EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0237

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ April 2022.
Federatie Nederlandse Vakbeweging vs Heiploeg Seafood International BV u Heitrans International BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KEE – Artikoli 3 sa 5 – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza — “pre-pack” – Sopravivenza ta’ impriża – Trasferiment ta’ (parti minn) impriża wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack.
Kawża C-237/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:321

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KEE – Artikoli 3 sa 5 – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza – “pre-pack” – Sopravivenza ta’ impriża – Trasferiment ta’ (parti minn) impriża wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack”

Fil-Kawża C‑237/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

Federatie Nederlandse Vakbeweging

vs

Heiploeg Seafood International BV,

Heitrans International BV,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), L.S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Federatie Nederlandse Vakbewegin, minn F. M. Dekker, advocaat,

għal Heitrans International BV u Heiploeg Seafood International BV, minn B. Kraaipoel, J. F. Fliek u I. Spinath, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Federatie Nederlandse Vakbeweging (il-Federazzjoni tal-Moviment Sindakali Olandiż) (iktar ’il quddiem l-“FNV”), organizzazzjoni sindakali Olandiża, u Heiploeg Seafood International BV u Heitrans International BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Heiploeg il‑Ġdida”), kumpanniji Olandiżi, dwar iż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema assenjati lil dawn il-kumpaniji wara trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedenti jkun ġie soġġett għal proċedura ta’ falliment.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Id-Direttiva 2001/23 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal‑liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil‑każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88).

4

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 hija fformulata kif ġej:

“Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.”

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u (b) tiegħu:

“a)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)

Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.”

8

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:

“1.   Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).

2.   Meta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment determinat mil-liġi nazzjonali) Stat Membru jista’ jipprovdi li:

(a)

minkejja l-Artikolu 3(1), id-djun ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn xi kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg u pagabbli qabel it-trasferiment jew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-falliment m’għandhomx jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment, sakemm dawn il-proċedimenti jikkawżaw, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista f’sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri konnessi mal-protezzjoni ta’ l-impjegati filkaż tal-falliment ta’ min jimpjegahom [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217],

u, jew alternattivament, li,

b)

min lilu jsir it-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew il-persuna jew persuni li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ min jagħmel it-trasferiment, min-naħa wahda, u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati min-naħa l-oħra jistgħu jaqblu li jsiru tibdiliet, sa fejn tippermetti l-liġi jew il-prattika kurrenti, għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati ddisinjati għas-salvagwardja ta’ l-opportunitajiet ta’ l-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza ta’ l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.”

Id‑dritt tal‑Pajjiżi l‑Baxxi

Il‑BW

9

Skont l-Artikolu 7:663 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BW”), minħabba t-trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għall-persuna li timpjega, fil-mument tat-trasferiment, minn kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn din tal-aħħar u l-impjegat li jaħdem hemm huma ttrasferiti ipso iure liċ-ċessjonarju.

10

L-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW jipprovdi li dan l-Artikolu 7:663 ma japplikax għat-trasferiment ta’ impriża meta l-persuna li timpjega tkun ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment u meta l-impriża tidħol fil-massa tal‑falliment.

11

L-Artikolu 7:663 u l-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW huma intiżi sabiex jittrasponu, rispettivament, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.

Il‑FW

12

L-Artikolu 1(1) tal-Faillissementswet (il-Liġi dwar il-Falliment, iktar ’il quddiem il-“FW”) jipprovdi li d-debitur għandu jiġi ddikjarat fi stat ta’ falliment mill-qorti, fuq id-dikjarazzjoni tiegħu stess jew fuq talba tal-kredituri tiegħu jew ta’ wieħed minnhom, meta huwa jkun f’sitwazzjoni ta’ waqfien ta’ ħlas u jkollu iktar minn kreditur wieħed.

13

L-Artikolu 10 tal-FW jipprovdi li t-terzi għandhom id-dritt li jopponu d-dikjarazzjoni ta’ falliment matul perijodu ta’ tmint ijiem li jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza li tiddikjara l-falliment tad-debitur.

14

Is-sentenza li tiddikjara falliment tinkludi wkoll l-isem tal-kuratur u tal-imħallef-superviżorju.

15

L-Artikolu 68 tal-FW jipprovdi li l-kuratur huwa responsabbli għall-ġestjoni u l-likwidazzjoni tal-massa tal-falliment. Konformement mal-ġurisprudenza nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kredituri kollha, iżda wkoll l-interessi kollettivi, inkluż dak tal-preżervazzjoni tal-impjieg.

16

Skont l-Artikolu 40 tal-FW, il-kuratur jista’ jittermina l-kuntratti ta’ xogħol ta’ ħaddiema impjegati mid-debitur fallut billi josserva preavviż ta’ massimu ta’ sitt ġimgħat.

17

Skont l-Artikolu 64 tal-FW, l-imħallef-superviżorju jikkontrolla l-kuratur u jivverifika jekk dan ma jmurx lil hinn mill-kompetenzi tiegħu, jaġixxix fl-interess tal-kredituri kollha u jissodisfax b’mod korrett il-kompitu tiegħu.

