EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0176

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2022.
SC Avio Lucos SRL vs Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj u Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Skema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 4(1)(a) u (c),u (2)(b) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-appoġġ dirett għaż-żamma mill-bidwi tal-annimali tiegħu stess – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘bidwi attiv’ – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 60 – Klawżola ta’ ċirkomvenzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment’.
Kawża C-176/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:274

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Skema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 4(1)(a) u (c),u (2)(b) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-appoġġ dirett għaż-żamma mill-bidwi tal-annimali tiegħu stess – Artikolu 9(1) – Kunċett ta’ ‘bidwi attiv’ – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 60 – Klawżola ta’ ċirkomvenzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment’”

Fil-Kawża C‑176/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2020, fil-proċedura

SC Avio Lucos SRL

vs

Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj,

Agențiade Plăți și Intervenție pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatur), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SC Avio Lucos SRL, minn M. Gornoviceanu, avocate,

għall-Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj, minn N.S. Răducan, bħala aġent,

għall-Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central, minn A. Pintea, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u A. Biolan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 4(1)(a) u (c), u (2)(b), kif ukoll tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83.).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Avio Lucos SRL u l-Agenția de Plăți și Intervenție pentru Agricultură – Centrul județean Dolj (l-Aġenzija tal-Pagament u l-Intervent għall-Agrikoltura – ċentru tal-kontea ta’ Dolj, ir-Rumanija) u l-Agenția de Plăți și Intervenție pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central (l-Aġenzija tal-Pagament u l-Intervent għall-Agrikoltura, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“APIA”) fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-APIA li tiċħad it-talba għall-ħlas ta’ rkupru tal-ammont ta’ pagament uniku għas-superfiċji inizjalment mogħti lil Avio Lucos għall-kampanja 2015.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 1782/2003

3

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), intitolat “Restrizzjonijiet tal-pagament”:

“Mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet speċifiċi fi skemi individwali ta’ appoġġ, m’għandu jsir l-ebda pagament lill-benefiċjarji li jinstabu li ħolqu artifiċjalment il-kondizzjonjiet mitluba biex jakkwistaw tali pagamenti bl-intenzjoni li jiksbu vantaġġ kontra l-għanijiet ta’ dik l-iskema ta’ appoġġ.”

Ir-Regolament Nru 1306/2013

4

L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Klawsola ta’ ċirkomvenzjoni”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda vantaġġ previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali favur persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn inħolqu artifiċjalment, kuntrarju għall-objettivi ta’ dik il-leġislazzjoni.”

Ir-Regolament Nru 1307/2013

5

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1307/2013 tipprovdi:

“L-elementi bażiċi kollha relatati mal-pagamenti f’appoġġ mill-Unjoni lill-bdiewa għandhom jiġu inklużi f’dan ir-Regolament li għandu wkoll jiffissa l-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-pagamenti li huma intrinsikament marbuta ma’ dawk l-elementi bażiċi.”

6

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘bidwi’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ikun x’ikun l-istatus legali mogħti lil tali grupp u l-membri tiegħu bil-liġi nazzjonali, li l-impriża tiegħu/tagħhom tkun fl-ambitu territorjali tat-Trattati, kif iddefinit fl-Artikolu 52 tat-TUE, flimkien mal-Artikoli 349 u 355 TFUE, u li jeżerċita attività agrikola;

b)

‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

c)

‘attività agrikola’ tfisser:

i)

il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad, it-taħlib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma tal-annimali għall-finijiet ta’ biedja,

ii)

iż-żamma ta’ erja agrikola fi stat li jagħmilha tajba għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni ta’ tħejjija li tmur lil hinn mill-metodi u makkinarji agrikoli tas-soltu, abbażi ta’ kriterji stabbiliti mill-Istati Membri abbażi ta’ qafas stabbilit mill-Kummissjoni, jew

iii)

it-twettiq ta’ attività minima, definita mill-Istati Membri, fuq erjas agrikoli li huma miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni;

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom:

[…]

b)

fejn applikabbli fi Stat Membru, jiddefinixxu l-attività minima li għandha titwettaq fuq erjas agrikoli li jinżammu b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1;

[…]

3.   Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 70 li jistabbilixxi:

[…]

b)

il-qafas li fih l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-attivitàminima li trid titwettaq fuq erjas agrikoli li jinżammu b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1;

[…]”

7

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuni koperti” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ma għandu jingħata l-ebda pagament dirett lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew lil gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li ż-żoni agrikoli tagħhom huma fil-biċċa l-kbira żoni miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni u li ma jwettqux l-attività minima definita mill-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) f’dawk iż-żoni.”

8

Konformement mal-Artikolu 74 tiegħu, ir-Regolament Nru 1307/2013 sar applikabbli fl‑1 ta’ Jannar 2015.

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014

9

Il-premessi 4 u 16 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), jipprovdu:

“(4)

F’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […], jixraq li jiġi ċċarat li l-Istati Membri, meta jiġu biex jadottaw miżuri għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, għandhom jużaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom filwaqt li josservaw ċerti prinċipji, inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

[…]

(16)

F’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […], id-drittijiet għall-pagament għandhom jingħataw lill-persuna li għandha s-setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet, il-benefiċċji u r-riskji finanzjarji marbuta mal-attività agrikola fuq l-art li għaliha qed tintalab din l-allokazzjoni. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li dan il-prinċipju japplika b’mod partikolari meta ettaru eliġibbli huwa soġġett għal applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament minn aktar minn bidwi wieħed.”

