habitats ta’ Interess Komunitarju fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats u tad-Direttiva dwar l-Għasafar”. B’kollox, 54 sit ta’ din l-ispeċi ġew proposti għas-sorveljanza, fi ħdan iż-ŻPS kif ukoll barra minnhom, b’tali mod li, skont dan l-Istat Membru, is-sorveljanza kienet tinkludi kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni. Ir-Repubblika Slovakka tippreċiża li din is-sorveljanza hija żgurata permezz ta’ fornitur magħżul fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li għadha ma ġietx iffinalizzata.

119

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka tenfasizza, minn naħa, li l-eżekuzzjoni tal-programmi ta’ manutenzjoni approvati hija evalwata regolarment u, min-naħa l-oħra, fl‑10 ta’ Marzu 2021, minn 72 miżura proposta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tiegħu, 68 minnhom qegħdin jiġu eżegwiti.

120

Fit-tielet lok, dan l-Istat Membru jsostni li l-preparazzjoni tal-proġetti xjentifiċi ta’ programmi ta’ manutenzjoni ta’ sitt ŻPS tlestiet bejn Settembru 2020 u Jannar 2021. Għaż-ŻPS li kien fadal, iż-ŻPS Muránska planina-Stolica, tħabbar, fl‑24 ta’ Jannar 2020, proġett ta’ ħolqien ta’ park nazzjonali li jibbenefika minn protezzjoni provviżorja ta’ sentejn. Din il-protezzjoni tapplika wkoll għas‑76 sit ikkonċernat mill-proġett ta’ riżerva naturali “Pralesy Slovenska” sa mill-komunikazzjoni, bejn ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Novembru 2020, tal-avviżi pubbliċi li jikkonċernawhom.

121

Minn dan ir-Repubblika Slovakka tikkonkludi li l-assenza temporanja ta’ programmi ta’ manutenzjoni ma jfissirx madankollu li, fl-istennija tal-approvazzjoni tagħhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni ma ġewx implimentati fis-siti kkonċernati sabiex jiġi protett is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)   Fuq l-ammissibbiltà

122

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suġġett tat-tielet ilment, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa intiż sabiex jinvoka nuqqas sistematiku u persistenti tar-Repubblika Slovakka milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatti li l-Kummissjoni saret taf bihom wara l-ħruġ tal-opinjoni motivata tagħha setgħu jiġu rrilevati validament minn din l-istituzzjoni insostenn tar-rikors tagħha.

123

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-Repubblika Slovakka, li għalkemm il-Kummissjoni żviluppat, fir-rikors tagħha, argumenti dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw l-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fi ħdax mit-tnax-il ŻSP 12 indikati għall-konservazzjoni tiegħu, il-punt konklużiv tar-rikors f’dan ir-rigward kif ukoll il-kapijiet tat-talbiet tagħha ma jirrigwardawx, min-naħa l-oħra, dawn il-ħdax-il ŻPS, iżda biss 7 minnhom, jiġifieri ż-ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ż-ŻPS Tatry SKCHVU030, iż-ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, iż-ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, iż-ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, iż-ŻPS Malá Fatra SKCHVU013 u ż-ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051.

124

Għaldaqstant, hemm lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tielet ilment, li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-argumenti li l-Kummissjoni qajmet fir-rigward ta’ dawn is-seba’ ŻPS.

125

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Slovakka, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni llimitat ruħha, fir-replika tagħha, li tirriproduċi ċitazzjoni ġurisprudenzjali li għandha biss l-effett li tispjega argument li din l-istituzzjoni kienet diġà sostniet b’mod iktar ġenerali fir-rikors, li jikkonsisti f’li tfakkar li l-miżuri speċifiċi għaż-ŻPS previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv, permezz ta’ miżuri kompleti, ċari u preċiżi.

126

Għaldaqstant, għandu jitqies li din iċ-ċitazzjoni ġurisprudenzjali ma tbiddilx is-suġġett tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ma għandha ebda effett fuq il-portata tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Valuri limiti – PM10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata], b’tali mod li hemm lok li tiġi miċħuda l-inammisibbiltà imqajma mir-Repubblika Slovakka.

b)   Fuq il-mertu

127

Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”, l-id-deżinjazzjoni ta’ żona bħala ŻPS għall-konservazzjoni ta’ speċi timplika ż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi kostituttivi tal-habitat ta’ din iż-żona, fejn l-għan li jiġġustifika d-deżinjazzjoni ta’ din iż-żona huwa s-sopravivenza tal-ispeċi inkwistjoni u r-riproduzzjoni tagħha (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 35.

