EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0615

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Proċeduri kriminali kontra YP et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-qrati – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef ordnati mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ din l-awla – Bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni ta’ kawża li sa dak iż-żmien kienet fdata lil dak l-imħallef – Projbizzjonijiet għall-qrati nazzjonali li jikkontestaw il-leġittimità ta’ qorti, li jikkompromettu l-funzjonament tagħha jew li jevalwaw il-legalità jew l-effettività tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari – Obbligu għall-qrati kkonċernati u għall-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li jeskludu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija tal-immunità u ta’ sospensjoni tal-imħallef ikkonċernat – Obbligu għal dawn l-istess qrati u korpi li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-imsemmija projbizzjonijiet.
Kawżi magħquda C-615/20 u C-671/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:562

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-qrati – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef ordnati mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ din l-awla – Bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni ta’ kawża li sa dak iż-żmien kienet fdata lil dak l-imħallef – Projbizzjonijiet għall-qrati nazzjonali li jikkontestaw il-leġittimità ta’ qorti, li jikkompromettu l-funzjonament tagħha jew li jevalwaw il-legalità jew l-effettività tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari – Obbligu għall-qrati kkonċernati u għall-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li jeskludu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija tal-immunità u ta’ sospensjoni tal-imħallef ikkonċernat – Obbligu għal dawn l-istess qrati u korpi li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-imsemmija projbizzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑615/20 u C‑671/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Novembru 2020 u tad‑9 ta’ Diċembru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess dati, fil-proċeduri kriminali kontra

YP et (C‑615/20),

M. M. (C‑671/20),

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Okręgowa w Warszawie,

Komisja Nadzoru Finansowego et (C‑615/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatriċi), E. Regan u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, I. Ziemele, J. Passer, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Prokuratura Okręgowa w Warszawie, irrappreżentat minn S. Bańko, M. Dubowski u A. Reczka,

għal YP, irrappreżentat minn S. Domaradzki, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, irrappreżentat minn B. Majczyna, K. Straś u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Farver Kronborg, J. Nymann-Lindegren, V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, M. A. M. de Ree u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, irrappreżentat minn A. Runeskjöld u H. Shev, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

2

Dawn it-talbiet tressqu, minn naħa, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-Prokuratura Okręgowa w Warszawie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kontra YP et fir-rigward ta’ diversi reati u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura bejn dan l-istess uffiċċju tal-prosekutur reġjonali u M. dwar il-ħolqien ta’ ipoteka mandatorja fuq proprjetà immobbli ta’ dan tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Kostituzzjoni

3

L-Artikolu 45(1) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprevedi li:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq u pubbliku, mingħajr dewmien eċċessiv, minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali.”

4

Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika għandu jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”), għal żmien indeterminat.

5

L-Artikolu 180 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li:

“1.   L-imħallfin ma jistgħux jitneħħew.

2.   Imħallef ma jistax jitkeċċa, jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu, imċaqlaq għal ġurisdizzjoni oħra jew funzjoni oħra kontra r-rieda tiegħu ħlief skont deċiżjoni ġudizzjarja u biss f’każijiet previsti mil-liġi.

[…]”

6

L-Artikolu 181 tal-Kostituzzjoni jipprevedi li:

“Imħallef jista’ jinżamm responsabbli kriminalment jew titneħħielu l-libertà biss bil-kunsens minn qabel ta’ qorti stabbilita bil-liġi. […]”

Il‑Liġi dwar il‑Qorti Suprema

7

L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, punt 5), stabbilixxiet b’mod partikolari, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), awla ġdida msejħa Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi.

8

L-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi Dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, punt 190), li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020, emendat il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, b’mod partikolari billi inkludiet punt 1a ġdid fl-Artikolu 27(1) ta’ din l-aħħar liġi.

9

Skont l-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema kif emendata:

“Il-kawżi li ġejjin huma ta’ kompetenza tal-Awla Dixxiplinari:

1)

il-kawżi dixxiplinari:

[…]

b)

eżaminati mis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fir-rigward tal-proċeduri dixxiplinari mmexxija taħt il-liġijiet li ġejjin:

[…]

[l-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi Dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001, (Dz. U. tal‑2001, Nru 98, punt 1070)],

[…]

[…]

1a)

kawżi relatati ma’ awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin, imħallfin apprendisti, prosekuturi u prosekuturi assoċjati jew sabiex dawn jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja;

[…]”

Il‑Liġi Dwar il‑Qrati Ordinarji

10

L-Artikolu 41b tal-Liġi war l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, imsemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, kif emendata bil-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), jistabbilixxi li:

“1.   L-awtorità kompetenti sabiex teżamina lment jew talba dwar l-attività ta’ qorti għandu jkun il-president ta’ dik il-qorti.

[…]

3.   L-awtorità kompetenti sabiex teżamina lment dwar l-attività tal-President tas-[Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja)], tal-president tas-[Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja)] jew tal-President tas-[Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell, il-Polonja)] għandu jkun il-President tas-[Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali)], il-President tas-[Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell)] u l-[KRS] rispettivament.”

11

L-Artikolu 42a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jgħid li:

“1.   Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-organi tal-qrati, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed f’dubju l-leġittimità [tal-qrati], tal-organi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-organi responsabbli għar-reviżjoni u għall-protezzjoni tal-liġi.

2.   Qorti ordinarja jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa ta’ eżerċizzju ta’ funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li joriġina minn dik il-ħatra.”

12

L-Artikolu 47a(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Il-kawżi għandhom jiġu assenjati lill-imħallfin u lill-imħallfin apprendisti b’mod aleatorju skont kategoriji speċifiċi ta’ kawżi, ħlief meta l-kawżi jiġu assenjati lil imħallef tal-għassa.”

13

Skont l-Artikolu 47b tal-imsemmija liġi:

“1.   Il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti hija ammessa biss jekk din ma tkunx tista’ tittratta l-kawża fil-kompożizzjoni attwali tagħha jew jekk ikun jeżisti ostakolu fit-tul għat-trattament tal-kawża fil-kompożizzjoni attwali tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47a għandhom japplikaw mutatis mutandis.

[…]

3.   Id-deċiżjonijiet imsemmija [fil-paragrafu 1] […] għandhom jittieħdu mill-President tal-qorti jew minn imħallef maħtur minnu.”