10

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ta’ delega, intitolat “Qafas għall-attivitajiet minimi f’żoni agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni”, jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-punt (iii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-attività minima li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri li għandha titwettaq f’żoni agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni għandha tkun mill-anqas attività annwali waħda mwettqa minn bidwi. Fejn ikun ġustifikat minħabba raġunijiet ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu wkoll attivitajiet li jitwettqu biss darba kull sentejn.”

Id‑dritt Rumen

Id‑digriet b’urġenza tal‑Gvern Nru 34/2013

11

L-Artikolu 2 tal-Ordonanța de urgență Nru 34 privind organizarea, administrarea și exploatarea pajiștilor permanente și pentru modificarea și completarea Legii fondului funciar nr. 18/1991 (id-Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 34/2013 li Jikkonċerna l-Amministrazzjoni u l-Użu tal-Mergħat Permanenti u li Jemenda u Jikkompleta l-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet Nru 18/1991 tat‑23 ta’ April 2013 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 267 tat‑13 ta’ Mejju 2013, jipprovdi:

“Fis-sens ta’ dan id-digriet ta’ emerġenza, it-termini u l-espressjonijiet li ġejjin għandhom ifissru:

[…]

c)

unità grossa ta’ bhejjem (UGB)– unità ta’ kejl standard stabbilita fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ta’ nutrizzjoni ta’ kull tip ta’ annimal li tippermetti li sseħħ konverżjoni bejn kategoriji differenti ta’ annimali. […]”

L‑OUG Nru 3/2015

12

L-Artikolu 2 tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015 - 2020 și pentru modificarea articolului 2 din Legea nr. 36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură (id-Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 3 li Japprova l-Iskemi ta’ Pagament Applikabbli fl-Agrikoltura għall-Perijodu 2015‑2020 u li Jemenda l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 36/1991 dwar il-Kumpanniji Agrikoli u ta’ Forom Oħra ta’ Assoċjazzjoni fl-Agrikoltura), tat‑18 ta’ Marzu 2015, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 191 tat‑23 ta’ Marzu 2015) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 3/2015”) jipprovdi:

“(1)   Għall-finijiet tad-digriet b’urġenza preżenti, il-kliem li ġejjin huma ddefiniti kif ġej:

[…]

f)

‘bidwi’: persuna fiżika jew ġuridika jew forma ta’ assoċjazzjoni ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku, li l-impriża tagħhom tinsab fit-territorju tar-Rumanija u li jeżerċitaw attività agrikola;

[…]

Fis-sens tal-paragrafu 1(f), l-espressjoni ‘attività agrikola’ tfisser, skont il-każ:

[…]

d)

l-eżerċizzju ta’ attività minima fuq is-superfiċji agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat adatt għall-ħsad jew għall-kultivazzjoni, permezz tal-ħsad, billi jiżguraw densità ta’ 0.3 UGB [l-ettaru] b’annimali mrobbija mill-bidwi jew mill-ħrat annwali fuq il-mergħa permanenti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam tal-mergħat. […]”

13

L-Artikolu 7(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Il-benefiċjarji tal-pagamenti huma l-bdiewa attivi persuni fiżiċi u/jew ġuridiċi li jeżerċitaw attività agrikola bħala utenti ta’ superfiċji agrikolu u/jew detenturi legali ta’ annimali, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. […]”

14

L-Artikolu 8 tal-OUG Nru 3/2015 jaqra kif ġej:

“(1)   Sabiex jikkwalifikaw għal pagamenti diretti previsti fl-Artikolu 1(2), il-bdiewa għandhom:

[…]

(c)

jużaw artijiet agrikoli ta’ superfiċji minima ta’ ettaru; il-ħbula tal-art agrikoli għandhom ikollhom superfiċji minima ta’ 0.3 ettaru, u, fil-każ ta’ serer, serer solari, vinji, ġonna tas-siġar, ħops, mixtliet u sġajriet tal-frott, il-ħabel tal-art għandu jkollu superfiċji minima ta’ 0.1 ettaru u/jew jew ikun il-każ, iżomm numru minimu ta’ annimali. […]

[…]

(n)

jippreżentaw, waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal pagament uniku jew ta’ emendi għaliha, id-dokumenti neċessarji li juru l-użu legali ta’ artijiet agrikoli, inklużi dawk li fihom żoni ta’ interess ekoloġiku, kif ukoll xi annimali. […]

[…]

(6)   Id-dokumenti li juru l-użu legali ta’ artijiet agrikoli u ż-żamma ta’ bhejjem huma ddeterminati permezz ta’ digriet tal-[Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali] u huma ppreżentati, skont il-każ, mill-applikanti kollha, waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal pagament uniku. Is-superfiċji jew il-bhejjem li għalihom dawn id-dokumenti ma jiġux ippreżentati, ma humiex ammissibbli għall-pagament.”

