Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0128

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Lulju 2022.
    GSMB Invest GmbH & Co. KG vs Auto Krainer Gesellschaft m.b.H.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Landesgericht Klagenfurt.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur – Punt 10 tal-Artikolu 3 – Artikolu 5(1) u (2) – Apparat ta’ manipulazzjoni – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna – Valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (valv tal-EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘tieqa ta’ temperaturi’ – Projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Artikolu 5(2)(a) – Eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni.
    Kawża C-128/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:570

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur – Punt 10 tal-Artikolu 3 – Artikolu 5(1) u (2) – Apparat ta’ manipulazzjoni – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna – Valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (valv tal-EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘tieqa ta’ temperaturi’ – Projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Artikolu 5(2)(a) – Eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni”

    Fil-Kawża C‑128/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

    GSMB Invest GmbH & Co. KG

    vs

    Auto Krainer GesmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, F. Biltgen, P. G. Xuereb (Relatur), N. Piçarra u N. Wahl, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal GSMB Invest GmbH & Co. KG, minn T. Kainz, Rechtsanwalt,

    għal Auto Krainer GesmbH, minn H. Gärtner, F. Gebert, F. Gonsior, C. Harms, N. Hellermann, F. Kroll, M. Lerbinger, S. Lutz-Bachmann, L. K. Mannefeld, K. U. Opper, H. Posser, J. Quecke, K. Schramm, W. F. Spieth, J. von Nordheim, K. Vorbeck, B. Wolfers u B. Wollenschläger, Rechtsanwälte,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn GSMB Invest GmbH Co. KG u Auto Krainer GesmbH, dwar it-talba għall-annullament ta’ kuntratt ta’ bejgħ li jirrigwarda vettura bil-mutur mgħammra b’software li jnaqqas ir-riċirkolazzjoni ta’ gassijiet li jniġġsu ta’ din il-vettura skont it-temperatura u l-altitudni misjuba.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 715/2007

    3

    Skont il-premessi 1 u 6 tar-Regolament Nru 715/2007:

    “(1)

    […] Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ emissjonijiet għandhom […] jiġu armonizzati biex jiġu evitati rekwiżiti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

    […]

    (6)

    B’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis. […]”

    4

    L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (‘vetturi’) u ‘spare parts’ bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom.”

    5

    Il-punt 10 tal‑Artikolu 3 tal‑imsemmi regolament jistabbilixxi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (10)

    ‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ [apparat ta’ manipulazzjoni]’ jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

    6

    L-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

    2.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati.

    Barra minn hekk, il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali. […]

    […]”

    7

    L-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 jipprevedi:

    “1.   Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

    2.   L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni] li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’għandiex tapplika fejn:

    (a)

    il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

    (b)

    it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet ta’ l-istartjar tal-magna;

    jew

    (c)

    il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta’ l-emissjonijiet mit-tailpipe.”

    8

    L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Limiti ta’ Emissjoni”, jipprevedi b’mod partikolari l-valuri limitu ta’ emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx).

    Ir-Regolament Nru 692/2008

    9

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament Nru 715/2007 (ĠU 2008, L 199, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68), ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 566/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 692/2008”). Mill‑1 ta’ Jannar 2022, ir-Regolament Nru 692/2008 tħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal‑1 ta’ Ġunju 2017, li jissupplimenta r-Regolament Nru 715/2007, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament Nru 692/2008 (ĠU 2017, L 175, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 56, p. 66). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 692/2008 jibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

    10

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 692/2008 kien jipprevedi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.”

    11

    Il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 692/2008 kien ifformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    18.

    ‘sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet’ tfisser, fil-kuntest tas-sistema OBD [(sistema dijanjostika abbord)], il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost jew fis-sistema evaporattiva li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur.”

    12

    L-Artikolu 3(9) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

    “It-test tat-Tip 6 li jkejjel l-emissjonijiet f’temperaturi baxxi stabbilit fl-Anness VIII m’għandux japplika għall-vetturi diżil.

