Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0635

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Frar 2023.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana u Ir-Renju ta’ Spanja.
    Appell – Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi inkarigati minn funzjonijiet ta’ investigaturi u ta’ kapijiet ta’ timijiet ta’ investigaturi – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1d(1) – Differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Ħtieġa ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi ‘immedjatament operattivi’ – Stħarriġ ġudizzjarju – Livell ta’ prova meħtieġ.
    Kawża C-635/20 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:98

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

    “Appell – Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi inkarigati minn funzjonijiet ta’ investigaturi u ta’ kapijiet ta’ timijiet ta’ investigaturi – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1d(1) – Differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Ħtieġa ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi ‘immedjatament operattivi’ – Stħarriġ ġudizzjarju – Livell ta’ prova meħtieġ”

    Fil-Kawża C‑635/20 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑20 ta’ Novembru 2020,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, T. Lilamand, D. Milanowska u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qegħdin jaġixxu bħala Imħallfin tal-Ewwel Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2022,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑401/16 u T‑443/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:409), li permezz tagħha din annullat l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/323/16 u EPSO/AD/324/16 għall-kostituzzjoni ta’ listi ta’ riżerva ta’ amministraturi responsabbli għall-funzjonijiet ta’ investigaturi (AD 7) u ta’ kapijiet ta’ timijiet ta’ investigaturi (AD 9) fl-oqsma ta’ nefqa tal-Unjoni Ewropea, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tad-dwana u l-kummerċ, tat-tabakk u prodotti foloz (ĠU 2016, C 187 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament Nru 1/58

    2

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/58”), jiddisponi:

    “Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

    3

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.”

    4

    Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament:

    “L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

    Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

    5

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

    6

    It-Titolu I tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 10c tiegħu.

    7

    L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

    “1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] ilsien, […] hija pprojbita.

    […]

    6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. […]”

    8

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “1.   Kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi min ġewwa fiha għandu jeserċita s-setgħat mogħtija minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal fuq l-awtorità tal-ħatra.

    2.   Iżda, istituzzjoni waħda jew aktar tista’ tafda lil kull wieħed minnhom jew korp inter-istituzzjonali l-eserċizzju ta’ xi setgħat jew is-setgħat kollha mogħtija lill-Awtorità tal-ħatra, minbarra d-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, promozzjonijiet jew trasferimenti ta’ l-uffiċjali.”

    9

    It-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Karriera ta’ l-Uffiċjali”.

    10

    Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Reklutaġġ”, jinkludi l-Artikoli 27 sa 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar jiddisponi:

    “Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ- ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

    11

    L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

    “Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

    […]

    (d)

    huwa, suġġett għall-Artikolu 29(2) [dwar l-adozzjoni ta’ proċedura ta’ reklutaġġ li ma hijiex kompetizzjoni għar-reklutaġġ tal-persunal għoli u, f’każijiet eċċezzjonali, għal impjiegi li jeħtieġu kwalifiki speċjali], għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl-Anness III;

    […]

    (f)

    huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”.

    12

    L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. L-Artikolu 1 tiegħu jipprevedi:

    “1.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

    Irid jispeċifika:

    (a)

    l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar;

    (b)

    it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

    (ċ)

    it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela u l-grupp tal-funzjoni u l-grad offrut;

    (d)

    […] id-diplomi u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

    (e)

    meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

    (f)

    fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

    (g)

    fejn ikun il-każ, il-limitu taż-żmien u xi estensjoni tal-limitu taż-żmien fil-każ tal-ħaddiema tal-Unjoni li taw mhux anqas minn sena servizz;

    (h)

    id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet;

    […]”

    13

    Skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-anness:

    “1.   L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal [(EPSO)] bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni […]”

    Id‑Deċiżjoni 2002/620/KE

    14

    L-EPSO twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u ta’ l-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46).

    15

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni tistipula li l-EPSO għandu jeżerċita, b’mod partikolari, is-setgħa tal-għażla mogħtija mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtoritajiet tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet firmatarji tal-imsemmija deċiżjoni.

    16

    L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 tipprevedi li kull rikors fl-oqsma imsemmija minn din id-deċiżjoni għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni Ewropea.

    It‑testi l‑oħra applikabbli

    Ir‑Regoli Ġenerali li Jirregolaw il‑Kompetizzjonijiet Miftuħa

    17

    Fis‑27 ta’ Frar 2015, l-EPSO ppubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dokument intitolat “Regoli Ġenerali li jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Miftuħa” (ĠU 2015, C 70 A, p. 1), li l-ewwel paġna tiegħu tippreċiża li dawn ir-“regoli ġenerali huma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, u flimkien mal-avviż, jiffurmaw il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni”.

    18

    Il-punt 1.3 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, intitolat “Eliġibbiltà”, jistabbilixxi, fir-rigward tal-konoxxenzi lingwistiċi:

    “[…]

    Għal ħafna żmien ilha l-prassi li jintużaw l-aktar l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjonijiet tal-UE u dawn huma wkoll il-lingwi użati l-aktar ta’ spiss fil-komunikazzjoni mad-dinja esterna u meta jiġu ttrattati każijiet.

    L-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li rekluti ġodda jkunu jistgħu jiffunzjonaw minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

    Biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati kollha, kulħadd – inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta – huwa meħtieġ li jagħmel it-test fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet jevalwaw il-ħila tal-kandidati sabiex ikunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg. Xejn minn dan ma jaffettwa l-possibiltà ta’ taħriġ fil-lingwi aktar tard sabiex il-membri tal-persunal ikunu jistgħu jaħdmu fit-tielet lingwa, kif mitlub mill-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal […]”.

    L‑avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat

    19

    Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata, esponiet il-kontenut tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kif ġej:

    “1.

    Fis‑26 ta’ Mejju 2016, l-[EPSO] ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat]. […]

    2.

    Huwa indikat […] fl-introduzzjoni tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] li dan tal-aħħar, flimkien mar-regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali […], jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku vinkolanti li jirregola l-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata. Madankollu, huwa speċifikat li l-Anness II tar-Regoli Ġenerali […] ma japplikax għall-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni u huwa ssostitwit bit-test li jinsab fl-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat].

    […]

    4.

    Fil-parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] intitolat ‘Jien eliġibbli biex napplika?’, li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li l-persuni kkonċernati għandhom jissodisfaw meta jivvalidaw il-kandidatura tagħhom, huwa rikjest, skont kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissjoni, ‘livell minimu – C1 [tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (CEFR)] f’waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-[Unjoni]’, b’din il-lingwa tkun indikata bħala ‘lingwa 1’ tal-kompetizzjoni, u ‘livell minimu – B2 [ta’ CEFR] fl-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż’. Din it-tieni lingwa, indikata bħala l-’lingwa 2’ tal-kompetizzjoni, għandha tkun differenti mil-lingwa magħżula mill-kandidat bħala lingwa 1.

    5.

    F’din l-istess parti, l-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] jippreċiża dan li ġej:

    ‘Għarfien tajjeb tal-Ingliż (miktub u mitkellem) huwa meħtieġ għar-reklutaġġ f’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet. L-Ingliż huwa l-lingwa prinċipali użata mill-investigaturi li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u/jew il-kriminalità finanzjarja f’kuntest internazzjonali. Kmand tajjeb tal-Ingliż huwa għalhekk essenzjali, kemm jekk għall-preżentazzjonijiet u diskussjonijiet kif ukoll għat-tfassil ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Terzi’.

    6.

    Huwa speċifikat ukoll li ‘l-formola ta’ applikazzjoni […] trid timliha bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż ’.

    7.

    Barra minn hekk, fl-istess parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni] kkontestat huwa indikat li ‘[i]t-tieni lingwa magħżula trid tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż ’ u li ‘[d]awn huma l-lingwi ta’ ħidma prinċipali użati fil-Kummissjoni’ u “[li] fl-interessi tas-servizz, ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu kapaċi li jibdew jaħdmu u jikkomunikaw mal-ewwel b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum f’mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi’. Il-kandidati huma, f’dan ir-rigward, mistiedna li jirreferu għall-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], intitolat ‘Il-Ġustifikazzjoni tas-Sistema Lingwistika għal dawn il-Proċeduri ta’ Selezzjoni’, ‘għal aktar informazzjoni dwar il-lingwi meħtieġa għal dawn il-kompetizzjonijiet’.

    […]

    9.

    Il-parti introduttiva tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] hija fformulata kif ġej:

    ‘Dawn il-kompetizzjonijiet huma kompetizzjonijiet għall-ispeċjalisti għar-reklutaġġ ta’ Investigaturi u mexxejja tat-timijiet ta’ investigaturi. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima ‘JIEN ELEĠIBBLI BIEX NAPPLIKA?’ ta’ dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni huma konformi mar-rekwiżiti primarji tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] għall-ħiliet, esperjenza u għarfien speċjalisti u l-ħtieġa għal rekluti ġodda biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv, b’mod partikolari ma’ membri oħra tal-persunal.

    Għal din ir-raġuni, l-applikanti huma mitluba li jagħżlu t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni minn għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni]. Din il-limitazzjoni hija wkoll minħabba restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u n-natura tal-metodi ta’ selezzjoni tal-EPSO deskritti fil-punti 1, 2 u 3 hawn taħt. Ir-rekwiżiti lingwistiċi għal dawn il-kompetizzjonijiet ġew adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO b’kont meħud ta’ dawn il-fatturi u rekwiżiti oħra speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet jew il-ħtiġijiet partikolari tal-Kummissjoni […].

    L-għan ewlieni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet hu li tinħoloq riserva ta’ amministraturi għar-reklutaġġ mill-Kummissjoni […]. Ladarba jiġu impjegati, huwa essenzjali li l-amministraturi jkunu operazzjonali immedjatament u jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-kollegi u l-maniġers tagħhom. Fid-dawl tal-kriterji dwar l-użu tal-lingwi fi proċeduri ta’ selezzjoni tal-[Unjoni] stabbiliti fil-punt 2 hawn isfel, il-Kummissjoni […] tqis li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-aktar għażliet tat-tieni lingwa xierqa għal dawn il-kompetizzjonijiet.

    Peress li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-aktar lingwi mitkellma, tradotti u użati għal komunikazzjoni amministrattiva mill-persunal fil-Kummissjoni […] kif ukoll huma l-iktar lingwi użati ta’ spiss ma’ partijiet terzi involuti f’investigazzjonijiet dwar l-iffalsifikar, il-korruzzjoni, id-dwana u l-kummerċ, il-kandidati jridu joffru mill-inqas waħda minnhom fost iż-żewġ lingwi obbligatorji tagħhom.

    Barra minn hekk, kmand tajjeb tal-Ingliż huwa wkoll meqjus bħala essenzjali għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-kriminalità finanzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-oġġetti ffalsifikati f’kuntest internazzjonali. Kmand tajjeb tal-Ingliż huwa għalhekk essenzjali, kemm jekk għall-preżentazzjonijiet u diskussjonijiet kif ukoll għat-tfassil ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Terzi. Għalhekk il-kandidati jsirilhom test addizzjonali tal-komprensjoni tal-lingwa bl-Ingliż waqt il-fażi taċ-ċentru ta’ valutazzjoni.

    Il-kandidati għandhom jużaw it-tieni lingwa tal-kompetizzjoni tagħhom (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż) meta jimlew l-applikazzjonijiet onlajn u l-EPSO jrid juża dawn il-lingwi għall-komunikazzjoni tal-massa lill-kandidati li jkunu ressqu applikazzjoni valida u għal uħud mit-testijiet deskritti taħt il-punt 3.’