Il‑proċedura ta’ pre-pack

18

Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-pre-pack bħala prattika nazzjonali ta’ oriġini ġurisprudenzjali li tippermetti, fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ debitur, li jiġi ppreparat il-bejgħ ta’ impriża sħiħa jew parti minnha li tappartjeni għall-patrimonju ta’ dan tal-aħħar sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-kredituri jiġu kompletament rrimborsati.

19

Il-preparattivi tal-bejgħ jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li jiġi nnegozjat ma’ kandidat wieħed jew iktar ftehim li abbażi tiegħu l-impriża inkwistjoni kollha jew parti minnha tiġi ċeduta lilhom wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tad-debitur. Il-pre-pack huwa differenti minn tranżazzjonijiet oħra ta’ bejgħ qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment fis-sens li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ organizzati fil-kuntest tiegħu huma ppreparati minn kuratur, imsejjaħ “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ imħallef-superviżorju, imsejjaħ “imħallef superviżur prospettiv”. Dawn huma maħtura mill-qorti kompetenti u mill-istatuti tagħhom u l-funzjonijiet tagħhom huma stabbiliti wkoll mill-ġurisprudenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont din il-ġurisprudenza, il-missjoni tal- “kuratur prospettiv” hija ddeterminata mill-qorti li tinnominah u mill-indikazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti jew mill-“imħallef superviżur prospettiv” indikat għal dan il-għan. “Kuratur prospettiv” għandu, bħall-kuratur fil-proċedura ta’ falliment, jieħu inkunsiderazzjoni, fil-fażi ta’ qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, l-interessi tal-kredituri kollha iżda wkoll l-interessi kollettivi, inkluż dawk relatati maż-żamma tal-impjieg. Il-“kuratur prospettiv” jista’, bl-istess mod bħall-kuratur tal-falliment, jinżamm responsabbli minħabba nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

21

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-involviment tal-“kuratur prospettiv” u tal-“imħallef superviżur prospettiv” fi pre-pack huwa essenzjali, għaliex huma ġeneralment, fil-mument ta’ dikjarazzjoni sussegwenti tal-falliment, maħtura kuratur u mħallef superviżorju tal-proċedura ta’ falliment. Barra minn hekk, meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom matul il-pre-pack, huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-missjoni legali li huma jeżerċitaw wara d-dikjarazzjoni tal-falliment.

22

Għalhekk, huwa l-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” li għandu jipprepara t-trasferiment tal-impriża kollha jew ta’ parti minnha, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-persuna ġuridika li din l-impriża tagħmel parti mill-patrimonju tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-kredituri u tal-interessi kollettivi kollha. Wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, tkun xi tkun il-miżura tal-involviment tagħhom qabel il-falliment, huma obbligati, bħala kuratur u mħallef-superviżorju tal-proċedura ta’ falliment, jevalwaw jekk dan it-trasferiment jissodisfax dawn l-interessi u, fin-negattiv, li ma jipproċedix għall-imsemmi trasferiment.

23

Ftehim ta’ trasferiment tal-impriża ppreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack jiġi konkluż u eżegwit biss wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, meta l-kuratur u l-imħallef-superviżorju maħtura mill-qorti jkollhom il-kompetenzi legali tagħhom. Dawn tal-aħħar jistgħu ġeneralment jaġixxu malajr, peress li hija drawwa li jinħatru għal dawn il-funzjonijiet l-ex kuraturi u imħallfin superviżuri prospettivi.

24

B’hekk, din il-proċedura tippermetti li jiġi evitat li, wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, l-impriża kkonċernata kollha jew parti minnha tiġi magħluqa, anki jekk għal żmien qasir, u li tikseb, permezz tat-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha li l-operat tagħha jkun inżamm (going concern), prezz aħjar taċ-ċessjoni ta’ din tal-aħħar sabiex il-kredituri jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

25

Il-grupp Heiploeg (iktar ’il quddiem “Ex Grupp Heiploeg”) kien magħmul minn diversi kumpanniji li kienu jeżerċitaw attività ta’ kummerċ bl-ingrossa ta’ ħut kif ukoll ta’ frott tal-baħar u ta’ attivitajiet relatati miegħu. Matul is-snin 2011 u 2012, l-Ex Grupp Heiploeg akkumula telf finanzjarju sostanzjali. Barra minn hekk, ġiet imposta fuq erba’ kumpanniji ta’ dan il-grupp, f’Novembru 2013, mill-Kummissjoni Ewropea, multa ta’ EUR 27 miljun talli pparteċipaw f’akkordju.

26

Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji serji tal-Ex Grupp Heiploeg, l-ebda bank ma aċċetta li jiffinanzja din il-multa. Barra minn hekk, sa minn meta ngħatat il-multa, ġiet eżaminata l-possibbiltà li jsir użu minn pre-pack. Għal dan il-għan, diversi kumpanniji indipendenti mill-grupp Heiploeg ġew mistiedna jippreżentaw offerta fuq l-assi tal-Ex Grupp Heiploeg. Peress li l-offerta ppreżentata minn Parlevliet en Van der Plas Beheer BV tqieset bħala l-iktar waħda promettenti, in-negozjati tkomplew ma’ din il-kumpannija.

