Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0327

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-13 ta’ Jannar 2022.
Skarb Państwa - Starosta Nyski vs New Media Development & Hotel Services Sp. z o.o.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Opolu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘tranżazzjoni kummerċjali’ – Awtorità pubblika li taġixxi bħala kreditur ta’ impriża – Esklużjoni – Għoti minn awtorità pubblika ta’ proprjetà immobbli b’użufrutt perpetwu lil impriża bi ħlas ta’ tariffa annwali.
Kawża C-327/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:23

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘tranżazzjoni kummerċjali’ – Awtorità pubblika li taġixxi bħala kreditur ta’ impriża – Esklużjoni – Għoti minn awtorità pubblika ta’ proprjetà immobbli b’użufrutt perpetwu lil impriża bi ħlas ta’ tariffa annwali”

Fil-Kawża C‑327/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Skarb Państwa – Starosta Nyski

vs

New Media Development parzjalità Hotel Services sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin, u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Brauhoff u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226), kif ukoll tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Skarb Państwa – Starosta Nyski (Teżor Pubbliku – distrett ta’ Nysa, il-Polonja) (iktar ’il quddiem it-“Teżor Pubbliku”) u New Media Development & Hotel Services sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “New Media”) dwar l-interessi li għandhom jiġi applikati għad-dewmien fil-ħlas ta’ tariffa annwali dovuta lil tal-ewwel bi ħlas tal-użufrutt perpetwu ta’ art ittrasferita lit-tieni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/7/KEE

3

Il-premessi 3, 8, 9, 14 u 23 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdu li:

“(3)

Ħafna mill-ħlasijiet fi transazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ekonomiċi jew bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi jsiru aktar tard milli jkun miftiehem fil-kuntratt jew milli jkun stipulat fil-kondizzjonijiet ġenerali kummerċjali. Għalkemm il-prodotti jiġu fornuti jew is-servizzi jseħħu, ħafna mill-fatturi korrispondenti jitħallsu ħafna wara l-iskadenza. Dan il-ħlas tard iħalli effett negattiv fuq il-likwidità u jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tal-intrapriżi. Iħalli effett ukoll fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ profitt tagħhom meta l-kreditur ikollu ħtieġa jikseb finanzjament estern minħabba ħlas tard. Ir-riskju ta’ dawn l-effetti negattivi jiżdied ħafna f’perjodi ta’ kriżi ekonomika meta l-aċċess għall-finanzjament huwa aktar diffiċli.

[…]

(8)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandu jkun limitat għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. Din id-Direttiva ma għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, imgħax b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, per eżempju ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, jew ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-danni inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni. […]

(9)

Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, ladarba l-awtoritajiet pubbliċi jittrattaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-intrapriżi. […]

[…]

(14)

Fl-interess tal-konsistenza tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, id-definizzjoni ta’ ‘awtoritajiet kontraenti’ fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] u fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)]

[…]

(23)

Bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi jibbenefikaw minn flussi ta’ dħul aktar żguri, prevedibbli u kontinwi mill-intrapriżi. Barra minn hekk, ħafna awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiksbu finanzjament b’kondizzjonijiet aktar attraenti mill-intrapriżi. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet pubbliċi jiddependu inqas mill-intrapriżi privati fuq il-bini ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbli biex jiksbu l-objettivi tagħhom. Il-perjodi twal għall-ħlas u l-ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi għall-prodotti u s-servizzi jwasslu għal spejjeż mhux ġustifikati għall-intrapriżi. Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti regoli speċifiċi fir-rigward tat-transazzjonijiet kummerċjali għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi minn intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jipprevedu b’mod partikolari perjodi għall-ħlas li normalment ma jaqbżux it-30 jum kalendarju, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor espliċitament fil-kuntratt u sakemm ikun oġġettivament iġġustifkat meta jitqiesu n-natura jew il-karatteristiki partikulari tal-kuntratt u fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu s-60 jum kalendarju.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u medji (IŻM)].

