Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0277

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021.
UM vs HW en tant que administrateur de succession de ZL.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Suċċessjonijiet – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 3(1)(b) – kunċett ta’ ‘patt ta’ suċċessjoni’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis – Artikolu 83(2) – Għażla tal-liġi applikabbli – Dispożizzjonijiet tranżitorji.
Kawża C-277/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:708

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Suċċessjonijiet – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 3(1)(b) – kunċett ta’ ‘patt ta’ suċċessjoni’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis – Artikolu 83(2) – Għażla tal-liġi applikabbli – Dispożizzjonijiet tranżitorji”

Fil-Kawża C‑277/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura mibdija minn

UM

fil-preżenza ta’:

HW, bħala amministratur tas-suċċessjoni ta’ ZL

Marktgemeinde Kötschach-Mauthen,

Finanzamt Spittal Villach,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UM, minn A. Wittwer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) u tal-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140, iktar ’il quddiem ir-”Regolament dwar is-Suċċessjonijiet”)

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn UM, ċittadin Ġermaniż, u l-awtoritajiet Awstrijaċi, dwar iċ-ċaħda minn dawn tal-aħħar tat-talba għal inklużjoni fir-reġistru tal-artijiet tad-dritt għall-proprjetà ta’ beni immobbli li tinsab fl-Awstrija,.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 9, 11, 14 u 49 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet jistabbilixxu:

“(9)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

[…]

(11)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni. Għal finijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(14)

Drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b’modi oħra għajr is-suċċessjoni, bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet, għandhom ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. […]

[…]

(49)

Ftehim ta’ suċċessjoni huwa tip ta’ trasferiment causa mortis li l-ammissibbiltà u l-aċċettazzjoni tiegħu tvarja fost l-Istati Membri. Sabiex ikun aktar faċli li drittijiet ta’ suċċessjoni miksuba bħala riżultat ta’ ftehim ta’ suċċessjoni jiġu aċċettati fl-Istati Membri dan ir-Regolament għandu jiddetermina liema liġi għandha tirregola l-ammissibbiltà ta’ ftehimiet bħal dawn, il-validità sostantiva tagħhom u l-effetti vinkolanti tagħhom bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tagħhom.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. […]

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)

drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b’modi oħra minbarra bis-suċċessjoni, pereżempju permezz ta’ donazzjonijiet, proprjetà konġunta bid-dritt tas-superstiti, il-pjanijiet ta’ pensjoni, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u arranġamenti ta’ natura simili, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-Artikolu 23(2);

[…]

(l)

kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘suċċessjoni’ tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato;

(b)

‘patt ta’ suċċessjoni’ tfisser ftehim, inkluż ftehim li jirriżulta minn testmenti reċiproċi, li, bi jew mingħajr konsiderazzjoni, joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim

[…]

(d)

‘trasferiment causa mortis’ tfisser testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni;

6

Il-Kapitolu III tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, intitolat “Il-Liġi applikabbli”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 38.

7

Skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regola ġenerali”:

“1.   Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.

2.   Fejn, bħala eċċezzjoni, ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fil-mument tal-mewt, id-deċedut kien manifestament aktar marbut ma’ Stat li mhux l-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont il-paragrafu 1, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor.”

8

L-Artikolu 22(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprevedi:

“1.   Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.”

9

L-Artikolu 83(2) tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali”, jipprevedi:

“2.   Fejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza.”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 956 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa redatt kif ġej:

“Donazzjoni, li għandha sseħħ biss wara l-mewt ta’ donatur, hija valida bħala legat meta l-formalitajiet stabbiliti huma rrispettati. Hija kkunsidrata bħala kuntratt biss jekk id-donatarju jkun aċċettaha, jekk id-donatur ikun espliċitament esprima r-rinunzja għar-revoka u li att bil-miktub għal dan il-għan ikun ingħata lid-donatarju.”

11

L-Artikolu 1(1)(d) tan-Notariatsaktsgesetz (il-Liġi dwar l-Atti Notarili), tal-25 ta’ Lulju 1871, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jorbot il-validità ta’ att ta’ donazzjoni li ma jistax jiġi kkontestat effettivament mal-istabbiliment ta’ att notarili.

12

L-Artikolu 26 tal-Grundbuchsgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar ir-Reġistru tal-Artijiet) jipprevedi:

“(1)   Ir-reġistrazzjonijiet u r-riżervi jistgħu jiġu awtorizzati biss fuq il-bażi ta’ attestazzjonijiet stabbiliti taħt il-forma preskritta għall-validità tagħhom.

(2)   Dawn l-attestazzjonijiet għandhom, meta jirrigwardaw l-akkwist jew l-emenda ta’ dritt.”

