Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0624

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Settembru 2022.
E.K. vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Kamp ta’ applikazzjoni – Cittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE – Artikolu 3(2)(e) – Residenza esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-624/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:639

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Kamp ta’ applikazzjoni – Cittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE – Artikolu 3(2)(e) – Residenza esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑624/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

E. K.

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, I. Ziemele (Relatriċi) u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin, N. Wahl u O. Spineanu–Matei,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. K., minn E. C. Gelok u H. Lichteveld, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, A. Hanje u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Søndahl Wolff u L. Teilgård, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, E. Montaguti u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E. K., ċittadina Ganjana li għandha dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 20 TFUE, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni mressqa minn E. K. intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza ta’ resident għat-tul.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdu:

“(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

[…]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[…]

e)

jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat;”

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

a)

riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul;

b)

l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat.

2.   L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.”

Id‑dritt Olandiż

Il-Vreemdelingenwet 2000

7

L-Artikolu 8 tal-Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (il-Liġi dwar il-Barranin tal-2000)), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Ċittadin barrani għandu d-dritt jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

[…]

e.

bħala ċittadin tal-Unjoni, sa fejn jirrisjedi bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni adottata skont it-Trattat FUE jew il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)”.

8

L-Artikolu 45(b) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE għandha tiġi miċħuda jekk, immedjatament qabel ma ressqet l-applikazzjoni, il-persuna barranija:

a.

kellha dritt ta’ residenza ta’ natura temporanja skont permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 14;

b.

kellha dritt ta’ residenza formalment limitat;

c.

kienet residenti skont status speċjali privileġġat;

d.

kienet residenti, skont permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 28 li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 29(1)(a) jew (b);

e.

kienet residenti, skont permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 28 li jkun ingħata skont l-Artikolu 29(2), ma’ persuna barranija li għandha permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 28 li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 29(1)(a) jew (b).

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 1, applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE tista’ tiġi miċħuda biss jekk il-persuna barranija:

a.

ma kinitx residenti legalment, għal ħames snin mingħajr interruzzjoni u immedjatament qabel ma ressqet l-applikazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 8, b’kont meħud tal-paragrafu 3;

b.

fil-perijodu msemmi f’(a), kienet residenti barra l-Pajjiżi l-Baxxi għal sitt xhur konsekuttivi jew iktar, jew għal total ta’ għaxar xhur jew iktar;

c.

ma għandhiex, b’mod indipendenti u għal perijodu twil, flimkien ma’ jew mingħajr il-membru tal-familja li toqgħod magħha, mezzi suffiċjenti għall-għajxien;

d.

ġiet ikkundannata b’sentenza li saret definittiva għal ksur punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, jew ġiet imposta fuqha l-miżura msemmija fl-Artikolu 37(a) tal-[Kodiċi Kriminali];

e.

tirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali;

f.

ma għandhiex assigurazzjoni għall-mard suffiċjenti għaliha nnifisha u għall-membri tal-familja li hija responsabbli għalihom; jew

g.

ma għaddietx mill-eżami msemmi fl-Artikolu 7(1)(a) tal-[Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika] jew ma kisbitx diploma, ċertifikat jew dokument ieħor imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c) ta’ din il-liġi.

3.   Għall-kalkolu tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 2(a), ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni r-residenza fis-sens tal-paragrafu 1 u r-residenza fis-sens tal-paragrafu 2(b), bl-eċċezzjoni tar-residenza għall-finijiet ta’ studju jew taħriġ professjonali, li għandha tingħadd nofsha.

4.   Jistgħu jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 minn jew bis-saħħa ta’ miżura amministrattiva ġenerali.”

Il-Vreemdelingenbesluit 2000

9

L-Artikolu 3.5 tal-Besluit tot uitvoering van de Vreemdelingenwet 2000 (Vreemdelingenbesluit 2000) (id-Digriet li Jimplimenta l-Liġi dwar il-Barranin (id-Digriet tal-2000 dwar il-Barranin)), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.   Id-dritt ta’ residenza skont permess ta’ residenza ordinarju għal żmien determinat ikun jew temporanju jew mhux temporanju.

