Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0302

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Marzu 2022.
    M. A vs Autorité des marchés financiers (AMF).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Paris.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq uniku għas-servizzi finanzjarji – Abbuż tas-suq – Direttivi 2003/6/KE u 2003/124/KE – ‘Informazzjoni minn ġewwa’ – Kunċett – Informazzjoni ‘ta’ natura preċiża’ – Informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji – Natura illegali tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa – Eċċezzjonijiet – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 10 – Żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa fil-kuntest normali tal-eżerċizzju ta’ professjoni – Artikolu 21 – Żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għall-fini ta’ ġurnaliżmu – Libertà tal-istampa u libertà ta’ espressjoni – Żvelar minn ġurnalist lil sors abitwali ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa.
    Kawża C-302/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:190

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq uniku għas-servizzi finanzjarji – Abbuż tas-suq – Direttivi 2003/6/KE u 2003/124/KE – ‘Informazzjoni minn ġewwa’ – Kunċett – Informazzjoni ‘ta’ natura preċiża’ – Informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji – Natura illegali tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa – Eċċezzjonijiet – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 10 – Żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa fil-kuntest normali tal-eżerċizzju ta’ professjoni – Artikolu 21 – Żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għall-fini ta’ ġurnaliżmu – Libertà tal-istampa u libertà ta’ espressjoni – Żvelar minn ġurnalist lil sors abitwali ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa”

    Fil‑Kawża C‑302/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

    A

    vs

    Autorité des marchés financiers (AMF),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, N. Jääskinen, I. Ziemele, J. Passer, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, T. von Danwitz, M. Safjan, F. Biltgen (Relatur), A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal A, minn G. Roch u S. Poisson, avocates,

    għall-Autorité des marchés financiers (AMF), minn M. Delorme u A. du Passage, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, A.‑L. Desjonquères u E. Leclerc, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svediż, minn O. Simonsson, J. Lundberg, C. Meyer‑Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, H. Shev, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Tryantafyllou, T. Scharf u J. Rius, bħala aġenti,

    għall-Gvern Norveġiż, minn T. M. Tobiassen, K. K. Næss, P. Wennerås u T. H. Aarthun, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367), tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348), kif ukoll tal-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6 u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A u l-Autorité des marchés financiers (AMF) (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji, Franza) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi fuq A sanzjoni pekunjarja minħabba l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artikli fl-istampa li jmexxu xnigħat dwar is-suq marbuta mat-tnedija ta’ offerti pubbliċi ta’ xiri fir-rigward ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2003/6

    3

    Il-premessi 1, 2 u 12 tad-Direttiva 2003/6 kienu jiddikkjaraw li:

    “(1)

    Suq waħdieni ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għal tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjieg [fl-Unjoni Ewropea].

    (2)

    Suq finanzjarju integrat u effiċjenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel ta’ swieq ta’ titoli u kunfidenza pubblika fi swieq huma prerekwiżiti għal tkabbir u ġidekonomiku. L-abbuż tas-suq jaffettwa ħażin l-integrità ta’ swieq finanzjarji u kunfidenza pubblika f’titoli u derivattivi.

    […]

    (12)

    L-abbuż tas-suq jikkonsisti f’insider dealing u manipulazzjoni tas-suq. Il-mira ta’ leġislazzjoni kontra l-insider dealing hija l-istess bħal dik ta’ leġislazzjoni kontra manipulazzjoni tas-suq: li tiġi assigurata l-integrità ta’ swieq finanzjarji [tal-Unjoni] u tissaħħaħ il-kunfidenza ta’ investituri f’dawk is-swieq. […]”

    4

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    1.

    ‘Informazzjoni minn ġewwa’ għandha tfisser informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika, li tirrelata, direttament jew indirettament, għal wieħed jew iktar li joħorġu strumenti finanzjarji jew għal strument finanzjarju wieħed jew iktar u li, li kieku saret pubblika, x’aktarx kien ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji jew fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji derivattivi relatati.”

    5

    L‑Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit-tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn, jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn, għall-kont proprju jew għall-kont ta’ parti terza, jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l-informazzjoni.

    L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l-informazzjoni:

    […]

    (ċ)

    billi jkollha aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha […]

    […]”

    6

    L‑Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva kien jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna soġġetta għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 milli:

    (a)

    tiżvela informazzjoni minn ġewwa lil xi persuna oħra sakemm dan l-iżvelar ma jsirx fl-eżerċizzju normali ta’ l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha;

    […]”

    Id‑Direttiva 2003/124

    7

    Il-premessi 1 sa 3 tad-Direttiva 2003/124 kienu fformulati hekk:

    “(1)

    L-investituri raġjonevoli isejsu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-investiment fuq it-tagħrif diġà disponibbli għalihom, jiġifieri fuq it-tagħrif disponibbli ex ante. Għalhekk, il-kwistjoni jekk, meta jkun qiegħed jieħu deċiżjoni dwar l-investiment, investitur raġjonevoli x’aktarx li jqis biċċa tagħrif partikolari għandhiex tiġi vvalutata fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli ex ante. Din l-istima trid tqis l-impatt antiċipat tat-tagħrif fid-dawl tat-totalità ta’ l-attività relatata ta’ min joħroġ it-titoli, rigward kemm ikun ta’ min joqgħod fuqu s-sors tat-tagħrif u kull varjanti oħra tas-suq li x’aktarx jaffettwaw l-istrument finanzjarju rrelatat jew l-istrunent finanzjarju derivattiv irrelatat miegħu fiċ-ċirkostanzi mogħtija.

    (2)

    It-tagħrif ex post jista’ jintuża sabiex tiġi ċċekkjata l-preżunzjoni illi t-tagħrif ex ante kien sensittiv għall-prezz, imma ma għandux jintuża għalbiex tittieħed azzjoni kontra xi ħadd li jkun wasal għal konklużjonijiet raġjonevali mit-tagħrif disponibbli lilu ex ante

    (3)

    Iċ-ċertezza legali għall-parteċipanti tas-suq għandha tiġi mtejba permezz ta’ definizzjoni iktar mill-qrib ta’ tnejn mill-elementi essenzjali għad-definizzjoni ta’ tagħrif minn ġewwa, jiġifieri n-natura preċiża ta’ dan it-tagħrif u s-sinifikat ta’ l-effett potenzjali tiegħu fuq il-prezzijiet ta’ l-istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati.”

    8

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-Tagħrif minn ġewwa” kien jipprevedi li:

    “1.   Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva [2003/6], it-tagħrif għandu jitqies li jkun ta’ natura preċiża jekk jindika sett ta’ ċirkostanzi li jeżisti jew li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni li tkun ġrat jew tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri u jekk ikunu speċifiċi biżżejjed sabiex jgħinu li tinħareġ konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan is-sett ta’ ċirkostanzi jew ta l-okkażjoni fuq il-prezzijiet ta’ l-istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati.