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

2)

‘awtorità pubblika’ tfisser kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt;

3)

‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda;

[…]

6)

‘imgħax statutorju għal ħlas tard’ tfisser imgħax sempliċi għal ħlas tard b’rata li hija ekwivalenti għas-somma tar-rata ta’ referenza u mill-inqas tmien punti perċentwali;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7, dwar tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’dawn it-tranżazzjonijiet, il-kreditur ikun intitolat jitlob interessi moratorji mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fih ikunu ssodisfatti.

7

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; u

b)

il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

[…]”

8

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tagħha, l-imsemmija direttiva ħassret id-Direttiva 2000/35 b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013.

Id-Direttiva 2004/17

9

L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtoritajiet kontraenti” bħala “l-awtortiajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, korpijiet irregolati minn liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorita waħda bħal din jew numru ta’ awtoritajiet bħal dawn jew korp wieħed bħal dan jew numru ta’ korpijiet bħal dawn irregolati minn liġi pubblika”.

10

Din id-definizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17 (ĠU 2014, L 94, p. 243), b’effett fit-18 ta’ April 2016.

Id-Direttiva 2004/18

11

L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtoritajiet kontraenti” fl-istess termini bħall-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17.

12

Id-Direttiva 2004/18 tħassret u ġiet issostitwita b’effett mit-18 ta’ April 2016 bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65). Il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 2014/24 jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 1(9) u għall-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/18.

Id-dritt Pollakk

Il-liġi tat-8 ta’ Marzu 2013

13

L-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi intiża għall-ġlieda kont id-dewmien eċċessiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, test ikkonsolidat), tat-8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal-2019, pożizzjoni 118, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013”), ittrasponiet id-Direttiva 2011/7 fid-dritt Pollakk u daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ April 2013.

14

L-Artikolu 2 tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ [din] il-liġi japplikaw għat-tranżazzjonijiet kummerċjali li huma partijiet esklużivi għalihom:

1)

l-imprendituri fis-sens tal-ustawa […] – Prawo przedsiębiorców [(il-Liġi dwar id-Dritt tal-Imprendituri), tas-6 ta’ Marzu 2018];

[…]

3)

l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-ustawa […] – Prawo zamówień publicznych [(il-Liġi dwar is-Swieq Pubbliċi), tad-29 ta’ Jannar 2004 […]”

15

L-Artikolu 4(1), (2) u (3) tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

1)

‘tranżazzjoni kummerċjali’ tfisser kuntratt li għandu bħala suġġett il-provvista ta’ merkanzija jew provvista ta’ servizzi bi ħlas, jekk il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 2 jikkonkludu dan il-kuntratt fil-kuntest tal-attività li huma jeżerċitaw;

[…]

2)

‘awtorità pubblika’ tfisser l-entitajiet imsemmija fil-punti 1 sa 3a tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi tad-29 ta’ Jannar 2004 dwar il-kuntratti pubbliċi;

3)

l-interessi legali minħabba dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali tfisser:

a)

f’każ ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur huwa entità pubblika tas-settur mediku: interessi f’ammont ugwali għar-rata ta’ riferiment tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja biż-żieda ta’ tmien punti perċentwali,

b)

f’każ ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ma huwiex entità pubblika tas-settur mediku: interessi f’ammont ugwali għar-rata ta’ riferiment tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja biż-żieda ta’ għaxar punti perċentwali […]”

16

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013:

“Bl-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet fejn id-debitur huwa awtorità pubblika, il-kredituri li huma partijiet għal tranżazzjonijiet kummerċjali għandhom id-dritt, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ ordni għall-ħlas, u sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu dwar rata ta’ interessi ogħla, għall-interessi legali għal ħlas tardiv, għall-perijodu bejn id-data li fiha l-ħlas ikun dovut sad-data li fiha jsir, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin jiġu ssodisfatti:

1.

il-kreditur ikun issodisfa l-obbligi tiegħu;

2.

huwa ma rċeviex il-ħlas fit-terminu stabbilit fil-kuntratt.”

