EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0652

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2022.
HW et vs Allianz Elementar Versicherungs AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni – Artikolu 11(1)(b) – Azzjoni mibdija mid-detentur tal-polza ta’assigurazzjoni, mill-persuna assigurata jew mill-benefiċjarju – Possibbiltà li l-assiguratur jiġi mfittex quddiem il-qorti tal-post fejn il-persuna li tressaq it-talba hija domiċiljata – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali ta’ qorti ta’ Stat Membru – Artikolu 13(2) – Azzjoni diretta mibdija mill-persuna leża kontra l-assiguratur – Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru u li għandu stabbiliment fi Stat Membru ieħor imħarrek quddiem il-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jaqa’ dan l-istabbiliment.
Kawża C-652/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:514

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

30 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni – Artikolu 11(1)(b) – Azzjoni mibdija mid-detentur tal-polza ta’assigurazzjoni, mill-persuna assigurata jew mill-benefiċjarju – Possibbiltà li l-assiguratur jiġi mfittex quddiem il-qorti tal-post fejn il-persuna li tressaq it-talba hija domiċiljata – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali ta’ qorti ta’ Stat Membru – Artikolu 13(2) – Azzjoni diretta mibdija mill-persuna leża kontra l-assiguratur – Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru u li għandu stabbiliment fi Stat Membru ieħor imħarrek quddiem il-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jaqa’ dan l-istabbiliment.”

fil-Kawża C‑652/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, Ir-Rumanija), permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2020, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura,

HW,

ZF,

MZ

vs

Allianz Elementar Versicherungs AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,

Għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, HW, ZF u MZ, tliet persuni fiżiċi domiċiljati fir-Rumanija, u, min-naħa l-oħra, l-Allianz Elementar Versicherungs AG, kumpannija stabbilita fl-Awstrija iżda rrappreżentata mill-korrispondent Rumen tagħha, fir-rigward ta’ rikors għad-danni ppreżentat mill-imsemmija persuni, li jallegaw li huma l-benefiċjarji ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn din il-kumpannija u r-responsabbli tal-inċident li kkawża l-mewt ta’ membru tal-familja tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 15, 16, 18 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. […]

[…]

(18)

B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 [tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [ta’ din il]-Konvenzjoni […] [u tar]-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li fiha jinsabu l-Artikoli 4 sa 6 ta’ dan ir-regolament.

5

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

L-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7

Fit-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, ta’ dan il-Kapitolu II, jinsab l-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 li jistipula:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

5)

fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

[…]”.

8

It-taqsima 3, intitolata “Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni”, tal-imsemmi Kapitolu II tinkludi l-Artikoli 10 sa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012.

9

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprevedi

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7.”

10

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament jistipula:

“1.   Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn ikun domiċiljat;

b)

fi Stat Membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn ir-rikorrent [il-persuna li tressaq it-talba] ikun domiċiljat; jew

[…]

2.   Assiguratur li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, ikun meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru.”

11

Skont kliem l-Artikolu 13 tal-istess regolament:

“1.   Fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità, l-assiguratur jista’ wkoll, jekk tippermetti l-liġi tal-qorti, jiġi kjamat fil-proċedimenti li l-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tkun ressqet kontra l-assiguratur.

2.   L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta tali azzjonijiet diretti jkunu permessi.

[…]”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fit-22 ta’ Diċembru 2017, ix-xufier u l-passiġġier ta’ vettura mietu f’aċċident tat-traffiku kkawżat, minn tal-inqas parzjalment, b’tort tal imsemmi xufier. Il-vettura inkwistjoni kienet irreġistrata fl-Awstrija u assigurata ma Allianz Elementar Versicherung, li l-uffiċju rreġistrat tagħha jinsab f’dan l-Istat Membru.

13

Fis-17 ta’ Frar 2020, sabiex jiksbu kumpens għad-danni morali subiti minnhom, tliet membri tal-familja estiża tal-passiġġier deċedut, kollha kemm huma domiċiljati fir-Rumanija, ħarrku lill-Allianz Elementar Versicherung, irrappreżentata mill-korrispondent Rumen tagħha Allianz-Țiriac Asigurări SA, quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-uffiċċju rreġistrat ta’ dan il-korrispondent.

14

B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-qorti tar-rinviju vverifikat ex officio il-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali rispettiva tagħha.

