Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0659

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta’ Settembru 2022.
    ET vs Ministerstvo životního prostředí.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší správní soud.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun irregolat il-kummerċ fihom – Regolament (KE) Nru 338/97 – Artikolu 8(3)(d) – Kunċett ta’ ‘kampjuni ta’ speċi ta’ annimali mwielda u mrobbija fil-magħluq’ – Regolament (KE) Nru 865/2006 – Punt 3 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘ħażna għat-trobbija’ – Punt 2 tal-Artikolu 54 – Stabbiliment tal-ħażna għat-trobbija – Kontroll tal-axxendenza.
    Kawża C-659/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:642

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    8 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun irregolat il-kummerċ fihom – Regolament (KE) Nru 338/97 – Artikolu 8(3)(d) – Kunċett ta’ ‘kampjuni ta’ speċi ta’ annimali mwielda u mrobbija fil-magħluq’ – Regolament (KE) Nru 865/2006 – Punt 3 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘ħażna għat-trobbija’ – Punt 2 tal-Artikolu 54 – Stabbiliment tal-ħażna għat-trobbija – Kontroll tal-axxendenza”

    Fil-Kawża C‑659/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

    ET

    vs

    Ministerstvo životního prostředí,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), J.-C. Bonichot, L.S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. Medina,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal ET, minn P. Pařil, advokát,

    għall-Gvern Ċek, minn L. Dvořáková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Slovakk, minn S. Ondrášiková, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u C. Valero, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 1 u tal-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal‑4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU 2006, L 166, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura fil-kassazzjoni bejn ET u l-Ministerstvo životního prostředí (il-Ministeru għall-Ambjent, ir-Repubblika Ċeka) dwar l-għoti ta’ deroga mill-projbizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali għal ħames kampjuni ta’ pappagall Makaw Blu (Anodorhynchus hyacinthinus).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt internazzjonali

    3

    Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, iffirmata f’Washington fit‑3 ta’ Marzu 1973 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 993, Nru I-14537, iktar ’il quddiem iċ-“CITES”), għandha l-għan li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali tal-ispeċi elenkati fl-annessi tagħha, kif ukoll tal-partijiet u d-derivati tagħhom, ma jippreġudikax il-konservazzjoni tal-biodiversità, u jkun ibbażat fuq użu sostenibbli ta’ speċi selvaġġi.

    4

    Iċ-CITES, li għaliha l-Unjoni Ewropea saret parti fit‑8 ta’ Lulju 2015, ġiet implimentata fi ħdan l-Unjoni mill‑1 ta’ Jannar 1984 bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82 tat‑3 ta’ Diċembru 1982 dwar l-Implimentazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (ĠU 1982, L 384, p. 1). Dan ir-regolament tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad‑9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 136), li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi li dan tal-aħħar għandu japplika b’osservanza tal-għanijiet, tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet taċ-CITES.

    5

    L-Artikolu II(1) taċ-CITES, intitolat “Prinċipji Fundamentali”, jipprevedi:

    “L-Appendiċi I għandu jinkludi l-ispeċijiet kollha li jinsabu fil-periklu li jinqerdu li huma jew li jistgħu ikunu affettwati mill-kummerċ. Il-kummerċ fl-eżemplari ta’ dawn l-ispeċijiet għandu jkun suġġett għal regolamentazzjoni partikolarment stretta sabiex ma jipperikolax aktar is-sopravivenza tagħhom u għandu jkun awtorizzat biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.”

    6

    Mit‑22 ta’ Ottubru 1987, l-ispeċi Makaw Blu tifforma parti mill-Anness I taċ-CITES.

    7

    Il-paragrafu 1(ċ) tar-Riżoluzzjoni 10.16 tal-Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni Konf. 10.16”), intitolat “Dwar it-terminoloġija”, huwa fformulat kif ġej:

    “[Il-Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES] TADOTTA d-definizzjonijiet li ġejjin tal-espressjonijiet użati f’din ir-riżoluzzjoni:

    […]

    (ċ)

    ‘ħażna għat-trobbija’ ta’ operazzjoni ta’ trobbija tfisser l-annimali kollha f’operazzjoni ta’ trobbija li jintużaw għar-riproduzzjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    8

    Il-paragrafu 2(b)(ii)(A) ta’ din ir-riżoluzzjoni, intitolat “Dwar l-espressjoni ‘mrobbija fil-magħluq’”, jipprovdi:

