Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 62020CJ0328

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija.
    Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 4, 7 u 67 – Moviment liberu tal-ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji tal-familja – Vantaġġi soċjali u fiskali – Aġġustament tal-ammonti skont il-livelli tal-prezzijiet fl-Istat ta’ residenza tal-ulied.
    Kawża C-328/20.

    Euroopa kohtulahendite tunnus (ECLI): ECLI:EU:C:2022:468

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

    [Test irrettifikat permezz tad-digriet tas-6 ta’ Settembru 2022]

    “Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 4, 7 u 67 – Moviment liberu tal-ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji tal-familja – Vantaġġi soċjali u fiskali – Aġġustament tal-ammonti skont il-livelli tal-prezzijiet fl-Istat ta’ residenza tal-ulied”

    Fil-Kawża C‑328/20,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑22 ta’ Lulju 2020,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn J. Pavliš, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Kroazja, irrappreżentata minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

    Ir-Rumanija, irrappreżentata minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn J. Morela, bħala aġent,

    Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

    L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, irrappreżentata minn E. Gromnicka, C. Howdle, J. S. Watson u C. Zatschler, u, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    vs

    Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn MM. A. Posch u M. Klamert u minn C. Pesendorfer u J. Schmoll, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Jespersen, J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,

    Ir-Renju tan-Norveġja, irrappreżentat minn S. Hammersvik, J. T. Kaasin, L. Tvedt u P. Wennerås, u, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, billi stabbilixxiet:

    mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-allowances tal-familja u ta’ kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti għall-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 4, 7 u 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), u

    għall-ħaddiema migranti li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-bonus tal-familja “plus”, tal-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed, tal-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed u tal-kreditu ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament Nru 883/2004

    2

    Il-premessi 8, 12 u 16 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedu dan li ġej:

    “(8)

    Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri.

    […]

    (12)

    Fid-dawl ta’ proporzjonalità, għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun assigurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati jew għall-overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu.

    […]

    (16)

    Fil-Komunità, bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’ sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.”

    3

    L-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament jistipula:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    Z)

    ‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”.

    4

    L-Artikolu 3(1)(j) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

    […]

    j) benefiċċji marbuta mal-familja”

    5

    L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Trattament ugwali”, ta’ dan l-istess regolament jistipula:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

    6

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

    a)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

    b)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

    7

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”, jipprevedi:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.”

    8

    L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, ta’ dan ir-regolament jistipula:

    “Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

    9

    L-Artikolu 68 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi r-regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ kumulu kif ġej:

    “1.   Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:

    a)

    fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta’ residenza;

    b)

    fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin

    i)

    fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha: il-post ta’ residenza tat-tfal [ulied], sakemm ikun hemm attività bħal din […]

    […]

    2.   Fil-każ li jkun hemm overlapping [kumulu] bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. […]”

    Ir‑Regolament Nru 492/2011

    10

    L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jinsab fil-Kapitolu I tiegħu, fit-Taqsima 2, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, jistipula:

    “1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

    2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

    Id‑dritt Awstrijak

    Il‑FLAG

    11

    Il-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances), tal‑24 ta’ Ottubru 1967 (BGBl. 376/1967), kif emendata bil-Bundesgesetz mit dem das Familienlastenausgleichsgesetz 1967, das Einkommensteuergesetz 1988 und das Entwicklungshelfergesetz geändert werden (il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances tal‑1967, il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi tal‑1988, u tal-liġi dwar il-persunal ta’ għajnuna għall-iżvilupp) tal‑4 ta’ Diċembru 2018 (BGBl I, 83/2018) (iktar il-quddiem il-“FLAG”), tindika, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-benefiċċji previsti fiha “jingħataw bħala kumpens għall-ispejjeż fl-interess tal-familja”.

    12

    Skont l-Artikolu 2(1) tal-FLAG, il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju federali għandhom dritt għall-allowances tal-familja għall-ulied minuri.

    13

    L-Artikolu 4 tal-FLAG jipprevedi:

    “(1)   Il-persuni li għandhom dritt għal benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor, ma għandhomx dritt għall-allowances tal-familja.

    (2)   Iċ-ċittadini Awstrijaċi li huma esklużi mid-dritt għall-allowances tal-familja skont il-paragrafu 1 jew l-Artikolu 5[4], jibbenefikaw minn ħlas kumpensatorju jekk l-ammont tal-benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor, li għalih l-imsemmija ċittadini Awstrijaċi jew persuna oħra għandha dritt (Artikolu 5[4]), ikun inqas mill-allowances tal-familja li għandhom jingħatawlhom skont din il-liġi federali, fl-assenza tal-benefiċċju ekwivalenti fuq iċċitat.

    (3)   Il-ħlas kumpensatorju jikkorrispondi għad-differenza bejn il-benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor u l-allowances tal-familja li għandhom jingħataw skont din il-liġi federali.

    […]

    (6)   Il-ħlasijiet kumpensatorji huma kkunsidrati bħala allowances tal-familja fis-sens ta’ din il-liġi federali, iżda d-dispożizzjonijiet relattivi għall-ammont tal-allowances tal-familja ma japplikawx għall-ħlasijiet kumpensatorji.”

    14

    L-Artikolu 5(3) u (4) tal-FLAG huwa fformulat kif ġej:

    “(3)   L-ulied li jirrisjedu f’pajjiż barrani b’mod permanenti ma għandhomx dritt għall-allowances tal-familja.

    (4)   Ulied li għandhom dritt għall-ħlas ta’ benefiċċju ekwivalenti mogħti minn Stat ieħor, ma għandhomx dritt għall-allowances tal-familja. Dan ma jeskludix l-għoti ta’ ħlas kumpensatorju (Artikolu 4(2))”.

    15

    L-Artikolu 8 tal-FLAG jistipula:

    “(1)   L-ammont tal-allowances tal-familja dovut lil persuna huwa ddeterminat skont in-numru u l-età tal-ulied li għalihom jingħataw l-allowances tal-familja.

    (2)   L-ammont fix-xahar tal-allowances tal-familja huwa ta’

    […]

    3.

    sa mill‑1 ta’ Jannar 2018

    a)

    EUR 114 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju tat-twelid,

    b)

    EUR 121.90 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju li fih jagħlaq tliet snin,

    c)

    EUR 141.50 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju li fih jagħlaq għaxar snin,

    d)

    EUR 165.10 għal kull wild sa mill-bidu tax-xahar kalendarju li fih jagħlaq dsatax-il sena.

    (3)   L-allowances tal-familja jiżdiedu kull xahar, għal kull wild,

    […]

    3.

    sa mill‑1 ta’ Jannar 2018, jekk ikunu

    a)

    mogħtija għal żewġ ulied, b’ EUR 7.10,

    b)

    mogħtija għal tliet ulied, b’ EUR 17.40,

    c)

    mogħtija għal erba’ wlied, b’ EUR 26.50,

    d)

    mogħtija għal ħames ulied, b’ EUR 32,

    e)

    mogħtija għal sitt ulied, b’ EUR 35.70,

    f)

    mogħtija għal seba’ wlied jew iktar, b’ EUR 52.

    (4)   L-allowances tal-familja jiżdiedu kull xahar, għal kull wild b’diżabbiltà gravi,

    […]

    3. b’ EUR 155.90 sa mill‑1 ta’ Jannar 2018.

    […]

    (8)   Għal kull wild li matul sena kalendarja, diġà għalaq jew ser jagħlaq sitt snin u li għadu ma għalaqx is-sittax-il sena, l-allowances tal-familja jiżdiedu b’ EUR 100 sa minn Settembru ta’ din is-sena kalendarja.”

    16

    L-Artikolu 8a tal-FLAG jistipula:

    “(1)   L-ammonti tal-allowances tal-familja (Artikolu 8) għall-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L. 1, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“ftehim ŻEE”)] jew tal-Isvizzera huma ddeterminati abbażi tar-relazzjoni bejn il-livell tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea [(Eurostat)] għal kull Stat Membru tal-Unjoni […], għal kull parti għall-Ftehim [ŻEE] u għall-Isvizzera u dak tal-Awstrija.

    (2)   L-ammonti tal-allowances tal-familja msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw sa mill‑1 ta’ Jannar 2019 abbażi tal-valuri fis-sens tal-paragrafu 1, ippubblikati fl‑1 ta’ Ġunju 2018. Sussegwentement, dawn l-ammonti jiġu aġġustati kull sentejn abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti.

    (3)   Il-Bundesministers für Frauen, Familien und Jugend [(il-Ministru Federali tan-Nisa, il-Familja u ż-Żgħażagħ, l-Awstrija)] jippubblika, permezz ta’ regolament maħruġ flimkien mal-Bundesministers für Finanzen [(il-Ministru Federali tal-Finanzi, l-Awstrija)], il-bażijiet ta’ kalkolu u l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kif ukoll l-ammonti msemmija fl-Artikolu 33(3)(2) tal-[Bundesgesetz über die Besteuerung des Einkommens natürlicher Personen (il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Persuni Fiżiċi), tas‑7 ta’ Lulju 1988 (BGBl. 400/1988,), kif emendata bil-Jahressteuergesetz 2018 (il-Liġi Fiskali annwali tal-2018), tal‑14 ta’ Awwissu 2018 (BGBl I, 62/2018) u bil-Liġi Federali li Temenda l-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances tal‑1967, il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi tal‑1988, u tal-liġi dwar il-persunal ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal‑4 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem l-“EStG”)].”