27

B’risposta għal talba tal-Ex Grupp Heiploeg., ir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi), fis‑16 ta’ Jannar 2014, ħatret żewġ “kuraturi prospettivi” u “imħallef superviżur prospettiv”. Mill-ittra ta’ ħatra jirriżulta li l-għan tal-miżura kien li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha u li toffri possibbiltà li jiġi ppreparat bejgħ jew riorganizzazzjoni minn sitwazzjoni ta’ insolvenza. Il-qorti fakkret li l-“kuraturi prospettivi” u l-“imħallef superviżur prospettiv” ma kellhom, fil-kuntest tal-proċedura ta’ pre-pack, ebda kompetenza jew missjoni legali, iżda kienu inkarigati li josservaw, jinformaw ruħhom u li jkunu informati kif ukoll li jagħtu l-opinjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, il-pariri tagħhom. Hija ppreċiżat li huma kellhom jispiraw ruħhom mill-interessi tal-kredituri kollha, daqslikieku l-insolvenza kienet diġà ngħatat u, f’każ ta’ proċedura ta’ insolvenza sussegwenti, jagħtu rendikont tal-proċedura ta’ pre-pack fir-relazzjonijiet pubbliċi. L-Ex Grupp Heiploeg kien obbligat li jikkoopera b’mod sħiħ mal-“kuraturi prospettivi” u l-“imħallef superviżur prospettiv”.

28

Fis‑27 ta’ Jannar 2014, l-Ex Grupp Heiploeg talbet lir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Nederland) sabiex tiġi ddikjarata falluta. L-għada, din il-qorti laqgħet din it-talba u ħatret, bħala kuratur u mħallef-superviżorju, il-persuni li preċedentement eżerċitaw il-funzjonijiet ta’ “kuratur prospettiv” u ta’ “imħallef superviżur prospettiv”.

29

Iż-żewġ kumpanniji li jifformaw Heiploeg il-Ġdida, irreġistrati fir-Reġistru tal-Kummerċ fil‑21 ta’ Jannar 2014, ħadu l-parti l-kbira tal-attivitajiet kummerċjali tal-Ex Grupp Heiploeg. Il-ftehim ta’ ċessjoni tal-assi, li permezz tiegħu l-attivitajiet tal-Ex Grupp Heiploeg huma ttrasferiti lil Heiploeg il-Ġdida, ġie konkluż fid‑29 ta’ Jannar 2014.

30

Skont dan il-ftehim, Heiploeg il-Ġdida ħadet il-kuntratti ta’ xogħol ta’ madwar żewġ terzi tal-impjegati tal-Ex Grupp Heiploeg sabiex jeżerċitaw, fuq l-istess post tax-xogħol, l-attivitajiet li huma kienu jeżerċitaw qabel, filwaqt li ssuġġettawhom għal kundizzjonijiet ta’ xogħol inqas favorevoli. Heiploeg il-Ġdida akkwistat il-bini tal-Ex Grupp Heiploeg, li hija tuża, u żammet kważi l-istess klijentela bħal dik tal-Ex Grupp Heiploeg.

31

L-FNV appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza li ddikjarat il-falliment tal-Ex Grupp Heiploeg. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell ċaħdet ir-rikors, billi qieset li Heiploeg il-Ġdida kienet sostniet mingħajr ma ġiet ikkontestata li t-telf finanzjarju subit mill-Ex Grupp Heiploeg u l-fatt li l-banek ma kinux disposti li jiffinanzjaw l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuq erba’ kumpanniji ta’ dan il-grupp kellu l-effett li jrendi inevitabbli l-falliment ta’ dan tal-aħħar. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li t-tliet kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 kienu ssodisfatti u li, għaldaqstant, Heiploeg il-Ġdida ma kinitx marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-impjegati tagħha qabel it-trasferiment. L-imsemmija qorti fil-fatt ikkunsidrat li, waqt it-trasferiment tal-Ex Grupp Heiploeg għal għand Heiploeg il-Ġdida, l-ewwel, l-Ex Grupp Heiploeg kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment, it-tieni din il-proċedura kienet tirrigwarda l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedenti u, it-tielet, l-imsemmija proċedura kienet tqiegħdet taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika.

32

L-FNV ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kontra din is-sentenza, billi sostniet li l-aħħar żewġ kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma kinux issodisfatti fil-każ ta’ proċedura ta’ pre-pack u li, minħabba f’hekk, it-trasferiment tal-Ex Grupp Heiploeg lil Heiploeg il-Ġdida kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23, b’tali mod li l-impjegati tal-Ex Grupp Heiploeg kellhom jitqiesu li daħlu fis-servizz ta’ Heiploeg il-Ġdid filwaqt li żammew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

33

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 7:663 tal-BW, minħabba t-trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għall-persuna li timpjega, fil-mument tat-trasferiment, minn kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn din tal-aħħar u l-impjegat li jaħdem hemm huma ttrasferiti liċ-ċessjonarju. Hija tindika li din id-dispożizzjoni madankollu ma tapplikax għal trasferiment ta’ impriża, skont l-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW, meta l-persuna li timpjega tkun ġiet iddikjarata falluta u l-impriża tappartjeni għall-massa tal-falliment. Din il-qorti żżid li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/23, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni konformi ma’ din id-direttiva.