    2.   Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva [2003/6/], il-frażi ‘it-tagħrif li, li kieku jintgħamel pubbliku, x’aktarx li jkollu effett sinifikattiv fuq il-prezzijiet ta’ l-istrumenti finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji derivattivi rrelatati’ għandha tfisser it-tagħrif li investitur raġjonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet tiegħu ta’ l-investiment.”

    Ir‑Regolament Nru 596/2014

    9

    Id-Direttivi 2003/6 u 2003/124 tħassru bir-Regolament Nru 596/2014 b’effett mit‑3 ta’ Lulju 2016.

    10

    Skont il-premessi 2, 7 u 77 tar-Regolament Nru 596/2014:

    “(2)

    Suq finanzjarju integrat, effiċjenti u trasparenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u l-kunfidenza pubblika fis-swieq huma prerekwiżiti għat-tkabbir u għall-ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jolqot ħażin l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-kunfidenza pubblika f’titoli u derivati.

    […]

    (7)

    L-abbuż tas-suq huwa kunċett li jinkludi l-imġiba illegali fis-swieq finanzjarji u, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun mifhum li jikkonsisti f’abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq. Imġiba bħal din timpedixxi trasparenza totali u korretta tas-suq, li hija prerekwiżit għan-negozjar għall-atturi ekonomiċi kollha fi swieq finanzjarji integrati.

    […]

    (77)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea […]. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji. B’mod partikolari, meta dan ir-Regolament jirreferi għal regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra u r-regoli jew il-kodiċi li jirregolaw il-professjoni ġurnalistika, għandhom jitqiesu dawk il-libertajiet kif ggarantiti fl-Unjoni u fl-Istati membri u kif rikonoxxuti skont l-Artikolu 11 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] u skont dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn.”

    11

    Fil-paragrafu 4 tiegħu, l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-abbuż minn informazzjoni privileġġata”, jipprovdi:

    “Dan l-Artikolu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi informazzjoni privileġġata minħabba li:

    […]

    (c)

    ikollha aċċess għall-informazzjoni permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet […]

    […]”

    12

    Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata”, jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata jirriżulta meta persuna tippossjedi informazzjoni privileġġata u tiżvela dik l-informazzjoni lil kwalunkwe persuna oħra, ħlief meta l-iżvelar isir waqt it-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet.

    Dan il-paragrafu japplika għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fis-sitwazzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 8(4).”

    13

    L-Artikolu 14(c) ta’ dan l-istess regolament jipprevedi li persuna ma għandhiex tiżvela b’mod illegali informazzjoni minn ġewwa.

    14

    L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, intitolat “Żvelar u tixrid ta’ informazzjoni fil-midja”, huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet tal-Artikolu 10, l-Artikolu 12(1)(c) u l-Artikolu 20, meta tkun żvelata jew imxerrda informazzjoni u meta jkunu prodotti u mxerrda rakkomandazzjonijiet għall-fini ta’ ġurnaliżmu jew forma oħra ta’ espressjoni fil-midja, tali żvelar jew tixrid ta’ informazzjoni għandu jiġi vvalutat billi jitqiesu r-regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’midja oħra u r-regoli jew il-kodiċi li jirregolaw il-professjoni tal-ġurnalist, sakemm:

    (a)

    il-persuni kkonċernati, jew il-persuni assoċjati mill-qrib magħhom, ma jisiltux, direttament jew indirettament, vantaġġ jew qligħ mill-iżvelar jew it-tixrid tal-informazzjoni kkonċernata; jew

    (b)

    l-iżvelar jew it-tixrid isir bl-intenzjoni li jqarraq is-suq rigward il-provvista, id-domanda, jew il-prezz ta’ strumenti finanzjarji.”

    Id-dritt Franċiż

    15

    L-Artikolu 621‑1 tar-règlement général de l’Autorité des marchés financiers (ir-Regolament Ġenerali tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“RGAMF”), jipprevedi:

    “Informazzjoni minn ġewwa hija informazzjoni ta’ natura preċiża li ma saritx pubblika, li tikkonċerna, direttament jew indirettament, emittent wieħed jew iktar ta’ strumenti finanzjarji, jew strument finanzjarju wieħed jew iktar u, li kieku ssir pubblika, jista’ jkollha effett kunsiderevoli fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji marbuta magħhom.

    Informazzjoni għandha titqies li hija ta’ natura preċiża jekk issemmi sett ta’ ċirkustanzi jew avveniment li seħħew jew li jistgħu jseħħu u jekk minn din l-informazzjoni jkun possibbli li tinstilet konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dawn iċ-ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew tal-istrumenti finanzjarji marbuta magħhom.

    Informazzjoni li, li kieku ssir pubblika, jista’ jkollha effett kunsiderevoli fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji derivattivi marbuta magħhom, hija informazzjoni li investitur raġonevoli jista’ juża bħala waħda mill-bażijiet għad-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu.”

    16

    L-Artikolu 622‑1 tar-RGAMF huwa fformulat kif ġej:

    “Kull persuna msemmija fl-Artikolu 622‑2 għandha tastjeni milli tuża l-informazzjoni minn ġewwa li hija jkollha […]

    Hija għandha wkoll tastjeni milli:

    1° Tikkomunika din l-informazzjoni lil persuna oħra barra mill-kuntest normali tax-xogħol tagħha, tal-professjoni tagħha jew tal-funzjonijiet tagħha jew għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom din l-informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata lilha;

    […]”

    17

    L-Artikolu 622‑2 tar-RGAMF jipprovdi:

    “L-obbligi ta’ astensjoni previsti fl-Artikolu 622‑1 japplikaw għal kull persuna li jkollha informazzjoni minn ġewwa minħabba:

    […]

    3° L-aċċess tagħha għall-informazzjoni minħabba x-xogħol tagħha, minħabba l-professjoni tagħha jew minħabba l-funzjonijiet tagħha, kif ukoll minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-preparazzjoni u fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni finanzjarja;

    […]

    Dawn l-obbligi ta’ astensjoni japplikaw ukoll għal kull persuna oħra li jkollha informazzjoni minn ġewwa u li taf jew li kellha tkun taf li din hija informazzjoni minn ġewwa.

    […]”

    It-tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    18

    Għal diversi snin, A eżerċita l-professjoni ta’ ġurnalist ma’ diversi gazzetti ta’ kuljum Britanniċi, fl-aħħar lok mad-Daily Mail. Fil-kuntest tal-attività tiegħu għal din il-gazzetta, huwa kien jikteb artikli taħt it-titolu “Rapport tas-suq”, li fihom kien imexxi xnigħat dwar is-suq. B’mod partikolari, A kiteb żewġ artikli dwar titoli ammessi għan-negozjati fuq Euronext, li ġew ippubblikati fuq Mail Online, is-sit internet tal-imsemmija gazzetta ta’ kuljum.

