EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0151

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Marzu 2022.
Bundeswettbewerbsbehörde vs Nordzucker AG et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Tressiq ta’ proċeduri kontra akkordju minn żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Eżistenza tal-istess reat – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità.
Kawża C-151/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:203

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Tressiq ta’ proċeduri kontra akkordju minn żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Eżistenza tal-istess reat – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet – Tfittxija ta’ għan ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑151/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

Bundeswettbewerbsbehörde

vs

Nordzucker AG,

Südzucker AG,

Agrana Zucker GmbH,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe (Relatriċi), C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, T. von Danwitz, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundeswettbewerbsbehörde, minn N. Harsdorf Enderndorf, B. Krauskopf u A. Xeniadis, bħala aġenti,

għal Südzucker AG, minn C. von Köckritz, W. Bosch u A. Fritzsche, Rechtsanwälte,

għal Agrana Zucker GmbH, minn H. Wollmann, C. von Köckritz, W. Bosch u A. Fritzsche, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vernet u E. de Lophem, avocats,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller u S. Heimerl, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn L. Kotroni, bħala aġenta,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġenta, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere, bħala aġenta,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Wiącek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Keidel, G. Meessen, P. Rossi, H. van Vliet, A. Cleenewerck de Crayencour u F. Van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Bundeswettbewerbsbehörde (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Awstrijaka”) u, min-naħa l-oħra, Nordzucker AG, Südzucker AG u Agrana Zucker GmbH (iktar ’il quddiem “Agrana”) dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fi prattika li tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Awstrijak tal-kompetizzjoni.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 6 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) huma fformulati kif ġej:

“(6)

Sabiex jiżgura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] huma applikati b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun assoċjati aktar mil-qrib ma l-applikazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom is-saħħa li japplikaw il-liġijiet [tal-Unjoni].

[…]

(8)

Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni] u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli [101] u [102 TFUE] billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex jiġu kreati kondizzjonijet ugwali għal ftehim, deċiżjonijiet permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ impriża u prattiċi miftiehma fi ħdan is-suq intern, huwa ukoll neċċessarju li jistabilixxi skond l-Artikolu [103(2)(e) TFUE] ir-relazzjoni bejn il-liġijiet nazzjonali u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni]. Sabiex dan iseħħ huwa neċessarju li l-ligijiet nazzjonali tal-kompettività provduti jiġu applikati għal ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma fi ħdan s-sens ta’ l-Artikolu [101](1) [TFUE] ma għandhomx iwasslu għall-projbizzjoni ta’ dan il-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma sa kemm mhux projbiti taħt il-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni]. Dawn in-nozzjonijiet ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma huma kunċetti awtonomi għall-liġi tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni] li jkopru l-koordinazzjoni ta’ l-imġieba tal-impriża fis-suq bħalma huma nterpretati mil-Qrati tal-[Unjoni]. […]”

4

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu [101](1) [TFUE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101 TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].

2.   L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu [101](1) [TFUE], jew ma jilħaqx il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu [101](3) [TFUE] jew li huma kopruti min xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101](3) [TFUE]. Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali imqabdin biex jaħdmu min xi impriża.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu [101] u [102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

jordnaw miżuri ntermedjarji,

jaċċettaw rbit,

jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom.”

6

L-Artikolu 12(1) ta’ l-istess regolament jipprevedi:

“Bil-għan li jiġu applikati l-Artikoli [101] u [102 TFUE] il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa jkollhom s-setgħa li jipprovdu lil xulxin u jużaw bħala evidenza kwalunkwe fatt jew liġi, incluż informazzjoni konfidenzali.”

7

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi u fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, dawn iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Nordzucker, Südzucker u s-sussidjarja tagħha Agrana huma attivi fis-suq tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor intiż għall-industrija kif ukoll għall-konsum domestiku (iktar ’il quddiem is-“suq taz-zokkor”).

9

Nordzucker u Südzucker jiddominaw, flimkien ma’ tielet produttur kbir, is-suq taz-zokkor fil-Ġermanja. Il-fabbriki ta’ Nordzucker jinsabu fit-Tramuntana u dawk ta’ Südzucker fin-Nofsinhar ta’ dan l-Istat Membru. Minħabba l-pożizzjoni tal-fabbriki, il-karatteristiċi taz-zokkor u l-ispejjeż tat-trasport tiegħu, is-suq Ġermaniż taz-zokkor kien tradizzjonalment maqsum fi tliet żoni ġeografiċi prinċipali, kull waħda ddominata minn wieħed minn dawn it-tliet produtturi l-kbar. Din id-diviżjoni ġeografika tas-suq ma kinitx testendi għas-swieq barranin, inklużi dawk li fihom is-sussidjarji ta’ dawn it-tliet produtturi kienu joperaw, u ma kinitx tikkonċerna, b’mod partikolari, is-suq Awstrijak.