Il-Liġi dwar il-Ġestjoni ta’ Proprjetà Immobbli

17

L-Artikolu 71 tal-ustawa o gospodarce nieruchomościami (il-Liġi dwar il-Ġestjoni ta’ Proprjetà Immobbli), tal-21 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 2204), tipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tagħha:

“1.   It-trasferiment ta’ art b’użufrutt perpetwu huwa suġġett għall-ewwel tariffa u għal tariffa annwali.

[…]

4.   It-tariffa annwali għandha titħallas bil-quddiem, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, matul il-perijodu kollu tal-użufrutt perpetwu. […]”

Il-Kodiċi Ċivili

18

Skont l-Artikolu 232(1) u (2) tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), tat-23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal-1964, Nru 16, pożizzjoni 93) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

“L-artijiet li jikkostitwixxu l-proprjetà tal-Istat u li jinsabu fil-limiti amministrattivi tal-bliet, l-artijiet tal-Istat li jinsabu barra minn dawn il-limiti, iżda inkorporati fil-pjan ta’ ppjanar tat-territorju tal-belt u allokati għat-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi tiegħu, u l-artijiet li jikkostitwixxu l-proprjetà ta’ kollettivitajiet territorjali jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jingħataw b’użufrutt perpetwu lil persuni fiżiċi u lil persuni ġuridiċi.

Fil-każijiet previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi, l-użufrutt perpetwu jista’ jirrigwarda wkoll artijiet oħra tal-Istat, tal-awtoritajiet territorjali jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom.”

19

Skont l-Artikolu 238 ta’ dan il-kodiċi, “l-użufruttwarju perpetwu għandu jħallas tariffa annwali għat-tul kollu tad-dritt tiegħu”.

20

Skont l-Artikolu 481(1) tal-imsemmi kodiċi, jekk id-debitur iħallas tard servizz pekunjarju, il-kreditur jista’ jitlob interessi moratorji anki jekk ma jkun sofra ebda dannu u jekk id-dewmien jirriżulta minn ċirkustanzi mhux imputabbli lid-debitur.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż fil-15 ta’ Mejju 2014, New Media akkwistat l-użufrutt perpetwu ta’ art mingħand il-persuna li lilha t-Teżor Pubbliku kien inizjalment ittrasferixxa dan l-użufrutt. Skont l-Artikolu 71 tal-liġi dwar il-ġestjoni tal-beni immobbli, New Media, fil-kwalità tagħha ta’ użufruttwarju perpetwu, hija marbuta tħallas lit-Teżor Pubbliku tariffa annwali.

22

Peress li ma rċeviex l-ammont ta’ din it-tariffa fl-iskadenza tal-31 ta’ Marzu 2018, it-Teżor Pubbliku ppreżenta quddiem is-Sąd Rejonowy w Nysie (il-Qorti Distrettwali ta’ Nysa, il-Polonja) rikors intiż sabiex New Media tiġi kkundannata għall-ħlas tas-somma prinċipali dovuta ta’ 3 365.55 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 755), flimkien mal-interessi moratorji minħabba ħlas tardiv, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013.

23

Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-24 ta’ Mejju 2019, din il-qorti kkundannat lil New Media għall-ħlas tas-somma prinċipali dovuta, miżjuda bl-interessi moratorji fil-ħlas ikkalkolati mill-1 ta’ April 2018, abbażi tal-Artikolu 481 tal-Kodiċi Ċivili u mhux fuq dak tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013, minħabba li l-obbligu li titħallas it-tariffa annwali ma jirriżultax minn “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din il-liġi, iżda għandu bħala bażi legali l-Artikolu 71 tal-Liġi dwar il-ġestjoni tal-proprjetajiet immobbli u l-Artikolu 238 tal-Kodiċi Ċivili. Barra minn hekk, hija kkonstatat li t-Teżor Pubbliku ma huwiex parti fil-kuntratt tal-15 ta’ Mejju 2014, li permezz tiegħu New Media akkwistat l-użufrutt perpetwu tal-art ikkonċernata.

