EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0585

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2022.
BFF Finance Iberia S.A.U vs Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo Valladolid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Irkupru minn awtorità pubblika ta’ dejn ittrasferit minn impriżi lil kumpannija ta’ rkupru – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ dewmien fil-ħlas mid-debitur – Artikolu 6 – Ammont fiss minimu ta’ EUR 40 – Tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi – Artikolu 4 – Proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi – Żmien għall-ħlas – Il-punt 8 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ammont dovut’ – Teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-finijiet tal-kalkolu tal-interessi moratorji.
Kawża C-585/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:806

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Irkupru minn awtorità pubblika ta’ dejn ittrasferit minn impriżi lil kumpannija ta’ rkupru – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ dewmien fil-ħlas mid-debitur – Artikolu 6 – Ammont fiss minimu ta’ EUR 40 – Tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi – Artikolu 4 – Proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi – Żmien għall-ħlas – Il-punt 8 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ammont dovut’ – Teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-finijiet tal-kalkolu tal-interessi moratorji”

Fil-Kawża C‑585/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no. 2 de Valladolid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ Valladolid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

BFF Finance Iberia SAU

vs

Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León, minn D. Vélez Berzosa u M.L. Vidueira Pérez, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, S. Jiménez García u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall‑Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, M. Jáuregui Gómez u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 4(1), 6 u 7(2) u (3) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BFF Finance Iberia SAU (iktar ’il quddiem il-“BFF”) u Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León (l-Amministrazzjoni Reġjonali Tas-Saħħa ta’ Castilla u Léon, Spanja iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Reġjonali”) dwar l-irkupru minn BFF, mingħand din l-amministrazzjoni, ta’ djun li jikkorrispondu mal-ammonti dovuti bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ prodotti u ta’ forniment ta’ servizzi mogħtija minn 21 kumpannija lil xi ċentri mediċi marbuta mal-imsemmija amministrazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/7

3

Il-premessi 3, 9, 17 sa 19, 23 u 26 tad-Direttiva 2011/7 jistabbilixxu:

“(3)

Ħafna mill-ħlasijiet fi transazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ekonomiċi jew bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard milli jkun miftiehem fil-kuntratt jew milli jkun stipulat fil-kondizzjonijiet ġenerali kummerċjali. Għalkemm il-prodotti jiġu fornuti jew is-servizzi jseħħu, ħafna mill-fatturi korrispondenti jitħallsu ħafna wara l-iskadenza. Dan il-ħlas tard iħalli effett negattiv fuq il-likwidità u jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tal-intrapriżi. Iħalli effett ukoll fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ profitt tagħhom meta l-kreditur ikollu ħtieġa jikseb finanzjament estern minħabba ħlas tard.[…]

[…]

(9)

Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, ladarba l-awtoritajiet pubbliċi jittrattaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-intrapriżi. […]

[…]

(17)

Il-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu.

(18)

Il-fatturi jattivaw talbiet għal ħlas u huma dokumenti importanti fil-katina ta’ valur tat-transazzjonijiet għall-provvista ta’ prodotti u servizzi, fost l-oħrajn biex jiġu stabbiliti l-iskadenzi għall-ħlas. […]

(19)

Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. […]

[…]

(23)

Bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi jibbenefikaw minn flussi ta’ dħul aktar żguri, prevedibbli u kontinwi mill-intrapriżi. Barra minn hekk, ħafna awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiksbu finanzjament b’kondizzjonijiet aktar attraenti mill-intrapriżi. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet pubbliċi jiddependu inqas mill-intrapriżi privati fuq il-bini ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbli biex jiksbu l-objettivi tagħhom. Il-perjodi twal għall-ħlas u l-ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi għall-prodotti u s-servizzi jwasslu għal spejjeż mhux ġustifikati għall-intrapriżi. Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti regoli speċifiċi fir-rigward tat-transazzjonijiet kummerċjali għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi minn intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jipprevedu b’mod partikolari perjodi għall-ħlas li normalment ma jaqbżux it-30 jum kalendarju, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor espliċitament fil-kuntratt u sakemm ikun oġġettivament iġġustifkat meta jitqiesu n-natura jew il-karatteristiki partikulari tal-kuntratt u fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu s-60 jum kalendarju.

