Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0420

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Settembru 2022.
    HN vs Sofiyska rayonna prokuratura.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6 – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu – Deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ ħames snin – Kundizzjonijiet għall-finijiet taż-żamma ta’ proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata – Obbligu li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu previst fid-dritt nazzjonali.
    Kawża C-420/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:679

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    15 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6 – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu – Deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ ħames snin – Kundizzjonijiet għall-finijiet taż-żamma ta’ proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata – Obbligu li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu previst fid-dritt nazzjonali”

    Fil-Kawża C‑420/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura kriminali kontra

    HN,

    fil-preżenza ta’:

    Sofiyska rayonna prokuratura,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Ziemele, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal HN, minn N. Nikolova, аdvokat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn F. Halabi, M. Hellmann, R. Kanitz u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra HN, li huwa akkużat b’użu ta’ dokumenti foloz.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2008/115/KE

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), jipprevedi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

    4

    L-Artikolu 11(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

    (a)

    jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

    (b)

    jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

    F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

    […]

    L-Istati Membri jistgħu ma joħorġux, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

    L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħrajn.”

    Id-Direttiva 2016/343

    5

    Il-premessi 9, 10, 35, 36 u 48 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej:

    “(9)

    L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

    (10)

    Bl-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u [jew] akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. Tali regoli minimi komuni jistgħu wkoll ineħħu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fit-territorji kollha tal-Istati Membri.

    […]

    (35)

    Id-dritt tal-persuni suspettati u [jew] akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u [jew] akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.

    (36)

    F’ċerti ċirkostanzi għandu jkun possibbli li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata tingħata minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-proċess. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata, fi żmien debitu, dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u xorta, madankollu, ma tidhirx. Li persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata dwar il-proċess għandu jinftiehem li jfisser li l-persuna tħarrket personalment jew, b’mezzi oħrajn, li dik il-persuna ngħatat informazzjoni uffiċjali dwar id-data u l-post tal-proċess b’mod li jippermetti lilu jew lilha li jsiru konxji mill-proċess. Li persuna suspettata jew akkużata tiġi infurmata dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat li jfisser li l-persuna ġiet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx fil-proċess.

    […]

    (48)

    Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] jew mill-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

    6

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

    (a)

    ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

    (b)

    id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

    7

    L-Artikolu 8(1) sa (4) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

    (a)

    il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

    (b)

    il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

    3.   Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

    4.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.”

    Id‑dritt Bulgaru

    8

    L-Artikolu 93 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NK”), huwa fformulat kif ġej:

    “It-termini u l-espressjonijiet segwenti huma użati f’dan il-kodiċi fis-sens li ġej:

    […]

    (7)

    ‘reat kriminali gravi’: reat punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn ħames snin, b’piena ta’ għomor priġunerija jew b’piena ta’ għomor priġunerija mingħajr il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-piena.

    […]”

    9

    Skont l-Artikolu 308 tan-NK:

    “1.   Kull min jistabbilixxi dokument uffiċjali falz jew jiffalsifika l-kontenut ta’ dokument uffiċjali għall-użu tiegħu huwa punibbli, minħabba falsifikazzjoni ta’ dokumenti, b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ mhux iktar minn tliet snin.

    2.   Meta l-att imsemmi fil-paragrafu 1 jirrigwarda […] dokumenti ta’ identità Bulgari jew barranin […], il-piena li ċċaħħad il-libertà għandha tkun ta’ mhux iktar minn tmien snin.”

    10

    L-Artikolu 316 tal-NK jipprovdi:

    “Il-piena prevista fl-artikoli preċedenti ta’ dan il-kapitolu hija imposta wkoll fuq kull min jagħmel użu konxjament minn dokument falz jew iffalsifikat, minn dokument inkorrett jew minn dokument kif imsemmi fl-artikolu preċedenti, meta ma jkunx jista’ jinżamm responsabbli li jkun ħolqu huwa stess.”

    11

    L-Artikolu 269 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Fil-każ ta’ reat kriminali gravi, il-preżenza tal-persuna akkużata għall-proċess hija obbligatorja.

    2.   Il-qorti tista’ tordna li l-persuna akkużata tidher ukoll fil-kawżi li fihom il-preżenza tagħha ma hijiex obbligatorja meta dan ikun neċessarju għall-iżvelar tal-verità oġġettiva.

