Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0561

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ April 2022.
    Q et vs United Airlines, Inc.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni fil-qasam tal-kumpens u tal-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Titjira b’konnessjoni, li tinkludi żewġ segmenti tat-titjira – Dewmien twil fid-destinazzjoni finali li joriġina mit-tieni segment ta’ din it-titjira li tgħaqqad żewġ ajruporti ta’ pajjiż terz – Validità ta’ dan ir-regolament fid-dawl tad-dritt internazzjonali.
    Kawża C-561/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:266

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    7 ta’ April 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni fil-qasam tal-kumpens u tal-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Titjira b’konnessjoni, li tinkludi żewġ segmenti tat-titjira – Dewmien twil fid-destinazzjoni finali li joriġina mit-tieni segment ta’ din it-titjira li tgħaqqad żewġ ajruporti ta’ pajjiż terz – Validità ta’ dan ir-regolament fid-dawl tad-dritt internazzjonali”

    Fil-Kawża C‑561/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

    Q,

    R,

    S

    vs

    United Airlines Inc.,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), J.‑C. Bonichot, L.S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Q, R u S, minn B. Schaumont u J. De Man, advocaten,

    għal United Airlines Inc., minn M. Wouters, advocaat,

    għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Parlament Ewropew, minn L. Stefani u I. Terwinghe, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn N. Rouam u K. Michoel, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis, K. Simonsson u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a), moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), kif ukoll, fit-tieni lok, fuq il-validità tar-Regolament Nru 261/2004 fir-rigward tad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, tas-sovranità esklużiva u kompleta ta’ Stat fit-territorju tiegħu u fl-ispazju tal-ajru tiegħu.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Q, R, u S ma’ United Airlines Inc., dwar il-ħlas ta’ kumpens minħabba dewmien ta’ titjira b’konnessjoni.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 1, 4, 7 u 8 tar-Regolament Nru 261/2004 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    […]

    (4)

    Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

    […]

    (7)

    Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetà, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

    (8)

    Dan ir-Regolament m’għandux jirrestrinġi d-drittijiet tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli.”

    4

    L-Artikolu 2(a) sa (ċ), u (h) tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    ‘trasportatur ta’ l-ajru’ ifisser mpriża tat-trasport permezz ta’ l-ajru b’liċenza valida ta’ l-operazzjoni;

    (b)

    ‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

    (ċ)

    ‘trasportatur Komunitarju’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru b’liċenza valida ta’ l-operazzjoni mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Konsill (KEE) Nru 2407/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar l-għoti ta’ liċenzi lill-trasportaturi ta’ l-ajru;

    […]

    (h)

    ‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

    (a)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

    (b)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

    […]

    5.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    […]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

    (i)

    huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

    (ii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

    (iii)

    huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

    […]

    3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

    7

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dewmien”:

    “1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

    (a)

    għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

    (b)

    għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

    (ċ)

    għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

    passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

    (i)

    l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

    (ii)

    meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

    (iii)

    meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

    2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

    8

    Bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    (a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    (b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

    (ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).”

    9

    L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jistabbilixxi:

    “F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    10

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar, għamlu riżervazzjoni unika mat-trasportatur Komunitarju Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), għal titjira konnessa bi tluq mill-ajruport ta’ Brussell (il-Belġju) lejn San José (l-Istati Uniti), b’waqfa f’Newark (l-Istati Uniti).

    11

    Din it-titjira b’konnessjoni kollha saret minn United Airlines, trasportatur tal-ajru stabbilit f’pajjiż terz. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ 223 minuta.

    12

    Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Settembru 2018, il-kumpannija Happy Flights BVBA, li lilha kien ġie ċedut id-dejn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, intimat lil United Airlines sabiex tħallas kumpens ta’ EUR 600 għal kull persuna għal dan id-dewmien, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 1800, skont ir-Regolament Nru 261/2004.

    13

    Fl‑4 ta’ Ottubru 2018, United Airlines wieġbet lil Happy Flights billi sostniet li dan ir-regolament ma kienx applikabbli, minħabba li l-imsemmi dewmien kien seħħ fit-tieni parti tat-titjira kkonċernata.

