This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0473
Judgment of the Court (First Chamber) of 20 October 2022.#INVEST FUND MANAGEMENT v Komisia za finansov nadzor.#Request for a preliminary ruling from the Sofiyski rayonen sad.#Case C-473/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2022.
INVEST FUND MANAGEMENT vs Komisia za finansov nadzor.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2009/65/KE – Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS – Obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri – Artikolu 72 – Obbligu ta’ aġġornament tal-‘elementi essenzjali tal-prospett’ – Portata – Artikolu 69(2) – Informazzjoni msemmija fl-Iskeda A tal-Anness I – Kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment – Artikolu 99a(r) – Traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi s-sitwazzjonijiet li fihom ksur relatat mal-aġġornament tal-prospett jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat.
Kawża C-473/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2022.
INVEST FUND MANAGEMENT vs Komisia za finansov nadzor.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2009/65/KE – Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS – Obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri – Artikolu 72 – Obbligu ta’ aġġornament tal-‘elementi essenzjali tal-prospett’ – Portata – Artikolu 69(2) – Informazzjoni msemmija fl-Iskeda A tal-Anness I – Kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment – Artikolu 99a(r) – Traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi s-sitwazzjonijiet li fihom ksur relatat mal-aġġornament tal-prospett jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat.
Kawża C-473/20.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:804
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2009/65/KE – Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS – Obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri – Artikolu 72 – Obbligu ta’ aġġornament tal-‘elementi essenzjali tal-prospett’ – Portata – Artikolu 69(2) – Informazzjoni msemmija fl-Iskeda A tal-Anness I – Kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment – Artikolu 99a(r) – Traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi s-sitwazzjonijiet li fihom ksur relatat mal-aġġornament tal-prospett jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat”
Fil-Kawża C‑473/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2020, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura
“Invest Fund Management” AD
vs
Komisia za finansov nadzor
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal “Invest Fund Management” AD, minn I. Antov, S. Dobrev, I. Georgiev, B. Karadzhov, M. Mitkova, T. Nacheva, S. Nedev, B. Teknedzhiev u V. Tokushev, аdvokati, |
– |
għall-Komisia za finansov nadzor, minn B. Gercheva, A. Giorchev, L. Valchovska u M. Vasileva, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Heimerl, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Uri, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, C. Georgieva, J. Rius Riu u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, |
– |
għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), minn F. Barzanti, G. Filippa u R. Vasileva Hoff, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 69(2), tal-Artikolu 72 u tal-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 257, p. 186, rettifika fil-ĠU 2016, L 52, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/65”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, “Invest Fund Management” AD (iktar ’il quddiem “IFM”) u, min-naħa l-oħra, il-Komisia za finansov nadzor (il-Kummissjoni Finanzjarja ta’ Superviżjoni, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“KFS”) dwar sanzjoni pekunjarja imposta fuq IFM minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li taġġorna l-prospett dwar impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li hija tiżgura l-amministrazzjoni tagħha. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 3, 4, 15, 58, 59, 61 u 69 tad-Direttiva 2009/65 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1(7) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Mingħajr ħsara għal dan il-Kapitolu, Stat Membru jista’ japplika għal UCITS stabbiliti fit-territorju tiegħu, rekwiżiti li huma aktar stretti minn jew addizzjonali għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, sakemm dawn ikunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jkunux f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” |
5 |
L-Artikolu 2(1)(b) u (s) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall- finijiet ta’ din il-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 68(1)(a) tal-istess direttiva jipprevedi: “Kumpanija ta’ investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li tamministra, kumpanija tal-maniġment għandha tippubblika dawn li ġejjin:
|
7 |
