Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0175

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2022.
    "SS" SIA vs Valsts ieņēmumu dienests.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘ipproċessar’ – Artikolu 5 – Prinċipji dwar l-ipproċessar – Limitazzjoni tal-għanijiet – Minimizzazzjoni tad-data – Artikolu 6 – Legalità tal-ipproċessar – Ipproċessar meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku mogħti lill-kontrollur; – Ipproċessar meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur – Artikolu 23 – Limitazzjonijiet – Ipproċessar tad-data għal finijiet fiskali – Talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar reklami ta’ bejgħ ta’ vetturi online – Proporzjonalità.
    Kawża C-175/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:124

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    24 ta’ Frar 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘ipproċessar’ – Artikolu 5 – Prinċipji dwar l-ipproċessar – Limitazzjoni tal-għanijiet – Minimizzazzjoni tad-data – Artikolu 6 – Legalità tal-ipproċessar – Ipproċessar meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku mogħti lill-kontrollur; – Ipproċessar meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur – Artikolu 23 – Limitazzjonijiet – Ipproċessar tad-data għal finijiet fiskali – Talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar reklami ta’ bejgħ ta’ vetturi online – Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑175/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ April 2020, fil-proċedura

    “SS” SIA

    vs

    Valsts ieņēmumu dienests,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal “SS” SIA, minn M. Ruķers,

    għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere, V. Soņeca u L. Juškeviča, sussegwentement minn K. Pommere, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn C. Molitor, avocat,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u S. Jiménez García, sussegwentement minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn H. Kranenborg u D. Nardi kif ukoll I. Rubene, sussegwentement minn H. Kranenborg u I. Rubene, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 2), b’mod partikolari tal-Artikolu 5(1) tiegħu.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “SS” SIA u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali, il-Latvja), (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali Latvjana”) dwar talba għal informazzjoni dwar avviżi ta’ bejgħ ta’ vetturi ppubblikati fuq is-sit internet ta’ SS.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament 2016/679

    3

    Ir-Regolament 2016/679, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE, huwa applikabbli, bis-saħħa tal-Artikolu 99(2) tiegħu, mill‑25 ta’ Mejju 2018.

    4

    Il-premessi 1, 4, 10, 19, 26, 31, 39, 41 u 50 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

    “(1)

    Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

    […]

    (4)

    L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

    […]

    (10)

    Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. […]

    […]

    (19)

    Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika u l-moviment liberu ta’ tali data, hija s-suġġett ta’ att legali speċifiku tal-Unjoni. Dan ir-Regolament m’għandux, għalhekk, japplika għall-attivitajiet ta’ pproċessar għal dawk l-għanijiet. Madanakollu, id-data personali pproċessata mill-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament meta tintuża għal dawk l-għanijiet għandha tkun regolata minn att legali aktar speċifiku tal-Unjoni jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 6)] […]

    […]

    (26)

    Il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. […] Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament. […]

    […]

    (31)

    L-awtoritajiet pubbliċi li lilhom tiġi żvelata data personali f’konformità ma’ obbligu legali għall-eżerċizzju tal-missjoni uffiċjali tagħhom, bħall-awtoritajiet tat-taxxa u doganali, l-unitajiet ta’ investigazzjoni finanzjarja, l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti, jew l-awtoritajiet tas-swieq finanzjarji, responsabbli mir-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq tat-titoli ma għandhomx jitqiesu bħala destinatarji jekk jirċievu data personali li tkun meħtieġa biex issir inkjesta partikolari fl-interess ġenerali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. It-talbiet għal żvelar li jintbagħtu mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom dejjem ikunu bil-miktub, motivati u okkażjonali u m’għandhomx jikkonċernaw sistema sħiħa ta’ arkivjar jew iwasslu għall-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ arkivjar. L-ipproċessar ta’ data personali minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data skont l-għanijiet tal-ipproċessar.

