EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0497

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2021.
Randstad Italia SpA vs Umana SpA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r‑rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid‑dritt tal-Unjoni – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Sentenza tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ Stat Membru li tiddikjara, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inammissibbli r‑rikors ta’ offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku – Assenza ta’ rimedji kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju ta’ dan l-Istat Membru – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.
Kawża C-497/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:1037

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r‑rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid‑dritt tal-Unjoni – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Sentenza tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ Stat Membru li tiddikjara, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inammissibbli r‑rikors ta’ offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku – Assenza ta’ rimedji kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju ta’ dan l-Istat Membru – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza”

Fil-Kawża C‑497/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Randstad Italia SpA

vs

Umana SpA,

Azienda USL Valle d’Aosta,

IN. VA SpA,

Synergie Italia agenzia per il Lavoro SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos (Relatur), E. Regan, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, T. von Danwitz, M. Safjan, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Randstad Italia SpA, minn M. Brugnoletti u S. D. Tomaselli, avvocati,

għal Umana SpA, minn F. Bertoldi, avvocato,

għal Azienda USL Valle d’Aosta, minn F. Dal Piaz u P. Borioni, avvocati,

għal Synergie Italia agenzia per il Lavoro SpA, minn A. M. Balestreri, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. Gentili, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, P. Stancanelli, P. J. O. Van Nuffel u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u (2) u tal-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u (3) u tal‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata mid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil‑ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Randstad Italia SpA (iktar ’il quddiem “Randstad”) u Umana SpA, Azienda USL Valle d’Aosta (l-Aġenzija tas‑Saħħa Lokali tar-Reġjun ta’ Valle d’Aosta, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“USL”), IN. VA SpA u Synergie Italia agenzia per il Lavoro SpA (iktar ’il quddiem “Synergie”) dwar, minn naħa, l-esklużjoni ta’ Randstad minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u, min-naħa l-oħra, ir-regolarità ta’ din il-proċedura.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65)], sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

Din id-Direttiva tapplika wkoll għal konċessjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti, imsemmija fid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill [dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17)], sakemm dawn il‑konċessjonijiet ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 10, 11, 12, 17 u 25 ta’ dik id‑Direttiva.

Il-kuntratti skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehimiet ta’ qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.’

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew id‑Direttiva [2014/23], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal‑akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, [għall‑inqas] lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a)

jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.”

5

Skont l-Artikolu 2a tal-imsemmija direttiva, intitolat “Perijodu sospensiv”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.   Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew id-Direttiva [2014/23] qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill‑inqas 15‑il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id‑deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill‑inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk ikun għadhom ma ġewx definittivament esklużi. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill‑offerent ikkonċernat u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

Il-kandidati għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata b’dan li ġej

sommarju tar-raġunijiet rilevanti […], u

dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu eżatt ta’ waqfien applikabbli […]”.

Id-dritt Taljan

6

It-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Costituzione (il-Kostituzzjoni) jipprovdi:

“Appelli ta’ kassazzjoni minn deċiżjonijiet tal-Consiglio di Stato [(il‑Kunsill tal‑Istat, l-Italja)] u tal-Corte dei conti [(il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja)] jistgħu jiġu ppreżentati biss abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni.”

7

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili) jipprevedi:

“Sentenzi mogħtija fl-appell jew f’istanza unika jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni: 1) abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni […]”.

8

Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni […] minn deċiżjoni mogħtija minn qorti speċjali fl-appell jew f’istanza unika, abbażi ta’ aggravji marbuta mal‑ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti.

Dawn li ġejjin jistgħu jiġu appellati fil-kassazzjoni fi kwalunkwe ħin: 1) kunflitti ta’ ġurisdizzjoni pożittivi jew negattivi bejn imħallfin speċjali, jew bejnhom u mħallfin ordinarji; 2) kunflitti negattivi ta’ attribuzzjoni bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-imħallef ordinarju.”

9

L-Artikolu 6(1) tal-codice del processo amministrativo (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) jiddisponi:

“Il-Consiglio di Stato [(il-Kunsill tal-Istat)] huwa l-korp tal-aħħar istanza tal‑ġustizzja amministrattiva.”

10

L-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva jiddisponi:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn sentenza tal-Consiglio di Stato [(il-Kunsill tal-Istat)] abbażi ta’ aggravji marbuta biss mal-ġurisdizzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fit‑13 ta’ Diċembru 2017, l-USL fetħet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ valur ta’ madwar EUR 12‑il miljun, li kellu jingħata skont il-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, sabiex tiġi nnominata aġenzija tal-impjieg għall-provvista temporanja ta’ persunal.