    3.   Meta dan ma jipprekludix l-identifikazzjoni tal-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:

    (1)

    din ma tinstabx fl-indirizz indikat minnha jew tkun biddlitu mingħajr ma informat lill-awtorità kompetenti;

    (2)

    il-post ta’ residenza tagħha fil-Bulgarija ma jkunx magħruf u ma jkunx instab wara tfittxija fil-fond;

    (3)

    meta tkun debitament innotifikata, hija ma indikatx raġunijiet validi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ dehra tagħha u l-proċedura prevista fl-Artikolu 247b(1) tkun ġiet osservata;

    (4)

    tkun barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u:

    (a)

    il-post ta’ residenza tagħha ma huwiex magħruf;

    (b)

    ma tistax tiġi mħarrka għal raġunijiet oħra;

    (c)

    kienet debitament innotifikata u ma indikatx raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ dehra tagħha.”

    12

    L-Artikolu 10(1) taż-Zakon za chuzhdentsite v Republika Bulgaria (il-Liġi dwar il-Barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija) (DV Nru 153, tat‑23 ta’ Diċembru 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “Il-ħruġ ta’ viża jew id-dħul fil-pajjiż għandhom jiġi rrifjutati lil barrani meta:

    […]

    (7)

    dan ikun ipprova jidħol fit-territorju jew jgħaddi minnu billi juża dokumenti, viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza foloz jew iffalsifikati;

    […]”

    13

    L-Artikolu 41 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “Għandu jiġi impost ritorn meta:

    […]

    (5)

    ikun stabbilit li l-barrani qasam il-fruntiera tal-pajjiż skont modalitajiet legali, iżda jkun ipprova jitlaq minnu minn postijiet mhux previsti għal dan il-għan jew b’passaport jew dokument ta’ vjaġġar foloz jew iffalsifikati.”

    14

    L-Artikolu 42h(1) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

    “Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea hija imposta meta:

    (1)

    il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) jiġu ssodisfatti;

    […]”

    Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    15

    HN, ċittadin Albaniż, huwa ssuspettat li, fil‑11 ta’ Marzu 2020, ippreżenta passaport falz u karta tal-identità falza, li għandhom l-apparenza ta’ dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet Griegi kompetenti, fil-post ta’ kontroll tal-fruntiera tal-ajruport ta’ Sofija (il-Bulgarija), sabiex jaqbad titjira lejn Bristol (ir-Renju Unit).

    16

    Wara li twaqqaf, fl-istess jum, mill-pulizija, infetħet proċedura istruttorja quddiem is-Sofiyska rayonna prokuratura (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) minħabba użu ta’ dokumenti foloz.

    17

    L-għada, id-direttur tal-Granichno politseysko upravlenie – Sofia (l-Amministrazzjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri ta’ Sofija, il-Bulgarija) adotta, fil-konfront ta’ HN, deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ ħames snin, li tibda fit‑12 ta’ Marzu 2020 u li tispiċċa fil‑11 ta’ Marzu 2025.

    18

    Fit‑23 ta’ April 2020, HN ġie mixli b’użu ta’ dokumenti foloz permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ippreżentata lil HN u lill-avukat tiegħu fis‑27 ta’ April 2020. F’din l-okkażjoni, HN ġie informat bid-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari b’dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 269 tan-NPK dwar l-iżvolġiment ta’ proċedura fil-kontumaċja u bil-konsegwenzi ta’ tali proċedura.

    19

    Waqt is-seduta li nżammet fl-istess jum, HN iddikjara li huwa kien fehem id-drittijiet li kienu ġew spjegati lilu, li ma xtaqx jidher fil-proċedura minħabba li tali dehra kienet timponilu spejjeż sproporzjonati, u li kien qiegħed jafda b’mod sħiħ fuq l-avukat tiegħu sabiex jirrappreżentah fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja.

    20

    Fis‑27 ta’ Mejju 2020, l-att ta’ akkuża mressaq kontra HN għar-reat kriminali previst fl-Artikolu 316 tan-NK, moqri flimkien mal-Artikolu 308 tan-NK, ġie ppreżentat għal eżami quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija).