    […]

    (39)

    […] Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni u komunikazzjoni marbuta mal-ipproċessar ta’ dik id-data personali tkun aċċessibbli faċilment u li tinftiehem faċilment, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi. Dak il-prinċipju jikkonċerna, b’mod partikolari, l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data dwar l-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar u informazzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tal-persuni fiżiċi kkonċernati u d-dritt tagħhom li jiksbu konferma u komunikazzjoni tad-data personali li tikkonċernahom u li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tar-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali u kif għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’rabta ma’ tali pproċessar. B’mod partikolari, il-finijiet speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata data personali għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti fil-mument meta tinġabar id-data personali. Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom hija tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-perijodu li matulu tinħażen id-data personali jkun limitat strettament għall-inqas possibbli. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. […]

    […]

    (41)

    Fejn dan ir-Regolament jagħmel referenza għal bażi legali jew miżura leġiżlattiva, din mhux neċessarjament tkun tirrikjedi att leġiżlattiv adottat minn parlament, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont l-ordni kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali bażi legali jew miżura leġiżlattiva għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal persuni soġġetti għaliha, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    […]

    (50)

    L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F’tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. Jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru tista’ tiddetermina u tispeċifika l-kompiti u l-finijiet li għalihom l-ipproċessar ulterjuri għandu jitqies bħala kompatibbli u legali. L-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika għandu jitqies bħala operazzjoni ta’ pproċessar legali kompatibbli. Il-bażi legali pprovduta mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru għall-ipproċessar ta’ data personali tista’ tipprovdi wkoll bażi legali għall-ipproċessar ulterjuri. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fini tal-ipproċessar ulterjuri jkunx kompatibbli mal-fini li għalih id-data personali tkun inġabret inizjalment, il-kontrollur, wara li jkun issodisfa r-rekwiżiti kollha għal-legalità tal-ipproċessar oriġinali, għandu jieħu kont fost oħrajn ta’ kwalunkwe rabta bejn dawk il-finijiet u l-finijiet tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat, il-kuntest li fih id-data personali tkun inġabret, b’mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur rigward l-użu ulterjuri tagħha, in-natura tad-data personali, il-konsegwenzi tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat għas-suġġetti tad-data, u l-eżistenza ta’ salvagwardji adatti kemm fl-operazzjoni tal-ipproċessar oriġinali kif ukoll f’dik tal-ipproċessar ulterjuri intenzjonat.”

    5

    L-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

    2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

    (a)

    matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

    (b)

    mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

    (c)

    minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

    (d)

    mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

    […]”

    6

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (1)

    ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

    (2)

    ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

    […]

    (6)

    ‘sistema ta’ arkivjar’ tfisser kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

    (7)

    ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; […]

    […]

    (9)

    ‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta’ inkjesta partikolari f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

    […]”

    7

    Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”:

    “1.   Id-data personali għandha:

    (a)

    tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

    (b)

    tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […] (‘limitazzjoni tal-fini’);

    (c)

    tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

    (d)

    tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

    (e)

    tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; […] (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

    (f)

    tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

    2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

    8

    L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi:

    “1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

    (a)

    is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

    (b)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

    (c)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

    (d)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

    (e)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

    (f)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

    Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

    3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

    (a)

    il-liġi tal-Unjoni, jew

    (b)

    il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

    Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. […] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

    4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

    (a)

    kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

    (b)

    il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

    (c)

    in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

    (d)

    il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

    (e)

    l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

    9

    Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament 2016/679:

    “Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.”

    10

    L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jistipula:

    “1.   Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:

    […]

    (c)

    l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

    […]

    5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:

    […]

    (c)

    il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; […]

    […]”

    11

    Skont l-Artikolu 23(1)(e) tal-imsemmi regolament:

    “Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

    […]

    (e)

    objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

    […]”

    12

    L-Artikolu 25(2) tar-Regolament 2016/679 jipprovdi:

    “Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta’ data personali miġbura, il-livell ta’ pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B’mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b’mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta’ persuni fiżiċi.”

    Id‑Direttiva 2016/680

    13

    Il-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2016/680 jipprovdu:

    “(10)

    Fid-Dikjarazzjoni Nru 21 dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, il-konferenza rrikonoxxiet li regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u dik tal-pulizija, ibbażati fuq l-Artikolu 16 TFUE, jistgħu jirriżultaw neċessarji minħabba n-natura speċifika ta’ dawk l-oqsma.