    17

    L-Artikolu 53 tal-FLAG huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   Fil-kuntest ta’ din il-liġi federali, iċ-ċittadini tal-partijiet għall-Ftehim [ŻEE] huma, sa fejn dan jirriżulta mill-ftehim fuq iċċitat, assimilati għaċ-ċittadini Awstrijaċi. F’dan il-kuntest, ir-residenza permanenti ta’ wild fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea [(ŻEE)] għandha, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, tiġi assimilata għal residenza permanenti ta’ wild fl-Awstrija.

    […]

    (4)   It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ma tapplikax għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8a(1) sa (3).

    (5)   L-Artikolu 26(3) tal-Bundesabgabenordnung [(il-Kodiċi Fiskali Federali)] […] japplika għall-benefiċċji msemmija f’din il-liġi federali sal‑31 ta’ Diċembru 2018. Sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi Fiskali Federali ma japplikax, għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji previsti minn din il-liġi federali, ħlief għal persuni li għandhom il-post tax-xogħol tagħhom f’pajjiż barrani u li jaġixxu f’isem awtorità lokali, kif ukoll għall-konjuġi u l-ulied tagħhom.”

    L-EStG

    18

    L-Artikolu 33 tal-EStG jipprevedi:

    “(2)   Il-krediti ta’ taxxa għandhom jitnaqqsu mill-[ammont tat-taxxa] li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fl-ordni li ġej:

    1.

    il-bonus tal-familja ‘plus’ previst fil-paragrafu 3a; ma hemmx lok li jitnaqqas il-bonus tal-familja ‘plus’ meta jeċċedi t-taxxa dovuta fuq id-dħul taxxabbli skont il-paragrafu 1;

    2.

    il-krediti ta’ taxxa previsti fil-paragrafi 4 sa 6.

    (3)   Il-persuni taxxabbli li jibbenefikaw minn allowances tal-familja skont il-[FLAG] għandhom dritt, b’mod parallel mal-ħlas tal-allowances tal-familja, għal kreditu ta’ taxxa ta’ EUR 58.40 kull xahar għal kull wild. Japplika mod ieħor fil-każijiet li ġejjin:

    1.

    Ebda kreditu ta’ taxxa ma jingħata għal ulied li jirrisjedu b’mod permanenti barra minn Stat Membru tal-Unjoni […], minn Stat taż-[ŻEE] jew mill-Isvizzera.

    2.

    Fir-rigward tal-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Isvizzera, l-ammont tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti huwa ddeterminat abbażi tar-relazzjoni bejn il-livell tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-[Eurostat] għal kull Stat Membru tal-Unjoni, għal kull parti għall-Ftehim [ŻEE] u għall-Isvizzera u dak tal-Awstrija:

    a)

    Sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammont tal-krediti ta’ taxxa għal wild dipendenti jiġi aġġustat abbażi tal-valuri ppubblikati fl‑1 ta’ Ġunju 2018. Sussegwentement, l-ammont tal-krediti ta’ taxxa għal wild dipendenti jiġi aġġustat kull sentejn abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti.

    […]

    (3a)   Wild li jibbenefika mill-allowance tal-familja skont il-[FLAG] u li jirrisjedi b’mod permanenti fi Stat Membru tal-Unjoni […] jew fit-territorju ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera, għandu d-dritt, fuq talba, għal bonus tal-familja ‘plus’ skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    L-ammont tal-bonus tal-familja “plus” huwa ta’

    a)

    EUR 125 kull xahar kalendarju sal-aħħar tax-xahar li fih il-wild jagħlaq tmintax-il sena,

    b)

    EUR 41.86 kull xahar kalendarju wara l-aħħar tax-xahar li fih il-wild jagħlaq tmintax-il sena.

    2.

    B’deroga mill-punt 1, għall-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Isvizzera, l-ammont tal-bonus tal-familja ‘plus’ kif ukoll tal-krediti ta’ taxxa previsti fil-paragrafu 4 huwa ddeterminat abbażi tar-relazzjoni bejn il-livell tal-prezzijiet komparattivi ppubblikati mill-[Eurostat] għal kull Stat Membru tal-Unjoni […], għal kull parti għall-Ftehim [ŻEE] u għall-Isvizzera u dak tal-Awstrija:

    a)

    Sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammont tal-bonus tal-familja ‘plus’ u tal-krediti ta’ taxxa previsti fil-paragrafu 4 jiġi aġġustat abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2018. Sussegwentement, dan l-ammont jiġi aġġustat kull sentejn abbażi tal-valuri ppubblikati fid-data tal‑1 ta’ Ġunju tas-sena preċedenti.

    […]

    5.

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi Fiskali Federali ma tapplikax. Il-konjuġi u l-ulied ta’ persuni taxxabbli li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab f’pajjiż barrani li jaħdmu f’isem awtorità lokali huma eċċezzjonijiet.

    […]

    (4)   Barra minn hekk, meta l-wild jirrisjedi b’mod permanenti fi Stat Membru tal-Unjoni […] jew fit-territorju ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera, japplikaw il-krediti ta’ taxxa li ġejjin:

    1.

    Il-persuni li huma l-uniċi fid-dar li għandhom dħul għandhom dritt għal kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed. Dan huwa ta’ ammont annwali ta’:

    EUR 494 għal wild wieħed (Artikolu 106(1)),

    EUR 669 għal żewġ ulied (Artikolu 106(1)).

    Dan l-ammont jiżdied b’EUR 220 kull sena għat-tielet wild u għal kull wild addizzjonali rispettivament (Artikolu 106(1)).

    […]

    2.

    Il-ġenituri waħedhom għandhom dritt għal kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed. Dan huwa ta’ ammont annwali ta’:

    EUR 494 għal wild wieħed (Artikolu 106(1)),

    EUR 669 għal żewġ ulied (Artikolu 106(1)).

    Dan l-ammont jiżdied b’EUR 220 kull sena għat-tielet wild u għal kull wild addizzjonali rispettivament (Artikolu 106(1)). Il-ġenituri waħedhom huma persuni taxxabbli li jgħixu tal-inqas ma’ wild wieħed (Artikolu 106(1)) għal iktar minn sitt xhur kull sena ċivili mingħajr ma jkunu f’komunità ma’ sieħeb jew konjuġi.

    3.

    Il-persuni taxxabbli li għandhom obbligi ta’ manteniment għall-ulied għandhom dritt għal kreditu ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment ta’ EUR 29.20 kull xahar […]

    4.

    B’deroga mill-punti 1 sa 3, l-ammont tal-krediti ta’ taxxa għall-ulied li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat membru ieħor tal-Unjoni […], ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew tal-Isvizzera huwa ddeterminat skont il-paragrafu 3a(2). Meta l-persuna taxxabbli jkollha dritt għal kreditu ta’ taxxa għal diversi wlied u meta dawn ikunu jinsabu f’pajjiżi differenti, għandhom l-ewwel jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ikbar ulied li għandhom dritt għall-benefiċċju qabel ma jitqiesu dawk li huma iżgħar.

    5.

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi Fiskali Federali ma tapplikax. Il-konjuġi u l-ulied ta’ persuni taxxabbli li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab f’pajjiż barrani li jaħdmu f’isem awtorità lokali huma eċċezzjonijiet.

    […]

    (7)   Jekk it-taxxa fuq id-dħul dovuta skont il-paragrafu 1 hija inqas minn EUR 250 u jekk japplika l-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed jew il-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin, meta jkun hemm wild (Artikolu 106(1)):

    1.

    Id-differenza bejn EUR 250 u t-taxxa prevista fil-paragrafu 1 għandha tiġi rrimborsata taħt il-forma ta’ suppliment għal wild.

    2.

    Meta l-wild jirrisjedi b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni […] jew fit-territorju ta’ parti oħra għall-Ftehim [ŻEE] jew fl-Isvizzera, l-ammont ta’ EUR 250 jiġi ssostitwit bl-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3a(2).

    […]

    Dan l-ammont jiżdied, għal kull wild addizzjonali (Artikolu 106(1)), b’ammont ta’ EUR 250 jew bl-ammont li jissostitwixxih.

    (8)   1. Jekk it-taxxa fuq id-dħul li tirriżulta mill-paragrafi 1 u 2 tkun inqas minn żero, għandu jkun hemm il-ħlas tal-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed jew tal-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed.

    […]”.

    19

    L-ammont tal-benefiċċji tal-familja għall-ulied li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fi Stat Membru ieħor huwa rregolat mill-Familienbeihilfe-Kinderabsetzbetrag-EU-Anpassungsverordnung (ir-Regolament ta’ Aġġustament tal-Allowances tal-familja u tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti fl-Unjoni Ewropea), tal‑10 ta’ Diċembru 2018 (BGBl. II, 318/2018, iktar il-quddiem ir-“Regolament ta’ Aġġustament”).

    20

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Aġġustament jistipula:

    “Għad-determinazzjoni tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 1, għandu jiġi stabbilit koeffiċjent ta’ korrezzjoni li jkun ibbażat fuq l-indiċi ppubblikati mill-[Eurostat] fid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2018 fil-kuntest tal- ‘Livelli tal-prezzijiet imqabbla tal-konsum finali tad-djar inklużi t-taxxi indiretti (EU-28 = 100)’.”

