Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0238

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Jannar 2022.
    ‟Sātiņi-S” SIA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà – Direttiva 2009/147/KE – Kumpens għad-danni kkawżati lill-akwakultura mill-għasafar selvaġġi protetti f’żona Natura 2000 – Kumpens inferjuri għad-danni realment imġarrba – Artikolu 107(1) – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Kundizzjonijiet – Regolament (UE) Nru 717/2014 – Regola de minimis.
    Kawża C-238/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:57

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    27 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà – Direttiva 2009/147/KE – Kumpens għad-danni kkawżati lill-akwakultura mill-għasafar selvaġġi protetti f’żona Natura 2000 – Kumpens inferjuri għad-danni realment imġarrba – Artikolu 107(1) – Għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Kundizzjonijiet – Regolament (UE) Nru 717/2014 – Regola de minimis

    Fil-Kawża C‑238/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

    “Sātiņi-S” SIA,

    fil-preżenza ta’:

    Dabas aizsardzības pārvalde,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal “Sātiņi-S” SIA, minn A. Grigorjevs,

    għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere, V. Soņeca u V. Kalniņa, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn M. Browne, J. Quaney u M. Lane u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn S. Kingston, SC, u G. Gilmore, BL,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn V. Bottka, C. Hermes u I. Naglis, sussegwentement minn V. Bottka, C. Hermes bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas‑27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU 2014, L 190, p. 45).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Sātiņi-S” SIA u d-Dabas aizsardzības pārvalde (l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Ambjent, il-Latvja), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtiha kumpens għad-danni kkawżati lill-attività tagħha ta’ akwakultura minn għasafar selvaġġi f’sit Natura 2000 minħabba li hija kienet diġà kisbet l-ammont massimu tas-somom li setgħu jingħatawlha fid-dawl tar-regola de minimis fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 92/43/KEE

    3

    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva habitat”), jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”

    Id‑Direttiva 2009/147/KE

    4

    L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”), huwa fformulat kif ġej:

    “Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

    5

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

    a)

    il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

    b)

    il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;

    c)

    teħid tal-bajd tagħhom fis-salvaġġ u ż-żamma ta’ dawn il-bajd anke jekk vojta;

    d)

    it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

    e)

    iż-żamma tal-għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-qabda tagħhom hija pprojbita.”

    Ir‑Regolament Nru 717/2014

    6

    Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 717/2014 tipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ trasparenza, trattament indaqs u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha jkun possibbli li jiġi kkalkulat bi preċiżjoni l-ekwivalenti tal-għotja gross ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (‘għajnuna trasparenti’). Kalkolu preċiż bħal dan, pereżempju, jista’ isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet limitati tat-taxxa jew strumenti oħra li jiffissaw limitu li jiżgura li l-limitu rilevanti ma jinqabiżx. L-iffissar ta’ limitu jimplika li sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna mhuwiex magħruf jew għadu mhux magħruf, l-Istat Membru jkollu jassumi li l-ammont huwa daqs il-limitu sabiex ikun żgurat li bosta miżuri ta’ għajnuna flimkien ma jaqbżux il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament u li jiġu applikati r-regoli dwar l-akkumulazzjoni.”

    7

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

    “1.   Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, bl-eċċezzjoni ta’ dan li ġej:

    a)

    għajnuna li l-ammont tagħha jkun iffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq;

    b)

    għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

    c)

    għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi minflok l-użu ta’ dawk importati;

    d)

    għajnuna għax-xiri ta’ bastimenti tas-sajd;

    e)

    għajnuna għall-immodernizzar jew is-sostituzzjoni tal-magna prinċipali jew anċillari tal-bastimenti tas-sajd;

    f)

    għajnuna għal operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità għas-sajd ta’ bastiment jew għal tagħmir li jżid il-kapaċità ta’ bastiment li jsib il-ħut;

    g)

    għajnuna għall-bini ta’ bastimenti ġodda tas-sajd jew għall-importazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd;

    h)

    għajnuna għall-waqfien temporanju jew permanenti tal-attivitajiet tas-sajd sakemm ma jkunx stabbilit b’mod speċifiku fir-Regolament (UE) Nru 508/2014 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 149, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L. 326, p. 16 u fil-ĠU 2017, L 88, p. 22)];

    i)

    għajnuna għas-sajd esploratorju;

    j)

    għajnuna għat-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju;

    k)

    għajnuna għar-ripopolazzjoni diretta, sakemm ma tiġix stipulata b’mod espliċitu bħala miżura ta’ konservazzjoni b’att legali tal-Unjoni jew fil-każ ta’ ripopolazzjoni sperimentali.