    “[Il-Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES] TIDDEĊIEDI

    […]

    (b)

    li l-espressjoni “mrobbija fil-magħluq” hija interpretata fis-sens li tagħmel riferiment biss għal kampjuni, skont id-definizzjoni ta’ dan it-terminu mogħtija fl-Artikolu I(b) [taċ-CITES], imwielda jew prodotti b’mod ieħor f’ambjent ikkontrollat u li tapplika biss jekk:

    […]

    (ii)

    il-ħażna għat-trobbija, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet governattivi kompetenti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni:

    A.

    tkun ġiet ikkostitwita konformement mad-dispożizzjonijiet taċ-CITES u mal-liġijiet nazzjonali rilevanti u b’mod li ma jkunx ta’ detriment għas-sopravivenza tal-ispeċi fil-ħajja selvaġġa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    9

    Il-paragrafu 5(a) tar-Riżoluzzjoni 12.10 tal-Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni Konf. 12.10”), jistipula:

    “[Il-Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES] TIDDEĊIEDI:

    (a)

    li operazzjoni tista’ tiġi rreġistrata skont il-proċedura stabbilita f’din ir-riżoluzzjoni biss jekk il-kampjuni li hija tipproduċi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ‘mrobbija fil-magħluq’ skont id-dispożizzjonijiet tal-Riżoluzzjoni Konf. 10.16” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10

    L-Anness I tar-Riżoluzzjoni Konf. 12.10, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-Segretarjat mill-Awtorità Amministrattiva dwar l-operazzjonijiet li għandhom jiġu rreġistrati”, jistabbilixxi lista ta’ sittax-il kategorija ta’ informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lis-Segretarjat taċ-CITES, li tinkludi, b’mod partikolari, l-isem u l-indirizz tas-sid u tal-amministratur tal-operazzjoni ta’ trobbija fil-magħluq, id-data ta’ meta bdiet u d-deskrizzjoni tal-faċilitajiet intiżi sabiex tinżamm il-ħażna u tiġi prekluża l-ħarba tal-kampjuni.

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament Nru 338/97

    11

    Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 338/97 tistipula:

    “Billi hemm il-ħtieġa, sabiex tkun assigurata l-aktar protezzjoni wiesgħa possibbli għal kampjuni koperti b’dan ir-Regolament, li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet biex ikunu kontrollati l-kummerċ u l-moviment ta’ kampjuni fil-Komunità, u l-kondizzjonijiet dwar fejn jinżammu dawn il-kampjuni; billi ċ-ċertifikati maħruġa permezz ta’ dan ir-Regolament, li jikkontribwixxu għall-kontroll ta’ dawn l-attivitajiet, għandhom ikunu regolati b’regoli komuni dwar il-ħruġ, validità u l-użu tagħhom”.

    12

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 338/97, intitolat “L-Għan”:

    “L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jipproteġi l-ispeċi ta’ fawna u flora salvaġġi u li jiggarantixxi l-konservazzjoni tagħhom billi jirregola l-kummerċ fihom skond l-Artikoli li ġejjin”.

    13

    L-Artikolu 8(1), (2) u (3)(d) tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ attivitajiet kummerċjali”, jipprevedi:

    “1.   Ix-xiri, l-offerta għax-xiri, il-ksib għal għanijiet kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, l-użu għal qliegħ u l-bejgħ kummerċjali, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew it-trasport għal bejgħ ta’ kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness A għandu jkun projbit.

    2.   Stati Membri jistgħu jipprojbixxu li wiehed iżomm kampjuni, partikolarment ta’ annimali ħajjin ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness A.

    3.   Skond il-ħtiġijiet ta’ leġislazzjoni oħra tal-Komnunità dwar il-konservazzjoni ta’ fawna u flora salvaġġi, eżenzjoni mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tingħata bil-ħruġ ta’ ċertifikat għal dak l-iskop mill-awtorità amministrattiva ta’ l-Istat Membru li fih ikunu jinsabu l-kampjuni, fuq il-bażi ta’ każ każ meta l-kampjuni:

    […]

    (d)

    kienu [ikunu] kampjuni li twieldu u trabbew fil-magħluq ta’ speċi ta’ annimali jew kampjuni ta’ speċi [ta’ pjanti] mnisslin artifiċjalment jew partijiet jew derivattivi ta’ kampjuni bħal dawk”.

