EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0338

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
D.P.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent reċiproku – Sanzjonijiet pekunjarji – Deċiżjoni kwadru 2005/214/ĠAI – Raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 20(3) – Deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Notifika tad-dokumenti f’lingwa mhux mifhuma mill-persuna kkundannata – Traduzzjoni tal-elementi essenzjali tad-deċiżjoni.
Kawża C-338/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:805

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent reċiproku – Sanzjonijiet pekunjarji – Deċiżjoni kwadru 2005/214/ĠAI – Raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 20(3) – Deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Notifika tad-dokumenti f’lingwa mhux mifhuma mill-persuna kkundannata – Traduzzjoni tal-elementi essenzjali tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑338/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź, iċ-ċentru tal-Belt ta’ Łódź, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ piena pekunjarja imposta fuq

D.P.,

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Rejonowa Łódź-Bałuty,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Prokuratura Rejonowa Łódź-Bałuty, minn J. Szubert, Prokurator Regionalny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u P. Huurnink kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Rynkowski u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 256), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kwadru 2005/214”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mis-Centraal Justitieel Incassobureau, Ministerie van Veiligheid en Justitie (CJIB) (l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Rkupru Ġudizzjarju, il-Ministeru tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (CJIB), il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jikseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ sanzjoni pekunjarja imposta fuq D.P. fil-Pajjiżi l-Baxxi minħabba ksur tar-regoli li jirregolaw it-traffiku fit-triq.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214 jistabbilixxu:

“(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni [Ewropea].

(2)

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

(a)

‘deċiżjoni’ tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

[…]

(ii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ reat kriminali skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

(iii)

awtorità ta’ l-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali;

[…];

(b)

‘penali finanzjarja’ tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

(i)

somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kwadru, intitolat “Drittijiet fondamentali”, jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].”

6

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kwadru, intitolat “Trasmissjoni ta’ deċiżjonijiet u rikors għall-awtorità ċentrali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.”

7

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, intitolat “L-ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

[…]”

8

L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, huwa fformulat kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

9

L-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kwadru msemmija, intitolat “Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ esekuzzjoni”, jipprovdi:

“[…]

2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:

[…]

g)

skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna konċernata, fil-każ ta’ proċedura bil-miktub, ma kinitx, skond il-liġi tal-Istat emittenti, infurmata personalment jew permezz ta’ rappreżentant, kompetenti skond il-liġi nazzjonali, bid-dritt tagħha li tikkontesta l-każ u bil-limiti ta’ żmien għal tali rimedju legali;

[…]

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(c), (g), (i) u (j), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz adatt, u għandha, fejn ikun opportun, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

10

Skont l-Artikolu 20(3) tal-istess deċiżjoni kwadru:

“Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.”

Id-dritt Pollakk

11

L-Artikolu 611ff(1) tal-Kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Meta Stat Membru tal-Unjoni, imsejjaħ f’dan il-kapitolu bħala l-‘Istat emittenti’ jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali li timponi penali finanzjarji, il-qorti distrettwali li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-awtur tal-ksur għandu beni jew dħul, jew ir-residenza permanenti jew temporanja tiegħu għandha timplimenta dik id-deċiżjoni. […]”

12

Il-punt 9 tal-Artikolu 611fg(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jippermetti lill-qrati Pollakki li jirrifjutaw li jeżegwixxu deċiżjoni ġudizzjarja meta mill-kliem ta’ ċertifikat jirriżulta li l-persuna kkonċernata minn din id-deċiżjoni ma ġietx informata debitament bil-possibbiltà u bid-dritt tagħha li tappella mid-deċiżjoni msemmija.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

13

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-CJIB huwa l-organu amministrattiv ċentrali responsabbli mill-irkupru ta’ krediti abbażi ta’ multi fil-qasam kriminali minħabba atti mwettqa fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

14

Il-multa fil-qasam kriminali imposta miċ-CJIB tista’ tiġi appellata quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ L, fi żmien sitt ġimgħat.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Fil‑21 ta’ Jannar 2020, iċ-CJIB adixxa lill-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź, iċ-ċentru tal-Belt ta’ Łódź, il-Polonja), b’talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tat‑22 ta’ Lulju 2019, li saret definittiva fit‑2 ta’ Settembru 2019, li imponiet fuq D.P., residenti fil-Polonja, multa ta’ EUR 210 minħabba ksur tar-regoli li jirregolaw l-użu tat-triq, jiġifieri s-sewqan ta’ vettura li żewġ tajers tagħha ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa, imwettaq fil‑11 ta’ Lulju 2019.