34

Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li l-għan prinċipali ta’ proċedura ta’ pre-pack huwa li jintlaħaq, waqt il-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, ir-rimbors l-iktar għoli tal-kredituri kollha, u li, b’mod aċċessorju, operazzjoni ta’ pre-pack tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ parti mill-impjieg. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-kontroll pubbliku fil-proċedura ta’ falliment ma huwiex kompromess mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel il-proċedura ta’ falliment.

35

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa stabbilit li l-Ex Grupp Heiploeg kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti tesprimi dubji dwar jekk il-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, jiġifieri jekk din il-proċedura, minn naħa, tistax titqies bħala intiża għal-likwidazzjoni tal-beni tal-Ex Grupp Heiploeg u, min-naħa l-oħra, taqax taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li “proċedimenti ta’ falliment jew […] proċedimenti analogi ta’ falliment [huma] istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment” hija ssodisfatta, jekk

i)

il-falliment tal-persuna li qed tagħmel it-trasferiment ikun inevitabbli u din il-persuna tkun, għaldaqstant, effettivament insolventi,

ii)

skont id-dritt Olandiż, l-għan tal-proċedura ta’ falliment huwa li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha flimkien permezz tal-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, u

iii)

f’hekk imsejjaħ “pre-pack” qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, jitħejja t-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża, trasferiment li jiġi eżegwit biss wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, fid-dawl tal-fatt li

iv)

il-“kuratur prospettiv” maħtur mir-rechtbank (qorti) għandu jkun iggwidat, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, mill-interessi tal-kredituri kollha flimkien kif ukoll minn interessi kollettivi bħall-importanza li jinżamm l-impjieg u l-“imħallef superviżorju prospettiv” maħtur ukoll mir-rechtbank (qorti) għandu jara li dan iseħħ,

v)

l-għan tal-pre-pack huwa li jippermetti, fil-proċedura sussegwenti ta’ falliment, mod ta’ likwidazzjoni li fil-kuntest tiegħu (parti mill-)impriża avvjata (going concern) li tagħmel parti mill-assi tal-persuna li qed tagħmel it-trasferiment tinbiegħ b’tali mod li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha flimkien u b’mod li jinżamm l-impjieg, sa fejn huwa possibbli, u

vi)

il-mod kif tiġi organizzata l-proċedura jiggarantixxi li dan l-għan ikun effettivament dak li jservi ta’ gwida?

2.

L-Artikolu 5(1) ta[‘ din i]d-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li “proċedimenti ta’ falliment jew […] proċedimenti analogi ta’ falliment […]huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti” hija ssodisfatta, jekk it-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża jitħejja f’pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment u jiġi eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, u

i)

[dawn il-preparattivi] jiġu osservati, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, minn “kuratur prospettiv” u minn “imħallef superviżorju prospettiv”, maħtura mir-rechtbank (qorti) iżda li ma għandhom l-ebda kompetenza legali,

ii)

skont id-dritt Olandiż, il-“kuratur prospettiv” għandu jkun iggwidat, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, mill-interessi tal-kredituri kollha flimkien kif ukoll minn interessi kollettivi oħra, bħaż-żamma tal-impjieg, u l-“imħallef superviżorju prospettiv” għandu jara li dan iseħħ,

iii)

il-funzjonijiet tal-“kuratur prospettiv” u tal-“imħallef superviżorju prospettiv” ma humiex differenti minn dawk tal-kuratur u tal-imħallef superviżorju fil-falliment,

iv)

il-ftehim li abbażi tiegħu l-impriża tiġi ttrasferita u li jkun tħejja matul il-pre-pack jiġi konkluż u eżegwit biss wara d-dikjarazzjoni tal-falliment,

v)

il-qorti tista’, mad-dikjarazzjoni tal-falliment, taħtar persuni oħra minbarra l-“kuratur prospettiv” jew l-“imħallef superviżorju prospettiv” bħala kuratur jew imħallef superviżorju, u

vi)

l-istess rekwiżiti ta’ oġġettività u ta’ indipendenza jgħoddu għall-kuratur u għall-imħallef superviżorju bħal dawk li jgħoddu għal kuratur u għal imħallef superviżorju f’falliment li ma jkunx ippreċedut minn pre-pack u, indipendentement minn kemm ikunu involuti qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, huma marbuta, abbażi tal-missjoni legali tagħhom, li jiddeċiedu jekk it-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment [tagħha] ikunx mħejji fl-interess tal-kredituri kollha flimkien u, jekk huma jirrispondu fin-negattiv għal din id-domanda, huma għandhom jiddeċiedu li dan it-trasferiment ma huwiex ser isir, filwaqt li huma jibqgħu kompetenti sabiex jiddeċiedu għal raġunijiet oħra, pereżempju minħabba li interessi kollettivi oħra, bħall-importanza tal-impjieg, imorru kontra dan it-trasferiment, li t-trasferiment (ta’ parti) mill-impriża mħejji qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment ma huwiex ser isir?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga “li kien[et] istitwit[a] bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment tal-impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li matulha l-imsemmi trasferiment jitwettaq, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack li għandha bħala għan li tippermetti, waqt il-proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata (going concern) sabiex il-kredituri kollha jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg.