    14

    L-ispeċi Anodorhynchus, li tinkludi l-annimali li għandhom l-isem komuni “Makawi blu”, tinsab fl-Anness A ta’ dan l-istess regolament.

    Ir‑Regolament Nru 865/2006

    15

    Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 865/2006 hija redatta kif ġej:

    “Hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 338/97 u sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet [taċ-CITES]”

    16

    Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 338/97, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (3)

    ‘ħażna għat-trobbija’ tfisser l-annimali kollha f’operazzjoni ta’ trobbija li jintużaw għar-riproduzzjoni”.

    17

    L-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kampjuni ta’ speċi ta’ annimali mwielda u mrobbija fil-magħluq”, jistipula, fil-punt 2 tiegħu:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 55, kampjun ta’ speċi ta’ annimal għandu jitqies biss bħala li twieled u trabba fil-magħluq jekk awtorità amministrattiva kompetenti, b’konsultazzjoni ma’ awtorità xjentifika kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, tkun issodisfata li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (2)

    il-ħażna għat-trobbija ġiet stabbilita skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għaliha waqt l-akkwist u b’mod li ma tkunx detrimentali għas-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernati fl-ambjent naturali tagħhom”.

    18

    Skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 865/2006, intitolat “L-istabbiliment tal-antenati”:

    “Meta, għall-finijiet tal-Artikoli 54, 62(1) jew 63(1), awtorità kompetenti tikkunsidra li jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-antenati ta’ annimal permezz ta’ analiżi tad-demm jew ta’ xi tessut ieħor, din l-analiżi, jew il-kampjuni meħtieġa, għandhom ikunu disponibbli bil-mod stabbilit minn dik l-awtorità.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    19

    ET ikabbar pappagalli fir-Repubblika Ċeka. Fil‑21 ta’ Jannar 2015, huwa talab lill-krajský úřad (l-Awtorità Reġjonali, ir-Repubblika Ċeka) kompetenti għall-għoti ta’ deroga mill-projbizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali għal ħames kampjuni ta’ pappagalli Makaw Blu (Anodorhynchus hyacinthinus) imwielda matul is-sena 2014 fil-magħluq.

    20

    In-nanniet ta’ dawn il-pappagalli (iktar ’il quddiem il-“par nanniet”), ġew importati, inizjalment, fi Bratislava (is-Slovakkja) minn ċittadin Urugwajan u, sussegwentement, permezz ta’ vettura, fir-Repubblika Ċeka fix-xahar ta’ Ġunju 1993, minn FU, f’ċirkustanzi inkompatibbli maċ-CITES.

    21

    Waqt it-trasport fir-Repubblika Ċeka, il-vettura twaqqfet fil-fruntiera mill-awtoritajiet doganali u l-par nanniet ġie sussegwentement ikkonfiskat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva. Madankollu, din ġiet annullata mill-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) matul is-sena 1996.

    22

    L-awtorità amministrattiva kompetenti għaldaqstant tat il-par nanniet lura lil FU, li sussegwentement tah, b’self, lil terza persuna, imsejħa GV. Din kisbet par minnhom, matul is-sena 2000, li hija rabbiet (iktar ’il quddiem il-“par ġenituri”). ET akkwista din il-koppja mingħand GV, matul din l-istess sena, mingħajr ma ġiet ikkontestata l-validità tat-trasferiment tal-proprjetà.

    23

    L-Awtorità Reġjonali kompetenti rrifjutat li tagħti d-deroga mitluba, fil‑21 ta’ Jannar 2015, minn ET, billi bbażat ruħha fuq l-opinjoni tal-Agentura ochrany přírody a krajiny ČR (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tan-Natura u tal-Pajsaġġ tar-Repubblika Ċeka), li kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-akkwist tal-ħażna għat-trobbija minn ET mal-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 856/2006. Skont din l-opinjoni, ma setax jiġi affermat b’ċertezza li din il-ħażna kienet ġiet ikkostitwita konformement mad-dispożizzjonijiet legali, peress li r-reġistri tal‑1998, li jsemmu l-par nanniet, kienu jinkludu diversi irregolaritajiet u ma kinux jirriproduċu informazzjoni oħra dwar l-oriġini tal-kampjuni inkwistjoni.