14

L-Artikolu 80 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi li:

“1.   Imħallfin jistgħu jiġu arrestati jew ikunu s-suġġett għal proċeduri kriminali biss bl-awtorizzazzjoni tal-qorti dixxiplinari li jkollha kompetenza. […]

[…]

2c.   Il-qorti dixxiplinari għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jekk is-suspetti kontrih jkunu ssustanzjati biżżejjed. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallef u għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

[…]”

15

L-Artikolu 107(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Imħallef għandu jkun responsabbli, fil-livell dixxiplinari, għal ksur ta’ obbligi professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inklużi każijiet ta’:

[…]

2)

atti jew ommissjonijiet ta’ natura li jipprevjenu jew jimminaw serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja;

3)

atti li jixħtu dubji dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità ta’ organu kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja;

[…]”

16

Abbażi tal-Artikolu 110(2a) tal-imsemmija liġi:

“[…] Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 80 […], il-qorti li jkollha kompetenza għandha tkun, fl-ewwel istanza, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ippresjeduta minn imħallef wieħed tal-Awla Dixxiplinari u, fit-tieni istanza, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ippresjeduta minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-Awla Dixxiplinari.”

17

L-Artikolu 129(1) sa (3) ta’ din il-liġi jgħid li:

“1.   Il-qorti dixxiplinari tista’ tissospendi mħallef li kontra tiegħu jkunu nbdew proċeduri dixxiplinari […] u tista’ wkoll tagħmel hekk jekk tadotta riżoluzzjoni li tippermetti li l-imħallef jinżamm kriminalment responsabbli.

2.   Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta riżoluzzjoni li tippermetti li mħallef jinżamm kriminalment responsabbli għal reat deliberat prosegwibbli b’akkuża pubblika, hija għandha tissospendi ex officio lill-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu.

3.   Il-qorti dixxiplinari, meta tissospendi mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, għandha tnaqqas l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’bejn 25 % u 50 % sakemm iddum dik is-sospensjoni; […]”

Il‑Kodiċi Kriminali

18

L-Artikolu 241(1) tal-kodeks karny (il-Kodiċi Kriminali) jipprovdi li “kull min jippubblika, mingħajr awtorizzazzjoni, l-informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni kriminali qabel ma din tiġi żvelata fil-proċedura ġudizzjarja, huwa suġġett għal multa, għal piena Komunitarja jew għal piena li ċċaħħad il-libertà sa sentejn”.

Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

19

L-Artikolu 439(1) tal-kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jgħid li:

“Irrispettivament mil-limiti tal-appell u l-aggravji tal-appell ippreżentati u mill-impatt tal-ksur fuq il-kontenut tad-deċiżjoni, il-qorti ta’ appell għandha twarrab id-deċiżjoni appellata jekk:

1)

persuna li ma mhijiex awtorizzata tieħu deċiżjoni jew li ma tkunx tista’ tagħmel hekk jew li hija eskluża tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 40 kellha sehem fid-deċiżjoni;

2)

il-kompożizzjoni tal-qorti ma kinitx skont il-liġi jew wieħed mill-membri tagħha ma kienx preżenti l-ħin kollu waqt is-smigħ;

[…]”

Il‑proċeduri fil‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑615/20

20

Abbażi ta’ att ta’ akkuża, tas‑7 ta’ Frar 2017, maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, YP u tlettax-il akkużat ieħor huma akkużati quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) għal sensiela ta’ reati li kkawżaw dannu lil 229 vittma. Din il-kawża ġiet assenjata lil kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku ta’ din il-qorti, kompost mill-Imħallef I. T. Il-proċess fil-kawża prinċipali fih 197 volum u iktar minn mitt seduta nżammu diġà quddiem dan l-imħallef, li matulhom instemgħu l-akkużati, il-vittmi u iktar minn 150 xhud. Fil-jum tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑615/20, il-proċedura kienet qiegħda toqrob il-fażi finali tagħha, peress li kien għad iridu jinstemgħu ftit xhieda u esperti biss.

21

Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-Prokuratura Krajowa Wydział Spraw Wewnętrznych (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, Sezzjoni tal-Affarijiet Interni, il-Polonja) ressaq quddiem l-Awla Dixxiplinari talba għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T. talli “fit‑18 ta’ Diċembru 2017, f’Varsavja, bħala uffiċjal tal-Istat […] naqas pubblikament mid-dmirijiet speċifiċi għall-funzjoni tiegħu […] u [eċċeda] il-kompetenzi tiegħu […], sa fejn awtorizza rappreżentanti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jirrekordjaw immaġni u ħsejjes matul is-seduta quddiem is-[Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja)] fil-kawża […] kif ukoll matul l-għoti tad-deċiżjoni f’din il-kawża u l-espożizzjoni orali tal-motivi tagħha u sa fejn, b’dan il-mod, żvela lil persuni mhux awtorizzati, mingħajr il-kunsens legalment meħtieġ tal-persuna awtorizzata, informazzjoni li toriġina mill-proċedura istruttorja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja fil-kawża […], liema informazzjoni huwa kien kiseb fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, u, konsegwentement, sa fejn aġixxa għad-detriment tal-interess pubbliku, li jikkostitwixxi reat fis-sens tal-Artikolu 231(1) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 266(2), mal-Artikolu 241(1) u mal-Artikolu 11(2) ta’ dan l-istess kodiċi”.

22

Fid‑9 ta’ Ġunju 2020, l-Awla Dixxiplinari, li ddeċidiet fl-ewwel istanza b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, ma laqgħetx din it-talba. Fuq appell tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, din l-istess awla, li ddeċidiet fit-tieni istanza b’kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin, awtorizzat, permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni kontenzjuża”), il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T., issospendietu mill-funzjonijiet tiegħu u naqqset l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’25 % għat-tul ta’ din is-sospensjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju, li hija l-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) attwalment responsabbli għall-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza u li fi ħdanha l-Imħallef I. T. ipoġġi bħala imħallef uniku, tirrileva li r-riżoluzzjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tista’ tostakola lil dan il-kulleġġ ġudikanti milli jkompli din il-proċedura.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-[Karta] u d-dritt sanċit fih għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif ukoll id-dritt għal smigħ ġust u pubbliku tal-kawża f’terminu raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali stabbiliti fid-dettall fil-punti 2 u 3 ta’ dawn id-domandi, jiġifieri [l-Artikolu 80, l-Artikolu 110(2a) u l-Artikolu 129 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji] u l-punt 1a tal-Artikolu 27(1) tal-[Liġi dwar il-Qorti Suprema], li jippermettu lill-[Awla Dixxiplinari] tneħħi l-immunità lil imħallef u tissospendih mill-funzjonijiet tiegħu, u għaldaqstant tipproċedi bit-tneħħija effettiva tal-imħallef mit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ kawżi assenjati lilu, fejn:

a)

l-[Awla Dixxiplinari] ma hijiex ‘qorti’ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950] u tal-Artikolu 45(1) tal-[Kostituzzjoni] (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982);

b)

il-membri tal-[Awla Dixxiplinari] għandhom rabtiet partikolarment qawwija mas-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277);

c)

ir-Repubblika tal-Polonja hija obbligata tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il-Qorti Suprema] li jirrigwardaw l-[Awla Dixxiplinari] u li tieqaf milli tibgħat kawżi pendenti quddiem din l-awla għal eżami minn kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277)?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 TUE u l-valur tal-istat tad-dritt li jinsab fih kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema ta’ mezzi dixxiplinari fil-każ ta’ persuni li għandhom il-kompitu li jiġġudikaw’ ikopru wkoll dispożizzjonijiet dwar il-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, bħall-Aritkolu 181 tal-[Kostituzzjoni] flimkien mal-Artikolu 80 u l-Artikolu 129 tal-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji], li skonthom:

a)

il-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, bħala regola teħtieġ, fuq talba tal-prosekutur, awtorizzazzjoni mill-qorti dixxiplinari kompetenti;

b)

il-qorti dixxiplinari, meta tippermetti l-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali, tista’ (u f’xi każijiet għandha l-obbligu) tissospendi lill-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu;

c)

meta tissospendi lil imħallef tal-qorti nazzjonali mill-funzjonijiet tiegħu, il-qorti dixxiplinari fl-istess waqt ikollha l-obbligu li tnaqqas ir-remunerazzjoni ta’ dak l-imħallef, sal-limitu ddefinit permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għaż-żmien tas-sospensjoni?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda 2, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn jipprekludu regoli ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 110(2a) tal-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji] u l-punt 1a tal-Artikolu 27(1) tal-[Liġi dwar il-Qorti Suprema], li skonthom il-kawżi dwar l-awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali jaqgħu, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza, taħt il-kompetenza esklużiva tal-korp, bħall-Awla Dixxiplinari, li jieħu inkunsiderazzjoni (b’mod individwali jew konġunt), li:

a)

l-istabbiliment tal-Awla Dixxiplinari ikkoinċida mal-bidla fir-regoli għall-ħatra tal-membri tal-korp, bħall-[KRS], li jipparteċipa fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, u li fuq proposta tiegħu ġew maħtura l-membri kollha tal-Awla Dixxiplinari;

b)

il-leġiżlatur nazzjonali eskluda l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti għall-Awla Dixxiplinari mħallfin ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, [bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li fl-istrutturi tagħha topera din l-awla, b’mod li fl-Awla Dixxiplinari jista’ jkun hemm biss il-membri l-ġodda maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni mibdula tiegħu;

c)

l-Awla Dixxiplinari hija kkaretterizzata minn livell partikolarment għoli ta’ awtonomija fi ħdan [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

d)

[is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], fis-sentenzi mogħtija b’eżekuzzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), ikkonfermat li l-KRS fil-kompożizzjoni mibdula tiegħu ma huwiex korp indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex ‘qorti’ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali] u tal-Artikolu 45(1) tal-[Kostituzzjoni];

e)

it-talba għal awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali jew iċ-ċaħda tal-libertà (detenzjoni) ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali toriġina, bħala prinċipju, mill-prosekutur, li bħala superjur ġerarkiku għandu korp tas-setgħa eżekuttiva, bħall-Ministru għall-Ġustizzja, li jista’ jagħti lill-prosekutur struzzjonijiet vinkolanti dwar il-kontenut tal-attivitajiet proċesswali, u fl-istess waqt il-membri tal-Awla Dixxiplinari u l-KRS fil-kompożizzjoni mibdula juru, kif ikkonstatat [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 2d, rabtiet partikolarment qawwija mas-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva, u fid-dawl ta’ dan l-Awla Dixxiplinari ma tistax titqies bħala terza persuna fil-konfront tal-partijiet fil-kawża;

f)

ir-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il-Qorti Suprema] li jirrigwardaw l-Awla Dixxiplinari u li tieqaf milli tibgħat kawżi pendenti quddiem din l-awla għal eżami minn kompożizzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, skont id-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277)?

4)

Fil-każ li tingħata awtorizzazzjoni għall-prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali u l-imħallef jiġi sospiż milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u fl-istess waqt ir-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas għaż-żmien ta’ din is-sospensjoni, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda 2 u l-prinċipji ta’ supremazija, ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TFUE u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ saħħa vinkolanti lill-imsemmija awtorizzazzjoni, speċjalment fil-kuntest tas-sospensjoni ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, jekk din tkun ingħatat minn korp bħalma huwa l-Awla Dixxiplinari, li fil-konfront tiegħu:

a)

kull korp nazzjonali (fosthom il-qorti tar-rinviju li, fil-kulleġġ ġudikanti tagħha jinsab l-imħallef ikkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, kif ukoll korpi li għandhom kompetenza fil-qasam tal-ħatra u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-qorti nazzjonali) għandu l-obbligu li jinjora tali awtorizzazzjoni u li jippermetti lil imħallef ta’ qorti nazzjonali li fil-konfront tiegħu ingħatat tali awtorizzazzjoni jagħmel parti mill-kullleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti;

b)

il-qorti li fil-kulleġġ ġudikanti tagħha jinsab l-imħallef ikkonċernat minn din l-awtorizzazzjoni, hija qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, jew qorti indipendenti u imparzjali, u b’hekk tista’ tiddeċiedi, bħala ‘qorti’, kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?”

25

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, YP, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja u l-Kummissjoni Ewropea semmew li l-appell ippreżentat minn dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali kontra d-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 kien ġie miċħud permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Frar 2021 tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), peress li din l-aħħar qorti qieset li r-riżoluzzjoni kontenzjuża jista’ ma jkollhiex in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għar-raġuni li ġiet adottata mill-Awla Dixxiplinari, li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti.

Il‑Kawża C‑671/20

26

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja akkuża lil M. b’diversi reati, b’mod partikolari dawk li naqas milli jirreġistra għal falliment ta’ kumpannija, naqas milli jissodisfa t-talbiet tal-kredituri tagħha, naqas milli jirreġistra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ din l-istess kumpannija u wettaq frodi bankarja.