L-Artikolu 69(1) u (2) tad-Direttiva 2009/65 huwa fformulat kif ġej: “1. Il-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja biex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju infurmat tal-investiment propost lilhom, u, b’mod partikolari, tar-riskji annessi magħhom. Il-prospett għandu jinkludi, indipendentement mill-istrumenti li hemm investiment fihom, spjegazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment tal-profil ta’ riskju tal-fondi. Il-prospett għandu jinkludi jew:
2. Il-prospett għandu jkollu mill-inqas l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I, safejn dik l-informazzjoni ma tidhirx diġà fir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni annessi mal-prospectus skont l-Artikolu 71(1).” |
8 |
L-Artikolu 71 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpanija ta’ investiment għandhom jiffurmaw parti integrali tal-prospett u għandhom jiġu annessi miegħu. 2. Madankollu, id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 m’humiex rikjesti li jiġu annessi mal-prospett sakemm l-investitur jiġi infurmat li fuq talba tiegħu jintbagħtulu dawk id-dokumenti jew jiġi infurmat dwar il-post fejn, f’kull Stat Membru li fih l-unitajiet jitqiegħdu fis-suq, jista’ jikkonsultahom.” |
9 |
Skont l-Artikolu 72 tal-imsemmija direttiva: “L-elementi essenzjali tal-prospett għandhom jinżammu aġġornati.” |
10 |
L-Artikolu 74 tal-istess direttiva jipprevedi: “L-UCITS għandhom jibagħtu l-prospetti tagħhom u kull emenda li ssirilhom, kif ukoll ir-rapporti annwali u ta’ nofs is-sena tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS. L-UCITS għandha tipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija tal-maniġment meta dan jitlob hekk.” |
11 |
L-Artikolu 75(1) u (2) tad-Direttiva 2009/65 jipprovdi: “1. Il-prospett u l-aħħar rapporti annwali u ta’ nofs is-sena ppubblikati għandhom jingħataw lill-investituri fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas. 2. Il-prospett jista’ jingħata f’mezz durabbli jew permezz ta’ websajt. Għandha tingħata kopja fuq karta lill-investituri fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas.” |
12 |
Konformement mal-Artikolu 78(1) sa (3) u (5) ta’ din id-direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kumpanija ta’ investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja l-kumpanija ta’ investiment, kumpanija tal-maniġment ifasslu dokument qasir li jiġbor fih tagħrif ewlieni għall-investituri. Dak id-dokument għandu jkun magħruf bħala ‘t-tagħrif ewlieni għall-investituri’ f’din id-Direttiva. Il-kliem ‘tagħrif ewlieni għall-investituri’ għandu jidher b’mod ċar f’dak id-dokument, f’waħda mill-lingwi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 94(1). 2. It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jinkludi tagħrif xieraq dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS ikkonċernata, biex jiġi pprovdut lill-investituri bil-għan li jkunu raġonevolment kapaċi li jifhmu n-natura u r-riskji tal-prodott ta’ investiment li jkun qiegħed jiġi offrut u, b’konsegwenza ta’ dan, sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi infurmata. 3. It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jipprovdi tagħrif dwar l-elementi essenzjali li ġejjin fir-rigward tal-UCITS ikkonċernata:
Dawn l-elementi essenzjali għandhom ikunu jistgħu jinftehmu mill-investitur mingħajr ebda referenza għal dokumenti oħra. […] 5. It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun miktub b’ mod konċiż u f’lingwaġġ mhux tekniku. Għandu jitfassal b’mod b’format komuni, li jippermetti li jsir paragun, u jiġi ppreżentat b’mod li jinftiehem mill-investituri mhux professjonisti.” |
13 |
L-Artikolu 79(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jikkostitwixxi tagħrif prekontrattwali. Għandu jkun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jkun konsistenti mal-partijiet relevanti tal-prospett.” |
14 |
L-Artikolu 82 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. L-UCITS għandhom jibagħtu t-tagħrif ewlieni tagħhom għall-investituri u kull emenda li tkun saritlu, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha. 2. L-elementi essenzjali tat-tagħrif ewlieni għall-investituri għandhom jinżammu aġġornati” |
15 |
L-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 99(1) u l-Artikolu 99(6) tad-Direttiva 2009/65 huwa fformulat kif ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 98 u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li għandhom jiġu imposti fuq kumpaniji u persuni fir-rigward ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. […] Is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […] 6. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn li jistgħu jiġu applikati tal-inqas jinkludu dan li ġej: […]
[…]
|
16 |
L-Artikolu 99a ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jittrasponu din id-Direttiva jipprovdu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari meta: […] […]
[…]” |
17 |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva jinkludi żewġ skedi, A u B. L-Iskeda A hija kkostitwita minn tabella diviża fi tliet kolonni li t-tieni waħda minnhom hija fformulata kif ġej:
[…]
[…]” |
Id‑dritt Bulgaru
18 |