    14

    Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2018, Happy Flights wieġbet lil United Airlines billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontesta l-pożizzjoni tagħha u tordna l-ħlas tal-kumpens imsemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza.

    15

    Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2018, United Airlines, min-naħa tagħha, wieġbet lil Happy Flights.

    16

    Fil‑11 ta’ Ottubru 2018, Happy Flights bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil United Airlines. Fl-istess jum, din tal-aħħar informat lil Happy Flights li hija kienet ser iżżomm il-pożizzjoni tagħha.

    17

    Fit‑3 ta’ Mejju 2019, Happy Flights, filwaqt li reġgħet intimat lil United Airlines sabiex tipproċedi bil-ħlas, informat lil din tal-aħħar li d-dejn li kien ġie ċedut lilha kien reġa’ ġie ttrasferit lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    18

    Fit‑22 ta’ Lulju 2019, dawn tal-aħħar intimaw lil United Airlines sabiex tidher quddiem in-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ dannu ta’ EUR 1800, flimkien mal-interessi moratorji b’effett mis‑6 ta’ Settembru 2018 u l-interessi ġudizzjarji.

    19

    F’dan il-kuntest, din il-qorti għandha dubji dwar kif għandha twieġeb lil ċerti argumenti mqajma minn United Airlines, li jirrigwardaw kemm l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll il-validità tiegħu.

    20

    Fl-ewwel lok, United Airlines tikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 meta jkun hemm dewmien twil waqt titjira minn u lejn ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz, anki jekk ikun it-tieni u l-aħħar segment ta’ titjira b’konnessjoni u jekk l-ewwel segment titwettaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

    21

    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tindika li għalkemm is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Wegener (C‑537/17, EU:C:2018:361), li kienet tirrigwarda dewmien li seħħ fl-ewwel segment ta’ titjira b’konnessjoni mwettqa minn trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, timmilita favur l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004, il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu sempliċement ittrasportati għall-kawża li biha hija adita, peress li, f’dan il-każ, huwa t-tieni segment tat-titjira inkwistjoni, li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, li huwa l-kawża tad-dewmien li sofrew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    22

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 261/2004 japplika wkoll għat-tieni segment ta’ titjira b’konnessjoni meta l-ewwel segment ta’ din it-titjira jkun twettaq bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza qajmet il-kwistjoni dwar jekk it-trasportatur Komunitarju li kien wettaq l-ewwel parti tal-imsemmija titjira setax ikun obbligat jikkumpensa passiġġier li kien ġarrab dewmien sinjifikattiv li joriġina mit-tieni segment tal-istess titjira, imwettaq materjalment minn trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, il-fatti ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tressqet quddiemha sa fejn din ma tikkonċerna ebda trasportatur Komunitarju, peress li t-trasportatur Komunitarju li ħareġ il-biljetti, Lufthansa, lanqas biss kien parti f’din il-kawża. Għaldaqstant, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza lanqas ma tista’ tiġi sempliċement trasposta għall-imsemmija kawża.