Id‑Digriet Nru 619/2015

15

L-Artikolu 2 tal-Ordinul ministrului agriculturii și dezvoltării rurale nr. 619/2015 pentru aprobarea criteriilor de eligibilitate, condițiilor specifice și a modului de implementare a schemelor de plăți prevăzute la articolul 1 alineatele (2) și (3) din [OUG nr. 3/2015], precum și a condițiilor specifice de implementare pentru măsurile compensatorii de dezvoltare rurală aplicabile pe terenurile agricole, prevăzute în Programul Național de Dezvoltare Rurală 2014‑2020 (l-Ordni tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali Nru 619/2015 li Japprova l-Kriterji ta’ Ammissibbiltà, tal-Kundizzjonijiet Speċifiċi u tal-Modalitajiet ta’ Implimentazzjoni tal-Iskemi ta’ Pagament previsti fl-Artikolu 1(2) u (3), tal-[OUG Nru 3/2015], kif ukoll tal-Kundizzjonijiet Speċifiċi tal-Implimentazzjoni tal-Miżuri Kumpensatorji tal-Iżvilupp Rurali Applikabbli għall-Artijiet Agrikoli Msemmija fil-Programm Nazzjonali ta’ Żvilupp Rurali 2014‑2020), tas‑6 ta’ April 2015, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 234 tas‑6 ta’ April 2015) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 619/2015”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet:

[…]

m)

‘detentur tal-annimali’– tfisser persuna li għandha l-pussess tal-annimali b’mod permanenti, bħala proprjetarju tal-annimali u/jew proprjetarju ta’ azjenda, u b’mod temporanju, bħala l-persuna responsabbli għalihom waqt is-sena li għaliha ssir l-applikazzjoni, fejn l-annimali huma miżmuma fuq il-bażi ta’ dokument stabbilit taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

[…]”

16

L-Artikolu 7(3) ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“L-utenti tal-mergħat permanenti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, irregolati mid-dritt privat, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu (1) u fl-Artikolu 6(1), li jeżerċitaw mill-inqas attività agrikola minima fuq il-mergħat permanenti għad-dispożizzjoni tagħhom taħt il-kundizzjonijiet tal-liġi, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2)(d), tal-[OUG Nru 3/2015], bħala bdiewa attivi, jippreżentaw, waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal pagament uniku fi ħdan l-APIA, id-dokumenti previsti fl-Artikolu 5(1) u (2)(a), (b)(i)(c) u (d) kif ukoll, skont il-każ:

a)

kopja tad-dokument ta’ identifikazzjoni tal-operat ta’ azjenda li fir-rigward tagħha huma rreġistrati l-annimali jew ċertifikat maħruġ mill-veterinarju indipendenti awtorizzat, li juri l-kodiċi tal-impriża agrikola mniżżla fir-reġistru nazzjonali tal-impriżi, validu fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal pagament uniku, fil-każ fejn il-proprjetarju tal-mergħat permanenti jżomm l-annimali b’mod li hija żgurata densità minima ta’ 0.3 UGB [l-ettaru];

[…]”

Il‑Kodiċi Ċivili

17

L-Artikolu 2.146 tal-Codul Civil (il-Kodiċi Ċivili), adottat bil-Liġi Nru 287 tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 505 tal‑15 ta’ Lulju 2011), dwar is-self għal użu, jipprovdi:

“Is-self għal użu huwa kuntratt mingħajr ħlas li permezz tiegħu parti, imsejħa “sellief”, tqiegħed proprjetà mobbli jew immobbli lill-parti l-oħra, imsejħa “mutwatarju”, sabiex din tal-aħħar tużaha, bl-obbligu li tirritornaha wara ċertu żmien.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Avio Lucos ressqet quddiem l-APIA talba għal għajnuna finanzjarja taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji għas-sena 2015, li tirrigwarda superfiċji ta’ 170.36 ettaru ta’ mergħat. Għal dan il-għan, hija pproduċiet ċertu numru ta’ dokumenti, fosthom kuntratt ta’ konċessjoni, konkluż fit‑28 ta’ Jannar 2013 mal-Consiliul Local al Comunei Podari (il-Kunsill Lokali tal-Komun ta’ Podari, ir-Rumanija), dwar mergħa li tinsab f’dan il-komun kif ukoll kuntratti ta’ self għal użu, konklużi fix-xahar ta’ April 2015 bejn Avio Lucos u proprjetarji differenti tal-annimali, li permezz tagħhom dawn l-annimali jintużaw għall-mergħa u jikkontribwixxu għalhekk għall-attività agrikola ddikjarata.

19

B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2017, l-APIA rrifjutat din it-talba, minħabba li Avio Lucos ma kinitx żgurat l-imposta minima ta’ 03. UGB/ettaru għas-superfiċji kollha tal-mergħa ta’ 170.36 ettaru. Skont din l-aġenzija, ir-ragħa kienet effettivament twettqet mhux mill-annimali ta’ Avio Lucos, iżda minn dawk tal-proprjetarji li magħhom huwa kien ikkonkluda kuntratt ta’ self għal użu. Avio Lucos ippreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud mill-APIA fl‑4 ta’ Jannar 2018.