L-Artikolu 1 taż-żakon za deynostta na kolektivnite investitsionni shemi i na drugi predpriyatiya za kolektivno investirane (il-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv u Impriżi ta’ Investiment Kollettiv Oħrajn, DV Nru 77), tal‑4 ta’ Ottubru 2011, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-IIK”), jipprevedi: “Din il-liġi tirregola: 1. l-attività tal-iskemi ta’ investiment kollettiv u kumpanniji tal-maniġment; 2. l-attività ta’ impriżi oħra ta’ investiment kollettiv; […]” |
19 |
L-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-IIK jipprovdi li, fil-każ ta’ kwalunkwe bidla fl-elementi essenzjali tal-prospett ta’ investiment kollettiv, dan il-prospett għandu jiġi aġġornat fi żmien erbatax-il jum mill-bidla u għandu jiġi ppreżentat lill-KFS fl-istess terminu. |
20 |
L-Artikolu 273 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “(1) Kull min iwettaq jew jippermetti ksur ta’: […] 10. […] Artikolu 56(1) [ta’ din il-liġi] jista’ jiġi kkundannat għal multa ta’ 4000 lev Bulgaru (BGN) sa BGN 5000000 [(madwar EUR 2000 sa EUR 2500000)]; […] (5) Fir-rigward ta’ ksur skont il-Paragrafu 1 li twettaq minn persuni ġuridiċi jew kummerċjanti waħdanija, sanzjoni pekunjarja għandha tkun imposta kif ġej: […]
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
21 |
IFM hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Bulgaru, bis-sede tagħha f’Sofija (il-Bulgarija), li għandha awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-attività ta’ kumpannija tal-maniġment, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65, u li hija mniżżla fir-reġistru miżmum mill-KFS. IFM tmexxi u timmaniġġja ħames UCITS distinti. |
22 |
Waqt kontroll, l-aġenti tal-KFS ikkonstataw li l-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ IFM, kif indikata fir-reġistru tal-kummerċ Bulgaru, kienet is-suġġett ta’ bidla fit‑28 ta’ Awwissu 2019 bir-reġistrazzjoni ta’ żewġ membri ġodda li ma humiex eżekuttivi, li lilhom ma ġew delegati l-ebda funzjonijiet ta’ tmexxija, fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ IFM. |
23 |
L-aġenti tal-KFS għalhekk qiesu li IFM kellha taġġorna l-prospett ta’ kull wieħed mill-ħames UCITS li din il-kumpannija tamministra fit-terminu statutorju ta’ 14-il jum u mhux iktar tard mill‑11 ta’ Settembru 2019. Peress li l-aġġornament seħħ fis‑17 ta’ Ottubru 2019, il-KFS, permezz ta’ ħames deċiżjonijiet distinti, imponiet sanzjonijiet amministrattivi fuq IFM, jiġifieri ħames sanzjonijiet pekunjarji li jammontaw għal BGN 10000 (madwar EUR 5000) kull waħda. |
24 |
IFM ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna wieħed minn dawn il-ħames rikorsi. IFM issostni, minn naħa, li l-informazzjoni dwar il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment ma tikkostitwixxix “element essenzjali”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-IIK, li timponi aġġornament, fit-termini indikati, tal-prospett tal-UCITS sa fejn il-membri eletti mill-ġdid tal-Bord tad-Diretturi ma humiex membri eżekuttivi u ma jeżerċitaw l-ebda funzjoni ta’ ġestjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ħames sanzjonijiet pekunjarji ġew imposti fuqha illegalment peress li kien hemm, skont il-każ, ksur wieħed biss. |
25 |
Il-KFS issostni, minn naħa tagħha, li kull bidla ta’ persuni fil-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment tikkostitwixxi bidla ta’ “element essenzjali”, sa fejn din taqa’ taħt il-kontenut minimu meħtieġ fil-prospett, li jirrendi obbligatorju l-aġġornament ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-ħames sanzjonijiet pekunjarji distinti ma ġewx imposti illegalment, fid-dawl tal-fatt li ġiet ikkonstatata ommissjoni għal kull wieħed mill-ħames UCITS amministrati minn IFM. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
27 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar kumpannija tal-maniġment, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-prospett għandu tal-inqas jinkludi skont l-Artikolu 69(2) tagħha, taqax taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 72, b’tali mod li għandha tinżamm aġġornata. |
28 |
Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/65 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett”. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jagħmel l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment ikollhom, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
F’dan il-każ, id-Direttiva 2009/65 ma tinkludix riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett”, fis-sens tal-Artikolu 72 tagħha, b’tali mod li dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha u dan iktar u iktar peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2009/65 jirriżulta li din għandha l-għan li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-impriżi, b’tali mod, minn naħa, li jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi għad-detenturi ta’ unitajiet. |
31 |