    21

    L-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Aġġustament jinkludi tabella li tqabbel il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għad-diversi Stati. Dawn il-koeffiċjenti jvarjaw bejn 0.450 (Il-Bulgarija) u 1.520 (l-Isvizzera), filwaqt li dak għar-Repubblika Ċeka huwa stabbilit għal 0.619.

    Il‑Kodiċi Fiskali Federali

    22

    L-Artikolu 26 tal-Kodiċi Fiskali Federali jistipula:

    “(1)   Persuna għandha domiċilju fis-sens tad-dispożizzjonijiet fiskali meta hija tokkupa akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li hija ser iżżomm u tuża din l-akkomodazzjoni.

    (2)   Persuna għandha r-residenza abitwali tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet fiskali meta hija tirrisjedi taħt kundizzjonijiet li jindikaw li hija ma tirrisjedix f’dan il-post jew f’dan il-pajjiż b’mod temporanju biss. […]

    (3)   Iċ-ċittadini Awstrijaċi li għandhom kuntratt ta’ xogħol ma’ organu pubbliku u li l-post tax-xogħol tagħhom jinsab f’pajjiż barrani (uffiċjali f’pajjiż barrani) jiġu ttrattati bħal persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-post fejn jinsab is-servizz li jagħtihom ir-remunerazzjoni. L-istess japplika għall-konjuġi tagħhom, sa fejn il-konjuġi jifformaw dar ta’ abitazzjoni permanenti, u għall-ulied minuri tagħhom li jifformaw parti minn din id-dar.”

    Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    23

    Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Awstrija tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tat-tħassib iġġenerat mid-dħul fis-seħħ, mill‑1 ta’ Jannar 2019, tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament li rriżulta mill-emendi magħmula għall-Artikolu 8a tal-FLAG u għall-Artikolu 33 tal-EStG permezz tal-Liġi Fiskali Annwali tal-2018 u permezz tal-Liġi Federali tal‑4 ta’ Diċembru 2018 (iktar il-quddiem il-“mekkaniżmu ta’ aġġustament”). Il-Kummissjoni qieset li dan il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi soċjali u fiskali mogħtija minn dan l-Istat Membru lill-ħaddiema li għandhom ulied, skont il-livell tal-prezzijiet fl-Istat Membru fejn dawn l-ulied jirrisjedu b’mod permanenti, kien imur kontra l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprevedu li l-benefiċċji fi flus ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda tnaqqis minħabba l-fatt li membru tal-familja, bħal wild, jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, peress li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma jirrigwardax, essenzjalment, lill-ħaddiema Awstrijaċi iżda lil dawk ta’ Stati Membri oħra, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament sanċit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011.

    24

    Fil‑25 ta’ Marzu 2019, it-tweġiba tar-Repubblika tal-Awstrija lill-Kummissjoni kienet li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jawtorizza l-aġġustament tal-benefiċċji tal-familja skont il-post ta’ residenza tal-wild. Dan l-Istat Membru sostna, qabel kollox, li d-dritt tal-Unjoni nnifsu jipprevedi mekkaniżmi paragunabbli. Wara dan, l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma jeżiġixxix li l-ammont tal-benefiċċji mħallas għall-ulied residenti fi Stat Membru ieħor ikun jaqbel ma dak imħallas għall-ulied residenti fl-Awstrija. Fl-aħħar, ma hemmx diskriminazzjoni indiretta, għaliex l-aġġustament tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi soċjali u fiskali skont il-livell tal-prezzijiet fit-territorju tal-Istat fejn jirrisjedi l-wild huwa oġġettivament iġġustifikat u jnaqqas l-oneri tal-ħaddiema kollha.

    25

    Peress li ma kinitx sodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ħarġet, fis‑26 ta’ Lulju 2019, opinjoni motivata li fiha hija żammet, essenzjalment, il-pożizzjoni tagħha. Din l-istituzzjoni osservat il-fatt li l-benefiċċji tal-familja u l-vantaġġi soċjali u fiskali mogħtija għall-ulied huma b’rata fissa, mingħajr aġġustament skont il-livelli tal-prezzijiet fid-diversi reġjuni tal-Awstrija skont il-post ta’ residenza permanenti tal-wild. Għaldaqstant, differenza fil-livell ta’ dawn il-benefiċċji u vantaġġi għall-ulied li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor taffettwa ħażin b’mod iktar qawwi lill-ħaddiema migranti iktar milli lill-ħaddiema Awstrijaċi u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. In-natura b’rata fissa tal-ammonti ta’ dawn il-benefiċċji u ta’ dawn il-vantaġġi turi li dawn ma jiddependux fuq l-ispejjeż reali marbutin mal-manteniment ta’ wild u li għalhekk dawn ma jiżgurawx tqassim iktar ekwu tal-ispejjeż sostnuti mill-familji sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-ulied.

    26

    Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ottubru 2019, ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-opinjoni motivata billi indikat li kemm il-benefiċċji tal-familja kif ukoll il-vantaġġi soċjali u fiskali inkwistjoni ma humiex sempliċement b’rata fissa iżda jikkorrispondu għall-bżonnijiet reali tal-benefiċjarji. Barra minn hekk, il-fatt li dawn il-benefiċċji u dawn il-vantaġġi jingħataw fil-forma ta’ ammonti b’rata fissa ma jipprekludix l-aġġustament tagħhom skont il-livell tal-prezzijiet tal-post ta’ residenza tal-ulied. Tali aġġustament ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda jiggarantixxi lill-ħaddiema benefiċjarji tnaqqis uniformi tal-ispejjeż, irrispettivament mill-post fejn effettivament jirrisjedi l-wild. Anki jekk jitqies li teżisti diskriminazzjoni indiretta, din hija ġġustifikata, b’mod partikolari, kemm mill-għan ta’ bilanċ tal-infiq tas-sistema ta’ sigurtà soċjali kif ukoll mill-għan ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributorja tal-benefiċjarji.

    27

    Peress li ma kinitx konvinta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    28

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ottubru, tas‑6, tat‑12, tad‑19 u tal‑20 ta’ Novembru, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Novembru u tat‑18 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tan-Norveġja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija.

    Fuq ir‑rikors

    29

    Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ ilmenti. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur kemm tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikoli 7 u 67 tar‑Regolament Nru 883/2004

    L‑argumenti tal‑partijiet

    30

    Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 billi stabbilixxiet, fil-konfront tal-ħaddiema affiljati mas-sistema tas-sigurtà soċjali Awstrijaka li wliedhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-ammont tal-allowances tal-familja u tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 2(1) tal-FLAG u fl-Artikolu 33(3) tal-EStG.

    31

    Il-Kummissjoni ssostni li huwa paċifiku li l-allowances tal-familja u l-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti, li huma benefiċċji fi flus imħallsa mill-Istat u intiżi li jtaffu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied, huma benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(z) u tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004. Dawn il-benefiċċji jingħataw mingħajr evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ kriterji ddefiniti legalment, u kkalkolati skont in-numru u l-età tal-ulied. Ir-Repubblika tal-Awstrija ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-livell tal-allowances tal-familja u l-ispiża medja għall-manteniment ta’ wild, sa fejn dan il-livell jiddependi biss fuq l-età tal-wild.

    32

    Issa, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li jikkondividu l-istess għan, jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jagħmlu l-għoti jew l-ammont tal-benefiċċji tal-familja dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 36). Dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati insegwitu għas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna (41/84, EU:C:1986:1), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ħassret parzjalment l-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), dispożizzjoni li l-kontenut tagħhom ġie, essenzjalment, riprodott fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004. Minn dik is-sentenza jirriżulta li l-Istat Membru ma huwiex awtorizzat li jaġġusta l-livell tal-benefiċċji tal-familja għal dak ta’ Stat Membru ieħor biss għal raġuni li membri tal-familja tal-benefiċjarju jirrisjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. Ir-riżultat tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament huwa speċifikament dak li dawn il-benefiċċji ma jingħatawx “bħallikieku” il-membri tal-familja jirrisjedu fl-Awstrija.

    33

    Din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 hija kkonfermata mill-Artikolu 5(b) ta’ dan ir-regolament, li jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu, mhux biss li jieħdu inkunsiderazzjoni fatti u ġrajjiet, bħall-preżenza ta’ ulied li tagħti dritt għal benefiċċji, benefiċċji, li seħħew fi Stat Membru ieħor, iżda li jeħduhom inkunsiderazzjoni “bħallikieku” dawn seħħew fit-territorju rispettiv tiegħu.

    34

    Il-Kummissjoni tenfasizza li ma tista’ tinsilet ebda inferenza mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ kapijiet tal-Istat jew ta’ Gvern, miġbura fi ħdan il-Kunsill Ewropew fit‑18 u fid‑19 ta’ Frar 2016, fir-rigward ta’ arranġament ġdid għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, (ĠU 2016, C 69 I, p. 1, iktar ’il quddiem l-“arranġament il-ġdid għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea”), kienet tipprevedi l-indiċjar tal-ammont tal-benefiċċji soċjali għall-ulied skont l-għoli tal-ħajja fil-post ta’ residenza tal-wild. Skont l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kellha tippreżenta proposta ta’ emenda għar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, minħabba l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, l-imsemmi regolament ma ġie suġġett għall-ebda emenda. Iktar minn hekk, fil-proposta tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2016 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 883/2004 [COM(2016) 815 final], il-Kummissjoni ma inkludietx il-mekkaniżmu ta’ indiċjar, sa fejn id-dipartimenti tagħha kienu esprimew riżervi fir-rigward tal-konformità ta’ tali mekkaniżmu mad-dritt tal-Unjoni.