20

Avio Lucos ikkontestat din l-aħħar deċiżjoni quddiem it-Tribunalul Dolj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Dolj, ir-Rumanija), li ċaħdet ir-rikors tagħha permezz tas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2018. Essenzjalment, l-imsemmija qorti qieset li l-kuntratt ta’ konċessjoni kien ġie konkluż bi ksur tad-dritt nazzjonali, peress li, b’mod partikolari, Avio Lucos ma kellhiex il-kwalità ta’ min irabbi l-annimali fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u li l-imposta ta’ 0.3 UGB/ettaru kellha tiġi osservata f’din id-data. Għaldaqstant, din il-kumpannija ma kinitx legalment awtorizzata tieħu bħala konċessjoni l-mergħat inkwistjoni, b’tali mod li t-talba tagħha għal ħlas ma kinitx ammissibbli. Sussegwentement, Avio Lucos, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna finanzjarja. Fl-aħħar, interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “persuna li trabbi l-annimali”, bħal dik proposta minn Avio Lucos, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, sabiex jirrifjutaw l-għajnuna mitluba, jibbażaw ruħhom esklużivament fuq id-data li tinsab fis-sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-annimali, mingħajr ma jkollhom neċessarjament iwettqu verifiki oħra.

21

Avio Lucos appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija). Insostenn tar-rikors tagħha, hija ssostni b’mod partikolari li l-imsemmija sentenza qieset b’mod żbaljat li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni dwar il-kwalità ta’ persuna li trabbi l-annimali.

22

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-kliem tal-Artikolu 4(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 1307/2013, taqa’ speċifikament fil-kunċett ta’ “bidwi”, persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita “attività agrikola”, li tista’ tikkonsisti, skont l-Artikolu 4(1)(c)(iii) ta’ dan ir-regolament, fl-eżerċizzju ta’ attività minima, iddefinita mill-Istati Membri, fuq is-superfiċji agrikoli naturalment ppreżervati fi stat li jrenduhom adattati għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni. Fir-rigward ta’ tali attività minima, l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament iħalli għall-Istati Membri l-possibbiltà li jiddefinixxuha. Madankollu, il-leġiżlatur Rumen kien ippreveda, f’dan ir-rigward, li l-attività agrikola għandha titwettaq bl-annimali mrobbija mill-bidwi stess, u eskluda l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li teżerċita din l-attività permezz ta’ intermedjazzjoni, li, skont l-APIA, huwa l-każ ta’ Avio Lucos.

23

Din il-qorti tqis li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali u, fin-negattiv, jekk l-istess dispożizzjoni kif ukoll l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jippermettu li jitqies li persuna ġuridika li kkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni u kuntratti ta’ self għal użu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, ma hijiex nieqsa minn inċertezza. Barra minn hekk, peress li Avio Lucos issodisfat, minn perspettiva formali, il-kriterji ta’ ammissibbiltà previsti mid-dritt nazzjonali, l-istess qorti tistaqsi jekk il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ konċessjoni u ta’ kuntratti ta’ self, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jaqgħu fil-kunċett ta’ “kundizzjonijiet li nħolqu artifiċjalment”, previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Ir-[Regolament Nru 1307/2013] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-attività minima li għandha titwettaq fuq superfiċji agrikola normalment miżmuma f’kundizzjoni xierqa għall-mergħa hija li jirgħu l-annimali mrobbija mill-bidwi?

2)

Sakemm id-dritt tal-Unjoni ċċitat iktar ’il fuq ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 4(l)(a) u (c) u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li “bidwi attiv” jista’ jitqies bħala persuna ġuridika li kkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali u li għandha annimali fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ self għall-użu konkluż ma’ persuni fiżiċi, li permezz tiegħu min isellef jafda lil min jissellef, bla ħlas, l-annimali li għandu fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju, bl-iskop li jintużaw għar-ragħa, fis-superfiċji agrikoli intiżi għar-ragħa pprovduti lil min jissellef u matul il-perijodi ta’ żmien innegozjati?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-[Regolament Nru 1306/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet artifiċjali huma maħsuba sabiex jinkludu wkoll il-każ ta’ kuntratt ta’ konċessjoni u ftehim ta’ self għall-użu bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Evroetil, A. S.A., C‑212/20, EU:C:2021:934, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 li titlob l-interpretazzjoni tagħhom, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji ta’ din il-qorti jirrigwardaw speċifikament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari tal-paragrafu 1(ċ)(iii), kif ukoll tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu.