38

Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-introduzzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minkejja li d-Direttiva 77/187 ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55), u tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et. (C‑362/89, EU:C:1991:326), kienet irrikonoxxiet, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità, fir-rigward tad-dritt soċjali, tad-dritt tal-falliment, li hija kkaratterizzata minn proċeduri speċjali li l-għan tagħhom huwa li jibbilanċjaw diversi interessi, b’mod partikolari dawk tal-kategoriji differenti ta’ kredituri, il-possibbiltà ta’ deroga mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni individwali tal-ħaddiema meta impriża jew parti minnha li ġiet ttrasferita kienet is-suġġett ta’ proċedura li tirrigwarda l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent.

39

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 25 tas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1995, Spano et. (C‑472/93, EU:C:1995:421), li d-Direttiva 77/187 ma kinitx tapplika għat-trasferimenti li seħħew fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent, bħall-proċedura ta’ falliment inkwistjoni fis-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55), jew il-proċedura ta’ likwidazzjoni amministrattiva forzata tad-dritt Taljan, inkwistjoni fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et. (C‑362/89, EU:C:1991:326), filwaqt li hija kienet tapplika, min-naħa l-oħra, għat-trasferiment ta’ impriżi suġġetti għall-proċeduri li għandhom bħala għan il-prosegwiment tal-attività tal-impriża.

40

Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et. (C‑362/89, EU:C:1991:326), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet konjizzjoni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-impjegati kinux iżommu, waqt trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet li jirriżultaw mill-anzjanità miksuba qabel it-trasferiment, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja tal-impriżi li kienet tinvolvi żewġ tipi ta’ effetti għal dawn tal-aħħar. Din il-kawża kienet ikkaratterizzata mill-fatt li, minn naħa, l-impriża ttrasferita setgħet titqiegħed taħt sistema ta’ likwidazzjoni amministrattiva forzata li l-effetti tagħha kienu paragunabbli ma’ dawk tal-falliment u, min-naħa l-oħra, din l-impriża setgħet, filwaqt li titqiegħed taħt din is-sistema, tkompli l-attività tagħha, taħt id-direzzjoni ta’ kummissarju, għal perijodu bbażat fuq il-modalitajiet ta’ kalkolu ddeterminati mil-liġi. F’dan l-aħħar każ, dan il-kummissarju kellu jipprevedi programm li l-eżekuzzjoni tiegħu kellha tiġi awtorizzata mill-awtorità ta’ superviżjoni u li kellu jinkludi, sa fejn huwa possibbli u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kredituri, pjan ta’ ristrutturazzjoni, kompatibbli mal-linji gwida tal-politika industrijali, mal-indikazzjoni speċifika tal-installazzjonijiet li għandhom jerġgħu jibdew joperaw u dawk li għandhom jiġu kkompletati kif ukoll tal-installazzjonijiet u tal-kumplessi ta’ impriża li kellhom jiġu ttrasferiti. L-imsemmija leġiżlazzjoni kellha għalhekk karatteristiċi differenti, skont jekk id-digriet li jordna l-likwidazzjoni amministrattiva forzata jiddeċiedi jew le il-prosegwiment tal-attività tal-impriża (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punti 27 sa 30).

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ewwel wieħed minn dawn l-effetti kien paragunabbli ma’ falliment, peress li kien jirrigwarda l-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur bil-għan tas-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri, b’tali mod li t-trasferimenti li saru f’dan il-kuntest kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 31). Min-naħa l-oħra, hija qieset li, meta t-tieni effett kien intiż, l-għan tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja kien jikkonsisti, prinċipalment, f’li jingħata lill-impriża ekwilibriju li jippermetti li tiġi żgurata l-attività tagħha għall-futur. L-għan ekonomiku u soċjali hekk imfittex ma jistax fil-fatt jispjega u lanqas jiġġustifika li, meta l-impriża kkonċernata tkun is-suġġett ta’ trasferiment totali jew parzjali, l-impjegati tagħha jiġu mċaħħda mid-drittijiet li tirrikonoxxilhom din id-direttiva fil-kundizzjonijiet li hija tippreċiża (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 32).

42

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda tinkludi elementi fattwali u proċedurali li, skont il-qorti tar-rinviju, jew ma ġewx irrilevati fid-deċiżjoni tar-rinviju li tat lok għas‑sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), jew ma kinux jeżistu fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza u, konsegwentement, jipprekludu traspożizzjoni fil-kawża prinċipali tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza.

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet, fil-punt 47 ta’ din l-istess sentenza, li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jeżiġi li l-proċedura ta’ falliment jew il-proċedura ta’ insolvenza analoga għal din il-proċedura jinbdew għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent u fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, ma tissodisfax lil din il-kundizzjoni proċedura intiża għall-prosegwiment tal-attività tal-impriża kkonċernata.