Barra minn hekk, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/65, dan għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira normali tal-kliem li jikkomponih fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża dan il-kliem u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-kliem imsemmi (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Magistrat der Stadt Wien (Grand Hamster II)– C‑357/20, EU:C:2021:881, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Fir-rigward, l-ewwel, tas-sens normali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-kelma “essenzjali”, għandu jiġi rrilevat li dan l-aġġettiv jindika element li huwa indispensabbli, għall-kuntrarju ta’ element aċċessorju jew sekondarju. |
33 |
Għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala elementi essenzjali tal-prospett l-elementi li huma indispensabbli sabiex dan id-dokument ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu. |
34 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mit-Taqsima 1 intitolata “Il-pubblikazzjoni ta’ prospett u rapporti perijodiċi” tal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/65, dwar l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni lill-investituri, u li hija immedjatament wara dispożizzjonijiet li jispeċifikaw liema informazzjoni għandha tkun inkluża fil-prospett, b’mod partikolari l-Artikolu 69(1) u (2) ta’ din id-direttiva, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
35 |
B’mod partikolari, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 69(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedu li l-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex l-investituri jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti dwar l-investiment propost lilhom, u b’mod partikolari r-riskji inerenti għalih, u li għandu jinkludi spjegazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment tal-profil ta’ riskju tal-fondi, indipendentement mill-istrumenti li fihom jinvesti. |
36 |
Sussegwentement, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65, il-prospett għandu jinkludi ċerta informazzjoni dwar il-politika ta’ remunerazzjoni. |
37 |
Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65 u tal-Artikolu 72 tagħha jirriżulta li huma “essenzjali”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-elementi tal-prospett li huma indispensabbli sabiex l-investituri jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti l-investiment propost lilhom, u b’mod partikolari r-riskji inerenti għalih. |
38 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65 jipprovdi li l-prospett għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I tagħha, sa fejn din l-informazzjoni ma tinsabx diġà fir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni annessi mal-prospett, konformement mal-Artikolu 71(1) ta’ din id-direttiva. Din hija informazzjoni dwar il-fondi komuni ta’ investiment, il-kumpannija tal-maniġment u l-kumpannija ta’ investiment, kif ukoll informazzjoni dwar id-depożitarju, informazzjoni dwar id-ditti ta’ konsulenza jew il-konsulenti ta’ investiment esterni, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex isiru l-ħlasijiet lid-detenturi ta’ unitajiet, ix-xiri mill-ġdid jew ir-rimbors tal-unitajiet kif ukoll it-tixrid tal-informazzjoni dwar l-UCITS, kif ukoll ċerta informazzjoni oħra dwar l-investimenti u ta’ natura ekonomika. |
39 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-kliem “mill-inqas” f’din id-dispożizzjoni juri l-intenzjoni tal-leġiżlatur li l-informazzjoni li għaliha tirreferi l-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 tikkostitwixxi l-informazzjoni minima li l-prospett għandu jinkludi, li fosthom hemm, skont il-punt 1.8 ta’ din l-iskeda, l-identità u l-funzjonijiet fil-kumpannija tal-membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u ta’ superviżjoni, kif ukoll l-attivitajiet prinċipali tagħhom barra mill-kumpannija meta dawn ikunu sinjifikattivi fir-rigward tagħha. |
40 |
Peress li l-elementi elenkati f’din l-Iskeda A tqiesu għalhekk mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala indispensabbli sabiex il-prospett ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu li jippermetti lill-investituri jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti dwar l-investiment propost lilhom, għandu jitqies li dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett”, fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65. |
41 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex ġerarkija bejn din l-informazzjoni indispensabbli, la skont l-importanza tagħha għall-investitur, u lanqas abbażi ta’ kriterju ieħor. |
42 |
Għalhekk, jekk jitqiesu, kif issuġġerew, essenzjalment, IFM kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, Lussemburgiż u Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li huma “essenzjali,” fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, biss uħud minn dawn l-elementi indispensabbli, bħall-elementi li huma ta’ natura li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi ekonomiċi tal-investituri jew li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, jew ukoll dawk li huma partikolarment importanti għall-investituri sabiex jevalwaw ir-riskju inerenti għall-investimenti proposti lilhom, imur kontra l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti natura imperattiva ta’ valur ugwali lill-elementi indikati fl-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65. |