2.   Ikun temporanju d-dritt ta’ residenza skont permess ta’ residenza mogħti suġġett għal restrizzjoni relatata:

a.

mar-residenza bħala membru tal-familja, meta l-persuna ta’ referenza:

1° ikollha dritt ta’ residenza temporanja, jew

2° ikollha permess ta’ residenza temporanja fis-sens ta’ ażil;

b.

max-xogħol staġjonali;

c.

mat-trasferiment intraazjendali;

d.

mal-provvista transkonfinali ta’ servizzi;

e.

mal-apprendistat;

f.

mal-istudju;

g.

mat-tiftix u t-twettiq ta’ xogħol, kemm jekk bil-ħlas kif ukoll jekk le;

h.

mal-iskambju, kemm jekk fil-kuntest ta’ trattat kif ukoll jekk le;

i.

mal-kura medika;

j.

ma’ raġunijiet umanitarji temporanji;

k.

mal-istennija sakemm issir applikazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Rijkswet op het Nederlanderschap (l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Olandiża).

3.   Regolament Ministerjali jista’ jiddetermina, b’implimentazzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minn trattati jew deċiżjonijiet vinkolanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, każijiet fejn, b’deroga mill-paragrafu 2, id-dritt ta’ residenza huwa ta’ natura mhux temporanja.

4.   Jekk jingħata suġġett għal limitazzjoni oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 2, il-permess ta’ residenza ma jkunx temporanju, sakemm ma jkunx previst mod ieħor meta jingħata.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, E. K., hija ta’ nazzjonalità Ganjana. It-tifel tagħha, imwieled fl‑10 ta’ Frar 2002, għandu ċittadinanza Olandiża. Fid‑9 ta’ Settembru 2013, ingħatat permess ta’ residenza fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 20 TFUE, bl-indikazzjoni “membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”.

11

Fit‑18 ta’ Frar 2019, din tal-aħħar, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2003/109 fl-ordinament ġuridiku intern, ippreżentat applikazzjoni għall-kisba ta’ permess ta’ residenza għal żmien twil – UE. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mis-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, li qies li d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE kien ta’ natura temporanja u li, għal din ir-raġuni, hija ma setgħetx tingħata l-permess ta’ residenza mitlub. L-ilment imressaq minn E. K. kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat infondat.

12

E. K. ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

13

Din il-qorti tistaqsi, qabelxejn, dwar in-natura temporanja ta’ dritt ta’ residenza miksub skont l-Artikolu 20 TFUE. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk dritt ta’ residenza jistax jiġi kklassifikat bħala “temporanju” biss jekk jiġi stabbilit li dan id-dritt ser jintemm f’data preċiża, magħrufa minn qabel, u, min-naħa l-oħra, jekk in-natura temporanja jew le tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE tistax tkun marbuta mal-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun intitolat għalih, fid-dawl b’mod partikolari tar-rieda ta’ E. K. li tistabbilixxi ruħha fit-tul fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Sussegwentement, l-imsemmija qorti tosserva li E. K. u s-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà ma jaqblux dwar jekk id-determinazzjoni tan-natura temporanja jew le tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE taqax taħt il-kompetenza tal-Istati Membri jew jekk, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “dritt ta’ residenza temporanju” għandux jingħata interpretazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-istess qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 ġiex traspost korrettament fl-ordinament ġuridiku Olandiż.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE huwiex minnu nnifsu ta’ natura temporanja jew mhux temporanja, jew din il-kwistjoni għandha tiġi ddefinita fil-livell tad-dritt tal-Unjoni?

2)

Jekk hija interpretazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni li għandha tapplika, teżisti, fl-applikazzjoni tad-Direttiva [2003/109], distinzjoni bejn id-drittijiet ta’ residenza anċillari differenti li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw minnhom skont id-dritt tal-Unjoni, fosthom id-dritt ta’ residenza anċillari mogħti lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni skont id-[Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, L 158, p. 77)), u d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE?