    10.

    Il-punt 1 tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni] kkontestat, intitolat ‘Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni’, jipprevedi dan li ġej:

    ‘L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jemmnu li d-deċiżjoni fuq il-lingwi speċifiċi li għandhom jintużaw f’kull proċedura ta’ selezzjoni individwali u, b’mod partikulari, kull restrizzjoni fl-għażla tal-lingwi, għandha ssir abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Ir-rekwiżit li r-rekluti ġodda jkunu operazzjonali mill-ewwel

    Ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu operazzjonali immedjatament u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati. Għalhekk, l-EPSO għandu jiżgura li l-kandidati jkollhom għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li tippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv u, b’mod partikolari, li l-kandidati ta’ suċċess ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum mal-kollegi u l-maniġers tagħhom.

    Jista’ għalhekk ikun ġust li jiġu organizzati xi testijiet f’numru limitat ta’ lingwi funzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-kandidati kollha jkunu kapaċi jaħdmu f’mill-inqas waħda minnhom, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom. Jekk dan ma jsirx, jinħoloq riskju għoli li proporzjon sostanzjali ta’ kandidati magħżula ma jkunux jistgħu jwettqu l-kompiti li għalihom ikunu reklutati fi żmien raġonevoli. Barra minn hekk, tkun qed tiġi injorata l-kunsiderazzjoni evidenti li l-kandidati li japplikaw għal xogħlijiet fis-servizz pubbliku tal-UE huma lesti li jissieħbu f’organizzazzjoni internazzjonali li trid tuża lingwi funzjonali sabiex taħdem sew u twettaq il-kompiti mogħtija lilha skont it-trattati tal-UE.

    (ii)

    In-natura tal-proċedura tas-selezzjoni

    F’xi każijiet, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi tal-kandidati tista’ tkun ukoll iġġustifikata min-natura tal-proċedura tas-selezzjoni.

    F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-EPSO jivvaluta l-kandidati fil-kompetizzjonijiet miftuħa, li juża biex jevalwa l-ħiliet tal-kandidati u jipprevedi aħjar jekk il-kandidati jkunux kapaċi jwettqu d-dmirijiet tagħhom.

    Iċ-ċentru ta’ valutazzjoni huwa metodu ta’ selezzjoni li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-kandidati b’mod standardizzat, abbażi ta’ diversi xenarji osservati minn diversi membri tal-bord tas-selezzjoni. Il-valutazzjoni tuża qafas ta’ kompetenza stabbilit minn qabel mill-awtoritajiet ta’ ħatra u metodu komuni ta’ punteġġ u teħid konġunt tad-deċiżjonijiet.

    Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jevalwaw l-abbiltà tal-kandidati li jkunu operazzjonali minnufih f’ambjent li jixbaħ ħafna r-realtà tal-impjieg. Korp sostanzjali ta’ riċerka xjentifika wera li ċ-ċentri ta’ valutazzjoni li jissimulaw sitwazzjonijiet reali tax-xogħol huma l-aħjar mezz kif wieħed jipprevedi l-prestazzjoni fil-ħajja reali. Iċ-ċentri ta’ valutazzjoni huma għaldaqstant użati madwar id-dinja. Fid-dawl tat-tul tal-karrieri u l-grad ta’ mobilità fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], dan it-tip ta’ valutazzjoni huwa kruċjali, b’mod partikolari fis-selezzjoni ta’ uffiċjali permanenti.

    Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod ugwali u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, il-kandidati jiġu vvalutati flimkien fi grupp b’lingwa komuni. Sakemm iċ-ċentru ta’ valutazzjoni ma jsirx f’kompetizzjoni b’lingwa ewlenija waħda, dan jeħtieġ neċessarjament li ċ-ċentru ta’ valutazzjoni jiġi organizzat f’numru ristrett ta’ lingwi.

    (iii)

    Limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali

    Għal diversi raġunijiet, il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO jemmen li jkun imprattikabbli li tiġi organizzata l-fażi taċ-ċentru ta’ valutazzjoni għal kompetizzjoni unika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-[Unjoni].

    L-ewwel nett, approċċ bħal dan jista’ jkollu implikazzjonijiet serji ħafna għar-riżorsi, u b’hekk kien impossibbli għall-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ reklutaġġ tagħhom fil-qafas baġitarju attwali. Lanqas ma jkun biżżejjed valur għall-flus għall-kontribwenti Ewropej.

    It-tieni nett, it-twettiq taċ-ċentru ta’ valutazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha jkun jeħtieġ numru sostanzjali ta’ interpreti biex jaħdmu fuq il-kompetizzjonijiet tal-EPSO u l-użu ta’ bini adegwat b’kabini tal-interpretazzjoni.

    It-tielet nett, għadd ferm akbar ta’ membri tal-bord tas-selezzjoni jkun meħtieġ biex ikopri l-ilsna differenti użati mill-kandidati.”

    11.

    Skont il-punt 2 tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], li għandu t-titolu ‘Kriterji għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni’:

    ‘Jekk il-kandidati huma meħtieġa jagħżlu bejn għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni], il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO jrid jiddetermina, fuq bażi każ b’każ, il-lingwi li għandhom jintużaw għall-kompetizzjonijiet miftuħa individwali, b’kont meħud ta’ dan li ġej:

    (i)

    kull regola interna speċifika dwar l-użu tal-lingwi fl-istituzzjoni(jiet) jew korpi kkonċernati;

    (ii)

    ir-rekwiżiti speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet u l-ħtiġijiet partikolari tal-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i;

    (iii)

    il-lingwi l-aktar użati ta’ spiss fl-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i, stabbiliti fuq il-bażi ta’:

    il-ħiliet lingwistiċi ddikjarati u ppruvati f’livell B2 jew ogħla tal-[CEFR] għal-Lingwi [uffiċjali tal-Unjoni] ta’ uffiċjali permanenti tal-[Unjoni] f’impjieg attiv;

    il-lingwi mira li fihom jiġu tradotti l-iktar spiss dokumenti maħsuba għall-użu intern fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni];

    il-lingwi sors li minnhom id-dokumenti prodotti internament mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] u maħsuba għall-użu estern jiġu tradotti l-aktar spiss;

    (iv)

    il-lingwi użati għal komunikazzjoni amministrattiva fl-istituzzjoni(jiet) ikkonċernata/i’.

    12.

    Fl-aħħar, il-punt 3 tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], intitolat ‘Il-lingwi ta’ komunikazzjoni’, jindika dan li ġej:

    ‘Din it-taqsima tiddeskrivi r-regoli ġenerali dwar l-użu tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati potenzjali. Rekwiżiti speċifiċi oħrajn jistgħu jiġu stabbiliti f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

    L-EPSO jqis id-dritt tal-kandidati bħala ċittadini tal-[Unjoni] li jikkomunikaw bil-lingwa materna tagħhom. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-kandidati li jkunu vvalidaw l-applikazzjoni tagħhom huma membri prospettivi tas-servizz ċivili tal-UE li jibbenefikaw mid-drittijiet u l-obbligi mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. L-istituzzjonijiet tal-UE għalhekk jemmnu li l-EPSO għandu, kemm jista’ jkun, jikkomunika mal-kandidati u jipprovdihom b’informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Biex jinkiseb dan, l-elementi stabbli fis-sit web tal-EPSO, l-avviżi tal-kompetizzjoni u r-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha.

    Il-lingwi li għandhom jintużaw meta wieħed jimla l-formola ta’ applikazzjoni onlajn huma speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni. L-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-formola tal-applikazzjoni jiġu pprovduti fil-lingwi uffiċjali kollha. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni meħtieġ biex tiġi stabbilita proċedura inizjali tal-applikazzjoni onlajn fil-lingwi uffiċjali kollha.

    Sabiex ikun jista’ jkun hemm komunikazzjoni rapida u effiċjenti, wara li applikazzjoni inizjali ta’ kandidat tkun ġiet validata, il-komunikazzjoni tal-massa mill-EPSO lil popolazzjonijiet kbar ta’ kandidati tkunu f’numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni]. Din tkun jew l-ewwel jew it-tieni lingwa tal-kandidat kif stipulat fl-avviż rilevanti tal-kompetizzjoni.

    Il-kandidati jistgħu jikkuntattjaw lill-EPSO bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-[Unjoni] iżda, sabiex l-EPSO jittratta t-talba tagħhom b’mod aktar effiċjenti, il-kandidati huma mħeġġa li jagħżlu minn għadd limitat ta’ lingwi li l-persunal tal-EPSO ikun kapaċi jipprovdi kopertura lingwistika immedjata mingħajr il-bżonn li jirrikorri għat-traduzzjoni.

    Ċerti testijiet jistgħu jsiru wkoll f’għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni] sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkollhom il-ħila lingwistika meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-fażi ta’ valutazzjoni tal-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-lingwi għad-diversi testijiet ikunu speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

    L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jemmnu li dawn l-arranġamenti jiżguraw ambjent ġust u bilanċ xieraq bejn l-interessi tas-servizz u l-prinċipju tal-multilingwiżmu u n-non-diskriminazzjoni skont il-lingwa. L-obbligu fuq il-kandidati li jagħżlu t-tieni lingwa li hija differenti mill-ewwel lingwa tagħhom (normalment il-lingwa materna jew ekwivalenti għaliha) jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali […].’

    13.

    Fil-parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] intitolata ‘Kif Nintgħażel?’, huwa indikat, fil-punt 1, li t-testijiet tat-tip ‘mistoqsijiet b’għażla ta’ tweġibiet (QCM)’ fuq il-kompjuter, jiġifieri l-eżamijiet ta’ raġunament verbali, ta’ raġunament numeriku u ta’ raġunament astratt, li jikkostitwixxu l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata, huma organizzati fil-lingwa magħżula, minn kull kandidat, bħala l-ewwel lingwa tal-kompetizzjoni.

    14.

    Barra minn hekk, skont il-punt 3 tal-imsemmija parti, wara s-‘selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki’, li tikkostitwixxi t-tieni fażi tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż [ta’ kompetizzjoni] ikkontestat, il-kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki globali jiġu mistiedna jgħaddu, fil-lingwa li huma jkunu għażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni, l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, l-aħħar fażi tal-kompetizzjoni li tinkludi diversi testijiet intiżi sabiex jevalwaw kompetenzi differenti tal-kandidati.

    15.

    Waqt dan l-istadju u għar-raġunijiet indikati fil-parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] intitolata ‘Jien Eliġibbli Biex Napplika?’ (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), il-kandidati ser jintalbu, barra minn hekk, jagħmlu test ta’ komprensjoni lingwistika bl-Ingliż. Skont l-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], dan l-aħħar test ‘huwa eliminatorju, iżda l-marka ma titqisx fil-kalkolu tal-marki ġenerali taċ-ċentru ta’ valutazzjoni’.

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    20

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju u d‑9 ta’ Awwissu 2016, rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja, fil-Kawża T‑401/16, u r-Repubblika Taljana, fil-Kawża T‑443/16, ippreżentaw rikors kull wieħed skont l-Artikolu 263 TFUE intiżi għall-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

    21

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-Presidenta tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Novembru 2019, il-Kawżi T‑401/16 (Spanja vs Il‑Kummissjoni), u T‑443/16 (L‑Italja vs Il‑Kummissjoni), ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

    22

    Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana kkontestaw il-legalità ta’ żewġ aspetti tas-sistema lingwistika stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat li jillimitaw l-għażla, minn naħa, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża u, min-naħa l-oħra, tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO.

