This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0344
Judgment of the Court (Second Chamber) of 13 October 2022.#L.F. v S.C.R.L.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal du travail francophone de Bruxelles.#Reference for a preliminary ruling – Social policy – Directive 2000/78/EC – Establishment of a general framework for equal treatment in employment and occupation – Prohibition of discrimination on the ground of religion or belief – Internal rule of a private undertaking prohibiting any manifestation, in the workplace, of religious, philosophical or political belief – Prohibition including words, clothing, or any other means of manifesting those beliefs – Wearing of an item of religious clothing.#Case C-344/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
L.F. vs S.C.R.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal du travail francophone de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ħolqien ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol kwalunkwe manifestazzjoni ta’ twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku – Projbizzjoni li tkopri l-kliem, l-ilbies jew kwalunkwe tip ieħor ta’ manifestazzjoni ta’ dan it-twemmin – Ilbies ta’ ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża.
Kawża C-344/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
L.F. vs S.C.R.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal du travail francophone de Bruxelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ħolqien ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol kwalunkwe manifestazzjoni ta’ twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku – Projbizzjoni li tkopri l-kliem, l-ilbies jew kwalunkwe tip ieħor ta’ manifestazzjoni ta’ dan it-twemmin – Ilbies ta’ ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża.
Kawża C-344/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:774
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ħolqien ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol kwalunkwe manifestazzjoni ta’ twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku – Projbizzjoni li tkopri l-kliem, l-ilbies jew kwalunkwe tip ieħor ta’ manifestazzjoni ta’ dan it-twemmin – Ilbies ta’ ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża”
Fil-Kawża C‑344/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura
L.F.
vs
S.C.R.L.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal L.F., minn V. Van der Plancke, avocate, |
– |
għal S.C.R.L., minn A. Kamp, avocate, u T. Perdieus, advocaat, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Van Hoof, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L. F., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u S.C.R.L., il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li hija kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kiri u fl-operat ta’ akkomodazzjonijiet soċjali, dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kandidatura spontanja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal stage minħabba r-rifjut ta’ din tal-aħħar li tosserva l-projbizzjoni magħmula minn S.C.R.L. għall-impjegati tagħha li juru, b’mod partikolari bl-ilbies, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 2000/78
3 |
Il-premessi 1, 4, 11 u 12 tad-Direttiva 2000/78 jistipulaw:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…] 5. Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.” |
6 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…]” |
7 |
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78: “L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.” |
Id‑dritt Belġjan
8 |
Il-Loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discrimination (il-Liġi tal-10 ta’ Mejju 2007 għall-Ġlieda kontra Ċertu Forom ta’ Diskriminazzjoni (Moniteur belge tat-30 ta’ Mejju 2007, p. 29016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan. |
9 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi: “Din il-liġi għandha l-għan li toħloq, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5, qafas ġenerali sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, is-sitwazzjoni finanzjarja, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, diżabbiltà, karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali.” |
10 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, li jirrigwarda d-definizzjonijiet, jipprovdi: “Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi, għandu jinftiehem: […] 4° kriterji protetti: l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, is-sitwazzjoni finanzjarja, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa preżenti jew futur, diżabbiltà, karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali”. […] 6° distinzjoni diretta: is-sitwazzjoni li sseħħ meta fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji protetti, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli persuna oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli; 7° diskriminazzjoni diretta: distinzjoni diretta, ibbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, […]” |
11 |
L-Artikolu 5(1) tal-istess liġi jipprevedi: “Bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunitajiet jew tar-Reġjuni, din il-liġi tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi korpi pubbliċi […]” |
12 |
Artikolu 7 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni jipprovdi: “Kwalunkwe distinzjoni diretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sakemm dik id-distinzjoni diretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa.” |
13 |