10

Agrana hija l-produttriċi prinċipali taz-zokkor fl-Awstrija. Hija topera fil-biċċa l-kbira b’mod awtonomu fis-swieq li hija sservi.

11

L-adeżjoni, fl‑2004, ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni qajmet it-tħassib tal-produtturi Ġermaniżi taz-zokkor minħabba l-pressjoni kompetittiva ġdida li tirriżulta mill-impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri. Huwa f’dan il-kuntest li, sa mhux iktar tard mis-sena 2004, inżammu diversi laqgħat bejn id-diretturi tal-bejgħ ta’ Nordzucker u ta’ Südzucker, li fi tmiemhom dawn tal-aħħar ftehmu li ma jikkompetux bejniethom permezz ta’ intrużjoni fiż-żoni ta’ bejgħ prinċipali tradizzjonali tagħhom sabiex jevitaw din il-pressjoni kompetittiva ġdida.

12

Lejn l-aħħar tas-sena 2005, Agrana nnotat kunsinni ta’ zokkor fis-suq Awstrijak, provenjenti, b’mod partikolari, minn sussidjarja Slovakka ta’ Nordzucker u intiżi għal klijenti industrijali Awstrijaċi li, sa dak iż-żmien, Agrana kienet il-fornitriċi esklużiva tagħhom.

13

Fit‑22 ta’ Frar 2006, waqt konverżazzjoni telefonika, id-direttur ta’ Agrana informa lid-direttur tal-bejgħ ta’ Südzucker bl-eżistenza ta’ dawn il-kunsinni u talbu l-isem ta’ persuna ta’ kuntatt fi ħdan Nordzucker.

14

Id-direttur tal-bejgħ ta’ Südzucker għalhekk kellem, fl-istess jum, lid-direttur tal-bejgħ ta’ Nordzucker sabiex jinformah bl-imsemmija kunsinni lejn l-Awstrija, filwaqt li alluda għal konsegwenzi possibbli għas-suq Ġermaniż taz-zokkor (iktar ’il quddiem il-“konverżazzjoni telefonika kontenzjuża”). Ma huwiex stabbilit li Agrana kienet ġiet informata b’din it-telefonata.

15

Wara t-tressiq, minn Nordzucker, ta’ talbiet għal klemenza, b’mod partikolari quddiem il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Ġermaniża”) u l-Awtorità Awstrijaka, dawn l-awtoritajiet, fl-istess ħin, fetħu proċeduri ta’ investigazzjoni.

16

Għalhekk, fix-xahar ta’ Settembru 2010, l-Awtorità Awstrijaka adixxiet lill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li hija l-qorti Awstrijaka li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ akkordji, b’rikors intiż li jiġi kkonstatat li Nordzucker kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Awstrijak u li jiġu imposti żewġ multi fuq Südzucker, fosthom waħda in solidum ma’ Agrana. Fost l-elementi materjali invokati mill-Awtorità Awstrijaka sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tliet impriżi f’akkordju fis-suq Awstrijak taz-zokkor kien hemm, b’mod partikolari, il-konverżazzjoni telefonika kontenzjuża.

17

Min-naħa tagħha, l-Awtorità Ġermaniża, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2014, li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, ikkonstatat li Nordzucker, Südzucker u t-tielet produttur Ġermaniż imsemmi fil-punt 9 ta’ din is-sentenza wettqu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Ġermaniż tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, imponiet fuq Südzucker multa ta’ EUR 195500000 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża”). Skont din id-deċiżjoni, dawn l-impriżi kienu jimplimentaw, fis-suq taz-zokkor, ftehim ta’ osservanza reċiproka taż-żoni ta’ bejgħ prinċipali, permezz ta’ laqgħat regolari bejn ir-rappreżentanti ta’ Nordzucker u ta’ Südzucker li nżammu matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 2004 u 2007, anki sas-sajf tal‑2008. Fl-imsemmija deċiżjoni, l-Awtorità Ġermaniża rriproduċiet il-kontenut tal-konverżazzjoni telefonika kontenzjuża, li matulha r-rappreżentanti ta’ Nordzucker u ta’ Südzucker kienu ddiskutew is-suq Awstrijak. Fost il-punti kollha ta’ fatt ikkonstatati minn din l-awtorità, din l-konverżazzjoni hija l-uniku punt relatat ma’ dan l-aħħar suq.