15

Fid-dawl tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 31), li, skont il-qorti tar-rinviju, tirrigwarda dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 44/2001, l-imsemmija qorti tqis li hija rilevanti, għall-finijiet tal-imsemmija verifika, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 13(2) tiegħu fil-każ ta’ azzjoni diretta mressqa mill-persuna leża kontra l-assiguratur.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-konvenuta fil-kawża prinċipali huwa assiguratur stabbilit fi Stat Membru ieħor li ġie mħarrek fir-Rumanija, mhux quddiem il-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsabu d-domiċilji rispettivi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jallegaw li huma l-benefiċjarji tal-polza tal-assigurazzjoni inkwistjoni, iżda quddiem il-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-uffiċju rreġistrat tal-korrispondent Rumen ta’ dan l-assiguratur.

17

Wara dawn il-konstatazzjonijiet, hija għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddeterminax biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri jew inkella, fl-istess ħin, l-imsemmija ġurisdizzjoni u l-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom, b’mod iktar preċiż, dik territorjali. Hija tesponi argumenti diverġenti, ta’ natura letterali, kuntestwali u teleoloġika, li jxaqilbu favur xi waħda minn dawn it-teżijiet.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonċernaw biss il-kompetenza [ġurisdizzjoni] internazzjonali tal-Istati Membri [tal-Unjoni Ewropea] jew fis-sens li jiddeterminaw ukoll il-kompetenza interna (territorjali) tal-qrati tad-domiċilju tal-benefiċjarju tal-polza tal-assigurazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(b tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta din id-dispożizzjoni hija applikabbli, din tiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti ta’ Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru°1215/2012, dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, CNP, C‑913/19, EU:C:2021:399, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li teżisti tali ekwivalenza bejn l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija l-ewwel ġiet riprodotta, essenzjalment, fid-dispożizzjoni msemmija t-tieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 36).

22

F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, bil-għan li tiġi msaħħa l-pożizzjoni tal-persuna li hija, ekonomikament, l-iktar dgħajfa, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, ġie fformulat b’mod li jippermetti, espressament, li l-persuna assigurata jew il-benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni jħarrek lill-assiguratur quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tagħhom, filwaqt li l-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-l-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi biss għal ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tad-domiċilju tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, mingħajr ma jiddetermina jekk l-assiguratur jistax jew le jiġi mħarrek fil-qorti tad-domiċilju tal-persuna assigurata jew tal-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 41). Għalhekk, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li sar l-Artikolu 11(1)(b tar-Regolament Nru 1215/2012, estenda, meta mqabbel mal-imsemmija konvenzjoni, il-lista ta’ persuni li jistgħu jħarrku lill-assiguratur quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punt 35).

23

Minkejja d-differenza fil-formulazzjoni li teżisti, f’dan il-qies, bejn il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, minn naħa, u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti, sa fejn dawn jippermettu li l-assiguratur domiċiljat fit-territorju, rispettivament, ta’ Stat kontraenti jew ta’ Stat Membru jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-post fejn il-persuna li tressaq it-talba hija domiċiljata, meta l-azzjoni titressaq mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija konvenzjoni, jew inkella, mill-persuna assigurata jew mill-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija regolamenti, dejjem sakemm il-persuna li tressaq it-talba inkwistjoni tkun domiċiljata, rispettivament, fi Stat kontraenti ieħor jew fi Stat Membru ieħor.

24

Għalhekk, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 tgħodd ukoll għall-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012.

25

Mill-kumplament, qabel ma tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jsiru xi preċiżazzjonijiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

26

Skont kliem l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-każ ta’ azzjonijiet imressqa kontra assiguratur domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, mill-persuna assigurata jew mill-benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jiġi mħarrek fi Stat Membru ieħor, u b’mod iktar speċifiku quddiem il-qorti tal-post fejn il-persuna li tressaq it-talba hija domiċiljata.

27

F’dan il-każ, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni fil-kawża prinċipali tressqet kontra kumpannija tal-assigurazzjoni domiċiljata fl-Awstrija li hija “rrappreżentata mill-korrispondent Rumen tagħha”, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjonijiet dwar il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li joħorġu minn dik il-qorti ma jistgħux jiġu kkontestati, konformement ma ġurisprudenza stabbilita dwar is-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2021, Wilo Salmson France, C‑80/20, EU:C:2021:870, punt 47, u tal-21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 26).