13

Skont l-Artikolu 2 tar-Rechtspflegergesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar il-Persunal Awżiljarju tal-Ġustizzja, iktar ’il quddiem ir-“RpflG”),

“[s]krivan tal-qorti jista’ jinħatar uffiċjal tal-qorti għal waħda jew iktar mill-oqsma ta’ attivitajiet li ġejjin: […]

3. Kawżi dwar ir-reġistru tal-artijiet u r-reġistru marittimu;

[…]”

14

L-Artikolu 16(2), ta’ din il-liġi, jipprevedi:

“[h]uma dejjem irriżervati għall-qorti:

[…]

6. [i]d-deċiżjonijiet li fihom għandu jiġi applikat id-dritt barrani.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑22 ta’ Lulju 1975, missier UM ippreveda, permezz ta’ kuntratt, li jittrasferixxi, mal-mewt tiegħu, lil ibnu u lil bintu dak iż-żmien, għal nofs kull wieħed, il-proprjetà ta’ art li tinsab fl-Awstrija, inkluż dak kollu li, fil-mument tal-mewt tiegħu, inbena hemmhekk, taħt ċerti kundizzjonijiet. Waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, li għalih kien ġie indikat id-dritt Awstrijak bħala liġi applikabbli, il-partijiet kollha kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja.

16

Fost il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kuntratt, kien hemm b’mod partikolari l-obbligu li missier UM jibni, fl-għaxar snin konsekuttivi għall-konklużjoni tal-kuntratt, dar b’żewġ familji, kif ukoll il-fatt li UM u martu jkunu għadhom miżżewġin u li din tal-aħħar tkun għadha ħajja. Fil-każ kuntrarju, il-kuntratt kien jipprovdi li UM kien l-uniku benefiċjarju. Missier UM awtorizza wkoll l-inklużjoni tat-trasferiment tal-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet Awstrijak, fuq preżentazzjoni ta’ att uffiċjali tal-mewt u tal-prova li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment kienu ssodisfatti. Qabel il-mewt ta’ missier UM, li seħħ fit‑13 ta’ Mejju 2018 f’Köln (il-Ġermanja), UM u martu ddivorzjaw u sussegwentement din mietet.

17

Il-proċedura ta’ suċċessjoni nfetħet quddiem l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), post tal-aħħar residenza ta’ missier UM.

18

Billi sostna li, fil-mument tal-mewt ta’ missieru, huwa kien l-uniku benefiċjarju tal-imsemmi kuntratt, UM talab ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tad-dritt tiegħu fuq il-proprjetà li jirrigwarda l-beni immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-Bezirksgericht Hermagor (il-Qorti Distrettwali ta’ Hermagor, l-Awstrija). Ir-Rechtspfleger (l-Uffiċjal tal-Qorti, l-Awstrija) ta’ din il-qorti, inkarigat sabiex jiddeċiedi din it-talba, ikkunsidra li l-liġi applikabbli kienet il-liġi Awstrijaka u ċaħad l-imsemmija talba fl-assenza ta’ provi li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew issodisfatti.

19

Il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) ikkonfermat lil din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li, l-ewwel, ir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet ma huwiex applikabbli minħabba l-għażla tad-dritt Awstrijak operat f’dan il-kuntratt u t-tieni, li l-għoti tal-beni immobbli fuq il-bażi tad-donazzjoni inkwistjoni ma setax iseħħ mingħajr il-prova tal-bini tad-dar hekk kif previst fl-imsemmi kuntratt. Il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), ġiet adita b’rikors għal reviżjoni ppreżentat minn UM.

20

UM ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

21

Din il-qorti tesponi li l-kwistjoni tal-validità tal-għażla tad-dritt Awstrijak bħala liġi applikabbli f’kuntratt li jittrasferixxi l-proprjetà causa mortis u l-applikazzjoni tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għalih huma domandi preliminari li hija għandha tinvoka ex officio, sabiex tkun tista’ tirrispondi għad-domanda dwar il-ġurisdizzjoni funzjonali tal-uffiċjal tal-qorti fil-kawża prinċipali.

22

Skont l-imsemmija qorti, id-dokumenti prodotti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni għar-reġistru tal-artijiet jippermettu li jiġi konkluż li, skont il-kriterji tad-dritt Awstrijak, kuntratt li jagħti titolu ta’ proprjetà minħabba mewt ġie konkluż favur UM. Madankollu, hija tistaqsi jekk dan l-att jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet u jistax jiġi kklassifikat bħala “patt ta’ suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (d) ta’ dan ir-regolament.