    35

    Ir-Repubblika tal-Awstrija preliminarjament tosserva li l-FLAG, taħt it-terminu “allowances tal-familja”, ġabret flimkien diversi tipi ta’ għajnuna lill-familji li kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tagħha, fl‑1967, u li kienu intiżi li jikkumpensaw parti mill-ispejjeż tal-manteniment tal-ulied dipendenti. L-allowances tal-familja huma kkalkolati skont il-bżonnijiet reali tal-ulied u tal-ispejjeż standard neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tagħhom fl-Awstrija, mingħajr l-obbligu, min-naħa tal-benefiċjarju, li jipproduċi l-prova tal-ispejjeż effettivament sostnuti. L-allowances tal-familja jiżdiedu skont l-età tal-ulied jew meta jkun hemm diżabilità.

    36

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tesponi li s-sistema tal-allowances tal-familja hija msejsa, minn naħa, fuq l-għoti ta’ għajnuna diretta, u, min-naħa l-oħra, fuq vantaġġi fiskali. Dawn l-allowances jiġu sostnuti mill-Ausgleichsfonds für Familienbeihilfen (il-Fond ta’ Kumpens għall-Allowances tal-Familja, l-Awstrija) li r-riżorsi tiegħu ma joriġinawx mill-ħaddiema iżda mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jimpjegaw. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 2(1) tal-FLAG, il-persuni kollha li għandhom ulied li jirrisjedu fit-territorju Awstrijak għandhom id-dritt għal allowances tal-familja tal-istess ammont, irrispettivament minn kull kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali jew tad-daqs tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna li timpjega.

    37

    Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-għan tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti ma huwiex dak li jagħti lill-ġenituri benefiċċju dirett, iżda li jkopri parti mill-ispejjeż tipikament marbuta mal-manteniment tal-ulied. Dan il-kreditu ta’ taxxa jitqies li jerġa’ jistabbilixxi ċertu bilanċ fiskali bejn il-persuni mingħajr ulied u l-persuni li għandhom l-ulied. Minn perspettiva ekonomika, il-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti huwa żieda fuq l-allowances tal-familja ffinanzjata mid-dħul fiskali ġenerali.

    38

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tesponi li l-istabbiliment tal-allowances tal-familja jmur lura għal żmien meta kien hemm inqas migrazzjoni tal-ħaddiema. Minħabba ċirkolazzjoni ikbar ta’ ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, l-esportazzjoni indifferenzjata tal-allowances tal-familja u tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti wasslet għal distorsjonijiet dejjem ikbar fis-sistema Awstrijaka tal-benefiċċji tal-familja. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament jippermetti li dawn id-distorsjonijiet jiġu rrimedjati billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza fil-livelli tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri ppubblikati mill-Eurostat. Għalhekk din ma hijiex sempliċi miżura ekonomika.

    39

    F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, qabel kollox, li din l-aħħar dispożizzjoni, li tirrigwarda speċifikament is-sitwazzjoni tal-membri tal-familja li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, tieħu l-preċedenza fuq dan l-Artikolu 7 li jesprimi regola ġenerali. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jillimita ruħu li jeżamina l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament fid-dawl tal-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament u jsostni li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament huwa konformi mal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser (C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 35). Fil-fatt, l-għoti u l-ammont tal-allowances tal-familja u tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti ma jiddipendux fuq ir-residenza tal-wild fl-Awstrija. Sa fejn l-ispejjeż għall-manteniment tal-ulied jiddependu fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Istat Membru fejn għandhom ir-residenza tagħhom, u sa fejn dan il-livell ivarja minn Stat Membru għal ieħor, hemm lok li l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji jiġi aġġustat sabiex jiġi żgurat li dan jingħata “bħallikieku” l-membri tal-familja kienu jgħixu fl-Awstrija. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata kemm mill-premessa 16 tal-imsemmi regolament kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, EU:C:1988:452, punt 16), u tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser (C‑32/18, EU:C:2019:752, punti 5354). Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li, sa fejn l-għan tal-allowances tal-familja u tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti huwa dak li lill-ġenituri jiġu rrimborsati parti mill-ispejjeż għall-manteniment tal-ulied, huwa permissibbli li l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji jiġi aġġustat skont il-livell tal-prezzijiet tal-Istat Membru ta’ residenza tal-ulied.

    40

    Wara dan, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li, bil-kontra tas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna (41/84, EU:C:1986:1), invokata mill-Kummissjoni, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma jeskludix l-esportazzjoni tal-benefiċċju tal-familja lejn l-Istati Membri l-oħra. Billi jirrifletti l-għoli tal-ħajja, dan il-mekkaniżmu ta’ aġġustament jiggarantixxi li benefiċċju tal-istess valur jingħata lill-ulied kollha.

    41

    Fl-aħħar, ir-Repubblika tal-Awstrija tosserva li l-arranġament il-ġdid għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea kien intiż, f’dak li jirrigwarda l-esportazzjoni ta’ benefiċċji tal-familja, li jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-benefiċċji mogħtija fl-Istat ta’ residenza tal-ulied u li jieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri. Għalkemm dan l-arranġament qatt ma daħal fis-seħħ, il-Kunsill Ewropew kien qies li l-miżuri hekk ippjanati fir-rigward tar-Renju Unit kienu kompletament kompatibbli mat-Trattati. Anki l-Kummissjoni nnifisha kienet qieset li dawn il-miżuri kienu kompatibbli mal-Artikolu 48 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tispeċifika li ma kienet meħtieġa ebda emenda għar-Regolament Nru 492/2011, u dan juri li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament – l-istess bħall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 – ma jistipulax regola li tmur lil hinn mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fid-dritt primarju. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, emenda tar-Regolament Nru 883/2004 ma kinitx neċessarja għall-każijiet fejn Stat Membru, f’każ ta’ esportazzjoni ta’ benefiċċju tal-familja marbut mal-ambjent ekonomiku u soċjali ta’ dan l-Istat Membru, jaġġusta l-ammont ta’ dan il-benefiċċju, billi jżidu jew billi jnaqqsu, konformement ma regoli oġġettivi.

    L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    42

    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku li l-allowances tal-familja u l-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti kkonċernati mill-ewwel ilment huma benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004 u li dan ir-regolament, inkwantu japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha relatati mal-friegħi tas-sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-familja, japplika għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament.

    43

    Għaldaqstant, l-allowances tal-familja u l-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti għandhom b’mod partikolari jkunu konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004 li jipprevedi li, sakemm l-imsemmi regolament ma jgħidx mod ieħor, tali benefiċċji “ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji”.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li persuna tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, bħallikieku dawn jirrisjedu f’dan l-aħħar Stat Membru (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 35).

    45

    Sa fejn l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jibni fuq l-indikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament speċifikament f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji tal-familja, ksur ta’ din l-ewwel dispożizzjoni jġib miegħu wkoll ksur tat-tieni waħda.

    46

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 huma intiżi sabiex jipprekludu lil Stat Membru milli jkun jista’ jissuġġetta l-għoti jew l‑ammont tal-benefiċċji tal-familja għar-residenza tal-membri tal-familja tal‑ħaddiem fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiema umanitarji fil-qasam tal-iżvilupp), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li dan jeżiġi ekwivalenza stretta bejn l-ammonti tal-benefiċċji tal-familja mogħtija minn Stat Membru lill-ħaddiema li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu fl-istess Stat Membru u dawk mogħtija lil ħaddiema li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, id-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist bejn l-Istati Membri ma tiġġustifikax, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, li Stat Membru jkun jista’ jagħti lil din it-tieni kategorija ta’ persuni benefiċċji li l-ammont tagħhom ikun differenti minn dak mogħti lill-persuni li jaqgħu fl-ewwel kategorija.

    48

    Ċertament, il-prinċipju tal-assimilazzjoni stabbilit mill-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex assolut, fis-sens li, meta diversi drittijiet huma dovuti taħt leġiżlazzjonijiet differenti, japplikaw ir-regoli ta’ nuqqas ta’ kumulu previsti fl-Artikolu 68 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    F’dak li jirrigwarda speċifikament l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali regola ta’ nuqqas ta’ kumulu hija intiża li tiggarantixxi lill-benefiċjarju ta’ benefiċċji mħallsa minn diversi Stati Membri ammont totali ta’ benefiċċji li huwa identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed minn fost dawn l-Istati (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    L-eżami tat-trattament irriżervat għall-ħaddiema koperti mir-Regolament Nru 883/2004 għalhekk għandu jkun jirrigwarda l-valur ekonomiku ta’ dawn il-benefiċċji mhux skont il-kapaċità tal-akkwist u l-livell tal-prezzijiet tal-post ta’ residenza tal-persuni kkonċernati, iżda l-skont l-ammont tal-benefiċċji li huma dovuti.

    51

    Fid-dawl tal-fizzjoni prevista fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li tgħid li persuna tista’ tinvoka d-dritt għall-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr dak li huwa kompetenti biex iħallas dawn il-benefiċċji, bħallikieku dawn jirrisjedu f’dan l-aħħar Stat Membru, u meqjus il-fatt li l-ħaddiema migranti għandhom ikunu jistgħu japprofittaw ruħhom mill-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali, għaliex huma jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ din il-politika permezz tal-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dan l-Istat, abbażi tal-attività bi ħlas li huma jeżerċitaw fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Istati Membri ma jistgħux, mingħajr ma jiksru l-imsemmi regolament, iwettqu aġġustament tal-benefiċċji tal-familja skont l-Istat ta’ residenza tal-ulied tal-benefiċjarju.

