EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0337

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
DM u LR vs Caisse régionale de Crédit agricole mutuel (CRCAM) - Alpes-Provence.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikoli 58 u 60 – Utent ta’ servizzi ta’ ħlas – Komunikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għal dawn l-istess tranżazzjonijiet – Azzjoni għad-danni mressqa mill-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas.
Kawża C-337/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:671

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikoli 58 u 60 – Utent ta’ servizzi ta’ ħlas – Komunikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati – Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għal dawn l-istess tranżazzjonijiet – Azzjoni għad-danni mressqa mill-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas”

Fil-Kawża C‑337/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

DM,

LR

vs

Caisse régionale de Crédit agricole mutuel (CRCAM) – Alpes-Provence,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Franċiż, minn N. Vincent u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Očková, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d‑Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id‑Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, DM, bħala amministratur tal-kumpannija Groupe centrale automobiles (iktar ’il quddiem il-“kumpannija GCA”), u LR, bħala garanti in solidum ta’ din il-kumpannija, mal-Caisse régionale de Crédit agricole mutuel d’Alpes-Provence (iktar ’il quddiem iċ-“CRCAM”) dwar it-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà kuntrattwali tagħha taħt id-dritt ordinarju minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ viġilanza tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 1 tad-Direttiva 2007/64 kienet tgħid dan li ġej:

“Huwa essenzjali għall-istabbiliment tas-suq intern li l-fruntieri interni kollha [fl-Unjoni Ewropea] jitneħħew sabiex jippermetti l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital. Għaldaqstant, it-tħaddim tajjeb ta’ suq uniku fis-servizzi ta’ ħlas hu vitali. Bħalissa, madankollu, in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam ixekkel it-tħaddim ta’ dak is-suq.”

4

Skont il-kliem tal-premessa 4 ta’ din id-direttiva:

“Huwa vitali, għalhekk, li jkun stabbilit fuq livell Komunitarju qafas legali modern u koerenti għas-servizzi ta’ ħlas, kemm jekk is-servizzi huma kompatibbli mas-sistema li tirriżulta mill-inizjattiva tas-settur finanzjarju għal żona unika tal-ħlas bl-euro, kif ukoll jekk le, li hu newtrali sabiex jiġi żgurat livell ta’ kundizzjonijiet indaqs għas-sistemi kollha tal-ħlas, sabiex tinżamm l-għażla għall-konsumatur, li għandu jfisser pass konsiderevoli ‘l quddiem rigward l-ispejjeż, is-sigurtà u l-effiċjenza għall-konsumatur, meta mqabbel mas-sistemi nazzjonali preżenti.”

5

Il-premessa 31 tal-imsemmija direttiva kienet ifformulata kif ġej:

“Sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas kemm jista’ jkun malajr dwar kwalunkwe kontestazzjoni li tikkonċerna transazzjonijiet ta’ ħlas allegatament mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament dment li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun issodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni tiegħu taħt ta’ din id-Direttiva. Jekk l-iskadenza ta’ notifika [komunikazzjoni] tiġi rispettata mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, huwa għandu jkun jista’ jkompli dawk il-pretensjonijiet fil-perijodi ta’ preskrizzjoni skond il-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa pretensjonijiet oħrajn bejn l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas.”

6

Il-premessa 47 tal-istess direttiva kienet tgħid dan li ġej:

“Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jassumi responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-ħlas korrett, inkluż, b’mod partikolari, l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta’ ħlas u l-ħin ta’ l-eżekuzzjoni, u responsabbiltà sħiħa għal kwalunkwe nuqqas minn partijiet oħra fil-katina tal-ħlas sa l-kont ta’ min jitħallas. Bħala riżultat ta’ dik ir-responsabbiltà l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu, fejn l-ammont sħiħ mhuwiex ikkreditat lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, jikkoreġi t-transazzjoni ta’ ħlas jew mingħajr dewmien bla bżonn iħallas lura lil min iħallas l-ammont rilevanti ta’ dik it-transazzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pretensjoni li tista’ ssir skond il-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva għandha tikkonċerna biss obbligi u responsabbiltajiet kuntrattwali bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu. […]”

7

Skont il-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2007/64:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw kundizzjonijiet ta’ trasparenza, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, f’relazzjoni ma’ l-għoti ta’ servizzi ta’ ħlas bħala xogħol regolari jew attività tan-negozju.”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi ta’ ħlas ipprovduti [fl-Unjoni]. Madankollu, ħlief għall-Artikolu 73, it-Titoli III u IV għandhom japplikaw biss, fejn kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, jew il-fornitur uniku ta’ servizzi tal-ħlas fit-transazzjoni ta’ ħlas, jinsabu [fl-Unjoni].