L-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi jipprovdi: “B’deroga mill-Artikolu 7, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-titolu, distinzjoni diretta bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew diżabbiltà fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5(1), (4), (5) u (7) tista’ tkun iġġustifikata biss minn rekwiżiti tax-xogħol essenzjali u determinanti.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 |
Fl-14 ta’ Marzu 2018, fil-kuntest tal-istudji vokazzjonali tagħha fl-awtomatizzazzjoni għall-uffiċċji, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija Musulmana u tilbes il-velu Iżlamiku, bagħtet kandidatura spontanja lil S.C.R.L. sabiex twettaq stage mingħajr ħlas ta’ sitt ġimgħat. |
15 |
Fit-22 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali saritilha intervista mal-maniġers ta’ S.C.R.L., li fi tmiemha dawn tal-aħħar indikaw li kellhom opinjoni pożittiva fir-rigward tal-kandidatura tagħha u staqsewha jekk hija setgħetx taċċetta li tikkonforma ruħha mar-regola ta’ newtralità promossa fi ħdan S.C.R.L. |
16 |
Din ir-regola ta’ newtralità hija stabbilita fl-Artikolu 46 tat-Termini tal-Impjieg ta’ S.C.R.L., li tipprevedi li “l-ħaddiema jintrabtu li jirrispettaw il-politika ta’ newtralità stretta li tipprevali fi ħdan l-impriża” u li huma għandhom “għalhekk jaraw li ma jimmanifestaw bl-ebda mod, la bil-kliem, la bl-ilbies, u lanqas b’mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikun xi jkun dak it-twemmin”. |
17 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkomunikat lill-maniġers ta’ S.C.R.L. li hija tirrifjuta li tneħħi l-velu tagħha u li tikkonforma ruħha mal-imsemmija regola ta’ newtralità. |
18 |
Peress li ma rċeviet ebda tweġiba sussegwenti fuq l-applikazzjoni tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f’April 2018, reġgħet għamlet talba għal stage ma’ S.C.R.L. filwaqt li pproponiet li tilbes tip ieħor ta’ kopertura tar-ras. B’risposta għal din it-talba l-ġdida, S.C.R.L informatha li ma setgħetx tiġi offruta stage peress li l-ebda tip ta’ kopertura tar-ras ma kienet awtorizzata fil-bini tagħha, kemm jekk tkun beritta, kappell jew velu. |
19 |
Fix-xahar ta’ Mejju 2019, wara li indikat diskriminazzjoni quddiem il-korp pubbliku indipendenti kompetenti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u wara skambji ta’ korrispondenza bejn dan il-korp u S.C.R.L., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni. Permezz ta’ din l-azzjoni, hija tilmenta dwar l-assenza ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ stage, li fil-fehma tagħha hija bbażata direttament jew indirettament fuq it-twemmin reliġjuż, u hija intiża sabiex tikseb il-konstatazzjoni ta’ ksur, minn S.C.R.L., b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ġenerali dwar id-Diskriminazzjoni. |
20 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, S.C.R.L. issostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), li t-termini tal-impjieg tagħha ma joħolqux diskriminazzjoni diretta, peress li jittrattaw b’mod identiku lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi jimponuwlhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, fost oħrajn, li jilbsu b’mod newtrali u mhux b’ilbies ta’ simboli viżibbli tat-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li għandha għarfien tal-eżistenza tas-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204), tqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni diretta” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi “tqajjem dubji serji”. Fost l-eżitazzjonijiet li ssemmi din il-qorti, hemm dik tal-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni ċara, minn naħa, bejn is-setgħa ta’ interpretazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tad-dritt għall-fatti tal-kawża li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali kkonċernata. Fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali u mingħajr distinzjoni tar-regola interna li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli fuq il-post tax-xogħol ta’ sinjali politiċi, filosofiċi jew reliġjużi, iżda ma eskludietx li, abbażi ta’ elementi li hija ma kellhiex, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għall-persuna kkonċernata tista’ tkun differenti mill-applikazzjoni tagħha għal kull ħaddiem ieħor. Peress li d-dispożittiv ta’ din is-sentenza ma jirriproduċix din id-differenza sottili, tqum il-kwistjoni dwar jekk għadux jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni għall-qorti nazzjonali jew jekk din tal-aħħar hijiex imċaħħda minn kull possibbiltà li tevalwa in concreto l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet meta tiġi eżaminata n-natura diskriminatorja ta’ regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe sinjal politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol. |
22 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204), kellhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi bħala kriterju wieħed protett it-twemmin reliġjuż, it-twemmin filosofiku u t-twemmin politiku, b’tali mod li ma jkunx hemm lok li ssir distinzjoni bejn dawn il-kriterji. Dan iwassal sabiex l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiġi interpretat fis-sens li r-“reliġjon jew twemmin”, skont dan l-artikolu, huma ż-żewġ aspetti tal-istess u uniku kriterju protett. Issa, kieku r-reliġjon kellha titpoġġa fuq l-istess livell tat-twemmin li ma huwiex reliġjuż, dan inaqqas b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ riċerka tal-persuna ta’ referenza għall-finijiet tal-eżami ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta. Fil-fatt, dan ifisser li, fil-preżenza ta’ regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħaddiem li jinvoka twemmin reliġjuż ma jistax jitqabbel mal-ħaddiem li jħaddan twemmin filosofiku jew twemmin politiku. Tali mistoqsija tqajjem waħda oħra, jiġifieri dik dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti protezzjoni separata lit-twemmin reliġjuż, lit-twemmin filosofiku u lit-twemmin politiku u hija intiża għalhekk sabiex issaħħaħ il-grad ta’ din il-protezzjoni billi timmarka l-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minnhom kif ukoll b’viżibbiltà ikbar tagħhom, tista’ titqies li hija dispożizzjoni nazzjonali “aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti [fid-Direttiva 2000/78]”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva ċertu numru ta’ kriterji fattwali li hija tqis rilevanti sabiex tistabbilixxi jekk differenza fit-trattament tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
24 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “reliġjon jew twemmin” li jinsabu fih jikkostitwixxux raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, dawn il-kelmiet ikoprux raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti. |
25 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiċċita bl-istess mod “reliġjon” u “twemmin”, l-istess bħal-formulazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 19 TFUE, li jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieled kwalunkwe diskriminazzjoni li tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq “reliġjon jew twemmin”, u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jkopri, fost id-diversi raġunijiet ta’ diskriminazzjoni li jiċċita, “reliġjon jew twemmin” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47). |
26 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ aspetti “tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni” (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47). |
27 |
Skont din il-ġurisprudenza, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Karta, ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq “reliġjon jew twemmin” għandha tiġi distinta mir-raġuni bbażata fuq ‘opinjoni politika jew xi opinjoni oħra’ u tkopri għaldaqstant kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47). |
28 |
Fir-rigward tal-espressjoni “ikunu liema jkunu” użata fir-rigward tat-twemmin imsemmi fit-termini tal-impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ggarantita fid-Direttiva 2000/78 tkopri biss ir-raġunijiet li huma msemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din tal-aħħar la tkopri t-twemmin politiku jew sindakali u lanqas it-twemmin jew preferenzi artistiċi, sportivi, estetiċi jew oħrajn. Il-protezzjoni ta’ dan it-twemmin mill-Istati Membri għalhekk ma hijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. |
29 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “reliġjon jew twemmin” li jinsab fih jikkostitwixxi raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni li tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali. |
Dwar it‑tielet domanda
30 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni ta’ termini tal-impjieg ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jimmanifestaw bil-kliem, bl-ilbies jew bi kwalunkwe mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikunu liema jkunu, tikkostitwixxi, fir-rigward tal-ħaddiema li jkollhom l-intenzjoni jeżerċitaw il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħhom permezz ta’ sinjal viżibbli jew ta’ lbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
31 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi biss l-ilbies ta’ sinjali ovvji ta’ daqs kbir partikolarment reliġjużi jew filosofiċi tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, fil-każijiet fejn dan il-kriterju huwa marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew diversi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punti 72 u 73) |
32 |
Madankollu, f’dan il-każ, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna regola li ma tipprojbixxi l-ilbies ta’ sinjali ovvji ta’ daqs kbir, iżda l-ilbies ta’ kull sinjal viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol. |
33 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li hija tirreferi b’mod indifferenti għal kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta bl-istess mod lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, fost oħrajn, newtralità tal-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 30 u 32, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52). |
34 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li kull persuna jista’ jkollha reliġjon jew twemmin reliġjuż, filosofiku jew spiritwali, tali regola, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew ma’ dawn it-twemmin (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52). |
35 |
Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, u li jagħmel parti integrali mill-kuntest rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dan (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 48). Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon stabbilit fl-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni, “jirrapreżenta wieħed mis-sisien tas-‘soċjetà demokratika’ fis-sens [tal-imsemmija] konvenzjoni”, u jikkostitwixxi, “fid-dimensjoni reliġjuża tiegħu, wieħed mill-elementi l-iktar vitali li jikkontribwixxu sabiex tiġi fformata l-identità tat-twemmin u l-perċezzjoni tagħhom tal-ħajja” kif ukoll “xi ħaġa prezzjuża għall-atei, l-anjostiċi, ix-xettiċi jew l-indifferenti”, li tikkontribwixxi għall-“pluraliżmu – mirbuħ matul is-sekli – inerenti għal tali soċjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 15 ta’ Frar 2001, Dahlab vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398). |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma huwiex allegat li S.C.R.L. ma applikatx it-termini tal-impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni jew li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ġiet ittrattata b’mod differenti minn kull ħaddiem ieħor li kien wera r-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tiegħu permezz tal-ilbies viżibbli ta’ sinjali, ta’ ħwejjeġ jew bi kwalunkwe mod ieħor. |