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fir-rigward tad-differenzi bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ proċedura, li proċedura hija intiża għall-prosegwiment tal-attività li għandha l-għan li tiġi ssalvagwardjata n-natura operazzjonali tal-impriża jew tal-unitajiet vijabbli tagħha. Min-naħa l-oħra, proċedura li twassal għal-likwidazzjoni tal-beni intiża li timmassimizza s-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri. Madankollu, minkejja li ma huwiex eskluż li tista’ teżisti ċerta koinċidenza bejn dawn iż-żewġ għanijiet li jsegwu proċedura speċifika, l-għan prinċipali ta’ proċedura fir-rigward tal-prosegwiment ta’ attività tal-impriża jibqa’, fi kwalunkwe każ, is-salvagwardja tal-impriża kkonċernata (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et., C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 48).

45

Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċedura ta’ pre-pack esposti mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), b’mod partikolari minħabba l-fatt li din il-proċedura kienet intiża sabiex jiġi evitat il-waqfien f’daqqa tal-attivitajiet tal-impriża kkonċernata fid-data tad-dikjarazzjoni tal-falliment, sabiex jiġu ppreżervati kemm il-valur ekonomiku tal-imsemmija impriża kif ukoll l-impjieg, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija proċedura, fl-aħħar mill-aħħar, ma kinitx intiża għal-likwidazzjoni tal-impriża kkonċernata, b’tali mod li l-għan ekonomiku u soċjali li hija ssegwi ma jistax jispjega u lanqas jiġġustifika li, meta l-impriża kienet is-suġġett ta’ trasferiment totali jew parzjali, l-impjegati tagħha ġew imċaħħda mid-drittijiet lilhom irrikonoxxuti fid-Direttiva 2001/23.

46

Kuntrarjament għal fatti inkwistjoni fl-imsemmija kawża, f’din il-proċedura, il-qorti tar-rinviju tindika li, meta l-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni kienet inbdiet, l-insolvenza taċ-ċedent kienet inevitabbli u li kemm il-proċedura ta’ falliment kif ukoll il-proċedura ta’ pre-pack li ppreċedietha kienu jipprevedu l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, wara li barra minn hekk il-falliment ġie ddikjarat. Din il-qorti tirrileva li l-għan prinċipali ta’ dawn il-proċeduri kollha li wasslu għal din il-likwidazzjoni kien li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha.

47

Huwa stabbilit ukoll li, f’dan il-każ, it-trasferiment tal-impriża kkonċernata seħħ matul proċedura ta’ falliment intiża sabiex tillikwida l-assi kollha ta’ Ex Grupp Heiploeg, jiġifieri tal-impriża taċ-ċedent.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jagħmel distinzjoni bejn “min ikun qed jagħmel it-trasferiment” u “impriża”, “negozju” jew “parti minn impriża jew negozju” li jappartjenu lill-imsemmi ċedent, għandha ssir distinzjoni bejn l-attività ekonomika globali taċ-ċedent u l-attivitajiet individwali tal-entitajiet differenti li jidhru fost il-beni tiegħu li għandhom jiġu likwidati.

49

Mill-kliem tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u bħala konsegwenza tad-deroga li hija tipprevedi, ma huwiex limitat għall-impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriża jew ta’ negozju li l-attività tagħhom ġiet definittivament mitmuma qabel iċ-ċessjoni jew wara din.

50

Fil-fatt, dan l-Artikolu 5(1), peress li jipprevedi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ xogħol jew minn relazzjoni ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment ma jiġux ittrasferiti liċ-ċessjonarju meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, jimplika li impriża jew parti minn impriża li għadha attiva għandha tkun tista’ tiġi ttrasferita filwaqt li tibbenefika mid-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjoni. Billi tipproċedi b’dan il-mod, id-Direttiva 2001/23 tipprevjeni r-riskju li l-impriża, in-negozju jew il-parti tal-impriża jew tan-negozju kkonċernata jonqsu qabel ma ċ-ċessjonarju jieħu f’idejh, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment mibdija bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, parti mill-assi u/jew milll-attivitajiet taċ-ċedent li jistgħu jitqiesu vijabbli. Għalhekk, din id-deroga hija intiża sabiex teskludi r-riskju serju ta’ deterjorament, fuq livell globali, tal-valur tal-impriża ttrasferita jew tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema li jmur kontra l-għanijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 ma hijiex invalidata mill-fatt li t-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju, imwettaq matul proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga mibdija bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, ġie ppreparat qabel il-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri, peress li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-perijodu ta’ qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment jew ta’ insolvenza kkonċernati. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5(2), li minnu jirriżulta b’mod ċar li l-eċċezzjonijiet li huwa jipprevedi jirrigwardaw il-każijiet fejn l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva japplikaw għal trasferiment imwettaq “waqt” proċedura ta’ insolvenza mibdija fil-konfront taċ-ċedent.

52

Għalhekk, meta l-għan prinċipali ta’ proċedura ta’ pre-pack segwita minn proċedura ta’ falliment jikkonsisti fil-ksib, wara l-konstatazzjoni ta’ insolvenza taċ-ċedent u tal-likwidazzjoni tiegħu, tar-rimbors l-iktar għoli possibbli għall-kredituri kollha tiegħu, dawn il-proċeduri, meħuda flimkien, jissodisfaw, bħala prinċipju, it-tieni kundizzjoni imposta fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.