18

Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Mejju 2019, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-Awtorità Awstrijaka, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-ftehim konkluż waqt il-konverżazzjoni telefonika kontenzjuża kien diġà ġie suġġett għal sanzjoni imposta minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra, b’tali mod li sanzjoni ġdida tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

19

L-Awtorità Awstrijaka appellat minn dan id-digriet quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija talbet, minn naħa, li jiġi kkonstatat li, minħabba dan il-ftehim, Nordzucker kisret l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Awstrijak tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li multa ta’ ammont xieraq tiġi imposta fuq Südzucker għall-istess ksur.

20

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, dwar il-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni l-konverżazzjoni telefonika kontenzjuża, minkejja li din kienet espressament imsemmija fid-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża.

21

L-ewwel, din il-qorti tosserva li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, fil-komponent tiegħu “idem”, ta lok għal interpretazzjonijiet diverġenti. B’hekk, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 97), li dan il-prinċipju jista’ jiġi applikat biss jekk ikunu ssodisfatti tliet kriterji kumulattivi, jiġifieri l-identiċità tal-fatti, l-identiċità tal-persuni li jwettqu l-ksur u l-identiċità tal-interess ġuridiku protett. Għall-kuntrarju, f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 36), u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet il-kriterju relatat mal-identiċità tal-interess ġuridiku protett.

22

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-komponent “idem”, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi l-oħra, l-effetti territorjali tal-akkordji li seħħew fit-territorji ta’ Stati Membri differenti, b’analoġija mas-soluzzjoni adottata fis-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328), tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, EU:C:2006:431), kif ukoll tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 99 sa 103).

23

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Awtorità Awstrijaka, il-multa imposta mid-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti tal-akkordju fl-Awstrija. Bl-istess mod, skont opinjoni tal-Viċi President tal-Awtorità Ġermaniża, tat‑28 ta’ Ġunju 2019, id-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità jissanzjonaw biss, bħala prinċipju, l-effetti antikompetittivi fil-Ġermanja. L-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) madankollu qieset il-kuntrarju minħabba l-importanza partikolari mogħtija, fid-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża, lill-konverżazzjoni telefonika kontenzjuża.

24

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għall-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward ta’ Nordzucker, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Awtorità Awstrijaka ppermettiet lil din l-impriża tibbenefika minn miżuri ta’ klemenza skont id-dritt nazzjonali. Filwaqt li tirrileva li, skont is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et (C‑681/11, EU:C:2013:404), awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ eċċezzjonalment tillimita ruħha li tikkonstata ksur mingħajr ma timponi multa, hija tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandux jiġi applikat għal tali proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ ksur. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 94 tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72), li dan il-prinċipju għandu jiġi osservat biss fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tielet kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ‘ne bis in idem’, jiġifieri dak li jgħid li għandu jkun ikkonċernat l-istess interess ġuridiku protett, għandu jiġi applikat ukoll meta l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni ta’ żewġ Stati Membri jintalbu japplikaw, għall-istess fatti u fir-rigward tal-istess persuni, minbarra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-istess regoli tad-dritt Ewropew (f’dan il-każ, l-Artikolu 101 TFUE)?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

2)

F’każ bħal dan ta’ applikazzjoni parallela tad-dritt Ewropew dwar il-kompetizzjoni u ta’ dak nazzjonali, huwa protett l-istess interess ġuridiku?

3)

Minbarra dan, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ‘ne bis in idem’, huwa rilevanti jekk l-ewwel deċiżjoni – fuq il-livell kronoloġiku – tal-awtorità għall-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li timponi multa tkun effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni fl-Istat Membru l-ieħor li l-awtorità għall-kompetizzjoni tiegħu ddeċidiet biss sussegwentement fil-proċedura ta’ dritt dwar il-kompetizzjoni li hija mexxiet?