    23

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod konġunt, it-tieni u t-tielet motiv mqajma fil-Kawża T‑401/16 mir-Renju ta’ Spanja kif ukoll it-tielet u s-seba’ motiv imqajma fil-Kawża T‑443/16 mir-Repubblika Taljana, dwar l-ewwel parti ta’ din is-sistema lingwistika.

    24

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-limitazzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat (iktar ’il quddiem il-“limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet” jew il-“limitazzjoni inkwistjoni”) tikkostitwixxi, essenzjalment, differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, li fil-prinċipju hija pprojbita bis-saħħa tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li żiedet li tali differenza fit-trattament setgħet tiġi ġġustifikata.

    25

    Konsegwentement, hija wettqet, fil-punti 74 sa 207 tas-sentenza appellata, l-eżami ta’ tali ġustifikazzjoni.

    26

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija vverifikat, fil-punti 94 sa 116 tas-sentenza appellata, it-tliet motivi mressqa fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sabiex jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni.

    27

    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li, għalkemm in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi tista’ potenzjalment tkun adatta sabiex tiġġustifika limitazzjoni għat-tliet lingwi inkwistjoni, la r-restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u lanqas in-natura tal-proċedura ta’ għażla ma huma motivi li jistgħu jiġġustifikaw tali limitazzjoni.

    28

    Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn it-tliet motivi, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata, li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-parti introduttiva u l-punt 1(i) tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, minkejja li jindikaw l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom u jikkomunikaw b’mod effikaċi minn meta jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, ma humiex biżżejjed, fihom innifishom, sabiex jistabbilixxu li l-funzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri dawk ta’ investigatur jew ta’ kap ta’ tim ta’ investigaturi, mal-Kummissjoni, u b’mod iktar partikolari mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), jeħtieġu b’mod konkret għarfien suffiċjenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kunsiderazzjoni skont liema t-tliet lingwi jikkostitwixxu “l-iktar lingwi użati ta’ spiss ma’ partijiet terzi involuti f’investigazzjonijiet dwar l-iffalsifikar, il-korruzzjoni, id-dwana u l-kummerċ” ma hija sostnuta minn ebda indikazzjoni konkreta, u barra minn hekk il-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova f’dan ir-rigward.

    29

    Sussegwentement, fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, ċertament, dan l-avviż ta’ kompetizzjoni jinkludi kunsiderazzjonijiet iktar iddettaljati dwar ir-rekwiżit li wieħed ikollu għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet iservu biss sabiex jiġġustifikaw l-organizzazzjoni, fl-istadju taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, ta’ test ta’ komprensjoni lingwistika bl-Ingliż ta’ natura eliminatorja. Barra minn hekk, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija kunsiderazzjonijiet jistgħux jiġġustifikaw ukoll li din il-lingwa tinsab fost it-tliet lingwi li għalihom hija limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li “mhux biss ma humiex adatti, minħabba s-suġġett stess tagħhom, relatat mal-Ingliż biss, sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-Ġermaniż u tal-Franċiż fost it-tliet lingwi magħżula, iżda jikkontestaw ukoll l-aċċettazzjoni li kandidat li għandu għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż jew tal-Franċiż jista’ jitqies bħala immedjatament operattiv”.

    30

    Fl-aħħar, fil-punti 112 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-analiżi ma hijiex invalidata mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni u ġew irreklutati ser jiġu mitluba jwettqu, kif tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, peress li ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit, abbażi ta’ din id-deskrizzjoni biss, li t-tliet lingwi li għalihom hija limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni jippermettu lill-kandidati kollha li għaddew minn dawn il-kompetizzjonijiet li jkunu immedjatament operattivi. Il-Qorti Ġenerali qieset, barra minn hekk, li l-ebda element ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni u lanqas, barra minn hekk, tal-proċessi ta’ dawn il-kawżi, ma jippermettu li jintwera użu effettiv ta’ dawn it-tliet lingwi fit-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Anness I tiegħu. Bl-istess mod, mill-imsemmi avviż u mill-elementi li jinsabu fil-fajls ta’ dawn il-kawżi ma jirriżulta bl-ebda mod li t-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq kollha huma effettivament użati fir-rapporti tal-investigaturi jew tal-kapijiet ta’ timijiet ta’ investigaturi mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi.

    31

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi ma jistax, fid-dawl tal-formulazzjoni vaga u ġenerali li saret tiegħu fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kif ukoll tal-assenza ta’ indikazzjonijiet konkreti ta’ natura li jissostanzjawha, jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali vverifikat, sussegwentement, jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan il-motiv jistgħux juru li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi li għandhom jimtlew, il-limitazzjoni inkwistjoni kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-ħtieġa li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

    33

    Għall-finijiet ta’ din il-verifika, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel, fil-punti 122 sa 169 tas-sentenza appellata, il-provi dwar il-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku, jiġifieri:

    il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 tal-President tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2000 dwar is-semplifikazzjoni tal-proċess deċiżjonali, u l-minuti tal‑1502 laqgħa tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2000, redatta fis‑6 ta’ Diċembru 2000 [PV(2002) 1502] dwar l-approvazzjoni, mill-kulleġġ tal-membri, ta’ din il-komunikazzjoni;

    ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni (ĠU 2000, L 308, p. 26), kif emendati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/138/UE, Euratom, tal‑24 ta’ Frar 2010 (ĠU 2010, L 55, p. 60, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”), u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura (C(2010) 1200 final);

    estratt mill-Manwal tal-proċeduri operattivi tal-Kummissjoni, intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” u ċerti dokumenti relatati miegħu, u

    l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2006) 1489 final tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-traduzzjoni fil-Kummissjoni, intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”).

    34

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Qorti Ġenerali eżaminatha fil-punti 132 sa 137 tas-sentenza appellata, billi kkonstatat, fil-punt 133 ta’ dik is-sentenza, li l-għan tagħha “jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni tad-diversi tipi ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, kif kienu previsti fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta nħarġet din il-komunikazzjoni, u f’li tipproponi s-simplifikazzjoni tagħhom. Huwa f’tali kuntest u b’riferiment għal tip preċiż ta’ proċedura, jiġifieri l-proċedura bil-miktub, li l-punt 2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jindika li ‘id-dokumenti għandhom jinħarġu fit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni’, mingħajr, barra minn hekk, ma jsemmihom. Issa, dan ir-riferiment waħdu, minkejja li jinkludi l-espressjoni ‘lingwi ta’ ħidma’, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi effettivament użati mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. Wara li rrilevat, fil-punti 134 sa 136 tal-imsemmija sentenza, li l-portata ta’ dan ir-riferiment hija, barra minn hekk, ikkwalifikata minn partijiet oħra tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 137 ta’ dik l-istess sentenza, li din il-komunikazzjoni “ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar l-użu effettiv tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż fix-xogħol ta’ kuljum tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u lanqas a fortiori fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ta’ [kompetizzjoni kkontestat]”.

    35

    Fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-testi l-oħra li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi analizzata l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, jiġifieri r-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, billi eżaminat, wieħed wieħed, dawn it-tliet testi fil-punti 139 sa 151 ta’ dik is-sentenza.

    36

    Fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, f’dan ir-rigward, li, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom, it-testi msemmija fil-punt 35 ta’ dik is-sentenza ma jistgħux jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ applikazzjoni, fir-Regoli tal-Proċedura, tas-sistema lingwistika ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1/58, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar. Bħalma speċifikat ukoll il-Kummissjoni, dawn it-testi sempliċement “jirriflettu prassi amministrattiva li ilha stabbilita fi ħdan dik l-istituzzjoni, li tikkonsisti f’li tintuża l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża bħala lingwi li fihom id-dokumenti għandhom isiru disponibbli sabiex ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-membri”. Barra minn hekk, wara li b’mod partikolari kkonstatat, fil-punti 153 u 154 tas-sentenza appellata, li, b’mod partikolari, id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” estratt mill-Manwal tal-proċeduri operattivi ma jistax jiġi analizzat bħala deċiżjoni tal-President tagħha li tistabbilixxi l-lingwi ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti ppreżentati lill-kulleġġ, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 155 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma kinitx teżisti deċiżjoni interna li tistabbilixxi l-lingwi ta’ ħidma fi ħdanha.

    37

    Wara li għamlet dawn il-“preċiżazzjonijiet preliminari”, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-uniku għan tagħhom huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, it-testi kollha prodotti minn din tal-aħħar ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet fid-dawl tal-karatteristiċi funzjonali tal-impjiegi msemmija fl-avviż ikkontestat.

    38

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li minn dawn it-testi ma jsegwix li teżisti rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jiżvolġu fi ħdan il-kulleġġ tal-membri tagħha, u l-funzjonijiet li l-kandidati li jkunu għaddew mill-kompetizzjonijiet kontenzjużi jkunu jistgħu jeżerċitaw. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-membri ta’ istituzzjoni partikolari jużaw esklużivament lingwa waħda jew ċerti lingwi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat, li ma jkollu għarfien ta’ ebda waħda dawn il-lingwi, ma jkunx kapaċi jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni inkwistjoni.

    39

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li mit-testi prodotti mill-Kummissjoni lanqas ma jsegwi li t-tliet lingwi kollha kklassifikati bħala “lingwi proċedurali” huma effettivament użati mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 tagħti x’tifhem li ma huwiex id-dipartiment materjalment responsabbli għat-tfassil ta’ dokument, iżda pjuttost id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni li jfassal il-verżjonijiet ta’ dan id-dokument fil-lingwi “proċedurali” neċessarji sabiex jintbagħtu lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni. Fil-punt 159 ta’ dik is-sentenza, din żiedet li, sa fejn ebda uffiċjal ma huwa obbligat ikollu għarfien sodisfaċenti tat-tliet lingwi meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, huwa wkoll diffiċli li jiġi previst li l-istabbiliment ta’ abbozz ta’ att fil-verżjonijiet lingwistiċi rikjesti sabiex jintbagħat lil dan il-kulleġġ ikun fl-istess ħin imqassam bejn numru korrispondenti ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt is-servizz responsabbli għat-tfassil ta’ dan l-abbozz. Barra minn hekk, wara li ċaħdet, fil-punti 160 sa 163 tal-imsemmija sentenza, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 164 sa 168 tagħha, li t-testi prodotti minn din l-istituzzjoni ma jindikawx użu esklużiv tat-tliet lingwi “proċedurali” fil-proċeduri li huma jsemmu.

    40

    Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li t-testi inkwistjoni ma humiex ta’ natura li juru li l-limitazzjoni inkwistjoni hija adatta sabiex tissodisfa bżonnijiet reali tas-servizz u, għaldaqstant, li tistabbilixxi l-eżistenza, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi msemmija minn dan l-avviż, ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi.

    41

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 170 sa 195 tas-sentenza appellata, l-elementi dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-OLAF.

    42

    Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 175 sa 185 tas-sentenza appellata, l-anness intitolat “Data estratta minn Sysper dwar il-konoxxenzi lingwistiċi tal-membri tal-persunal tal-OLAF”, billi kkonstatat, fil-punt 180 ta’ dik is-sentenza, li din id-data ma tippermettix la waħidha u lanqas flimkien mat-testi eżaminati fil-punti 122 sa 169 tal-imsemmija sentenza li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati minn dan id-dipartiment fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum, jew il-lingwa jew il-lingwi li jkunu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ investigatur u ta’ kap ta’ tim ta’ investigaturi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li din id-data ma tippermettix li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom ser iwassal sabiex kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat ikunu amministraturi immedjatament operattivi.