    19

    L-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli, ippubblikat fit‑8 ta’ Ġunju 2011, semma l-possibbiltà ta’ offerta pubblika ta’ xiri min-naħa tal-kumpannija LVMH fuq it-titoli tal-kumpannija Hermès bil-prezz ta’ EUR 350 għal kull azzjoni, li kien jikkorrispondi għal primjum ta’ 86 % meta mqabbel mal-prezz tal-għeluq ta’ dawn it-titoli fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu. L-għada ta’ din il-pubblikazzjoni, dan il-prezz żdied b’0.64 % mal-ftuħ tas-seduta tal-Borża, u mbagħad b’4.55 % matul din is-seduta.

    20

    It-tieni wieħed mill-imsemmija artikli, ippubblikat fit‑12 ta’ Ġunju 2012, kien jindika li t-titoli tal-kumpannija Maurel & Prom setgħu jkunu s-suġġett ta’ offerta pubblika ta’ xiri, bi prezz ta’ xiri propost ta’ madwar EUR 19 għal kull azzjoni, li kien jikkorrispondi għal primjum ta’ 80 % meta mqabbel mal-aħħar prezz tal-għeluq ta’ dawn it-titoli. Dan wassal għal żieda, l-għada tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, fil-prezz ta’ dawn l-azzjonijiet ta’ 17.69 % fl-għeluq tal-Borża. Fl‑14 ta’ Ġunju 2012, il-kumpannija Marcel & Prom ċaħdet din ix-xniegħa.

    21

    Fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-AMF, ġie rrilevat li, ftit qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikli, kienu saru ordnijiet ta’ xiri, rispettivament, fuq it-titoli tal-kumpanniji Hermès u Maurel & Prom minn residenti Brittaniċi, li kienu rrilaxxaw il-pożizzjonijiet tagħhom ladarba seħħet din il-pubblikazzjoni.

    22

    Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2016, id-direction des enquêtes et des contrôles (id-Direttorat tal-Investigazzjonijiet u tal-Kontrolli) tal-AMF informa lill-persuni kollha inkwistjoni, fosthom b’mod partikolari lil A, bil-fatti li setgħu jiġu invokati fil-konfront tagħhom fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-investigaturi tal-imsemmi direttorat. Fid-dawl tar-rapport ta’ investigazzjoni mħejji minn dan l-istess direttorat, ġie deċiż, fid‑19 ta’ Lulju 2016, li l-ilmenti li kienu ġew invokati fil-konfront tagħhom kellhom ikunu s-suġġett ta’ notifika.

    23

    Kien għalhekk li, permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Diċembru 2016, l-AMF bagħtet lil A notifika tal-ilmenti li fiha akkużatu li, bi ksur tal-Artikoli 622‑1 u 622‑2 tar-RGAMF, kien ikkomunika lil żewġ persuni, B u C, informazzjoni minn ġewwa dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ żewġ artikli li jmexxu xnigħat dwar il-preżentazzjoni ta’ offerti pubbliċi fuq it-titoli ta’ Hermès u ta’ Maurel & Prom.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2018, il-commission des sanctions (il-Kummissjoni tas-Sanzjonijiet) tal-AMF laqgħet uħud mill-ilmenti invokati fil-konfront ta’ A u imponietlu sanzjoni pekunjarja fl-ammont ta’ EUR 40000. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artikli fl-istampa li jirrapportaw xnigħat dwar tranżazzjonijiet li jikkonċernaw titoli kkwotati fil-Borża, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala “informazzjoni minn ġewwa” u kkonstatat li A kien ikkomunika din l-informazzjoni minn ġewwa li tikkonċerna t-titoli tal-kumpannija Hermès lil B u lil C kif ukoll dik marbuta mat-titoli tal-kumpannija Maurel & Prom lil C.

    25

    Adita b’rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubju, fl-ewwel lok, jekk informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji tikkostitwixxix “informazzjoni minn ġewwa” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6, u, b’mod partikolari, jekk, f’dan il-każ, l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ “natura preċiża”, fis-sens tad-definizzjoni ta’ “informazzjoni minn ġewwa”.

    26

    Filwaqt li tirreferi għad-definizzjoni ta’ informazzjoni “ta’ natura preċiża”, prevista fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex preċiża biżżejjed sabiex wieħed ikun jista’ jislet minnha konklużjoni dwar l-effett possibbli tagħha fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    27

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk, sabiex l-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa titqies li hija “preċiża biżżejjed”, huwiex meħtieġ li l-kontenut tal-artiklu nnifsu jkun “preċiż biżżejjed” u, jekk ikun il-każ, jekk, kif isostni A, in-natura stess ta’ xniegħa dwar is-suq teskludix li din ix-xniegħa għandha l-preċiżjoni meħtieġa.

    28

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni inkwistjoni, l-ewwel, tal-indikazzjoni tal-prezz propost fil-kuntest ta’ eventwali offerta pubblika ta’ xiri fir-rigward tat-titoli tal-emittenti ta’ strumenti finanzjarji kkonċernati, it-tieni, tar-reputazzjoni tal-ġurnalist li ffirma l-artikli fl-istampa li mexxew ix-xnigħat kif ukoll tar-reputazzjoni tal-korp tal-istampa li żgura l-pubblikazzjoni ta’ dawn l-artikli u, it-tielet, tal-fatt li l-imsemmija artikli effettivament kellhom, ex post, effett kunsiderevoli fuq il-prezz tat-titoli li kienu s-suġġett tal-imsemmija xnigħat.

    29

    Fit-tieni lok, fil-każ li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata bħala informazzjoni minn ġewwa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-iżvelar ta’ tali informazzjoni minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu, jistax jitqies li twettaq “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014. Peress li din id-dispożizzjoni ma għandhiex ekwivalenti tagħha fid-Direttiva 2003/6, il-qorti tar-rinviju tqis li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata retroattivament għall-fatti fil-kawża prinċipali bħala dispożizzjoni inqas severa minn dawk ta’ din id-direttiva.

    30

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 u l-Artikolu 10 tiegħu, li għalih jirreferi l-imsemmi Artikolu 21 u li jipprovdi li l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa huwa illegali ħlief jekk dan iseħħ fil-kuntest normali tal-eżerċizzju ta’ xogħol, ta’ professjoni jew ta’ funzjonijiet. Fil-każ li l-imsemmi Artikolu 10 jkun applikabbli għall-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, konformement mas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Grøngaard u Bang (C‑384/02, EU:C:2005:708), dan l-iżvelar ikunx iġġustifikat biss jekk ikun strettament neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġurnalist u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    31

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Paris (il‑Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    (a)

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [2003/6], moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [2003/124], għandu jiġi interpretat fis-sens li informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ġejjiena ta’ artiklu fl-istampa li jittrażmetti xniegħa dwar is-suq rigward emittent ta’ strumenti finanzjarji tista’ tissodisfa r-rekwiżit ta’ preċiżjoni meħtieġ minn dawn l-artikoli għall-klassifikazzjoni bħala informazzjoni minn ġewwa (‘insider information’)?