    2.   Fejn impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tkun attiva wkoll f’wieħed jew f’aktar mis-setturi jew ikollha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 [tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 410, p. 204)], dak ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawn is-setturi jew l-attivitajiet tal-aħħar, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa bħas‑separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l‑attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

    3.   Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli li jaqgħu fil-kamp ta’applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 [tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 9, rettifika fil-ĠU 2019, L 246, p. 38)], dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas‑settur imsemmi qabel, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id‑distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.”

    8

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għajnuna de minimis”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu bħala li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) [TFUE] u għaldaqstant għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE], jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

    2.   L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma għandux jaqbeż EUR 30000 tul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.

    3.   L-ammont kumulattiv ta’ għajnuna de minimis mogħti għal kull Stat Membru lil impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali, ma għandux jaqbeż il-limitu massimu stipulat fl-Anness.”

    9

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja gross”, jipprevedi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tista’ tiġi kkalkulata b’mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tar-riskju (‘għajnuna trasparenti’).

    2.   Għajnuna inkluża f’għotjiet jew sussidji fuq ir-rata tal-interessi titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.

    […]

    7.   L-għajnuna li tikkonsisti fi strumenti oħrajn titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti jekk l-istrument jipprovdi għal ammont massimu li jassigura li l-limitu massimu rilevanti applikabbli ma jinqabiżx.”

    Id‑dritt Latvjan

    10

    L-Artikolu 4 tas-Sugu un biotopu aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi u tal-Habitat) tas‑16 ta’ Marzu 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 121/122), intitolat “Kompetenza tal-Kunsill tal-Ministri”, jipprevedi, fil-punt 6 tiegħu:

    “Il-Kunsill tal-Ministri jistabbilixxi:

    […]

    6) il-proċeduri sabiex jiġi ffissat l-ammont tat-telf imġarrab mill-utenti ta’ artijiet minħabba danni gravi kkawżati minn annimali ta’ speċi migratorji u ta’ speċi mhux relatati mal-kaċċa partikolarment protetti kif ukoll dwar ir-rekwiżiti minimi li l-miżuri ta’ protezzjoni għandhom jissodisfaw sabiex jipprevjenu d-danni;

    […]”

    11

    L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi, intitolat “Id-dritt ta’ proprjetarji jew ta’ utenti ta’ artijiet għal kumpens”, jipprevedi:

    “1.   Il-proprjetarji u l-utenti ta’ artijiet għandhom dritt għal kumpens imħallas mill-baġit tal-Istat previst għal dan il-għan għad-danni gravi kkawżati minn annimali ta’ speċi migratorji u ta’ speċi mhux relatati mal-kaċċa partikolarment protetti, bil-kundizzjoni li jkunu ħadu l-miżuri ta’ protezzjoni neċessarji u li jkunu implimentaw, skont l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi prattiki tagħhom, metodi li jirrispettaw l-ambjent sabiex jipprevjenu jew inaqqsu d-danni. Il-proprjetarji jew l-utenti ta’ artijiet ma għandhomx dritt għal kumpens jekk jikkontribwixxu, b’mod malizzjuż, sabiex jikkawżaw id-dannu jew iżiduh sabiex jiksbu kumpens.

    […]

    3.   Il-kumpens għad-danni gravi kkawżati minn annimali ta’ speċi migratorji u ta’ speċi mhux relatati mal-kaċċa partikolarment protetti ma jitħallasx jekk il-proprjetarju jew l-utent tal-artijiet irċieva pagamenti oħra tal-Istat, tal-muniċipalità jew tal-Unjoni Ewropea previsti direttament jew indirettament għall-istess limitazzjonijiet tal-attività ekonomika jew għall-istess danni kkawżati minn annimali ta’ speċi migratorji u ta’ speċi mhux relatati mal-kaċċa partikolarment protetti li għalihom id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jipprevedu kumpens, jew jekk l-applikat jirċievi għajnuna bis-saħħa tar-[Regolament Nru 508/2014].”