[…]

(26)

Sabiex ma tiġix ipperikolata l-kisba tal-objettiv ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-transazzjonijiet kummerċjali, proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika m’għandhiex iddum iktar minn 30 jum kalendarju, bħala regola ġenerali. Madankollu, għandu jkun possibbli li proċedura ta’ verifika taqbeż it-30 jum kalendarju, pereżempju fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi, meta miftiehem espliċitament fil-kuntratt u fi kwalunkwe dokumenti relatati ma’ sejħa għall-offerti u jekk ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-SMEs.

2   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.”

5

Skont il-punti 1, 2, 4 u 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

2)

‘awtorità pubblika’ tfisser kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 19) u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt;

[…]

4)

‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;

[…]

8)

‘ammont dovut’ tfisser is-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti”.

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”, huwa hekk ifformulat:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu;

b)

il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

[…]

3   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika:

a)

il-perjodu ta’ ħlas ma jaqbeż l-ebda wieħed mil-limiti ta’ żmien li ġejjin:

[…]

iv)

fejn proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika, li permezz tagħha trid tiġi aċċertata l-konformità tal-prodotti jew servizzi mal-kuntratt, hija prevista statutorjament jew kuntrattwalment u jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew talba għall-ħlas ekwivalenti qabel jew fid-data li fiha sseħħ dik l-aċċettazzjoni jew verifika, 30 jum kalendarju wara dik id-data;

[…]

4   L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 3 għal massimu ta’ 60 jum kalendarju għal:

a)

kull awtorità pubblika li twettaq attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali billi toffri prodotti jew servizzi fis-suq u li, bħala intrapriża pubblika, hi soġġetta għar-rekwiżiti ta’ trasparenza stipulati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi [(ĠU 2008, L 348M, p. 906 u rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555)];

b)

l-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizz ta’ kura tas-saħħa li huma rikonoxxuti kif jixraq għal dak il-għan.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-limiti ta’ żmien b’mod konformi ma’ dan il-paragrafu, għandu jibgħat rapport dwar tali estensjoni lill-Kummissjoni sas‑16 ta’ Marzu 2018.

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul massimu ta’ proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika msemmija fil-punt (iv) tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ma jaqbiżx it-30 jum kalendarju mid-data meta jaslu l-prodotti jew is-servizzi, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u kull dokumenti relatati ma’ sejħa għall-offerti u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ ħlas stipulat fil-kuntratt ma jaqbiżx il-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm ikun iġġustifikat oġġettivament fid-dawl tan-natura jew tal-karatteristiki partikulari tal-kuntratt, u li fl-ebda każ m’għandu jaqbeż is-60 jum kalendarju.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   […]

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi: […]

c)

jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja […] mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

[…]

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.”

Id-Direttiva 2006/112/KE

9

L-Artikolu 220 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) jipprevedi:

“Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dak li ġej, tinħareġ fattura, jew hi nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:

1)

provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li hi tkun għamlet lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli;

[…]”

10

L-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT [taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:

[…]

10)

l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas, għajr fejn ikun applikat arranġament speċjali li taħtu, b’konformità ma’ din id-Direttiva, tali dettall hu eskluż;

[…]”

Id-dritt Spanjol

11

L-Artikolu 8(1) tal-Ley 3/2004, por la que se establecen medidas de lucha contra la morosidad en las operaciones comerciales (Liġi 3/2004 li tistabbilixxi miżuri għall-ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali), tad‑29 ta’ Diċembru 2004 (BOE Nru 314, tat‑30 ta’ Diċembru 2004, p. 42334), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 3/2004”), jipprovdi:

“Meta d-debitur ikun f’dewmien fil-ħlas, il-kreditur għandu d-dritt li jitlob mingħandu l-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 40, li fi kwalunkwe każ tiżdied mad-dejn prinċipali mingħajr ma jkollu għalfejn jiġi espressament mitlub.

Il-kreditur għandu wkoll id-dritt li jitlob mingħand id-debitur kumpens għall-ispejjeż kollha ta’ rkupru debitament iċċertifikati li huwa sostna minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar u li jaqbeż l-ammont indikat fis-subparagrafu preċedenti.”