    (b)

    Il-fatt li l-artiklu fl-istampa, li l-pubblikazzjoni ġejjiena tiegħu tikkostitwixxi l-informazzjoni inkwistjoni, isemmi – inkwantu xniegħa dwar is-suq – il-prezz ta’ offerta pubblika ta’ xiri jaffettwa l-evalwazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni inkwistjoni?

    (c)

    Ir-reputazzjoni tal-ġurnalist li ffirma l-artiklu, ir-reputazzjoni tal-korp ta’ stampa li ppubblikah, u l-effett effettivament kunsiderevoli (‘ex post’) ta’ din il-pubblikazzjoni fuq il-prezz tat-titoli li hija tirreferi għalihom huma elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni inkwistjoni?

    2)

    [Fil-każ li l-]informazzjoni […] inkwistjoni […] tissodisfa r-rekwiżit ta’ preċiżjoni meħtieġ:

    (a)

    L-Artikolu 21 tar-Regolament [Nru 596/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi [ta’ informazzjoni] tas-soltu tiegħu, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ġejjiena ta’ artiklu bil-firma tiegħu li jittrażmetti xniegħa dwar is-suq jsir ‘għall-fini ta’ ġurnaliżmu’?

    (b)

    Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, fost l-oħrajn, mill-kwistjoni dwar jekk il-ġurnalist kienx informat bix-xniegħa dwar is-suq minn dan is-sors jew jekk l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ġejjiena tal-artiklu kinitx utli sabiex jinkisbu, minn dan is-sors, kjarifiki rigward il-kredibbiltà tax-xniegħa?

    3)

    [L]-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament [Nru 596/2014] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, anki meta informazzjoni minn ġewwa tiġi żvelata minn ġurnalist ‘għall-fini ta’ ġurnaliżmu’, fis-sens tal-Artikolu 21, in-natura legali jew illegali tal-iżvelar teżiġi evalwazzjoni dwar jekk dan sarx ‘waqt it-twettiq normali [tal‑]professjoni [ta’ ġurnalist]’, fis-sens ta[’ dan] l-Artikolu 10?

    4)

    [L]-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 596/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex iseħħ fil-kuntest normali tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġurnalist, l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għandu jkun strettament neċessarju għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni u għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    32

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala informazzjoni minn ġewwa, tista’ tikkostitwixxi informazzjoni “ta’ natura preċiża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji u jekk humiex rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija natura preċiża, l-indikazzjoni f’dan l-artiklu fl-istampa tal-prezz li bih kellhom jinxtraw it-titoli ta’ dan l-emittent fil-kuntest ta’ eventwali offerta pubblika ta’ xiri, l-identità tal-ġurnalist li ffirma l-imsemmi artiklu u tal-korp tal-istampa li żgura l-pubblikazzjoni tiegħu kif ukoll l-influwenza effettiva ta’ din il-pubblikazzjoni fuq il-prezz tal-imsemmija titoli.

    33

    Għandu jitfakkar li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa” li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6 fiha erba’ elementi essenzjali. L-ewwel, din għandha tkun informazzjoni ta’ natura preċiża. It-tieni, din l-informazzjoni ma kinitx saret pubblika. It-tielet, din l-informazzjoni għandha tikkonċerna, direttament jew indirettament, strument finanzjarju wieħed jew iktar, jew l-emittenti tagħhom. Ir-raba’, din l-informazzjoni għandha tkun tista’, li kieku ssir pubblika, tinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew il-prezz tal-istrumenti finanzjarji derivattivi marbuta magħhom (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Lafonta, C‑628/13, EU:C:2015:162, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan il-każ, l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artikli fl-istampa li jmexxu xnigħat dwar is-suq marbuta mat-tnedija ta’ offerti pubbliċi ta’ xiri tat-titoli ta’ kumpanniji kkwotati fil-Borża, ġiet żvelata mill-awtur tal-imsemmija artikli lil tnejn mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-informazzjoni tissodisfa t-tieni sar-raba’ element tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa”, kif imsemmija fil-punt preċedenti. Fir-rigward tar-raba’ element, hija tibbaża din il-konstatazzjoni, minn naħa, fuq il-kunsiderazzjoni li, sa fejn alimentat l-ispekulazzjonijiet eżistenti dwar it-titoli trasferibbli kkonċernati, l-imsemmija informazzjoni setgħet tintuża minn investitur raġonevoli bħala parti mill-bażi għad-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu fir-rigward ta’ dawn it-titoli u, min-naħa l-oħra, fuq il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet ta’ dawn it-titoli trasferibbli li seħħew wara l-pubblikazzjoni tal-artikli inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk l-ewwel element ta’ din id-definizzjoni, dwar in-natura preċiża ta’ din l-informazzjoni, huwiex preżenti f’dan il-każ.

    35

    Għandu jiġi rrilevat li, sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, id-Direttiva 2003/124 kellha l-intenzjoni, kif huwa rifless fil-premessa 3 tagħha, tippreċiża, b’mod partikolari, dan l-ewwel element.

    36

    B’hekk, skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, informazzjoni għandha titqies li hija ta’ “natura preċiża” jekk tissodisfa żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, hija għandha tindika sett ta’ ċirkustanzi eżistenti jew li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li ser jeżistu jew avveniment li seħħ jew li wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li ser iseħħ u, min-naħa l-oħra, hija għandha tkun preċiża biżżejjed sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ dan l-avveniment fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew ta’ strumenti finanzjarji derivattivi marbuta magħhom.

    37

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija ssodisfatta, sa fejn l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssemmi avveniment, jiġifieri l-pubblikazzjoni imminenti ta’ artikli fl-istampa, li wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li ser iseħħ. Għall-kuntrarju, hija għandha dubji dwar jekk it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti hijiex issodisfatta f’dan il-każ. B’mod partikolari, hija għandha dubju dwar jekk, sabiex l-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa u li tinkludi l-elementi prinċipali ta’ dan l-artiklu titqies li hija “preċiża biżżejjed”, fis-sens tal-imsemmija tieni kundizzjoni, il-kontenut ta’ dan l-artiklu għandux ukoll ikun preċiż biżżejjed.

    38

    Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont is-sens li normalment jingħata lill-kliem użat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, huwa biżżejjed li l-informazzjoni tkun konkreta jew speċifika biżżejjed sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi bażi li tippermetti li jiġi evalwat jekk is-sett ta’ ċirkustanzi jew l-avveniment imsemmija f’din l-informazzjoni, kif deskritt fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, jistax ikollhom effett fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati minn din l-informazzjoni. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni teskludi mill-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa” biss “informazzjoni vaga jew ġenerali, li minnha huwa impossibbli li tinsilet konklużjoni rigward l-effett possibbli tagħha fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji” kkonċernati (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2015, Lafonta, C‑628/13, EU:C:2015:162, punt 31).