28

Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi kollha utli sabiex tinsab soluzzjoni għat-tilwima mressqa quddiema, hemm lok li tinġibed l-attenzjoni tagħha, f’dan il-kuntest, dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 li jipprevedu regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fil-każ ta’ kontestazzjonijiet dwar l-operat ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ kull stabbiliment ieħor, u b’mod iktar partikolari dwar l-Artikolu 7(5) tal-imsemmi regolament, li għalih l-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar jirriżerva l-applikazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jsir magħruf jekk ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistax jikkostitwixxi tali kontestazzjoni, iżda hija, f’kull każ, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u, jekk ikun il-każ, tivverifika l-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha anki fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjonijiet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, CNP, C‑913/19, EU:C:2021:399, punti 5152).

29

Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea esponiet li, għalkemm il-qorti tar-rinviju indikat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, it-tilwima fil-kawża prinċipali iktar tirrigwarda rikors dirett ippreżentat minn persuni leżi, kontra l-assiguratur, b’tali mod li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fl-imsemmija tilwima biss permezz tal-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, il-qorti tar-rinviju kklassifikat bħala “benefiċjarji tal-polza tal-assigurazzjoni” inkwistjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma membri tal-familja estiża tal-passiġġier li miet fl-aċċident ikkawżat mix-xufier tal-vettura assigurata. Madankollu, sabiex issostni l-applikabbiltà tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija qorti għamlet riferiment għas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 31), li tipprevedi li “r-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-Artikolu 9(1)(b) tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna leża tista’ tressaq azzjoni direttament kontra l-assiguratur quddiem il-qorti tal-post fejn hija tkun domiċiljata fi Stat Membru, meta tali azzjoni diretta hija possibbli u meta l-assiguratur ikun domiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru”. Issa, id-dispożizzjonijiet hekk imsemmija f’din is-sentenza huma ekwivalenti, rispettivament, għall-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 u għall-Artikolu 11(1)(b) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 36).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jidher li huwa effettivament applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali minħabba r-riferiment li l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jagħmel għal din id-dispożizzjoni.

32

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, qabel ma tkun tista’ eventwalment tapplika l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk ir-regoli tal-proċedura tad-dritt Rumen jipprevedux li persuni potenzjalment intitolati għal kumpens iressqu azzjoni diretta kontra l-assiguratur, fatt li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu bħala konsegwenza li jirrendi applikabbli l-Artikoli 10 sa 12 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 35). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-għan tar-riferiment li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 13(2) huwa li mal-lista ta’ persuni li jagħmlu talbiet, li tinsab fl-imsemmi Artikolu 11(1)(b), jiġu miżjuda l-persuni li sofrew dannu, mingħajr ma ċ-ċirklu ta’ dawn il-persuni jiġi limitat għal dawk li sofrew id-dannu direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, CNP, C‑913/19, EU:C:2021:399, punt 38).

33

Esposti dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari kollha, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tkun tifforma parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi enfasizzat li d-domanda tat-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) tiffoka fuq il-parti finali ta’ din id-dispożizzjoni.

35

Issa, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-verżjoni bil-lingwa Rumena ta’ dan l-Artikolu 11(1)(b), l-istess bħal verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Finlandiż huma differenti f’dan il-livell, b’mod partikolari, mill-verżjonijiet bl-Ispanjol, bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bit-Taljan, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż u bl-Isvediż. Fl-ewwel serje ta’ verżjonijiet, il-parti finali ta’ din id-dispożizzjoni ssemmi “il-qrati tal-post fejn ir-rikorrent [il-persuna li tressaq it-talba] ikun domiċiljat”, filwaqt li fit-tieni serje tal-imsemmija verżjonijiet, din issemmi “il-qorti tal-post fejn ir-rikorrent [il-persuna li tressaq it-talba] ikun domiċiljat”. Għalhekk jidher li l-użu tal-plural għat-terminu “qorti”, hekk kif dan jidher fid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma ntużax f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni interpretata.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni, teskludi li dan l-att jiġi kkunsidrat b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda tirrikjedi li dan l-att jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2020, Personal Exchange International, C‑774/19, EU:C:2020:1015, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, hekk kif osservaw kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huwa partikolarment illuminanti li l-formulazzjoni tal-punt b) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li huwa s-suġġett tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, tiġi mqabbla mal-formulazzjoni tal-punt a) tal-istess Artikolu 11(1). Fil-fatt, il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni li ġie adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-imsemmi punt b) jirrigwarda, b’mod immirat, il-“post fejn ir-rikorrent [il-persuna li tressaq it-talba] ikun domiċiljat”, filwaqt li l-kriterju li jinsab fil-punt a) tal-imsemmi Artikolu 11(1) jirrigwarda, b’mod globali, “Istat Membru fejn ikun domiċiljat [l-assiguratur]”.