43 |
It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2009/65, mill-premessi 3 u 4 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li, sabiex tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet ta’ UCITS fi ħdan l-Unjoni, din id-direttiva hija intiża li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-impriżi, b’tali mod li, minn naħa, jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-imsemmija impriżi u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi tad-detenturi tal-unitajiet. Għal dan il-għan, din id-direttiva tistabbilixxi regoli bażiċi komuni f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni, l-istruttura, l-attivitajiet u l-informazzjoni li l-UCITS għandhom jippubblikaw. |
44 |
Issa, qabelxejn, ma hemm l-ebda dubju li aġġornament fil-pront, wara l-modifika tagħha, ta’ informazzjoni li l-inklużjoni tagħha fil-prospett jew fid-dokumenti li jagħmlu parti integrali minnu huwa indispensabbli, jissodisfa l-għan ta’ protezzjoni tal-investituri, sa fejn tali attwalizzazzjoni obbligatorja tiggarantilhom l-affidabbiltà tal-informazzjoni li dan il-prospett jinkludi. |
45 |
Tali interpretazzjoni hija wkoll kompatibbli mal-għan, imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet tal-UCITS u li jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi. Fil-fatt, l-obbligu ta’ aġġornament tal-informazzjoni li l-inklużjoni tagħha fil-prospett hija indispensabbli, li japplika b’mod uniformi għall-UCITS u għall-kumpanniji tal-maniġment, indipendentement mill-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ stabbiliment tagħhom, jikkontribwixxi għal tneħħija tar-restrizzjonijiet u għal approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn tali impriżi. |
46 |
Il-konklużjoni msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jingħaqdu miegħu fuq dan il-punt fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja IFM u l-Gvern Lussemburgiż, li jipprovdu, essenzjalment, li l-portata tal-Artikolu 72 għandha tiġi ddeterminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65, dwar id-dokument intitolat “tagħrif ewlieni għall-investituri”, li l-kumpanniji tal-investiment u tal-maniġment huma obbligati li jistabbilixxu, b’tali mod li huma biss l-elementi indikati f’dan l-Artikolu 78 li għandhom jitqiesu li huma “elementi essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 78(2) u (3) tad-Direttiva 2009/65 jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni li għandha titqies bħala “tagħrif ewlieni għall-investituri”, jiġifieri l-informazzjoni xierqa dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS ikkonċernata, peress li l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 78 jelenka, barra minn hekk, ċertu numru ta’ informazzjoni kklassifikata bħala “elementi essenzjali fir-rigward tal-UCITS ikkonċernata” li għandha, f’dan ir-rigward, tkun tinsab fid-dokument imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Issa, l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 jirrigwarda l-elementi essenzjali mhux tal-UCITS ikkonċernata, iżda tal-prospett. Kif irrileva għalhekk l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 72 u 78 tad-Direttiva 2009/65 ma jużawx l-istess kunċett. |
48 |
Barra minn hekk, għalkemm l-Artikoli 69, 72 u 78 tad-Direttiva 2009/65 jinsabu fl-istess Kapitolu IX tagħha, l-ewwel żewġ artikoli jagħmlu parti mit-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Il-pubblikazzjoni ta’ prospett u rapporti perijodiċi”, filwaqt li l-Artikolu 78 ta’ din id-direttiva jinsab fit-Taqsima 3 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Tagħrif ewlieni għall-investituri”. Din it-Taqsima 3 tiġbor fiha dispożizzjonijiet dwar id-dokument li fih din l-informazzjoni, li fosthom hemm l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2009/65 li jagħlaq l-imsemmija Taqsima 3, billi tipprevedi obbligu li jinżammu aġġornati l-elementi essenzjali tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur. |
49 |
Għalhekk jeżisti paralleliżmu bejn l-Artikoli 72 u 82 tad-Direttiva 2009/65 li kull wieħed minnhom jistabbilixxi, u b’mod distint sew, obbligu ta’ aġġornament tal-prospett, minn naħa, u informazzjoni importanti għall-investitur, min-naħa l-oħra. |
50 |
Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata tal-informazzjoni pprovduta minn dawn iż-żewġ dokumenti hija differenti, peress li t-“tagħrif ewlieni għall-investituri” kien maħsub bħala dokument qasir ħafna li fih kontenut standardizzat, ipprovdut mingħajr ħlas, fi żmien utli qabel is-sottoskrizzjoni ta’ kull UCITS, kif jirriżulta mill-premessi 59 u 61 tad-Direttiva 2009/65, intiż sabiex jiffaċilita l-paragun bejn diversi proposti, li jagħmlu b’mod partikolari l-investituri mhux professjonisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 78(5) ta’ din id-direttiva. Il-prospett, min-naħa l-oħra, huwa indirizzat lil kull tip ta’ investitur u jinkludi informazzjoni iktar dettaljata u iktar eżawrjenti. |
51 |