12

L-Artikolu 198(4) tal-Ley 9/2017, de Contratos del Sector Público, por la que se transponen al ordenamiento jurídico español las Directivas del Parlamento Europeo y del Consejo 2014/23/UE y 2014/24/UE, de 26 de febrero de 2014 (il-Liġi 9/2017 dwar il-kuntratti pubbliċi, li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Spanjol id-Direttivi 2014/23/UE u 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014), tat‑8 ta’ Novembru 2017 (BOE nru 272 tad‑9 ta’ Novembru 2017, p. 107714, iktar ’il quddiem il-“Liġi 9/2017”), jipprevedi:

“L-amministrazzjoni hija obbligata tħallas il-prezz f’terminu ta’ 30 jum wara d-data ta’ aċċettazzjoni tar-rapporti ta’ progress jew tad-dokumenti li jiċċertifikaw il-konformità mal-kuntratt tal-prodotti kkunsinnati jew tas-servizzi pprovduti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 210(4) u fil-każ ta’ dewmien, hija tkun obbligata tħallas lill-fornitur, fl-iskadenza tal-imsemmi terminu ta’ 30 jum, l-interessi moratorji u l-kumpens abbażi tal-ispejjeż ta’ rkupru, fit-termini previsti mil-Liġi 3/2004 […] Sabiex l-interessi jibdew jiddekorru, il-fornitur għandu jkun issodisfat l-obbligu li tippreżenta l-fattura fir-reġistru amministrattiv korrispondenti, fit-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar il-fatturazzjoni elettronika, fil-forma korretta u dovuta u fit-terminu mogħti ta’ 30 jum mid-data tal-kunsinna effettiva tal-prodott jew tal-provvista tas-servizz.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

BFF, kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-irkupru tal-krediti, kisbet krediti li kellhom 21 impriża għar-remunerazzjoni tal-provvista, bejn is-sena 2014 u s-sena 2017, ta’ prodotti u ta’ servizzi lil ċentri mediċi marbuta mal-amministrazzjoni reġjonali.

14

Fil‑31 ta’ Mejju 2019, BFF talbet lil din l-amministrazzjoni tħallas somom li jikkorrispondu għall-ammont prinċipali, flimkien mal-interessi moratorji, kif ukoll b’ammont ta’ EUR 40, bħala spejjeż ta’ rkupru, għal kull waħda mill-fatturi mhux imħallsa, konformement mal-Artikolu 8 tal-Liġi 3/2004.

15

Peress li l-imsemmija amministrazzjoni ma laqgħetx dan l-ilment, BFF l-ewwel ippreżentat rikors amministrattiv quddiem l-amministrazzjoni reġjonali, u sussegwentement rikors ġudizzjarju quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No. 2 de Valladolid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ Valladolid, Spanja), il-qorti tar-rinviju, intiża għall-kundanna ta’ din l-amministrazzjoni tħallasha b’mod partikolari ammont prinċipali ta’ EUR 51 610.67, flimkien mal-interessi moratorji, ammont ta’ EUR 40, għal spejjeż, għal kull waħda mill-fatturi mhux imħallsa, u ammont ta’ EUR 43 626.79, bħala interessi legali.

16

Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 sabiex tiddetermina, meta lment li jinkludi assjem ta’ fatturi mhux imħallsa fl-iskadenza jiġi ppreżentat, jekk is-somma f’daqqa ta’ EUR 40 imsemmija f’din id-dispożizzjoni għandhiex titħallas għal kull fattura, jew għal kull ilment.

17

Sussegwentement, din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità mad-Direttiva 2011/7 ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tipprevedi, għall-każijiet kollha u għat-tipi kollha ta’ kuntratti, terminu ta’ ħlas ta’ 60 jum, kompost minn perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-aċċettazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li l-provvista tagħhom hija s-suġġett ta’ dawn il-kuntratti, segwit minn 30 jum addizzjonali għall-ħlas.

18

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-interessi moratorji, l-ammont tal-VAT li jidher fuq il-fattura mhux imħallsa mal-iskadenza mid-debitur, inkluż meta fid-data li fiha jseħħ dan id-dewmien, il-kreditur taxxabbli jkun għadu ma ħallasx tali ammont lit-Teżor pubbliku.