    12

    L-Artikolu 5 tal-lauksaimniecības un lauku attīstības likums (il-Liġi dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali), tas‑7 ta’ April 2004 (Latvijas Vēstnesis, 2004, Nru 64), intitolat “Appoġġ tal-Istat u tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

    “Il-Kunsill tal-Ministri jiddeċiedi dwar il-modalitajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u mill-Unjoni Ewropea għall-agrikoltura kif ukoll l-għajnuna mill-Istat u mill-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp rurali u għas-sajd.”

    13

    Il-Ministru kabineta noteikumi Nr. 558 “De minimis atbalsta uzskaites un piešķiršanas kārtība zvejniecības un akvakultūras nozarē” (id-Digriet Nru 558 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar ir-Regoli ta’ Kontabbiltà u ta’ Għoti ta’ Għajnuna de minimis fis-Settur tas-Sajd u tal-Akwakultura), tad‑29 ta’ Settembru 2015 (Latvijas Vēstnesis, 2015, Nru 199), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kienu ifformulati kif ġej:

    “Punt 1: dan id-digriet jistabbilixxi r-regoli ta’ kontabbiltà u ta’ għoti ta’ għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akwakultura, skont ir-[Regolament Nru 717/2014].

    Punt 2: Sabiex tinkiseb għajnuna de minimis bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 717/2014, l-applikant għall-għajnuna għandu jippreżenta lil min jagħti l-għajnuna talba għal għajnuna ta’ de minimis (Anness 1) (iktar ’il quddiem it-‘talba’). It-talba għandha tindika l-għajnuna de minimis irċevuta mill-applikant matul is-sena kurrenti u waqt is-sentejn finanzjarji preċedenti kif ukoll l-għajnuna de minimis ippjanata, irrispettivament mill-mod kif l-għajnuna ngħatat u l-persuna li tatha. F’każ ta’ kumulu ta’ għajnuna de minimis, l-applikant għall-għajnuna għandu jagħti wkoll informazzjoni dwar l-għajnuna l-oħra rċevuta għall-proġett inkwistjoni għall-istess spejjeż eliġibbli. Meta jagħti informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis u l-għajnuna mill-Istat l-oħra ppjanata, l-applikant għall-għajnuna għandu jindika l-għajnuna li huwa talab iżda li min jagħti l-għajnuna għadu ma ddeċidiex dwarha. Jekk l-applikant għall-għajnuna de minimis qatt ma rċieva tali għajnuna qabel, huwa għandu jindika l-informazzjoni rilevanti fit-talba tiegħu.”

    14

    Il-Ministru kabineta noteikumi Nr. 353 “Kārtība, kādā zemes īpašniekiem vai lietotājiem nosakāmi to zaudējumu apmēri, kas saistīti ar īpaši aizsargājamo nemedījamo sugu un migrējošo sugu dzīvnieku nodarītajiem būtiskiem postījumiem, un minimālās aizsardzības pasākumu prasības postījumu novēršanai” (id-Digriet Nru 353 tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Proċedura għall-Iffissar tal-Ammont tat-Telf Imġarrab mill-Proprjetarji jew mill-Utenti ta’ Artijiet Minħabba Danni Gravi Kkawżati minn Annimali ta’ Speċi Migratorji u ta’ Speċi Mhux Relatati mal-Kaċċa Speċifikament Protetti kif ukoll dwar ir-Rekwiżiti Minimi li l-Miżuri ta’ Protezzjoni Għandhom Jissodisfaw sabiex Jipprevjenu d-Danni), tas‑7 ta’ Ġunju 2016 (Latvijas Vēstnesis, 2016, Nru 111), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdu:

    “Punt 1: dan id-digriet jistabbilixxi:

    1.1. il-proċedura għall-iffissar tal-ammont tat-telf imġarrab mill-proprjetarji jew mill-utenti ta’ artijiet minħabba danni gravi kkawżati minn annimali ta’ speċi migratorji u ta’ speċi mhux relatati mal-kaċċa speċifikament protetti (iktar ’il quddiem it-‘telf’);