53

F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, f’kull sitwazzjoni, jekk il-proċedura ta’ pre-pack u l-proċedura ta’ falliment inkwistjoni għandhom tendenza għal-likwidazzjoni tal-impriża minħabba l-insolvenza ppruvata taċ-ċedent u mhux minħabba sempliċi riorganizzazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit mhux biss li dawn il-proċeduri għandhom l-għan prinċipali li jissodisfaw bl-aħjar mod il-kredituri kollha iżda wkoll li l-implimentazzjoni tal-likwidazzjoni permezz ta’ ċessjoni tal-impriża avvjata (going concern) jew ta’ parti minnha, kif ippreparata fil-proċedura ta’ pre-pack u mwettqa wara l-proċedura ta’ falliment, tippermetti li jintlaħaq dan l-għan prinċipali. B’hekk, l-għan ta’ rikors għal proċedura ta’ pre-pack, għall-finjiet ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija, huwa li jippermetti lil kuratur u lill-imħallef superviżorju maħtura mill-qorti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din tal-aħħar li jżidu l-opportunitajiet ta’ sodisfazzjon tal-kredituri.

54

Madankollu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni hija rregolata biss minn regoli ġurisprudenzjali u li l-applikazzjoni tagħhom li ssir mill-qrati nazzjonali differenti ma hijiex uniformi, b’tali mod li tkun is-sors, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ inċertezza legali. Issa, f’tali ċirkustanzi, il-proċedura ta’ pre-pack stabbilita mill-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju ma tistax titqies bħala li tirregola l-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 u ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

55

Minn dan isegwi li, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga “li kien[et] istitwit[a] bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment tal-impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li matulha l-imsemmi trasferiment jitwettaq, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack li għandha bħala għan prinċipali li tippermetti, fi proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata sabiex il-kredituri kollha jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg, suġġett għall-fatt li tali proċedura ta’ pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji.

Fuq it‑tieni domanda

56

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju meta l-proċedura ta’ falliment jew proċedura ta’ insolvenza analoga li għaliha jkun suġġett iċ-ċedent “[hija] taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti ”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment minn“kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv” u li l-ftehim dwar dan it-trasferiment jiġi konkluż u eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent.

57

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 53), u kif ikkonfermat il-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ pre-pack li tippreċedi d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent hija ta’ oriġini ġurisprudenzjali u ma għandhiex bażi fil-leġiżlazzjoni Olandiża jew fir-regolament Olandiż.

58

Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-proċess ippreżentat quddiemha, iddeċidiet, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li din il-proċedura ma tqegħditx taħt il-kontroll tal-qorti kompetenti, iżda kienet ġestita mill-amministrazzjoni tal-impriża li mexxiet in-negozjati u adottat id-deċiżjonijiet li jippreparaw il-bejgħ tal-impriża falluta. Fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, hija qieset li l-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” formalment ma kellhom l-ebda setgħa u li ma kienu suġġetti għal ebda kontroll eżerċitat minn awtorità pubblika. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, sa fejn, immedjatament wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, l-imħallef superviżorju ta l-awtorizzazzjoni għat-trasferiment ippreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack, dan tal-aħħar kellu, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, ikun ġie informat u jkun ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 57 tal-istess sentenza, li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni f’din il-kawża kienet idonea biex tneħħi kważi kompletament mill-kontenut tagħha kwalunkwe kontroll possibbli mill-awtorità pubblika kompetenti fuq il-proċedura ta’ falliment u għalhekk ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ kontroll ta’ tali awtorità stabbilita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.

59

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju, li tfakkar li l-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv”, minkejja li huma maħtura minn qorti, ma għandhom ebda kompetenza legali meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom waqt proċedura ta’ pre-pack, tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, diversi elementi li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), b’tali mod li din l-evalwazzjoni tista’ tiġi applikata biss fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

60

Għandu jiġi rrilevat b’mod iktar partikolari li, skont din il-qorti, l-istatus u l-funzjonijiet tal-“kuratur prospettiv”, iddefiniti mill-qorti li tinnominah jew mill-indikazzjonijiet tal-“imħallef superviżur prospettiv” maħtur għal dan il-għan, ma humiex differenti b’mod sostanzjali mill-istatus u l-funzjonijiet tal-kuratur fil-proċedura ta’ falliment. Il-“kuratur prospettiv” jista’, bl-istess mod bħall-kuratur ta’ falliment, jinżamm responsabbli għal nuqqas fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u r-responsabbiltà personali tiegħu tiġi evalwata abbażi tal-istess kriterji bħal dawk applikabbli għall-kuratur ta’ falliment. L-“imħallef superviżur prospettiv” — bħall-imħallef superviżorju fil-proċedura ta’ falliment — jiżgura l-kontroll, matul il-proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, tal-“kuratur prospettiv” sabiex dan tal-aħħar ma jeċċedix il-kompetenzi tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-kredituri kollha. Il-qorti li ħatret il-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” tikkontrolla, fil-każ ta’ proċedura sussegwenti ta’ insolvenza, jekk dawn il-persuni segwewx l-indikazzjonijiet kollha li ngħatawlhom u, jekk dan ma jkunx il-każ, jaħtru persuni oħra bħala kuraturi u imħallef superviżorju fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-falliment.