2.   It-Titoli III u IV ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għas-servizzi ta’ ħlas li jsiru bl-euro jew f’valuta uffiċjali ta’ Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha, jew ta’ parti mid-dispożizzjonijiet, ta’ din id-Direttiva għal l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, tad-Direttiva 2006/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1)], ħlief għal dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż ta’ dak l-Artikolu.”

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

7)

‘min iħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni għal ħlas;

8)

‘min jitħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ transazzjoni ta’ ħlas;

[…]

10)

‘utent ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn;

[…]”

10

L-Artikolu 51(1) tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Fejn l-utent ta’ sevizzi [servizzi] tal-ħlas ma jkunx konsumatur, il-partijiet jistgħu jiftiehmu li l-Artikoli 52(1), l-Artikolu 54(3), u l-Artikoli 59, 61, 62, 63, 66 u 75 ma għandhomx japplikaw għal kollox jew parzjalment. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu wkoll dwar perijodu ta’ żmien differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 58.”

11

Skont il-kliem tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64:

“L-utent ta’ sevizzi [servizzi] tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas biss jekk jinnotifika [jikkomunika] lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni, inkluża dik taħt l-Artikolu 75, u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta’ ħlas skond it-Titolu III.”

12

L-Artikolu 59(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta’ sevizzi [servizzi] tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor.”

[…]”

13

L-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.

2.   Jista’ jiġi stabbilit aktar kumpens finanzjarju skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu.”

14

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tal-istess direttiva kienu jipprevedu:

“1. Fejn ordni tal-ħlas tinbeda minn min iħallas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, l-Artikolu 74(2) u (3) u l-Artikolu 78, ikun responsabbli lejn min iħallas għall-eżekuzzjoni korrett tat-transazzjoni ta’ ħlas, ħlief jekk jista’ jagħti prova lil min iħallas u, fejn rilevanti, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas irċieva l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas skond l-Artikolu 69(1), f’liema każ, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas għandu jkun responsabbli lejn min jitħallas għall-eżekuzzjoni korrett tat-transazzjoni ta’ ħlas.

Fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun responsabbli taħt l-ewwel sub-paragrafu, hu għandu mingħajr dewmien bla bżonn iħallas lura lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux eżegwita jew difettuża u, fejn applikabbli, ireġġa’ lura l-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku t-transazzjoni ta’ ħlas difettuża ma seħħitx.”

15

Skont il-kliem tal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 30(2), 33, 34(2), 45(6), 47(3), 48(3), 51(2), 52(3), 53(2), 61(3), 72 u 88 safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

16

Id-Direttiva 2007/64 ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).

17

L-Artikolu 71(1), l-Artikolu 73(1), l-Artikolu 89(1) u l-Artikolu 107(1) tad-Direttiva 2015/2366 jikkorrispondu, rispettivament u sostanzjalment, għall‑-Artikolu 58, għall-Artikolu 60, għall-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 75(1) u għall-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2007/64.

Id-dritt Franċiż

18

Il-code monétaire et financier, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-ordonnance no 2009‑866, du 15 juillet 2009, relative aux conditions régissant la fourniture de services de paiement et portant création des établissements de paiement (id-Digriet Nru 2009‑866 tal‑15 ta’ Lulju 2009 dwar il-Kundizzjonijiet li Jirregolaw il-Fornitura ta’ Servizzi ta’ Ħlas u li Twassal għall-Ħolqien tal-Istituzzjonijiet ta’ Ħlas) (JORF tas‑16 ta’ Lulju 2009, test Nru 13) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Monetarju u Finanzjarju”), jgħid fl-Artikolu L. 133‑18:

“Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata indikata mill-utent taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 133‑24, il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jirrimborsa immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-tranżazzjoni mhux awtorizzata u, jekk ikun il-każ, jerġa’ jistabbilixxi l-kont addebitat fl-istat fejn kien ikun kieku t-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata ma kinitx seħħet.