27

F’dan il-kuntest, il-prosekutur pubbliku ordna, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2020, il-ħolqien ta’ ipoteka mandatorja fuq proprjetà immobbli ta’ M. u ta’ martu, sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ multa eventwali u ta’ spejjeż ġudizzjarji eventwali li għalihom seta’ jiġi kkundannat M. Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), qorti li fi ħdanha l-kawża marbuta ma’ dan ir-rikors ġiet assenjata lill-Imħallef I. T.

28

Wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża li ssospendiet b’mod partikolari lill-Imħallef I. T. mill-funzjonijiet tiegħu, il-President tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), abbażi tal-Artikolu 47(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, ta, fl‑24 ta’ Novembru 2020, digriet li permezz tiegħu huwa inkariga lill-Presidenta tas-Sezzjoni li fiha kien ipoġġi l-Imħallef I. T. sabiex tibdel il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi li kienu ġew assenjati lil dan l-Imħallef, bl-eċċezzjoni tal-kawża li fiha l-imsemmi Imħallef I. T. kien adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-Kawża C‑615/20. Konsegwentement, din il-Presidenta ta’ Sezzjoni adottat, billi użat għodda informatika u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 47b(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, digriet li jipproċedi għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi inizjalment assenjati lill-Imħallef I. T., fosthom il-kawża msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

29

Skont il-qorti tar-rinviju, jiġifieri kulleġġ ġudikanti ieħor b’imħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) li lilu ġiet assenjata din il-kawża, din is-suċċessjoni ta’ avvenimenti tixhed li l-President ta’ din il-qorti rrikonoxxa li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kellha saħħa vinkolanti billi qies li s-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-Imħallef I. T. kienet tipprekludi li l-imsemmija kawża tiġi eżaminata minn dan l-imħallef jew li kien jeżisti ostakolu fit-tul għal tali eżami, fis-sens tal-Artikolu 47b(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod speċifiku l-Artikolu 2 TUE flimkien mal-valur tal-istat tad-dritt espress fih, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’: supremazija, kooperazzjoni leali u ċertezza legali – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 41b(1) u (3) tal-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji], b’tali mod li president ta’ qorti jista’ – minn rajh u mingħajr kontroll ġudizzjarju – jiddeċiedi li jbiddel il-kompożizzjoni tal-qorti b’riżultat tal-għoti minn awtorità, bħall-[Awla Dixxiplinari], ta’ awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali ta’ mħallef li jagħmel parti mill-kompożizzjoni tal-qorti oriġinarjament maħtura [l-imħallef tas-Sąd Okręgowy [il-Qorti Reġjonali)], liema deċiżjoni tikkomporta s-sospensjoni mandatorja ta’ dan l-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu, li tinkludi, b’mod partikolari, projbizzjoni ta’ tali mħallef milli jpoġġi fil-formazzjonijiet ġudikanti għal kawżi assenjati lilu, inklużi wkoll dawk il-kawżi assenjati lilu qabel l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni?

2)

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel domanda – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:

a)

leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 42a(1) u (2) kif ukoll il-punt 3 tal-Artikolu 107(1) [tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji], li tipprojbixxi lil qorti nazzjonali milli tevalwa – meta tistħarreġ jekk l-istess qorti tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn qabel bis-saħħa tal-liġi – is-saħħa vinkolanti u ċ-ċirkustanzi legali tal-awtorizzazjoni tal-[Awla Dixxiplinari], imsemmija fl-ewwel domanda, li huma r-raġuni diretta wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti, li fl-istess waqt tipprevedi li tali tentattiv ta’ eżami huwa l-bażi tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef?

b)

ġurisprudenza ta’ organu nazzjonali bħat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja], li skontha l-atti tal-organi nazzjonali, bħall-[President tar-Repubblika] u l-[KRS], fir-rigward tal-ħatra ta’ persuni fi ħdan organu bħall-[Awla Dixxiplinari], ma humiex suġġetti għal kontroll ġudizzjarju, inkluż il-kontroll mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni – irrispettivament mill-gravità u l-livell tal-ksur – u l-att ta’ ħatra ta’ persuni fil-kariga ta’ mħallef huwa ta’ natura definittiva u irrevokabbli?

3)

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel domanda – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-attribuzzjoni ta’ saħħa vinkolanti għall-awtorizzazzjoni, imsemmija fl-ewwel domanda, b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-fatt li din tkun ingħatat minn organu, bħall-[Awla Dixxiplinari], bil-konsegwenza li:

a)

l-organi kollha tal-Istat (inkluża l-qorti tar-rinviju, kif ukoll l-organi li għandhom kompetenza biex jikkostitwixxu u jibdlu l-kompożizzjoni ta’ qorti nazzjonali, b’mod partikolari l-president ta’ qorti) għandhom obbligu jinjoraw din l-awtorizzazzjoni u jippermettu lill-imħallef tal-qorti nazzjonali, li fil-konfront tiegħu ngħatat din l-awtorizzazzjoni, li jpoġġi fil-kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti;

b)

qorti, li fil-kompożizzjoni tagħha ma jpoġġix l-imħallef oriġinarjament maħtur biex jisma’ l-kawża – sempliċement minħabba li dan l-imħallef huwa suġġett għall-imsemmija awtorizzazzjoni – ma hijiex qorti preċedentement ikkostitwita bis-saħħa ta’ liġi u għaldaqstant ma tistax tiddeċiedi bħala ‘qorti’ kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

4)

Il-fatt li l-[Awla Dixxiplinari] u t-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] ma jiggarantixxux protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tan-nuqqas ta’ indipendenza u tal-ksur ikkonstatat tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra tal-membri tagħhom huwa rilevanti għar-risposti għad-domandi magħmula iktar ’il fuq?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

31

Iż-żewġ kulleġġi ġudikanti distinti tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) li ppreżentaw dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (iktar ’il quddiem il-“qrati tar-rinviju”) talbu li dawn jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, il-qrati tar-rinviju argumentaw, essenzjalment, li l-użu ta’ tali proċedura huwa ġġustifikat f’dan il-każ peress li r-risposti għad-domandi magħmula jista’ jkollhom effett mhux biss fuq il-kompożizzjoni rispettiva tagħhom, iżda wkoll fuq is-sitwazzjoni ta’ mħallfin oħra għajr l-Imħallef I. T. li fir-rigward tagħhom l-Awla Dixxiplinari ħadet jew għandha l-intenzjoni tadotta miżuri analogi għar-riżoluzzjoni kontenzjuża.