27

Sussegwentement, hekk kif dan ġie kkonfermat mill-Gvern Rumen, l-espressjoni “superfiċji agrikoli miżmuma b’mod naturali” li tissemma fl-ewwel domanda u li tuża l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tal-OUG Nru 3/2015, għandha tinftiehem bħala sinonima tal-espressjoni “erjas agrikoli li huma miżmuma b’mod naturali”, li tidher fl-Artikolu 4(1)(c)(iii) u fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

28

Fl-aħħar, b’risposta għal talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-espressjoni “annimali mrobbija mill-bidwi”, użata wkoll fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha u li tinsab fl-Artikolu 2(2)(d) tal-OUG Nru 3/2015, ma hijiex iddefinita fid-dritt nazzjonali. Skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Rumen, il-kunċett ta’ “annimali mrobbija mill-bidwi” jikkoinċidi kemm mal-kunċett ta’ “żamma” ta’ annimali, previst fl-Artikolu 8(6) tal-OUG Nru 3/2015, kif ukoll ma’ dak ta’ “min iżomm l-annimali”, previst fl-Artikolu 2(m) tad-Digriet Nru 619/2015.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(c)(iii) u (2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-attività minima fuq is-superfiċji agrikoli naturalment miżmuma fi stat li jirrendihom adattati għall-mergħa jew għall-kultivazzjoni, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tiġi eżerċitata mill-bidwi permezz tal-annimali li huwa stess iżomm.

30

Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 4(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1307/2013, “attività agrikola” tfisser, b’mod partikolari, it-twettiq ta’ attività minima, iddefinita mill-Istati Membri, fuq superfiċji agrikoli miżmuma normalment fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni. Barra minn hekk, il-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-Istati Membri “għandhom jiddefinixxu l-attività minima li trid titwettaq fuq erjas agrikoli li jinżammu b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, kif imsemmi fil-punt (c)(iii) tal-paragrafu 1”.

31

Kif jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu t-tip ta’ attività minima li għandha tiġi eżerċitata b’mod partikolari fuq is-superfiċji agrikoli adattati naturalment għall-mergħa.

32

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jinkludix il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprevedu, fil-leġiżlazzjonijiet interni rispettivi tagħhom, kundizzjoni li tgħid li din l-attività minima għandha tiġi eżerċitata mill-bidwi permezz tal-annimali li huwa għandu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprovdi li, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta atti ddelegati bil-għan li tistabbilixxi l-kuntest li fih l-Istati Membri jiddefinixxu l-imsemmija attività minima.

33

Ir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, adottat għal dan il-għan, filwaqt li jiddikjara, fil-premessa 4 tiegħu, li l-Istati Membri, meta jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom billi josservaw ċerti prinċipji, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, huwa limitat f’dan ir-rigward li jipprevedi, fid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament Nru 1307/2013, u b’mod partikolari fl-Artikolu 5 tiegħu, li jiddelimita l-qafas imsemmi fil-punt preċedenti, li “[g]ħall-finijiet tal-punt (iii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-[Regolament Nru 1307/2013], l-attività minima li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri li għandha titwettaq f’żoni agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni għandha tkun mill-anqas attività annwali waħda mwettqa minn bidwi”, l-Istati Membri jibqgħu madankollu liberi, meta dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet ambjentali, li jirrikonoxxu wkoll attivitajiet li huma eżerċitati kull sentejn.

34

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-attività minima għandha, bħala prinċipju, tiġi eżerċitata fuq dawn is-superfiċji agrikoli mill-inqas darba fis-sena. Min-naħa l-oħra, din l-attività minima għandha tiġi eżerċitata “mill-bidwi”.

35

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bidwi”, ma jippreċiżax in-natura tad-dritt li dan tal-aħħar għandu jkollu fuq l-annimali li, jekk ikun il-każ, huwa jirgħa fuq tali superfiċji agrikoli.

36

Madankollu, din id-dispożizzjoni tindika, essenzjalment, li bidwi huwa persuna li l-azjenda tiegħu tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati u li teżerċita attività agrikola. Din hija ddefinita fl‑Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir‑regolament bħala l‑unitajiet kollha ta’ produzzjoni “mmexxija” minn bidwi li jinsab fit‑territorju tal‑istess Stat Membru. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-unitajiet ta’ produzzjoni mmexxija mill-bidwi inkwistjoni jinkludu l-annimali li jintużaw għar-ragħa, sa fejn dan tal-aħħar għandu fuq dawn l-annimali setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 6162, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer, C‑684/13, EU:C:2015:439, punt 58).

37

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 16 tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 li jistabbilixxi, essenzjalment, li d-drittijiet għall-pagament għandhom jingħataw lill-persuna li għandha s-setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet, tiġbor il-benefiċċji u tieħu r-riskji finanzjarji marbuta mal-attività agrikola fuq l-art li għaliha tintalab din l-allokazzjoni.

38

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju enfasizzat, essenzjalment, li l-“possessur ta’ annimali”, fis-sens tal-Artikolu 2(m) tad-Digriet Nru 619/2015, huwa jew il-persuna li għandha annimali b’mod permanenti, fil-kwalità ta’ proprjetarju ta’ annimali u/jew ta’ proprjetarju ta’ adjenza agrikola, jew dik li żżomm l-annimali b’mod temporanju, abbażi ta’ kuntratt konkluż fil-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, matul is-sena kollha tat-talba.