    (11)

    Għalhekk hu xieraq għal dawk l-oqsma li jiġu indirizzati minn direttiva li tistipula regoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura speċifika ta’ dawk l-attivitajiet. Tali awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkludu mhux biss awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi iżda wkoll kwalunkwe korp jew entità fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Fejn tali korp jew entità tipproċessa data personali għal finijiet oħra għajr għal finijiet ta’ din id-Direttiva, japplika r-Regolament [2016/679]. Ir-Regolament [2016/679] għalhekk japplika f’każijiet fejn korp jew entità jiġbru d-data personali għal finijiet oħra u jkomplu jipproċessaw dik id-data personali sabiex jikkonformaw ma’ obbligu legali li għalih ikunu soġġetti. […]”

    14

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    7. ‘awtorità kompetenti’ tfisser:

    (a)

    kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew

    (b)

    kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika;

    […]”

    Id‑dritt Latvjan

    15

    Skont l-Artikolu 15(6) tal-Likums “Par nodokļiem un nodevām” (il-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 26), fil-verżjoni fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji”), il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet għandhom obbligu li jipprovdu, meta mitluba jagħmlu dan mill-amministrazzjoni fiskali Latvjana, kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollhom dwar persuni taxxabbli li użaw dawn is-servizzi sabiex jippubblikaw reklami.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    16

    SS hija fornitur ta’ servizzi ta’ riklami ppubblikati fuq l-internet stabbilit fil-Latvja.

    17

    Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana bagħtet lil SS talba għal komunikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji li fiha stiednet lil din il-kumpannija tistabbilixxi mill-ġdid l-aċċess li kellha din l-amministrazzjoni fiskali għan-numri tax-xażi tal-vetturi li kienu s-suġġett ta’ avviż ippubblikat fuq il-portal tal-internet tal-imsemmija kumpannija kif ukoll għan-numri tat-telefon tal-bejjiegħa u sabiex tipprovdilha, mhux iktar tard mit‑3 ta’ Settembru 2018, informazzjoni dwar l-avviżi ppubblikati matul il-perijodu inkluż bejn l‑14 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Awwissu 2018 fit-taqsima intitolata “Karozza privata” ta’ dan il-portal.

    18

    Din it-talba kienet tippreċiża li din l-informazzjoni, li tinkludi l-link lejn ir-reklam, it-test tiegħu, id-ditta, il-mudell, in-numru tax-xażi u l-prezz tal-vettura, kif ukoll in-numru tat-telefon tal-bejjiegħ, kellhom jiġu ppreżentati b’mod elettroniku, f’format li jippermetti l-filtrazzjoni jew l-għażla tad-data.

    19

    Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-reklami ppubblikati fuq il-portal tal-internet inkwistjoni ma setax jiġi stabbilit mill-ġdid, SS kienet mistiedna tindika l-motiv kif ukoll tipprovdi, mhux iktar tard mit-tielet jum ta’ kull xahar, l-informazzjoni rilevanti dwar l-avviżi ppubblikati matul ix-xahar preċedenti.

    20

    Peress li qieset li t-talba għal komunikazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana ma kinitx konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ minimizzazzjoni tad-data ta’ natura personali, stabbilita bir-Regolament 2016/679, SS ressqet ilment kontra din it-talba quddiem id-Direttur Ġenerali tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana.

    21

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2018, dan tal-aħħar ċaħad dan l-ilment billi espona b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana kienet teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mil-liġi.

    22

    SS ippreżentat rikors quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Minbarra l-argumenti li hija kienet esponiet fl-ilment tagħha, hija sostniet li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tindika l-għan speċifiku tal-ipproċessar tad-data personali previst mill-amministrazzjoni fiskali Latvjana, u lanqas il-kwantità tad-data neċessarja għal dan il-għan, bi ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2016/679.

    23

    Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) ċaħdet dan ir-rikors billi indikat, essenzjalment, li l-amministrazzjoni fiskali Latvjana kienet intitolata titlob l-aċċess għal informazzjoni dwar kull persuna u fi kwantità illimitata, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx ikkunsidrata bħala inkompatibbli mal-għanijiet relatati mal-ġbir tat-taxxa. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ din l-amministrazzjoni.