16

B’risposta għal talba għal informazzjoni indirizzata minn din il-qorti liċ-CJIB, dan tal-aħħar indika li d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2019 ma kinitx ġiet innotifikata lid-destinatarju tagħha bit-traduzzjoni tagħha bil-lingwa Pollakka. Huwa żied li din id-deċiżjoni kienet ġiet redatta bil-lingwa Olandiża u li kienet akkumpanjata minn spjegazzjonijiet supplimentari bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, kif ukoll minn riferiment għas-sit internet www.cjib.nl, li fih kienet tidher informazzjoni bil-lingwa Pollakka dwar, fost oħrajn, il-mod kif il-persuna kkonċernata tista’ tħallas il-multa, tippreżenta rikors kontriha u tikkuntattja liċ-CJIB sabiex tagħmel mistoqsijiet jew tikseb spjegazzjonijiet addizzjonali.

17

Waqt seduta quddiem il-qorti tar-rinviju, D.P. spjega li, madwar il-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2019, huwa rċieva ittra mill-Pajjiżi l-Baxxi li ma kinitx tinkludi traduzzjoni bil-lingwa Pollakka, b’tali mod li, peress li ma kienx jifhem il-kontenut tagħha, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jirrispondi għal din l-ittra.

18

Filwaqt li tirrikonoxxi li d-Deċiżjoni kwadru 2005/214 ma fiha ebda dispożizzjoni li minnha jirriżulta espressament li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja għandu jiġi nnotifikat bit-traduzzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li, bħal fil-każ tan-notifiki dwar ksur li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU 2015, L 68, p. 9), u tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1), kull deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja, fis-sens tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkundannata f’lingwa li din tifhem sabiex din tkun f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet ta’ difiża tagħha u sabiex jiġi żgurat id-dritt għal smigħ xieraq.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vizgirda vs Is-Slovenja (CE:ECHR:2018:0828JUD 005986808) u tal‑21 ta’ Frar 1984, Öztürk vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1984:1023JUD000854479), li minnhom jirriżulta li, minn naħa, id-dritt li tinkiseb it-traduzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja u tal-informazzjoni dwar il-possibbiltà li jitressaq appell jifforma parti mill-element essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet żgurati fl-Artikolu 6 tal-KEDB japplikaw ukoll fil-kawżi ta’gravità baxxa, anki dawk relatati ma’ kontravvenzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess qieset, fis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Sleutjes (C‑278/16, EU:C:2017:757), li l-obbligu ta’ traduzzjoni japplika anki fil-kawżi li jikkonċernaw reati minuri.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź, iċ-ċentru tal-Belt ta’ Łódź) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-notifika lill-persuna kkundannata ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja mingħajr ma tiġi pprovduta t-traduzzjoni tagħha f’lingwa li tinftiehem mill-persuna li lilha hija indirizzata tagħti dritt lill-awtorità tal-Istat responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tiċħad l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Qafas [2005/214] minħabba ksur tad-dritt għal smigħ xieraq?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li timponi sanzjoni pekunjarja, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lid-destinatarju tagħha mingħajr ma tkun akkumpanjata minn traduzzjoni tagħha f’lingwa li jifhem.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 6 kif ukoll mill-premessi 1 u 2 tagħha, id-Deċiżjoni kwadru 2005/214 għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu effettiv għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjonijiet li jimponu b’mod definittiv sanzjoni pekunjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika b’riżultat tat-twettiq ta’ wieħed mill-ksur elenkati fl-Artikolu 5 tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fil-fatt, id-Deċiżjoni kwadru 2005/214 hija intiża, mingħajr ma tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar id-dritt kriminali, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji fi ħdan dawn l-Istati bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 49).

24

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, jimplika, skont l-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri huma bħala prinċipju marbuta li jirrikonoxxu deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja li tkun ġiet trażmessa konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra, u li mingħajr dewmien jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha, filwaqt li r-raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tali raġunijiet għal rifjut, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214 jelenka espliċitament, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

26

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, din ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE, u din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni kwadru jipprevedi wkoll li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja jistgħu jiġu rrifjutati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’każ ta’ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-prinċipji legali fundamentali, iddefiniti mill-Artikolu 6 TUE (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 37).