37 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk jiġi stabbilit, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li l-obbligu li jidher newtrali inkluż fiha jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew li għandhom twemmin partikolari (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 34, u tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 59). |
38 |
Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix madankollu diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji. |
39 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu, ir-rieda ta’ persuna li timpjega li turi, fir-relazzjonijiet mal-klijenti kemm pubbliċi kif ukoll privati, politika ta’ newtralità relatata mal-politika, filosofika jew reliġjuża tista’ titqies bħala leġittima. Fil-fatt, ix-xewqa ta’ persuna li timpjega li turi immaġni ta’ newtralità fil-konfront tal-klijenti hija relatata mal-libertà tal-intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, u hija, fil-prinċipju, ta’ natura leġittima, b’mod partikolari meta l-persuna li timpjega, sabiex jintlaħaq dan l-għan, tinvolvi biss il-ħaddiema li huma mistennija jidħlu f’kuntatt mal-klijenti tal-persuna li timpjega (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 63). |
40 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li s-sempliċi rieda ta’ persuna li timpjega li twettaq politika ta’ newtralità, minkejja li tikkostitwixxi, fiha nnifisha, għan leġittimu, ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, peress li n-natura oġġettiva ta’ tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi identifikata biss fil-preżenza ta’ ħtieġa reali ta’ din il-persuna li timpjega, li hija għandha turi (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 64). |
41 |
Din l-interpretazzjoni hija ispirata mix-xewqa li jiġu inkoraġġuti, bħala prinċipju, t-tolleranza u l-osservanza, kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ livell ikbar ta’ diversità u li jiġi evitat abbuż mill-istabbiliment ta’ politika ta’ newtralità fi ħdan l-impriża għad-detriment ta’ ħaddiema li josservaw regoli ta’ kondotta reliġjuża li jimponu li jintlibes ċertu lbies. |
42 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tat-termini tal-impjieg ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli juru bil-kliem, bl-ilbies jew bi kwalunkwe mod ieħor, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tagħhom, irrispettivament minn liema jkunu, ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu jixtiequ jeżerċitaw il-libertà tar-reliġjon u tal-kuxjenza tagħhom billi jilbsu sinjal jew ilbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm din id-dispożizzjoni tkun applikata b’mod ġenerali u bla distinzjoni. |
Dwar it-tieni domanda
43 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, li huma interpretati fis-sens li t-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku jikkostitwixxu tliet motivi ta’ diskriminazzjoni distinti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha. |
44 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, minn naħa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ggarantita fid-Direttiva 2000/78 tkopri biss ir-raġunijiet imsemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-imsemmija direttiva ma tkoprix it-twemmin politiku kopert mill-imsemmija domanda. |
45 |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, il-kelmiet “reliġjon jew twemmin” li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni li tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali. |
46 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża, essenzjalment, sabiex tiċċara l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti fid-Direttiva 2000/78, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. |
47 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 90). |
48 |
Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-konċiljazzjoni tad-drittijiet u tal-interessi kkonċernati, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni li huma jagħtu, fi ħdanhom, lir-reliġjon jew lit-twemmin. Il-marġni ta’ evalwazzjoni hekk mogħti lill-Istati Membri fl-assenza ta’ konsensus fuq il-livell tal-Unjoni għandu madankollu jimxi id f’id mal-istħarriġ, impost fuq il-qorti tal-Unjoni, li jikkonsisti b’mod partikolari f’li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali humiex iġġustifikati bħala prinċipju u jekk dawn humiex proporzjonati (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-qafas hekk maħluq juri li, fid-Direttiva 2000/78, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx huwa stess il-konċiljazzjoni neċessarja bejn il-libertà tal-ħsieb, tat-twemmin u tar-reliġjon u l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, iżda ħalla l-kompitu li jagħmlu din il-konċiljazzjoni lill-Istati Membri u lill-qrati tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva 2000/78 tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest rispettiv ta’ kull Stat Membru u li kull wieħed minnhom jingħata marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-konċiljazzjoni neċessarja tad-diversi drittijiet u interessi ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn tal-aħħar (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 88). |