    23

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti tar-rinviju tirrileva li United Airlines issostni li jekk dan ir-regolament kellu japplika fil-każ ta’ dewmien twil li seħħ fit-tieni segment, imwettaq kompletament fit-territorju ta’ pajjiż terz, ta’ titjira b’konnessjoni, huwa jkollu portata extraterritorjali li tmur kontra d-dritt internazzjonali. B’mod iktar preċiż, skont United Airlines, il-prinċipju ta’ sovranità jipprekludi li l-imsemmi regolament japplika għal sitwazzjoni li tinħoloq fuq it-territorju ta’ pajjiż terz, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-dewmien ikun seħħ fit-territorju tal-Istati Uniti u li l-effetti tiegħu jiġu prodotti esklużivament fi ħdan dan it-territorju. Fil-każ li din it-teżi ta’ United Airlines tkun korretta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-istess regolament fid-dawl tad-dritt internazzjonali.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikoli 3(1)(a) u 7 tar-Regolament [Nru 261/2004], kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier għandu dritt għal kumpens finanzjarju minn trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju meta jkun laħaq id-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat minħabba dewmien tal-aħħar titjira, li l-punt ta’ tluq u l-punt ta’ wasla tagħha kienu t-tnejn jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz mingħajr waqfa fit-territorju ta’ Stat Membru, f’sensiela ta’ titjiriet konnessi li jibdew minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, fejn it-titjiriet kollha li materjalment ġew operati minn dan it-trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju u fejn it-titjiriet kollha kienu ġew irriżervati f’riżervazzjoni unika mill-passiġġier ma’ trasportatur tal-ajru Komunitarju li materjalment ma kien opera ebda waħda minn dawn it-titjiriet?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-Regolament [Nru 261/2004], kif interpretat fl-ewwel domanda, jikser id-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, il-prinċipju tas-sovranità esklużiva u kompleta ta’ Stat fit-territorju tiegħu u fl-ispazju tal-ajru tiegħu, sa fejn din l-interpretazzjoni tagħmel id-dritt tal-Unjoni applikabbli għal sitwazzjoni li sseħħ fit-territorju ta’ pajjiż terz?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    25

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a), moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni, li jinkludi żewġ segmenti tat-titjira u li kien is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur Komunitarju, bi tluq minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru u lejn ajruport li jinsab f’pajjiż terz permezz ta’ ajruport ieħor ta’ dan il-pajjiż terz, huwa intitolat għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz li wettaq din it-titjira kollha, meta dak il-passiġġier ikun laħaq id-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat li joriġina fit-tieni segment tal-imsemmija titjira.

    26

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, dan tal-aħħar japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

    27

    Għalhekk, mill-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-passiġġieri ta’ titjira b’konnessjoni li telqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru taqa’ taħt ir-Regolament Nru 261/2004.

    28

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata la mill-fatt li din it-titjira għamlet waqfa fit-territorju ta’ pajjiż terz u lanqas minn dik li t-trasportatur tal-ajru li wettaq l-imsemmija titjira ma huwiex “trasportatur Komunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ dan ir-regolament.

    29

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li titjira b’konnessjoni waħda jew iktar li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda tikkostitwixxi ħaġa waħda għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004, li jimplika li l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali ta’ din it-titjira (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Airhelp (Dewmien ta’ titjira alternattiva)C‑451/20, EU:C:2022:123, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Minn dan isegwi li, sa fejn it-titjiriet b’konnessjoni li kienu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu ħaġa waħda għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004 u sa fejn l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar għall-passiġġieri ta’ dawn it-titjiriet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali tagħhom, il-post fejn iseħħ dewmien, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma għandu ebda effett fuq din l-applikabbiltà.

    31

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, it-twettiq ta’ titjira minn trasportatur Komunitarju ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ħlief fir-rigward ta’ passiġġieri li jużaw titjiriet li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz u lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, din il-kundizzjoni ma hijiex meħtieġa fir-rigward tal-passiġġieri li jtiru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

    32

    Fl-aħħar nett, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mir-Regolament Nru 261/2004 jikkonferma l-konklużjoni li tinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ssir distinzjoni skond jekk id-dewmien oriġinax mill-ewwel jew mit-tieni segment ta’ titjira li kienet is-suġġett ta’ prenotazzjoni waħda jkun ifisser li ssir distinzjoni mhux ġustifikata, b’United Airlines tkun responsabbli li tħallas kumpens fil-każ ta’ dewmien li jseħħ matul l-ewwel segment ta’ din it-titjira, iżda ma tkunx responsabbli fil-każ ta’ dewmien li jseħħ matul it-tieni segment tal-imsemmija titjira, meta tali titjira b’konnessjoni għandha titqies bħala ħaġa sħiħa għall-finijiet tad-dritt għal kumpens u li l-passiġġieri jsofru, fiż-żewġ każijiet, l-istess dewmien fid-destinazzjoni finali, kif ukoll, għalhekk, l-istess inkonvenjenti.

    33

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li titjira b’konnessjoni li toriġina mill-Unjoni Ewropea, bħal dik fil-kawża prinċipali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan tal-aħħar.