19

F’dan il-kuntest, il-Juzgado Contencioso-Administrativo no. 2 de Valladolid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru. 2 ta’ Valladolid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li jipprovdu l-Artikoli 4(1), 6 u 7[(2) u (3)] tad-[Direttiva 2011/7]:

1)   L-Artikolu 6 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li fi kwalunkwe każ l-ammont ta’ EUR 40 japplika għal kull fattura[,] dejjem u meta l-kreditur ikun individwalizza l-fatturi fit-talbiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u l-qrati amministrattivi[,] jew l-ammont ta’ EUR 40 japplika għal kull fattura fi kwalunkew każ, anki jekk ikunu tressqu talbiet magħquda u ġeneriċi?

2)   Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 198(4) tal-Liġi 9/2017 [li jistabbilixxi] perijodu ta’ ħlas ta’ 60 jum f’kull każ u għall-kuntratti kollha, b’perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-approvazzjoni u ta’ 30 jum addizzjonali għall-ħlas[,] [b’rispett lejn] il-[premessa] 23 tad-Direttiva [2011/7...]?

3)   Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/7]? L-interpretazzjoni tad-Direttiva, tippermetti li jitqies li[,] fil-bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji li l-istess direttiva tirrikonoxxi, tkun inkluża l-VAT dovuta fuq is-servizz ipprovdut u li l-ammont tagħha jkun inkluż fil-fattura stess? Jew huwa neċessarju li jiġi identifikat u ddeterminat f’liema mument il-fornitur iwettaq il-ħlas tat-taxxa lill-amministrazzjoni tat-taxxa?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni li fiha kumpannija ta’ rkupru ta’ djun, wara x-xiri mill-ġdid ta’ dejn mhux imħallas mal-iskadenza minn awtorità pubblika lill-impriżi ċedenti, titlob lil din l-awtorità pubblika, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, il-ħlas ta’ dawn id-djun, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2011/7.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, din tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal “tranżazzjonijiet kummerċjali” u li dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”.

22

Sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, tranżazzjoni għandha għalhekk tissodisfa żewġ kundizzjonijiet. Din it-tranżazzjoni għandha, minn naħa, issir jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, din għandha twassal għall-fornitura ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, New Media Development & Hotel Services, C‑327/20, EU:C:2022:23, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-krediti mitluba jirrigwardaw remunerazzjonijiet mhux imħallsa mal-iskadenza mill-amministrazzjoni reġjonali, “awtorità pubblika”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, inkambju għall-fornitura ta’ prodotti u ta’ servizzi mill-impriżi ċedenti u, għaldaqstant, jirrigwardaw “tranżazzjonijiet kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

24

Iċ-ċessjoni ta’ dan id-dejn u tad-drittijiet kollha marbuta magħhom ma’ kumpannija ta’ rkupru ta’ djun — li, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, kreditur jista’ jappella, wara l-ħlas tardiv tad-debitur — taqa’, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-estensjoni tat-tranżazzjonijiet kummerċjali inizjali.

25

Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2011/7.

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-somma fissa minima ta’ EUR 40, bħala kumpens tal-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tardiv tad-debitur, hija dovuta għal kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa fil-ħin, u ċċertifikata f’fattura, inkluż meta din il-fattura tkun is-suġġett, fost fatturi oħra, ta’ lment amministrattiv jew ġudizzjarju uniku, u jekk, f’dan il-każ, il-kreditur huwa obbligat jippreżenta l-fattura korrispondenti għal kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li, meta interessi moratorji jkunu eżiġibbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kreditur ikollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ somma fissa ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li din is-somma fissa minima tkun dovuta awtomatikament, anki fl-assenza ta’ tfakkira lid-debitur, u li l-imsemmi ammont huwa intiż li jikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 6 jirrikonoxxi lill-kreditur id-dritt li jitlob mingħand id-debitur, minbarra s-somma fissa minima ta’ EUR 40, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż l-oħra kollha ta’ rkupru li jaqbżu l-imsemmija somma fissa u mġarrba minħabba dewmien fil-ħlas tad-debitur.

28

Il-kunċett ta’ “ħlas tard” imsemmi fl-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2011/7, bħala bażi tad-dritt mhux biss għal interessi, iżda wkoll għal somma fissa minima ta’ EUR 40, huwa ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala kull ħlas li ma jsirx fit-terminu kuntrattwali jew legali. Issa, peress li din id-direttiva tkopri, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, “il-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, dan il-kunċett ta’ “ħlas tard” huwa applikabbli, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal kull tranżazzjoni kummerċjali kkunsidrata individwalment.