    39

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, min-natura tagħha stess, xniegħa taqax fil-kategorija ta’ “informazzjoni vaga jew ġenerali” fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza, b’tali mod li informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa ma tistax tiġi kklassifikata bħala “informazzjoni minn ġewwa”.

    40

    Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ artikli marbuta ma’ xnigħat dwar is-suq li jirrigwardaw offerti pubbliċi ta’ xiri li kienu allegatament ippjanati, tirreferi għal żewġ tipi ta’ avvenimenti futuri distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-pubblikazzjoni tal-artikli u, fit-tieni lok, il-preżentazzjoni tal-offerti li jirreferu għalihom dawn l-artikli. Issa, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-probabbiltà kbira li l-avvenimenti tal-ewwel tip iseħħu sabiex tqis li hija ssodisfatta l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza sabiex informazzjoni tkun ta’ natura preċiża, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124. Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni msemmija fl-imsemmi punt 36, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-preċiżjoni suffiċjenti rrikonoxxuta taħt l-ewwel kundizzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti tal-artikli fl-istampa tippermettix, fiha nnifisha, li jiġi stabbilit li dan il-fatt jista’ jkollu effett fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernata minn din l-informazzjoni, b’tali mod li din it-tieni kundizzjoni tkun issodisfatta wkoll, jew jekk il-kontenut tal-artikli inkwistjoni għandux jissodisfa wkoll dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni, f’dan il-każ fir-rigward tax-xnigħat dwar is-suq marbuta mal-eventwali materjalizzazzjoni tal-avvenimenti tat-tieni tip, jiġifieri l-preżentazzjoni tal-offerti ppjanati.

    41

    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li n-natura preċiża, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa hija strettament marbuta ma’ dik tal-informazzjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-artiklu. Fil-fatt, fl-assenza ta’ kull preċiżjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata, l-informazzjoni dwar din il-pubblikazzjoni ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-effett possibbli tagħha fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124.

    42

    B’din il-preċiżjoni magħmula, mill-kliem stess tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, li jipprovdu li informazzjoni għandha titqies li hija “ta’ natura preċiża” jekk, b’mod partikolari, issemmi avveniment li wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li ser iseħħ u jekk din l-informazzjoni tkun preċiża biżżejjed sabiex tinsilet konklużjoni dwar l-effett possibbli ta’ dan l-avveniment fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, jirriżulta, fl-ewwel lok, li huwa meħtieġ eżami każ b’każ. B’hekk, in-natura preċiża ta’ informazzjoni ma tistax, bħala ipoteżi, tiġi eskluża minħabba s-sempliċi fatt li taqa’ taħt kategorija ta’ informazzjoni partikolari bħalma hija informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artikli li jmexxu xnigħat dwar is-suq marbuta mal-eventwali preżentazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri.

    43

    Barra minn hekk, tali esklużjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2003/6 li huwa, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 12 tagħha, li tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq, fiduċja li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li huma ser jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u ser ikunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Lafonta, C‑628/13, EU:C:2015:162, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-projbizzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni minn ġewwa stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva hija intiża wkoll li tiżgura l-ugwaljanza bejn il-partijiet kontraenti fi tranżazzjoni fil-Borża billi jiġi evitat li waħda minnhom, li jkollha informazzjoni minn ġewwa u li tinsab, minħabba f’hekk, f’pożizzjoni vantaġġjuża meta mqabbla mal-investituri l-oħra, tagħmel profitt minn dan għad-detriment tal-partijiet li ma jkollhomx din l-informazzjoni (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Issa, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li investitur ikun jaf bil-pubblikazzjoni imminenti ta’ xniegħa jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun suffiċjenti sabiex jagħtih vantaġġ meta mqabbel mal-investituri l-oħra.

    45

    Għaldaqstant, jekk jiġi kkunsidrat li ma hemmx lok li informazzjoni tiġi kklassifikata bħala “informazzjoni minn ġewwa”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6, minħabba s-sempliċi fatt li tirrigwarda l-pubblikazzjoni ta’ xniegħa, kategorija wiesgħa ta’ informazzjoni li jista’ jkollha effett fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u għalhekk tkun tista’ tintuża minn parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jkollhom din l-informazzjoni u li jibbenefikaw minnha għad-detriment ta’ dawk li ma jkollhomx l-istess informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Geltl, C‑19/11, EU:C:2012:397, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li informazzjoni tista’ titqies li hija ta’ natura preċiża, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, minħabba s-sempliċi fatt li tikkonċerna l-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu relatat ma’ xniegħa dwar is-suq.

    47

    B’dan premess, għandu, fit-tieni lok, jiġi eżaminat il-grad ta’ preċiżjoni tax-xniegħa dwar l-eventwali preżentazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri, sabiex jiġi evalwat jekk l-informazzjoni marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ artiklu li jmexxi tali xniegħa tissodisfax effettivament it-tieni kundizzjoni msemmija fl-imsemmi punt, dwar l-effett possibbli tal-pubblikazzjoni inkwistjoni fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew ta’ strumenti finanzjarji derivattivi li huma marbuta magħhom. Madankollu, din l-evalwazzjoni ma għandhiex tinjora l-fatt li n-natura preċiża tax-xnigħat ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn ix-xnigħat humiex preċiżi biżżejjed bħala tali sabiex minnhom wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett fuq il-prezzijiet tal-istrumenti inkwistjoni, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu dwar dawn ix-xnigħat hijiex preċiża biżżejjed sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett fuq il-prezzijiet li jista’ jkollha din il-pubblikazzjoni.

    48

    Huwa minnu li, kif jirrileva A, xniegħa hija kkaratterizzata minn livell ta’ inċertezza. Madankollu, l-affidabbiltà hija fattur li għandu jiġi ddeterminat każ b’każ. Peress li l-kredibbiltà ta’ xniegħa hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu dwar din ix-xniegħa hijiex preċiża biżżejjed sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett fuq il-prezzijiet li jista’ jkollha din il-pubblikazzjoni, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-livell ta’ preċiżjoni tal-kontenut tal-imsemmija xniegħa kif ukoll l-affidabbiltà tas-sors li jmexxi din ix-xniegħa.

    49

    F’dan ir-rigward, informazzjoni li tinkludi elementi bħal dawk esposti fix-xnigħat imsemmija fl-artikli fl-istampa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindikaw kemm l-isem tal-emittent tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-offerta pubblika ta’ xiri mistennija, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “informazzjoni vaga jew ġenerali, li minnha huwa impossibbli li tinsilet konklużjoni rigward l-effett possibbli tagħha fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji [kkonċernati]”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

    50

    F’dan il-kuntest, l-indikazzjoni, bħala komponent ta’ xniegħa marbuta ma’ offerta pubblika ta’ xiri fir-rigward tat-titoli ta’ emittent ta’ strumenti finanzjarji, tal-prezz propost għax-xiri ta’ dawn it-titoli jista’ jkollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-imsemmija natura preċiża tal-informazzjoni kkonċernata. B’dan premess, tali indikazzjoni ma hijiex indispensabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar din ix-xniegħa bħala informazzjoni “preċiża” kemm-il darba tinkludi elementi oħra relatati mal-imsemmija offerta pubblika ta’ xiri. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, tali offerta tinkludi, bħala regola ġenerali, primjum ta’ akkwist fuq il-prezz tal-azzjoni, li jippermetti lis-suq jevalwa l-effett possibbli fuq dan il-prezz.