    24

    SS appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostniet, minn naħa, li l-amministrazzjoni fiskali Latvjana kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679, u, min-naħa l-oħra, li, billi eżiġiet kull xahar u mingħajr limitazzjoni ratione temporis kwantità kbira ta’ data personali relatata ma’ numru illimitat ta’ avviżi, mingħajr ma identifikat il-persuni taxxabbli li fir-rigward tagħhom kienet ser tinbeda verifika fiskali, din l-awtorità kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li l-eżekuzzjoni tat-talba għal komunikazzjoni inkwistjoni hija intrinsikament marbuta ma’ pproċessar ta’ data personali, u lanqas li l-amministrazzjoni fiskali Latvjana għandha d-dritt li tikseb informazzjoni li tinsab għad-dispożizzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ tqegħid ta’ reklamar fuq l-internet u li hija neċessarja għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa.

    26

    Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwantità u t-tip ta’ informazzjoni li tista’ tintalab mill-amministrazzjoni fiskali Latvjana, fuq in-natura limitata jew illimitata tagħha, kif ukoll fuq il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ komunikazzjoni li hija suġġetta għalih SS għandux ikun limitat ratione temporis.

    27

    B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-ipproċessar tad-data personali sarx b’mod trasparenti fir-rigward tal-persuni kkonċernati, jekk l-informazzjoni speċifikata fit-talba għal komunikazzjoni inkwistjoni hijiex mitluba għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u jekk l-ipproċessar tad-data personali jsirx biss sa fejn huwa realment neċessarju għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2016/679.

    28

    Għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġu ddefiniti l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk talba għal komunikazzjoni maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali Latvjana tosservax l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u jekk it-talba għal komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li hija neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jiġu ggarantiti għanijiet importanti tal-Unjoni u interessi pubbliċi Latvjani fil-qasam baġitarju u fiskali.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ir-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679] għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal komunikazzjoni li toriġina mill-amministrazzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinvolvi kwantità sinjifikattiva ta’ data personali, għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (b’mod partikolari, mal-Artikolu 5(1))?

    2)

    Ir-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministrazzjoni fiskali tista’ tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament [2016/679], minkejja li hija ma tingħatax dan id-dritt mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-Repubblika tal-Latvja?

    3)

    Fid-dawl tar-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679], jeżisti għan leġittimu li jiġġustifika l-obbligu impost minn talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha mitluba fi kwantità illimitata u matul perijodu indeterminat, mingħajr ma tkun iffissata data ta’ tmiem għall-eżekuzzjoni tat-talba għal komunikazzjoni?

    4)

    Fid-dawl tar-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679], jeżisti għan leġittimu li jiġġustifika l-obbligu impost minn talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta d-data kollha mitluba, minkejja li t-talba għal komunikazzjoni ma tispeċifikax l-għan tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni (jew tagħmel dan b’mod inkomplet)?

    5)

    Fid-dawl tar-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679], jeżisti għan leġittimu li jiġġustifika l-obbligu impost minn talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta d-data kollha mitluba, minkejja li, fil-prattika, din it-talba tirrigwarda assolutament il-persuni kollha kkonċernati li ppubblikaw avviżi fir-rubrika intitolata ‘karozzi privati’ ta’ portal?

    6)

    Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi vverifikat li l-amministrazzjoni fiskali, inkwantu kontrollur, tiżgura b’mod xieraq li l-ipproċessar (inkluż il-ġbir ta’ informazzjoni) huwa konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679]?

    7)

    Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk talba għal komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex debitament immotivata u ta’ natura okkażjonali?

    8)

    Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi vverifikat li pproċessar ta’ data personali jitwettaq sa fejn ikun neċessarju u b’mod kompatibbli mar-rekwiżiti tar-Regolament [2016/679]?

    9)

    Liema kriterji għandhom jintużaw biex jiġi vverifikat li l-amministrazzjoni fiskali, inkwantu kontrollur, tiżgura li pproċessar ta’ data huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament [2016/679] (Responsabbiltà)?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel domanda

    30

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huwa suġġett għar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tiegħu, il-ġbir, mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru mingħand operatur ekonomiku, ta’ informazzjoni li timplika kwantità sinjifikattiva ta’ data personali.