    43

    Barra minn hekk, wara li fakkret, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha skont liema limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali ma tistax titqies li hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata meta jkun hemm, fost dawn il-lingwi, minbarra lingwa li l-għarfien tagħha huwa mixtieq jew anki neċessarju, lingwi oħra li ma jagħtu ebda vantaġġ partikolari lill-kandidati potenzjali li għaddew minn kompetizzjoni meta mqabbla ma’ lingwa uffiċjali oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 182 ta’ dik is-sentenza, li anki kieku kellu jitqies li l-konoxxenzi lingwistiċi tal-membri tal-persunal ingaġġati jistgħu jindikaw li, sabiex tkun immedjatament operattiva fuq il-livell tal-komunikazzjoni interna, persuna li għadha kif ġiet irreklutata għandu jkollha għarfien tajjeb ħafna ta’ lingwa li numru kbir ta’ dawn il-membri tal-persunal għandu għarfien tagħha, id-data inkwistjoni ma tistax tiġġustifika l-limitazzjoni magħmula mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat għall-għażla tat-tieni lingwa.

    44

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li, fil-fatt, minn analiżi tad-data dwar il-lingwi ddikjarati bħala “lingwa 1” u “lingwa 2” jirriżulta li huwa biss għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Ingliża li jista’ jitqies bħala li jagħti vantaġġ lill-kandidati potenzjali li jgħaddu mill-kompetizzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tippermettix li jiġi spjegat għaliex kandidat li jkollu, pereżempju, għarfien profond tal-lingwa Taljan u għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Ġermaniża jista’ jkun immedjatament operattiv għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni interna, filwaqt li kandidat li għandu għarfien profond tal-lingwa Taljana u għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Olandiża ma jistax ikun. Barra minn hekk, fir-rigward tad-data dwar il-“lingwa 3”, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 184 ta’ dik is-sentenza li, anki jekk il-kontenut tagħha bl-ebda mod ma jbiddel din l-evalwazzjoni, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li mill-anness ipprovdut mill-Kummissjoni ma jsegwix li l-membri tal-persunal imsemmija hemmhekk diġà wrew il-kapaċità li jaħdmu fit-tielet lingwa tagħhom.

    45

    Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li d-data dwar il-konoxxenzi lingwistiċi tal-membri tal-persunal tal-OLAF ma tippermettix li tiġi ġġustifikata l-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-għan li jkun hemm kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni immedjatament operattivi.

    46

    Sussegwentement, fir-rigward tal-anness intitolat “Informazzjoni […] dwar l-użu tal-Ingliż fl-OLAF”, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 186 u 187 tas-sentenza appellata, li dan ma huwiex rilevanti, peress li juri, matul il-perijodu kollu kopert, użu kważi esklużiv tal-lingwa Ingliża u użu limitat ħafna tal-lingwa Franċiża u ma jinkludi ebda element li jista’ juri użu tal-lingwa Ġermaniża bħala lingwa tax-xogħol fl-attivitajiet ikkonċernati.

    47

    Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 188 sa 194 tas-sentenza appellata, l-anness intitolat “Programmi operattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi” li jinkludi tabella b’data dwar il-ġestjoni ta’ ċerti aspetti tal-programm imsejjaħ “Hercule III”, filwaqt li eskludiet ir-rilevanza ta’ din id-data għar-raġuni, b’mod partikolari, li minn dan l-anness jirriżulta li l-użu tal-Ġermaniż u tal-Franċiż jirriżulta, f’dan il-kuntest partikolari, li huwa assolutament eċċezzjonali, peress li l-prinċipju huwa li “x-xogħol kollu [relatat ma’ dan il-programm] għandu jsir bl-Ingliż” u li, fuq kollox, ebda element mill-proċessi ma jippermetti li jitqies li l-kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjonijiet ikkontestati jkunu responsabbli għal kompiti marbuta mat-tfassil ta’ sejħiet għal proposti fil-kuntest tal-imsemmi programm.

    48

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 195 u 196 tas-sentenza appellata, li, bħall-provi prodotti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku, dawk dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-OLAF ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-limitazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan li l-amministraturi rreklutati jkunu immedjatament operattivi.

    49

    It-tielet, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 197 sa 204 tas-sentenza appellata, il-provi dwar it-tixrid tal-lingwa Ġermaniża, Ingliż u dik Franċiża bħala lingwi barranin mitkellma u studjati fl-Ewropa, billi ddeċidiet, fil-punti 203 u 204 ta’ dik is-sentenza, li dawn ma jistgħux, la waħedhom u lanqas meħuda flimkien ma’ elementi oħra tal-proċessi, jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni, peress li, l-iktar l-iktar, dawn l-elementi jkunu jistgħu eventwalment juru n-natura proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni, jekk kien ippruvat li din tissodisfa l-għan li jkun hemm kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni li jkunu immedjatament operattivi, aspett li madankollu jidher li l-Kummissjoni ma wrietx.

    50

    Fid-dawl tal-eżami tagħha tal-provi kollha mressqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 205 sa 207 tas-sentenza appellata, li din ma wrietx li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan ewlieni, li jikkonsisti fir-reklutaġġ ta’ amministraturi li jkunu immedjatament operattivi. Fil-fatt, ma huwiex suffiċjenti li l-prinċipju ta’ tali limitazzjoni jiġi difiż billi jsir riferiment għan-numru kbir ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni u għan-neċessità li jintagħżel numru iktar ristrett ta’ lingwi, jew saħansitra lingwa waħda, bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna jew “lingwi funzjonali”. Huwa wkoll neċessarju, fid-dawl tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiġi ġġustifikata oġġettivament l-għażla ta’ lingwa waħda jew iktar speċifiċi, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħrajn kollha.

    51

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni u t-tielet motiv imqajma fil-Kawża T‑401/16 mir-Renju ta’ Spanja kif ukoll it-tielet u s-seba’ motiv imqajma fil-Kawża T‑443/16 mir-Repubblika Taljana u annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sa fejn dan jillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża.

    52

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv fil-Kawża T‑401/16 flimkien mas-sitt motiv fil-Kawża T‑443/16, dwar it-tieni parti tas-sistema lingwistika kkontestata, u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1/58 kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-punt 234 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dawn il-motivi u annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sa fejn dan jillimita l-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għal-lingwa Ġermaniża, Ingliż u dik Franċiża.

    53

    Konsegwentement, fil-punt 235 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors u annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kollu kemm hu. Barra minn hekk, hija ppreċiżat, fil-punti 237 sa 242 ta’ dik is-sentenza, li, għar-raġunijiet esposti f’dawn l-istess punti, dan l-annullament ma jistax ikollu effett fuq ir-reklutaġġi diġà mwettqa abbażi tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni.

    It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

    54

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad, sa fejn il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat; u

    tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll għal dawk tal-proċedura fl-ewwel istanza.

    55

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Fuq l‑appell

    56

    Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    57

    L-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw il-legalità tal-limitazzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet, filwaqt li t-tielet aggravju jirrigwarda l-legalità tal-limitazzjoni tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati kkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u l-EPSO.

    Fuq l‑ewwel aggravju

    58

    L-ewwel aggravju, li jinqasam fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u fid-definizzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll fuq ksur ta’ dan l-obbligu tal-Qorti Ġenerali.

    Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir‑rigward tal‑għan li jkun hemm kandidati immedjatament operattivi u fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tal‑Qorti Ġenerali

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    59

    Il-Kummissjoni ssostni li, waqt l-eżami tagħha tal-provi relatati mal-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku u mal-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-OLAF, il-Qorti Ġenerali applikat, mingħajr ebda motivazzjoni, kriterji illegali sabiex tevalwa jekk dawn il-provi jurux in-natura ġġustifikata tal-limitazzjoni inkwistjoni, jiġifieri, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, il-kapaċità ta’ uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat li jipprovdi immedjatament “xogħol utli” fl-istituzzjoni ta’ reklutaġġ kif ukoll, fil-punti 181 sa 183 ta’ dik is-sentenza, l-assenza ta’ “vantaġġ partikolari” li uħud mil-lingwi li għalihom hija limitata l-għażla jagħtu lil tali uffiċjal. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-fatt li wieħed jibbaża ruħu fuq dawn il-kriterji jwassal sabiex jiġi miċħud l-interess tas-servizz li r-reklutati l-ġodda jkunu immedjatament operattivi.

    60

    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kriterju adottat fil-punt 157 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li peress li l-interess tas-servizz jeżiġi r-reklutaġġ ta’ kandidati immedjatament operattivi, iċ-ċirkustanza li dawn il-kandidati jkunu madankollu kapaċi li jipprovdu “xogħol utli” ma hijiex rilevanti.

    61

    Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, li wieħed jeżiġi li l-membri tal-persunal li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-kontinwità mal-membri tal-persunal fis-servizz ta’ assenjazzjoni u jmur lil hinn mis-sempliċi kapaċità li jiġi pprovdut immedjatament xogħol utli.

    62

    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali la ddefinixxiet dak li jkopri dan il-kunċett ta’ “xogħol utli”, u lanqas ma sostniet il-konstatazzjoni li huwa possibbli li jitwettaq tali xogħol, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    63

    It-tielet, skont il-Kummissjoni, huwa “impossibbli” li kandidat li jkun għadu kif ġie rreklutat, li ma jkollu għarfien tajjeb ta’ ebda waħda mit-tliet lingwi eliġibbli skont l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat bħala t-tieni lingwa, ikun jista’ jipprovdi xogħol utli fi ħdan istituzzjoni li l-korp ta’ tmexxija politika u ta’ direzzjoni tagħha, jiġifieri l-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni, jieħu d-deċiżjonijiet interni tiegħu f’waħda biss minn dawn it-tliet lingwi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punti 121 u 122 tas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), huwa żbaljat, sa fejn il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), li għalih isir riferiment f’dawn il-punti, huwa korp, speċifikament previst fl-Artikolu 16(7) TUE, li huwa distint mill-istituzzjonijiet l-oħra. Issa, din il-kawża tikkonċerna membri tal-istess istituzzjoni, li tinkludi kemm il-kulleġġ kif ukoll id-diversi dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-ispeċifiċità tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati fis-servizzi ta’ assenjazzjoni ma taffettwax il-fatt li huma, fl-aħħar mill-aħħar, id-dipartimenti li jibgħatu kull abbozz ta’ att lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni.

    64

    Ir-raba’, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta qieset li l-Kummissjoni kellha tippreżenta iktar spjegazzjonijiet sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni, mingħajr, barra minn hekk, ma mmotivat tali evalwazzjoni.

    65

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkontestaw dawn l-argumenti.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    66

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u, b’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ kapaċità mitluba mill-impjiegi li għandhom jimtlew u, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, l-istituzzjonijiet, bħall-EPSO, meta dan tal-aħħar jeżerċita setgħat mogħtija lilu mill-imsemmija istituzzjonijiet, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet tagħhom, il-kapaċitajiet li huma meħtieġa mill-kandidati li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet sabiex jorganizzaw id-dipartimenti tagħhom b’mod xieraq u raġonevoli (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 88).