12

Kien previst “livell minimu obbligatorju” għall-offerti tekniċi, stabbilit għal 48 punt, li taħtu l-offerenti jkunu esklużi.

13

Tmien offerenti pparteċipaw fil-proċedura, fosthom Randstad, GI Group Spa u assoċjazzjoni temporanja ffurmata minn Synergie u Umana (iktar ’il quddiem l‑“assoċjazzjoni Synergie‑Umana”).

14

Fit‑3 ta’ Ottubru 2018, il-kumitat għall-għoti tal-kuntratti, wara li evalwa l-offerti tekniċi, aċċetta lil GI Group u lill-assoċjazzjoni Synergie‑Umana fil-fażi segwenti, dwar l-evalwazzjoni ekonomika tal-offerti. Randstad, li ġiet ikklassifikata fit-tielet post wara l-evalwazzjoni tal-offerti tekniċi, ġiet eskluża, peress li l-offerta teknika tagħha kisbet marka inferjuri għal dik li tikkorrispondi għal-livell minimu obbligatorju.

15

Fis‑6 ta’ Novembru 2018, il-kuntratt ingħata lill-assoċjazzjoni Synergie-Umana.

16

Randstad adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il‑Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta, l-Italja) b’rikors li permezz tiegħu hija kkontestat, minn naħa, l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u, min-naħa l-oħra, ir-regolarità ta’ din il-proċedura. Ir-rikors tagħha kien jirrigwarda, għalhekk, mhux biss l-imsemmija esklużjoni, iżda wkoll l-għoti tal‑kuntratt lill-assoċjazzjoni Synergie‑Umana.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, Randstad sostniet b’mod partikolari l-assenza ta’ diviżjoni tal-kuntratt f’lottijiet, in-natura impreċiża tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u l‑illegalità tal-ħatra tal-kumitat għall-għoti. L-USL u l-assoċjazzjoni Synergie‑Umana talbu l-inammissibbiltà tal-motivi li permezz tagħhom Randstad ikkontestat ir-regolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti. Randstad ma għandhiex locus standi sabiex tqajjem tali motivi, peress li hija kienet ġiet eskluża minn din il-proċedura.

18

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2019, it-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta) ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Peress li Randstad kienet ipparteċipat legalment fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti u kienet ġiet eskluża minnha abbażi tal-evalwazzjoni negattiva tal-offerta teknika tagħha, din l-impriża kellha, skont dik il-qorti, locus standi sabiex tikkontesta r-riżultat tal-proċedura fl-aspetti kollha tagħha. Madankollu, fuq il-mertu, l-imsemmija qorti ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn Randstad u, għaldaqstant, ir-rikors tagħha kollu kemm hu.

19

Randstad appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), fejn tenniet il-motivi tagħha mqajma fl-ewwel istanza. Synergie u Umana ppreżentaw appelli inċidentali, filwaqt li kkritikaw lit-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta) li qieset bħala ammissibbli l-motivi li permezz tagħhom Randstad ikkontestat ir-regolarità tal-proċedura u, għalhekk, l-għoti li din il‑proċedura kienet wasslet għalih.

20

Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2019 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑Kunsill tal-Istat”), il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad fil-mertu l‑aggravju tal-appell li permezz tiegħu Randstad ikkontestat il-marka mogħtija lill‑offerta teknika tagħha. Barra minn hekk, filwaqt li laqgħet l-appelli inċidentali ta’ Synergie u ta’ Umana, dik il-qorti, permezz ta’ dik is-sentenza, biddlet is‑sentenza appellata sa fejn it-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il‑Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta) kienet iddikjarat ammissibbli u għalhekk eżaminat fil-mertu l-aggravji mqajma minn Randstad sabiex tikkontesta r-regolarità tal-proċedura.

21

Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda b’mod partikolari li Randstad, “li ġiet eskluża mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti minħabba li ma kinitx għaddiet mit-‘test tar-reżistenza’ tal-livell minimu obbligatorju li kellha tilħaq il-marka mogħtija lill-offerta teknika permezz tal‑paragun permezz ta’ pari, u li ma rnexxilhiex turi l-illegalità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-imsemmija marka, hija […] nieqsa mhux biss minn titolu ta’ parteċipazzjoni għal din il-proċedura, iżda wkoll mill-kwalità sabiex tikkontesta r-riżultati tagħha taħt aspetti oħrajn, għaliex hija għandha interess purament fattwali, analogu għal dak ta’ kwalunkwe operatur ekonomiku tas-settur li ma pparteċipax fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti”.