32

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

33

Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Diċembru 2020 u tal‑21 ta’ Jannar 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

35

Fil-fatt, għalkemm id-domandi magħmula huma, ċertament, relatati ma’ dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, huma xorta waħda għandhom natura kumplessa u sensittiva u jaqgħu f’kuntest proċedurali nazzjonali li huwa stess huwa relattivament kumpless, b’tali mod li dawn ma jistgħux ikunu suġġetti għal proċedura li tidderoga mir-regoli ta’ proċedura ordinarji. Barra minn hekk, ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li jqajmu kwistjonijiet analogi għal dawk magħmula f’dawn il-kawżi kienu diġà jinsabu fi stadji avvanzati tal-proċedura.

36

Madankollu, fl-imsemmija deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Diċembru 2020 u tal‑21 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissuġġetta dawn il-kawżi għal trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, permezz ta’ din l-istess deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2021, il-Kawżi C‑615/20 u C‑671/20 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

37

Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura f’dawn il-kawżi, dawn ġew sospiżi, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ottubru 2021, sakemm tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), fid-dawl tar-rabtiet stretti li jeżistu bejn il-kwistjonijiet imqajma f’dawn it-tliet kawżi. Bħala konsegwenza tal-imsemmi għeluq, il-proċedura f’dawn il-kawżi magħquda tkompliet fit‑23 ta’ Frar 2022.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari

38

Il-Gvern Pollakk u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja jsostnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli għal diversi raġunijiet.

39

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, peress li l-proċeduri fil-kawża prinċipali huma rregolati esklużivament mid-dritt kriminali nazzjonali, li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, dawn il-proċeduri għandhom natura purament interna u ma għandhom ebda rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża, mill-Artikolu 5 TUE u mill-Artikoli 3 u 4 TFUE jirriżulta li huma biss l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu li jagħtu immunità minn proċeduri kriminali lill-imħallfin u, fl-affermattiv, li jiddeterminaw il-portata u l-proċedura ta’ tneħħija eventwali ta’ din l-immunità kif ukoll il-konsegwenzi marbuta ma’ tali tneħħija tal-immunità.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istituzzjoni, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jew ukoll dawk applikabbli għall-istatus tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, bħas-sistema dixxiplinari applikabbli għal dawn tal-aħħar jew il-kundizzjonijiet li fihom l-immunità tista’ titneħħa u l-funzjonijiet tagħhom jiġu sospiżi, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-imsemmija Stati, dawn xorta huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2 u 19 TUE. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 56, 60 sa 6295 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domandi magħmula, ma jistgħux għalhekk, min-natura tagħhom stess, iwasslu għall-inammissibbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja huma tal-fehma li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli peress li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ma humiex neċessarji għall-finijiet tal-eżitu tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali u ma jistgħux, b’mod partikolari, iwasslu għal deċiżjonijiet li l-qrati tar-rinviju jistgħu jadottaw fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

43

Skont il-Gvern Pollakk, la waħda u lanqas l-oħra minn dawn il-qrati ma huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jikkontestaw ir-riżoluzzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tawtorizza lil waħda mill-imsemmija qrati tinjora din ir-riżoluzzjoni, dawn ma għandhom, fid-dritt nazzjonali, ebda bażi proċedurali li tippermettilhom, b’mod konkret, li jassenjaw mill-ġdid il-kawżi prinċipali lill-qorti inizjalment adita bihom.

44

Dan l-istess gvern iqis li d-domandi preliminari huma, fir-realtà, rilevanti biss fil-kuntest tal-proċeduri kriminali pendenti mibdija kontra l-Imħallef I. T. Dubji eventwali dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħal dawk invokati mill-qrati tar-rinviju għandhom, fil-fatt, jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, li fihom l-imħallef ikkonċernat għandu l-kwalità ta’ parti, u mhux fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali li bihom huwa kien ġie inkarigat b’mod fortuwitu qabel is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu mir-riżoluzzjoni kontenzjuża. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk sostna li din l-analiżi kienet ġiet, sadanittant, sostnuta mit-tagħlim li jirriżulta mill-punti 60 u 71 tas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201).

45

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja jsostni, fir-rigward tal-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑615/20, li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ din il-proċedura, ordnata mill-qorti tar-rinviju fl-imsemmija kawża, tipprekludi l-għeluq tal-imsemmija proċedura bl-għoti ta’ sentenza, minn din il-qorti, fil-kulleġġ ġudikanti attwali tagħha, u li, fil-każ ta’ nomina ta’ kulleġġ ġudikanti ġdid, il-motiv ta’ din is-sospensjoni ma jibqax jeżisti, peress li r-riżoluzzjoni kontenzjuża tikkonċerna biss lill-Imħallef I. T. Fir-rigward tal-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑671/20, is-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-Imħallef I. T. tikkostitwixxi ostakolu fit-tul għat-tkomplija tagħha, li ġġustifika leġittimament l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża marbuta ma’ din il-proċedura, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-imsemmija proċedura b’rispett tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża kkonċernati.

46

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li ż-żewġ qrati tar-rinviju huma, f’dan il-każ, ikkonfrontati, fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali li bihom huma aditi rispettivament, bi kwistjonijiet ta’ natura proċedurali li għandhom jiġu deċiżi in limine litis u li s-soluzzjoni tagħhom tiddependi fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari. Fil-fatt, fil-Kawża C‑615/20, dawn id-domandi huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, l-Imħallef uniku li jifforma l-qorti tar-rinviju jibqax iġġustifikat li jkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali minkejja r-riżoluzzjoni kontenzjuża li ssospendietu mill-funzjonijiet tiegħu. Għal dak li jirrigwarda d-domandi tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, dawn huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tistax, mingħajr ma tirriskja li tistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef uniku li jpoġġi fi ħdanha, tqis din ir-riżoluzzjoni bħala nieqsa minn saħħa vinkolanti, fatt li jkollu l-konsegwenza li hija ma jkollhiex bażi sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali li ġiet assenjata lilha mill-ġdid wara l-imsemmija riżoluzzjoni u jekk din il-kawża għandhiex, għaldaqstant, tiġi assenjata mill-ġdid lill-Imħallef inizjalment responsabbli għaliha.

47

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, domandi preliminari intiżi, b’dan il-mod, sabiex jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi, in limine litis, diffikultajiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha jew, ukoll, mal-effetti legali li għandhom jiġu rrikonoxxuti jew le lil deċiżjoni ġudizzjarja li potenzjalment tostakola t-tkomplija tal-eżami ta’ tali kawża mill-imsemmija qorti, huma ammissibbli skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 100, 112113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 9394, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 47 sa 49).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201), li għaliha rrefera l-Gvern Pollakk, il-proċeduri fil-kawżi prinċipali f’dawn il-kawżi magħquda huma totalment estranji għall-proċeduri kriminali mibdija kontra l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 u bl-ebda mod ma jikkostitwixxu aċċessorju, fis-sens tal-punt 71 ta’ dik is-sentenza. Konsegwentement, it-tagħlim li jirriżulta mill-imsemmija sentenza ma jistax jiġi traspost għall-proċeduri prinċipali f’dawn il-kawżi.