29

Id-direttiva 2011/7 tistabbilixxi għalhekk rabta bejn l-ammont fiss minimu previst fl-Artikolu 6(1) tagħha, u kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa mal-iskadenza, iċċertifikata f’fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti. Fil-fatt, kif tiddikjara l-premessa 18 ta’ din id-direttiva, il-fatturi jgħoddu għall-applikazzjonijiet għal ħlas u għalhekk jikkostitwixxu dokumenti importanti fil-katina tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, b’mod partikolari meta għandhom jiġu ddeterminati l-iskadenzi ta’ ħlas.

30

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tal-ammont fiss minimu ta’ EUR 40 billi jirreferi, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, għall-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tal-interessi moratorji, iddefiniti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

31

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali, kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin ikollu d-dritt li jikseb, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fil-paragrafi 3, 4 u 6 tal-imsemmi artikolu, l-interessi legali għal ħlas tardiv, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ tfakkira, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC, C‑555/14, EU:C:2017:121, punt 27).

32

Minn dawn l-elementi jirriżulta, minn naħa, li d-dritt li jintalbu interessi legali għal ħlas tardiv u d-dritt għall-ammont fiss minimu previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jitnissel minħabba “ħlas tard”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u għalhekk huma marbuta ma’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” ikkunsidrati individwalment. Min-naħa l-oħra, dawn l-interessi legali, l-istess bħal din is-somma fissa, isiru eżiġibbli awtomatikament fl-iskadenza tat-terminu għall-ħlas previst fil-paragrafi 3, 4 u 6 tal-istess Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, sakemm il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 tiegħu jkunu ssodisfatti. Il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li “[i]l-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu”.

33

Issa, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/7 ma hemm xejn li jindika li l-għażla tal-kreditur li jippreżenta lil l-istess debitur ilment wieħed li jinkludi diversi fatturi mhux imħallsa mal-iskadenza, jista’ jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tal-interessi legali għal ħlas tard previsti f’din id-dispożizzjoni, jew il-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tas-somma fissa minima ta’ EUR 40 prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, il-fatt li dawn l-interessi legali u din is-somma fissa huma dovuti awtomatikament, “mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira”, jippreżupponi li l-għażliet tal-kreditur fir-rigward tal-modalitajiet ta’ rkupru tad-djun mhux imħallsa huma irrilevanti għall-finijiet tal-eżiġibbiltà kemm tal-imsemmija interessi legali kif ukoll tal-imsemmija somma fissa.

34

Għaldaqstant, minn interpretazzjoni litterali u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-somma fissa minima ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, hija dovuta lill-kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu għal kull ħlas li ma jkunx sar fl-iskadenza tar-remunerazzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali, iċċertifikata f’fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien li jkun seħħ.

35

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-għan tagħha. Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 3, din id-direttiva hija intiża sabiex tiġġieled kontra l-ħlasijiet tardivi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, minħabba l-effetti negattivi ta’ dan id-dewmien fuq il-likwidità tal-impriżi, kif ukoll fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tagħhom.

36

Għalhekk, id-Direttiva 2011/7 hija intiża mhux biss sabiex tiskoraġġixxi d-dewmien fil-ħlas, billi tevita li tkun finanzjarjament interessanti għad-debitur, minħabba l-livell dgħajjef jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll sabiex tipproteġi b’mod effikaċi lill-kreditur kontra tali dewmien, billi tiżguralu l-iktar kumpens sħiħ possibbli tal-ispejjeż ta’ rkupru li huwa sostna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-premessa 19 ta’ din id-direttiva tiddikjara li l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jinkludu wkoll l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u l-kumpens għall-ispejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard u li l-kumpens permezz ta’ somma fissa għandu jkollu t-tendenza li jillimita l-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru.