22

Randstad adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), b’appell mis-sentenza tal-Kunsill tal-Istat. Hija ssostni li din il-qorti tal-aħħar kisret id-dritt tagħha għal rimedju effettiv, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665. F’dan ir-rigward, Randstad tagħmel riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199) kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675).

23

Skont Randstad, l-aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv jinsab fost l-aggravji bbażati fuq il-“ġurisdizzjoni” li fir-rigward tagħhom it-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni jipprevedi li l-appell ta’ kassazzjoni mid-deċiżjonijiet tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) huwa ammess.

24

Il-partijiet l-oħrajn fil-kawża prinċipali jsostnu li mhux biss dan l-appell ta’ kassazzjoni huwa infondat, iżda huwa inammissibbli. Dan jikkonċerna l-legalità tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) u għalhekk ma jirrigwardax il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi.

25

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rifjut tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li jeżamina, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, l-aggravji bbażati fuq l-irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, jippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv, fis‑sens tad-dritt tal-Unjoni.

26

Skont dik il-qorti, sabiex jiġu ssalvagwardati l-uniformità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li appell ta’ kassazzjoni jkun jista’ jiġi ppreżentat minn tali sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), abbażi tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni. Fil-fatt, tali appell ikun jikkostitwixxi r-rimedju legali aħħari sabiex tiġi evitata li ssir res judicata sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, meta l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iwettaq applikazzjoni jew interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jeżerċita setgħa ġurisdizzjonali li huwa ma għandux. Fir‑realtà, huwa jeżerċita f’tali każ setgħa ta’ ħolqien ta’ dritt li lanqas ma taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali. Dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ ġurisdizzjoni li għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ appell.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mis-sentenza Nru 6/2018 tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) tat‑18 ta’ Jannar 2018, dwar l‑interpretazzjoni tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni (ECLI:IT:COST:2018:6, iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 6/2018”), jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt Kostituzzjonali Taljan, ma huwiex permess li aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi assimilat ma’ aggravju relatat mal‑“ġurisdizzjoni”, fis-sens ta’ dan it-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal‑Kostituzzjoni.

29

Fil-fatt, skont dik is-sentenza, l-eċċess ta’ setgħa ġurisdizzjonali, li jista’ jkun is‑suġġett ta’ appell quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal‑Kassazzjoni) għal aggravji relatati mal-ġurisdizzjoni, jirrigwarda esklużivament żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet. Minn naħa, tali appell ikun jista’ jiġi ppreżentat fil-każ ta’ nuqqas assolut ta’ ġurisdizzjoni, jiġifieri meta l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jew il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni għal qasam irriżervat għal-leġiżlatur jew għall‑amministrazzjoni, jew, għall-kuntrarju, jiddikjaraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni abbażi tal-premessa żbaljata li s-suġġett jaqa’ ’l barra, b’mod assolut, minn kwalunkwe ġurisdizzjoni. Min-naħa l-oħra, appell dwar l-eċċess ta’ setgħa ġurisdizzjonali jkun jista’ jiġi ppreżentat fil-każijiet ta’ nuqqas relattiv ta’ ġurisdizzjoni, meta l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jew il-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) jiddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni għal materja attribwita lil qorti oħra jew, għall-kuntrarju, jiddikjaraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni billi jikkunsidraw b’mod żbaljat li din il-ġurisdizzjoni taqa’ taħt qrati oħra.

30

Il-qorti tar-rinviju tqis li, kieku hija kellha tikkonforma ruħha ma’ din l‑interpretazzjoni tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, hija jkollha tiddikjara l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Randstad inammissibbli. Madankollu, hija jidhrilha li l-imsemmija interpretazzjoni hija inkompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Jekk dan kellu jkun il-każ, ikun meħtieġ li jiġi mwarrab it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Nru 6/2018 u li jiġi eżaminat fil-mertu l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Randstad.

31

Dik il-qorti tindika li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-awli rispettivi tagħha qabel l-għoti tas-sentenza Nru 6/2018, fil-każ ta’ appell mis-sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-istħarriġ tal-limiti esterni tal-“ġurisdizzjoni”, fis‑sens tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, kien jestendi għall‑każijiet ta’ żnaturament fundamentali tad-dritt li jistgħu jikkostitwixxu ċaħda tal-ġustizzja, bħall-applikazzjoni ta’ regola proċedurali tad-dritt nazzjonali b’mod inkompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv mogħti mid-dritt tal-Unjoni.