    […]

    Punt 39: waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna, l-amministrazzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti segwenti:

    39.1. tagħti l-għajnuna filwaqt li tosserva l-limitazzjonijiet tas-settur u tal-attività previsti fl-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 1408/2013] jew fl-Artikolu 1(1) tar-[Regolament Nru 717/2014];

    39.2. tivverifika li l-ammont tal-kumpens ma jinkludix l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis irċevuta matul is-sena finanzjarja kkonċernata u matul is-sentejn finanzjarji preċedenti f’livell li jeċċedi l-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1408/2013 (operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attivitajiet fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli) jew fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 717/2014 (operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akwakultura […]). Waqt l-iffissar tal-ammont tal-kumpens, l-għajnuna de minimis irċevuta hija evalwata fir-rigward ta’ impriża waħda. ‘Impriża waħda’ tfisser kull impriża li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1408/2013 u fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 717/2014.

    Punt 40: f’terminu ta’ xahrejn wara li jiġi ffissat l-ammont tat-telf, l-uffiċċjal [kompetenti] għandu jieħu jew deċiżjoni ta’ għoti ta’ kumpens, u jiffissa l-ammont tiegħu, jew deċiżjoni ta’ rifjut.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    15

    Matul is-sena 2002, Sātiņi-S xtrat żewġ proprjetajiet immobbli, ta’ daqs totali ta’ 687 ha, fosthom 600.70 ha ta’ għadajjar, f’riżerva naturali protetta, li sussegwentement ġiet inkluża, fl-2005, fin-network Natura 2000 fil-Latvja.

    16

    Matul is-sena 2017, Sātiņi-S ressqet talba quddiem l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Ambjent sabiex tibbenefika minn kumpens għal danni kkawżati lill-akwakultura minn għasafar u annimali oħra protetti. Din l-awtorità ċaħdet din it-talba għar-raġuni li Sātiņi-S kienet diġà ngħatat ammont totali li jikkorrispondi għar-regola de minimis ta’ EUR 30000 fuq perijodu ta’ tliet snin fiskali, previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 717/2014.

    17

    Sātiņi-S ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet li, minħabba n-natura kumpensatorja tiegħu, il-kumpens għad-danni kkawżati lill-akwakultura minn annimali protetti ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda fl-ewwel u fit-tieni istanza, Sātiņi-S ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja).

    18

    Din il-qorti tistaqsi, qabelxejn, jekk id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta jipprekludix li kumpens mogħti għat-telf ikkawżat għall-akwakultura f’żona Natura 2000 għal għasafar protetti konformement mad-Direttiva “għasafar” jkun sinjifikattivament inqas mit-telf realment imġarrab mir-rikorrent. Sussegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kumpens mitlub minn Sātiņi-S jikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Jekk dan ikun il-każ, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis ta’ EUR 30000, previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 717/2014, huwiex applikabbli.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt għal kumpens ġust minħabba limitazzjoni tad-dritt għall‑proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-[Karta] jippermetti li l-kumpens mogħti minn Stat Membru għat-telf ikkawżat għall‑akwakultura f’żona tan-network Natura 2000 għal għasafar protetti konformement mad-[Direttiva ‘għasafar’] jkun sinjifikattivament inqas mit-telf realment imġarrab?

    2)

    Il-kumpens mogħti minn Stat Membru għat-telf ikkawżat għall‑akwakultura f’żona tan-network Natura 2000 għal għasafar protetti konformemet mad-[Direttiva ‘għasafar’] jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE]?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, il-limitu ta’ EUR 30000 tal-għajnuna de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar‑[Regolament Nru 717/2014], huwa applikabbli għal kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    20

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kumpens mogħti minn Stat Membru għat-telf imġarrab minn operatur ekonomiku minħabba l-miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva “għasafar” tkun sensibbilment inqas mid-danni realment sostnuti minn dan l-operatur.