    34

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz li ma kkonkludiex kuntratt ta’ trasport mal-passiġġieri ta’ titjira b’konnessjoni, iżda li wettaq din it-titjira, jistax ikun responsabbli għall-ħlas tal-kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ) u (3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ dan il-kumpens tista’ tkun biss it-“trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” huwa trasportatur tal-ajru li “jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

    35

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-definizzjoni tqiegħed żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex trasportatur tal-ajru ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera” marbuta, minn naħa, mat-twettiq tat-titjira inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie, C‑502/18, EU:C:2019:604, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Fil-fatt, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, għażel responsabbiltà esklużiva tat-trasportatur tal-ajru li jopera sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-indikazzjoni tal-persuna li fuqha jaqgħu l-obbligi imposti minn dan ir-regolament.

    37

    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, din tenfasizza l-kunċett ta’ “titjira” li tikkostitwixxi l-element ċentrali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala “operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, ‘unità’ ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 19).

    38

    B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat bħala trasportatur tal-ajru li jopera, it-trasportatur li, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasport ta’ passiġġieri, jieħu d-deċiżjoni li jwettaq titjira partikolari, inkluż jistabbilixxi l-itinerarju u, b’hekk, joħloq, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, offerta ta’ trasport bl-ajru. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni timplika fil-fatt li dan it-trasportatur jerfa’ r-responsabbiltà għat-twettiq tal-imsemmija titjira, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe kanċellazzjoni jew dewmien twil tagħha mal-wasla tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 20).

    39

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 tippreċiża li, meta trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, huwa jiġi kkunsidrat li jaġixxi f’isem il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat.

    40

    Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-passiġġieri kkonċernati u t-trasportatur tal-ajru li jopera hija irrilevanti, sa fejn dan tal-aħħar ikun stabbilixxa r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mat-trasportatur tal-ajru li jkun ikkonkluda kuntratt ma’ dawn il-passiġġieri.

    41

    Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, United Airlines wettqet it-titjira b’konnessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li din it-titjira saret fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi ma’ Lufthansa.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, United Airlines għandha titqies bħala t-trasportatur tal-ajru li jopera, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li din wettqet l-imsemmija titjira billi aġixxiet, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, f’isem Lufthansa, it-trasportatur kuntrattwali fil-kawża prinċipali.

    43

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li trasportatur tal-ajru li jopera li jħallas kumpens jew li jwettaq obbligi oħra li huwa għandu taħt dan ir-regolament iżomm id-dritt li jitlob kumpens mingħand kull persuna, inklużi terzi, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli.

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a), moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni, li jinkludi żewġ segmenti tat-titjira u li kien is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur Komunitarju, bi tluq minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru u lejn ajruport li jinsab f’pajjiż terz permezz ta’ ajruport ieħor ta’ dan il-pajjiż terz, huwa intitolat għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz li wettaq din it-titjira kollha kemm hi waqt li jaġixxi f’isem dan it-trasportatur tal-Komunità, meta dak il-passiġġier ikun laħaq id-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat li joriġina fit-tieni segment tal-imsemmija titjira.

    Fuq it‑tieni domanda

    45

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 261/2004 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, sa fejn dan ir-regolament japplika għal passiġġieri ta’ titjira b’konnessjoni li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, li d-dewmien twil tiegħu joriġina f’segment ta’ din it-titjira li seħħet fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz.

    46

    Qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta tadotta att, hija għandha l-obbligu li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu stess jikkostitwixxi prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 103 u 104).

    48

    Fl-aħħar nett, huwa stabbilit li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti, jistgħu jiġu invokati minn individwu għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta l-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jista’ jaffettwa drittijiet li l-individwu għandu taħt id-dritt tal-Unjoni jew joħloq fir-rigward tiegħu l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dan il-każ, il-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu huwa invokat, essenzjalment, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk l-Unjoni kellhiex ġurisdizzjoni, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, sabiex tadotta r-Regolament Nru 261/2004 sa fejn dan tal-aħħar japplika għall-passiġġieri ta’ titjira b’konnessjoni bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, li d-dewmien twil tiegħu joriġina f’segment ta’ din it-titjira li seħħet fit-territorju ta’ dan il-pajjiż terz.