    51

    Minbarra l-kontenut tal-artiklu fl-istampa kkonċernat, elementi oħra jistgħu wkoll jikkontribwixxu għan-natura preċiża ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti tiegħu sabiex jiġi evalwat l-effett possibbli fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew ta’ strumenti finanzjarji derivattivi marbuta magħhom. F’dan ir-rigward, ir-reputazzjoni tal-ġurnalist li ffirma l-artikli fl-istampa kif ukoll dik tal-korp tal-istampa li żgura l-pubblikazzjoni ta’ dawn l-artikli jistgħu jitqiesu li huma determinanti, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li dawn l-elementi jippermettu li tiġi evalwata l-kredibbiltà tax-xnigħat imsemmija sa fejn, jekk ikun il-każ, l-investituri jistgħu jingħataw l-impressjoni li dawn ix-xnigħat ġejjin minn sorsi meqjusa bħala affidabbli minn dan il-ġurnalist u minn dan il-korp tal-istampa.

    52

    Minn dan isegwi li, meta ċerti persuni jiġu informati bil-fatt li artiklu fl-istampa, li l-pubblikazzjoni tkun imminenti, ser jinkludi l-informazzjoni msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza kif ukoll, jekk ikun il-każ, bl-identità tal-awtur ta’ dan l-artiklu u tal-korp tal-istampa li ser jiżgura l-pubblikazzjoni tiegħu, tali indikazzjonijiet, f’sitwazzjoni fejn ikunu ta’ natura li jsaħħu l-kredibbiltà tax-xniegħa li ser titmexxa f’artiklu fl-istampa, huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-informazzjoni marbuta mal-pubblikazzjoni imminenti ta’ dan l-artiklu hijiex preċiża biżżejjed sabiex minnha wieħed ikun jista’ jislet konklużjoni dwar l-effett li din il-pubblikazzjoni jista’ jkollha fuq il-prezzijiet.

    53

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-influwenza effettivament kunsiderevoli (ex post) ta’ pubblikazzjoni fuq il-prezzijiet tat-titoli kkonċernati minn din il-pubblikazzjoni tikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura preċiża tal-informazzjoni dwar din il-pubblikazzjoni.

    54

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-raba’ element tad-definizzjoni ta’ “informazzjoni minn ġewwa”, kif tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6, jiġifieri li l-informazzjoni tista’, jekk issir pubblika, tinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-prezz tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/124 tiddikjara li l-informazzjoni disponibbli ex post tista’ sservi sabiex tiġi vverifikata l-ipoteżi ta’ sensittività tal-prezzijiet għall-informazzjoni disponibbli ex ante iżda ma tistax tintuża sabiex tittieħed azzjoni kontra persuna li tkun siltet konklużjonijiet raġonevoli mill-informazzjoni li kellha ex ante.

    55

    Issa, informazzjoni li tista’, jekk issir pubblika, tinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-prezz tat-titoli kkonċernati għandha titqies, bħala regola ġenerali, li tissodisfa l-ewwel element tal-imsemmija definizzjoni, jiġifieri li l-informazzjoni hija ta’ natura preċiża peress li, bħala prinċipju, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ma tistax teżerċita tali influwenza jekk din l-informazzjoni ma tkunx fiha nnifisha ta’ tali natura.

    56

    Għaldaqstant, l-influwenza effettiva ta’ pubblikazzjoni fuq il-prezzijiet tat-titoli msemmija f’din il-pubblikazzjoni tista’ tikkostitwixxi prova ex post tan-natura preċiża tal-informazzjoni dwar l-imsemmija pubblikazzjoni. Għall-kuntrarju, waħedha, hija ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita, fl-assenza ta’ eżami ta’ elementi oħra magħrufa jew żvelati qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, tali natura preċiża.

    57

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala informazzjoni minn ġewwa, tista’ tikkostitwixxi informazzjoni “ta’ natura preċiża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124, informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji u li huma rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija natura preċiża, kemm-il darba jkunu ġew ikkomunikati qabel din il-pubblikazzjoni, il-fatt li dan l-artiklu fl-istampa kien ser jindika l-prezz li bih kellhom jinxtraw it-titoli ta’ dan l-emittent fil-kuntest ta’ eventwali offerta pubblika ta’ xiri kif ukoll l-identità tal-ġurnalist li ffirma l-imsemmi artiklu u tal-korp tal-istampa li żgura l-pubblikazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-influwenza effettiva ta’ din il-pubblikazzjoni fuq il-prezz tat-titoli kkonċernati minn din il-pubblikazzjoni, għalkemm tista’ tikkostitwixxi prova ex post tan-natura preċiża tal-imsemmija informazzjoni, waħedha hija ma tistax tkun biżżejjed, fl-assenza ta’ eżami ta’ elementi oħra magħrufa jew żvelati qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, sabiex tiġi stabbilita tali natura preċiża.

    Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

    Osservazzjonijiet preliminari

    58

    It-tieni sar-raba’ domanda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014, li ġie adottat sussegwentement għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li dan l-Artikolu 21 madankollu jinkludi dispożizzjonijiet inqas severi minn dawk, li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/6, fis-seħħ fid-data ta’ dawn il-fatti u li, għaldaqstant, għandu japplika retroattivament għall-imsemmija fatti. Skont dik il-qorti, l-imsemmi artikolu jintroduċi sistema speċifika, mhux prevista fid-Direttiva 2003/6, intiża b’mod partikolari sabiex tillimita l-karatterizzazzjoni tan-nuqqas ikkostitwit mill-iżvelar illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa meta l-iżvelar inkwistjoni jseħħ għall-fini ta’ ġurnaliżmu.

    59

    F’dan id-dawl, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 humiex inqas severi, fil-qasam ineżami, minn dawk previsti fid-Direttiva 2003/6, b’tali mod li huma effettivament applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 53), tiddependi mill-mod li bih għandu jiġi interpretat dan l-artikolu. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jikkorrispondi għall-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/6 u ma jistax, għalhekk, jitqies li jipprevedi fih innifsu regola inqas severa minn dik prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni, mir-riferiment għal dan l-Artikolu 10 li jsir fl-imsemmi Artikolu 21 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli huma marbuta mill-qrib u li ma jistgħux jiġu applikati separatament. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat mill-ewwel li l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament u l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva għandhom eżattament l-istess sens u l-istess portata fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa min-naħa ta’ ġurnalist.