    Fuq il‑kompetenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    21

    Il-Kummissjoni Ewropea teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-ewwel domanda. Hija ssostni li l-pagament tal-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, peress li la d-Direttiva “għasafar” u lanqas id-Direttiva “habitat” ma jipprevedu kumpens minħabba danni kkawżati lill-proprjetajiet privati, b’mod partikolari, lill-vaski ta’ akwakultura, waqt l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li soluzzjoni analoga għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezġgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352), għandha tipprevali f’dan il-każ, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li, peress li l-obbligu ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienx ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, iżda fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa tali leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet għal rimedju effettiv u għall-proprjetà privata kif ukoll tal-libertà tal-intrapriża ggarantiti mill-Karta.

    22

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi, għal dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li japplikaw biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    Issa, l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta, skont ir-rekwiżiti tad-Direttivi “għasafar” u “habitat”, huma jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-ewwel direttiva.

    24

    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar” jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

    25

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitat” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll il-perturbazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni, sa fejn dawn il-perturbazzjonijiet jistgħu jkunu sinjifikanti fid-dawl tal-għanjiet ta’ din id-direttiva.

    26

    Barra minn hekk, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ dawn il-miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-għasafar u l-habitat tagħhom inevitabbilment għandhom riperkussjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà tal-persuni li lilhom jappartjenu l-proprjetà immobbli li jinsabu fiż-żoni inkwistjoni, peress li, tal-inqas, huma jsofru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn il-proprjetajiet.

    27

    L-Istati Membri għandhom ukoll jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jistabbilixxu sistemi li jagħtu pagamenti skont id-direttivi “għasafar” u “habitat”.

    28

    F’dan ir-rigward, l-uniku fatt li dawn id-direttivi ma jinkludux huma stess sistema ta’ kumpens jew li ma jobbligawx lill-Istati Membri li jipprevedu tali sistema ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 86).

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ewwel domanda.

    Fuq il‑mertu

    30

    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta jirriżulta li dan jagħti espressament dritt għal kumpens biss fil-każ ta’ ċaħda tad-dritt għall-proprjetà, bħal esproprjazzjoni, li manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk.

    31

    F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għandha tiġi distinta t-tilwima fil-kawża prinċipali minn dawk li taw lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428), sa fejn dawn tal-aħħar kienu jikkonċernaw it-tqaċċit sistematiku ta’ siġar, jiġifieri siġar taż-żebbuġ, u, għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-proprjetà ta’ dawn inkwantu tali. Issa, f’dan il-każ, l-obbligi regolatorji li jostakolaw il-libertà tal-proprjetarji ta’ beni li jaqgħu taħt in-network Natura 2000 fir-rigward tal-għażla u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-akwakultura fir-rigward ta’ għasafar selvaġġi protetti, ma jikkostitwixxux ċaħda tad-dritt għall-proprjetà ta’ dan il-beni, iżda restrizzjoni għall-użu tiegħu, li tista’ tiġi rregolata mil-liġi sa fejn huwa neċessarju għall-interess ġenerali, konformement ma’ dak li tipprevedi t-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

    32

    Fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jistgħu għalhekk jiġu imposti fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Issa, minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tal-ambjent tinsab fost dawn tal-għanijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-protezzjoni tal-ambjent tista’ għalhekk tiġġustifika restrizzjoni fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà (sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Min-naħa l-oħra, bla ħsara għall-verifiki eventwali imposti f’dan ir-rigward fuq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottati b’dan il-mod għal finijiet ta’ protezzjoni tan-natura u tal-ambjent skont id-Direttivi “għasafar” u “habitat” u li ma jipprekludux il-prattika tal-akwakultura fuq l-art ikkonċernata, iżda jistabbilixxu biss il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-imsemmija attività sabiex jipprekludu li jiġu ppreġudikati l-interessi ambjentali hekk protetti, jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ kumpens favur proprjetarji kkonċernati, intervent żmiżurat u intollerabli li jimmina l-essenza tad-dritt għall-proprjetà (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punt 70).

    36

    Għalkemm, ċertament, l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkunsidraw, sakemm jaġixxu meta jagħmlu dan fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li huwa indikat li jingħata kumpens, parzjali jew totali, lill-proprjetarji ta’ artijiet affettwati mill-miżuri ta’ konservazzjoni adottati abbażi tad-direttivi “għasafar” u “habitat”, minn din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta madankollu l-eżistenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ obbligu ta’ tali kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punt 85).