3)

Id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, li, min-natura tiegħu, huwa anċillari mal-eżistenza [ta’] relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni u huwa għalhekk limitat, huwa ta’ natura temporanja?

4)

Jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE huwa ta’ natura temporanja, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi biss permessi ta’ residenza maħruġa taħt id-dritt nazzjonali milli jiksbu status ta’ residenza għal żmien twil skont id-Direttiva 2003/109?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

15

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-determinazzjoni tan-natura temporanja tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE taqax taħt il-kompetenza tal-Istati Membri jew jekk, min-naħa l-oħra, din hijiex “kwistjoni [li għandha] tiġi interpretata fil-livell tad-dritt tal-Unjoni”.

17

Madankollu, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda saret sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni ta’ E. K., li għandha dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(2)(e) ta’ din id-direttiva.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, li hemm riferiment għalih hemmhekk, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

19

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l‑portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 42, u tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Filwaqt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 ma tinkludix definizzjoni tat-termini “jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju”, din id-direttiva ma tagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tas-sinjifikat ta’ dawn it-termini. Minn dan jirriżulta li dawn għandhom jiġu jitqiesu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, bħala li jindikaw kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 43).

21

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, li hemm riferiment għalih hemmhekk, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

22

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, li hemm riferiment għalih hemmhekk, ikoprix ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz imwettaq skont l-Artikolu 20 TFUE fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu n-nazzjonalità.

23

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/109 jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

24

Filwaqt li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-imsemmija direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, il-paragrafu 2 tagħha jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċerti tipi ta’ residenzi. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(2)(e) tal-istess direttiva jipprovdi li hija ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja, pereżempju bħala persuni au pair jew ħaddiema staġjonali jew bħala ħaddiema kkollokati minn fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali, jew bħala fornituri ta’ servizzi transkonfinali, jew meta l-permess tar-residenza tagħhom ikun ġie limitat formalment.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 20 TFUE, tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/109, li jipprevedi li din id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

26

Fir-rigward tal-punt dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn permess ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 20 TFUE huwiex madankollu eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 skont l-Artikolu 3(2)(e) tagħha, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tkopri żewġ każijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, dak taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja u, min-naħa l-oħra, dak taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li l-permess ta’ residenza tagħhom ġie formalment limitat, jiġifieri, minn naħa, dak taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja u, min-naħa l-oħra, dak ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 38).

27

Fir-rigward tal-ewwel każ, li huwa l-uniku suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 3 lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/109 ma tippreċiża x’għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, fis-sens tal-paragrafu 2(e) ta’ dan l-artikolu.

28

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha u l-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis, C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini tad-dispożizzjoni kkonċernata tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37).

29

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi li din id-direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li “jirrisjedu esklużivament għal raġunijiet temporanji” fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

30

Fid-dawl tat-tifsira ta’ dawn il-kliem fil-lingwaġġ ta’ kuljum, tali kundizzjoni tippreżupponi li jiġi eżaminat jekk ir-raġuni li tiġġustifika din ir-residenza timplikax, sa mill-bidu tas-soġġorn, li din kienet esklużivament prevista għal żmien qasir. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, raġunijiet ta’ natura temporanja, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, ma jirriflettux a priori fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz intezjoni li jistabbilixxi ruħu għal żmien twil fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 47).

31

Din l-interpretazzjoni letterali tal-kliem “jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju”, imsemmija fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, hija murija mil-lista ta’ residenzi li r-raġunijiet tagħhom għandhom tali karatteristika, li tinsab f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jissemmew b’mod speċifiku, bħala eżempju, ir-residenzi ta’ ċittadini terzi bħala persuni au pair jew ħaddiema staġjonali jew bħala ħaddiema kkollokati minn fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali, jew bħala fornituri ta’ servizzi transkonfinali.

32

Tali residenzi għandhom il-karatteristika oġġettiva komuni li huma strettament limitati fiż-żmien u li huma intenzjonati għal żmien qasir, b’tali mod li ma jippermettux l-istabbiliment fit-tul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punti 4850).