    31

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk tali talba taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament 2016/679, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, u, fit-tieni lok, jekk din tinsabx fost l-ipproċessar ta’ data personali li l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jeskludi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

    32

    Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment awtomatizzat, kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ data personali li tifforma parti jew li tkun maħsuba biex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

    33

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679 jippreċiża li “data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”), jiġifieri persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’riferiment għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew iktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha. F’dan ir-rigward, il-premessa 26 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi kollha li raġonevolment jistgħu jintużaw mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament.

    34

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-informazzjoni li l-amministrazzjoni tat-taxxa Latvjana titlob li tiġi kkomunikata lilha tikkostitwixxi data personali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679.

    35

    Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, il-ġbir, il-konsultazzjoni, il-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni kif ukoll kull forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali jikkostitwixxu “ipproċessar”, fis-sens tal-imsemmi regolament. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-espressjoni “kull operazzjoni”, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċett ta’ “trattament” portata wiesgħa. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata min-natura mhux eżawrjenti, espressa mill-espressjoni “bħalma huma”, tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni.

    36

    F’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana teħtieġ lill-operatur ekonomiku kkonċernat jistabbilixxi mill-ġdid l-aċċess mid-dipartimenti ta’ din l-amministrazzjoni fiskali għan-numri tax-xażi tal-vetturi li huma s-suġġett ta’ reklam ippubblikat fuq il-portal tal-internet tiegħu u li jipprovdilha informazzjoni dwar ir-reklami ppubblikati fuq dan il-portal.

    37

    Tali talba, li permezz tagħha l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru titlob min-naħa ta’ operatur ekonomiku l-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali li dan tal-aħħar għandu jipprovdi u jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, tibda proċess ta’ “ġbir” ta’ din id-data, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2016/679.

    38

    Barra minn hekk, il-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija data lill-operatur ekonomiku inkwistjoni jimplikaw “ipproċessar” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(2).

    39

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tfittex li tiġbor mingħand operatur ekonomiku d-data personali li tikkonċerna lil ċerti persuni taxxabbli tistax titqies li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 skont l-Artikolu 2(2) tiegħu.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li din id-dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, u li dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 84).

    41

    B’mod partikolari, l-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament 2016/679 jistabbilixxi li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali.

    42

    Kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament, din l-eċċezzjoni hija mmotivata mill-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali, għal tali finijiet u mill-awtoritajiet kompetenti, huwa rregolat minn att speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2016/680, li ġiet adottata fl-istess jum bħar-Regolament 2016/679, u li tiddefinixxi, fl-Artikolu 3(7) tagħha, dak li għandu jinftiehem b’“awtorità kompetenti”, peress li tali definizzjoni għandha tiġi applikata, b’analoġija, għall-Artikolu 2(2)(d) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 69).

    43

    Mill-premessa 10 tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” għandu jinftiehem b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija, fid-dawl tal-aġġustamenti li jistgħu jirriżultaw neċessarji, f’dan ir-rigward, minħabba n-natura speċifika ta’ dawn l-oqsma. Barra minn hekk, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tispeċifika li r-Regolament 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali li jsir minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tad-direttiva msemmija, iżda għal finijiet differenti minn dawk previsti fiha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 70).

    44

    Għalhekk, meta titlob lil operatur ekonomiku jikkomunikalha data personali dwar ċerti persuni taxxabbli għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, ma jidhirx li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tista’ titqies bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2016/680, u lanqas, għaldaqstant, li tali talbiet għal informazzjoni jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament 2016/679.

    45

    Barra minn hekk, anki jekk ma huwiex eskluż li d-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tintuża fil-kuntest ta’ prosekuzzjonijiet kriminali li jistgħu jiġu eżerċitati, fil-każ ta’ ksur fil-qasam fiskali, kontra wħud mill-persuni kkonċernati, ma jidhirx li din id-data tinġabar bil-għan speċifiku tal-eżerċizzju ta’ tali prosekuzzjonijiet kriminali jew fil-kuntest ta’ attivitajiet tal-Istat relatati ma’ oqsma ta’ dritt kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 40).