Min iħallas u l-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas tiegħi jistgħu jiddeċiedu kuntrattwalment fuq kumpens komplementari.”

19

L-Artikolu L. 133‑24 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju huwa fformulat kif ġej:

“L-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jindika, mingħajr dewmien, lill-fornitur tas‑servizzi ta’ ħlas tiegħu tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew imwettqa ħażin u sa mhux iktar tard minn tlettax-il xahar wara d-data tad-debitu taħt piena ta’ dekadenza sakemm il-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ma jkunx ipprovdielu jew ġab għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni dwar din it-tranżazzjoni ta’ ħlas skont il-Kapitolu IV tat-Titolu 1 tal-Ktieb III.

Ħlief fil-każijiet fejn l-utent ikun persuna fiżika li taġixxi għal bżonnijiet mhux professjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.”

20

Skont il-kliem tal-Artikolu 1147 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni applikabbli tagħha fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

“Id-debitur għandu jiġi kkundannat, jekk ikun il-każ, għall-ħlas ta’ danni, kemm minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu, jew minħabba d-dewmien fit-twettiq, kull darba li ma jiġġustifikax li n-nuqqas ta’ twettiq seħħ minħabba raġuni barranija li ma tkunx tista’ tiġi attribwita lilu, anki jekk ma jkunx hemm mala fide min-naħa tiegħu.”

21

L-Artikolu 2313 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“Il-garanti jista’ jinvoka kontra l-kreditur l-eċċezzjonijiet kollha li jista’ jressaq id-debitur prinċipali, u li jkunu inerenti għad-dejn;

Iżda ma jistax jinvoka dawk l-eċċezzjonijiet li jkunu għalkollox personali għad‑debitur.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fit‑22 ta’ Diċembru 2008, iċ-CRCAM ippermetta lill-kumpannija GCA faċilità ta’ kreditu fuq kont kurrenti, iggarantita bil-garanzija in solidum ta’ LR.

23

Wara li tterminat din il-faċilità ta’ kreditu, iċ-CRCAM ħarrket lil LR, bħala garanti, għall-ħlas. Huwa sostna li, billi għamlet trasferimenti favur terzi mingħajr awtorizzazzjoni min-naħa tal-kumpannija GCA, iċ-CRCAM kienet wettqet żball u li l-ammont ta’ dawn it-trasferimenti kellu jitnaqqas mis-somom li ntalbu mingħandhom.

24

Billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu L. 133-24 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, il‑cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence, Franza) qieset li l-kontestazzjonijiet ta’ LR kienu inammissibbli, peress li huwa naqas milli josserva t-terminu ta’ tlettax-il xahar, previst għal dan il-għan minn din id-dispożizzjoni, u li d-dekadenza kienet għalhekk inkorriet fir-rigward tal-imsemmija kontestazzjonijiet.

25

Fl-appell imressaq quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), LR jirrileva li, skont l-Artikolu L. 133-24 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, huwa prekluż milli jikkontesta l-imsemmija trasferimenti, peress li ma osservax it-terminu ta’ tlettax-il xahar previst f’dan ir-rigward.

26

Madankollu, huwa jsostni li r-rimbors immedjat tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati indikati mill-utent ta’ servizz ta’ ħlas lil bank, previst fl-Artikolu L. 133-18 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, ma jipprekludix li r-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt ordinarju tiġi invokata fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ viġilanza tiegħu.

27

Issa, skont huwa, it-trasferimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali mwettqa miċ-CRCAM mingħajr l‑awtorizzazzjoni tal-kumpannija GCA jikkostitwixxu nuqqas kuntrattwali li għandu jiġi kkumpensat abbażi tal-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili, peress li l-eċċezzjoni li qiegħda tqajjem b’dan il-mod ma hijiex personali għal din il-kumpannija, iżda tikkonċernaha wkoll direttament.