32

Il-qorti tar-rinviju tixtieq, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il‑kwistjoni dwar jekk id-dritt għal rimedju effettiv, kif stabbilit, b’mod partikolari, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludix l-impossibbiltà, li tirriżulta b’mod partikolari mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni kif interpretat mis-sentenza Nru 6/2018, li jiġu invokati, fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni minn sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), aggravji bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

33

Barra minn hekk, peress li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), fil-kawża prinċipali, naqas milli jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza, għal dan il-każ, tas-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199) u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675), invokati minn Randstad, huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tkun tista’, fil-kuntest tal-appell ippreżentat minn din l‑impriża, tagħmel din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal‑Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 2(1) u (2), u l‑Artikolu 267 TFUE, moqrija anki fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludu interpretazzjoni, bħal dik li tirrigwarda t-tmien paragrafu tal‑Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, […] l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u l‑Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva – sa fejn tali dispożizzjonijiet jikkontemplaw l-appell ta’ kassazzjoni minn sentenzi tal‑Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) abbażi ta’ ‘aggravji marbuta mal‑ġurisdizzjoni’ – kif jirriżulta mis-sentenza [Nru 6/2018] […] li, filwaqt li varjat id-direzzjoni preċedenti, iddeċidiet li r-rimedju tal-appell ta’ kassazzjoni, taħt il-kap tal-hekk imsejjaħ ‘nuqqas ta’ setgħa ġudizzjarja’, ma jistax jintuża sabiex jiġu annullati sentenzi tal-Consiglio di Stato [(il-Kunsill tal-Istat)] li japplikaw prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali li huma f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi irregolati mid‑dritt tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, marbuta mal-għoti ta’ kuntratt għal xogħolijiet pubbliċi) li fihom l-Istati Membri rrinunzjaw milli jeżerċitaw is-setgħat sovrani tagħhom b’mod inkompatibbli ma’ tali dritt, bil-konsegwenza li ġie kkonsolidat il-ksur tad-dritt Komunitarju liema ksur jista’ jiġi kkorreġut permezz tal-imsemmi rimedju u li ġiet ippreġudikata l‑applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tas-sitwazzjonijiet legali suġġettivi ta’ rilevanza Komunitarja, bi ksur tar-rekwiżit li tali dritt jiġi attwat b’mod sħiħ u diliġenti minn kull qorti, b’mod li jkun obbligatorjament konformi mal-interpretazzjoni korretta tiegħu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’osservanza tal-limiti għall‑‘awtonomija proċedurali’ tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tar‑regoli proċedurali?

2)

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija anki fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludu l-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, […] tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u tal-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, li tirriżula mill-ġurisprudenza nazzjonali, li skontha appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Awli Magħquda [tal-Qorti ta’ Kassazzjoni] bbażat fuq ‘aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni’, taħt il-kap ta’ ‘nuqqas ta’ setgħa ġudizzjarja’, ma jistax jiġi ppreżentat bħala rimedju kontra s-sentenzi li fihom il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), filwaqt li jiddeċiedi kawżi li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jastjeni mingħajr motivazzjoni milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, fl-assenza ta’ kundizzjonijiet, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, elenkati b’mod tassattiv minn din tal-aħħar (mis-sentenza ta‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335), li fihom il-qorti nazzjonali hija eżentata mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal‑Ġustizzja, b’mod kuntrarju għall-prinċipju li skontu huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni r-regoli jew il-prassi proċedurali nazzjonali, kemm jekk ta’ natura leġiżlattiva kif ukoll kostituzzjonali, li jċaħħdu, anki temporanjament, lil qorti nazzjonali (irrispettivament mill-fatt jekk din tkunx qorti tal-aħħar grad jew le) mil-libertà li twettaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, fatt li għandu l-effett li jaħtaf il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi l-interpretazzjoni korretta u vinkolanti tad-dritt Komunitarju, li jirrendi irrimedjabbli (u li jiffavorixxi il-konsolidazzjoni ta’) kuntrarjetà possibbli ta’ interpretazzjoni bejn id-dritt applikat mill-qorti nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni u li jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u l‑effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-kwistjonijet ġuridiċi suġġettivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni?