51 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-eżami tan-natura neċessarja ta’ projbizzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma l-qrati nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess ikkonċernat, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi involuti u jillimitaw ir-restrizzjonijiet “fuq il-libertajiet inkwistjoni għal dak li huwa strettament neċessarju” (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludix li qorti nazzjonali tagħti, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti, importanza ikbar lil dawk tar-reliġjon jew tat-twemmin milli lil dawk li jirriżultaw, b’mod partikolari, mil-libertà tal-intrapriża, sakemm dan jirriżulta mid-dritt intern tagħha. F’każ bħal dan, il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon tista’ għalhekk tingħata protezzjoni ikbar minn libertajiet oħra, bħal-libertà tal-impriża mogħtija fl-Artikolu 16 tal-Karta, peress li din il-protezzjoni tipproduċi l-effetti tagħha fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. |
53 |
Għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżaminati f’din il-kawża. Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-effett li jittrattaw lir-“reliġjon” u lit-“twemmin” bħala raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti. |
54 |
Issa, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri ma jistax jasal sal-punt li jippermetti lil dawn tal-aħħar jew lill-qrati nazzjonali jaqsmu, f’diversi raġunijiet, wieħed mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, taħt piena li jiġi kkontestat it-test, il-kuntest u l-iskop ta’ din ir-raġuni u li jiġi ppreġudikat l-effett utli tal-qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol implimentat minn din id-direttiva. |
55 |
Fil-fatt, peress li r-raġuni ta’ diskriminazzjoni li jikkostitwixxu r-“reliġjon jew twemmin” tkopri lill-ħaddiema kollha bl-istess mod, approċċ segmentat ta’ din ir-raġuni, skont l-għan imfittex mir-regola kkonċernata, jkollu l-konsegwenza li joħloq sottogruppi ta’ ħaddiema u b’hekk jippreġudika l-qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol stabbilit mid-Direttiva 2000/78. |
56 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li hija tista’, skont il-każ, twassal għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż peress li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xejn ma jidher li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati b’mod li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah, it-twemmin filosofiku u spiritwali jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni bħar-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż. |
57 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-argument espost mill-qorti tar-rinviju, li l-eżistenza ta’ kriterju uniku, li jinkludi t-twemmin reliġjuż u filosofiku, jkollha l-effett li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq dawn ir-raġunijiet, sa fejn tostakola l-paraguni bejn ħaddiema li jħaddnu twemmin reliġjuż u twemmin filosofiku rispettivament, għandu jiġi ppreċiżat dan li ġej. |
58 |
Minn naħa, hekk kif irrilevat din il-qorti, il-problema ta’ tali komparabbiltà hija rilevanti biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta. Issa, il-preżenza ta’ diskriminazzjoni diretta hija eskluża f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, hekk kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. |
59 |
Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tippreċiża li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista mid-Direttiva 2000/78 ma hijiex limitata biss għad-differenzi fit-trattament li jeżistu bejn persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew twemmin partikolari u dawk li ma jaderixxux ma’ reliġjon jew twemmin partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 49). Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ kriterju uniku, li jinkludi r-reliġjon u t-twemmin, ma tipprekludix il-paraguni bejn il-ħaddiema li jħaddnu twemmin reliġjuż u dawk li jħaddnu twemmin ieħor, u lanqas dawk bejn ħaddiema li jħaddnu konvinzjonijiet reliġjużi differenti. |
60 |
L-għan imfittex mid-Direttiva 2000/78 jimmilita barra minn hekk favur interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva fis-sens li din ma tillimitax iċ-ċirku tal-persuni li fir-rigward tagħhom jista’ jsir paragun bl-għan li tiġi identifikata diskriminazzjoni “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, għal dawk li ma jaderixxux ma’ reliġjon partikolari jew ma’ twemmin partikolari (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 50). |
61 |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, li tiġġieled kontra l-forom ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny imr. J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 34), fejn hu mifhum li diskriminazzjoni “ibbażata fuq” ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma tistax tiġi kkonstatata ħlief meta it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari inkwistjoni jkun subit minħabba r-reliġjon jew it-twemmin (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handels, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 49). |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, li huma interpretati fis-sens li t-twemmin reliġjuż u t-twemmin filosofiku jikkostitwixxu żewġ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti [fl-imsemmija direttiva]”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.