EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0279

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
Bundesrepublik Deutschland vs XC.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) – Kunċett ta’ ‘wild minuri’ – Artikolu 16(1)(b) – Kunċett ta’ ‘ħajja tal-familja effettiva’ – Wild li jitlob ir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ missieru li kiseb l-istatus ta’ refuġjat – Data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri.
Kawża C-279/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:618

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika dwar l-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) – Kunċett ta’ ‘wild minuri’ – Artikolu 16(1)(b) – Kunċett ta’ ‘ħajja tal-familja effettiva’ – Wild li jitlob ir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ missieru li kiseb l-istatus ta’ refuġjat – Data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri”

Fil-Kawża C‑279/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

Bundesrepublik Deutschland

vs

XC,

fil-preżenza ta’:

Landkreis Cloppenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u D. Schaffrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) u XC, ċittadina Sirjana, dwar ir-rifjut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-applikazzjoni ppreżentata minn XC għall-ħruġ ta’ viża nazzjonali bl-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 4, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2003/86 jistipulaw:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6)

Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(8)

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

(9)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86 huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

Skont l-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(f)

‘minorenni mhux akkompanjat’ tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

[…]

(ċ)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-reponsabbilità ta’ iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

[…]

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[…]”

7

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

[…]

5.   Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

8

L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86 jippreċiża:

“Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

(a)

għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);

[…]”

9

L-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

(b)

fejn l-isponsor u l-membru(i) tal-familja tiegħu/tagħha ma jgħixux jew m’għadhomx jgħixu f’relazzjoni reali ta’ żwieġ jew familja;

[…]”

10

Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu”.

Id-dritt Ġermaniż

11

Il-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) tal‑25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-AufenthG”), tipprevedi, fl-Artikolu 6(3) tagħha:

“Għal residenzi fit-tul tkun meħtieġa viża għat-territorju Ġermaniż (viża nazzjonali) maħruġa qabel id-dħul f’dan it-territorju. L-imsemmija viża tinħareġ konformement mar-rekwiżiti fis-seħħ fil-qasam ta’ permessi ta’ residenza temporanju, ta’ Karti Blu tal-Unjoni Ewropea, ta’ Karti għal persuni li huma s-suġġett ta’ trasferiment intraażjendali (ICT), ta’ karti ta’ residenza permanenti u ta’ permessi ta’ residenza għal żmien twil – UE. […]”

12

L-Artikolu 25 ta’ din il-liġi, intitolat “Residenza għal raġunijiet umanitarji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Barrani għandu jingħata permess ta’ residenza temporanju meta l-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati) jkun irrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar l-Ażil) jew id-dritt għall-protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar l-Ażil. […]”

13

L-Artikolu 32 tal-AufenthG, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja tal-ulied”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-wild minorenni mhux miżżewweġ ta’ barrani għandu jingħata permess ta’ residenza temporanju meta ż-żewġ ġenituri jew il-ġenitur wieħed li jkollu l-awtorità fuq il-minorenni jkollhom wieħed mit-titoli ta’ residenza li ġejjin:

[…]

2. permess ta’ residenza temporanju skont l-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) jew (2);

[…]”

14

L-Artikolu 36 ta’ din il-liġi, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri u ta’ membri oħra tal-familja”, jippreċiża:

“(1)   B’deroga mill-punt 1 tal-Artikolu 5(1) u mill-punt 2 tal-Artikolu 29(1), permess ta’ residenza temporanju jinħareġ lill-ġenituri ta’ barrani minuri li għandu permess ta’ residenza temporanju skont l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 25(1) jew l-ewwel alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2), karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 26(3), jew karta ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 26(4), wara li jkun inħareġ permess ta’ residenza temporanju skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2), meta ma jkun jinsab ebda ġenitur li għandu awtorità fuq il-persuna minuri fit-territorju Ġermaniż.

(2)   Permess ta’ residenza temporanju bl-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jinħareġ lill-membri l-oħra tal-familja ta’ barrani meta dan ikun neċessarju sabiex jiġu evitati diffikultajiet eċċessivi. L-Artikolu 30(3) kif ukoll l-Artikolu 31 japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-familja maġġorenni u l-Artikolu 34 għall-membri tal-familja minorenni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

XC, li twieldet fl‑1 ta’ Jannar 1999, talbet, bħala ċittadina Sirjana li ilha tgħix għal diversi snin fit-Turkija, il-ħruġ ta’ viża nazzjonali għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ missierha, li kiseb l-istatus ta’ refuġjat fil-Ġermanja.