    52

    Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, huma biss il-benefiċjarji tal-benefiċċji tal-familja li wliedhom jirrisjedu barra mit-territorju Awstrijak li huma suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-ammont ta’ dawn il-benefiċċji skont il-livelli tal-prezzijiet u l-kapaċità tal-akkwist fil-post ta’ residenza ta’ wliedhom. Tali mekkaniżmu ma japplikax għall-benefiċċji tal-familja mogħtija għall-ulied residenti f’diversi reġjuni tal-Awstrija, għalkemm jeżistu, bejn dawn ir-reġjuni, differenzi fil-livelli tal-prezzijiet ta’ daqs paragunabbli għal dak li jista’ jeżisti bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u Stati Membri oħra.

    53

    Iktar minn hekk, għandu jiġi osservat li, hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 sa 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex stabbilit li l-ammont tal-benefiċċji tal-familja mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija jvarja skont l-għoli reali tal-ħajja jew tal-ispejjeż realment sostnuti għall-manteniment tal-ulied peress li dawn l-ammonti jingħataw b’rata fissa skont in-numru u, jekk ikun il-każ, skont l-età tal-ulied, jew ukoll skont il-diżabilità li huma għandhom.

    54

    Għaldaqstant, ma jista’ jinsilet l-ebda argument mill-fatt li, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser (C‑32/18, EU:C:2019:752, punti 5354), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kien determinanti u li Stat Membru seta’ jieħu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni reali fl-Istat ta’ impjieg. Fil-fatt, il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda allowance għal żamma ta’ wild, li, fil-verżjoni tagħha marbuta mad-dħul, kienet tikkostitwixxi benefiċċju ta’ sostituzzjoni tad-dħul professjonali preċedenti u ma kinitx tirrigwarda benefiċċju tal-familja mingħajr ebda konnessjoni mal-ispejjeż reali u li l-ammont tiegħu kien iddeterminat indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-benefiċjarji, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 36).

    55

    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, EU:C:1988:452), li benefiċċji intiżi li jkopru ċerti spejjeż sostnuti minħabba d-dħul lura lejn l-iskola tal-ulied huma marbuta strettament mal-ambjent soċjali u, għaldaqstant, mar-residenza tal-persuni kkonċernati, b’tali mod li dan il-post ta’ residenza jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 16 ta’ dik is-sentenza li, jekk benefiċċji perjodiċi fi flus jingħataw “esklużivament skont in-numru u, jekk ikun il-każ, skont l-età tal-membri tal-familja, l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji jibqa’ ġġustifikat irrispettivament mir-residenza tal-benefiċjarju u tal-familja tiegħu”. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tista’ tislet ebda argument mill-imsemmija sentenza.

    56

    Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna (41/84, EU:C:1986:1), invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, huwa biżżejjed li jiġi osservat, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-tilwima li tat lok għal dik is-sentenza kienet tirrigwarda d-differenza fir-rigward tal-ammonti u tar-rati tal-benefiċċji skont l-Istat li fih kienu jirrisjedu l-membri tal-familja kkonċernati, li kellu l-effett li jnaqqas id-drittijiet miksuba mill-ħaddiem migranti u, b’konsegwenza ta’ dan, imur kontra l-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-libertà fundamentali kkostitwita mill-moviment liberu tal-ħaddiema, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tastjeni ruħha milli żżid disparitajiet addizzjonali ma dawk li diġà jirriżultaw min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali. Issa, din l-evalwazzjoni tgħodd, a fortiori, fir-rigward ta’ dispożizzjoni nazzjonali li ma tosservax il-prinċipju ta’ assimilazzjoni sanċit fil-leġiżlatur tal-Unjoni u li jinsab fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.

    57

    Fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-mekkaniżmu tal-indiċjar li kien ġie ppjanat mill-arranġament il-ġdid għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu nnotati żewġ elementi. Minn naħa, dan l-arranġament qatt ma daħal fis-seħħ u l-Kummissjoni, konsegwentement, ma ppreżentatx proposta ta’ emenda tar-Regolament Nru 883/2004 li tippermetti li l-Istati Membri jindiċjaw il-benefiċċji soċjali għall-ulied li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn jirrisjedi l-ħaddiem. Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna (41/84, EU:C:1986:1), li kieku tali emenda kienet ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, din kienet tiġi invalidata fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE.

    58

    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat.

    Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 883/2004 u tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 492/2011

    L‑argumenti tal‑partijiet

    59

    Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 billi stabbilixxiet il-mekkaniżmu ta’ aġġustament, skont il-post ta’ residenza tal-wild, tal-ammont tal-allowances tal-familja u tal-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti, kif ukoll tal-bonus tal-familja “plus”, previst fl-Artikolu 33(3a) tal-EStG, tal-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed, tal-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed u tal-kreditu ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment, imsemmija fl-Artikolu 33(4) tal-EStG.

    60

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkonkretizzaw, fl-oqsma rispettivi tagħhom, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 45(2) TFUE li jipproteġi lill-ħaddiema kkonċernati kontra kull diskriminazzjoni, irrispettivament minn jekk tkunx diretta jew indiretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Huma b’mod partikolari koperti l-vantaġġi kollha, kemm soċjali kif ukoll fiskali, kemm jekk marbuta ma kuntratt ta’ impjieg kif ukoll jekk ma humiex, li huma ġeneralment rikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali minħabba, prinċipalment, il-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza ordinarja tagħhom fit-territorju nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25).

    61

    Il-Kummissjoni ssostni li mis-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li l-allowances tal-familja u l-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti huma fl-istess ħin benefiċċji tal-familja suġġetti għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u vantaġġi soċjali rregolati mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.. Il-bonus tal-familja “plus”, il-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed, il-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed u l-kreditu ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment jnaqqsu l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul. Peress li huwa preżunt li l-benefiċjarju huwa suġġett għat-taxxa fl-Awstrija, dawn il-miżuri jikkostitwixxu vantaġġi fiskali suġġetti għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stipulat fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    62

    Il-Kummissjoni tirrepeti li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament essenzjalment jaffettwa lill-ħaddiema migranti li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu barra mill-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju.

    63

    Mix-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament jirriżulta li l-għan tal-leġiżlatur Awstrijak kien it-tnaqqis tal-ispejjeż baġitarji tal-Istat. Dan il-leġiżlatur ippreżuma li l-benefiċjarji ta’ benefiċċji tal-familja u ta’ vantaġġi soċjali u fiskali li wliedhom jgħixu fi Stati Membri fejn il-livell tal-prezzijiet huwa inqas minn dak ikkonstatat fl-Awstrija kienu iktar numerużi minn dawk li wliedhom jirrisjedu fi Stati Membri fejn hemm livell tal-prezzijiet iktar għoli. Fil-fatt, huwa biss fil-każ tal-Konfederazzjoni Svizzera u tal-Prinċipat tal-Liechtenstein li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament iwassal għal ammont superjuri jew ekwivalenti għall-ammont b’rata fissa li għandu jitħallas fl-Awstrija.

    64

    Il-Kummissjoni tkompli tesponi li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma japplikax għas-sitwazzjoni tal-ulied ta’ uffiċjali Awstrijaċi kkollokati f’pajjiż barrani minkejja li fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sitwazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżisti l-ebda differenza bejn dawn l-uffiċjali Awstrijaċi u ħaddiema migranti li wliedhom ma jirrisjedux fl-Awstrija.

    65

    Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament joħloq diskriminazzjoni indiretta bi ħsara għall-ħaddiema migranti li donnha ma tista tiġi ġġustifikata minn ebda għan leġittimu.

    66

    Il-Kummissjoni tosserva li l-benefiċċji tal-familja u l-vantaġġi soċjali u fiskali suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma humiex ikkalkolati skont il-livell tal-prezzijiet fil-post ta’ residenza tal-wild. L-ammont b’rata fissa tagħhom huwa uniformi fit-territorju Awstrijak kollu, minkejja d-differenza fil-kapaċità tal-akkwist bejn diversi reġjuni.

    67

    Il-Kummissjoni tqis li huwa kontradittorju li r-Repubblika tal-Awstrija tippretendi li l-benefiċċji tal-familja u l-vantaġġi soċjali u fiskali suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament huma marbuta mal-ispejjeż effettivament sostnuti għall-manteniment tal-ulied, filwaqt li teskludi aġġustament tal-ammonti tagħhom abbażi tad-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist bejn ir-reġjuni Awstrijaċi, li hija ta’ 8 % bejn il-Land ta’ Vjenna u dak ta’ Niederösterreich pereżempju, u dan fl-istess waqt li dan l-Istat Membru jqis li tali aġġustament huwa meħtieġ minħabba differenzi fil-kapaċità tal-akkwist mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew mar-Repubblika Taljana, stmati, rispettivament. Biss għal 2.6 % u għal-5.2 %.

    68

    Il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma huwiex paragunabbli għall-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea u għall-għajnuna finanzjarja. B’mod partikolari, dan il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma huwiex iddeterminat skont il-post ta’ residenza tal-ulied, iżda skont il-post ta’ impjieg tal-uffiċjali jew il-post fejn titħallas l-għajnuna finanzjarja kkonċernata.