    24

    ET ippreżenta rikors amministrattiv kontra dan ir-rifjut, li fil-kuntest tiegħu huwa sostna li l-Awtorità Reġjonali kompetenti kienet għamlet qari żbaljat tal-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, peress li tali ħażna hija kkostitwita biss, fil-fehma tiegħu, mill-par ġenituri u d-dixxendenti tagħhom, b’tali mod li din l-awtorità ma kinitx awtorizzata teżamina l-oriġini tal-par nanniet.

    25

    Il-Ministeru għall-Ambjent ċaħad dan ir-rikors, billi qies li l-mod li bih ġie akkwistat il-par nanniet kien determinanti u li ma setgħetx tingħata deroga lil ET, peress li dan ma kienx f’pożizzjoni li juri l-oriġini ta’ dan il-par.

    26

    ET ippreżenta rikors fil-konfront tad-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors amministrattiv tiegħu quddiem il-Krajský soud v Hradci Králové (il-Qorti Reġjonali ta’ Hradec Králové, ir-Repubblika Ċeka).

    27

    Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors għar-raġuni li l-kummerċ tal-pappagalli tal-ispeċi Anodorhynchus jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 ikunu ssodisfatti. Issa, skont l-imsemmija qorti, l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament ma kienet issodisfatta f’dan il-każ.

    28

    B’mod iktar partikolari, il-Krajský soud v Hradci Králové (il-Qorti Reġjonali ta’ Hradec Králové) ikkonstatat fis-sentenza tagħha li, fid-data tal-importazzjoni tal-par nanniet fir-Repubblika Ċeka, iċ-CITES kienet fis-seħħ f’dan l-Istat Membru u integrata fl-ordinament intern mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din il-qorti qieset li, minn naħa, skont id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni taċ-CITES fid-dritt Ċek, huwa aċċettat li tiġi eżaminata l-oriġini tal-ħażna għat-trobbija sal-par nanniet u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens tar-Regolament Nru 865/2006, ikopri, f’dan il-każ, it-tliet ġenerazzjonijiet ta’ pappagalli, u li, għaldaqstant, l-Awtorità Reġjonali kompetenti setgħet teżiġi l-prova tal-oriġini tal-koppja tan-nanniet.

    29

    ET appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), billi sostna li l-Krajský soud v Hradci Králové (il-Qorti Reġjonali ta’ Hradec Králové) kienet għamlet qari żbaljat tal-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens tar-Regolament Nru 865/2006.

    30

    In-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tirrileva li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, li l-par ġenituri twieldu fil-magħluq, matul is-sena 2000, fir-Repubblika Ċeka u li l-akkwist tagħhom minn ET kien, bħala tali, legali u, min-naħa l-oħra, li l-oriġini tal-par nanniet ma hijiex ċerta. Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, jinkludix ukoll l-axxendenti ta’ tali annimali li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru.

    31

    Fit-tieni lok, jekk il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija” kellu jiġi interpretat b’mod strett, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “stabbiliment” ta’ tali ħażna, li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, ikoprix biss, f’dan il-każ, l-akkwist tal-par ġenituri użati għar-riproduzzjoni jew, għall-kuntrarju, il-bidu tal-linja ta’ trobbija, jiġifieri, f’dan il-każ, l-akkwist tal-par nanniet.

    32

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċerti ċirkustanzi speċifiċi għandhomx ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal deroga mitluba minn ET.

    33

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar li ET akkwista l-par ġenituri b’mod legali u li, fid-data ta’ dan l-akkwist, minn naħa, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx tagħmel parti mill-Unjoni u, min-naħa l-oħra, minkejja li ċ-CITES kienet fis-seħħ f’dan il-pajjiż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha ma kinitx teżiġi li ċertifikat, fis-sens taċ-CITES, jingħata fil-każ ta’ trasferiment fi ħdan l-istess Stat. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li ET seta’ kellu aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li l-kummerċ tad-dixxendenti ta’ dan il-par ġenituri huwa awtorizzat, għall-inqas fir-Repubblika Ċeka.