4)

Proċedura li fiha, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ parti kkonċernata fil-programm nazzjonali ta’ klemenza, jista’ jiġi kkonstatat biss ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, hija wkoll proċedura suġġetta għall-prinċipju ‘ne bis in idem’, jew tali sempliċi konstatazzjoni ta’ ksur tista’ ssir indipendentement mill-eżitu ta’ proċedura preċedenti rigward l-impożizzjoni ta’ multa (fi Stat Membru ieħor)?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda

26

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jitressqu proċeduri kontra impriża, mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, u, jekk ikun il-każ, tiġi imposta multa fuqha għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, minħabba aġir li kellu għan jew effett antikompetittiv fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dan l-aġir diġà ssemma, minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, f’deċiżjoni definittiva li din adottat, fir-rigward ta’ din l-impriża, fi tmiem proċedura ta’ ksur taħt l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

27

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq, b’mod partikolari, kjarifika dwar il-kriterji rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk iż-żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ddeċidewx fuq l-istess fatti.

Osservazzjonijiet preliminari

28

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59), li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

29

L-Artikolu 50 tal-Karta jiddisponi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet inkwistjoni, li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat fid-dritt intern, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tar-reat u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 2627).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 30).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata mill-ġdid jew jitressqu mill-ġdid proċeduri kontriha minħabba aġir antikompetittiv li għalih hija tkun ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija tkun ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata iktar (sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 28).

33

Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fil-kuntest tal-proċeduri li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess aġir ikun kopert mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”).

Fuq il‑kundizzjoni “bis”

34

Fir-rigward tal-kundizzjoni “bis”, għandu jitfakkar li, sabiex deċiżjoni tkun tista’ titqies bħala li tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għat-tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 2830).

35

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża tikkostitwixxi deċiżjoni preċedenti definittiva fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti.

Fuq il-kundizzjoni “idem”

36

Fir-rigward tal-kundizzjoni “idem”, mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi li jitressqu proċeduri kriminali kontra jew li tiġi ssanzjonata kriminalment l-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat.

37

Hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, id-diversi proċeduri u sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-istess persuni ġuridiċi, jiġifieri Nordzucker u Südzucker.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv. Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali fi tmiem proċeduri differenti mmexxija għal dan l-għan (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 35, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 36, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 38).

40

L-istess japplika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni ma tistax, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt tal-Unjoni, tvarja minn qasam tiegħu għal ieħor (sentenza bid-data tal-lum, bpost, C‑117/20, punt 35).

41

Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-identiċità tal-fatti, il-kwistjoni dwar jekk impriżi adottawx aġir li għandu bħala għan jew effett li jipprekludi, li jillimita jew li jfixkel il-kompetizzjoni, ma tistax tiġi evalwata b’mod astratt, iżda għandha tiġi eżaminata b’riferiment għat-territorju u għas-suq tal-prodotti li fihom l-aġir inkwistjoni kellu tali għan jew tali effett u għall-perijodu li matulu l-aġir inkwistjoni kellu tali għan jew tali effett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 99, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom, C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 45).

42

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-fatti, li għandha tiddetermina jekk il-kawża li għandha quddiemha tirrigwardax l-istess fatti bħal dawk li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża, b’rigward għat-territorju, għas-suq tal-prodotti u għall-perijodu kkonċernati minn din id-deċiżjoni. Għalhekk, hija din il-qorti li għandha tiżgura ruħha mill-portata tal-imsemmija deċiżjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa possibbli għal qorti nazzjonali, bl-assistenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li titlob l-aċċess, mingħand awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, għal deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar kif ukoll għal informazzjoni dwar il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-imsemmija qorti elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din il-portata.

43

F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw, b’mod iktar speċifiku, il-fatt li l-proċeduri mibdija fl-Awstrija huma bbażati fuq punt fattwali, jiġifieri l-konverżazzjoni telefonika kontenzjuża li matulha ġie diskuss is-suq Awstrijak taz-zokkor, li kien diġà ssemma fid-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża. Din il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tar-riferiment għall-konverżazzjoni telefonika f’din id-deċiżjoni, il-kundizzjoni relatata mal-identiċità tal-fatti hijiex issodisfatta.