37

F’din il-perspettiva, it-tressiq ta’ lment ta’ pagament uniku li jkopri diversi tranżazzjonijiet kummerċjali mhux imħallsa fil-ħin, debitament iċċertifikati permezz ta’ fatturi jew permezz ta’ talbiet għal ħlas ekwivalenti, ma jistax ikollu l-effett li jnaqqas l-ammont fiss minimu dovut bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għal kull dewmien fil-ħlas. Tali tnaqqis iċaħħad, qabelxejn, mill-effettività l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li l-għan tiegħu huwa, kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti, mhux biss li jiskoraġġixxi dan id-dewmien fil-ħlas iżda wkoll li jikkumpensa “[i]l-kreditur...mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru”, peress li dawn l-ispejjeż huma intiżi li jiżdiedu bi proporzjon man-numru ta’ pagamenti u ammonti li d-debitur ma jħallasx fl-iskadenza. Tali tnaqqis ikun ekwivalenti, sussegwentement, għall-għoti lid-debitur ta’ deroga għad-dritt tal-ammont fiss previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, mingħajr ebda “raġuni oġġettiva” sabiex jagħmel dan, bi ksur tal-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva. Fl-aħħar nett, dan it-tnaqqis iwassal sabiex jeħles lid-debitur minn parti mill-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu tiegħu li jħallas, fir-rigward ta’ kull fattura mhux imħallsa mal-iskadenza, is-somma fissa ta’ EUR 40, prevista f’dan l-Artikolu 6(1).

38

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Gvern Spanjol li jgħid li, peress li l-kumpens previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 għandu jkun “raġonevoli”, il-kreditur ma jistax jinvoka dan l-artikolu sabiex jitlob somma fissa minima ta’ EUR 40 għal kull fattura inkluża f’ilment wieħed, għaliex dan iwassal sabiex jingħata kumpens ripetut u eċċessiv tal-ispejjeż marbuta ma’ dan l-ilment.

39

Fil-fatt, id-dritt għal kumpens “raġonevoli” previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 “għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur.” jikkonċerna l-ispejjeż ta’ rkupru, ikunu liema jkunu, li jaqbżu l-ammont minimu ta’ EUR 40 li għalih il-kreditur għandu dritt, b’mod awtomatiku, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, meta interessi moratorji jkunu eżiġibbli għal tranżazzjoni kummerċjali, konformement mal-Artikolu 3 jew mal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. Tali kumpens ma jistax għalhekk ikopri la l-parti ta’ dawn l-ispejjeż li diġà hija koperta mill-ammont fiss minimu ta’ EUR 40 u lanqas l-ispejjeż li jidhru eċċessivi fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna, C‑287/17, EU:C:2018:707, punti 2230).

40

Għalhekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 ma jistax jiġi invokat sabiex jiġi limitat id-dritt tal-kreditur li jirċievi ammont fiss previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-limiti indikati fil-punt preċedenti, il-fatt li r-remunerazzjonijiet għal tranżazzjonijiet kummerċjali li dan id-debitur ma ħallaslux fl-iskadenza taw lok għal ilment wieħed, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-kumpens għall-ispejjeż l-oħra ta’ rkupru mġarrba wara l-ħlas tardiv tad-debitur.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 fis-sens li l-ammont fiss minimu huwa dovut għal kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa fl-iskadenza, iċċertifikat f’fattura, meta din tiġi ppreżentata, flimkien ma’ fatturi oħrajn, f’ilment amministrattiv jew ġudizzjarju uniku, ma twassalx għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq id-debitur. Tali lment għandu, madankollu, jippermetti li tiġi stabbilita l-korrispondenza bejn kull waħda mill-fatturi li hija tinkludi u t-tranżazzjonijiet kummerċjali mhux imħallsa kkonċernati.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-somma fissa minima ta’ EUR 40, bħala kumpens tal-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tardiv tad-debitur, hija dovuta għal kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa fil-ħin, iċċertifikata f’fattura, inkluż meta din il-fatturi hija ppreżentata fost fatturi oħrajn f’ilment amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed.

Fuq it-tieni domanda

43

Fid-dawl tal-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta liġijiet jew regolamenti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku, C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk l-Artikolu 4(3) sa (6) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, b’mod ġenerali, għat-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi terminu ta’ ħlas ta’ tul massimu ta’ 60 jum kalendarju komposta minn terminu inizjali ta’ 30 jum għal proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ verifika tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti mal-kuntratt, segwit minn terminu addizzjonali ta’ 30 jum għal ħlas tal-prezz miftiehem.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2011/7 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw, fi tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, li t-terminu għall-ħlas ma jeċċedix 30 jum kalendarju kkalkolati minn meta jseħħu ċ-ċirkustanzi fattwali elenkati, b’mod partikolari, fil-punt (iv) tiegħu.