61

L-imsemmija qorti tippreċiża li, fil-kawża prinċipali, minkejja li l-ftehim li abbażi tiegħu ġiet ittrasferita l-impriża ġie ppreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack, dan il-ftehim kien għadu ma ġiex konkluż fil-mument li fih ġie deċiż il-falliment tal-Ex Grupp Heiploeg. Issa, mid-dikjarazzjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kuraturi u l-imħallef superviżorju li kienu inkarigati li jsegwu l-proċedura ta’ falliment u nħatru mill-qorti għal dan il-għan, kellhom kompetenzi legali f’dan is-sens u kienu suġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ oġġettività u ta’ indipendenza bħal dawk applikabbli għal kuratur u għal imħallef superviżorju maħtur fi falliment mhux preċedut minn proċedura ta’ pre-pack. Għaldaqstant, huma kienu obbligati jevalwaw jekk it-trasferiment tal-unitajiet vijabbli tal-impriża tal-Ex Grupp Heiploeg ippreparat qabel id-dikjarazzjoni tal-falliment kienx isir fl-interess tal-kredituri kollha. Konsegwentement, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ pre-pack, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex effett fuq il-kontroll li ser jitwettaq sussegwentement matul proċedura ta’ falliment minn awtorità pubblika kompetenti, jiġifieri mill-kuratur u l-imħallef superviżorju ta’ falliment, peress li dan il-kontroll huwa previst mill-FW.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-“kuratur prospettiv” u l- “imħallef superviżur prospettiv” jinħatru mill-qorti kompetenti għall-proċedura ta’ pre-pack u peress li din il-qorti mhux biss tiddefinixxi l-funzjonijiet tagħhom iżda tipproċedi, waqt il-ftuħ sussegwenti tal-proċedura ta’ falliment, għal kontroll tal-eżerċizzju ta’ dawn il-proċeduri, billi tiddeċiedi jekk taħtar jew le, bħala kuratur u bħala imħallef superviżorju tal-proċedura ta’ falliment, dawn l-istess persuni, jeżisti diġà, minn dan il-fatt, kontroll ta’ “kuratur prospettiv” u ta’ “imħallef superviżur prospettiv” mill-awtorità pubblika kompetenti.

63

Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt, minn naħa, li t-trasferiment ippreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack jitwettaq biss wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kuratur u l-imħallef superviżorju jistgħu jirrifjutaw li jipproċedu għal din iċ-ċessjoni jekk iqisu li dan imur kontra l-interess tal-kredituri taċ-ċedent li l-assi tiegħu għandhom jiġu likwidati. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-“kuratur prospettiv” mhux biss għandu jirrapporta l-ġestjoni tiegħu tal-fażi preparatorja fir-rapport ta’ falliment, iżda jista’ wkoll jinżamm responsabbli bl-istess kundizzjonijiet bħall-kuratur tal-falliment. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-intervent tal-“kuratur prospettiv” matul il-proċedura tal-pre-pack isir taħt l-kontroll tal-“imħallef superviżur prospettiv”” u, għaldaqstant, tal-qorti kompetenti, b’hekk din tal-aħħar tista’, jekk tqis li l-“kuratur prospettiv” ma kkonformax ruħu mal-funzjoni mogħtija lilu mill-qorti, tissostitwixxi lil dan il-kuratur ma’ persuna oħra jew topponi l-għeluq tal-proċedura ta’ pre-pack.

64

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, sabiex jiġu żgurati l-funzjonijiet fdati lilhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ pre-pack kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, il-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” huma mġiegħla, sa mill-fażi preparatorja tal-falliment li tikkostitwixxi l-proċedura ta’ pre-pack, jikkonsultaw, iwettqu evalwazzjoni tad-diversi ipoteżijiet ta’ ċessjoni u jeżaminaw il-ftehim ta’ trasferiment li eventwalment ikollhom jivvalidaw u jeżegwixxu meta tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment. Konsegwentement, iż-żmien li għadda bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment u l-iffirmar tal-ftehim imħejji fil-kuntest tal-proċedura ta’ pre-pack ma jistax, bħala tali, jintuża bħala kriterju sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorità pubblika kompetenti setgħetx jew le teżerċita l-kontroll previst f’dan ir-rigward.

65

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment minn “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv”, ma jipprekludix li t-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 tkun issodisfatta.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju meta l-proċedura ta’ falliment jew proċedura ta’ insolvenza analoga li għaliha jkun suġġett iċ-ċedent “[hija] taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti ”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, minn “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv”, u li l-ftehim dwar dan it-trasferiment jiġi konkluż u eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent, suġġett għall-fatt li tali proċedura ta’ pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga “li kien[et] istitwit[a] bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment tal-impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment intiża għall-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li matulha l-imsemmi trasferiment jitwettaq, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack li għandha bħala għan prinċipali li tippermetti, fi proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata sabiex il-kredituri kollha jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg, suġġett għall-fatt li tali proċedura ta’ pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji.

 

2)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju meta l-proċedura ta’ falliment jew proċedura ta’ insolvenza analoga li għaliha jkun suġġett iċ-ċedent “[hija] taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti ”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, minn “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv”, u li l-ftehim dwar dan it-trasferiment jiġi konkluż u eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent, suġġett għall-fatt li tali proċedura ta’ pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top