    69

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-ġustifikazzjoni tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni abbażi tal-għan li wieħed iħejji ruħu kontra riskju ta’ ħsara għall bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tippreżupponi li dan ir-riskju huwa gravi. Issa, minn rapport tar-Rechnungshof (il-Qorti tal-Awdituri, l-Awstrija), intitolat «Familienbeihilfe – Ziele und Zielerreichung, Kosten und Kontrollsystem» (Allowance tal-familja – għanijiet u lħuq tal-għanijiet, spejjeż u sistema ta’ kontroll), ippubblikata fix-xahar ta’ Lulju 2018 (iktar il-quddiem ir-“rapport tal-Qorti tal-Awdituri”) u invokat mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura prekontenzjuża, jirriżulta li s-sostenn tal-baġit nazzjonali għall-finanzjament tal-benefiċċji tal-familja sar neċessarju wara ż-żieda tal-ammonti b’rata fissa u t-tnaqqis, fl-istess ħin, tas-sorsi ta’ finanzjament tal-benefiċċji tal-familja. Barra minn hekk, il-benefiċċji tal-familja intiżi għal ulied residenti fi Stat Membru ieħor jirrappreżentaw biss madwar 6 % tal-ħlasijiet globali, u r-riperkussjoni ta’ dawn il-benefiċċji fuq il-finanzjament tal-benefiċċji tal-familja hija prinċipalment attribwibbli għall-assenza ta’ kontrolli xierqa tal-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ dawn il-benefiċċji mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

    70

    Ir-Repubblika tal-Awstrija għalhekk ma tistax tinvoka, bħala ġustifikazzjoni, li hija kellha tirreaġixxi għal żbilanċi kkawżati mis-sostenn finanzjarju mogħti lill-ħaddiema migranti, peress li l-ħaddiema li joriġinaw minn Stati Membri oħra jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistema soċjali u fiskali Awstrijaka bl-istess mod bħal ħaddiema Awstrijaċi, irrispettivament mill-post ta’ residenza ta’ wliedhom.

    71

    Ir-rieda tal-leġiżlatur Awstrijak li jiżgura ruħu li l-benefiċċji tal-familja jew il-vantaġġi soċjali u fiskali jkunu ta’ valur ekwivalenti għall-ulied kollha, indipendentement mill-post ta’ residenza tagħhom ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni msejsa fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Il-ġustifikazzjonijiet imsejsa fuq kunsiderazzjonijiet marbutin mal-ugwaljanza fit-trattament u mal-koerenza tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament huma, barra minn hekk, kontraddetti mill-eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament favur uffiċjali Awstrijaċi kkollokati f’pajjiż barrani.

    72

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tiċħad kull diskriminazzjoni indiretta fil-konfront tal-ħaddiema migranti. Hija tfakkar li l-għoti ta’ vantaġġi soċjali u fiskali lill-ġenituri huwa intiż li jikkumpensa għal parti mill-ispejjeż sostnuti għall-manteniment tal-ulied taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Sabiex dan l-għan jintlaħaq, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu f’pajjiż barrani u s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu fl-Awstrija. Dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex materjalment paragunabbli minħabba differenzi fl-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma jwassalx sabiex sitwazzjonijiet identiċi jiġu trattati b’mod mhux ugwali, iżda jiggarantixxi li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod differenti.

    73

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka diversi eżempji ta’ mekkaniżmi ta’ aġġustament ta’ benefiċċji tal-familja skont il-post ta’ residenza li huma meqjusa leċiti, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-Istat Membru, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, jsostni li, skont il-pożizzjoni tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, responsabbli milli jiżgura l-implimentazzjoni tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u tal-emenda għal din il-karta tat‑3 ta’ Mejju 1996, ir-regola ta’ nondiskriminazzjoni stipulata fl-Artikolu 12(4) tal-imsemmija karta ma tipprekludix lil Stat Membru milli jaġġusta l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mħallsa għal wild li jirrisjedi fi Stat ieħor fejn l-għoli tal-ħajja huwa nettament inferjuri.

    74

    Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament huwa paragunabbli għall-koeffiċjent ta’ korrezzjoni previst fir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġi ggarantit li dawn ikollhom l-istess kapaċità tal-akkwist, irrispettivament mill-post ta’ impjieg tagħhom, jieħu inkunsiderazzjoni differenzi fil-qasam tal-għoli tal-ħajja bejn l-Istati Membri. Il-programm Erasmus+ jinkludi regola paragunabbli, sabiex l-ammont tal-għajnuna għall-ispejjeż ta’ soġġorn u ta’ ċaqliq tal-istudenti jiġi aġġustat.

    75

    Barra minn hekk, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2020 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-dħul minimu għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 u lil hinn (11721/2/20), u b’mod partikolari mir-riferiment għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal‑24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni relattivi għal riżorsi u benefiċċji suffiċjenti fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali (ĠU 1992, L 245, p. 46), jirriżulta li, għall-għoti ta’ benefiċċji meqjusa li jkopru l-bżonn speċifiku, għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-livell tal-ħajja u l-livell tal-prezzijiet fl-Istat ta’ soġġorn.

    76

    Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, id-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist jew fil-livelli tal-prezzijiet huma żgħar ħafna fi ħdan l-Awstrija, meta mqabbla ma dawk li jeżistu bejn l-Istati Membri. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li aġġustament tal-benefiċċji tal-familja skont ir-reġjuni tal-istess Stat Membru jagħti lok għal diffikultajiet li jiġġustifikaw l-użu tal-kalkolu mill-Eurostat ta’ valur medju għal kull stat. Dan ikun jippreżenta l-vantaġġ li jkun kriterju oġġettiv li jevita li jidħol fil-kwistjoni tal-każijiet li fihom jeżistu differenzi żgħar ta’ kapaċità tal-akkwist meta mqabbla mas-sitwazzjoni li teżisti, pereżempju, fil-Ġermanja jew fl-Italja.

    77

    Wara dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, minn naħa, li huwa legali li jiġu ffissati ammonti uniformi għal reġjuni ta’ daqs kbir (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2015, Sopora, C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 34) u, min-naħa l-oħra, li differenzi fl-għoli tal-ħajja bejn Stati Membri jistgħu jikkostitwixxu kriterju ta’ differenzjazzjoni legali (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1963, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 13/63, EU:C:1963:20, u tat‑18 ta’ Settembru 2014, Bundesdruckerei, C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 34).

    78

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta sa fejn dan ma huwiex applikabbli għall-ulied residenti fi Stat li fih ġie kkolokat wieħed mill-ġenituri tagħhom li għandu l-istatus ta’ uffiċjal Awstrijak. Hija ssostni li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal ikkollokat ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ ħaddiem migrant, kemm minn perspettiva ġuridika kif ukoll minn perspettiva sostantiva.

    79

    Minn naħa, id-dritt internazzjonali, id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali jirrikonoxxu l-aspett partikolari tas-sitwazzjoni tal-uffiċjali kkollokati f’pajjiż barrani. Mill-Artikolu 45(4) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 11(3)(b) u mill-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li l-uffiċjali kkollokati f’pajjiż barrani ma għandhomx, fl-Istati ospitanti, dritt għal allowances tal-familja u, b’konsegwenza ta’ dan, lanqas ma għandhom dritt għal pagamenti differenzjali jew għal benefiċċji addizzjonali marbutin mas-sitwazzjoni tal-familja tagħhom. Iktar minn hekk, abbażi tad-dritt Awstrijak, l-uffiċjali kkollokati f’pajjiż barrani huma meqjusa bħala li jeżerċitaw attività fit-territorju nazzjonali kemm f’dak li jirrigwarda s-sistema tagħhom ta’ sigurtà soċjali kif ukoll f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni fiskali tagħhom. Fil-qasam ċivili, huma jibqgħu dejjem taħt il-forum ġenerali Awstrijak.

    80

    Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti hija differenti minn dik tal-uffiċjali peress li t-trasferimenti, fit-territorju nazzjonali jew f’pajjiż barrani, jifformaw parti integrali mill-attività tagħhom. Għalkemm ġeneralment l-imsieħba u l-ulied tal-uffiċjali kkollokati f’pajjiż barrani ġeneralment jiċċaqilqu ma dawn tal-aħħar, id-domiċilju u ċ-ċentru tal-interessi tal-familja jibqgħu madankollu, bħala regola ġenerali, fl-Awstrija.

    81

    Jekk jiġi aċċettat li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali kkollokati f’pajjiż barrani hija paragunabbli għal dik tal-ħaddiema migranti jkun ifisser li jitqies li dawn tal-ewwel, li huma esklużi mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament, huma żvantaġġati meta mqabbla ma dawn tal-aħħar. Fil-fatt, għall-parti l-kbira tal-uffiċjali Awstrijaċi kkollokati fi Stati Membri oħra, fl-Isvizzera jew fit-territorju ta’ partijiet għall-ftehim ŻEE, l-għoli tal-ħajja huwa ikbar minn dak li jeżisti fl-Awstrija.

    82

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis li r-regoli applikabbli għall-uffiċjali Awstrijaċi kkollokati f’pajjiż barrani jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet li tali diskriminazzjoni hija ġġustifikata mid-dmir ta’ premura tal-Istat fil-konfront tal-uffiċjali tiegħu, marbut mal-obbligu ta’ lealtà tagħhom lejh, sa fejn dawn iż-żewġ elementi jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

    83

    Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, għalkemm issa l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssostni li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma hijiex koerenti, dan l-ilment, peress li ma tqajjimx fl- opinjoni motivata, huwa inammissibbli.