39

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-APIA ppreċiżat, fuq dan il-punt, minn naħa, li fir-Rumanija, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-annimali tal-ifrat hija żgurata mid-database informatika nazzjonali kif ukoll mis-sistema nazzjonali ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali u, min-naħa l-oħra, li l-kwalità ta’ proprjetarju ta’ annimali u/jew ta’ detentur temporanju ta’ annimali għandha tiġi pprovata permezz tal-“karta tal-azjenda”, jiġifieri d-dokument ta’ identifikazzjoni tal-operat ta’ azjenda agrikola tal-annimali, peress li kull operat agrikolu fir-Rumanija għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru nazzjonali tal-azjendi u għandu jirċievi kodiċi alfanumeriku uniku u permanenti. Madankollu, it-talba għall-ħlas uniku tas-superfiċji ta’ Avio Lucos ma stabbilixxietx, permezz ta’ dan, il-kwalità tagħha ta’ proprjetarju ta’ annimali jew ta’ detentur temporanju ta’ annimali.

40

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ skemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni (PAK), dawn tal-aħħar jistgħu jipprovdu preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ talba għal għajnuna billi jirreferu, b’mod partikolari, għall-prattiki abitwali fit-territorju tagħhom fil-qasam tal-agrikoltura relatati maż-żamma mill-bidwi tal-annimali użati għall-mergħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 82).

41

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-database ta’ sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali hija intiża li tiggarantixxi traċċabbiltà effiċjenti fiż-żmien reali tagħhom, li hija essenzjali għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, u li tali database hija ta’ natura li tikkonferma l-fatt li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ għajnuna, bħal dik dwar id-densità tal-bhejjem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Nagy, C‑21/10, EU:C:2011:505, punt 42).

42

Xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni diskrezzjonali tagħhom relatata mal-provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ talba għal għajnuna, għandu josserva l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-Unjoni u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni jkunu adatti għat-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punti 8687, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Land Berlin (Drittijiet għall-pagament marbuta mal-PAK), C‑216/19, EU:C:2020:1046, punt 35).

43

Hija qabelxejn il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-prinċipju ġiex osservat fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 89).

44

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Rumen indika li, b’mod partikolari, meta stabbilixxa l-attivitajiet minimi għas-superfiċji agrikoli miżmuma naturalment fi stat li jirrendihom adattati għall-mergħa, il-leġiżlatur Rumen ried jiffaċilita l-aċċess dirett għall-mergħat inkwistjoni għall-ikbar numru possibbli ta’ proprjetarji jew ta’ possessuri tal-annimali, u mhux għall-persuni li jeżerċitaw attivitajiet agrikoli fil-forma ta’ intermedjazzjoni.

45

F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali għan josserva dawk imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 39(1)(b) TFUE jipprovdi li l-iskemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-PAK jipprovdu għajnuna diretta għad-dħul, li għandha l-għan li tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-popolazzjoni agrikola, b’mod partikolari biż-żieda tad-dħul individwali ta’ dawk li jaħdmu fl-agrikoltura.

46

Fir-rigward tal-kapaċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tilħaq l-għan tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, li din tidher li hija xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, fl-iffaċilitar tal-aċċess dirett għall-mergħat inkwistjoni għall-ikbar numru possibbli ta’ proprjetarji jew ta’ possessuri tal-annimali.

47

Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni lanqas ma tidher li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir b’kunsiderazzjoni, partikolarment, għall-għanijiet tal-PAK, li jeżiġi bbilanċjar bejn dawn l-għanijiet u dak imfittex minn din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punti 2840).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(c)(iii) u (2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-attività minima fuq is-superfiċji agrikoli miżmuma normalement fi stat li jirrendihom adattati għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tiġi eżerċitata mill-bidwi permezz tal-annimali fl-pussess tiegħu stess.

Fuq it‑tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, magħmula fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a) u (c), kif ukoll l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, persuna ġuridika li kkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji ta’ ragħa, proprjetà ta’ muniċipalità u li jirgħa l-annimali li ġew mislufa lilu, mingħajr ħlas, minn persuni fiżiċi li huma l-proprjetarji tagħhom.

50

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħhom konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwa komuni, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Pontini et, C‑375/08, EU:C:2010:365, punt 58, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1307/2013, li jikkonċerna, skont it-titolu tiegħu, il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament, fil-paragrafu 1 tagħha, li ma għandu jingħata l-ebda pagament dirett lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li s-superfiċji agrikoli tagħhom huma fil-biċċa l-kbira żoni miżmuma normalment fi stat li jagħmilhom tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni u li ma jwettqux fuq dawn is-superfiċji l-attività minima ddefinita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament, fejn dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, kif jirriżulta mill-użu tal-konġunzjoni “u” f’dan l-Artikolu 9(1).

52

Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li s-superfiċji agrikoli inkwistjoni jikkonsistu prinċipalment f’superfiċji agrikoli miżmuma normalment fi stat adatt għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013.

53

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li bidwi li ma jwettaqx fuq dawn is-superfiċji l-attività minima ddefinita mill-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 4(1)(c)(iii) ta’ dan ir-regolament, ma jistax jitqies li huwa “bidwi attiv”, u għaldaqstant kull pagament dirett għandu jiġi rrifjutat lilu.

54

It-tieni, sabiex tkun tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidwi”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, persuna għandha, minn qabel, tissodisfa r-rekwiżiti msemmija f’dan l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-kunċett ta’ “bidwi” jirreferi għal persuna “li l-azjenda tagħha tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati […] u li teżerċita attività agrikola”.