    60

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għall-kawża prinċipali taqa’ taħt l-eżami fil-mertu tat-tieni sar-raba’ domanda (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq il-mertu

    – Fuq it-tieni domanda

    61

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu ffirmat minnu li jmexxi xniegħa dwar is-suq huwa żvelar imwettaq “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    62

    Mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 jirriżulta li, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa, meta l-informazzjoni tiġi żvelata għall-fini ta’ ġurnaliżmu jew għall-fini ta’ forom oħra ta’ espressjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, dan l-iżvelar għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni l-oħra kif ukoll ir-regoli jew il-kodiċi li jirregolaw il-professjoni ta’ ġurnalist, sakemm il-persuna li minnha joriġina l-iżvelar jew persuni marbuta mill-qrib magħha ma jibbenefikawx direttament jew indirettament minn dan l-iżvelar jew sakemm din il-persuna ma jkollhiex l-intenzjoni li, permezz ta’ dan l-iżvelar, tqarraq bis-suq.

    63

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk żvelar “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 21, ikoprix l-ipoteżi tal-iżvelar, minn ġurnalist, ta’ informazzjoni lil wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu jew jikkonċernax biss komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm fl-istampa jew f’mezzi ta’ komunikazzjoni oħra, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-finalità mfittxija mill-att li tagħmel parti minnu.

    64

    F’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni “għall-fini ta’ ġurnaliżmu” tirreferi għall-iżvelar ta’ informazzjoni li jkollu bħala finalità l-attività ta’ ġurnaliżmu u, għaldaqstant, ma tirreferix neċessarjament għal dak l-iżvelar ta’ informazzjoni biss li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni bħala tali iżda wkoll għall-iżvelar li jagħmel parti mill-proċess li jwassal għal tali pubblikazzjoni.

    65

    Fir-rigward tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 596/2014, mill-premessa 2 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji billi jipprojbixxi abbuż tas-suq, bħalma huma l-abbuż minn informazzjoni minn ġewwa u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa. Mill-premessa 77 tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li din il-finalità għandha tintlaħaq b’rispett tad-drittijiet fundamentali u b’osservanza tal-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’mezzi ta’ komunikazzjoni oħra, kif iggarantiti fl-Unjoni u fl-Istati Membri kif ukoll kif huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta u msemmija, barra minn hekk, fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014.

    66

    Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza li dawn il-libertajiet fundamentali għandhom f’kull soċjetà demokratika, il-kunċetti marbuta magħhom, fosthom dak ta’ “fini ta’ ġurnaliżmu”, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Buivids, C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Barra minn hekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Buivids, C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Issa, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ma humiex biss il-pubblikazzjonijiet iżda huma wkoll l-atti preparatorji għal pubblikazzjoni, bħalma huma l-ġbir ta’ informazzjoni kif ukoll l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ investigazzjoni ta’ ġurnalist, li huma inerenti għal-libertà tal-istampa, kif stabbilita fl-Artikolu 10 tal-imsemmija konvenzjoni, u li huma, bħala tali, protetti (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 25 ta’ April 2006, Dammann vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:2006:0425JUD007755101, punt 52, u Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, punt 128).

    69

    Għaldaqstant, filwaqt li l-għan aħħari tal-attività ġurnalistika huwa l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku, għandu jiġi kkunsidrat li jista’ jikkostitwixxi żvelar ta’ informazzjoni għall-fini ta’ ġurnaliżmu, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, żvelar intiż għat-twettiq ta’ din l-attività, inkluż dak imwettaq fil-kuntest tal-ħidma ta’ investigazzjoni preparatorja għall-pubblikazzjoni mwettqa minn ġurnalist.

    70

    Fir-rigward tal-kawża prinċipali, dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fl-ipoteżi, imqajma mill-qorti tar-rinviju, fejn l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu jkun intiż sabiex tiġi vverifikata x-xniegħa li tkun is-suġġett ta’ dan l-artiklu jew sabiex jinkisbu kjarifiki dwarha, u dan irrispettivament minn jekk id-destinatarju ta’ dan l-iżvelar ikunx jew le s-sors tal-imsemmija xniegħa. Hija l-imsemmija qorti li għandha tevalwa jekk dan kienx effettivament il-każ f’din il-kawża.

    71

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa ffirmat minnu li jmexxi xniegħa dwar is-suq huwa żvelar imwettaq “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta dan l-iżvelar ikun neċessarju sabiex tkun tista’ titwettaq sew attività ġurnalistika, li tinkludi l-ħidma ta’ investigazzjoni preparatorja għall-pubblikazzjonijiet.

    – Fuq it-tielet u rraba’ domanda

    72

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li n-natura legali jew illegali tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa minn ġurnalist għall-fini ta’ ġurnaliżmu tiddependi minn jekk dan l-iżvelar sarx fil-kuntest normali tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġurnalist.

    73

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 596/2014 jipprevedi li żvelar illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa, ipprojbit skont l-Artikolu 14(c) ta’ dan l-istess regolament, iseħħ meta persuna li jkollha informazzjoni minn ġewwa tiżvelaha lil persuna oħra, ħlief meta dan l-iżvelar iseħħ fil-kuntest normali tal-eżerċizzju ta’ xogħol, ta’ professjoni jew ta’ funzjonijiet.

    74

    Peress li din id-definizzjoni ta’ żvelar illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa tingħata fl-imsemmi Artikolu 10 “[g]ħall-finijiet [tar‑]Regolament [Nru 596/2014]”, hija għandha titqies li hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament. Dan huwa kkonfermat mill-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għall-fini ta’ ġurnaliżmu għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.

    75

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014 ma jikkostitwixxix bażi awtonoma, li tidderoga mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali jew illegali ta’ żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa għall-fini ta’ ġurnaliżmu. Tali determinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq dan l-Artikolu 10, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 21.

    76

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 596/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 14(c) ta’ dan ir-regolament, jikkorrispondi essenzjalment għall-Artikolu 3(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/592/KEE tat‑13 ta’ Novembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet dwar abbuż minn informazzjoni minn ġewwa (ĠU 1989, L 334, p. 30), kif ukoll għall-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/6, dispożizzjonijiet dawn li kienu jobbligaw lill-Istati Membri jipprojbixxu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn ġewwa. B’mod partikolari, billi jipprevedi li l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa ma huwiex illegali meta dan iseħħ fil-kuntest normali tal-eżerċizzju ta’ xogħol, ta’ professjoni jew ta’ funzjonijiet, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 596/2014 jinkludi l-istess eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn ġewwa bħall-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

    77

    Barra minn hekk, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 596/2014 huwa intiż b’mod partikolari, l-istess bħall-imsemmija direttivi li ppreċedewh, li jipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji u li jsaħħaħ il-fiduċja tal-investituri, li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li huma ser jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u ser ikunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni minn ġewwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    78

    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 596/2014, bħal dik prevista fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/592, timponi l-kundizzjoni ta’ rabta stretta bejn l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa u l-eżerċizzju ta’ xogħol, ta’ professjoni jew ta’ funzjoni sabiex ikun iġġustifikat tali żvelar. Bħala prinċipju, hija għandha tingħata interpretazzjoni stretta u għalhekk l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa jkun legali biss jekk dan ikun strettament neċessarju għal dan l-eżerċizzju u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif kienet indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Grøngaard u Bang (C‑384/02, EU:C:2005:708, punti 3134).