    37

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-kumpens mogħti minn Stat Membru għat-telf imġarrab minn operatur ekonomiku minħabba miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva “għasafar” ikun sensibbilment inqas mid-danni realment sostnuti minn dan l-operatur.

    Dwar it‑tieni domanda

    38

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpens mogħti minn Stat fir-rigward tat-telf sostnut minn operatur ekonomiku minħabba miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva “għasafar” jikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    39

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jiġu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jistabbilixxix distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kumpens li għalih tallega r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat fid-dawl tan-natura kumpensatorja tiegħu, sa fejn dan huwa kumpens għad-danni kkawżati lill-akwakultura mill-annimali protetti. Għaldaqstant, it-tieni domanda hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpens mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtix lill-benefiċjarju tiegħu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-dawl tan-natura allegatament kumpensatorja tiegħu.

    41

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Barra minn hekk, il-vantaġġi mogħtija jistgħu jirriżultaw mhux biss minn prestazzjonijiet pożittivi bħal sussidji, self jew xiri ta’ ishma fil-kapital ta’ impriżi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-finanzi ta’ impriża” jinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż supplimentari li l-impriżi għandhom ibatu minħabba obbligi legali, regolamentari jew kuntrattwali li japplikaw għal attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punti 3536).

    43

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz ta’ miżura tal-Istat ma hijiex ikkontestata min-natura kumpensatorja ta’ tali miżura, minħabba li hija intiża li tirrimedja għat-telf imġarrab minn operatur ekonomiku wara l-applikazzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, sabiex tikkumpensa lil tali operatur għad-danni kkawżati lill-impriża tiegħu wara li jkunu seħħew avvenimenti naturali fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-attività ekonomika tiegħu.

    44

    Fil-fatt, l-ispejjeż marbuta mal-osservanza tal-obbligi regolamentari intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari dawk tal-fawna selvaġġa, u t-teħid ta’ responsabbiltà għad-danni li din tal-aħħar jista’ jkollha li tikkawża lil impriża fis-settur tal-akwakultura, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt l-ispejjeż normali tal-funzjonament ta’ tali impriża. Għaldaqstant, l-għoti ta’ kumpens għad-danni kkawżati lill-impriża tagħha minn annimali protetti jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li għall-benefiċċju tiegħu l-impriża kkonċernata ma tistax bħala prinċipju tippretendi f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

    45

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat għandhiex tiġi eskluża fir-rigward tal-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li dawn huma intiżi sabiex jikkumpensaw dannu mġarrab mill-operaturi kkonċernati minħabba l-fatt li dawn għandhom jassumu obbligi ta’ interess pubbliku, stabbiliti mill-Istat Membru li jaqgħu taħtu fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, f’dan il-każ mid-Direttiva “għasafar”.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi eskluż li vantaġġ ta’ impriża responsabbli mill-obbligi ta’ servizz pubbliku jista’ jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi vverifikat li, fil-fatt, erba’ kundizzjonijiet, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), huma kollha ssodisfatti.

    47

    L-ewwel, l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi. Fl-aħħar, ir-raba’, meta l-impriża li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma ntgħażlitx permezz ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

    48

    Issa, is-sempliċi fatt li operatur ekonomiku, bħal Sātiņi-S, ikun obbligat jikkonforma ruħu mal-obbligi regolatorji nazzjonali li jirriżultaw minn implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-obbligi stabbiliti abbażi tan-network Natura 2000, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li tali operatur ġie inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar, fis-sens tal-ewwel waħda mill-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fil-punt preċedenti.

    49

    Barra minn hekk, filwaqt li tinvoka s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457), l-Irlanda ssostni li kumpens bħal dak mitlub minn Sātiņi-S ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħtiha vantaġġ.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali għandha tiġi distinta minn dik li tat lok għal din is-sentenza, sa fejn din ma tirrigwardax somom dovuti jew imħallsa abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru kkonċernat, iżda l-kumpens tal-ispejjeż – li jirriżultaw minn obbligi regolatorji jew minn avvenimenti naturali – normalment sostnuti mill-impriżi kkonċernati fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom. F’dan il-każ, għalhekk, bl-ebda mod ma hija kwistjoni ta’ kumpens intiż sabiex jikkumpensa d-danni kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali.