27

B’hekk, meta ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, flimkien mad-deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja, jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali ddefiniti fl-Artikolu 6 TUE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu tali deċiżjoni meta teżisti waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) u (2) tad-Deċiżjoni kwadru kif ukoll skont l-Artikolu 20(3) tagħha (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fost dawn id-drittijiet fundamentali hemm, minn naħa, id-dritt għal smigħ xieraq, li jifforma parti integrali mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża, stabbiliti, rispettivament, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, skont l-ispjegazzjonijiet dwar din tal-aħħar (ĠU 2007, C 303, p. 17), jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB.

29

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kontravenzjoni għar-regoli tat-triq tikkostitwixxi “reat kriminali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 86 sa 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) ta’ din tal-aħħar, il-proċedura dwar sanzjoni pekunjarja imposta għal tali ksur, inkluż l-istadju qabel il-fażi tas-sentenza, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Falk vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2004:1019DEC006627301, u tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Dvorski vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2015:1020JUD 0025, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għalhekk, id-destinatarji ta’ deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214 huma ġġustifikati li jinvokaw id-drittijiet fundamentali stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom, konsegwentement, jiżguraw ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet.

31

Għaldaqstant, għandhom jiġu ddeterminati l-obbligi ta’ traduzzjoni eventwali imposti fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti skont dawn id-dispożizzjonijiet, waqt in-notifika ta’ tali deċiżjoni.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni kwadru 2005/214 ma tipprevedix il-mod konkret kif id-destinatarju ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li timponilu sanzjoni pekunjarja għal ksur tar-regoli tat-triq għandu jiġi informat biha. Fil-fatt, l-Artikolu 7(2)(g) tal-imsemmija deċiżjoni kwadru sempliċement jindika li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi tali deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li, skont iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni kwadru, dan id-destinatarju, fil-każ ta’ proċedura bil-miktub, ma jkunx ġie informat, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, personalment jew minn rappreżentant, kompetenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bid-dritt tiegħu li jippreżenta appell u bit-terminu sabiex jagħmel dan.

33

Għalhekk, billi għamel riferiment għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lil dawn tal-aħħar jiddeċiedu dwar il-mod kif il-persuna kkonċernata għandha tiġi informata bid-dritt tagħha li tippreżenta appell, bit-terminu sabiex tagħmel dan kif ukoll dwar il-mument meta tali terminu jibda jiddekorri, ġaladarba n-notifika tkun effettiva u l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jkunu żgurati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi mhux biss il-garanzija ta’ riċezzjoni reali u effettiva tad-deċiżjonijiet, jiġifieri n-notifika tagħhom lid-destinatarju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), iżda wkoll li tali notifika tippermettilhom li jkunu jafu b’mod preċiż ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħhom, kif ukoll ir-rimedji kontra tali deċiżjoni u t-terminu mogħti għal dan il-għan, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jiddefendu d-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u li jiddeċiedu b’għarfien sħiħ jekk ikunx utli li jikkontestaw id-deċiżjoni msemmija quddiem qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(3) tal-KEDB, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tinvolvi d-dritt tal-persuna kkonċernata li tkun informata, fl-iqsar terminu ta’ żmien, “b’lingwa li jifhem” u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi lill-akkużat id-dritt li jkun informat mhux biss bil-kawża tal-akkuża, jiġifieri bil-fatti materjali li huma invokati kontrih u li fuqhom hija bbażata l-akkuża, iżda wkoll bil-kwalifika ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti, u dan b’mod iddettaljat, peress li informazzjoni preċiża u kompleta tal-akkużi li jkollu l-akkużat, u għalhekk il-kwalifika ġuridika li l-qorti tista’ tagħti lill-fatti allegati kontrih, hija kundizzjoni essenzjali tal-proċedura ekwa tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB tal‑25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza, CE:ECHR:1999:0325JUD 002544494, punti 51 u 52).