    84

    F’kull każ, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li dan l-ilment huwa infondat. Ir-regoli applikabbli għall-uffiċjali kkollokati f’pajjiż barrani, għalkemm jidderogaw ċertament meta mqabbla mas-sistema komuni applikabbli fl-Awstrija, madankollu jifformaw parti minn sistema koerenti, ibbażata fuq id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Dawn ir-regoli jirrigwardaw madwar 400 uffiċjali Awstrijaċi kkollokati f’pajjiż barrani fit-territorju ta’ parti għall-ftehim ŻEE jew fl-Isvizzera. Hija biss parti minn dawn l-uffiċjali li tirċievi allowances tal-familja. Għandha, għalhekk, tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li kull eċċezzjoni għal leġiżlazzjoni nazzjonali ma twassalx sabiex din ma tibqax koerenti. Dispożizzjonijiet li jipprevedu eċċezzjoni li għandhom kamp ta’ applikazzjoni partikolarment limitat ma jippermettux li jiġi deċiż li jeżisti nuqqas ta’ koerenza (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑531/06, EU:C:2009:315, punti 6973).

    85

    Sussidjarjament, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, anki jekk tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, din hija ġġustifikata minn għan leġittimu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

    86

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-leġiżlatur Awstrijak kien qiegħed jipprova jilħaq għan speċifiku ta’ ekonomija baġitarja. Din l-allegazzjoni tal-Kummissjoni hija kkonfutata mix-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament u, b’mod partikolari, mill-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu f’termini ta’ effikaċja.

    87

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allowances tal-familja u l-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, ladarba dawn il-benefiċċji tal-familja ma jibqgħux jaqdu l-għan tagħhom li huwa dak li jipprovdi kumpens għal parti mill-ispejjeż tipikament marbuta mal-manteniment tal-ulied, peress li l-ammont tagħhom kien jiġi esportat b’mod indifferenzjat lejn Stati Membri li l-livell tal-prezzijiet tagħhom kien differenti minn dak tar-Repubblika tal-Awstrija, l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament saret neċessarja. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu kien intiż li jistabbilixxi mill-ġdid il-funzjoni ta’ sostenn għall-manteniment tal-ulied u l-ekwità tas-sistema soċjali. Sabiex dan l-għan soċjopolitiku jintlaħaq, kien neċessarju li jitneħħew il-benefiċċji eċċedentarji jew insuffiċjenti minħabba l-applikazzjoni indifferenzjata tal-ammonti tal-allowances tal-familja. Peress li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament jipprevedi żieda jew tnaqqis tal-ammonti mħallsa fl-Awstrija, b’mod proporzjonali mal-livell tal-prezzijiet fl-Istat Membru ta’ residenza tal-wild dipendenti, dan jiggarantixxi li kull wild effettivament jibbenefika minn benefiċċju tal-istess valur ekonomiku. Dan hux biss talli huwa proporzjonali, iżda wkoll konformi mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 883/2004 li tgħid għandu jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ assimilazzjoni ta’ fatti jew ta’ każijiet ma jwassalx għal riżultati li, b’mod oġġettiv, ma jkunux ġustifikati.

    88

    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-bonus tal-familja “plus” u l-krediti l-oħra ta’ taxxa, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tiggarantixxi li l-ispejjeż reali jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod ekwu u li l-kontribwenti kollha li jeżerċitaw attività professjonali, u li għandhom ulied, jiġu trattati bl-istess mod f’dak li jirrigwarda l-kapaċità kontributorja tagħhom. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ kapaċità kontributorja. Il-bażi tal-prinċipju msemmi l-aħħar, ankrat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, tinsab fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-fiskalità diretta, u jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt fiskali tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-paragunabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet fattwali f’dak li jirrigwarda allowances ta’ espatrijazzjoni billi ddeċidiet li “paragunabbiltà bħal din ma tagħmilx parti mill-għan mixtieq skont skala progressiva tat-taxxa li hija neċessarjament ibbażata […] fuq evalwazzjoni tal-kapaċità kontributorja tal-persuna taxxabbli mwettqa abbażi tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat” (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Schulz-Delzers u Schulz, C‑240/10, EU:C:2011:591, punt 37).

    89

    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Awstrija tiddikjara li, peress li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament jiggarantixxi l-għoti ta’ sostenn jew ta’ tħaffif tal-istess valur, dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-ilħuq tal-għan imfittex.

    90

    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali li jirriżultaw mil-mekkaniżmu ta’ aġġustament huma limitati ħafna. Fil-fatt, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat kompetenti konformement mar-Regolament Nru 883/2004, ikun, f’numru kbir ta’ każijiet, f’kull każ neċessarju li jiġi kkonstatat liema huwa l-Istat ta’ residenza tal-wild ikkonċernat. In-numru ta’ wlied residenti fi Stati Membri oħra li fir-rigward tagħhom jeżisti dritt għall-allowances tal-familja żdied minn 1500 fis-sena 2002 għal madwar 130000 għas-sena 2016. Il-Qorti tal-Awdituri kkonstatat li l-każijiet li jinvolvu element barrani “ġew ikkontrollati iktar ta’ spiss mis-sitwazzjonijiet nazzjonali minħabba l-kwalifikazzjoni tar-riskju”.

    91

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tispeċifika li l-pagamenti differenzjali li hija twettaq abbażi tal-ulied li jirrisjedu fi Stati Membri oħra ta’ spiss jaqbżu l-benefiċċji primarji fl-Istat ta’ residenza tal-ulied.

    92

    Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-argument li ma huwiex ekwu li ħaddiema jħallsu taxxi u kontribuzzjonijiet fl-Awstrija, u b’dan il-mod jipparteċipaw għall-finanzjament tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi soċjali u fiskali, sabiex fl-aħħar mill-aħħar jirċievuhom biss fil-forma ta’ benefiċċji li l-valur tagħhom huwa adattat meta wliedhom jirrisjedu fi Stati Membri oħra. Hija tqis li l-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem hija indifferenti. Sa fejn ma teżisti ebda relazzjoni bejn eventwali obbligu fiskali u d-dritt għall-benefiċċji mħallsa mill-Istat.

    L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    93

    [Kif irrettifikat permezz tad-digriet tas-6 ta’ Settembru 2022] Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li kien ifformulat, essenzjalment, fl-istess termini bħall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, kien li jiżgura, konformement mal-Artikolu 39 KE, li sar l-Artikolu 45 TFUE, favur il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament, l-ugwaljanza fil-qasam tas-sigurtà soċjali mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, billi titneħħa kull diskriminazzjoni f’dan ir-rigward li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová, C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 42).

    94

    Peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stipulat fl-Artikolu 45 TFUE huwa kkonkretizzat ukoll fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jispeċifika li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali, din l-aħħar dispożizzjoni għandha wkoll tiġi interpretata bl-istess mod bħall-Artikolu 45 TFUE (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 2470, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    95

    Il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” estiż permezz tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra jinkludi l-vantaġġi kollha, irrispettivament minn jekk humiex jew le marbuta ma kuntratt tax-xogħol, li huma ġeneralment rikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, minħabba prinċipalment il-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk li hija xierqa sabiex tiffaċilita l-mobilità tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u r-riferiment li jsir f’din id-dispożizzjoni għall-vantaġġi soċjali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 2529 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    96

    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti benefiċċji jistgħu jikkostitwixxu kemm benefiċċji tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 4546 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    97

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-allowance tal-familja u l-kreditu ta’ taxxa għal wild dipendenti huma kemm benefiċċji tal-familja suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u kif ukoll vantaġġi soċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, filwaqt li l-bonus tal-familja “plus”, il-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed, il-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed u l-kreditu ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment huma suġġetti biss għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    98

    F’kull każ, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 it-tnejn li huma jikkonkretizzaw ir-regola tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li tinsab fl-Artikolu 45 TFUE. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jiġu interpretati bl-istess mod u konformament mal-Artikolu 45 TFUE.

    99

    Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tippreġudika iktar lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    F’dan il-każ, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ivarja l-ammont tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi soċjali koperti minnu skont il-livell tal-prezzijiet fil-post ta’ residenza tal-ulied. Għalhekk, l-aġġustamenti l-fuq jew l-isfel jiġu applikati biss fil-każ li l-wild jirrisjedi barra mit-territorju Awstrijaku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rabta’ diretta mal-Istat ta’ residenza tal-ulied ma tistax tiġi kkontestata.

    101

    Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 130 u 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja kif ukoll tal-vantaġġi soċjali u fiskali li jirriżulta mill-kriterju marbut mar-residenza tal-ulied stabbilit permezz tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament jaffettwa essenzjalment lill-ħaddiema migranti, peress li huwa iktar probabbli li wliedhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44). Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minħabba differenzi bejn l-għoli tal-ħajja f’dawn l-Istati meta mqabbel mal-għoli tal-ħajja fl-Awstrija, riflessi permezz tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jinsabu fir-Regolament ta’ Aġġustament, il-ħaddiema li eżerċitaw il-libertà ta’ ċirkolazzjoni tagħhom mill-imsemmija Stati huma dawk li fil-parti l-kbira tagħhom jirċievu benefiċċji tal-familja u vantaġġi soċjali u fiskali li l-ammont tagħhom huwa inqas minn dak mogħti lill-ħaddiema nazzjonali.