    50

    Għaldaqstant, anki jekk il-prinċipju inkwistjoni jidher li għandu biss il-portata tiegħu li joħloq obbligi bejn Stati, ma jistax jiġi eskluż, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, li fiha r-Regolament Nru 261/2004 jista’ joħloq obbligi fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-konvenut fil-kawża prinċipali, li din tal-aħħar tista’ tinvoka dan il-prinċipju u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk teżamina l-validità ta’ dan ir-regolament fid-dawl ta’ tali prinċipju.

    51

    Madankollu, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Qabelxejn, kif tfakkar fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, titjira b’konnessjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba li l-passiġġieri bdew il-vjaġġ tagħhom minn ajruport li jinsab fi Stat Membru. B’dan il-mod, l-imsemmi regolament jistabbilixxi, għall-finijiet tal-applikabbiltà tiegħu, rabta mill-qrib mat-territorju tal-Unjoni.

    53

    Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 previst f’dan l-Artikolu 3(1)(a) ma jippreġudikax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sovranità sħiħa u esklużiva ta’ Stat fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu stess peress li jkopri l-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li jistgħu għalhekk jiġu suġġetti, fid-dawl ta’ tali rabta, għall-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.

    54

    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamel il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tiegħu, li dan ir-regolament japplika għal dewmien twil li joriġina f’segment ta’ titjira li seħħet f’pajjiż terz biss f’ċirkustanzi limitati u ddefiniti b’mod ċar li fihom it-titjira kkonċernata, ikkunsidrata globalment, issir minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Tali titjira u l-passiġġieri tagħha għalhekk iżommu rabta mill-qrib mat-territorju tal-Unjoni, inkluż għas-segment tat-titjira mwettqa barra mill-Unjoni.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament Nru 261/2004 ma huwiex intiż li japplika, skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għal titjiriet li huma kompletament operati f’pajjiż terz jew bejn żewġ pajjiżi terzi, mingħajr ebda rabta mat-territorju tal-Unjoni.

    56

    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, billi adottaw ir-Regolament Nru 261/2004, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu.

    57

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar l-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 4 tiegħu, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiżgura tali għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, bħala prinċipju, jagħżel li ma jawtorizzax l-eżerċizzju fit-territorju tiegħu ta’ attività kummerċjali, f’dan il-każ it-trasport bl-ajru, ħlief bil-kundizzjoni li l-operaturi josservaw il-kriterji ddefiniti mill-Unjoni u intiżi sabiex jissodisfaw l-għanijiet li hija assenjat lilha nnifisha fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u, b’mod iktar partikolari, tal-passiġġieri tal-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ United Airlines dwar allegat ksur tal-ugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, il-passiġġieri tat-titjira b’konnessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, il-passiġġieri tat-tieni segment biss ta’ din it-titjira ma jikkontestawx il-konklużjoni li tinsab fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

    60

    Fil-fatt, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli peress li l-passiġġieri fuq it-titjira ta’ konnessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu flimkien għall-finijiet tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004, ħadu titjira li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, filwaqt li dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ passiġġieri li ħadu biss it-tieni segment ta’ din it-titjira, li telqu minn u jaslu f’ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz.

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 261/2004 fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu.

    Fuq l‑ispejjeż

    62

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1)(a), moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni, li jinkludi żewġ segmenti tat-titjira u li kien is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur Komunitarju, bi tluq minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru u lejn ajruport li jinsab f’pajjiż terz permezz ta’ ajruport ieħor ta’ dan il-pajjiż terz, huwa intitolat għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru ta’ pajjiż terz li wettaq din it-titjira kollha kemm hi waqt li jaġixxi f’isem dan it-trasportatur tal-Komunità, meta dak il-passiġġier ikun laħaq id-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat li joriġina fit-tieni segment tal-imsemmija titjira.

     

    2)

    L-eżami tat-tieni domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 261/2004 fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top