28

LR iqis li l-cour d’appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix-en-Provence), b’mod partikolari, kisret l-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili, billi ddeċidiet li l-kontestazzjonijiet tagħha tal-ammonti, suġġetti tat-trasferimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu inammissibbli, minħabba dekadenza, għaliex il-funzjonament tal-kont inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju.

29

Huwa f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi, għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament, sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li teskludi kwalunkwe azzjoni għal responsabbiltà ċivili ta’ dritt nazzjonali bbażata, fir-rigward tal-istess fatti, fuq nuqqas minn dan il-fornitur li jikkonforma ruħu mal-obbligi imposti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari fil-każ li l-utent ta’ servizz ta’ ħlas ma jkunx, fi żmien tlettax‑il xahar mid-debitu, informa lill-fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li tranżazzjoni ta’ ħlas ma kinitx ġiet awtorizzata jew ġiet eżegwita skorrettament?

2)

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-istess Artikolu jipprekludi l-garanti tal-utent tas-servizz ta’ ħlas milli jinvoka, fir‑rigward tal-istess fatti, ir-responsabbiltà ċivili tad-dritt nazzjonali tal‑fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, benefiċjarju tal-garanzija, sabiex jikkontesta l‑ammont tad-dejn iggarantit?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 58 u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jinvoka r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi abbażi ta’ sistema ta’ responsabbiltà differenti minn dik prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet meta dan l-utent ikun naqas mill-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni previst fl-imsemmi Artikolu 58.

31

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tkun parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

32

Fl-ewwel lok, fir-rigward, minn naħa, tal-kliem tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 60 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas f’każ ta’ telf għal transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati”, għandu jiġi kkonstatat li dan jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, bla ħsara għall-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, li, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi tal-ħlas jirrimborsa immedjatament lil min iħallas l-ammont ta’ din it-tranżazzjoni u, jekk ikun il-każ, li jirristabbilixxi l-kont addebitat fl-istat li kien jinsab kieku t-tranżazzjoni mhux awtorizzata ma tkunx seħħet.

33

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 60(1) tagħha, jimponi fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas obbligu ġenerali ta’ komunikazzjoni ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament. B’dan il-mod, il-korrezzjoni ta’ tali tranżazzjoni tkun possibbli biss jekk l-utent jindika lil din tal-aħħar lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu mhux iktar tard minn tlettax-il xahar wara d-data ta’ debitu korrispondenti.

34

Għaldaqstant, mir-riferiment magħmul mill-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għall-Artikolu 58 tagħha, kif ukoll mill-premessa 31 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ ħlas mhux awtorizzat hija suġġetta għall-komunikazzjoni, mill-utent ta’ dawn is-servizzi, ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata mill-imsemmi fornitur.

35

F’dan ir-rigward, l-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58”, li tinsab fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64, tfisser, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma għandux jiġi ppreġudikat l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, li jimplika li t-tnissil tar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata ma jistax iseħħ barra mit-terminu previst fl-Artikolu 58.

36

Minn dan isegwi li utent li ma jkunx indika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu tranżazzjoni mhux awtorizzata, fit-tlettax-il xahar ta’ debitu tagħha, ma jistax jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ dan il-fornitur, inkluż abbażi tad-dritt ordinarju u, għaldaqstant, ma jkunx jista’ jikseb ir-rimbors ta’ din it-tranżazzjoni mhux awtorizzata.

37

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 tikkonferma l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni.

38

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikoli 58 u 60 ta’ din id-direttiva jifformaw parti mill-Kapitolu II, intitolat “Awtorizzazzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas”, tat-Titolu IV, intitolat “Drittijiet u Obbligi fir-Rigward tal-Forniment u l-Użu ta’ Servizzi ta’ Ħlas”, li jinkludi ħames kapitoli, peress li l-proċedura ta’ komunikazzjoni f’terminu massimu ta’ tlettax-il xahar tapplika kemm fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, imsemmija fl-Artikolu 60 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux eżegwiti jew eżegwiti skorrettament, imsemmija fl-Artikolu 75 tal-istess direttiva.