    67

    Madankollu, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, l-osservanza tal-Artikolu 1d tagħhom li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Filwaqt li l-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jipprevedi ċertament li limitazzjonijiet għal din il-projbizzjoni huma possibbli, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn ikunu “oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat[i]”, u li jkunu “immirat[i] lejn oġġetti [għanijiet] leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal” (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 89).

    68

    Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, kif ukoll l-EPSO fil-kundizzjonijiet previsti fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, huma imperattivament limitati mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali jistgħu jiġu aċċettati biss jekk tali limitazzjoni hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-ħtiġijiet reali tas-servizz. Barra minn hekk, kwalunkwe kundizzjoni relatata ma’ konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal din il-kundizzjoni u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punti 90 sa 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    Hija l-istituzzjoni li llimitat is-sistema lingwistika ta’ proċedura ta’ selezzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija fil-fatt xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu, li hija proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet u li hija bbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli, filwaqt li hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq eżami in concreto tan-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni fir-rigward tal-imsemmija bżonnijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punti 9394).

    70

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li huma misluta minnhom (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104).

    71

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet fid-dawl ta’ għan li ma jikkorrispondix għal dak adottat mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

    72

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-kritika hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punti 157 u 181 sa 183 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħhom tfakkar fil-punti 38, 43 u 44 ta’ din is-sentenza.

    73

    Fil-fatt, minn dawn il-punti tas-sentenza appellata, moqrija fil-kuntest tagħhom, jirriżulta li huwa fid-dawl tar-“rekwiżit li r-rekluti ġodda jkunu operazzjonali mill-ewwel”, imsemmi b’mod partikolari fl-inċiż (i) tal-punt 1 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat bħala ġustifikazzjoni ta’ tali limitazzjoni, li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku u dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-OLAF jistgħux juru n-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni.

    74

    Għalhekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi qieset li “ma jistax jiġi preżunt, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li uffiċjal irreklutat ġdid, li ma jkollu għarfien ta’ ebda waħda mil-lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa, ma jkunx jista’ jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni”, bl-ebda mod ma kkontestat l-interess tas-servizz li jkun hemm amministraturi li huma immedjatament operattivi iżda, għall-kuntrarju, fittxet li tiddetermina jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku jurux li, sabiex jiġi ssodisfatt dan l-interess, huwa neċessarju, meħud kont tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u tal-lingwi effettivament użati mid-dipartimenti kkonċernati fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom, li l-għażla tat-tieni lingwa ta’ dawn il-kompetizzjonijiet tkun limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża (ara, ukoll, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata f’dan il-punt 157, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 106).

    75

    Barra minn hekk, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u lanqas marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    76

    Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, huwa ġustament u mingħajr ma eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha li l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet kinitx oġġettivament iġġustifikata min-neċessità li jiġu rreklutati amministraturi immedjatament operattivi u jekk il-livell ta’ għarfien tal-lingwi meħtieġ kienx proporzjonat mal-bżonnijiet reali tas-servizz.

    77

    Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri deċiżjonali rispettivi tagħha, u fir-rigward tal-kritika tagħha li l-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), kif ukoll li kkonstatat in-natura speċifika tal-funzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sabiex tiċħad il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali eżaminat it-testi kollha prodotti mill-Kummissjoni, u li, fi tmiem dan l-eżami, waslet għall-konklużjoni li mill-eżistenza ta’ rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-funzjonijiet ta’ investigatur u ta’ kap ta’ tim ta’ investigaturi ma jsegwix li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestati ser ikunu jistgħu jeżerċitaw dan. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax din il-konklużjoni, iżda sempliċement issostni li huwa “impossibbli” li tintuża lingwa differenti mit-tliet lingwi inkwistjoni.

    78

    Sussegwentement, anki jekk il-punt 121 tas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), li jirreferi għalih il-punt 157 tas-sentenza appellata, jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni dwar il-lingwi użati fi ħdan il-Coreper, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punt 122 ta’ dik l-istess sentenza, li, b’mod ġenerali, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-użu ta’ lingwa jew ta’ diversi lingwi bħala “lingwi ta’ deliberazzjoni” ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjonijiet, li uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat, li ma jkollu għarfien tajjeb ta’ ebda waħda minn dawn il-lingwi, ma jkunx jista’ jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex fondata ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi l-ġurisprudenza tagħha stess.

    79

    Fl-aħħar, fir-rigward tan-natura speċifika tal-funzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi ma kinitx ġiet issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

    80

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sempliċement wettqet, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, l-eżami neċessarju sabiex tiddetermina l-konoxxenzi lingwistiċi li jistgħu oġġettivament jiġu rikjesti mill-Kummissjoni fl-interess tas-servizz, fid-dawl tal-funzjonijiet partikolari koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

    81

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti tal-Kummissjoni diretti kontra l-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet kienet tassew adatta sabiex tissodisfa bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu.

    82

    Dan huwa preċiżament dak li vverifikat il-Qorti Ġenerali, fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li d-data ppreżentata mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-konoxxenzi lingwistiċi tal-persunal tal-OLAF twassal, l-iktar l-iktar, sabiex jiġi konkluż li għalkemm l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża jista’ jkun ta’ natura li jagħti vantaġġ fil-komunikazzjoni interna għall-benefiċċju tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestati u għalhekk li jippermettilhom ikunu immedjatament operattivi fuq il-livell ta’ din il-komunikazzjoni, tali konklużjoni ma tapplikax għal dak li jikkonċerna l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ġermaniża u dik Franċiża.

    83

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, ġustament, li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi l-oħra jagħti vantaġġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

    84

    Peress li ebda wieħed mill-ilmenti ma huwa fondat, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal‑oneru tal‑prova u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni f’avviż ta’ kompetizzjoni

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    85

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddefinixxiet b’mod eċċessivament strett kemm l-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, il-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni inkwistjoni kif ukoll l-oneru tal-prova tal-fondatezza ta’ din il-ġustifikazzjoni.

    86

    Għalhekk, l-ewwel, skont il-Kummissjoni, l-oneru tal-prova impost mill-Qorti Ġenerali fuq il-Kummissjoni sabiex tipprova l-eżistenza tal-ġustifikazzjonijiet invokati jmur ferm lil hinn mil-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ mill-ġurisprudenza, sa fejn hija ddeċidiet, fl-aħħar sentenza tal-punt 133, fl-ewwel sentenza tal-punt 158 u fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni baqgħet ma pprovatx li t-tliet lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kienu effettivament it-tliet lingwi użati kuljum mid-“dipartimenti kollha” ta’ din l-istituzzjoni.

    87

    It-tieni, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżiġiet, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-prova tal-“użu esklużiv” ta’ dawn it-tliet lingwi fil-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, filwaqt li dan l-avviż kien jippreċiża li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jużawx esklużivament, iżda prinċipalment, l-imsemmija lingwi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk dawn it-tliet lingwi kinux effettivament l-iktar użati mill-istituzzjoni, u mhux l-uniċi lingwi użati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-istess żball fil-punti 181 sa 183 ta’ dik is-sentenza, billi żiedet kriterju ta’ eżami skont liema huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk it-tliet lingwi inkwistjoni jagħtux “vantaġġ partikolari” lill-kandidati tal-kompetizzjonijiet ikkontestati.

    88

    It-tielet, skont il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali fl-aħħar sentenza tal-punt 167 tas-sentenza appellata, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tidentifika dik mit-tliet lingwi li tista’ tintuża u l-importanza relattiva ta’ kull waħda minn dawn il-lingwi hija irrilevanti.

    89

    Ir-raba’, il-Kummissjoni tikkritika li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, id-data statistika kollha li hija ppreżentat, għar-raġunijiet li ma jistax jiġi preżunt li din tirrifletti korrettament il-konoxxenzi lingwistiċi tal-kandidati potenzjali fil-kompetizzjonijiet inkwistjoni.

    90

    Skont dik l-istituzzjoni, il-livell ta’ prova meħtieġ skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-lingwi uffiċjali li l-għarfien tagħhom huwa l-iktar komuni fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet hija ġġustifikata minn elementi oġġettivi relatati mat-tixrid tal-lingwi li jippermettu li jiġi dedott b’mod raġonevoli li din id-data tikkorrispondi għall-konoxxenzi lingwistiċi li għandhom il-persuni li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova li tali korrispondenza hija stabbilita b’mod korrett.

    91

    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 205 tas-sentenza appellata, sa fejn hija bbażata fuq l-istess premessa żbaljata, hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

    92

    Fl-aħħar, il-ħames, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjonijiet purament ipotetiċi, billi naqqset b’mod sinjifikattiv il-portata tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6.

    93

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkontestaw dawn l-argumenti.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    94

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, bħalma jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza, li kull kundizzjoni relatata ma’ konoxxenzi lingwistiċi speċifiku għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet ta’ din il-kundizzjoni u l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha.

    95

    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari ħafna, inkwantu din tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk hijiex biħsiebha tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Għal dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa f’avviż ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk dan l-avviż, id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali jew inkella l-provi prodotti mill-Kummissjoni jinkludux “indikazzjonijiet konkreti” li jippermettu li tiġi stabbilita, oġġettivament, l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li tista’ tiġġustifika din il-limitazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 95).

    97

    Għaldaqstant, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament wettqet din il-verifika u kkonstatat, fil-punt 116 ta’ dik is-sentenza u wara l-eżami mwettaq b’mod partikolari fil-punti 107 sa 115 tagħha, li l-kontenut tiegħu ġie espost fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, li, anki fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi, imsemmi f’dan l-avviż, ma jistax, fid-dawl tal-formulazzjoni vaga u ġenerali tiegħu u fl-assenza, fl-imsemmi avviż, ta’ indikazzjonijiet konkreti ta’ natura li jsostnuh, jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni għal lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża.

    98

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, fir-rikors tal-appell tagħha, li ma tikkontestax il-punti 100 sa 116 tas-sentenza appellata.

    99

    Fit-tieni lok, sa fejn il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqha oneru tal-prova sproporzjonat, mill-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet hija fil-fatt xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali dwar il-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser jiġu msejħa jeżerċitaw, li hija proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet u li hija bbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami in concreto tan-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni fid-dawl tal-imsemmija bżonnijiet, billi tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati mill-Kummissjoni, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija limitazzjoni u jekk hijiex ta’ natura li ssostni l-konklużjonijiet li huma misluta minnha.

    100

    Issa, dan huwa preċiżament dak li għamlet il-Qorti Ġenerali meta eżaminat, fil-punti 122 sa 207 tas-sentenza appellata, il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi.

    101

    L-ewwel, fir-rigward tal-ilmenti indirizzati kontra l-aħħar sentenza tal-punt 133, l-ewwel sentenza tal-punt 158 u l-punt 180 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħhom ġie espost fil-punti 34, 39 u 42 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eżiġiet li, sabiex tistabbilixxi n-natura ġġustifikata tal-limitazzjoni inkwistjoni, din għandha turi li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża jintużaw mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

    102

    Għalhekk, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat l-argument tal-Kummissjoni, skont liema l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, u b’mod partikolari l-punt 2.2 tagħha, tillimita n-numru ta’ “lingwi ta’ ħidma” ta’ din l-istituzzjoni għal tlieta, billi qieset li, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest ta’ dan il-punt, li huwa relatat mat-teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni permezz tal-proċedura bil-miktub, is-sempliċi riferiment fih għat-“tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni” ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ dan l-argument.