    102

    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħid li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament jiggarantixxi li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod differenti, minħabba differenzi fil-livelli tal-prezzijiet mal-Istati kkonċernati, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-benefiċċji tal-familja u l-vantaġġi soċjali u fiskali suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma humiex stabbiliti skont spejjeż reali sostnuti għall-manteniment tal-ulied. Fil-fatt, dawn il-benefiċċji u dawn il-vantaġġi huma b’rata fissa u jvarjaw skont in-numru u, jekk ikun il-każ, l-età tal-ulied, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet reali tagħhom.

    103

    Minn dan isegwi li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, li huwa msejjes fuq il-kriterju ta’ residenza f’pajjiż barrani tal-ulied għad-determinazzjoni tal-ammont tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi soċjali u fiskali, jaffettwa iktar lill-ħaddiema migranti. Għalhekk dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata.

    104

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li sabiex tiġi ġġustifikata, tali diskriminazzjoni indiretta għandha tkun xierqa li tiggarantixxi l-ilħuq ta’ għan leġittimu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan il-għan jintlaħaq (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild ta’ konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105

    Il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, li tgħid li l-aġġustament tal-ammont tal-benefiċċji għall-ulied mhux residenti huwa intiż li jiggarantixxi li s-sostenn u t-tħaffif, b’konsegwenza ta’ dan, tal-ispejjeż tal-familja għandhom valur ekonomiku li jikkorrispondi għal dak tal-benefiċċji għall-ulied residenti fl-Awstrija, hija, għar-raġunijiet esposti fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, infondata. Iktar minn hekk, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-benefiċċji tal-familja u l-vantaġġi soċjali inkwistjoni ma humiex suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament meta l-ulied jirrisjedu fl-Awstrija minkejja li huwa paċifiku li jeżistu, bejn ir-reġjuni ta’ dan l-Istat Membru, differenzi fil-livelli tal-prezzijiet li d-daqs tagħhom huwa paragunabbli għal dak ta’ differenzi li jistgħu jeżistu bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u Stati Membri oħra. Dan in-nuqqas ta’ koerenza fl-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu jikkonferma li l-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tiġi aċċettata.

    106

    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma jistax ikun iġġustifikat mill-għan li tiġi żgurata l-funzjoni ta’ sostenn u l-ekwità tas-sistema soċjali invokat mir-Repubblika tal-Awstrija.

    107

    Fil-fatt, qabel kollox, hekk kif osservat il-Kummissjoni matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri la juri li jeżisti riskju ta’ preġudizzju serju għall-bilanċ finanzjarju li jista’ jiġi rrimedjat biss bl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament, u lanqas li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament huwa ta’ natura li jissimplifika l-ġestjoni tal-benefiċċji tal-familja u tal-vantaġġi soċjali u fiskali. Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif tallega r-Repubblika tal-Awstrija, li l-ispejjeż addizzjonali tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament huma limitati ħafna, xorta jibqa’ l-fatt li tali spejjeż addizzjonali jeżistu. Madankollu, huwa paċifiku, hekk kif ġustament osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-ispejjeż huma sostnuti minn dawk il-persuni kollha li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri jista’ jiġi dedott li r-riskju ta’ perikolu għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali ma jirriżultax mill-ħlas ta’ benefiċċji lill-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu barra mill-Awstrija, peress li dawn huma stmati li jammontaw għal madwar 6 % tal-ispejjeż sostnuti abbażi tal-benefiċċji tal-familja, iżda li dan ir-riskju jista’ jkun ġej mill-assenza ta’ kontroll xieraq f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

    108

    Wara dan, il-libertà ta’ ċirkolazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni hija msejsa fuq ċertu numru ta’ prinċipji, fosthom dak tal-ugwaljanza fit-trattament. L-implimentazzjoni tagħha fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija, min-naħa l-oħra, żgurata minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni msejsa, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam. Dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa intiż li jneħħi l-inugwaljanzi fit-trattament li, għall-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni, jkunu l-konsegwenza ta’ kumulu parzjali jew totali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli. huwa għalhekk li, konformement mal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi ggarantita bl-aħjar mod possibbli l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru, li persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru hija suġġetta, bħala regola ġenerali, għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u hemmhekk għandha, konformement mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, tibbenefika mill-istess benefiċċji bħal dawk li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-istess Stat.

    109

    Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-ħaddiema migranti jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività ta’ impjieg li jeżerċitaw hemmhekk. Għalhekk, huma għandhom jibbenefikaw mill-imsemmija politika taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, dan l-element jikkonferma l-importanza tal-approċċ li jgħid li l-ħaddiema migranti għandhom jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament kemm f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji tal-familja kif ukoll fir-rigward tal-vantaġġi fiskali u soċjali.

    110

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-allowances tal-familja Awstrijaċi huma ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw ikkalkolati fuq il-bażi tal-ammont total tal-pagi tal-ħaddiema li huma jimpjegaw b’tali mod li l-ħaddiem migrant jipparteċipa bl-istess mod bħal ħaddiem nazzjonali fid-determinazzjoni tal-ammont tas-somom imħallsa mill-persuna li timpjegah, u dan mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ residenza tal-ulied ta’ dawn il-ħaddiema. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-bonus tal-familja “plus” u l-krediti ta’ taxxa l-oħra suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ aġġustament, peress li dawn il-vantaġġi fiskali huma ffinanzjati permezz tat-taxxa fuq id-dħul tal-ħaddiema, mingħajr distinzjoni skont jekk uliedhom jirrisjedux fit-territorju Awstrijak jew le.

    111

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 146 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li d-differenza fit-trattament skont il-post ta’ residenza tal-wild tal-ħaddiem ikkonċernat stabbilita permezz tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament la hija xierqa u lanqas ma hija neċessarja għall-finijiet li tiġi żgurata l-funzjoni ta’ sostenn kif ukoll l-ekwità tas-sistema soċjali.

    112

    Għalhekk, anki t-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala infondat.

    113

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li:

    billi stabbilixxiet il-mekkaniżmu ta’ aġġustament applikabbli għall-allowances tal-familja u għall-krediti ta’ taxxa għal wild dipendenti għall-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt tal-Artikoli 4 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u

    billi stabbilixxiet, għall-ħaddiema migranti li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament applikabbli għall-bonus tal-familja “plus”, għall-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed, għall-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed u għall-krediti ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    Fuq l‑ispejjeż

    114

    Skont kliem l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

    115

    Konformement mal-Artikolu 140(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li l-Istati Membri, l-Istati partijiet għall-ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju tan-Norveġja u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi stabbilixxiet il-mekkaniżmu ta’ aġġustament li rriżulta mill-emendi magħmula għall-Artikolu 8a tal-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances), tal‑24 ta’ Ottubru 1967, kif emendata bil-Bundesgesetz mit dem das Familienlastenausgleichsgesetz 1967, das Einkommensteuergesetz 1988 und das Entwicklungshelfergesetz geändert werden (il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances tal‑1967, il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi tal-1988, u tal-liġi dwar il-persunal ta’ għajnuna għall-iżvilupp) tal‑4 ta’ Diċembru 2018, u għall-Artikolu 33 tal-Bundesgesetz über die Besteuerung des Einkommens natürlicher Personen (il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi), tas‑7 ta’ Lulju 1988, kif emendata bil-Jahressteuergesetz 2018 (il-Liġi Fiskali Annwali tal‑2018), tal‑14 ta’ Awwissu 2018, u bil-il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances tal-1967, il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi tal‑1988 u l-liġi dwar il-persunal ta’ għajnuna għall-iżvilupp, tal‑4 ta’ Diċembru 2018, applikabbli għall-allowances tal-familja u għall-krediti ta’ taxxa għal wild dipendenti għall-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt tal-Artikoli 4 u 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

     

    2)

    Billi stabbilixxiet, għall-ħaddiema migranti li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament li rriżulta mill-emendi magħmula għall-Artikolu 8a tal-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances), tal‑24 ta’ Ottubru 1967, kif emendata bil-Bundesgesetz mit dem das Familienlastenausgleichsgesetz 1967, das Einkommensteuergesetz 1988 und das Entwicklungshelfergesetz geändert werden (il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances tal‑1967, il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi tal-1988, u tal-liġi dwar il-persunal ta’ għajnuna għall-iżvilupp) tal-4 ta’ Diċembru 2018 u għall-Artikolu 33 tal-Bundesgesetz über die Besteuerung des Einkommens natürlicher Personen (il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi), tas‑7 ta’ Lulju 1988, kif emendata bil-Jahressteuergesetz 2018 (il-Liġi Fiskali Annwali tal‑2018), tal‑14 ta’ Awwissu 2018, u bil-Liġi Federali li Temenda l-Liġi Federali dwar il-Kumpens tal-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances tal‑1967, il-Liġi Federali dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi tal‑1988 u l-liġi dwar il-persunal ta’ għajnuna għall-iżvilupp, tal‑4 ta’ Diċembru 2018, applikabbli għall-bonus tal-familja “plus”, għall-kreditu ta’ taxxa għal dar bi dħul wieħed, għall-kreditu ta’ taxxa għal dar b’ġenitur wieħed u għall-krediti ta’ taxxa għal pensjoni tal-manteniment, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

     

    3)

    Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    4)

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, r-Repubblika Slovakka, ir-Renju tan-Norveġja u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Üles