39

Fl-istruttura ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà, l-obbligu ta’ komunikazzjoni mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata huwa l-kundizzjoni sabiex l-imsemmija sistema tkun tista’ tiġi applikata għall-benefiċċju tal-utent, imsejjaħ “min iħallas” f’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64.

40

Sussegwentement, l-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva jinkludi fis-sistema ta’ responsabbiltà minħabba tranżazzjonijiet mhux awtorizzati mekkaniżmu ta’ oneru probatorju favur l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Sostanzjalment, l-oneru probatorju jaqa’ fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li għandu jipprova li t-tranżazzjoni tkun ġiet awtentikata, debitament irreġistrata u rreġistrata fil-kontabbiltà. Fil-prattika, is-sistema probatorja stabbilita mill-Artikolu 59 twassal, jekk il-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 58 tal-imsemmija direttiva tkun twettqet fit-terminu previst, li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun suġġett għall-obbligu ta’ rimbors immedjat, skont l-Artikolu 60(1) tal-istess direttiva.

41

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 86 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Armonizzazzjoni sħiħa”, jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju [għal diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li telenka] safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”. Ebda wieħed mill-Artikoli 58, 59 u 60 tal-istess direttiva ma jinsab fost id-dispożizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 86 jagħti marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħhom.

42

Minn dan isegwi li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll fl-Artikoli 58 u 59 ta’ din id-direttiva kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni totali b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu sistema ta’ responsabbiltà parallela abbażi tal-istess fatt ġeneratur.

43

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 58 tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 tikkorrobora l-interpretazzjonijiet litterali u kuntestwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

44

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 1 u 4 ta’ din id-direttiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova joħloq suq uniku tas-servizzi ta’ ħlas billi ssostitwixxa s-27 sistema nazzjonali eżistenti, li l-koeżistenza tagħhom kienet sors ta’ konfużjoni u ssofri minn nuqqas ta’ ċertezza legali, b’qafas legali armonizzat li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas.

45

Issa, is-sistema armonizzata ta’ responsabbiltà għat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament stabbilita mid-Direttiva 2007/64 tista’ tikkompeti ma’ sistema alternattiva ta’ responsabbiltà prevista mid-dritt nazzjonali bbażata fuq l-istess fatti u l-istess bażi biss jekk ma tippreġudikax is-sistema b’hekk armonizzata u ma tippreġudikax l-għanijiet u l-effettività ta’ din id-direttiva.

46

Minn dan jirriżulta li sistema ta’ responsabbiltà kompetitriċi li tippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas inissel, lil hinn mit-terminu ta’ tlettax-il xahar u mingħajr ma jkun ikkomunika t-tranżazzjoni mhux awtorizzata kkonċernata, ir-responsabbiltà tal-fornitur ta’ tali servizzi għal din it-tranżazzjoni, tkun inkompatibbli mad-Direttiva 2007/64.

47

Fir-raba’ lok, l-oriġini tad-Direttiva 2007/64 issaħħaħ l-interpretazzjoni li tirriżulta minn qari letterali, kuntestwali u teleoloġiku tal-Artikolu 60(1) ta’ din id-direttiva.

48

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, malajr irriżulta, matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2007/64, li l-introduzzjoni ta’ terminu uniformi ta’ komunikazzjoni mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew tranżazzjonijiet mhux eżegwiti jew eżegwiti skorrettament, kienet indispensabbli sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tal-utent ta’ dawn is-servizzi u tal-fornitur tagħhom.

49

F’dan ir-rigward, kemm il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-proposti tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2006 (8623/06 ADD), kif ukoll il-Parlament Ewropew, b’mod partikolari fir-rapport tiegħu tal‑20 ta’ Settembru 2006, dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern u li temenda d-Direttivi 97/1/KE, 2000/12/KE u 2002/65/KE [COM (2005) 603 finali – C6–0411/2005 – 2005/0245 (COD)] u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, fl-opinjoni tiegħu tat‑23 ta’ Diċembru 2006, dwar “Ittra għall-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ Lisbona: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern u li temenda d‑Direttivi 97/7/KE, 2000/12/KE u 2002/65/KE” (COM (2005) 603 final), urew il-ħtieġa li tiġi żgurata tali ċertezza legali u, għal dan il-għan, li jiġi previst li, fi tmiem it-terminu ta’ komunikazzjoni mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, it‑tranżazzjoni ta’ ħlas għandha tkun ta’ natura definittiva.