38

Din id-differenza ta’ formulazzjoni tixhed favur l-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż li jindika direttament qorti speċifika fi ħdan Stat Membru, mingħajr ma jsir riferiment għar-regoli ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali fis-seħħ f’dan tal-aħħar, u għalhekk li jiddetermina mhux biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda wkoll il-ġurisdizzjoni territorjali tal-imsemmija qorti, fil-każijiet koperti minn din id-dispożizzjoni.

39

Hekk kif ġie indikat mill-qorti tar-rinviju u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-interpretazzjoni esposta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija kkonfermata minn analoġija ma sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li l-formulazzjoni tagħhom donnha wkoll tindika“post” speċifiku fi ħdan Stat Membru, fis-sens li l-imsemmija dispożizzjonijiet jiddeterminaw, fl-istess ħin, kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali. Dawn is-sentenzi jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-tielet inċiż tal-imsemmi Artikolu 7(1)(b), ekwivalenti għat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 30), it-tielet inċiż tal-imsemmi Artikolu 7(1)(b (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 46), kif ukoll il-punt 2) tal-istess Artikolu 7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punti 3343).

40

L-analoġija hekk stabbilita mal-imsemmija sentenzi hija wkoll ikkonfermata mir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1). Fill-fatt, skont il-paġna 31 ta’ dan ir-rapport, il-punt (1) tal-l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell “jillimita ruħu li jistipula ġurisdizzjoni ġenerali billi jipprevedi l-ġurisdizzjoni ‘il-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-assiguratur’” [traduzzjoni mhux uffiċjali], b’tali mod li “fi ħdan kull Stat, tiġi applikata l-leġiżlazzjoni interna sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-għan tal-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-istess Artikolu 8 huwa li jipprevedi li “jekk l-assiguratur jiġi mħarrek barra mill-Istat fejn huwa domiċiljat, l-azzjoni għandha titressaq quddiem qorti speċifikata espliċitament, skont is-sistema diġà adottata fl-Artikolu 5 [tal-imsemmija konvenzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41

Peress li, minn naħa, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni stipulati fil-punti 1 u 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huma essenzjalment ekwivalenti għall dawk previsti fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1215/2012 u, min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali u delittwali stipulati fl-Artikolu 5(1) u (3) ta’ din il-konvenzjoni huma essenzjalment ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 7(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, ir-rapport imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari l-approssimazzjoni stabbilita lejn l-aħħar taċ-ċitazzjoni msemmija fl-istess punt preċedenti, jippermetti li tiġi sostnuta l-interpretazzjoni li tgħid li l-użu tat-terminu l-“post” fl-Artikolu 11(1)(b) tal-imsemmi regolament jippreżupponi li din id-dispożizzjoni tindika qorti speċifikata espliċitament, u għalhekk tistabbilixxi direttament il-ġurisdizzjoni territorjali, bi qbil ma dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-formoli analogi li jinsabu fl-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess regolament.

42

Mill-elementi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 diġà tippermetti, minna nnifisha, li jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti ta’ Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba.

43

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-analiżi tal-kuntest li minnu tifforma parti l-imsemmija dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jiġu, bħala prinċipju, imħarrka quddiem il-qrati tal-istess Stat Membru. Bl-istess mod, il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tenfasizza li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fih huma stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut, li għandha dejjem tkun disponibbli, ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa.

44

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li, b’deroga minn dan il-prinċipju, il-persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jiġu mħarrka quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor abbażi tar-regoli stipulati fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

45

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, it-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li fih hemm l-Artikolu 11(1)(b), huwa paċifiku li din tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ assigurazzjonijiet, hekk kif dan jirriżulta, b’mod partikolari, mit-titolu ta’ din it-taqsima u mill-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2021, T.B. u D. (Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni), C‑393/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:871, punt 29, kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2021, BT (Taħrik tal-persuna assigurata), C‑708/20, EU:C:2021:986, punt 26).

46

Peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba, li hija prevista fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, tikkostitwixxi regola li tidderoga mill-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, din għandha tiġi interpretata b’mod strett, fatt li ma jippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti espliċitament minn dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2021, CNP, C‑913/19, EU:C:2021:399, punt 49, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2021, T.B. u D. (Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni), C‑393/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:871, punt 42).

47

Interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni hija meħtieġa iktar u iktar peress li, hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti li tinsab fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-awturi tal-imsemmija konvenzjoni kienu esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom fil-konfront tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba lil hinn mill-każijiet li din tipprevedi espliċitament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi, C‑412/98, EU:C:2000:399, punti 69 sa 72).