55

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “azjenda”, iddefinit fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament jinkludi l-unitajiet kollha ta’ produzzjoni mmexxija minn bidwi.

56

Madankollu, minn naħa, fir-rigward tar-rekwiżit li unità ta’ produzzjoni għandha tiġi “mmexxija” minn bidwi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ ġestjoni ma jimplikax l-eżistenza, favur il-bidwi, ta’ setgħa ta’ dispożizzjoni illimitata fuq is-superfiċji kkonċernata fil-kuntest tal-użu tagħha għal finijiet agrikoli. Kuntrarjament, il-bidwi inkwistjoni għandu jkollu, fir-rigward ta’ din is-superfiċji, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-azjenda agrikola tiegħu, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża li tressqet għal eżami quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 61 u 62, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer, C‑684/13, EU:C:2015:439, punt 58).

57

Minn dan isegwi li l-fatt li s-superfiċji użati għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività agrikola kienu s-suġġett ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji ta’ ragħha li tappartjeni lil muniċipalità huwa irrilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk bidwi jaqax taħt il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, sa fejn il-bidwi inkwistjoni għandu fir-rigward ta’ din is-superfiċji awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu.

58

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-“unitajiet ta’ produzzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jinkludu l-annimali li jintużaw għall-mergħa, sakemm il-bidwi kkonċernat ikollu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq dawn l-annimali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha.

59

Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, il-fatt li Avio Lucos tirgħa annimali li ġew mislufa lilha, mingħajr ħlas, minn persuni fiżiċi li huma proprjetarji tagħha, huwa wkoll irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk din il-persuna ġuridika taqax taħt il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, sakemm, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, din ikollha setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju agrikolu tagħha fuq dawn l-annimali.

60

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) kif ukoll tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, kif jirriżulta mill-punti 50 sa 59 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-premessa 16 tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, tipprovdi, essenzjalment, li d-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu attribwiti lill-persuna li għandha s-setgħa li tieħu deċiżjoni, li tirċievi l-profitti u li tassumi r-riskji finanzjarji fir-rigward tal-attività agrikola fuq l-artijiet li għalihom hija mitluba din l-allokazzjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, sa fejn il-bidwi għandu setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq l-annimali tal-azjenda agrikola tiegħu għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, jirċievi l-benefiċċji u jassumi r-riskji finanzjarji fir-rigward tal-attività agrikola fuq l-artijiet li għalihom saret l-applikazzjoni għal għajnuna, il-fatt li bidwi jeżerċita attività agrikola ma’ annimali mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self għal użu ma jeskludix li dan il-bidwi jitqies li huwa “bidwi attiv” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013.

62

Tali interpretazzjoni hija, fit-tielet lok, konformi mal-għan imfittex minn dan ir-regolament. B’mod partikolari, l-iskemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-PAK jipprovdu għajnuna diretta għad-dħul, li għandha l-għan li tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, b’mod partikolari biż-żieda tad-dħul individwali ta’ dawk li jaħdmu fl-agrikoltura.

63

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn l-għajnuna diretta hija mogħtija lill-bdiewa li għandhom setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq l-annimali użati għall-mergħa fil-kuntest tal-użu tagħhom għal finijiet agrikoli, li huma jirċievu l-profitti u jassumu r-riskji finanzjarji fir-rigward tal-attività agrikola fuq l-artijiet li għalihom din l-allokazzjoni hija mitluba, il-fatt li dawn l-annimali jintużaw fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ma huwiex determinanti.

64

F’dan il-każ, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-attività minima fuq is-superfiċji agrikoli naturalment miżmuma fi stat li jirrendihom adattati għall-mergħa jew għall-kultivazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ)(iii) u (2)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandha tiġi eżerċitata mill-bidwi, permezz tal-annimali li huwa jżomm. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza preżenti, f’dan il-każ, “min iżomm l-annimali”, kif iddefinita fl-Artikolu 2(m) tad-Digriet Nru 619/2015, mhux biss hija l-persuna li għandha l-pussess tal-annimali b’mod permanenti, bħala proprjetarju tal-annimali u/jew proprjetarju tal-impriża tagħhom, iżda wkoll il-persuna li għandha pussess ta’ dawn l-annimali b’mod temporanju, bħala l-persuna responsabbli għalihom waqt is-sena li għaliha ssir l-applikazzjoni, fejn l-annimali huma miżmuma fuq il-bażi ta’ dokument stabbilit taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Tali definizzjoni ma tidhirx, bħala prinċipju, li teskludi mill-kunċett ta’ “min iżomm l-annimali” il-persuna li għandha annimali li huma fdati lilha, mingħajr ħlas, minn persuni fiżiċi li huma proprjetarji tagħhom, u li għandha setgħa ta’ dispożizzjoni suffiċjenti fuq dawn l-annimali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tagħha. Peress li tali konstatazzjoni timplika interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, twettaqha.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) kif ukoll l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, fis-sens ta’ din it-tieni dispożizzjoni, persuna ġuridika li kkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji tar-ragħa li tappartjeni lil muniċipalità u li tirgħa hemmhekk annimali li ġew mislufa, mingħajr ħlas, minn persuni fiżiċi li huma l-propretarji tagħhom, sa fejn din il-persuna teżerċita, fuq dan is-superfiċji tar-ragħha, “attività minima” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c)(iii) ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tielet domanda

66

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha l-applikant għal appoġġ finanzjarju taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji jipproduċi, insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji ta’ mergħa u kuntratti ta’ self għall-użu, mingħajr ħlas, li jikkonċerna l-annimali intiżi għar-ragħa fuq dawn is-superfiċji, tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

67

Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda wieħed mill-vantaġġi previsti fil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun ġie stabbilit li dawn ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet rikjesta għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn, li jmur kontra l-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.