    46

    Għaldaqstant, il-ġbir, mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, ta’ data personali dwar ir-reklami għall-bejgħ ta’ vetturi ppubblikati fuq is-sit internet ta’ operatur ekonomiku jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament 2016/679 u, konsegwentement, dan għandu josserva, b’mod partikolari, il-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa suġġett għar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tiegħu, il-ġbir, mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru mingħand operatur ekonomiku, ta’ informazzjoni li tinvolvi kwantità kbira ta’ data personali.

    Fuq it‑tieni domanda

    48

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tista’ tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament minkejja li tali dritt ma ngħatax lilha mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

    49

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 10 tiegħu, ir-Regolament 2016/679 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni.

    50

    Għal dan il-għan, il-Kapitoli II u III tar-Regolament 2016/679 jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kif ukoll id-drittijiet tal-persuna kkonċernata li għandha tosserva kull ipproċessar ta’ data personali. B’mod partikolari, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, b’mod partikolari, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ tali data stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208).

    51

    Madankollu, l-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679 jawtorizza lill-Unjoni u lill-Istati Membri jadottaw “miżur[i] leġiżlattiv[i]” li jillimitaw il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament sa fejn jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22 tal-imsemmi regolament, meta tali limitazzjoni tirrispetta l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex tiggarantixxi għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat, bħal, b’mod partikolari, interess ekonomiku jew finanzjarju importanti, inkluż fil-qasam baġitarju u fiskali.

    52

    F’dan ir-rigward, mill-premessa 41 tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li r-riferiment, f’dan ir-regolament, għal “miżura leġiżlattiva” ma jimplikax neċessarjament li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv minn parlament hija meħtieġa.

    53

    Madankollu, għandu jitfakkar li, kif tiddikjara l-premessa 4 tiegħu, ir-Regolament 2016/679 jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta, stabbiliti mit-Trattati, fosthom, b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-data personali.

    54

    Issa, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha, li fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tagħha, għandha tkun prevista mil-liġi, li jimplika, b’mod partikolari, li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tinkludi fiha miżura li tippermetti tali ndħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun ġiet ittrasferita d-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Konsegwentement, kull miżura adottata skont l-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679 għandha, kif barra minn hekk enfasizza l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, tkun ċara u preċiża, u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-persuni individwi. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar għandhom ikunu f’pożizzjoni li jidentifikaw iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom il-portata tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-imsemmi regolament tista’ tkun is-suġġett ta’ limitazzjoni.

    57

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ma tistax tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/679 fl-assenza ta’ bażi legali ċara u preċiża tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, li l-applikazzjoni tiegħu tkun prevedibbli għall-individwi, li jipprevedu ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti f’dan l-Artikolu 5 tista’ tiġi limitata.

    58

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ma tistax tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament meta tali dritt ma jkunx ingħatalha permezz ta’ miżura leġiżlattiva, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tiegħu.

    Fuq it‑tielet sad‑disa’ domanda

    59

    Permezz tat-tielet sad-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru timponi fuq fornitur ta’ servizzi ta’ reklami ppubblikati fuq l-internet l-obbligu li jikkomunikalha, matul perijodu indeterminat u mingħajr ma jiġi speċifikat l-għan ta’ din it-talba għal komunikazzjoni, informazzjoni dwar il-persuni taxxabbli kollha li ppubblikaw avviżi f’waħda mit-taqsimiet tal-portal tal-internet tiegħu.

    60

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li żewġ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali jistgħu jseħħu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Kif jirriżulta mill-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, dan jirrigwarda l-ġbir ta’ data personali imwettaq mill-amministrazzjoni fiskali mingħand il-fornitur ta’ servizzi kkonċernat u, f’dan il-kuntest, il-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni ta’ din id-data minn dan il-fornitur lil din l-amministrazzjoni.

    61

    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar għandha, mingħajr preġudizzju għad-derogi ammessi fl-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679, tosserva l-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament kif ukoll id-drittijiet tal-persuna kkonċernata li jinsabu fl-Artikoli 12 sa 22 tiegħu.