37

Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 6(3) tal-KEDB ma jipprevedix l-obbligu li tiġi pprovduta lill-akkużat barrani traduzzjoni bil-miktub ta’ kull prova dokumentarja jew dokument uffiċjali tal-proċess, din id-dispożizzjoni madankollu timponi li n-notifika tal-“akkuża” lil din il-persuna tkun is-suġġett ta’ attenzjoni estrema. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-att ta’ akkuża għandu rwol determinanti fil-proċeduri kriminali, peress li, min-notifika tiegħu, l-akkużat ikun avżat uffiċjalment bil-miktub dwar il-bażi legali u fattwali tal-fatti li bihom huwa akkużat. Minn dan jirriżulta li persuna akkużata li għaliha l-lingwa użata mill-qorti ma hijiex familjari tista’ fil-prattika tkun żvantaġġata jekk ma tingħatax ukoll traduzzjoni tal-att ta’ akkuża, stabbilita fi kliem li hija tifhem (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vizgirda vs Is‑Slovenja, CE:ECHR:2018:0828JUD 005986808, punti 75 sa 78).

38

Barra minn hekk, il-verifika, mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-konoxxenzi lingwistiċi ta’ akkużat li ma għandux għarfien suffiċjenti tal-lingwa tal-proċedura, sabiex jiġu stabbiliti l-bżonnijiet ta’ assistenza lingwistika ta’ dan tal-aħħar, għandha ssir skont elementi differenti, bħan-natura tal-ksur u l-komunikazzjonijiet indirizzati lill-akkużat mill-awtoritajiet interni, peress li sensiela ta’ mistoqsijiet miftuħa jistgħu jkunu biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti l-imsemmija bżonnijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Awwissu 2018, Vizgirda vs Is‑Slovenja, CE:ECHR:2018:0828JUD 005986808, punt 84).

39

Mill-punti 34 sa 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-osservanza tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża timponi fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimponu sanzjoni pekunjarja, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, li jiżguraw li, waqt in-notifika tad-deċiżjoni li jkun fiha din is-sanzjoni, il-persuna kkonċernata tkun informata, f’lingwa li tifhem, bl-elementi tal-imsemmija deċiżjoni li huma essenzjali sabiex din tkun tista’ tifhem dak li hija akkużata bih u li tkun f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha, jew bil-possibbiltà li tikseb traduzzjoni ta’ dawn l-elementi f’każ ta’ bżonn. L-imsemmija elementi jinkludu b’mod partikolari l-fatti li huma l-bażi tad-deċiżjoni nnotifikata, il-ksur ikkonstatat, is-sanzjoni imposta, ir-rimedji kontra din id-deċiżjoni, it-terminu previst għal dan il-għan u l-identifikazzjoni tal-korp li quddiemu għandu jiġi ppreżentat ir-rikors. Fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tinvoka n-neċessità ta’ traduzzjoni, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti li għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li din issir malajr kemm jista’ jkun.

40

Konsegwentement, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’, abbażi tal-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, tipprekludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li timponi sanzjoni pekunjarja fuq id-destinatarju tagħha meta din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lilu mingħajr ma tkun akkumpanjata mit-traduzzjoni tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti f’lingwa li jifhem u mingħajr ma tagħtih, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li jikseb tali traduzzjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, hija din l-awtorità li għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tal-ksur, tal-komunikazzjonijiet indirizzati lill-imsemmi destinatarju mill-awtoritajiet nazzjonali u taċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni nnotifikata, jekk dan id-destinatarju jifhimx il-lingwa li biha din tal-aħħar ġiet innotifikata lilu.

42

Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Min-naħa l-oħra, kif irrilevat, ġustament il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, qabel ma tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214, l-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija obbligata li titlob l-informazzjoni kollha neċessarja mill-awtorità emittenti, skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, u l-awtorità emittenti hija obbligata li tikkomunikalha l-informazzjoni kollha neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 4445 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni kwadru 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li timponi sanzjoni pekunjarja għal ksur tar-regoli tat-triq, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lid-destinatarju tagħha mingħajr ma tkun akkumpanjata bit-traduzzjoni, f’lingwa li jifhem, tal-elementi tad-deċiżjoni li huma essenzjali sabiex dan ikun jista’ jifhem dak li huwa invokat kontrih u jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod sħiħ, u mingħajr ma dan ikun ingħata l-possibbiltà li jikseb tali traduzzjoni fuq talba tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li timponi sanzjoni pekunjarja, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lid-destinatarju tagħha mingħajr ma tkun akkumpanjata bit-traduzzjoni, f’lingwa li jifhem, tal-elementi tad-deċiżjoni li huma essenzjali sabiex dan ikun jista’ jifhem dak li huwa invokat kontrih u jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod sħiħ, u mingħajr ma dan ikun ingħata l-possibbiltà li jikseb tali traduzzjoni fuq talba tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top