16

Ommha hija mejta. Matul is-sena 2015, missierha wasal il-Ġermanja, fejn ippreżenta applikazzjoni formali għall-ażil fix-xahar ta’ April 2016. L-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjonijiet u r-Refuġjati ta l-istatus ta’ refuġjat lil missier XC fix-xahar ta’ Lulju 2017, wara li ntlaqa’ r-rikors ippreżentat minn dan tal-aħħar. Fix-xahar ta’ Settembru 2017, is-servizz għall-barranin ħariġlu permess ta’ residenza temporanju validu għal tliet snin, konformement mal-Artikolu 25(2) tal‑AufenthG.

17

Fl‑10 ta’ Awwissu 2017, XC, li saret maġġorenni fl‑1 ta’ Jannar 2017, għamlet applikazzjoni mal-konsulat ġenerali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Istanbul (it-Turkija) għal viża nazzjonali għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ missierha residenti fil-Ġermanja. Dan il-konsulat ġenerali rrifjuta l-ħruġ tal-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-aħħar lok permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2017 li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid. Huwa qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 32 tal-AufenthG ma kinux issodisfatti għaliex XC kienet laħqet l-età maġġorenni qabel ma missierha kiseb il-permess ta’ residenza bħala refuġjat. Barra minn hekk, skont l-imsemmi konsulat ġenerali, konformement mal-Artikolu 36(2) tal-AufenthG, ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wlied maġġorenni teħtieġ l-eżistenza ta’ diffikultajiet eċċessivi, li ma kienx il-każ hawnhekk, għaliex ma kienx jidher li XC ma setgħetx tgħix ħajja indipendenti fit-Turkija.

18

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn XC kontra din id-deċiżjoni tal-konsulat ġenerali u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja toħroġ viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja lill-persuna kkonċernata. Hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi indikat li, skont is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, li tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjoni inversa preżenti f’din il-kawża dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild ma’ ġenitur li kiseb l-istatus ta’ refuġjat, id-data determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri ta’ XC ma hijiex dik tal-applikazzjoni għal viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, iżda dik tal-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn missier il-persuna kkonċernata. Għalhekk, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li wild tal-isponsor għandu jitqies bħala minorenni jekk kien minorenni meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-ażil mill-isponsor. Barra minn hekk, skont il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), anki fil-każ ta’ riunifikazzjonijiet tal-familji ta’ wlied, id-determinazzjoni tad-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri tal-wild ikkonċernat ma titħalliex għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri, iżda għandha tirriżulta minn interpretazzjoni awtonoma ta’ din id-direttiva. Dik il-qorti ppreċiżat li l-effett utli tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja jkun ippreġudikat u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġu miksura jekk, għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmija direttiva, id-data użata sabiex tiġi evalwata l-kwalità ta’ minuri tal-wild ikkonċernat tkun dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal viża tiegħu. L-imsemmija qorti rrilevat li, f’dan il-każ, XC ippreżentat l-applikazzjoni għal viża tagħha fit-terminu ta’ tliet xhur, meħtieġ konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, mill-ġurnata li fiha l-persuna li għandha d-dritt oriġinarju ta’ residenza ngħatat il-kwalità ta’ refuġjat.

19

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). Insostenn tar-rikors tagħha, hija ssostni li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), kienet tirrigwarda fatti differenti minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/86 differenti minn dik inkwistjoni f’din il-kawża. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva ma japplikawx għall-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, iktar u iktar peress li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tagħmel riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri.

20

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tosserva li XC ma għandhiex dritt għall-viża li saret applikazzjoni għaliha abbażi tad-dritt nazzjonali, peress li, skont dan id-dritt, il-fatt li hija kienet laħqet l-età maġġuri qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal din il-viża kien jipprekludi dan. Madankollu, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) għandha xi dubji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2003/86. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk huwiex possibbli li tiġi applikata għall-każ inkwistjoni s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), li tgħid li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li kellhom inqas minn 18‑il sena fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, jilħqu l-età maġġuri u sussegwentement jingħataw l-istatus ta’ refuġjat, għandhom jiġu kklassifikati bħala “minorenni”, fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha.