    62

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-fatt li, minn naħa, l-ipproċessar imsemmi fil-punt 60 ta’ din is-sentenza jikkonċerna informazzjoni fi kwantità illimitata relatata ma’ perijodu indeterminat u, min-naħa l-oħra, li l-għan ta’ dan l-ipproċessar ma huwiex speċifikat fit-talba għal komunikazzjoni.

    63

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament 2016/679 jipprovdi li d-data personali għandha tinġabar, b’mod partikolari, għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi.

    64

    Qabel kollox, ir-rekwiżit li jgħid li l-finijiet tal-ipproċessar għandhom jiġu ddeterminati jimplika, kif jirriżulta mill-premessa 39 ta’ dan ir-regolament, li din għandha tiġi identifikata, l-iktar tard, waqt il-ġbir tad-data ta’ natura personali.

    65

    Sussegwentement, l-għanijiet tal-ipproċessar għandhom ikunu espliċiti, li jfisser li dawn għandhom ikunu mħabbra b’mod ċar.

    66

    Finalment, dawn l-għanijiet għandhom ikunu leġittimi. Għaldaqstant, huwa importanti li dawn jiżguraw ipproċessar legali, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

    67

    L-ipproċessar imsemmi fil-punt 60 ta’ din is-sentenza jibda bit-talba għall-komunikazzjoni ta’ data personali li l-amministrazzjoni fiskali Latvjana tibgħat lill-fornitur ta’ servizzi ta’ reklami ppubblikati fuq l-internet. F’dan ir-rigward, jidher li, skont l-Artikolu 15(6) tal-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji, dan il-fornitur huwa obbligat li jissodisfa tali talba.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju li l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar ikunu mħabbra b’mod ċar f’din it-talba.

    69

    Sakemm l-għanijiet hekk stabbiliti fl-imsemmija talba jkunu neċessarji għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew ikunu jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li jkollha taqdi l-amministrazzjoni fiskali, dan il-fatt huwa biżżejjed, kif jirriżulta mill-parti inizjali u mill-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, sabiex l-imsemmija trattamenti jissodisfaw ukoll ir-rekwiżit ta’ legalità mfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

    70

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali għandhom jitqiesu bħala kompiti ta’ interess pubbliku, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 108).

    71

    Minn dan isegwi li, f’każ fejn il-komunikazzjoni tad-data personali inkwistjoni ma tkunx direttament ibbażata fuq id-dispożizzjoni legali li tikkostitwixxi l-bażi tagħha, iżda tirriżulta minn talba tal-awtorità pubblika kompetenti, huwa neċessarju li din it-talba tispeċifika liema huma l-għanijiet speċifiċi ta’ dan il-ġbir ta’ data fid-dawl tal-missjoni ta’ interess pubbliku jew tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, sabiex id-destinatarju tal-imsemmija talba jkun jista’ jiżgura li t-trażmissjoni tad-data ta’ natura personali inkwistjoni tkun legali u l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jwettqu stħarriġ tal-legalità tal-ipproċessar ikkonċernat.

    72

    Fit-tieni lok, konformement mal-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament 2016/679, id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata.

    73

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Minn dan isegwi li l-kontrollur, inkluż meta jaġixxi fil-kuntest tal-missjoni ta’ interess pubbliku li huwa ġie fdat biha, ma jistax jipproċedi, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, għall-ġbir ta’ data ta’ natura personali, u li huwa għandu jastjeni milli jiġbor data li ma hijiex strettament neċessarja fir-rigward tal-għanijiet tal-ipproċessar.

    75

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza, l-amministrazzjoni fiskali Latvjana talbet lill-operatur ekonomiku kkonċernat jipprovdilha informazzjoni dwar ir-reklami għall-bejgħ ta’ vetturi privati ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu bejn l‑14 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Awwissu 2018 u, fl-ipoteżi fejn l-aċċess għal din l-informazzjoni ma setax jiġi stabbilit mill-ġdid, li jipprovdilha, mhux iktar tard mit-tielet jum ta’ kull xahar, l-informazzjoni dwar l-avviżi ta’ bejgħ ta’ vetturi privati ppubblikati fuq is-sit tal-internet tiegħu matul ix-xahar preċedenti, mingħajr ma żiedet kwalunkwe limitu ratione temporis għal din it-talba.