3)

Il-prinċipji tal-Qorti tal-Ġustizzja sanċiti fis-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), u tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), b’rabta mal-Artikolu 1(1) u (3), u l-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva [89/665], kif emendata bid-Direttiva [2007/66], huma applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih, meta jiġi adit b’tilwima li fiha impriża kienet qiegħda tikkontesta l-esklużjoni tagħha minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-għoti ta’ dan il-kuntratt lil impriża oħra, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jeżamina fil-mertu biss il-motiv li bih l-impriża eskluża tikkontesta l-marka inferjuri għall‑“limitu obbligatorju” mogħtija lill-offerta teknika tagħha u, billi jeżamina bi prijorità l-appelli incidentali tal-awtorità kontraenti u tal-impriża rebbieħa, jilqa’ dawn l-appelli billi jiddikjara inammissibbli (u mingħajr ma jeżaminahom fil-mertu) il-motivi l-oħra tal-appell prinċipali li permezz tagħhom ir-riżultat tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt jiġi kkontestat għal raġunijiet oħra (natura mhux iddeterminata tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal‑offerti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, nuqqas ta’ motivazzjoni tal‑marki mogħtija, ħatra u kompożizzjoni illegali tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni), billi applika ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-impriża eskluża minn proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kuntratt ma għandhiex il‑locus standi sabiex tinvoka ilmenti li jikkontestaw l-għoti tal-kuntratt lill‑impriża kompetitriċi, anki dawk li jkunu jirrendu nulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li l-impriża tiġi mċaħħda mid-dritt li tissottometti għall-eżami tal-qorti kull motiv ta’ kontestazzjoni tar-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, f’sitwazzjoni li fiha l-esklużjoni tagħha ma ġietx ikkonstatata definittivament u li fiha kull wieħed mill-offerenti jista’ jinvoka interess leġittimu analogu għall-esklużjoni tal-offerta tal‑oħrajn, fatt li jista’ jwassal lill-awtorità kontraenti sabiex tikkonstata l‑impossibbiltà li tagħżel offerta regolari oħra u għall-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti, li fiha kull wieħed mill-offerenti ikun jista’ jipparteċipa?”

It-talba għal proċedura mħaffa u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Corte suprema di cassazione (il‑Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġuni, essenzjalment, li t-tilwima fil‑kawża prinċipali tqajjem inċertezzi serji dwar kwistjonijiet fundamentali ta’ natura kostituzzjonali fid-dritt nazzjonali, li diversi kawżi simili huma pendenti fl‑Italja u li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li hija tenfasizza l-importanza tiegħu fid-dritt tal-Unjoni.

36

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar‑rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

37

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, fil‑21 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

39

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-kawża tirrigwarda aspett importanti tal-organizzazzjoni ġurisdizzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, raġuni li tistabbilixxi urġenza straordinarja, neċessarja sabiex tiġġustifika trattament b’mod imħaffef. L-istess japplika għaċ-ċirkustanza li numru sinjifikattiv ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali huma potenzjalment ikkonċernati mid-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Settembru 2018, Tedeschi u Consorzio Stabile Istant Service, C‑402/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:762, punt 15) jew anki li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Novembru 2014, Star Storage, C‑439/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2479, punti 10 sa 15).

40

Dan ingħad, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tad-domandi magħmula, il‑President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissottometti din il-kawża għal trattament prijoritarju konformement mal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

41

Barra minn hekk, il-Gvern Taljan talab, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ f’Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal‑Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija din li għandha tagħti lill‑qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha. F’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

L-ewwel domanda tikkonċerna l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Hija tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk din il-protezzjoni tkunx ippreġudikata meta l-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju ta’ Stat Membru ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tannulla sentenza mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ dan l-Istat Membru.

44

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l‑Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 267 TFUE, imsemmija fl-ewwel domanda, ma għandhom ebda rilevanza għal dan l-għan.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 2 TFUE jikkonċerna t-tqassim, bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tal-kompetenza sabiex jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti. Ir-regoli li huma stabbiliti, f’dan ir-rigward, fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, ma humiex relatati mal‑kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju.

46

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 267 TFUE, għandu jitfakkar li dan jagħmel parti minn sistema intiża sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju tal‑osservanza tad-dritt tal-Unjoni, liema stħarriġ huwa żgurat, bħalma jsegwi mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 112, u tal‑25 ta’ Frar 2021, VodafoneZiggo Group vs Il‑Kummissjoni, C‑689/19 P, EU:C:2021:142, punt 143). Fil-kuntest ta’ din is-sistema, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jaqtgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju abbażi tal‑ewwel domanda tagħha, li hija, bħalma jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is‑sentenza, li jsir magħruf sa fejn il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju nazzjonali għandha, sabiex tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, tingħata l-ġurisdizzjoni li teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq is‑sentenzi mogħtija mill-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv nazzjonali, ma għandha, fiha nnifisha, ebda relazzjoni ma’ dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilit mill‑Artikolu 267 TFUE.