    103

    Skont din l-istess loġika, fil-punti 156 sa 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fid-dawl tal-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku, li, sa fejn l-uniku għan tagħhom huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni fejn minnhom la jirriżulta li teżisti rabta neċessarja bejn dawn il-proċeduri u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestati ser ikunu jistgħu jeżerċitaw, u lanqas li t-tliet lingwi kollha kklassifikati bħala “lingwi proċedurali” effettivament jintużaw mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, dawn il-provi ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

    104

    Barra minn hekk, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li d-data pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-konoxxenzi lingwistiċi tal-membri tal-persunal tal-OLAF ma tippermettix la waħidha u lanqas flimkien mal-provi relatati mal-prassi interna fil-qasam lingwistiku tal-Kummissjoni li tistabbilixxi liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati minn dan id-dipartiment fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum, jew il-lingwa jew il-lingwi li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ investigatur u ta’ kap tat-tim ta’ investigaturi u li, għaldaqstant, din id-data ma tippermettix li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom iwassal sabiex il-kandidati li jkunu għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestati jkunu amministraturi immedjatament operattivi.

    105

    Għalhekk, mill-punti 133, 158 u 180 tas-sentenza appellata, moqrija fil-kuntest tagħhom, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat, u dan ġustament, jekk il-provi, prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi, humiex ta’ natura li juru li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża huma dawk effettivament użati, fl-eżerċizzju tal-kompiti regolari tagħhom, mill-membri tal-persunal tad-dipartiment li l-kandidati tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni huma, bħala prinċipju, mistennija li jiġu assenjati fih, b’tali mod li għarfien sodisfaċenti minn dawn tal-aħħar ta’ mill-inqas waħda minn dawn it-tliet lingwi huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti sabiex dawn il-kandidati jkunu jistgħu jkunu immedjatament operattivi.

    106

    It-tieni, dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-ilment dirett kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ u indipendentement anki mill-eżistenza ta’ rabta bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-funzjonijiet speċifiċi msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, il-provi prodotti minnha dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku bl-ebda mod ma jindikaw użu esklużiv tat-tliet lingwi “proċedurali”. Fil-fatt, f’dan il-punt 164, il-Qorti Ġenerali rrilevat biss, sussidjarjament, li l-provi inkwistjoni ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjoni li dawn il-proċeduri huma limitati għal dawn it-tliet lingwi. Barra minn hekk, il-possibbiltà, għall-membri tal-persunal tas-servizz li l-kandidati ta’ kompetizzjoni huma mistennija li jiġu assenjati fih, li jwettqu l-kompiti regolari tagħhom f’lingwi oħra minbarra dawk li għalihom hija limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet tista’, jekk ikun il-każ, tkun ta’ natura li tqiegħed fid-dubju n-neċessità għal dawn il-kandidati li jkollhom għarfien tajjeb ta’ waħda minn dawn il-lingwi sabiex ikunu immedjatament operattivi.

    107

    Barra minn hekk, l-ilment tal-Kummissjoni, li jgħid li l-Qorti Ġenerali eżiġiet, fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, li l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mil-lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet ikkontestati jagħti vantaġġ partikolari lill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    108

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li d-data ppreżentata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konoxxenzi lingwistiċi tal-membri tal-persunal tal-OLAF twassal, l-iktar l-iktar, sabiex jiġi konkluż li għalkemm l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża jista’ jkun ta’ natura li jagħti vantaġġ fil-komunikazzjoni interna għall-benefiċċju tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestata u għalhekk jippermettilhom ikunu immedjatament operattivi fuq il-livell ta’ din il-komunikazzjoni, tali konklużjoni ma tapplikax fir-rigward tal-għarfien tajjeb tal-lingwa Ġermaniża u Franċiża.

    109

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha tipprova li l-għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Ġermaniża jew dik Franċiża, kuntrarjament għal kombinazzjoni li tinkludi lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni, kien indispensabbli sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

    110

    It-tielet, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, fl-aħħar sentenza tal-punt 167 tas-sentenza appellata, li n-noti tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li din tal-aħħar ipprovdiet u li jagħtu, konformement mad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, derogi permanenti f’ċerti oqsma billi jawtorizzaw il-preżentazzjoni ta’ abbozzi ta’ att f’lingwa “proċedurali” waħda, ma jippermettux li jinsiltu konklużjonijiet utli, peress li dawn ma jidentifikawx b’mod konkret dik minn dawn il-lingwi li tista’ konkretament tintuża.

    111

    Ir-raba’, fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni dirett kontra l-punti 201 u 205 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Qabelxejn, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt 201, bl-ebda mod ma ċaħdet fl-intier tiegħu t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data statistika dwar il-lingwi l-iktar studjati fl‑2012 fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja inferjuri għar-raġuni li l-Kummissjoni ma pprovatx li dawn jirriflettu b’mod korrett il-konoxxenzi lingwistiċi tal-kandidati potenzjali għall-kompetizzjoni kkontestata, iżda sempliċement osservat li s-saħħa probatorja ta’ din id-data hija inqas minħabba l-fatt li din tagħmel riferiment għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi persuni li ma laħqux l-età maġġuri.

    112

    Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 202 ta’ dik is-sentenza, skont liema l-unika ħaġa li l-imsemmija data tista’ turi hija li n-numru ta’ kandidati potenzjali li s-sitwazzjoni tagħhom hija affettwata mil-limitazzjoni inkwistjoni huwa inqas milli jkun li kieku din l-għażla kienet limitata għal lingwi oħra.

    113

    Fl-aħħar u fuq kollox, kif essenzjalment irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 203 tas-sentenza appellata, din l-istess data ma tistax turi li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet hija adatta u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jkun hemm kandidati li għaddew immedjatament operattivi. Għaldaqstant, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod partikolari fil-punti 169 u 196 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni baqgħet ma pproduċietx din il-prova, id-data statistika dwar il-lingwi l-iktar studjati ma kinitx ta’ natura li tista’ turi li din il-limitazzjoni kienet oġġettivament iġġustifikata fid-dawl ta’ dan l-għan.

    114

    Il-ħames, billi kkontestat l-evalwazzjoni, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, esposta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li hija tqis ipotetika, u billi ssostni li l-Qorti Ġenerali naqqset b’mod sinjifikattiv il-portata tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Kummissjoni ma tinvokax żball ta’ liġi iżda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ din il-prova tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha stess.

    115

    Issa, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jsegwi li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali hija, għalhekk, unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (digriet tas‑27 ta’ Jannar 2022, FT et vs Il‑Kummissjoni, C‑518/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:70, punt 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    116

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq l‑affermazzjoni li l‑Qorti Ġenerali eżiġiet il‑produzzjoni ta’ att legalment vinkolanti sabiex tiġi ġġustifikata l‑limitazzjoni tal‑għażla tat‑tieni lingwa skont l‑avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    117

    Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqqset il-portata tal-provi li hija pproduċiet dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku abbażi ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat, jiġifieri l-eżistenza ta’ att ġuridiku vinkolanti li jiddefinixxi l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjoni kkonċernata. Issa, la mill-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li huma biss tali atti li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni.

    118

    Barra minn hekk, kemm in-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 kif ukoll ir-“Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” li jinsabu fil-Manwal tal-proċeduri operattivi jikkostitwixxu “regoli interni” fis-sens tal-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, sa fejn dawn huma vinkolanti għall-istituzzjoni.

    119

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkonfutaw dan l-argument.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    120

    Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, din it-tielet parti tal-ewwel aggravju, skont liema l-Qorti Ġenerali allegatament naqqset il-portata tal-provi dwar il-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku billi kkunsidrat li huwa biss att ġuridiku vinkolanti li jista’ jiġġustifika limitazzjoni lingwistika bħal dik imposta mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punti 152 sa 155 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħha tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    121

    Fil-fatt, minn dawn il-punti, moqrija flimkien mal-punti 156 sa 169 tas-sentenza appellata, esposti fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li huwa biss bħala preċiżazzjonijiet preliminari li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li dawn il-provi ma jistgħux jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, filwaqt li eżaminat, sussegwentement, fil-fond, jekk l-imsemmija provi humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li dan ma huwiex il-każ, ma hijiex marbuta mal-assenza ta’ deċiżjoni interna li tistabbilixxi l-lingwi ta’ ħidma fi ħdan il-Kummissjoni, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 155 tas-sentenza appellata u li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, iżda mal-fatt li l-uniku għan ta’ dawn l-istess provi huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni.

    122

    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju ma tistax tirnexxi.

    123

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq it‑tieni aggravju

    124

    It-tieni aggravju jinkludi sitt partijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tinvoka l-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali u żball ta’ liġi.

    125

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li huma ammissibbli, fl-istadju tal-appell, ilmenti relatati mal-konstatazzjoni tal-fatti u mal-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata meta jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew li żnaturat il-provi li ġew prodotti quddiemha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 35).

    126

    F’dan ir-rigward, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minn dik il-qorti u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-elementi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 43).

    127

    Barra minn hekk, għalkemm żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument kuntrarja għall-kontenut tiegħu, dan għandu jirriżulta b’mod manifest mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik magħżula mill-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 44).

    128

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu analizzati s-sitt partijiet tat-tieni aggravju.

    Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żnaturament tal‑Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 u tal‑approvazzjoni tagħha mill‑Kulleġġ tal‑membri tal‑Kummissjoni

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    129

    Il-Kummissjoni targumenta li, fil-punti 132 sa 137 u 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens u l-portata tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6. L-ewwel, il-Kummissjoni tenfasizza, fir-rigward tal-punt 133 tas-sentenza appellata, li din il-komunikazzjoni, pjuttost milli tikkostitwixxi sempliċi evalwazzjoni tal-proċeduri deċiżjonali tal-istituzzjoni, tillimita b’mod ċar in-numru ta’ lingwi ta’ ħidma tagħha għal tlieta, bħalma jsegwi mill-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni.

    130

    It-tieni, ir-riferiment magħmul f’dan il-punt 2.2 għaċ-ċirkustanza li dokument jista’ jiġi approvat fil-lingwa awtentika ma jneħħix, kuntrarjament għal dak li, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 135 tas-sentenza appellata, l-obbligu li jiġi approvat ukoll f’waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma.

    131

    It-tielet, skont il-Kummissjoni, l-involviment tad-dipartiment ta’ traduzzjoni ma jistħoqqlux l-importanza li attribwixxietlu l-Qorti Ġenerali fil-punti 136 u 158 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dan l-involviment huwa intiż biss sabiex tiġi żgurata ġestjoni iktar effettiva tar-riżorsi fid-diversi dipartimenti u ma jbiddel xejn mill-fatt li b’mod partikolari d-dipartiment awtur tal-abbozz ta’ att li għandu jiġi sottomess lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni għandu, fid-dawl tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura deċiżjonali u tal-obbligu li tiġi osservata s-sistema lingwistika msemmija fil-punt 4 tal-imsemmija komunikazzjoni, ikollu uffiċjali li jkollhom għarfien tajjeb tat-tliet lingwi ta’ ħidma.

    132

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti, minħabba li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    133

    Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fl-eżami tagħha tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 magħmula fil-punti 132 sa 137 u 158 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tiegħu ġie espost fil-punti 34 u 39 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma żnaturatha.