24

It-Teżor Pubbliku appella minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għall-ħlas tal-interessi skont il-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 billi jsostni li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi. L-użufrutt perpetwu, għalkemm stabbilit mil-liġi dwar il-ġestjoni tal-proprjetà immobbli, jagħti lok, ipso iure, għal relazzjoni kuntrattwali bejn it-Teżor Pubbliku, proprjetarju tal-proprjetà immobbli, u l-użufruttwarju.

25

Skont il-qorti tar-rinviju, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id-dewmien fil-ħlas tat-tariffa ta’ użufrutt perpetwu jippermettix lit-Teżor Pubbliku li jitlob interessi għal dan id-dewmien skont il-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013, li timplementa d-Direttiva 2011/7 fid-dritt Pollakk, jew skont ir-regoli previsti mill-Kodiċi Ċivili.

26

Din il-qorti għandha, qabelxejn, dubji dwar il-kwistjoni jekk l-għoti ta’ art b’użufrutt perpetwu jaqax taħt il-kunċetti ta’ “provvista ta’ merkanzija” jew ta’ “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, u, għaldaqstant, jekk it-tariffa annwali dovuta bħala remunerazzjoni għal dan l-użufrutt tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, dwar il-punt jekk din it-tariffa annwali taqax taħt tranżazzjoni bejn “impriża” u “awtorità pubblika” u, sussegwentement, “tranżazzjoni kummerċjali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7. Sa fejn New Media kisbet l-użufrutt perpetwu, mhux mingħand it-Teżor Pubbliku, iżda mingħand it-terz li lilu t-Teżor Pubbliku kien inizjalment ittrasferixxa dan l-użufrutt, din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk huwiex biss dan it-trasferiment inizjali, fejn it-Teżor Pubbliku kien parti, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, jew jekk New Media għandhiex tiġi kkunsidrata bħala suċċessur tal-kokontraent tagħha, bil-konsegwenza li l-effetti tat-trasferiment inizjali bejn dan tal-aħħar u t-Teżor Pubbliku huma estiżi għaliha.