49

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda magħmula fil‑Kawża C‑615/20

50

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil istanza, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, il-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, wara t-tressiq ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita mill-Kummissjoni b’rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja, għandha, għar-raġunijiet esposti fil-punti 91 sa 103 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), EU:C:2023:442), u kif jirriżulta mill-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, taqta’ u tiddeċiedi li, billi awtorizza lill-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, tiddeċiedi kawżi li għandhom effett dirett fuq l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef u ta’ mħallef apprendist, bħal talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra mħallfin u mħallfin apprendisti, l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

52

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 101 tal-imsemmija sentenza, li s-sempliċi perspettiva, għall-imħallfin, li jinkorru r-riskju li awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontrihom tkun tista’ tintalab u tinkiseb minn istanza li l-indipendenza tagħha ma tkunx iggarantita tista’ taffettwa l-indipendenza tagħhom stess u li l-istess japplika fir-rigward tar-riskji li tali istanza tiddeċiedi dwar is-sospensjoni eventwali tagħhom mill-funzjonijiet tagħhom u ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħhom.

53

Fil-punt 102 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kienet diġà kkonstatat, fil-punt 112 tas-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 89 sa 110 ta’ dik l-aħħar sentenza, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari ma kinux iggarantiti.

54

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-riżoluzzjoni kontenzjuża li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef uniku li jifforma l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20, jiġifieri qorti ordinarja li tista’ tintalab tiddeċiedi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u li ssospendiet l-imsemmi mħallef mill-funzjonijiet tiegħu filwaqt li naqqset ir-remunerazzjoni tiegħu, ġiet adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), qieset li jmorru kontra din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn dawn jagħtu l-kompetenza sabiex jiġu adottati atti bħal din ir-riżoluzzjoni lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti.

55

It-tagħlim li jinsab fil-punti 91 sa 103 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u l-ħajja privata tal-imħallfin), li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, huwa għalhekk suffiċjenti sabiex tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑615/20, mingħajr ma hemm bżonn, f’din il-kawża, li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jiġu eżaminati l-elementi ta’ evalwazzjoni l-oħra msemmija fl-ewwel u fit-tielet domanda.

56

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, abbażi tal-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru naqas mill-obbligi tiegħu abbażi tat-Trattati, dan l-Istat Membru huwa obbligat jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jkollha l-awtorità ta’ res judicata għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għalhekk, għalkemm l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva huma obbligati jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu s-suġġett ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod li jirrenduhom konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom, min-naħa tagħhom, l-obbligu li jiżguraw l-osservanza ta’ dik is-sentenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom, li jimplika, b’mod partikolari, li huma dawn il-qrati, skont l-awtorità li hija marbuta mal-imsemmija sentenza, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun hemm lok, l-elementi legali stabbiliti fiha bil-għan li jiddeterminaw il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dawn għandhom il-missjoni li japplikaw (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 hija, f’dan il-każ, mitluba tislet, fil-kawża prinċipali, il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mit-tagħlim tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) imsemmija fil-punti 51 u 55 ta’ din is-sentenza.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑615/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, il-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni.

Fuq ir‑raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑615/20

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali, adit b’kawża u kompost minn Imħallef uniku li fil-konfront tiegħu istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti adottat riżoluzzjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u li tordna s-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, huwa ġġustifikat li jeskludi l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu f’dik il-kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ din il-qorti nazzjonali għandhom jeskludu wkoll l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mill-imsemmi kulleġġ ġudikanti.

61

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju għalhekk jirrikjedi li l-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn in-normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

L-imsemmi prinċipju jimponi għalhekk, b’mod partikolari, fuq kull qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija b’mod partikolari neċessarja sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u tar-rekwiżit li dawn ikunu stabbiliti minn qabel bil-liġi, jibbenefika minn tali effett dirett li jimplika li ma għandhiex tiġi applikata kull dispożizzjoni nazzjonali, ġurisprudenza jew prattika nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, anki fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jkunu temmew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni skont it-tagħlim li jinsab fis-sentenza li tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, l-imsemmija qrati huma obbligati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punti 3863 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Sabiex tissodisfa l-obbligi mfakkra fil-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża li, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 159161).

66

Peress li l-evalwazzjoni finali tal-fatti kif ukoll l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jaqgħu, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, biss fuq il-qorti tar-rinviju, hija din li għandha tiddetermina, b’mod definittiv, il-konsegwenzi konkreti li jirriżultaw, fil-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑615/20, mill-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lil din il-qorti bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors, C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk semma l-adozzjoni tal-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustawa (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tad‑9 ta’ Ġunju 2022 (Dz. U. tal‑2022, punt 1259), li daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2022. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan il-gvern, din il-liġi l-ġdida xoljiet, b’mod partikolari, l-Awla Dixxiplinari u stabbilixxiet sistema tranżitorja li permezz tagħha kull imħallef li kien is-suġġett ta’ riżoluzzjoni ta’ din l-awla li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu issa għandu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid tal-proċess minn awla ġdida stabbilita fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minn din l-istess liġi, u din l-awla tal-aħħar għandha, f’dan il-każ, tiddeċiedi dwar tali talba f’terminu massimu ta’ tnax-il xahar.

68

Skont l-imsemmi gvern, l-eżistenza ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju ġdid hija għalhekk ta’ natura li tippermetti lill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 tikseb reviżjoni eventwali tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, b’tali mod li n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni ma huwiex iktar neċessarju f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja stess enfasizzat, fil-punt 161 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), li dan it-tip ta’ rimedju huwa ġġustifikat biss sa fejn jirriżulta indispensabbli, fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni, sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

69

Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet hekk ipprovduti mill-Gvern Pollakk ma jirriżultax li r-riżoluzzjoni kontenzjuża waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022 imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza u lanqas, għaldaqstant, li l-ostakolu għat-tkomplija tal-proċedura prinċipali mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20, fil-kompożizzjoni attwali tagħha, ma kienx għadu jeżisti. Fir-rigward tal-fatt li l-imħallef ikkonċernat issa għandu l-possibbiltà li jitlob ir-reviżjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża quddiem istanza ġdida msejħa sabiex tiddeċiedi f’terminu massimu ta’ sena, dan lanqas ma jidher, bla ħsara għall-verifiki finali li f’dan ir-rigward huma imposti fuq il-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jiggarantixxi li l-imsemmi ostakolu jista’ jitneħħa mingħajr dewmien, fuq l-inizjattiva eventwali tal-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali, f’kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

70

Fl-aħħar nett, meta att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża jkun ġie adottat minn istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata ta’ din ir-riżoluzzjoni ma tista’ tiġi invokata b’mod utli sabiex il-qorti tar-rinviju u l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali jiġu preklużi milli jeskludu l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 160).