    21

    Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2020, dik il-qorti ffissat id-data tas-seduta pubblika preliminari għat‑23 ta’ Lulju 2020 u l-imħallef relatur ordna li HN jingħata, permezz tal-Ministeru għall-Intern Bulgaru, traduzzjoni bl-Albaniż ta’ dan id-digriet kif ukoll tal-att ta’ akkuża. L-imsemmi digriet kien jindika wkoll li l-preżenza waqt is-seduta tal-persuna akkużata kienet obbligatorja, skont l-Artikolu 269(1) tan-NPK, u li l-proċedura setgħet tiżvolġi fil-kontumaċja fil-każ biss li jkunu osservati l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

    22

    Fis‑16 ta’ Lulju 2020, l-imsemmija qorti ġiet informata minn dan il-ministeru li HN kien ittieħed fuq il-fruntiera Bulgara fis‑16 ta’ Ġunju 2020, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu mill-Amministrazzjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri, fatt dan li ma ppermettiex li HN jiġi debitament informat bil-proċedura ġudizzjarja mibdija fir-rigward tiegħu.

    23

    Kien f’dan il-kuntest li s-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dritt tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-[Direttiva 2016/343], jista’ jiġi limitat minn dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti li l-persuni barranin li jkunu kisbu l-kwalità proċedurali ta’ persuni akkużati jkunu pprojbiti, permezz ta’ miżura amministrattiva, milli jidħlu u milli jirrisjedu fl-Istat fejn tkun qiegħda titmexxa l-proċedura kriminali?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva 2016/343 għall-iżvolġiment tal-proċess fl-assenza tal-persuna akkużata li tkun ċittadina barranija jkunu ssodisfatti jekk din tal-aħħar tkun ġiet debitament informata dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra u tkun irrappreżentata minn avukat imqabbad sabiex jiddefendiha, li jkun magħżul minnha stess jew mill-Istat, iżda l-preżenza tagħha tkun prekluża minn miżura amministrattiva li tipprojbixxiha milli tidħol u milli tirrisjedi fl-Istat fejn tkun qiegħda titmexxa l-proċedura kriminali?

    3)

    Id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, jista’ jikkostitwixxi obbligu proċedurali b’tali mod li b’hekk l-Istati Membri jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni fis-sens tal-premessa 48, jew tali approċċ imur kontra l-premessa 35 tal-istess direttiva, li tiddikjara li d-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti fil-proċess ma huwiex assolut u jista’ jkun irrinunzjat?

    4)

    Rinunzja minn qabel mill-persuna akkużata għad-dritt li tkun preżenti fil-proċess, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, espressa b’mod inekwivoku fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, hija permessa jekk il-persuna akkużata tkun ġiet informata bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ dehra tagħha?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq it‑tielet domanda

    24

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

    Fuq l‑ammissibbiltà

    25

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha dubju dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda, li skontha għandha interess pjuttost teoretiku f’din il-kawża, fid-dawl tal-impossibbiltà għall-persuna akkużata li tmur fl-Istat Membru li fih jiżvolġi l-proċess tagħha.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li jkollha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Bulgaru jipprevedi obbligu ta’ preżenza għall-proċess fir-rigward tal-persuni akkużati b’reat kriminali gravi, bħal dak li huwa akkużat bih HN f’dan il-każ, u li għalhekk dan tal-aħħar huwa suġġett, skont id-dritt Bulgaru, għal dan l-obbligu.

    29

    F’dan il-kuntest, il-fatt li HN jinsab barra mit-territorju Bulgaru u li huwa pprojbit milli jidħol fih ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-tielet domanda, li tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ tali obbligu mad-dritt tal-Unjoni, ma għandha manifestament ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, sabiex tingħeleb il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tibbenefika din id-domanda.

    30

    Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija ammissibbli.

    Fuq il‑mertu

    31

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

    32

    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

    33

    Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu li tali preżenza hija obbligatorja.

    34

    Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva jindikaw li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jorganizzaw proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata.

    35

    B’hekk, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jagħti lok għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata jista’ jinżamm fl-assenza tagħha, kemm-il darba jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

    36

    Il-kuntest li fih jaqgħu dawn il-kundizzjonijiet huwa ppreċiżat fil-premessa 35 tad-Direttiva 2016/343, li tippermetti li tiġi identifikata l-loġika implimentata fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, fis-sens li ċertu aġir mingħajr ambigwità, li jirrifletti r-rieda tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata li tirrinunzja għad-dritt tagħha li tkun preżenti għall-proċess tagħha, għandu jippermetti li l-proċess jinżamm fl-assenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ persuna akkużata maħruba), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 35).