28

Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn is-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/7, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk din it-tranżazzjoni kummerċjali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva, kif trasposta fid-dritt Pollakk bil-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013. Din il-qorti tippreċiża li l-leġiżlatur Pollakk, kif tippermettilu d-Direttiva 2011/7, eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013. Issa, fil-kawża prinċipali, peress li l-użufrutt perpetwu kien inizjalment ittrasferit fil-5 ta’ Diċembru 1990, huwa biss it-trasferiment ta’ dan l-użufrutt lil New Media, fil-15 ta’ Mejju 2014, li jaqa’ taħt id-Direttiva 2011/7.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole), il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li t-tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 2011/7], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 4(1) tal-[Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013] jinftiehmu b’mod li taħt il-kunċett ta’ oġġett ma taqax proprjetà immobbli u taħt il-kunċett ta’ kunsinna ta’ oġġetti ma jaqax it-tqegħid ta’ proprjetà immobbli taħt użufrutt perpetwu fis-sens tal-Artikolu 232 et seq tal-Kodiċi Ċivili, jew, jekk ikun il-każ, li tali aġir ma jistax jitqies bħala provvista ta’ servizzi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1, l-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Artikolu 71 et seq tal-[Liġi dwar l-immaniġġjar tal-proprjetà immobbli] u l-Artikolu 238 tal-Kodiċi Ċivili jinftiehmu b’mod li l-ġbir annwali, [mit-Teżor Pubbliku], ta’ tariffi għal użufrutt perpetwu mingħand entitajiet li jeżerċitaw attività kummerċjali iżda li ma kinux l-entitajiet oriġinali li favur tagħhom it-[Teżor Pubbliku] stabbilixxa d-dritt ta’ użufrutt perpetwu, u li kisbu dan id-dritt mingħand użufruttwarji perpetwi oħra, ma jaqax fl-ambitu tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali u ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-[Direttiva 2011/7] u tal-Artikoli 2 u 4(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 […], jew, jekk ikun il-każ, li tali aġir ma huwiex kopert mill-ambitu tad-[Direttiva 2011/7] u tal-liġi msemmija iktar ’il fuq?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi 1 u 2: l-Artikolu 12(4) tad-[Direttiva 2011/7] u tal-Artikolu 6(3)(b) tad-[Direttiva 2000/35], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Artikolu 15 tal-Liġi tat-8 ta’ Marzu 2013 […] u l-Artikolu 12 tal-ustawa o terminach zapłaty w transakcjach handlowych (Il-Liġi dwar it-termini ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali), tat-12 ta’ Ġunju 2003 [(Dz. U. de 2003, Nru 139, pożizzjoni 1323)], jinftiehmu b’mod li jeskludu l-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva u tal-liġijiet li jimplimentawha jiġu applikati fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ tad-dritt ta’ użufrutt perpetwu lill-użufruttwarju perpetwu attwali, li huwa obbligat li jħallas tariffa annwali, li ġew konklużi wara t-28 ta’ April 2013 u l-1 ta’ Jannar 2004, fil-każ fejn l-għoti oriġinali tal-art b’użufrutt perpetwu mit-[Teżor Pubbliku] lil entità oħra seħħ qabel it-28 ta’ April 2013 u l-1 ta’ Jannar 2004?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, peress li tirrigwarda l-ewwel kundizzjoni meħtieġa mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 sabiex tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-ġbir, minn awtorità pubblika, ta’ tariffa dovuta bħala remunerazzjoni għall-użufrutt perpetwu ta’ art, mingħand impriża li din l-awtorità pubblika hija kreditur tagħha.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7, din tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal “tranżazzjonijiet kummerċjali” u li dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessi 8 u 9 ta’ din id-direttiva, li minnhom jirriżulta li hija tkopri l-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali, inklużi dawk bejn impriżi privati, u bl-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula mal-konsumaturi u ta’ tipi oħra ta’ ħlasijiet (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jistabbilixxi għalhekk żewġ kundizzjonijiet sabiex tranżazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tagħha. Din it-tranżazzjoni għandha, minn naħa, issir jew bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, hija għandha twassal għall-provvista ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 24).

33

F’dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, il-kunċett ta’ “awtorità pubblika” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 bħala “kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2004/17] u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva [2004/18], indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt”. Kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 2011/7, din id-definizzjoni ġiet adottata fl-interess tal-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

34

B’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, il-kunċett ta’ awtorità kontraenti jfisser “l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika”.

35

Il-kunċett ta’ Stat ikopri l-korpi kollha li jeżerċitaw is-setgħa leġiżlattiva, eżekuttiva u ġudizzjarja u għandu, l-istess bħall-kunċett ta’ awtorità kontraenti, jingħata interpretazzjoni funzjonali u wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑323/96, EU:C:1998:411, punti 2728, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2017, LitSpecMet, C‑567/15, EU:C:2017:736, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Il-kunċett ta’ “impriża” imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala li jfisser “kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda”. Konformement ma’ din id-definizzjoni, entità li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità pubblika”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ma tistax, minħabba dan il-fatt stess, tiġi kklassifikata bħala “impriża”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

37

Il-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 ma jippermettix madankollu, waħdu, li jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni li fiha awtorità pubblika hija l-kreditur ta’ impriża taqax taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jsir riferiment għall-kuntest li taqa’ fih din id-dispożizzjoni kif ukoll għall-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2020, Techbau, C‑299/19, EU:C:2020:937, punt 38, u tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27).