    134

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 1.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 jirriżulta li din hija intiża sabiex jiġu identifikati l-modi u l-mezzi li jippermettu li l-proċeduri deċiżjonali jsiru iktar effikaċi u trasparenti. Sabiex isir dan, din il-komunikazzjoni telenka, fil-punti 2 u 3 tagħha, il-proċeduri fis-seħħ u tipproponi, fil-punt 4 tagħha, il-mezzi sabiex jiġu ssimplifikati kif ukoll, fil-punt 5 tagħha, miżuri oħra li għandhom jittieħdu. Fir-rigward b’mod partikolari tal-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni, dan jirrileva, inter alia, li fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, “id-dokumenti għandhom jinħarġu fit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni” filwaqt li, fil-kuntest tal-proċedura b’awtorizzazzjoni, it-test tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata huwa “ippreżentat biss f’lingwa waħda ta’ ħidma u/jew fil-verżjonijiet awtentiċi tagħha”.

    135

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali manifestament ma żnaturatx il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, meta kkonstatat, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-għan tagħha “jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni tad-diversi tipi ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni […] u li tipproponi s-simplifikazzjoni tagħha” u li “[h]uwa f’tali kuntest u b’riferiment għal tip preċiż ta’ proċedura, jiġifieri l-proċedura bil-miktub” li l-punt 2.2 tal-komunikazzjoni, li s-silta inkwistjoni fih hija barra minn hekk irriprodotta b’mod fidili, tagħmel riferiment għal-“lingwi ta’ ħidma”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli f’dan il-punt 2.2 meta qieset li dan is-sempliċi riferiment ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża effettivament jintużaw mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

    136

    L-istess japplika fir-rigward tal-konstatazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li sempliċement tirriproduċi b’mod fidil il-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 f’dak li jikkonċerna s-sistema lingwistika applikabbli fil-kuntest tal-proċedura b’awtorizzazzjoni, u tal-evalwazzjoni, magħmula fil-punt 134 ta’ dik is-sentenza, li din l-aħħar sistema tikkwalifika l-portata tal-imsemmi riferiment. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 4 ta’ din il-komunikazzjoni, li għalih tagħmel riferiment il-Kummissjoni, li tesponi, inter alia, li l-miżuri proposti għandhom ukoll l-effett li jissimplifikaw ir-rekwiżiti lingwistiċi fil-qasam tad-deċiżjonijiet, billi tirrileva li meta att jiġi adottat permezz ta’ proċedura bil-miktub, “il-proposta għandha tkun disponibbli tal-inqas fil-lingwi tal-ħidma tal-Kummissjoni”, filwaqt li fil-każ tad-deċiżjonijiet meħuda mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ delega, “it-test huwa meħtieġ biss fil-lingwa jew fil-lingwi li għalihom tkun indirizzata d-deċiżjoni”.

    137

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma żnaturat il-punt 5.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, intitolat “Tiġi ssimplifikata s-sistema lingwistika”, meta rrilevat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li dan “juri r-rwol tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni”, sa fejn dan jippreċiża li “waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ dewmien fit-tnedija jew it-tlestija tal-proċeduri bil-miktub u tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni hija l-kisba ta’ traduzzjonijiet, inklużi testi riveduti mill-ġuristi lingwisti, li jagħmel indispensabbli li jkun hemm trażmissjoni fil-ħin tad-dokumenti kkonċernati [lil din id-direttorat]”, u meta qieset, fil-punt 134 ta’ dik is-sentenza, li dan il-punt 5.2 huwa għalhekk ta’ natura wkoll li jikkwalifika l-portata tar-riferiment għal-“lingwi ta’ ħidma” tal-Kummissjoni.

    138

    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma żnaturat il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li l-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni ma jippermettix li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar l-użu effettiv tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża fix-xogħol ta’ kuljum tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u lanqas a fortiori fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

    139

    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat il-punt 5.2 tal-imsemmija komunikazzjoni meta qieset, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, li dan jagħti x’jifhem li ma huwiex id-dipartiment materjalment responsabbli għat-tfassil ta’ dokument, iżda d-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni, li jistabbilixxi l-verżjonijiet ta’ dan id-dokument fil-lingwi proċedurali neċessarji sabiex jintbagħtu lill-Kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, peress li d-dipartiment responsabbli jillimita ruħu għal kompitu ta’ verifika tat-test tradott.

    140

    Issa, fl-assenza ta’ kwalunkwe żnaturament, l-importanza mogħtija mill-Qorti Ġenerali lil waħda jew lill-oħra mill-eventwalitajiet espressament previsti mill-imsemmija komunikazzjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-provi li, min-natura tagħhom, jaqgħu ’l barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

    141

    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żnaturament tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom

    – L-argumenti tal-partijiet

    142

    Il-Kummissjoni targumenta li, fil-punti 139 sa 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rabta bejn ir-Regoli tal-Proċedura, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

    143

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet qari selettiv tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, billi naqset milli tqis li l-President ta’ din l-istituzzjoni jista’ jistabbilixxi l-lingwi li fihom għandhom ikunu disponibbli d-dokumenti, fid-dawl tal-ħtiġijiet minimi tal-membri tal-Kulleġġ jew tal-ħtiġijiet marbuta mal-adozzjoni ta’ att.

    144

    Issa, il-President tal-Kummissjoni applika din il-fakultà billi adotta l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6.

    145

    Għaldaqstant, u minkejja li din il-komunikazzjoni ma ssemmix speċifikament it-tliet lingwi ta’ ħidma li għandhom jintużaw mill-membri tal-Kulleġġ, skont il-Kummissjoni din tikkonferma l-prassi interna dwar l-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża fil-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni.

    146

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    147

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li huwa b’mod għalkollox fidil li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 139 sa 146 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, qabel ma wettqet analiżi tal-kontenut tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

    148

    Għalhekk, dak li tikkritika lill-Qorti Ġenerali huwa li din illimitat ruħha għal tali tfakkira, filwaqt li kellha tikkunsidra li dawn id-dokumenti jikkonfermaw l-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża bħala lingwi ta’ ħidma.

    149

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-imsemmija dokumenti mingħajr ma turi kif il-Qorti Ġenerali żnaturathom, iżda l-argument tagħha huwa bbażat, barra minn hekk, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    150

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma llimitat ruħha li tesponi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn l-istess dokumenti. Għall-kuntrarju, hija evalwathom b’mod sħiħ flimkien mal-elementi l-oħra relatati mal-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku, inkluża mal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, billi kkonstatat, minn naħa, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, li, meħuda flimkien, dawn it-testi “sempliċement jirriflettu prassi amministrattiva stabbilita fit-tul fi ħdan din l-istituzzjoni, li tikkonsisti fl-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża bħala lingwi li fihom id-dokumenti għandhom isiru disponibbli sabiex ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-membri”, u min-naħa l-oħra, fil-punti 157 u 158 ta’ dik is-sentenza, li la mill-imsemmija testi u lanqas mill-elementi tal-proċess ma jsegwi li “teżisti rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jiżvolġu fi ħdan il-kulleġġ tal-membri tiegħu, u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkontestata inkwistjoni ser ikunu jistgħu jeżerċitaw” jew li “t-tliet lingwi kollha [inkwistjoni] huma effettivament użati mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 169 tal-imsemmija sentenza, li dawn l-istess testi ma humiex ta’ natura li juru li l-limitazzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali tas-servizz u, għaldaqstant, tistabbilixxi l-eżistenza, fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi msemmija f’dan l-avviż, ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi.

    151

    Għalhekk, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fir-realtà, li ssostni li d-dokumenti li hija tinvoka jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali, li ma tikkostitwixxix, bħalma tfakkar fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, il-prova ta’ żnaturament ta’ dawn id-dokumenti.

    152

    Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

    Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq l‑iżnaturament tat‑taqsima dwar ir‑“Rekwiżiti lingwistiċi skont il‑proċedura ta’ adozzjoni”, inkluża fil‑Manwal tal‑proċeduri operattivi

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    153

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 165 sa 169 tas-sentenza appellata, is-sens u l-portata tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

    154

    Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dan id-dokument, il-Qorti Ġenerali manifestament injorat żewġ aspetti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, minn naħa, l-eżistenza tas-sistema tad-derogi ssostni pjuttost milli tinvalida r-regola tat-tliet lingwi proċedurali u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi dokument jikkonferma b’mod inekwivoku li kienu d-dipartimenti tal-istituzzjoni li kellhom josservaw ir-rekwiżiti lingwistiċi stabbiliti fih.

    155

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, minħabba li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din tal-aħħar żnaturathom.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    156

    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni titlob, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” b’tagħha stess, mingħajr ma tistabbilixxi li din manifestament eċċediet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dan id-dokument.

    157

    Għaldaqstant, dan l-argument ma jikkostitwixxix, bħalma tfakkar fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, it-turija ta’ żnaturament tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

    158

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli.

    Fuq ir‑raba’ parti, ibbażata fuq l‑assenza ta’ evalwazzjoni globali tal‑Komunikazzjoni SEC (2000) 2071/6, tar‑Regoli tal‑Proċedura u tal‑modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom kif ukoll tat‑taqsima dwar ir‑“Rekwiżiti lingwistiċi skont il‑proċedura ta’ adozzjoni”

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    159

    Il-Kummissjoni ssostni li, billi kklassifikat, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, bħala riflessjoni ta’ prassi amministrattiva l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, ir-Regoli tal-Proċedura u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, il-Qorti Ġenerali injorat l-aspett li dawn id-dokumenti jistabbilixxu regola vinkolanti għall-adozzjoni ta’ atti mill-Kummissjoni, inkluż l-OLAF.

    160

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Kummissjoni l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 152 sa 157 u 159 tas-sentenza appellata, dawn id-dokumenti billi ċaħdithom mill-kwalità ta’ regoli interni, imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom sabiex tevalwa l-legalità tal-motivazzjoni mressqa fir-rigward tan-natura oġġettiva u proporzjonata tal-limitazzjoni inkwistjoni.

    161

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    162

    Qabelxejn għandu jitfakkar li, fil-punti 156 u 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dokumenti msemmija fil-punti 123 sa 125 u 127 ta’ dik is-sentenza kellhom biss l-għan li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali ta’ dik l-istituzzjoni, iżda ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta neċessarja bejn dawn il-proċeduri u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet kontenzjużi jkunu jistgħu jeżerċitaw.

    163

    Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tas-saħħa vinkolanti tas-sistema lingwistika fi ħdan dik l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tiżnatura dawn id-dokumenti, tikkonkludi li ma kienx hemm tali rabta.

    164

    Issa, minn naħa, mill-punt 121 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jidher li tqis il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma waslitx għal din il-konklużjoni għar-raġuni li s-sistema lingwistika applikabbli għad-diversi proċeduri deċiżjonali ma għandhiex saħħa vinkolanti fi ħdan dik l-istituzzjoni.

    165

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma turix li l-Qorti Ġenerali, billi waslet għall-imsemmija konklużjoni, manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija dokumenti li, kuntrarjament għal dak li donnha ssostni l-Kummissjoni, hija evalwat kemm individwalment kif ukoll globalment.

    166

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-raba’ parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

    Fuq il‑ħames parti, ibbażata fuq l‑iżnaturament tal‑Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    167

    Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 160 sa 163 tas-sentenza appellata, il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final u, b’mod partikolari, l-anness tagħha intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”.