    76

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-għan tal-ġbir ta’ din id-data jistax jintlaħaq mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali Latvjana jkollha potenzjalment data dwar ir-reklami kollha ta’ bejgħ ta’ vetturi privati ppubblikati fuq is-sit internet tal-imsemmi operatur u, b’mod partikolari, jekk huwiex possibbli li din l-amministrazzjoni tiffoka fuq ċerti reklami permezz ta’ kriterji speċifiċi.

    77

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-prinċipju ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament 2016/679, il-kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri li huwa josserva l-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

    78

    Għaldaqstant, hija l-amministrazzjoni fiskali Latvjana li għandha tistabbilixxi li, konformement mal-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament, hija fittxet li timminimizza kemm jista’ jkun il-kwantità ta’ data personali li għandha tinġabar.

    79

    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li t-talba għal komunikazzjoni indirizzata mill-amministrazzjoni fiskali Latvjana ma tipprevedi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ stabbiliment mill-ġdid, mill-fornitur ta’ servizzi ta’ reklami kkonċernat, tal-aċċess għar-reklami ppubblikati għall-perijodu stabbilit fl-applikazzjoni, ebda limitu ratione temporis, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, il-kontrollur huwa wkoll obbligat li jillimita għal dak li huwa strettament neċessarju, fid-dawl tal-għan tal-ipproċessar previst, il-perijodu ta’ ġbir tad-data personali inkwistjoni.

    80

    Għaldaqstant, il-perijodu kopert mill-ġbir ma jistax jeċċedi t-tul strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali msemmi.

    81

    Kif jirriżulta mill-punt 77 ta’ din is-sentenza, l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq l-amministrazzjoni fiskali Latvjana.

    82

    Madankollu, il-fatt li l-imsemmija data tinġabar mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali Latvjana tkun iddefinixxiet, fit-talba għal komunikazzjoni stess, limitu temporali għal tali pproċessar ma jippermettix, bħala tali, li jitqies li t-tul tal-ipproċessar jeċċedi t-tul strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

    83

    F’dan il-kuntest, għandu madankollu jitfakkar li, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità li jistabbilixxi l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament 2016/679 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-ipproċessar għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li tagħhom tkun inżammet id-data personali jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola talba għal komunikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom fornitur ta’ servizzi online huwa obbligat li jittrażmetti data ta’ natura personali dwar l-utenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet sad-disa’ domandi għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru timponi fuq fornitur ta’ servizzi ta’ avviżi ppubblikati fuq l-internet l-obbligu li jikkomunikalha informazzjoni dwar il-persuni taxxabbli li ppubblikaw reklami f’waħda mit-taqsimiet tal-portal tal-internet tiegħu sakemm, b’mod partikolari, din id-data tkun neċessarja fir-rigward tal-għanijiet speċifiċi li għalihom tinġabar id-data u li l-perijodu kopert mill-ġbir tad-data msemmija ma jaqbiżx it-tul ta’ żmien li huwa strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali inkwistjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    86

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandhom jiġu interpretati fis-sens huwa suġġett għar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tiegħu, il-ġbir, mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru mingħand operatur ekonomiku, ta’ informazzjoni li tinvolvi kwantità kbira ta’ data personali.

     

    2)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ma tistax tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament meta tali dritt ma ngħatax lilha permezz ta’ miżura leġiżlattiva, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tiegħu.

     

    3)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru timponi fuq fornitur ta’ servizzi ta’ reklami ppubblikati fuq l-internet l-obbligu li jikkomunikalha informazzjoni dwar il-persuni taxxabbli li ppubblikaw reklami f’waħda mit-taqsimiet tal-portal tal-internet tiegħu sakemm, b’mod partikolari, din id-data tkun neċessarja fir-rigward tal-għanijiet speċifiċi li għalihom tinġabar id-data u li l-perijodu kopert mill-ġbir tad-data msemmija ma jaqbiżx it-tul ta’ żmien li huwa strettament neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali inkwistjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Top