45

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 4(3)(a)(iv) tad-Direttiva 2011/7, “fejn proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifika, li permezz tagħha trid tiġi aċċertata l-konformità tal-prodotti jew servizzi mal-kuntratt, hija prevista statutorjament jew kuntrattwalment u jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew talba għall-ħlas ekwivalenti qabel jew fid-data li fiha sseħħ dik l-aċċettazzjoni jew verifika”, it-terminu ta’ ħlas massimu ta’ 30 jum kalendarju għandu jiġi kkalkolat mid-data ta’ din l-aċċettazzjoni jew verifika.

46

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-premessa 26 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li t-tul massimu tal-proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ verifika msemmija fil-paragrafu 3(a)(iv) tal-istess artikolu ma jeċċedix 30 jum kalendarju mid-data ta’ riċezzjoni tal-merkanzija jew tal-provvista tas-servizzi, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor permezz ta’ kuntratt u fl-eventwali fajl ta’ sejħa għal offerti u sakemm dan ma jikkostitwixxix abbuż manifest fir-rigward tal-kreditur, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7.

47

B’hekk jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet magħquda li, minn naħa, id-Direttiva 2011/7 ma tikkonċepixxix il-proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ verifika bħala inerenti għat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi. Min-naħa l-oħra, meta din il-proċedura “hija prevista statutorjament jew kuntrattwalment ”, it-terminu massimu tagħha huwa ta’ 30 jum kalendarju, li jista’ jinqabeż biss b’mod eċċezzjonali, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva.

48

Fit-tielet lok, mill-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-premessa 23 tagħha, jirriżulta li, sabiex it-terminu ġenerali ta’ ħlas ta’ 30 jum ikun jista’ jiġi estiż, tali estensjoni għandha tkun espressament stipulata permezz ta’ kuntratt u għandha tkun oġġettivament iġġustifikata min-natura partikolari jew minn ċerti elementi ta’ dan il-kuntratt. Terminu hekk estiż ma jista’, fl-ebda każ, jeċċedi 60 jum kalendarji.

49

Barra minn hekk, meta awtorità pubblika teżerċita attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali li jikkonsistu fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi, jew li tingħata kura tas-saħħa, l-Istati Membri jistgħu, skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, jestendu t-terminu għall-ħlas sa massimu ta’ 60 jum kalendarju.

50

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 4(3) sa (6) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li l-applikazzjoni, għat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi, ta’ terminu ta’ ħlas ta’ iktar minn 30 jum kalendarju, sa massimu ta’ 60 jum kalendarju, hija eċċezzjonali u għandha tkun limitata għal ċerti każijiet iddefiniti sew, fosthom b’mod partikolari dawk espressament imsemmija fl-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 4(4) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 44).

51

Din l-interpretazzjoni litterali u kuntestwali tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, b’mod partikolari dak li timponi fuq l-Istati Membri obbligi msaħħa għall-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tagħhom mal-impriżi. Fil-fatt, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-premessi 3, 9 u 23 tal-imsemmija direttiva, dawn l-awtoritajiet pubbliċi, li jwettqu numru kunsiderevoli ta’ pagamenti lill-impriżi, jibbenefikaw minn flussi ta’ dħul iktar siguri, prevedibbli u kontinwati mill-impriżi, jistgħu jiksbu finanzjamenti taħt kundizzjonijiet iktar interessanti minn dawn u huma inqas dipendenti fuq relazzjonijiet kummerċjali stabbli sabiex iwettqu l-għanijiet tagħhom mill-impriżi. Barra minn hekk, termini twal ta’ ħlas għall-benefiċċju ta’ dawn l-awtoritajiet, bħal fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas, iwasslu għal spejjeż inġustifikati għal dawn l-impriżi, billi jaggravaw ir-restrizzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-likwidità u billi jrendu iktar kumpless il-ġestjoni finanzjarja tagħhom, minbarra li huma wkoll ta’ ħsara għall-kompetittività u għall-profitabbiltà tal-imsemmija impriżi, peress li dawn għandhom jiksbu finanzjamenti esterni minħabba l-imsemmi dewmien fil-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑122/18, EU:C:2020:41, punti 4647).