    34

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-par nanniet ingħataw lura lil FU bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jista’ jkollu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal deroga, bħall-argument ta’ ET li l-kummerċ tal-kampjuni mwielda fil-magħluq inaqqas it-talba għax-xiri illegali ta’ kampjuni maqbuda fis-selvaġġ. Fl-aħħar nett, din il-qorti ssostni li, fil-każ li d-deroga mitluba minn ET ma tingħatalux, id-dritt tiegħu għall-proprjetà jiġi redott għad-dritt li jżomm il-par ġenituri u, eventwalment, id-dixxendenti tagħhom, mingħajr ma jkun jista’ jiddisponi legalment minnhom.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kampjuni li huma l-ġenituri ta’ kampjuni mrobbija minn persuna li trabbi approvata, għalkemm din tal-aħħar qatt ma kellha l-pussess jew qatt ma kienet id-detentriċi tagħhom, jiffurmaw parti mill-‘ħażna għat-trobbija’ fis-sens tar-Regolament [Nru 865/2006]?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-kampjuni ġenituri ma jifformawx parti mill-ħażna għat-trobbija, l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt, fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tar-rekwiżit previst fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament [Nru 865/2006], dwar l-istabbiliment legali tal-ħażna bla ħsara għas-sopravivenza tal-kampjuni mill-ambjent naturali, li jivverifikaw l-oriġini tal-kampjuni ġenituri u li minn dan jisiltu konklużjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-ħażna għat-trobbija ġietx stabbilita konformement mar-regoli previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament?

    3)

    Fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tar-rekwiżit previst fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament [Nru 865/2006], dwar l-istabbiliment legali tal-ħażna bla ħsara għas-sopravivenza tal-kampjuni mill-ambjent naturali, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra tal-kwistjoni (b’mod partikolari l-bona fide waqt iċ-ċessjoni tal-kampjuni u l-aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-kummerċ tal-eventwali dixxendenti tagħhom ser ikun possibbli, u, jekk ikun il-każ, anki l-leġiżlazzjoni inqas severa fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea)?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    36

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-axxendenti tal-kampjuni mrobbija f’operazzjoni ta’ trobbija, li qatt ma kienu fil-pussess jew miżmuma minn din l-operazzjoni.

    37

    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Falsifikazzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bankarju), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni litterali tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006, minn din id-dispożizzjoni jsegwi li l-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija” jinkludi l-annimali kollha f’operazzjoni ta’ trobbija li jintużaw għar-riproduzzjoni.

    39

    Bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali, fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tagħha, il-formulazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006 ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tneħħi l-ambigwità dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni, peress li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha jissuġġerixxu tifsiriet diversi. Fil-fatt, filwaqt li minn diversi verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjoni Spanjola, Ġermaniża, Franċiża jew Latvjana, jirriżulta li huma biss l-annimali, preżenti f’operazzjoni ta’ trobbija, jiġifieri f’sit partikolari li għandu strutturi xierqa sabiex jiżguraw trobbija ta’ annimali, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Griega, Ingliża, Kroata jew Slovena, jagħmlu riferiment b’mod iktar wiesa’ għall-annimali kollha ta’ proċess ta’ trobbija, u jkopru potenzjalment axxendenti ta’ kampjuni li konkretament qatt ma kienu fil-pussess jew miżmuma minn operazzjoni ta’ trobbija.

    40

    Issa, huwa paċifiku li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, A, C‑950/19, EU:C:2021:230, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, il-kuntest li jidħol fih il-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006 kif ukoll l-għanijiet segwiti minn din id-dispożizzjoni u mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma tindika l-premessa 1 tar-Regolament Nru 865/2006, li dan tal-aħħar għandu bħala għan, minn naħa, li jiżgura l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 338/97 u, min-naħa l-oħra, li jiżgura l-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet taċ-CITES, u li b’dan il-mod jiggarantixxi, bħalma tenfasizza l-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-protezzjoni l-iktar kompleta possibbli tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi permezz tal-kontroll tal-kummerċ tagħhom.

    43

    Issa, bħalma enfasizzat l-Avukata Ġenerali fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 19 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-Anness I tar-Riżoluzzjoni Konf. 12.10 isegwi li, fil-kuntest taċ-CITES, ir-reġistrazzjoni ta’ operazzjoni ta’ trobbija fil-magħluq teħtieġ l-identifikazzjoni preċiża ta’ tali operazzjoni, tas-sid u l-amministratur tagħha kif ukoll tal-faċilitajiet fejn tkun tgħammar il-ħażna. Għaldaqstant, dan il-kunċett ta’ “operazzjoni” ma jistax jinftiehem, fil-kuntest tar-Regolament Nru 865/2006, bħala li jagħmel riferiment għal sempliċi proċess ta’ trobbija, separat minn kull operazzjoni fiżika konkreta.