33

Barra minn hekk, tali kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (COM(2001) 127 final), marbuta mal-Artikolu 3(2)(d) ta’ din il-proposta, li, essenzjalment, jikkorrispondi għall-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109. Skont din l-espożizzjoni tal-motivi, il-kategoriji ta’ persuni speċifikament imsemmija fl-Artikolu 3(2) (d) tal-imsemmija proposta ma humiex intiżi li jistabbilixxu ruħhom għat-tul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

34

Għaldaqstant, għandu jitqies li, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-oriġini tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, il-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri kull residenza fit-territorju ta’ Stat Membru li hija bbażata esklużivament fuq raġunijiet li għandhom bħala karatteristika oġġettiva li timplika li din hija strettament limitata fiż-żmien u intenzjonata għal żmien qasir, u ma tippermettix ir-residenza għal żmien twil taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

35

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 20 TFUE ma għandhiex tali karatteristika oġġettiva.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal E. K., biss f’sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju marbuta mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma huwiex applikabbli u dan iċ-ċittadin ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, fejn ir-rifjut tal-għoti ta’ dan id-dritt ikun jobbliga lill-imsemmi ċittadin, fil-prattika, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu, u għalhekk iċaħħdu mit-tgawdija effettiva tas-sostanza tad-drittijiet tiegħu mogħtija minn dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 63, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Sabiex tali rifjut ikun jista’ jikkomprometti l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu jkun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza ta’ natura li twassal lil dan tal-aħħar, sakemm tali ċittadin ma jkollux dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni, ikun kostrett jakkumpanjah u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-dawl tal-intensità tar-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tal-ewwel wieħed, li għandu jiġi evalwat ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, u tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15,EU:C:2017:354, punt 71; u tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 72, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 56).

39

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza bejn wild ċittadin tal-Unjoni u l-ġenitur tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, qieset li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tal-kustodja ta’ dan il-wild kif ukoll dik dwar jekk id-dipendenza finanzjarja jew emottiva tal-imsemmi wild hijiex assunta mill-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 51). L-età tal-wild, l-iżvilupp fiżiku u emottiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni emottiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li s-separazzjoni minn ma’ dan tal-aħħar jista’ joħloq għall-bilanċ ta’ dan il-wild, ukoll tqiesu bħala ċirkustanzi rilevanti (sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 71).

40

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn persuni maġġorenni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li għalkemm, ċertament, adult huwa, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jkollu eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tiegħu, ir-rikonoxximent, bejn żewġ adulti, membri tal-istess familja, ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza hija wkoll possibbli f’każijiet eċċezzjonali, li fihom il-persuna kkonċernata ma tista’, bl-ebda mod, tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li tiddependi fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 65, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 56).

41

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, huwa ġġustifikat għar-raġuni li tali residenza hija neċessarja sabiex dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jgawdi, b’mod effettiv, is-sostanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus sakemm tibqa’ teżisti r-relazzjoni ta’ dipendenza mal-imsemmi ċittadin. Għalkemm huwa minnu li tali relazzjoni ta’ dipendenza tisparixxi, bħala regola ġenerali, mal-mogħdija taż-żmien, bħala prinċipju, hija ma hijiex intiża li tkun għal żmien qasir. Għaldaqstant, ir-raġuni ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 20 TFUE, ma hijiex ta’ natura li tipprekludi r-residenza fit-tul taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Fil-fatt, ir-relazzjoni ta’ dipendenza li tiġġustifika tali residenza, li l-karatteristiċi prinċipali tagħha ġew imfakkra fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, tista’ testendi fuq perijodu kunsiderevoli u, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ġenitur ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, bħala prinċipju, sal-età maġġorenni ta’ dan il-wild, jew lil hinn minnha meta l-kundizzjonijiet li jiġġustifikawha jkunu ssodisfatti.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li r-residenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 20 TFUE tikkostitwixxi residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109.