52

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar, minn Stat Membru, ta’ terminu għall-ħlas ta’ tul massimu ta’ 60 jum kalendarju fi tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi huwa permess biss fil-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti f’dan l-artikolu, u mfakkra fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) sa (6) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, b’mod ġenerali, għat-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, terminu ta’ ħlas ta’ tul massimu ta’ 60 jum kalendarju, inkluż meta dan it-terminu huwa kompost minn terminu inizjali ta’ 30 jum għal proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ verifika tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti mal-kuntratt, segwit minn terminu addizzjonali ta’ 30 jum għall-ħlas tal-prezz miftiehem.

Fuq it-tielet domanda

54

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala “ammont dovut” ddefinit f’din id-dispożizzjoni, tal-ammont ta’ VAT li jinsab fuq il-fattura jew it-talba għal ħlas ekwivalenti, jiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk, fid-data li fiha jkun seħħ id-dewmien fil-ħlas, il-kreditur taxxabbli jkun diġà ħallas dan l-ammont lit-Teżor pubbliku.

55

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ammont dovut” bħala “is-somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti”.

56

Fir-rigward tal-interpretazzjoni litterali tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-użu tal-espressjoni “inklużi t-taxxi […] speċifikati” jimplika li l-kunċett ta’ “ammont dovut” għandu neċessarjament jinkludi l-ammont ta’ VAT fuq prodott fornit jew fuq servizz ipprovdut. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-espressjoni “speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti” jindika li l-ammont tal-VAT huwa dak indikat fuq il-fattura jew it-talba għal ħlas ekwivalenti, indipendentement mill-modalitajiet jew mill-mument tal-ħlas tal-VAT mill-persuna taxxabbli lit-Teżor pubbliku.

57

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “ammont dovut” ma jagħmilx distinzjoni skont id-data li fiha l-persuna taxxabbli tissodisfa l-obbligu tagħha li tħallas lit-Teżor l-ammont tal-VAT li jikkorrispondi għall-prodott fornit jew għas-servizz ipprovdut, jew skont il-metodi ta’ ħlas ta’ dan l-ammont lit-Teżor pubbliku.

58

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 220 tad-Direttiva 2006/112, li jirregola l-ħruġ tal-fatturi u jimponi fuq il-persuni taxxabbli l-obbligu li jiżguraw ruħhom li tinħareġ fattura għall-fornitura ta’ prodotti jew għall-provvista ta’ servizzi mwettqa għal persuni taxxabbli oħra jew għal persuna ġuridika mhux taxxabbli. L-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva jelenka r-referenzi obbligatorji fuq il-fatturi maħruġa, fosthom l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-persuna taxxabbli ssemmi l-ammont tal-VAT li għandu jitħallas fuq il-fattura maħruġa, indipendentement mill-modalitajiet jew mill-mument tal-ħlas tat-taxxa dovuta lit-Teżor pubbliku.

59

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala “ammont dovut” ddefinit f’din id-dispożizzjoni, tal-ammont tal-VAT li jidher fuq il-fattura jew it-talba għal ħlas ekwivalenti, huwa indipendenti mill-kwistjoni ta’ jekk, fid-data li fiha seħħ id-dewmien fil-ħlas, il-persuna taxxabbli diġà ħallset dan l-ammont lit-Teżor pubbliku.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-somma fissa minima ta’ EUR 40, bħala kumpens tal-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tardiv tad-debitur, hija dovuta għal kull tranżazzjoni kummerċjali mhux imħallsa fil-ħin, iċċertifikata f’fattura, inkluż meta din il-fattura hija ppreżentata fost fatturi oħrajn f’ilment amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed.

 

2)

L-Artikolu 4(3) sa (6) tad-Direttiva 2011/7

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, b’mod ġenerali, għat-tranżazzjonijiet kummerċjali kollha bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, terminu ta’ ħlas ta’ tul massimu ta’ 60 jum kalendarju, inkluż meta dan it-terminu huwa kompost minn terminu inizjali ta’ 30 jum għal proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ verifika tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti mal-kuntratt, segwit b’terminu addizzjonali ta’ 30 jum għall-ħlas tal-prezz miftiehem.

 

3)

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala “ammont dovut” ddefinit f’din id-dispożizzjoni, tal-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jidher fuq il-fattura jew it-talba għal ħlas ekwivalenti, huwa indipendenti mill-kwistjoni ta’ jekk, fid-data li fiha seħħ id-dewmien fil-ħlas, il-persuna taxxabbli diġà ħallset dan l-ammont lit-Teżor pubbliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top