    44

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jsegwi li l-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 865/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-axxendenti tal-kampjuni mrobbija f’operazzjoni ta’ trobbija, li qatt ma kienu fil-pussess jew miżmuma minn din l-operazzjoni.

    Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

    45

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 338/97, huwa pprojbit li jinbiegħu kampjuni ta’ speċi elenkati fl-Anness A ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw minn tali projbizzjoni, b’mod partikolari, meta l-kampjuni ta’ speċi ta’ annimali elenkati f’dan l-Anness A u mitluba li jinbiegħu jkunu kampjuni mwielda u mrobbija fil-magħluq. Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, kampjun ta’ speċi ta’ annimal jitqies bħala mwieled u mrobbi fil-magħluq biss jekk korp ta’ ġestjoni jkollu ċ-ċertezza li, b’mod partikolari, il-ħażna għat-trobbija ġiet stabbilita konformement mad-dispożizzjonijiet legali li kienu applikabbli għaliha fid-data tal-akkwist u b’mod li ma jippreġudikax is-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fin-natura.

    46

    It-tieni, mill-proċess li tiddisponi l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ġiet irrifjutata lil ET l-awtorizzazzjoni li jbigħ il-pappagalli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li dawn ma setgħux jitqiesu li twieldu u trabbew fil-magħluq, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 338/97, minħabba l-fatt li l-par nanniet kien ġie importat, minn terz, fir-Repubblika Ċeka, b’mod irregolari. Konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, dan il-par ma jistax jitqies bħala li jifforma parti mill-ħażna għat-trobbija miżmuma minn ET, peress li din qatt ma kienet fil-pussess tiegħu jew miżmuma.

    47

    It-tielet, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi wkoll li huwa possibbli li jiġu ddeterminati, fost l-axxendenza tal-pappagalli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kampjuni li ttieħdu mis-selvaġġ peress li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li, f’dan il-każ, dan huwa l-par nanniet.

    48

    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domanda.

    49

    Għaldaqstant, hemm lok jitqies li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk il-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta) u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li kampjun, miżmum minn persuna li trabbi l-annimali, ta’ speċi ta’ annimal imsemmija fl-Anness A tar-Regolament Nru 338/97, ikun jista’ jitqies bħala mwieled u mrobbi fil-magħluq, fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, meta axxendenti ta’ dan il-kampjun, li ma jagħmlux parti mill-ħażna għat-trobbija ta’ din il-persuna li trabbi l-annimali, ġew akkwistati minn terz, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jew b’mod li jippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fis-selvaġġ.

    50

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha.

    51

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 338/97, sa fejn jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tikkonsisti fil-projbizzjoni ta’ kull użu kummerċjali ta’ kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness A tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li fihom il-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 jippermetti li jitqies li kampjun ta’ speċi ta’ annimal twieled u trabba fil-magħluq għandhom ukoll ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, sa fejn din id-dispożizzjoni hija intiża li tippreċiża l-portata ta’ dan l-Artikolu 8(3).

    52

    Bħalma enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu II(1) taċ-CITES, skont liema l-kummerċ tal-kampjuni tal-ispeċi mhedda b’estinzjoni għandu jkun suġġett għal leġiżlazzjoni partikolarment stretta sabiex ma tiġix ipperikolata iktar is-sopravvivenza tagħhom, u għandu jiġi awtorizzat biss f’kundizzjonijiet eċċezzjonali.

    53

    Fit-tieni lok, bħalma rrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, il-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 jagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “stabbiliment” tal-ħażna għat-trobbija. Issa, dan il-kunċett għandu portata wiesgħa u jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-eżami tal-konformità ta’ tali ħażna għat-trobbija mar-rekwiżiti imposti minn din id-dispożizzjoni, ta’ avvenimenti preċedenti għall-akkwist, innifsu, tal-ħażna għat-trobbija mill-persuna li trabbi l-annimali.

    54

    Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 865/2006 li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżaminaw l-axxendenza ta’ annimal għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi, fil-fatt, bħalma indikat l-Avukata Ġenerali, fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw l-axxendenza tal-ħażna għat-trobbija sabiex jivverifikaw li l-kriterji stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 ġew osservati.