44

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi fatt li awtorità ta’ Stat Membru ssemmi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kif ukoll tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, punt ta’ fatt relatat mat-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jistax ikun biżżejjed sabiex jitqies li dan il-punt ta’ fatt ta lok għall-proċeduri jew ġie kkunsidrat minn din l-awtorità fost il-punti li jikkostitwixxu dan il-ksur. Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-imsemmija awtorità effettivament ħaditx deċiżjoni fuq l-imsemmi punt ta’ fatt sabiex tikkonstata l-ksur, tistabbilixxi r-responsabbiltà għal dan il-ksur tal-persuna li tressqu proċeduri kontriha tal-persuna u, jekk ikun il-każ, timponilha sanzjoni, b’tali mod li l-imsemmi ksur għandu jitqies bħala li jinkludi t-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 101102).

45

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk id-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża kellhiex l-għan li tikkonstata u tissanzjona l-akkordju inkwistjoni inkwantu dan kien jirrigwarda, minħabba l-għan jew l-effett antikompetittiv tiegħu matul il-perijodu kkunsidrat, mhux biss is-suq Ġermaniż, iżda wkoll is-suq Awstrijak.

46

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu, b’mod partikolari, jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjonijiet ġuridiċi magħmula mill-Awtorità Ġermaniża abbażi tal-punti ta’ fatt ikkonstatati fid-deċiżjoni definittiva tagħha rrigwardawx esklużivament is-suq Ġermaniż jew ukoll is-suq Awstrijak taz-zokkor. Huwa wkoll rilevanti l-punt dwar jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq affettwat mill-ksur, l-Awtorità Ġermaniża ħaditx bħala bażi ta’ kalkolu biss id-dħul mill-bejgħ magħmul fil-Ġermanja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 101).

47

Fil-każ li, fi tmiem l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża ma kkonstatatx u ma ssanzjonatx l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba l-għan jew l-effett antikompetittiv tiegħu fit-territorju Awstrijak, din il-qorti għandha tikkonstata li l-proċedura li hija adita biha ma tirrigwardax l-istess fatti bħal dawk li wasslu għad-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, ma jipprekludix proċeduri ġodda u, jekk ikun il-każ, sanzjonijiet ġodda (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 103).

48

Fl-ipoteżi kuntrarja fejn il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża kkonstatat u ssanzjonat l-akkordju inkwistjoni minħabba wkoll l-għan jew l-effett antikompetittiv tiegħu fit-territorju Awstrijak, din il-qorti għandha tikkonstata li l-proċedura li hija adita biha tirrigwarda l-istess fatti bħal dawk li wasslu għad-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità Ġermaniża. Tali kumulu ta’ proċeduri u, jekk ikun il-każ, ta’ sanzjonijiet, jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta.

Fuq il‑ġustifikazzjoni ta’ limitazzjoni eventwali tad‑dritt fundamentali ggarantit mill‑Artikolu 50 tal-Karta

49

Sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jingħad ukoll li limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, bħal dik li tkun teżisti fl-ipoteżi msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 5556, kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 40).

50

Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-imsemmija drittijiet u għall-imsemmija libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

51

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u b’mod iktar speċifiku tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta li tirriżulta minn kumulu ta’ proċeduri u, jekk ikun il-każ, ta’ sanzjonijiet minn żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 101 TFUE huwa dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku li tipprojbixxi l-akkordji u li tfittex l-għan, indispensabbli għall-funzjonament tas-suq intern, li jiġi ggarantit li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36, kif ukoll tal‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 31).

52

Fid-dawl tal-importanza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dan l-għan ta’ interess ġenerali, kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u sanzjonijiet ikunu jirrigwardaw, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari relatati, jekk ikun il-każ, ma’ aspetti differenti tal-istess aġir kkonċernat li jikkostitwixxi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 44).

53

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-rwol tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tistabbilixxi rabta stretta bejn il-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Meta l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu l-akkordji għal ftehim ta’ impriżi li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, l-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) teħtieġ li jiġi applikat ukoll fir-rigward tiegħu, b’mod parallel, l-Artikolu 101 TFUE (sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 77, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 18).

54

B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għall-projbizzjoni ta’ akkordji li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri jekk dawn ma jkollhomx l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 19).