48

Sussegwentement, ma jistax jitqies li, billi jindika “il-qrati tal-post fejn ir-rikorrent [il-persuna li tressaq it-talba] ikun domiċiljat”, l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati kollha tal-Istat Membru li fit-territorju hija domiċiljata l-persuna li tressaq it-talba.

49

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kawża preżenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-azzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni hija kkaratterizzata minn ċertu żbilanċ bejn il-partijiet, li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament huma intiżi li jikkoreġu billi jagħtu lill-parti l-iktar dgħajfa l-benefiċċju ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jkunu iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli jkunu r-regoli ġenerali (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2021, BT (Taħrik tal-persuna assigurata), C‑708/20, EU:C:2021:986, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

B’mod partikolari, l-għan tar-regola speċjali ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(b) tal-imsemmi regolament, l-istess bħar-regoli kollha li jinsabu fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, huwa li jiġi żgurat li l-parti l-iktar dgħajfa li jkollha l-intenzjoni li tressaq kawża kontra l-parti l-iktar b’saħħitha tkun tista’ tagħmel dan quddiem qorti ta’ Stat Membru faċilment aċċessibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2020, Balta, C‑803/18, EU:C:2020:123, punt 28, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2021, T.B. u D. (Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni), C‑393/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:871, punt 46).

51

B’mod iktar speċifiku, diġà ġie deċiż li l-eredi tal-vittma ta’aċċident tat-traffiku, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-forum actoris li huwa awtorizzat mill-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2021, T.B. u D. (Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-assigurazzjoni), C‑393/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:871, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(1)(b) tal-imsemmi regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser, hekk kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, li l-persuni kkonċernati li jagħmlu t-talba għandhom il-possibbiltà mhux biss li jadixxu lill-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tagħhom, iżda kwalunkwe qorti oħra tal-Istat Membru li fih huma domiċiljati. Din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma għandha l-għan li tippermetti prattika ta’ “forum shopping”, li, barra minn hekk, ma hijiex konformi mal-għanijiet l-oħra msemmija fir-Regolament Nru 1215/2012.

53

Fil-fatt, hekk kif osserva l-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-għan ta’ protezzjoni tal-imsemmi Artikolu 11(1)(b), diġà ntlaħaq billi kull persuna li tagħmel it-talba msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, persuna assigurata jew benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, tingħata l-possibbiltà li tagħżel bejn il-qrati tal-Istat membru fejn jinsab id-domiċilju tal-assiguratur inkwistjoni u l-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju rispettiv tagħha.

54

Iktar minn hekk, konformement mal-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2021, BT (Taħrik tal-persuna assigurata), C‑708/20, EU:C:2021:986, punt 35). Mill-istess premessa 16 jirriżulta wkoll li l-prinċipju tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut ġie kkompletat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’deroga, bi qrati oħra, minħabba r-rabta stretta li teżisti bejn il-qorti u t-tilwima. L-imsemmija premessa tippreċiża li l-eżistenza ta’ tali rabta għandha t-tendenza li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u li tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru li huwa ma setgħax raġonevolment jipprevedi. It-tfittxija għal grad għoli ta’ prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni, b’mod partikolari għall-konvenut, tissemma wkoll bħala għan fil-premessa 15 ta’ dan ir-regolament.

55

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jiġi interpretat fis-sens li jindika direttament, mingħajr ma jsir riferiment għar-regoli interni ta’ Stat Membru, qorti speċifika, jiġifieri dik li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba, ma jiggarantixxi biss li l-unika qorti hekk kompetenti tippreżenta rabta partikolarment stretta mat-tilwima inkwistjoni, iżda wkoll li din il-qorti tkun fl-istess ħin faċilment identifikabbli mill-persuna li tressaq it-talba u raġonevolment prevedibbli għall-konvenut.

56

Għall-kompletezza, għandu jiġi speċifikat li, min-naħa l-oħra, id-delimitazzjoni tat-territorju ġurisdizzjonali tal-qorti li fih jinsab il-post fejn il-persuna li tressaq it-talba hija domiċiljata, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, taqa’, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza organizzattiva tal-Istat Membru li dik il-qorti tagħmel parti minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Volvo et, C‑30/20, EU:C:2021:604, punt 34).

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta din id-dispożizzjoni hija applikabbli, din tiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti ta’ Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta din id-dispożizzjoni hija applikabbli, din tiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti ta’ Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab id-domiċilju tal-persuna li tagħmel it-talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen.

Top