    55

    Barra minn hekk, l-għan imfittex mir-Regolament Nru 865/2006, kif imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jimmilita favur l-interpretazzjoni li tgħid li l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jeżaminaw l-axxendenza ta’ ħażna għat-trobbija fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal ċertifikat ta’ deroga għall-bejgħ tal-kampjuni mwielda u mrobbija fil-magħluq.

    56

    F’dan ir-rigward, bħalma enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-paragrafu 2(b)(ii)(A) tar-Riżoluzzjoni Konf. 10.16. Din ġiet adottata fid-dawl tat-tħassib dwar il-fatt li parti kbira tal-kummerċ ta’ kampjuni ddikjarati bħala mwielda u mrobbija fil-magħluq għadha tiġi pprattikata bi ksur taċ-CITES u tar-riżoluzzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES, u tista’ tkun ta’ ħsara għas-sopravivenza tal-popolazzjonijiet slavaġ tal-ispeċi kkonċernati.

    57

    Għalhekk, l-interpretazzjoni li tgħid li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom is-setgħa li jeżaminaw l-axxendenza ta’ ħażna għat-trobbija hija konformi mal-għan imfittex miċ-CITES intiż sabiex jissaħħaħ il-kontroll tal-axxendenza tal-kampjuni mwielda u mrobbija fil-magħluq.

    58

    Madankollu, għalkemm il-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 jeżiġi li dawn l-awtoritajiet jikkontrollaw il-mod li bih l-axxendenti tal-ħażna għat-trobbija tneħħew mill-ambjent naturali tagħhom sabiex jiżguraw li din it-tneħħija ma seħħitx b’mod li jippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi fl-ambjent naturali, min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li din ma timponix fuq l-imsemmija awtoritajiet l-obbligu li jikkontrollaw jekk l-axxendenti tal-ħażna għat-trobbija ġewx akkwistati konformement mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli fid-data tal-akkwist tagħhom, iżda biss li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-akkwist tal-ħażna għat-trobbija ġew osservati.

    59

    Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk ħażna għat-trobbija ġietx ikkostitwita b’mod li jippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fis-selvaġġ minħabba t-tneħħija ta’ axxendent ta’ din il-ħażna mill-ambjent naturali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat tal-ispeċi kkonċernata fil-mument ta’ din it-tneħħija. Meta, f’din id-data, bħal f’dan il-każ, din l-ispeċi kienet taqa’ taħt l-Anness I taċ-CITES, it-tneħħija tagħha għandha, fi kwalunkwe każ, titqies bħala li tippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fis-selvaġġ u ebda Stat Membru ma għandu jkun jista’ jagħti deroga mill-projbizzjoni li jinbiegħu l-kampjuni li ġejjin minn dan l-axxendent, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 338/97.

    60

    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-aspetti prattiċi tal-eżami skont il-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, sa fejn din id-dispożizzjoni, minn naħa, teżiġi li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi b’ċertezza li l-kriterji stabbiliti fiha huma ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, ma tistabbilixxix il-modalitajiet ta’ tali eżami u lanqas il-provi li jippermettu li jintwera li dawn il-kriterji huma ssodisfatti, għandu jitqies li l-kompitu li jiġu stabbiliti tali modalitajiet u tali mezzi jitħalla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn il-provi jinkludu l-permessi jew iċ-ċertifikati previsti minn dan l-istess regolament jew kull dokument xieraq ieħor li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu bħala utli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Rubach, C‑344/08, EU:C:2009:482, punt 27).

    61

    Konsegwentement, tali modalitajiet ta’ eżami jistgħu b’mod partikolari, bħalma enfasizzat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali, fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tagħha, jiddependu mill-evalwazzjoni tar-riskji skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni u jinkludu wkoll l-eżami tad-dokumentazzjoni dwar l-akkwist tal-ħażna għat-trobbija.