47

Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid billi jiġu esklużi mis-suġġett tagħha l-Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 267 TFUE.

48

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment barra minn hekk, fl-ewwel domanda tagħha, għad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, din hija indirizzata lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 1(1) u (3) tad‑Direttiva 89/665 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu rimedji effettivi. Minn dan isegwi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, f’dan il-qasam, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa rilevanti, b’mod partikolari, meta l-Istati Membri jistabbilixxu, konformement ma’ dan l-obbligu, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti leżi minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha wkoll tiġi fformulata mill-ġdid billi jiġi inkluż fis-suġġett tagħha l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, li għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex tkun taf jekk l-Artikolu 4(3) u l‑Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru li, skont il‑ġurisprudenza nazzjonali, għandha bħala effett li l-partijiet fil-kawża, bħall‑offerenti li jkunu pparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma jistgħux jikkontestaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ sentenza tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ appell quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju tal-imsemmi Stat Membru.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi aċċettat li regoli tad-dritt intern, anki ta’ natura kostituzzjonali, jippreġudikaw l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (punti penali), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

L-effetti marbuta ma’ dan il-prinċipju huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern relatati mat-tqassim tal-ġurisdizzjoni, inklużi dawk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħu jkunu ta’ ostakolu għalihom (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 245 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Konsegwentement, fil-każ ta’ ksur ipprovat ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż, il-qrati nazzjonali għandhom jekk hemm bżonn iħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dritt intern li jwasslu għal dan il-ksur, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ta’ natura kostituzzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 250251 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata). Meta l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern mad‑dritt tal-Unjoni ssib l-oriġini tagħha, b’mod iktar speċifiku, fl‑interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija minn qorti tal-Istat Membru kkonċernat, hemm lok li din il-ġurisprudenza titwarrab (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

55

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ appell ta’ kassazzjoni mis-sentenzi tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ Stat Membru, kif tirriżulta f’dan il-każ, skont l-interpretazzjoni li tirriżulta mis‑sentenza Nru 6/2018, tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, tmurx kontra r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva imposti mid-dritt tal‑Unjoni u għalhekk l-unità kif ukoll l-effikaċja ta’ dan id-dritt.

56

Fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma koperti mid-dritt tal‑Unjoni, ir-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jiksbu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih tagħmel riferiment din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Dan ingħad, bla ħsara għall-eżistenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, skont il‑prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġudizzjarju intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il‑modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

59

Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jipprekludix li l-Istati Membri jillimitaw jew jissuġġettaw għal kundizzjonijiet l-aggravji li jistgħu jiġu invokati fil-proċeduri ta’ kassazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 27).

60

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jidher, fid-dawl tal‑informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju u matul is-seduta quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, li t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, kif interpretat fis-sentenza Nru 6/2018, jillimita, skont l-istess modalitajiet, il‑ġurisdizzjoni tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal‑Kassazzjoni) sabiex tieħu konjizzjoni ta’ appelli minn sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), kemm jekk huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kif ukoll fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li tali regola tad-dritt intern ma tiksirx il‑prinċipju ta’ ekwivalenza.

62

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li d-dritt tal‑Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill‑istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél‑alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk jeżistix fil-prinċipju, fl-ordinament ġuridiku Taljan, tali rimedju fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ebda element imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari jew fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħti a priori lil wieħed x’jifhem li d-dritt proċedurali Taljan għandu, fih innifsu, l-effett li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, f’dan il-qasam tad‑dritt amministrattiv, tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

64

F’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ tali rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid‑dritt tal-Unjoni, huwa perfettament possibbli, bħalma jirriżulta mill‑ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, mill-perspettiva tad‑dritt tal-Unjoni, li l-Istat Membru kkonċernat jagħti lill-qorti suprema tal‑ordinament amministrattiv tiegħu l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, fuq it-tilwima inkwistjoni u li jipprekludi, konsegwentement, li din tkun tista’ terġa’ tiġi eżaminata fil-mertu fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju tiegħu.

65

Minn dan isegwi li, sakemm tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju bħal dak deskritt fil-punt preċedenti, regola ta’ dritt intern bħat-tmien paragrafu tal‑Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, fl-interpretazzjoni tagħha li tirriżulta mis‑sentenza Nru 6/2018, lanqas ma tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività u ma tirrileva ebda element li minnu jkun jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE jkun miksur.