50

Il-leġiżlatur tal-Unjoni, għalhekk, għażel li jdaħħal l-obbligu ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament f’dispożizzjoni distinta, f’dan il-każ l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64, li jistabbilixxi terminu massimu ta’ tlettax-il xahar, u li jipprevedi fid-dispożizzjoni li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizz ta’ ħlas, jiġifieri l-Artikolu 60 ta’ din id-direttiva, riferiment espress għall-imsemmi obbligu.

51

B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, bl-iktar mod ċar possibbli, ir-rabta bejn ir-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-osservanza mill-utent ta’ dawn is-servizzi tat-terminu massimu ta’ tlettax-il xahar għall-komunikazzjoni ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata sabiex ikun jista’ jinvoka r-responsabbiltà, minħabba dan il-fatt, ta’ dan il-fornitur. B’dan il-mod, huwa għamel ukoll l-għażla univoka li ma jippermettix lil dan l-utent jippreżenta azzjoni għad-danni tal-imsemmi fornitur fil-każ ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu.

52

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 58 u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jinvoka r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi abbażi ta’ sistema ta’ responsabbiltà differenti minn dik prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet meta dan l-utent ikun naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ komunikazzjoni tiegħu previst fl-imsemmi Artikolu 58.

Fuq it-tieni domanda

53

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 58 u l‑Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jinvoka, minħabba nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għall-obbligi tiegħu marbuta ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata, ir-responsabbiltà ċivili ta’ tali fornitur, benefiċjarju tal-garanzija, sabiex jikkontesta l-ammont tad-dejn iggarantit, konformement ma’ sistema kuntrattwali nazzjonali ta’ responsabbiltà kuntrattwali.

54

Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2007/64 jgħid li hija tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-fornituri ta’ tali servizzi fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas bħala attività abitwali jew professjonali, skont il-premessa 47 ta’ din id-direttiva li tipprovdi li din tal-aħħar tikkonċerna biss “l-obbligi kuntrattwali u r‑responsabbiltajiet rispettivi tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu”.

55

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2 tagħha, l-imsemmija direttiva hija applikabbli għas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti fl-Unjoni, peress li huwa ppreċiżat li t-Titolu IV ta’ din l-istess direttiva, li jinkludi l-Artikoli 58 sa 60 tagħha, japplika biss meta kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll dak tal-benefiċjarju, jew l-uniku fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fit-tranżazzjoni ta’ ħlas, ikunu jinsabu fl-Unjoni.

56

B’hekk minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 2007/64 tirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur ta’ dawn is-servizzi, mingħajr ma ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma ssemmi l-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas.

57

F’dan ir-rigward, l-inċiż 10 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas bħala persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn. Min-naħa tagħhom, l-inċiżi 7 u 8 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxu lil “min iħallas” u lil “min jitħallas” bħala, rispettivament, minn naħa, persuna fiżika jew ġuridika li tkun detentriċi ta’ kont tal-ħlas u li tawtorizza ordni ta’ ħlas minn dan il-kont ta’ ħlas, jew, fl-assenza ta’ kont ta’ ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta’ ħlas, u, min-naħa l-oħra, persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-destinatarja prevista ta’ fondi li jkunu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas.

58

Issa, il-kuntratt ta’ garanzija huwa kuntratt distint minn dak li jorbot lill-kreditur mad-debitur, li permezz tiegħu l-garanti, li huwa terza persuna għal din l-aħħar relazzjoni kuntrattwali, ikollu bħala rwol li jiggarantixxi lill-kreditur, f’dan il-każ il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, il-ħlas ta’ dak li d-debitur, f’dan il-każ l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, jista’ jitlob dan tal-aħħar taħt l-obbligu ggarantit, li huwa kkostitwit mid-dejn dovut mid-debitur lill-kreditur.