55

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1/2003, jirriżulta li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għall-projbizzjoni ta’ ftehimiet, ta’ deċiżjonijiet u ta’ prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jekk dawn ma jkunux ukoll ipprojbiti skont din id-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, hija ma tistax twassal għal riżultat differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

56

Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jressqu proċeduri kontra u jissanzjonaw l-istess fatti sabiex jiżguraw l-osservanza tal-projbizzjoni ta’ akkordji skont l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, dawn iż-żewġ awtoritajiet isegwu l-istess għan ta’ interess ġenerali intiż li jiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta minn ftehimiet, minn deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew minn prattiki miftiehma antikompetittivi.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, meta dawn ma jfittxux għanijiet komplementari relatati ma’ aspetti differenti tal-istess aġir fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li jitressqu proċeduri kontra impriża, mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, u li, jekk ikun il-każ, tiġi imposta multa fuqha għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, minħabba aġir li kellu għan jew effett antikompetittiv fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dan l-aġir diġà ġie msemmi, minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, f’deċiżjoni definittiva li din adottat, fir-rigward ta’ din l-impriża, fi tmiem proċedura ta’ ksur taħt l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx ibbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ għan jew effett antikompetittiv fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

Fuq it‑tieni domanda

59

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tielet domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni domanda.

Fuq ir‑raba’ domanda

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fiha, minħabba l-parteċipazzjoni tal-parti kkonċernata fil-programm nazzjonali ta’ klemenza, ksur ta’ dan id-dritt jista’ biss jiġi kkonstatat, tista tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ ne bis in idem.

61

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata mill-ġdid jew jitressqu mill-ġdid proċeduri kontriha minħabba aġir antikompetittiv li għalih hija tkun ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija tkun ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata iktar.

62

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż allura li jipprekludi li impriża tiġi “kkundannata mill-ġdid jew jitressqu mill-ġdid proċeduri kontriha”, fatt li jippreżupponi li din l-impriża tkun ġiet ikkundannata jew iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata iktar. Bħala korollarju tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, dan għandu l-għan li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-ekwità billi jiżgura li, ladarba jkunu tressqu proċeduri kontriha u, jekk ikun il-każ, tkun ġiet ikkundannata, il-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċertezza li mhux ser jitressqu mill-ġdid proċeduri kontriha għall-istess ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, C‑617/17, EU:C:2019:283, punti 2933).

63

Minn dan isegwi li l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ natura kriminali jista’ jaqa’, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, indipendentement mill-punt dwar jekk dawn il-proċeduri jagħtux effettivament lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni.

64

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-Artikoli 5 u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu eċċezzjonalment jillimitaw ruħhom li jikkonstataw dan il-ksur mingħajr ma jimponu multa meta l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat fi program nazzjonali ta’ klemenza (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 50). Sabiex jiġi żgurat li nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa taħt programm nazzjonali ta’ klemenza ma jippreġudikax ir-rekwiżit tal-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikolu 101 TFUE, tali trattament jista’ jingħata biss f’sitwazzjonijiet strettament eċċezzjonali, bħal dawk fejn il-kooperazzjoni ta’ impriża kienet determinanti sabiex ikun hemm sejba u repressjoni effettiva tal-akkordju (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punti 4749).

65

Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-immunità minn, jew it-tnaqqis ta’, multi fl-ebda każ ma huma awtomatikament iggarantiti lil impriża li titlob li tibbenefika minn programm ta’ klemenza.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, bla ħsara għar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ japplika għal proċedura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni minkejja l-fatt li, minħabba l-parteċipazzjoni fil-programm nazzjonali ta’ klemenza tal-impriża inkwistjoni, li diġà jkunu tressqu proċeduri kontriha fil-kuntest ta’ proċedura oħra li wasslet għal deċiżjoni definittiva, din il-proċedura l-ġdida tista’ twassal biss għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dan id-dritt.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li fiha, minħabba l-parteċipazzjoni tal-parti kkonċernata fil-programm nazzjonali ta’ klemenza, ksur ta’ dan id-dritt jista’ biss jiġi kkonstatat tista’ tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ ne bis in idem.

Fuq l‑ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li jitressqu proċeduri kontra impriża, mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, u li, jekk ikun il-każ, tiġi imposta multa fuqha għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, minħabba aġir li kellu għan jew effett antikompetittiv fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta dan l-aġir diġà ġie msemmi, minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, f’deċiżjoni definittiva li din adottat, fir-rigward ta’ din l-impriża, fi tmiem proċedura ta’ ksur taħt l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx ibbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ għan jew effett antikompetittiv fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

 

2)

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li fiha, minħabba l-parteċipazzjoni tal-parti kkonċernata fil-programm nazzjonali ta’ klemenza, ksur ta’ dan id-dritt jista’ biss jiġi kkonstatat tista’ tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ ne bis in idem .

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top