66

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, fir-rigward tas-sistema ta’ rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, stħarriġ ġudizzjarju effettiv, l-Artikolu 4(3) TUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi min-naħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji legali ġodda, li madankollu ma humiex obbligati li jistabbilixxu skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE.

67

Fil-qasam partikolari tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 1 tad‑Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal‑Karta, lanqas ma jipprekludi l-imsemmija konklużjoni.

68

Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 isegwi li, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikoli 2 sa 2f tagħha, id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2014/23 għandha tkun tista’ tkun is‑suġġett ta’ azzjonijiet effikaċi u kemm jista’ jkun rapidi sabiex tiġi kkontestata l-konformità ta’ din id-deċiżjoni mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew mar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt. L-imsemmi Artikolu 1 jippreċiża, barra minn hekk, fil-paragrafu 3 tiegħu, li dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli, għall-inqas, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

69

Peress li l-partijiet fil-kawża għandhom, fil-qasam ikkonċernat, aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jidher li huwa l-każ, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, fl-ordinament ġuridiku Taljan, regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludi li l-evalwazzjonijiet sostantivi mwettqa mill-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ikunu għadhom jistgħu jiġu eżaminati mill-qorti suprema tal‑ordinament ġudizzjarju, ma tistax tiġi analizzata bħala limitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għad-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali stabbilit fl‑Artikolu 47 tagħha.

70

Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, l-ammissibbiltà tar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 1 tad‑Direttiva 89/665 ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrent jipproduċi l-prova li l-awtorità kontraenti ser tkun, fil-każ li r-rikors jintlaqa’, intiża li tirrepeti l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha titqies bħala li hija suffiċjenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi, C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 29).

71

Minn dan isegwi li, f’każ, bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn Randstad, bħala offerent eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, adixxiet lill-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza b’rikors ibbażat fuq motivi intiżi li juru l‑irregolarità ta’ din il-proċedura, dan ir-rikors kellu jiġi eżaminat fil-mertu.

72

Fir-rigward tal-offerenti li jkunu ġew esklużi mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, l-Artikolu 2a tad-Direttiva 89/665 jippreċiża li dawn ma għadhomx meqjusa bħala kkonċernati u għalhekk ma għandhomx jirċievu komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti jekk l-esklużjoni tagħhom tkun saret definittiva. Min-naħa l-oħra, meta dawn l-offerenti jkunu għadhom ma ġewx definittivament esklużi, id-deċiżjoni ta’ għoti, akkumpanjata minn espożizzjoni fil-qosor tal-motivi rilevanti u minn indikazzjoni tat-terminu ta’ sospensjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt li jsegwi din id-deċiżjoni, għandha tiġi kkomunikata lilhom. Minn qari flimkien tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jsegwi li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi hija intiża sabiex tippermettilhom jippreżentaw rikors effikaċi kontra l-imsemmija deċiżjoni.

73

Skont l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, l-esklużjoni ta’ offerent hija definittiva jekk din tkun ġiet innotifikata lilu u tkun ġiet “ikkunsidrata legali” minn “korp ta’ reviżjoni indipendenti” jew ma tkunx tista’ tkun iktar is-suġġett ta’ rikors. Din id-direttiva, li hija intiża li tiżgura l-osservanza sħiħa tad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 45), għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal‑Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-termini “korp ta’ reviżjoni indipendenti”, fis‑sens ta’ dan l-Artikolu 2a, għandhom, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni ta’ offerent saritx definittiva, jinftiehmu bħala li jirreferu għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

74

In-natura li għadha ma hijiex definittiva tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiddetermina għalhekk, għal dawn l-offerenti, il-locus standi kontra d-deċiżjoni ta’ għoti, liema kwalità ma tistax tiġi mminata minn elementi oħrajn, mhux rilevanti, bħall‑klassifika tal-offerta tal-offerent eskluż jew in-numru ta’ parteċipanti għall‑proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 5758, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi, C‑333/18, EU:C:2019:675, punti 29 sa 32).

75

F’dan il-każ, billi ddeċieda li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti adit fl-ewwel istanza, jiġifieri t-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta), kellu jiddikjara bħala inammissibbli l-motivi intiżi li jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ għoti, minħabba li Randstad kienet ġiet eskluża mill-proċedura, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) kiser l‑imsemmija regola, stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mfakkra fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema hija biss l-esklużjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, li jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lil offerent mil-locus standi tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ għoti.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, kemm fil-mument li fih Randstad ippreżentat ir-rikors tagħha quddiem it-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta) kif ukoll fil-mument meta din iddeċidiet, id-deċiżjoni tal‑kumitat għall-għoti tal-kuntratti li teskludiha mill-proċedura kienet għadha ma ġietx meqjusa legali mit-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta) jew minn kwalunkwe korp ieħor ta’ reviżjoni indipendenti.