59

F’dan ir-rigward, il-garanti ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas”, peress li r-rwol tiegħu la huwa qrib u lanqas ’il bogħod minn dak ta’ “min iħallas” jew dak ta’ “min jitħallas”, fis-sens tal-inċiżi 7 u 8 tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2007/64.

60

Għalhekk, din id-direttiva tistabbilixxi drittijiet u obbligi biss fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas u tal-utenti ta’ tali servizzi u ma tirrigwardax is-sitwazzjoni tal-garanti ta’ tali utenti.

61

Fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64, din id-dispożizzjoni ssemmi biss lil min iħallas bħala benefiċjarju tar-rimbors ta’ tranżazzjoni mhux awtorizzata.

62

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva jimponi l-obbligu ta’ komunikazzjoni li huwa jipprevedi biss fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, bil-kundizzjoni li, skont it-Titolu III tal-imsemmija direttiva, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun ipprovda jew qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-utent l-informazzjoni dwar it-tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew mhux eżegwita jew eżegwita skorrettament.

63

Għalhekk, kif enfasizza, sostanzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistema ta’ responsabbiltà previst fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 hija bbażata fuq bilanċ bejn l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ kull tranżazzjoni mhux awtorizzata fi ħdan terminu ta’ tlettax-il xahar impost fuq l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, li jippermetti li tiġi invokata r-responsabbiltà stretta ta’ dan il-fornitur, mingħajr ma dan l-utent ikollu jipprova nuqqas jew negliġenza.

64

Konsegwentement, sabiex tiġi invokata r-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas minħabba tranżazzjonijiet mhux awtorizzati mill-utent ta’ tali servizzi, il-garanti ta’ utent ma jistax jibbenefika mis-sistema ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64, iżda jkollu jirrikorri għall-possibbiltajiet li jagħtih id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi rikjest mill-garanti li jkun suġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva.

65

L-argument tal-Gvern Franċiż u tar-Repubblika Ċeka li jeżisti riskju ta’ evitar tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64, jekk l-obbligu ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati ma jiġix impost fuq il-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas, ma jistax jintlaqa’.

66

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 58 sa 60 ta’ din is-sentenza, il-kuntratt ta’ garanzija bejn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u garanti ma huwiex irregolat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64 u lanqas minn xi strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni. Kuntratt bħal dan jibqa’ għalhekk suġġett għad-drittijiet u għall-obbligi stabbiliti mid-dritt nazzjonali applikabbli.

67

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk id-dritt nazzjonali applikabbli jipprevedi dan, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jista’ jkollu jbati l-konsegwenzi tan-negliġenza tiegħu fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, b’mod partikolari meta huwa ma jkunx ivverifika li din it-tranżazzjoni kienet tabilħaqq ġiet awtorizzata mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, sa fejn tali negliġenza tkun ikkawżat dannu lil terz bħall-garanti.

68

F’dan ir-rigward, il-possibbiltà għall-garanti li jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali sabiex inaqqas l-obbligi tiegħu lejn il-kreditur li jibbenefika mill-garanzija, fil-każ ta’ negliġenza ta’ dan tal-aħħar fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, bl-ebda mod ma taffettwa r-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn il-kreditur u d-debitur, rispettivament il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u l-utent ta’ tali servizzi, li hija rregolata, min-naħa tagħha, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 58 u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas jinvoka, minħabba nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-obbligi tiegħu marbuta ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata, ir-responsabbiltà ċivili ta’ tali fornitur, benefiċjarju tal-garanzija, sabiex jikkontesta l-ammont tad-dejn iggarantit, konformement ma’ sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt ordinarju.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 58 u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is‑servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun jista’ jinvoka r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi abbażi ta’ sistema ta’ responsabbiltà differenti minn dik prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet meta dan l-utent ikun naqas mill-obbligu ta’ komunikazzjoni tiegħu previst fl-imsemmi Artikolu 58.

 

2)

L-Artikolu 58 u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas jinvoka, minħabba nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-obbligi tiegħu marbuta ma’ tranżazzjoni mhux awtorizzata, ir-responsabbiltà ċivili ta’ tali fornitur, benefiċjarju tal-garanzija, sabiex jikkontesta l-ammont tad-dejn iggarantit, konformement ma’ sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt ordinarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top