Minn dan jirriżulta li interpretazzjoni tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 fis-sens li huma biss l-elementi essenzjali relatati mal-UCITS ikkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 78(2) u (3) tad-Direttiva 2009/65, li jikkostitwixxu l-elementi essenzjali tal-prospett, twassal sabiex jiġu assimilati żewġ dokumenti distinti, jiġifieri, minn naħa, it-“tagħrif ewlieni għall-investituri” u, min-naħa l-oħra, il-prospett. |
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar kumpannija tal-maniġment, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-prospett għandu tal-inqas jinkludi skont l-Artikolu 69(2) tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 72, b’tali mod li għandha tinżamm aġġornata. |
Fuq it‑tielet domanda
53 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq ir‑raba’ domanda
54 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha kumpannija tal-maniġment li ma osservatx, fit-terminu impost minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligu dwar l-aġġornament tal-prospett, previst fl-Artikoli 68 sa 82 ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ diversi UCITS, hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-impriżi, meta l-bidla li kellha tkun is-suġġett ta’ aġġornament ta’ dawn il-prospetti kienet tirrigwarda element uniku dwar il-kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jittrasponu din id-direttiva jipprevedu sanzjonijiet, b’mod partikolari meta kumpannija ta’ investiment jew, għal kull wieħed mill-fondi speċjali ta’ investiment li hija tamministra, kumpannija tal-maniġment ma tosservax, ripetutament, l-obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri imposti skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tal-imsemmija direttiva. |
56 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari”, jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu sanzjonijiet fir-rigward tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 99a(r) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tipprekludihom milli jissanzjonaw aġir ieħor. |
57 |
Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2009/65, moqri flimkien mal-premessa 69 tagħha, l-Istati Membri huma, bla ħsara għad-dritt tagħhom li japplikaw sanzjonijiet kriminali, obbligati, minn naħa, li jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li għandhom jiġu imposti fuq il-kumpanniji u l-persuni fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku intern u, min-naħa l-oħra, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. |
58 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(7) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar ir-rapporti kif ukoll dwar il-prospett, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli iktar stretti jkunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jmorrux kontra l-istess direttiva. |
59 |
Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2009/65 ma twettaqx armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, b’tali mod li dawn tal-aħħar għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. |
60 |
Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sanzjonijiet għal ksur tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2009/65 fl-ordinament ġuridiku intern li huma kkostitwiti minn aġir differenti minn dak imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 99a(r) tagħha, peress li tali sanzjonijiet jistgħu wkoll ikunu iktar severi minn dawk previsti mid-Direttiva 2009/65. |
61 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2009/65 jirriżulta li s-sanzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
62 |
L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, huwa wkoll konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, ifformulati fil-premessa 3 tagħha, b’mod partikolari, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi tad-detenturi tal-unitajiet u, għalhekk, li tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet ta’ UCITS fl-Unjoni. |
63 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza unika tal-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni tal-investituri imposti skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tal-imsemmija direttiva, kumpannija tal-maniġment tista’ tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ kull fond ta’ investiment li hija tamministra, bil-kundizzjoni li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
64 |
Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li abbażi tagħha kumpannija tal-maniġment li ma osservatx, fit-terminu impost minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligu relatat mal-aġġornament tal-prospett, previst mill-Artikoli 68 sa 82 ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ diversi UCITS, hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-impriżi, meta l-bidla li kellha tkun is-suġġett ta’ aġġornament ta’ dawn il-prospetti kienet tirrigwarda element uniku dwar il-kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment, bil-kundizzjoni li s-sanzjoni amministrattiva, filwaqt li tkun effettiva u disswasiva, tkun proporzjonata. |
Fuq l‑ispejjeż
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.