128

B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni teżiġi, taħt piena li tiġi mċaħħda minn kull effett utli, mhux biss l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u tal-ispeċi protetti fis-sit ikkonċernat, iżda wkoll, u fuq kollox, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213).

129

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-awtoritajiet Slovakki naqsux mill-obbligu tagħhom li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw l-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

130

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Slovakka tammetti, fir-risposta tagħha, li s-seba’ ŻPS imsemmija fit-tielet ilment huma preċiżament dawk li għalihom il-programmi ta’ manutenzjoni għadhom ma ġewx adottati.

131

Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jsostni li huwa konxju tal-ħtieġa u l-urġenza li tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) u li b’hekk irrikorra, b’mod effikaċi, għall-mezzi ġuridiċi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mil-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura.

132

Madankollu, din l-affermazzjoni ma hija sostnuta minn ebda riferiment għal programm ta’ manutenzjoni effettivament adottat u implimentat fi ħdan is-seba’ ŻPS ikkonċernati. Għalkemm huwa minnu, kif jirriżulta mir-risposta tar-Repubblika Slovakka u mid-dokumenti annessi magħha, li dan l-Istat Membru fassal u pprepara ċertu numru ta’ proġetti intiżi sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tal-habitats tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻPS indikati għal dan il-għan, bħalma huma, b’mod partikolari, it-tqassim taż-żoni tal-park nazzjonali “Muránska planina‑Stolica” kif ukoll il-ħolqien tar-riżerva naturali “Pralesy Slovenska”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn huma biss proġetti li, kemm fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kif ukoll fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, la kienu ffinalizzati u wisq inqas implimentati.

133

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali adottati wara deċiżjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tan-natura meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura, mill-elementi tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-miżuri huma ta’ natura temporanja u għandhom jiġu estiżi permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet sussegwenti, b’tali mod li l-protezzjoni żgurata minn din id-dispożizzjoni ma tistax toffri l-garanzija fit-tul taż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogllus) fiż-ŻPS ikkonċernati.

134

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wriet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li r-Repubblika Slovakka ma kinitx ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”. Konsegwentement, it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni, huwa fondat.

135

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi ma ħaditx il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali applikabbli għall-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻPS indikati għall-konservazzjoni tiegħu sabiex tiżgura s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tiegħu fiż-żona ta’ distribuzzjoni tiegħu (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013 u ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”.

136

Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

137

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li,

billi eżentat il-PMF u l-emendi tagħhom, il-qtugħ b’urġenza u l-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali mill-obbligu, meta dawn ikunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni Natura 2000, li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq iż-żona kkonċernata fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona;

billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni d-deterjorament tal-habitats u d-disturbi b’effetti sinjifikattivi fiż-ŻSP indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Chočské vrchy SKCHVU050, ŻPS Horná Orava SKCHVU008, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013, ŻPS Poľana SKCHVU022, ŻPS Slovenský Raj SKCHVU053, ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051 u ŻPS Strážovské vrchy SKCHVU028);

billi ma ħaditx il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali applikabbli għall-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻPS indikati għall-konservazzjoni tiegħu sabiex tiżgura s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tiegħu fiż-żona ta’ distribuzzjoni tiegħu (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013 u ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051),

ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”, rispettivament.

IV. Fuq l-ispejjeż

138

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Slovakka tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Għandu jiġi kkonstatat li:

billi eżentat il-programmi ta’ manutenzjoni tal-foresti u l-emendi tagħhom, il-qtugħ b’urġenza kif ukoll il-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu t-theddid għall-foresti u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi tal-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali mill-obbligu, meta dawn ikunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni Natura 2000, li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq iż-żona kkonċernata fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona;

billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni d-deterjorament tal-habitats u d-disturbi b’effetti sinjifikattivi fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻSP) indikati għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Chočské vrchy SKCHVU050, ŻPS Horná Orava SKCHVU008, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013, ŻPS Poľana SKCHVU022, ŻPS Slovenský Raj SKCHVU053, ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051 u ŻPS Strážovské vrchy SKCHVU028);

billi ma ħaditx il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali applikabbli għall-habitat tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) fiż-ŻPS speċjali indikati għall-konservazzjoni tiegħu sabiex tiżgura s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tiegħu fiż-żona ta’ distribuzzjoni tiegħu (ŻPS Nízke Tatry SKCHVU018, ŻPS Tatry SKCHVU030, ŻPS Veľká Fatra SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Volovské vrchy SKCHVU036, ŻPS Malá Fatra SKCHVU013 u ŻPS Levočské vrchy SKCHVU051),

ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, rispettivament.

 

2)

Ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

Top