21

Issa, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji f’dan ir-rigward peress li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ġenituri ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat, konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86. Min-naħa l-oħra, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, li jirregola r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wlied ma’ ċittadini adulti ta’ pajjiżi terzi, li kisbu l-istatus ta’ refuġjat u huma minħabba dan il-fatt awtorizzati jirrisjedu fi Stat Membru.

22

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ fid-dawl ta’ liema kriterji hija għandha tevalwa jekk ir-rekwiżit ta’ ħajja tal-familja effettiva, li għalih l-Artikolu 16(1)(b) tal-imsemmija direttiva jissuġġetta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, huwiex issodisfatt.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

[Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1)] tad-Direttiva [2003/86] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-wild ta’ sponsor li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat huwa minuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni wkoll meta huwa kien hekk fil-mument meta l-isponsor ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal ażil, iżda kien diġà sar maġġorenni qabel ma l-isponsor jikseb l-istatus ta’ refuġjat u qabel ma l-applikazzjoni għal riunfikazzjoni tal-familja tkun ġiet ippreżentata?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Liema kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti, f’tali każ, għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet familjali effettivi, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86?

(a)

Ir-relazzjoni legali ta’ filjazzjoni hija suffiċjenti għal dan il-għan jew ħajja tal-familja effettiva hija wkoll neċessarja?

b)

Jekk ħajja tal-familja effettiva hija wkoll meħtieġa: x’għandha tkun l-intensità tagħha? Żjarat okkażjonali jew regolari huma pereżempju suffiċjenti għal dan il-għan, huwa neċessarju li jgħixu flimkien f’dar komuni jew, minbarra dan, hija meħtieġa komunità ta’ assistenza reċiproka fejn il-membri tagħha jiddependu wieħed fuq l-ieħor?

(c)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, li jkun għadu jinsab fil-pajjiż terz u li jkun ippreżenta applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ ġenitur li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat teħtieġ il-previżjoni li, wara d-dħul fit-territorju, il-ħajja tal-familja tibda (mill-ġdid) fl-Istat Membru sa fejn huwa meħtieġ b’mod konformi mal-punt (b) tat-tieni domanda?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-qorti tar-rinviju jekk xtaqitx iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha fid-dawl tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577).

25

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2020, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Settembru 2020, l-imsemmija qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija xtaqet iżżomm din it-talba sa fejn hija qieset li din is-sentenza ma kinitx tirrispondi b’mod suffiċjenti għad-domandi mqajma f’din il-kawża.

26

Fit‑12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija lill-Gvern Ġermaniż, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħha stednitu jieħu pożizzjoni dwar l-effett possibbli tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda. Fil‑21 ta’ Ġunju 2021, il-Gvern Ġermaniż ippreżenta tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-wild ta’ sponsor li kiseb l-istatus ta’ refuġjat huwiex wild minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni li fiha dan il-wild sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, hija dik li fiha l-ġenitur sponsor ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat.

28

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li din id-domanda toriġina miċ-ċirkustanzi partikolari tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li fiha l-wild ikkonċernat kienet minuri meta missierha ppreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tagħha fix-xahar ta’ April 2016, iżda saret maġġorenni qabel ma missierha kiseb l-istatus ta’ refuġjat fix-xahar ta’ Lulju 2017, liema applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar kienet inizjalment irrifjutata mill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, u għalhekk qabel ma kellha l-possibbiltà li tippreżenta applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenitur ikkonċernat, liema applikazzjoni ġiet ippreżentata fl‑10 ta’ Awwissu 2017.

29

Il-qorti tar-rinviju tqis, bħalma jsegwi mit-tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija distinta minn dawk li taw lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577), fid-dawl b’mod partikolari tad-differenzi bejn il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawżi li taw lok għal dik is-sentenza u dak tat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tirrileva li, minkejja li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha biex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew refuġjat mhux miżżewweġ huwiex wild minuri hija dik ta’ meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għal ulied minorenni, u mhux dik li fiha tingħata deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jekk ikun il-każ wara rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali applikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx risposta għad-domanda dwar jekk, fil-każ ta’ riunifikazzjoni ta’ wild ma’ ġenitur li jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat, huwiex possibbli li tinżamm data preċedenti għal dik tal-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, jiġifieri dik tal-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn dan il-ġenitur, peress li din id-domanda ma kinitx determinanti għall-finijiet tal-imsemmija kawżi.