68

Fid-dawl tal-kliem tiegħu, l-imsemmi Artikolu 60 li huwa, essenzjalment, repetizzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1782/2003, jinkludi l-kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti, li tipprevedi li l-partijiet fil-kawża ma jistgħux b’mod qarrieqi jew abbużiv jinvokaw id-dritt tal-Unjoni.

69

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ operaturi ekonomiċi (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Slancheva sila, C‑434/12, EU:C:2013:546, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prova ta’ prattika abbużiva min-naħa tal-benefiċjarju potenzjali ta’ tali għajnuna teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ġiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Slancheva sila, C‑434/12, EU:C:2013:546, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi, li l-prova tagħhom għandha titressaq b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali, sakemm ma jkunx hemm preġudizzju fil-konfront tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, tat‑12 ta’ Settembru 2013, Slancheva sila, C‑434/12, EU:C:2013:546, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “ħolqien artifiċjali” tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-benefiċċju ta’ ħlas u ta’ “vantaġġ mhux konformi” fis-sens tal-Artikolu 4(60) tar-Regolament Nru 1307/2013.

73

Minn naħa, fir-rigward tal-element oġġettiv imsemmi fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 39(1)(b) TFUE jirriżulta li l-iskemi ta’ appoġġ li jaqgħu taħt il-PAK jipprovdu għajnuna diretta għad-dħul, li għandha l-għan li tiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, b’mod partikolari biż-żieda tad-dħul individwali ta’ dawk li jaħdmu fl-agrikoltura. Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ tali sostenn lil persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji ta’ mergħa u li, peress li ma jkollhiex in-numru ta’ annimali meħtieġa sabiex jiġu sfruttati dawn il-mergħat, tikkonkludi kuntratti ta’ self għal użu li jirrigwardaw l-annimali intiżi għar-ragħa fuq dawn is-superfiċji, jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ dan is-sostenn, għad-detriment ta’ parti mill-popolazzjoni agrikola, f’dan il-każ il-persuni li jirgħu l-annimali tagħhom stess fuq l-imsemmija superfiċji.

74

Min-naħa l-oħra, kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-element suġġettiv li hemm fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha ta’ dan il-każ sabiex jiġi ddeterminat jekk Avio Lucos kellhiex ir-rieda li tikseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi toħloq “artifiċjalment” il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu. Fost dawn il-fatti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni hemm il-konklużjoni, bi ksur tad-dritt nazzjonali applikabbli, tal-kuntratt ta’ konċessjoni jew anki il-kontenut tal-kuntratti ta’ self għal użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari jekk minn dan jirriżulta li l-mergħa tal-annimali mislufa titwettaq mhux minn Avio Lucos iżda mill-proprjetarji ta’ dawn l-annimali.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha l-applikant għal appoġġ finanzjarju taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji, insostenn tat-talba tiegħu, jipproduċi prova ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji ta’ mergħa u kuntratti ta’ self għall-użu, mingħajr ħlas, li jikkonċerna l-annimali intiżi li jirgħu dawn is-superfiċi, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, minn naħa, miċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq u, min-naħa l-oħra, li tiġi stabbilita r-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1)(c)(iii) u (2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-attività minima fuq is-superfiċji agrikoli miżmuma normalement fi stat li jirrendihom adattati għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tiġi eżerċitata mill-bidwi permezz tal-annimali fl-pussess tiegħu stess.

 

2)

L-Artikolu 4(1)(a) u (ċ) kif ukoll l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, fis-sens ta’ din it-tieni dispożizzjoni, persuna ġuridika li kkonkludiet kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji tar-ragħa li tappartjeni lil muniċipalità u li tirgħa hemmhekk annimali li ġew mislufa, mingħajr ħlas, minn persuni fiżiċi li huma l-propretarji tagħhom, sa fejn din il-persuna teżerċita, fuq dan is-superfiċji tar-ragħha, “attività minima” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c)(iii) ta’ dan ir-regolament.

 

3)

L-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha l-applikant għal appoġġ finanzjarju taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji, insostenn tat-talba tiegħu, jipproduċi prova ta’ kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda superfiċji ta’ mergħa u kuntratti ta’ self għall-użu, mingħajr ħlas, li jikkonċerna l-annimali intiżi li jirgħu dawn is-superfiċi, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet maħluqa artifiċjalment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, minn naħa, miċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq u, min-naħa l-oħra, li tiġi stabbilita r-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top