71

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi osservat li l-proċedura fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑615/20 ġiet sospiża mill-qorti tar-rinviju, fl-istennija ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mill-imħallef li jifforma l-kulleġġ ġudikanti uniku tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fl-istadju avvanzat li fih tinsab l-imsemmija proċedura li hija partikolarment kumplessa, ma tidhirx, a priori, ta’ natura li tista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali. Għall-kuntrarju, din tidher li hija ta’ natura li tippermetti li t-trattament tal-kawża prinċipali jista’ jwassal għal deċiżjoni li tkun konformi, minn naħa, mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, min-naħa l-oħra, mad-dritt tal-partijiet fil-kawża kkonċernati għal smigħ xieraq f’terminu raġonevoli.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 hija ġġustifikata li teskludi l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, b’tali mod li hija tkun tista’, minn din il-perspettiva, tkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali fil-kompożizzjoni attwali tagħha mingħajr ma l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali jkunu jistgħu jostakolaw dan.

73

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑615/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali, adit b’kawża u kompost minn Imħallef uniku li fil-konfront tiegħu istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti adottat riżoluzzjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u li tordna s-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, huwa ġġustifikat li jeskludi l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu f’dik il-kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ din il-qorti nazzjonali għandhom jeskludu wkoll l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mill-imsemmi kulleġġ ġudikanti.

Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda kif ukoll fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑671/20

74

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha kif ukoll permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda dwar il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali, li lilu ġiet assenjata mill-ġdid kawża li qabel kienet assenjata lil kulleġġ ġudikanti ieħor ta’ din il-qorti u dan bħala konsegwenza ta’ riżoluzzjoni adottata minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef uniku li jifforma dan l-aħħar kulleġġ ġudikanti u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, għandu jeskludi l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni u jastjeni milli jkompli bl-eżami tal-imsemmija kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-imsemmija qorti nazzjonali huma obbligati, f’każ bħal dan, li jassenjaw mill-ġdid din l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti inizjalment responsabbli għaliha.

75

Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 jirriżulta li, wara li ġiet adottata r-riżoluzzjoni kontenzjuża li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T. u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, il-President tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), billi aġixxa abbażi tal-Artikolu 47b(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, adotta digriet li jinkariga lill-Presidenta tas-Sezzjoni li fiha kien ipoġġi l-Imħallef I. T. sabiex tibdel il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi li kienu ġew assenjati lil dan l-imħallef, bl-eċċezzjoni tal-kawża li fiha l-imsemmi mħallef kien adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-Kawża C‑615/20. Sussegwentement, din il-Presidenta ta’ Sezzjoni, permezz tal-użu tal-għodda informatika prevista għal dan l-għan, adottat digriet li jassenja mill-ġdid il-kawża prinċipali lil kulleġġ ġudikanti ieħor, jiġifieri l-qorti tar-rinviju f’din il-Kawża C‑671/20.

76

Mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata r-risposta għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑615/20 jirriżulta li l-effett dirett marbut mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimplika li l-qrati nazzjonali għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ riżoluzzjoni li twassal, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, għas-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef, meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

77

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dan l-obbligu huwa impost, b’mod partikolari, fuq il-kulleġġ ġudikanti li lilu l-kawża inkwistjoni tkun ġiet assenjata mill-ġdid minħabba tali riżoluzzjoni, peress li dan il-kulleġġ ġudikanti huwa, konsegwentement, obbligat jastjeni milli jieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra, C‑508/19, EU:C:2022:201, point 74). L-imsemmi obbligu jorbot ukoll lill-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali, li għandhom, għaldaqstant, jassenjaw mill-ġdid l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti li inizjalment kien adit biha.

78

F’dan il-każ, għar-raġuni indikata fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata tal-imsemmija riżoluzzjoni ma tista’ tiġi invokata b’mod utli.

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, u b’differenza minn kawżi oħra assenjati lill-Imħallef I. T. li, fil-frattemp, ġew ukoll assenjati mill-ġdid lil kulleġġi ġudikanti oħra, iżda li l-eżami tagħhom kien tkompla jew, skont il-każ, ingħalaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn dawn il-kulleġġi ġudikanti l-ġodda, il-proċedura prinċipali fl-imsemmija kawża ġiet sospiża sakemm tingħata din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mill-Imħallef I. T. tidher li hija ta’ natura li tippermetti li l-imsemmija proċedura tkun tista’, minkejja d-dewmien ikkawżat mir-riżoluzzjoni kontenzjuża, twassal għal deċiżjoni li tkun konformi kemm mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll ma’ dawk li jirriżultaw mid-dritt tal-parti fil-kawża kkonċernata għal smigħ xieraq.

80

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑671/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li, wara li jkun ġie assenjat mill-ġdid kawża li qabel kienet assenjata lil kulleġġ ġudikanti ieħor ta’ din il-qorti u dan bħala konsegwenza ta’ riżoluzzjoni adottata minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef uniku li jifforma dan l-aħħar kulleġġ ġudikanti u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, iddeċieda li jissospendi t-trattament ta’ din il-kawża sakemm tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jeskludi l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni u jastjeni milli jkompli bl-eżami tal-imsemmija kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali huma obbligati, f’każ bħal dan, li jassenjaw mill-ġdid din l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti inizjalment responsabbli għaliha.

Fuq it‑tieni domanda u fuq it‑tieni parti tar‑raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑671/20

81

Permezz tat-tieni domanda tagħha kif ukoll permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda dwar il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu:

minn naħa, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lil qorti nazzjonali, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq l-imħallfin li jifformawha, milli teżamina n-natura vinkolanti ta’ att adottat minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, u, jekk ikun il-każ, milli teskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-att, u,

min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali li bis-saħħa tagħha l-atti ta’ ħatra tal-imħallfin li jifformaw tali istanza ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, sa fejn l-imsemmija ġurisprudenza hija ta’ natura li tostakola dan l-istess eżami.