    168

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkritika li l-Qorti Ġenerali ma osservatx, meta rrilevat fil-punt 161 ta’ dik is-sentenza li dawn ir-regoli ta’ traduzzjoni kienu jirreferu għad-dokumenti redatti bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, mhux bħala lingwi oriġinali, iżda bħala lingwi fil-mira, il-fatt li dawn it-tliet lingwi kienu l-lingwi ta’ traduzzjoni tad-dokumenti għal użu intern u li huwa biss f’dawn il-lingwi li l-parti l-iktar sinjifikattiva tad-dokumenti intiżi għal tali użu kellha tiġi tradotta. Għalhekk, huwa abbażi tat-traduzzjoni ta’ dokument f’waħda mill-imsemmija lingwi li d-dipartimenti tal-istituzzjoni kellhom jaħdmu.

    169

    Skont il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li ċerti dokumenti huma tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti, peress li tali traduzzjoni tikkonċerna biss id-dokumenti intiżi għal użu estern.

    170

    Barra minn hekk, l-eżami tal-argument dwar it-traduzzjonijiet “griżi”, imwettaq fil-punt 162 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxi żnaturament addizzjonali, peress li l-Qorti Ġenerali kkonċentrat fuq il-kontenut ta’ punt limitat ħafna tad-dokument inkwistjoni, filwaqt li injorat il-portata l-iktar wiesgħa li tirriżulta mill-kumplament tiegħu.

    171

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    172

    Fil-punti 160 sa 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni li hija għamlet tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, tar-Regoli tal-Proċedura u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom kif ukoll tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti li l-Kummissjoni tislet mill-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final u b’mod partikolari mill-anness tagħha intitolat“Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”, jiġifieri li minn dan jirriżulta li, fir-rigward tad-dokumenti għal użu intern, hija biss traduzzjoni bil-lingwa Ingliża, Franċiża u dik Ġermaniża li tkun meħtieġa, minbarra lingwa awtentika potenzjali, u li, barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jkunu meħtieġa jipproduċu traduzzjonijiet billi jużaw il-konoxxenzi lingwistiċi tal-membri tal-persunal tagħhom, magħrufa bħala traduzzjonijiet “griżi”.

    173

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tal-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final ma għandux l-effett li jinvalida, iżda, għall-kuntrarju, li jikkonferma l-evalwazzjoni esposta fil-punti 157 u 158 ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, ir-“regoli tat-traduzzjoni wara l‑2006”, ippreżentati fl-anness ta’ din il-komunikazzjoni, isemmu l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża biss bħala lingwi fil-mira li fihom għandhom jiġu tradotti ċerti kategoriji ta’ dokumenti, mingħajr bl-ebda ma jiddefinixxu l-lingwa sors tagħhom. Barra minn hekk, għall-parti l-kbira tal-kategoriji ta’ dokumenti msemmija minn dan l-anness, hija prevista traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha, u t-traduzzjoni lejn il-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża biss hija, fir-realtà, l-eċċezzjoni.

    174

    Fil-punt 162 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq it-twettiq ta’ traduzzjonijiet “griżi”, dan ma huwa sostnut minn ebda prova dwar il-proporzjon eżatt li jirrappreżenta dan it-tip ta’ traduzzjoni fil-konfront tal-volum globali tat-traduzzjonijiet prodotti fil-Kummissjoni. Għalkemm il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final tirrikonoxxi, fil-punt 2.2 tagħha, li huwa “estremament diffiċli li dawn it-traduzzjonijiet jiġu kklassifikati minħabba nuqqas ta’ indikaturi affidabbli”, hija xorta waħda tinkludi, fil-punt 3.1 tagħha, stima għas-sena 2007, skont liema t-traduzzjonijiet prodotti mid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni jirrappreżentaw 1700000 paġna filwaqt li t-traduzzjonijiet “griżi” jilħqu 100000 paġna. Madankollu, peress li din iċ-ċifra tal-aħħar tikkorrispondi għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni minbarra dan id-direttorat, huwa evidenti ħafna li t-traduzzjonijiet “griżi” jirrappreżentaw biss kwantità żgħira ħafna fil-konfront tal-volum prodott mill-imsemmi direttorat. Fl-aħħar u fuq kollox, ebda prova fil-proċess ma tippermetti li jintwera li t-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq huma l-lingwi li lejhom isiru dawn it-traduzzjonijiet “griżi”.

    175

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma turix li l-evalwazzjoni tal-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final u tal-anness tagħha intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”, li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, hija manifestament żbaljata, iżda tillimita ruħha, fir-realtà, li ssostni li dawn it-testi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali.

    176

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

    Fuq is‑sitt parti, ibbażata fuq żnaturament tad‑data dwar il‑lingwi użati fid‑dipartimenti li fihom ser jiġu assenjati l‑kandidati li għaddew mill‑kompetizzjonijiet ikkontestati kif ukoll fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

    – L‑argumenti tal‑partijiet

    177

    Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tan-natura żbaljata, invokata fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, tad-definizzjoni tal-kriterji għall-evalwazzjoni tal-provi, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 180 sa 183 tas-sentenza appellata, din żnaturat, fil-punti 180 sa 185 u 188 sa 196 ta’ dik is-sentenza, id-data dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-OLAF, billi qieset li din ma kinitx ta’ natura li tistabbilixxi li l-konoxxenza ta’ waħda mit-tliet lingwi inkwistjoni kienet tippermetti li l-kandidati tal-kompetizzjonijiet ikkontestati jkunu immedjatament operattivi. Hija tfakkar f’dan ir-rigward li huwa sabiex jiġi deskritt l-ambjent lingwistiku tax-xogħol li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestati ser ikollhom jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom fih li hija pproduċiet id-data statistika dwar it-tieni u t-tielet lingwa magħrufa mill-amministraturi li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan l-OLAF.

    178

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad ir-rilevanza ta’ din id-data mingħajr ma tinjora n-natura tagħha, għaliex, skont il-Kummissjoni, din turi li l-kombinazzjoni tat-tliet lingwi magħżula bħala t-tieni lingwa fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat tippermetti interazzjoni effikaċi fi ħdan il-membri tal-persunal, li tiżgura li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni jkunu immedjatament operattivi.

    179

    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha li tikkunsidra kriterju unikament kwantitattiv fl-analiżi ta’ din id-data, sabiex tikkonkludi minn dan li huwa biss l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża li jagħti vantaġġ fl-ambjent lingwistiku tad-dipartiment tal-Kummissjoni kkonċernat mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

    180

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 184 tas-sentenza appellata, id-data dwar it-tielet lingwa magħrufa mill-membri tal-persunal tad-dipartimenti kkonċernati hija rilevanti sabiex tingħata l-iktar stampa preċiża ta’ dan l-ambjent lingwistiku.

    181

    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, żnaturat id-data dwar il-ġestjoni ta’ ċerti aspetti tal-programm Hercule III li hija kienet ipprovdiet billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li r-regolament li jistabbilixxi dan il-programm, jiġifieri r-Regolament Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU 2014, L 84, p. 6), ma jimponix l-użu ta’ waħda mit-tliet lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa skont l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali evitat iċ-ċirkustanza li l-ġestjoni stess ta’ dan il-programm hija koperta mid-dipartimenti tal-OLAF.

    182

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

    – Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    183

    Għandu jitfakkar li, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-data prodotta mill-Kummissjoni ma kinitx tippermetti li tiġi identifikata liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati mid-dipartimenti li minnhom toriġina din id-data, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

    184

    Barra minn hekk, fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li mid-data prodotta mill-Kummissjoni kien jirriżulta li, kuntrarjament għall-konoxxenza tal-lingwa Ingliża, dik tal-lingwa Ġermaniża u Franċiża ma kinitx tippreżenta vantaġġ partikolari meta mqabbel mal-konoxxenza ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni fid-dawl tan-neċessità li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

    185

    Issa, bħalma jirriżulta mill-punti 81 sa 83, 104 u 107 sa 109 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tibbaża l-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni inkwistjoni fuq tali rekwiżit.

    186

    B’mod partikolari, konformement mal-punti 107 u 108 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tagħmel qari żbaljat tas-sentenza appellata, meta tikkritika li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punti 181 u 183 tas-sentenza appellata, fuq il-kunċett ta’ “vantaġġ”. Fil-fatt, minflok ma llimitat ruħha għal evalwazzjoni kwantitattiva tad-data prodotta mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, li l-konoxxenza tal-lingwa Ġermaniża u dik Franċiża ma kinitx iktar iġġustifikat minn dik ta’ lingwa oħra tal-Unjoni.

    187

    Barra minn hekk, fir-rigward tad-data msemmija fil-punt 184 tas-sentenza appellata, dwar il-konoxxenzi ddikjarati minn amministraturi responsabbli mill-funzjonijiet previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat fir-rigward tat-tielet lingwa tagħhom, għandu jiġi rrilevat li din id-data ssemmiet “anki jekk il-kontenut tagħha bl-ebda mod ma jbiddel l-evalwazzjoni esposta fil-punt 183 [tas-sentenza appellata]”.

    188

    Peress li l-motiv imsemmi fil-punt 184 tas-sentenza appellata huwa superfluwu, l-ilmenti bbażati fuq żnaturament ta’ din id-data kif ukoll fuq motivazzjoni kontradittorja indirizzati kontra dan il-punt huma ineffettivi.

    189

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-data dwar il-ġestjoni ta’ ċerti aspetti tal-programm Hercule, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel enfasizzat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 250/2014 ma kienet timponi l-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ dan il-programm.

    190

    Fil-punt 192 tal-istess sentenza, din indikat li dokument intitolat “Programmi operattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi” li jelenka biss disa’ sejħiet għal proposti ppubblikati bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż ma kienx jippermetti li jiġi identifikat jekk dawn is-sejħiet għal proposti kinux ġew stabbiliti direttament mill-membri tal-persunal tal-OLAF jew mid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni.

    191

    Fil-punt 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li “ebda element tal-proċessi […] ma jippermetti li jitqies li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkonċernati mill-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] huma responsabbli minn kompiti marbuta mat-tfassil ta’ sejħiet għal proposti fil-kuntest tal-programm Hercule III, u mhux missjonijiet oħra”.

    192

    Issa, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 193 tas-sentenza appellata u ma turix kif din żnaturat id-data li hija pprovdiet f’dan ir-rigward, iżda ssostni biss interpretazzjoni differenti ta’ din id-data minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali, li fiha nnifisha ma tikkostitwixxix, bħalma tfakkar fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, it-turija ta’ żnaturament tal-imsemmija data.

    193

    Peress li s-sitt parti ma tistax tintlaqa’, hemm lok, konsegwentement, li t-tieni aggravju tal-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it‑tielet aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    194

    Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors fl-ewwel istanza, minn naħa, abbażi ta’ evalwazzjoni żbaljata fid-dritt tal-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, billi żnaturat il-mezzi ta’ prova li pproduċiet din l-istituzzjoni, il-motivi tas-sentenza appellata dwar it-tieni aspett tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

    195

    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, għar-raġuni li ma huwiex motivat b’mod awtonomu iżda sempliċement itenni l-argument ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi dwar il-limitazzjoni inkwistjoni.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    196

    Mill-evalwazzjonijiet dwar l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell jirriżulta li l-Kummissjoni baqgħet ma wrietx l-eżistenza tal-iżbalji ta’ liġi u tal-iżnaturament tal-provi allegati.

    197

    Peress li t-tielet aggravju huwa bbażat fuq dawn l-istess allegazzjonijiet, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    198

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l‑ispejjeż

    199

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu.

    200

    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Taljana.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Taljana.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol u t-Taljan.

    Top