30

Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-imsemmija ċirkustanzi partikolari, huwiex possibbli li tiġi applikata, f’dan il-każ, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), fir-rigward tad-data determinanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ minuri tal-wild ta’ applikant għall-ażil li ngħata l-istatus ta’ refuġjat.

31

Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju tqis li s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577) ma tiddeċidix il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li tiġi applikata, f’dan il-każ, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), kif esposta fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

32

Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li din id-direttiva hija intiża, barra minn hekk, li tagħti protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet korrispettivi ddefiniti b’mod ċar. Dan jobbligahom, fil-każijiet iddeterminati mill-istess direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fost il-membri tal-familja tal-isponsor li l-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza d-dħul u r-residenza tagħhom hemm, konformement mal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, “it-tfal minorenni inklużi tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha”.

36

F’dan ir-rigward, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 jindika li l-ulied minuri għandhom ikunu ta’ età inqas mill-età maġġorenni legali tal-Istat Membru kkonċernat, dan ma jippreċiżax il-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta u lanqas ma jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt tal-Istati Membri (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 28).

37

Għalkemm, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, il-kompitu li tiġi ddeterminata l-età tal-maġġoranza legali titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, għall-kuntrarju ma jista’ jingħatalhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-iffissar tal-mument li għandu jsir riferiment għalih sabiex tiġi evalwata l-età tal-applikant għall-finijiet tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja. Għal dan l-għan, kif jippreċiża l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

39

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti mill-Karta u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fl-osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

40

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, huwa l-obbligu tal-Istati Membri, b’mod partikolari tal-qrati tagħhom, mhux biss li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll li jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Dan l-Artikolu 7 għandu jinqara, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li wild ikollu regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fl-Artikolu 24(3) tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bl-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li, filwaqt li d-dritt Ġermaniż ma jeżiġix li wild ikun minorenni fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu għal riunifikazzjoni tal-familja, dan il-wild għandu jkun minorenni mal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal viża u meta l-ġenitur tiegħu jikseb il-permess ta’ residenza li jagħti lok għad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja.

44

F’dan il-kuntest, huwa biss jekk il-kwalità tagħha ta’ minuri għandha tiġi ddeterminata fid-data li fiha missierha talab l-ażil li XC tkun tista’ tinvoka l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 u għalhekk tikseb eżitu favorevoli fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabelxejn li l-wild ta’ applikant għall-ażil jista’ jissottometti applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja b’mod validu abbażi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 biss meta l-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat tal-ġenitur applikant għall-ażil kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni pożittiva finali. Kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kundizzjoni hija faċilment spjegata mill-fatt li, qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, huwa impossibbli li wieħed ikun jaf b’ċertezza jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta l-istatus ta’ refuġjat, li min-naħa tiegħu jikkundizzjona d-dritt li tinkiseb riunifikazzjoni tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 5163).

46

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju u refuġjat għandu għalhekk dritt li jiġi rrikonoxxut bħala tali mid-data tal-applikazzjoni tiegħu għall-għoti ta’ dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 5354).

47

Bħalma fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577), jirriżulta wkoll li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja dwar wild minuri ma jistax jonqos matul iż-żmien meħtieġ biex jiġu aġġudikati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew riunifikazzjoni tal-familja.

48

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li tiġi adottata d-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mill-ġenitur ikkonċernat jew li tiġi adottata d-data sussegwenti li fiha l-wild ikkonċernat ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-kwalità ta’ minuri għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 la jkun konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, intiżi li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata protezzjoni partikolari lir-refuġjati, u lanqas mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 24(2) tal-Karta, b’din id-dispożizzjoni tal-aħħar tkun timplika li, fl-atti kollha li jirrigwardaw it-tfal, b’mod partikolari dawk imwettqa mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 36).