    37

    Għaldaqstant, għalkemm tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-Istati Membri jipprevedu li proċess kriminali jista’ jinżamm fl-assenza tal-persuna suspettata jew tal-persuna akkużata, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu tali possibbiltà fid-dritt nazzjonali tagħhom.

    38

    Bl-istess mod, l-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li, meta l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li proċess jinżamm fl-assenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, iżda ma jkunx possibbli li jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu minħabba li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata ma tkunx tista’ tinsab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li deċiżjoni xorta waħda tkun tista’ tittieħed u tiġi eżegwita.

    39

    B’hekk, mit-test tal-Artikolu 8(4) tal-istess direttiva, b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “meta”, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu l-organizzazzjoni ta’ proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata.

    40

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 sempliċement jipprevedi u jirregola d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom kif ukoll l-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt, mingħajr madankollu ma jimponi jew jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu obbligu għal kull persuna ssuspettata jew għal kull persuna akkużata li tkun preżenti għall-proċess tagħha.

    41

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kif ukoll id-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, u mhux li titwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċedura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ persuna akkużata maħruba), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-portata limitata tal-armonizzazzjoni mwettqa mill-imsemmija direttiva u tal-fatt li din tal-aħħar ma tirregolax il-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri jistgħux jeżiġu d-dehra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata waqt il-proċess tagħha, tali kwistjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali biss.

    43

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

    Fuq ir‑raba’ domanda

    44

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-raba’ domanda hija magħmula fil-każ li r-risposta li tingħata għat-tielet domanda tkun fis-sens li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu ta’ dehra fil-proċess kriminali.

    45

    Għalhekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

    Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

    46

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti ż-żamma ta’ proċess fl-assenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata meta din il-persuna tkun tinsab barra minn dan l-Istat Membru u fl-impossibbiltà li tidħol fit-territorju tiegħu, minħabba projbizzjoni ta’ dħul adottata fir-rigward tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru.

    47

    Kif ġie rrilevat fil-punti 32 u 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi u jirregola l-obbligi li għandhom l-Istati Membri sabiex jippermettu lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

    48

    Skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jagħti lok għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata jista’ jinżamm fl-assenza tagħha, kemm-il darba din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra għall-proċess tagħha jew kemm-il darba, wara li tkun ġiet informata dwar iż-żamma tal-proċess, din il-persuna tkun irrappreżentata minn avukat imqabbad minnha stess jew mill-Istat.

    49

    Huwa minnu li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma tikkonċerna espressament il-possibbiltà, għall-imsemmija persuna, li tmur fiżikament fit-territorju tal-Istat Membru li fih jiżvolġi l-proċess kriminali tagħha sabiex tkun preżenti għalih.

    50

    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni huma intiżi li jillimitaw l-eżerċizzju ta’ tali possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri għas-sitwazzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti għall-proċess tagħha.

    51

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jagħti importanza partikolari lill-informazzjoni tal-persuna kkonċernata, sa fejn jissuġġetta espressament kull possibbiltà li jiġi organizzat proċess fil-kontumaċja għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess.

    52

    B’hekk, il-premessa 36 tad-Direttiva 2016/343 tispeċifika li l-fatt li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tiġi informata biż-żamma tal-proċess għandu jfisser li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tkun tħarrket personalment jew tkun informata uffiċjalment, b’mezzi oħra, dwar id-data u l-post stabbiliti għall-proċess, b’tali mod li tkun tista’ ssir taf bil-proċess.

    53

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-finalità tal-imsemmija direttiva hija, kif jiddikjaraw il-premessi 9 u 10, li jissaħħaħ id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’tali mod li tissaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema ġudizzjarja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u, għaldaqstant, li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam kriminali (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ persuna akkużata maħruba), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 36).

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jikkostitwixxi element essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, kif jippreċiżaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), jikkorrispondu għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 42, u tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ persuna akkużata maħruba), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 51).

    55

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni u lit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 u lill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 101).

    56

    Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dehra tal-persuna imputata għandha importanza kbira fl-interess ta’ proċess kriminali ekwu u ġust u li l-obbligu li l-persuna akkużata tiġi ggarantita d-dritt li tkun preżenti fis-sala tas-seduta huwa wieħed mill-elementi essenzjali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L-Italja, CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, punt 58).