    62

    Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni li jsir il-bejgħ ta’ kampjuni li wieħed mill-axxendenti tagħhom inkiseb b’mod li jippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi fis-selvaġġ, li tirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament Nru 338/97 u tal-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006, ma hijiex inkompatibbli mad-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun is-suġġett, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, ta’ restrizzjoni ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Hemm lok jiġi rrilevat li l-protezzjoni tal-ispeċi selvaġġi tikkostitwixxi tali għan leġittimu ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel, C‑219/07, EU:C:2008:353, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Barra minn hekk, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Regolamenti Nru 338/97 u Nru 865/2006 jagħmlu bbilanċjar ibbilanċjat bejn dan id-dritt u r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-ispeċi selvaġġi. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li tali rekwiżiti jippermettu li jiġi ġġustifikat li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kampjuni ta’ speċi mhedda b’estinzjoni tkun, bħala prinċipju, ipprojbita. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-argument ta’ ET li din il-kummerċjalizzazzjoni tista’ tnaqqas l-ammont ta’ qbid ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi fis-selvaġġ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali kummerċjalizzazzjoni tikkontribwixxi għall-ħolqien, għaż-żamma jew għall-estensjoni ta’ suq intiż għall-akkwist ta’ tali kampjuni. Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jqis li l-eżistenza stess ta’ tali suq tikkostitwixxi, sa ċertu punt, theddida għas-sopravivenza ta’ speċi mhedda b’estinzjoni.

    66

    Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-elementi invokati mill-qorti tar-rinviju dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ta’ ET fil-fatt li huwa seta’ jikkummerċjalizza d-dixxendenti tal-ħażna għat-trobbija tiegħu, dawn ma jistgħux iwasslu għal konklużjoni oħra.

    67

    L-ewwel, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, anki fl-ipoteżi fejn l-awtorità kompetenti tasal għall-konklużjoni li l-istabbiliment tal-ħażna għat-trobbija kien legali fid-data tal-akkwist tagħha, din il-konklużjoni ma tistax waħedha tkun biżżejjed sabiex tippermetti deroga mill-projbizzjoni ta’ bejgħ tal-kampjuni li jirriżultaw minn din il-ħażna sa fejn, bħalma tfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ikun għad irid jiġi żgurat li l-istabbiliment ta’ din il-ħażna għat-trobbija ma ppreġudikax is-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fis-selvaġġ.

    68

    It-tieni, il-fatt li l-qafas leġiżlattiv fis-seħħ kien inqas sever mal-akkwist minn ET, matul is-sena 2000, tal-ħażna għat-trobbija tiegħu, peress li r-Repubblika Ċeka kienet għadha ma kinitx, f’din id-data, membru tal-Unjoni, lanqas ma huwa rilevanti.

    69

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprekludi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Skarb Państwa (Kopertura tal-assigurazzjoni għal vetturi bil-mutur), C‑428/20, EU:C:2021:1043, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    It-tielet, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-par nanniet, f’dan il-każ, ingħata lura lill-importatur tagħhom, skont deċiżjoni ġudizzjarja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, minħabba d-data li fiha ngħatat din id-deċiżjoni, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, tali deċiżjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ħażna għat-trobbija, li għandu ET, ġietx stabbilita konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006.

    71

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jsegwi li l-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 865/2006 moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kampjun, miżmum minn persuna li trabbi l-annimali, ta’ speċi tal-annimali msemmija fl-Anness A tar-Regolament Nru 338/97, ikun jista’ jitqies bħala li twieled u trabba fil-magħluq, fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, meta axxendenti ta’ dan il-kampjun, li ma jagħmlux parti mill-ħażna għat-trobbija ta’ din il-persuna li trabbi l-annimali, ġew akkwistati minn terz, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, b’mod li jippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fis-selvaġġ.

    Fuq l‑ispejjeż

    72

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal‑4 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħażna għat-trobbija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-axxendenti tal-kampjuni mrobbija f’operazzjoni ta’ trobbija, li qatt ma kienu fil-pussess jew miżmuma minn din l-operazzjoni.

     

    2)

    Il-punt 2 tal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 865/2006 moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    jipprekludi li kampjun, miżmum minn persuna li trabbi l-annimali, ta’ speċi tal-annimali msemmija fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill Nru 338/97 tad‑9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, ikun jista’ jitqies bħala li twieled u trabba fil-magħluq, fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, meta axxendenti ta’ dan il-kampjun, li ma jagħmlux parti mill-ħażna għat-trobbija ta’ din il-persuna li trabbi l-annimali, ġew akkwistati minn terz, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, b’mod li jippreġudika s-sopravivenza tal-ispeċi kkonċernata fis-selvaġġ.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

    Top