49

Fil-fatt, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti ma jkunux inċentivati jittrattaw bi prijorità l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn ġenituri ta’ minuri bl-urġenza neċessarja sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà partikolari ta’ dawn il-minuri u għalhekk ikunu jistgħu jaġixxu b’mod li jipperikola d-dritt għall-ħajja tal-familja kemm ta’ ġenitur mal-wild minuri tiegħu kif ukoll ta’ dan tal-aħħar ma’ membru tal-familja tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali sa fejn din ma tkunx tippermetti li jiġi żgurat trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jkunu jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni sa fejn din tkun twassal sabiex is-suċċess tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-amministrazzjoni jew lill-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-ħeffa ikbar jew inqas li biha l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ttrattata jew li biha rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali applikazzjoni jiġi deċiż, u mhux fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 5660 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni, sa fejn ikollha l-effett li tissuġġetta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-wild minuri kkonċernat għal ċirkustanzi inċerti u mhux prevedibbli, kompletament imputabbli lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, tkun tista’ twassal għal differenzi sinjifikattivi fit-trattament tal-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-istess Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 43).

52

Minn dan isegwi li, għal raġunijiet essenzjalment analogi għal dawk adottati sabiex fuqhom tiġi bbażata l-interpretazzjoni, fis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), tal-ewwel parti tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tagħha, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-wild ta’ sponsor li jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat huwiex minuri fis-sens tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, f’sitwazzjoni fejn dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-isponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ dan l-isponsor. Huwa biss it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali data li huwa konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk titteħidx deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni direttament wara l-preżentata tagħha jew inkella, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, wara li tkun ġie annullata deċiżjoni li tiċħad l-imsemmija applikazzjoni.

53

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, f’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja abbażi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandha ssir f’terminu raġonevoli, jiġifieri fi żmien tliet xhur mid-data tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-wild ta’ sponsor li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat huwiex wild minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni li fiha dan il-wild sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, hija dik li fiha l-ġenitur sponsor ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat, bil-kundizzjoni li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja fi żmien tliet xhur wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor.

Fuq it-tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86, fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri ma’ ġenitur li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat, meta dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja.

56

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, għal dan l-għan, ir-relazzjoni ġuridika ta’ filjazzjoni hijiex suffiċjenti jew jekk hijiex ukoll neċessarja ħajja tal-familja effettiva, u f’dan il-każ, x’għandha tkun l-intensità tagħha. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk riunifikazzjoni tal-familja teżiġix li, wara d-dħul tal-wild fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-ħajja tal-familja terġa’ tibda mill-ġdid f’dan tal-aħħar.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, jirtiraw il-permess ta’ residenza mogħti għal dan l-għan jew jirrifjutaw it-tiġdid tiegħu, meta l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu ma jkollhomx jew ma għadx għandhom ħajja konjugali jew tal-familja effettiva. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali rabtiet tal-familja effettivi u lanqas ma timponi ebda rekwiżit speċifiku f’dak li jirrigwarda l-intensità tar-relazzjonijiet tal-familja kkonċernati. Barra minn hekk, din lanqas ma tagħmel riferiment, fuq dan il-punt, għad-dritt tal-Istati Membri.

58

Bħalma tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

59

Issa, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/86, konformement mal-premessa 6 tagħha, hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-familja kif ukoll iż-żamma jew il-ħolqien tal-ħajja tal-familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, konformement mal-premessa 4 ta’ din id-direttiva, ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju sabiex tippermetti l-ħajja tal-familja u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ stabbiltà soċjokulturali.

60

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-miżuri li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tat-tfal ikkonċernati u bl-għan li tiġi promossa l-ħajja tal-familja.

61

Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, is-sitwazzjoni tar-refuġjati titlob attenzjoni partikolari, minħabba r-raġunijiet li wassluhom biex jaħarbu minn pajjiżhom u li jipprekluduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk. Huwa għalhekk li din id-direttiva tipprevedi kundizzjonijiet iktar favorevoli għar-refuġjati fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

62

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86, teħtieġ li ssir evalwazzjoni każ b’każ, bħalma jsegwi barra minn hekk mill-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, bl-għajnuna tal-fatturi rilevanti kollha f’kull każ u fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-imsemmija direttiva.

63

Għal dan l-għan, is-sempliċi relazzjoni ġuridika ta’ filjazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta tal-familja effettiva. Fil-fatt, għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/86 u tal-Karta jipproteġu d-dritt għal ħajja tal-familja u jippromwovu ż-żamma tagħha, dawn iħallu, sakemm il-persuni kkonċernati jkomplu jgħixu ħajja tal-familja effettiva, lid-detenturi ta’ dan id-dritt il-kompitu li jiddeċiedu l-modalitajiet li abbażi tagħhom huma jixtiequ jgħixu l-ħajja tal-familja tagħhom u, b’mod partikolari, ma jimponu ebda rekwiżit f’dak li jirrigwarda l-intensità tar-relazzjoni tal-familja tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 58).