23

Fl-affermattiv, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi Awstrijaka magħżula mill-partijiet fil-kuntratt fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet ikunu applikabbli, iżda għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 83(2) ta’ dan l-istess regolament, b’mod iktar partikolari f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-liġi applikabbli mill-partijiet fil-kuntratt.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi patt ta’ suċċessjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, att ta’ donazzjoni causa mortis rigward beni immobbli li jinsab fl-Awstrija, konkluż bejn żewġ ċittadini Ġermaniżi li għandhom il-post ta’ residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja u li jgħid li d-donatarju għandu jkollu fir-rigward tas-suċċessjoni, wara l-mewt tad-donatur, dritt personali għar-reġistrazzjoni tad-dritt tiegħu għall-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet abbażi ta’ dan l-att ta’ donazzjoni u taċ-ċertifikat ta’ mewt tad-donatur, u għaldaqstant mingħajr intervent tal-amministrazzjoni kompetenti fil-qasam tas-suċċessjoni?

2.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

L-Artikolu 83(2) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirregola wkoll il-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli, magħmula qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, għal att ta’ donazzjoni causa mortis li għandu jiġi kklassifikat bħala patt ta’ suċċessjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]?”

25

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr ma żżomm seduta, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar bagħtet lill-partijiet u lill-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diversi domandi għal tweġiba bil-miktub li għalihom wieġbu UM, il-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li permezz tiegħu persuna tipprevedi t-trasferiment futur, mal-mewt tagħha, tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjenu lilha minn partijiet kontraenti oħra, jikkostitwixxix “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu id-“[d]rittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b’modi oħra għajr is-suċċessjoni, bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet[…]”. Min-naħa l-oħra, il-patti ta’ suċċessjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu “trasferimenti causa mortis” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tal-imsemmi regolament, bl-istess mod bħat-testmenti jew it-testmenti konġunti.

28

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet jiddefinixxi l-patt ta’ suċċessjoni bħala “ftehim, inkluż ftehim li jirriżulta minn testmenti reċiproċi, li, bi jew mingħajr konsiderazzjoni, joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim”.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf, C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod ġenerali, ftehim li b’mod partikolari jagħti drittijiet fis-“suċċessjoni” futura.

31

Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament “suċċessjoni” għandha tinftiehem li tfisser suċċessjoni “causa mortis” u li dan it-terminu jkopri “l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, […], kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

32

Minn dan isegwi li kuntratt, li permezz tiegħu persuna tipprevedi t-trasferiment futur, mal-mewt tagħha, tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjeni lilha u li jagħti drittijiet fis-suċċessjoni futura tagħha lil partijiet oħra f’dan il-kuntratt jikkostitwixxi patt ta’ suċċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, jikkostitwixxi “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

33

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex minn dan ir-regolament jikkonsisti f’li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, konformement mal-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni, u sabiex jistabbilixxi sistema uniformi applikabbli għall-aspetti kollha tad-dritt ċivili dwar suċċessjoni causa mortis li għandha effett transkonfinali u b’mod partikolari għal “kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt”, kif jirriżulta mill-premessa 9 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 5556).

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm, skont l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’mod partikolari l-beni ttrasferiti b’mod ieħor milli b’suċċessjoni, pereżempju permezz ta’ donazzjonijiet, din l-esklużjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett.

35

Minn dan isegwi li, meta dispożizzjoni li tinsab fi ftehim dwar suċċessjoni tikkonsisti, bħal “donazzjoni”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2)(g), f’donazzjoni, iżda tidħol fis-seħħ biss mal-mewt tad-decuius, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li permezz tiegħu persuna tipprevedi t-trasferiment futur, mal-mewt tagħha, tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjeni lilha, lil partijiet kontraenti oħra, jikkostitwixxi “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

37

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 83(2) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-eżami tal-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli, magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, li tirregola “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

38

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 83 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali” jipprevedi fit-tieni paragrafu tiegħu li, “[f]ejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza”.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, din tirregola l-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fl-intier tagħha. Issa, f’dan il-każ, mill-proċess li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-għażla tad-dritt Awstrijak kienet tikkonċerna biss il-ftehim tas-suċċessjoni konkluż mid-decuius fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ wieħed mill-assi tiegħu u mhux għas-suċċessjoni kollha kemm hi, b’tali mod li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 83(2) tal-imsemmi regolament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta f’tali ċirkustanzi.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 83(2) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għall-eżami tal-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli, li saret qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 sabiex tirregola biss “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda beni partikolari tad-decuius, u mhux is-suċċessjoni ta’ dan tal-aħħar fl-intier tagħha.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li permezz tiegħu persuna tipprevedi t-trasferiment futur, mal-mewt tagħha, tal-proprjetà ta’ beni immobbli li jappartjeni lilha, lil partijiet kontraenti oħra, jikkostitwixxi “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għall-eżami tal-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli, li saret qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, sabiex tirregola bisspatt ta’ suċċessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda beni partikolari tad-decuius, u mhux is-suċċessjoni ta’ dan tal-aħħar fl-intier tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top