82

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li rreferiet għalihom il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedu, b’mod partikolari, fir-rigward tal-imsemmija qrati, projbizzjonijiet li tiġi kkontestata l-leġittimità tal-qrati jew li tiġi evalwata l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa tiegħu li jeżerċita funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 107(1) ta’ din l-istess liġi, dawn jistabbilixxu bħala ksur dixxiplinari, b’mod partikolari, kull att tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li jikkontesta l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef.

83

Issa, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tqis li tali dispożizzjonijiet nazzjonali huma ta’ natura li jostakolaw li hija tista’, minkejja li hija obbligata tagħmel dan fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi l-oħra tagħha, tiddeċiedi dwar l-assenza ta’ saħħa vinkolanti ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża u teskludi, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, jekk hija taġixxi b’dan il-mod, hija jkollha tikkontesta l-leġittimità ta’ awtorità ġudizzjarja, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari, u tikkomprometti serjament il-funzjonament tagħha. Tali eżami tas-saħħa vinkolanti tar-riżoluzzjoni kontenzjuża jirrikjedi, fl-istess ħin, li l-imsemmija qorti tar-rinviju tevalwa l-legalità tal-ħatriet tal-imħallfin li jifformaw l-imsemmija awla u tas-setgħa tagħhom li jeżerċitaw funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li hija tiddeċiedi dwar l-effettività tal-imsemmija ħatriet.

84

F’dan ir-rigward, mir-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domanda kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑671/20 jirriżulta li l-qrati nazzjonali li huma mitluba jagħtu effett għal riżoluzzjoni li timplika, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef għandhom, meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jeskludu l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li qorti nazzjonali teżerċita l-funzjonijiet fdati lilha mit-Trattati u li tosserva l-obbligi tagħha taħt dawn it-Trattati, billi tagħti effett lil dispożizzjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jiġi pprojbit lilha, u lanqas ma jista’ jitqies li huwa ksur dixxiplinari fil-konfront tal-imħallfin li jpoġġu f’tali qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 132).

86

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, għar-raġunijiet esposti fil-punti 198 sa 219 ta’ dik is-sentenza u kif jirriżulta mill-punt 3 tad-dispożittiv tagħha, li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li jipprojbixxi lil kull qorti nazzjonali milli tivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar il-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

87

F’dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, għar-raġunijiet esposti fil-punti 125 sa 163 ta’ din tal-aħħar u kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li, billi adottat u żammet fis-seħħ il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji li jippermettu li l-eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja kienet, b’mod partikolari, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

88

Issa, diġà tfakkar, fil-punti 56, 58 u 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-awtorità marbuta mas-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll tal-effett dirett li għandu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huma l-qrati nazzjonali, u għalhekk, b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, li ma għandhomx japplikaw, fil-kawżi li jkunu aditi bihom, id-dispożizzjonijiet nazzjonali meqjusa għalhekk li jmorru kontra l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati u, b’mod partikolari, il-projbizzjonijiet inkwistjoni stabbiliti minnhom fil-konfront tal-qrati ordinarji ma jistgħux jipprekludu li din il-qorti tar-rinviju teżamina s-saħħa vinkolanti tar-riżoluzzjoni kontenzjuża u twarrab l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, kif hija obbligata tagħmel.

89

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li rreferiet għaliha l-qorti tar-rinviju, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din tal-aħħar jirriżulta li hija tqis li din il-ġurisprudenza hija wkoll ta’ natura li tipprekludi li hija tkun tista’ twettaq eżami tal-kundizzjonijiet li fihom seħħew il-ħatriet tal-membri tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiżgura ruħha min-natura indipendenti u imparzjali ta’ din l-istanza u tikkonkludi, jekk ikun il-każ, li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma tapplikax.

90

F’dan ir-rigward, u mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni parti tar-raba’ domanda, dwar il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri ta’ din il-qorti kostituzzjonali, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-dawl tal-effett dirett li għandu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qrati nazzjonali li ma japplikawx kull ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-każ li, wara sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali titwassal sabiex tqis li l-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-fatt, għal tali qorti nazzjonali, li ma tapplikax l-imsemmija ġurisprudenza kostituzzjonali, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt, ma jistax ikun ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 li għandha twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 89 ta’ din l-istess sentenza, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-imsemmija ġurisprudenza jirriżultaw li huma ta’ natura li jipprekludu li din il-qorti tar-rinviju ma tapplikax ir-riżoluzzjoni kontenzjuża u tastjeni, konsegwentement, milli tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑671/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu:

minn naħa, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lil qorti nazzjonali, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq l-imħallfin li jifformawha, milli teżamina n-natura vinkolanti ta’ att adottat minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, u, jekk ikun il-każ, milli teskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-att, u,

min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali li bis-saħħa tagħha l-atti ta’ ħatra tal-imħallfin ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, sa fejn l-imsemmija ġurisprudenza hija ta’ natura li tostakola dan l-istess eżami.

Fuq l‑ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, il-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali, adit b’kawża u kompost minn Imħallef uniku li fil-konfront tiegħu istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti adottat riżoluzzjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u li tordna s-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, huwa ġġustifikat li jeskludi l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu f’dik il-kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ din il-qorti nazzjonali għandhom jeskludu wkoll l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mill-imsemmi kulleġġ ġudikanti.

 

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li, wara li jkun ġie assenjat mill-ġdid kawża li qabel kienet assenjata lil kulleġġ ġudikanti ieħor ta’ din il-qorti u dan bħala konsegwenza ta’ riżoluzzjoni adottata minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef uniku li jifforma dan l-aħħar kulleġġ ġudikanti u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, iddeċieda li jissospendi t-trattament ta’ din il-kawża sakemm tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jeskludi l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni u jastjeni milli jkompli bl-eżami tal-imsemmija kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali huma obbligati, f’każ bħal dan, li jassenjaw mill-ġdid din l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti inizjalment responsabbli għaliha.

 

4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu:

minn naħa, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lil qorti nazzjonali, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq l-imħallfin li jifformawha, milli teżamina n-natura vinkolanti ta’ att adottat minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, u, jekk ikun il-każ, milli teskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-att, u,

min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali li bis-saħħa tagħha l-atti ta’ ħatra tal-imħallfin ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, sa fejn l-imsemmija ġurisprudenza hija ta’ natura li tostakola dan l-istess eżami.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top