77

Għalhekk jidher li l-bidla tas-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Valle d’Aosta) magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li tiddikjara inammissibbli l-parti tar-rikors ta’ Randstad li permezz tiegħu hija kkontestat l-għoti tal-kuntratt lill-assoċjazzjoni Synergie-Umana, hija inkompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2a(2) tagħha. Konsegwentement, is-sentenza tal-Kunsill tal-Istat lanqas ma hija konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

78

Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, id-dritt proċedurali nazzjonali jippermetti, fih innifsu, lill-persuni interessati jippreżentaw rikors quddiem qorti indipendenti u imparzjali u li jsostnu quddiemha, b’mod effettiv, ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponuh fl-ordinament ġuridiku intern, iżda fejn il-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv tal-Istat Membru kkonċernat, li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, tissuġġetta indebitament l‑ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal kundizzjonijiet li għandhom bħala effett li jċaħħdu lil dawn il-persuni interessati mid-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, id‑dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li dan l-Istat Membru jipprevedi, sabiex jirrimedja l‑ksur ta’ dan id-dritt għal rimedju effettiv, il-possibbiltà li tiġi adita l-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju b’appell minn tali deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà mill-qorti amministrattiva suprema, meta tali rimedju ma huwiex previst mid-dritt nazzjonali tiegħu.

79

F’tali sitwazzjoni, ir-rimedju kontra l-ksur tad-Direttiva 89/665 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qorti amministrattiva suprema jinsab fl-obbligu, għal kull qorti amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat, inkluża l-qorti amministrattiva suprema stess, li twarrab din il-ġurisprudenza mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni, u, fin-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu, fil-possibbiltà għall-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru.

80

Huwa barra minn hekk possibbli għall-individwi li, jekk ikun il-każ, ikunu leżi mill-ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv minħabba deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru, sakemm il-kundizzjonijiet dwar in-natura suffiċjentement ikkaratterizzata tal-ksur u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-persuna leża, ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 59; tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 58; kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punti 67 sa 69).

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l‑Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal‑Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad‑dritt intern ta’ Stat Membru li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, għandha l‑effett li l-partijiet fil-kawża, bħall-offerenti li jkunu pparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma jistgħux jikkontestaw il-konformità mad-dritt tal‑Unjoni ta’ sentenza tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ dan l‑Istat Membru fil-kuntest ta’ appell quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju tal-imsemmi Stat Membru.

Fuq it-tieni domanda

82

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt intern li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, għandha l-effett li l-partijiet fil-kawża ma jistgħux jikkontestaw, fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni ppreżentat quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju ta’ dan l-Istat Membru minn sentenza tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ dan l-istess Stat Membru, l-assenza mhux motivata, min-naħa ta’ din il-qorti tal-aħħar li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, li tadixxi lill-Qorti tal‑Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja li kien hemm inċertezzi dwar l‑interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni.

83

Issa, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, fil-kuntest tal‑appell ta’ kassazzjoni tagħha, Randstad ma ssostnix aggravji bbażati fuq il-fatt li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) astjena, bi ksur tat-tielet paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE, milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, fatt li Randstad, mistoqsija dwar dan is-suġġett matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat.

84

Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tiddetermina, fil-kuntest tal‑kawża li hija adita biha, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri humiex obbligati jipprevedu l‑possibbiltà, fl-ordinament ġuridiku tagħhom, li jadixxu lill-qorti suprema tal‑ordinament ġudizzjarju b’appell meta l-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv tkun naqset milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja, b’tali mod li r-risposta għat-tieni domanda hija irrilevanti għall‑finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

85

Peress li ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, it-tieni domanda hija, skont ġurisprudenza stabbilita, inammissibbli (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq it-tielet domanda

86

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

87

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 1(1) u (3) tad‑Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il‑koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall‑għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru li, skont il‑ġurisprudenza nazzjonali, għandha l-effett li l-partijiet fil-kawża, bħall‑offerenti li jkunu pparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma jistgħux jikkontestaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ sentenza tal-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ appell quddiem il-qorti suprema tal-ordinament ġudizzjarju tal-imsemmi Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top