64

F’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li XC kienet għadha minuri fil-mument missierha kellu jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u għalhekk kienet tagħmel parti mill-familja nukleari ta’ dan tal-aħħar kif imsemmija fil-premessa 9 tad-Direttiva 2003/86, li hija, skont l-istess premessa, “f’kull każ” koperta mir-riunifikazzjoni tal-familja. Issa, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jidher li jindika li l-persuni kkonċernati ma kellhomx, matul il-perijodu ta’ qabel il-ħarba tal-missier, ħajja tal-familja effettiva.

65

Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, XC u missierha ma setgħux jgħixu ħajja tal-familja reali matul il-perijodu ta’ separazzjoni tagħhom li seħħ b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ dan tal-aħħar bħala refuġjat, iżda din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex tali li tista’ sservi ta’ bażi għall-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ ħajja tal-familja effettiva fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi preżunt li kull ħajja tal-familja bejn ġenitur u l-wild tiegħu ma tibqax teżisti immedjatament malli l-wild minuri jilħaq l-età maġġuri.

66

Madankollu, l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva tippreżupponi li tiġi stabbilita r-realtà tar-rabta tal-familja jew ir-rieda li tiġi stabbilita jew miżmuma tali rabta.

67

Għalhekk, il-fatt li l-persuni kkonċernati għandhom l-intenzjoni li jagħmlu żjarat okkażjonali, sa fejn dawn ikunu possibbli, u li jkollhom kuntatti regolari ta’ kwalunkwe natura li jkunu, fid-dawl b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi materjali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati, fosthom l-età tal-wild, jista’ jkun biżżejjed sabiex jitqies li dawn il-persuni qegħdin jibnu relazzjonijiet personali u emozzjonali mill-ġdid u sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva.

68

Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi rikjest li l-ġenitur sponsor u l-wild tiegħu jkollhom sostenn finanzjarju reċiproku, peress li huwa probabbli li huma ma jkollhomx il-mezzi materjali għal dan.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri ma’ ġenitur li kiseb l-istatus ta’ refuġjat, meta dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat tal-ġenitur sponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, is-sempliċi relazzjoni ġuridika ta’ filjazzjoni ma hijiex suffiċjenti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-ġenitur sponsor u l-wild ikkonċernat jikkoabitaw fi ħdan l-istess dar jew jgħixu taħt l-istess saqaf sabiex dan il-wild ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja. Żjarat okkażjonali, sa fejn huma possibbli, u kuntatti regolari ta’ kwalunkwe natura li tkun jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jitqies li dawn il-persuni qegħdin jibnu relazzjonijiet personali u emozzjonali mill-ġdid u sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi rikjest li l-ġenitur sponsor u l-wild tiegħu jkollhom sostenn finanzjarju reċiproku.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-wild ta’ sponsor li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat huwiex wild minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni li fiha dan il-wild sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, hija dik li fiha l-ġenitur sponsor ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat, bil-kundizzjoni li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja fi żmien tliet xhur wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat lill-ġenitur sponsor.

 

2)

L-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jitqies li teżisti ħajja tal-familja effettiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri ma’ ġenitur li kiseb l-istatus ta’ refuġjat, meta dan il-wild ikun sar maġġorenni qabel l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat tal-ġenitur sponsor u qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, is-sempliċi relazzjoni ġuridika ta’ filjazzjoni ma hijiex suffiċjenti. Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-ġenitur sponsor u l-wild ikkonċernat jikkoabitaw fi ħdan l-istess dar jew jgħixu taħt l-istess saqaf sabiex dan il-wild ikun jista’ jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja. Żjarat okkażjonali, sa fejn huma possibbli, u kuntatti regolari ta’ kwalunkwe natura li tkun jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jitqies li dawn il-persuni qegħdin jibnu relazzjonijiet personali u emozzjonali mill-ġdid u sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja effettiva. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi rikjest li l-ġenitur sponsor u l-wild tiegħu jkollhom sostenn finanzjarju reċiproku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top