    57

    Skont din il-ġurisprudenza, la l-kliem u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludu lil persuna milli b’mod volontarju tirrinunzja, espressament jew taċitament, għall-garanziji ta’ smigħ xieraq. Madankollu, ir-rinunzja għad-dritt li tieħu sehem fis-seduta għandha tiġi stabbilita b’mod inekwivoku u għandha tkun ibbażata fuq minimu ta’ garanziji li jikkorrispondu għall-gravità tagħha (Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 86, kif ukoll Qorti EDB, 13 ta’ Marzu 2018, Vilches Coronado et vs Spanja, CE:ECHR:2018:0313JUD005551714, punt 36).

    58

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jissuġġetta l-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni li jipprevedu l-organizzazzjoni ta’ proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ informazzjoni ta’ din il-persuna, huma intiżi li jillimitaw l-eżerċizzju ta’ tali possibbiltà għas-sitwazzjonijiet li fihom l-imsemmija persuna kellha possibbiltà reali li tkun preżenti għall-proċess u rrinunzjat għaliha b’mod volontarju u inekwivoku.

    59

    Issa, Stat Membru li sempliċement jinforma lill-persuna kkonċernata, ipprojbita milli tidħol fit-territorju tiegħu, biż-żamma tal-proċess tagħha, mingħajr ma jipprevedi, f’tali ċirkustanzi, miżuri li jippermettu li jiġi awtorizzat id-dħul tagħha f’dan it-territorju minkejja din il-projbizzjoni, iċaħħad lil din il-persuna minn kull possibbiltà reali li teżerċita effettivament id-dritt tagħha li tkun preżenti għall-proċess tagħha u b’hekk iċaħħad lill-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni minn kull effett utli.

    60

    Fil-fatt, tali sitwazzjoni hija differenti minn dik li fiha l-persuna kkonċernata tirrinunzja b’mod volontarju u inekwivoku għad-dritt tagħha li tkun preżenti għall-proċess tagħha.

    61

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi impliċitament li Stat Membru jorganizza proċess fl-assenza tal-persuna kkonċernata pprojbita milli tidħol fit-territorju tiegħu, mingħajr ma jipprevedi miżuri li jippermettu li jiġi awtorizzat id-dħul tagħha f’dan it-territorju minkejja din il-projbizzjoni.

    62

    Sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata hija prekluża milli tidħol fit-territorju tal-Istat Membru li fih jiżvolġi l-proċess tagħha minħabba projbizzjoni ta’ dħul adottata fir-rigward tagħha mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix li, f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat ineħħi jew jissospendi l-projbizzjoni ta’ dħul imposta fuq din il-persuna.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-direttiva, li tistabbilixxi l-istandards u l-proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, tippermetti lill-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 11(3) tagħha, fil-każijiet fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul, jirtiraw jew jissospendu tali projbizzjoni.

    64

    B’hekk, ir-raba’ subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 11(3) jippreċiża li, f’każijiet partikolari jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet, għal raġunijiet oħra, tali possibbiltà hija rrikonoxxuta lill-Istati Membri.

    65

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxu l-każijiet li fihom huma jqisu li hemm lok li tiġi sospiża jew imneħħija projbizzjoni fuq id-dħul li tkun marbuta ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u għalhekk jippermettilhom jirtiraw jew jissospendu tali projbizzjoni ta’ dħul sabiex persuna suspettata jew persuna akkużata tkun tista’ tmur fit-territorju tagħhom sabiex tkun preżenti għall-proċess tagħha.

    66

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti ż-żamma ta’ proċess fl-assenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata meta din il-persuna tkun tinsab barra minn dan l-Istat Membru u fl-impossibbiltà li tidħol fit-territorju tiegħu, minħabba projbizzjoni ta’ dħul adottata fir-rigward tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru.

    Fuq l‑ispejjeż

    67

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

     

    2)

    L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti ż-żamma ta’ proċess fl-assenza tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata meta din il-persuna tkun tinsab barra minn dan l-Istat Membru u fl-impossibbiltà li tidħol fit-territorju tiegħu, minħabba projbizzjoni ta’ dħul adottata fir-rigward tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-Kawża: il-Bulgaru.

    Top