43

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni, ibbażata fuq il-formulazzjoni u l-oriġini tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

44

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessi 4, 6 u 12 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-għan prinċipali tagħha huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għaż żmien twil fl-Istati Membri (sentenzi tas‑26 ta’ April 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 66; tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh, C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 45, u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal żmien twil – Riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti), C‑302/18, EU:C:2019:830, punt 29).

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, moqri fid-dawl tal-premessa 6 tagħha, tali integrazzjoni tirriżulta qabel kollox mit-tul tar-residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li tixhed l-għeruq tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru kkonċernat u għalhekk l-installazzjoni għal żmien twil ta’ din il-persuna fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal żmien twil – Riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti), C‑302/18, EU:C:2019:830, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, it-tul tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 20 TFUE jista’ jestendi fuq perijodu kunsiderevoli u, għalhekk, ikun nettament itwal mit-tul stabbilit mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109.

47

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE għandu jingħata permess ta’ xogħol, sabiex ikun jista’ jipprovdi għall-bżonnijiet tal-wild tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, taħt piena li dan tal-aħħar jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tas-sostanza tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 45). Tali xogħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul perijodu estiż huwa ta’ natura li jikkonsolida iktar l-għeruq hemmhekk.

48

Fit-tielet lok, l-imsemmija interpretazzjoni bl-ebda mod ma hija invalidata mill-kuntest li tinsab fih id-dispożizzjoni inkwistjoni.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 li tinsab fil-punt 42 ta’ din is-sentenza ma tqegħedx inkwistjoni l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, peress li ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE għandu, sabiex jikseb l-istatus ta’ resident għal perijodu twil, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija direttiva. Barra mill-fatt li għandu jkun irrisjeda legalment u kontinwament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni, iċ-ċittadin tal-Istat terz għandu jipproduċi prova li huwa pprovda, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu, riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu u tal-familja tiegħu mingħajr rikors għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll għal assigurazzjoni għall-mard għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu stess fl-imsemmi Stat Membru. Bl-istess mod, l-istess Stat Membru jista’ jeżiġi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 38 u 39).

50

Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż u Ġermaniż sostnew, fost l-oħrajn, essenzjalment, li, fid-dawl tan-natura dderivata tad-dritt ta’ residenza li jibbenefika minnu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, din ir-residenza, minkejja li, ipotetikament, twettqet għal perijodu legali u kontinwu ta’ ħames snin, ma tistax tiġġustifika l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal żmien twil skont id-Direttiva 2003/109. Tali argument ma jistax jintlaqa’.

51

Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil tali ċittadini ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Madankollu, tali ċirkustanza hija irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk il-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, ikoprix ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE fit-territorju tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu n-nazzjonalità tiegħu.

53

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva ma jagħmilx distinzjoni skont jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni jirrisjedix legalment fit-territorju tal-Unjoni abbażi ta’ dritt awtonomu jew abbażi ta’ dritt derivat minn dawk li jgawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat.

54

Barra minn hekk, tali distinzjoni lanqas ma tirriżulta mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) tagħha, li jirreferi għall-perijodu ta’ residenza legali u kontinwu taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri matul il-ħames snin li jkunu ppreċedew immedjatament is-sottomissjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni.

55

Min-naħa l-oħra, in-natura dderivata tad-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru li huwa rrikonoxxut, skont id-dritt tal-Unjoni, lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma timplikax neċessarjament li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali dritt jipprekludu r-residenza għal żmien twil ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ir-relazzjoni ta’ dipendenza li fuqha huwa bbażat id-dritt ta’ residenza dderivat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, skont l-Artikolu 20 TFUE, ma hijiex, bħala prinċipju, intiża li tkun għal żmien qasir, iżda tista’ testendi fuq perijodu kunsiderevoli.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, li hemm riferiment għalih hemmhekk, ma jkoprix ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE fit-territorju tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu n-nazzjonalità tiegħu.

Fuq ir-raba’ domanda

57

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, li hemm riferiment għalih hemmhekk, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

 

2)

L-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ residenza “esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja”, li hemm riferiment għalih hemmhekk, ma jkoprix ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE fit-territorju tal-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu n-nazzjonalità tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top