    79

    B’dan premess, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-persuni li kienu żvelaw l-informazzjoni minn ġewwa inkwistjoni kienu, rispettivament, rappreżentant tal-ħaddiema fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ kumpannija, li kien ukoll membru tal-kumitat ta’ kuntatt ta’ grupp ta’ impriżi, kif ukoll il-president ta’ sindakat professjonali.

    80

    Issa, meta ġurnalist jiżvela informazzjoni minn ġewwa “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014, l-imsemmija eċċezzjoni għandha tiġi interpretata, kif ġie rrilevat, essenzjalment, fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li jitħares l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-finalità tagħha, kif stabbilita wkoll fil-premessa 77 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-osservanza tal-libertà tal-istampa u tal-libertà tal-espressjoni f’mezzi ta’ komunikazzjoni oħra ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 11 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 55).

    81

    B’hekk, ir-rekwiżit, li jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 596/2014, li tali żvelar għandu jkun neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġurnalist kif ukoll in-natura proporzjonata ta’ dan l-iżvelar għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-fatt li dan l-Artikolu 10, sa fejn jikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta, għandu jiġi interpretat konformement mar-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 52(1) tagħha.

    82

    Għalhekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit li tali żvelar għandu jkun neċessarju għat-twettiq ta’ attività ġurnalistika, li tinkludi, kif ġie enfasizzat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-ħidma ta’ investigazzjoni preparatorja għall-pubblikazzjonijiet, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ħtieġa għall-ġurnalist li jivverifika l-informazzjoni li jkun sar jaf biha.

    83

    Għaldaqstant, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk żvelar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ artiklu fl-istampa, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-iżvelar marx lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex tiġi vverifikata l-informazzjoni li tinsab f’dan l-artiklu. B’mod partikolari, fir-rigward tal-verifika ta’ informazzjoni marbuta ma’ xniegħa dwar is-suq, għandu jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, jekk kienx meħtieġ għall-ġurnalist li jiżvela lil terz, minbarra l-kontenut tax-xniegħa inkwistjoni bħala tali, l-informazzjoni speċifika dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu li jmexxi din ix-xniegħa.

    84

    Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk tali żvelar huwiex proporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 596/2014, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà tal-istampa kkawżata mill-projbizzjoni ta’ tali żvelar hijiex eċċessiva meta mqabbla mal-ħsara li tali żvelar jista’ jikkawża lill-integrità tas-swieq finanzjarji.

    85

    Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex titwettaq din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, l-ewwel, l-effett potenzjalment dissważiv ta’ tali projbizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-attività ġurnalistika, inkluża l-ħidma ta’ investigazzjoni preparatorja.

    86

    It-tieni, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk, meta wettaq l-iżvelar ikkonċernat, il-ġurnalist aġixxiex b’osservanza tar-regoli u tal-kodiċi li jirregolaw il-professjoni tiegħu, kif imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 596/2014. Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tagħha, l-osservanza ta’ dawn ir-regoli u ta’ dawn il-kodiċi ma tippermettix, waħedha, li jiġi konkluż li l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa kien proporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 569/2014.

    87

    It-tielet, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti negattivi fuq l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa inkwistjoni. B’mod partikolari, sa fejn twettaq abbuż minn informazzjoni minn ġewwa b’konsegwenza ta’ dan l-iżvelar, dan l-abbuż jista’ jikkawża telf finanzjarju għal investituri oħra u, fuq tul ta’ żmien medju, it-telf ta’ fiduċja fis-swieq finanzjarji.

    88

    Minn dan isegwi li l-iżvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa ma jippreġudikax biss l-interessi privati ta’ ċerti investituri iżda jippreġudika wkoll, b’mod iktar ġenerali, l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata trasparenza sħiħa u adegwata tas-suq, sabiex tiġi protetta l-integrità tiegħu u sabiex tiġi ggarantita l-fiduċja tal-investituri kollha, kif imfakkar fil-punt 77 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-interess pubbliku li seta’ kien imfittex minn tali żvelar ma jmurx biss kontra interessi privati, iżda wkoll interess tal-istess natura (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 10 ta’ Diċembru 2007, Stoll vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2007:1210JUD006969801, punt 116).

    89

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda hija li l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa minn ġurnalist ikun legali meta jkollu jitqies li huwa neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu u bħala li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    Fuq l‑ispejjeż

    90

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala informazzjoni minn ġewwa, tista’ tikkostitwixxi informazzjoni “ta’ natura preċiża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE tat‑22 ta’ Diċembru 2003 li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq, informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa li jmexxi xniegħa dwar is-suq li tikkonċerna emittent ta’ strumenti finanzjarji u li huma rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imsemmija natura preċiża, kemm-il darba jkunu ġew ikkomunikati qabel din il-pubblikazzjoni, il-fatt li dan l-artiklu fl-istampa kien ser jindika l-prezz li bih kellhom jinxtraw it-titoli ta’ dan l-emittent fil-kuntest ta’ eventwali offerta pubblika ta’ xiri kif ukoll l-identità tal-ġurnalist li ffirma l-imsemmi artiklu u tal-korp tal-istampa li żgura l-pubblikazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-influwenza effettiva ta’ din il-pubblikazzjoni fuq il-prezz tat-titoli kkonċernati minn din il-pubblikazzjoni, għalkemm tista’ tikkostitwixxi prova ex post tan-natura preċiża tal-imsemmija informazzjoni, waħedha hija ma tistax tkun biżżejjed, fl-assenza ta’ eżami ta’ elementi oħra magħrufa jew żvelati qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, sabiex tiġi stabbilita tali natura preċiża.

     

    2)

    L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6 u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar minn ġurnalist, lil wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni abitwali tiegħu, ta’ informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni imminenti ta’ artiklu fl-istampa ffirmat minnu li jmexxi xniegħa dwar is-suq huwa żvelar imwettaq “għall-fini ta’ ġurnaliżmu”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta dan l-iżvelar ikun neċessarju sabiex tkun tista’ titwettaq sew attività ġurnalistika, li tinkludi l-ħidma ta’ investigazzjoni preparatorja għall-pubblikazzjonijiet.

     

    3)

    L-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament Nru 596/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li żvelar ta’ informazzjoni minn ġewwa minn ġurnalist ikun legali meta jkollu jitqies li huwa neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu u bħala li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top