38

Fir-rigward tal-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet [stabbiliti fil-punti (a) u (b)] ikunu sodisfatti”. Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 4 japplika biss għas-sitwazzjoni fejn l-awtorità pubblika hija d-debitur ta’ impriża.

39

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7 jkopri biss it-tranżazzjonijiet bejn impriżi. Issa, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ impriża adottat minn din id-direttiva jeskludi espressament li awtorità pubblika, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, tista’ taqa’ taħt il-kwalità tagħha ta’ kreditur fil-konfront ta’ impriża.

40

Għalhekk minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, awtorità pubblika tkun kreditur, fil-konfront ta’ impriża, din is-sitwazzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

41

Fir-rigward tal-għanijiet intiżi mid-Direttiva 2011/7, għandu jiġi rrilevat li, bħala miżura ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, din id-direttiva għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-SMEs”. F’dan ir-rigward, il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva tirrileva li l-ħlasijiet tardivi għandhom effetti negattivi fuq il-likwidità ta’ dawn l-impriżi kif ukoll fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tagħhom.

42

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 23 tad-Direttiva 2011/7, bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi jibbenefikaw minn fluss ta’ dħul iktar żgur, prevedibbli u kontinwu mill-impriżi u jistgħu jiksbu finanzjamenti b’kundizzjonijiet iktar interessanti minn dawn. Barra minn hekk, huma inqas dipendenti fuq relazzjonijiet kummerċjali stabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom mill-impriżi. Dawn, min-naħa tagħhom, jiġu esposti għal spejjeż inġustifikati f’każ ta’ dewmien twil ta’ ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi għal merkanzija jew servizzi.

43

Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi, b’mod partikolari l-IŻM, u l-fatt li, kif tirrileva l-premessa 9 tad-Direttiva 2011/7, tal-ewwel jagħmlu numru konsiderevoli ta’ ħlasijiet lil dawn tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies xieraq li jipprevedi, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, dispożizzjonijiet esklużivament applikabbli għall-impriżi kredituri ta’ somom ta’ flus fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi li lilhom huma pprovdew merkanzija jew servizzi, mingħajr ma rrefera għal dawn l-awtoritajiet pubbliċi fil-kwalità tagħhom ta’ kredituri fir-rigward tal-impriżi.

44

Mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva jirriżulta li, meta awtorità pubblika, fis-sens tal-punt 2 ta’ dan l-artikolu, hija kreditur ta’ somma flus fir-rigward ta’ impriża, ir-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ entitajiet ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

45

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali toriġina mid-dewmien fil-ħlas lit-Teżor Pubbliku ta’ tariffa annwali dovuta, bħala remunerazzjoni għall-użufrutt perpetwu ta’ art, minn New Media li hija “impriża”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, bħal fil-każ tal-persuna li lilha ġie ttrasferit dan l-użufrutt.

46

Madankollu, sa fejn it-Teżor Pubbliku, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità pubblika”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, huwa kreditur ta’ somom ta’ flus dovuti mill-impriża New Media bi ħlas tal-imsemmi użufrutt, l-ewwel kundizzjoni sabiex tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, kif interpretat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, hija nieqsa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Teżor Pubbliku ma għandux dritt għall-interessi legali minħabba ħlas tardiv previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-ġbir, minn awtorità pubblika, ta’ tariffa dovuta bħala remunerazzjoni tal-użufrutt perpetwu ta’ art, mingħand impriża li din l-awtorità pubblika hija l-kreditur tagħha.

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

48

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-ġbir, minn awtorità pubblika, ta’ tariffa dovuta bħala remunerazzjoni tal-użufrutt perpetwu ta’ art, mingħand impriża li din l-awtorità pubblika hija l-kreditur tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top