    51

    Fl-aħħar kif osservat ġustament il-Kummissjoni, kumpens bħal dak mitlub minn Sātiņi-S fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma jistax jiġi assimilat mar-rimbors ta’ taxxi miġbura illegalment, kif kien japplika fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, EU:C:1980:100), u tal‑10 ta’ Lulju 1980, Ariete (811/79, EU:C:1980:195), u lanqas ma jista’ jiġi assimilat ma’ ħlas ta’ kumpens għal esproprjazzjoni, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Nuova Terni Industrie Chimiche vs Il‑Kummissjoni (T‑64/08, mhix pubblikata, EU:T:2010:270). F’dawn iż-żewġ każijiet, fejn ġie konkluż li l-Istat Membru kkonċernat ma kienx ta “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dan tal-aħħar kien obbligat jirrimborsa s-somom indebitament irċevuti minnu jew li jħallas il-korrispettiv ta’ oġġett li l-proprjetarju tiegħu kien ġie ssekwestrat.

    52

    Konsegwentement, il-kumpens mogħti minn Stat Membru fir-rigward tat-telf sostnut minn operatur ekonomiku minħabba l-miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva “għasafar” jagħti lill-persuna kkonċernata “vantaġġ” li jista’ jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra dwar tali klassifikazzjoni mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    53

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens mogħti minn Stat Membru fir-rigward tat-telf sostnut minn operatur ekonomiku minħabba miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva “għasafar” jagħti vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra relatati ma’ tali klassifikazzjoni huma ssodisfatti.

    Fuq it‑tielet domanda

    54

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 717/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn kumpens bħal dak deskritt fit-tieni domanda jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis ta’ EUR 30000, previst f’din id-dispożizzjoni, huwa applikabbli għal dan il-kumpens.

    55

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 717/2014 jelenka l-każijiet ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-għajnuna mogħtija lill-impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akwakultura.

    56

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tapplika għal kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    57

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 717/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu, invokata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-imsemmi regolament japplika biss għall-għajnuna msejħa “trasparenti”, jiġifieri dik li l-ekwivalenti gross ta’ sussidju jiġi kkalkolat b’mod preċiż u bil-quddiem, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir analiżi tar-riskju. Issa, peress li kumpens bħal dak mitlub minn Sātiņi-S fil-kuntest tal-kawża prinċipali jikkonsisti f’kumpens ex post u suġġett għal limitu massimu, dan għandu jitqies bħala trasparenti, sa fejn jippermetti li jiġi kkalkolat b’mod preċiż u minn qabel l-ekwivalenti għal sussidju gross.

    58

    Sa fejn ir-Regolament Nru 717/2014 huwa applikabbli, l-Istat Membru kkonċernat jista’, jekk jiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li jillimita l-għajnuna inkwistjoni għal EUR 30000, jikklassifikaha bħala “għajnuna de minimis” u jastjeni, konsegwentement, milli jinnotifika din tal-aħħar lill-Kummissjoni.

    59

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 717/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li kumpens bħal dak deskritt fit-tieni domanda jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis ta’ EUR 30000, previst fl-imsemmi Artikolu 3(2), huwa applikabbli għal dan il-kumpens.

    Dwar l‑ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-kumpens mogħti minn Stat Membru għat-telf imġarrab minn operatur ekonomiku minħabba miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, ikun sensibbilment inqas mid-danni realment sostnuti minn dan l-operatur.

     

    2)

    L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens mogħti minn Stat Membru fir-rigward tat-telf sostnut minn operatur ekonomiku minħabba miżuri ta’ protezzjoni applikabbli f’żona tan-network Natura 2000 skont id-Direttiva 2009/147 jagħti vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra relatati ma’ tali klassifikazzjoni huma ssodisfatti.

     

    3)

    L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas‑27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li kumpens bħal dak deskritt fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis ta’ EUR 30000, previst fl-imsemmi Artikolu 3(2), huwa applikabbli għal dan il-kumpens.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Top