    Madanakollu, meta japplikaw għall-approvazzjoni tat-tip, il-manifatturi għandhom jippreżentaw lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni informazzjoni li turi li t-tagħmir tat-trattament ta’ wara ta’ l-[ossidu tan-nitroġenu (NOx)] jilħaq temperatura biżżejjed għolja għal ħidma effiċjenti fi ħdan 400 sekonda wara startjar kiesaħ f’temperatura ta’ – 7 °C kif ġie deskritt fit-test tat-Tip 6.

    Barra minn hekk, il-manifattur għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni b’informazzjoni dwar l-istrateġija operattiva tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (EGR), inkluż il-funzjonament tagħha f’temperaturi baxxi.

    Din l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni ta’ kwalunke effett fuq l-emissjonijiet.

    L-awtorità ta’ l-approvazzjoni m’għandhiex tagħti l-approvazzjoni tat-tip jekk l-informazzjoni provduta ma tkunx biżżejjed biex jintwera li t-tagħmir tat-trattament ta’ wara effettivament jilħaq temperatura biżżejjed għolja għal ħidma effiċjenti fi ħdan il-perjodu ta’ żmien magħżul.

    […]”

    13

    L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-manifattur għandu jiżgura li t-tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis maħsub biex jitwaħħal fuq vetturi approvati għat-tip KE koperti mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, jkunu approvati għat-tip KE, bħala unitajiet tekniċi separati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1)], skond l-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament.

    Il-konvertituri katalitiċi u l-filtri għall-partikulati għandhom jitqiesu bħala tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

    […]”

    14

    L-Anness I tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Id-dispożizzjonijiet Amministrattivi għall-Approvazzjoni tat-Tip KE”, kien jipprovdi, fil-punt 3.3 tiegħu, intitolat “L-estensjonijiet għad-durabbiltà tat-tagħmir għall-kontra tat-tniġġis (test tat-tip 5)”:

    “3.3.1.

    L-approvazzjoni tat-tip għandha tkun estiża għal tipi differenti ta’ vetturi, sakemm il-parametri tal-vettura, tal-magna jew tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis li ġew speċifikati aktar ‘l isfel ikunu identiċi jew jibqgħu fi ħdan it-tolleranzi preskritti:

    3.3.1.1.

    Il-vettura:

    […]

    3.3.1.2.

    Il-magna

    […]

    3.3.1.3.

    Il-parametri tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis:

    (a)

    Il-konvertituri katalitiċi u l-filtri għall-partikulati:

    […]

    […]

    (ċ)

    Ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (EGR)

    biha jew mingħajrha

    tip (imkessħa jew mhux imkessħa, kontroll attiv jew passiv, pressjoni għolja jew pressjoni baxxa).

    […]”

    Id-dritt Awstrijak

    15

    L-Artikolu 879(1) tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ABGB”), jipprevedi:

    “Kuntratt li jikser projbizzjoni legali jew li jmur kontra l-moralità huwa null.”

    16

    L-Artikolu 932(1) u (4) tal-ABGB jipprovdi:

    “F’każ ta’ difett, il-persuna li tirċievi l-oġġett tista’ teżiġi t-titjib (tiswija jew provvista ta’ dak li jkun nieqes), is-sostituzzjoni tal-oġġett, tnaqqis xieraq tal-korrispettiv (tnaqqis fil-prezz) jew it-tħassir tal-kuntratt (revoka).

    […]

    (4)   Jekk kemm it-titjib kif ukoll is-sostituzzjoni tal-oġġett ikunu impossibbli jew jinvolvu spejjeż sproporzjonati għar-remittent, il-persuna li tirċievi l-oġġett għandha dritt għal tnaqqis fil-prezz jew, sakemm dan ma jkunx każ ta’ nuqqas minuri, għar-revoka. […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Fid‑9 ta’ Jannar 2011, GSMB Invest ikkonkludiet ma’ Auto Krainer kuntratt ta’ bejgħ dwar vettura bil-mutur tat-trade mark Volkswagen, mudell Caddy Maxi Comfortline 4 Motion TDI, mgħammra b’magna diesel tat-tip EA 189 ta’ ġenerazzjoni Euro 5 u b’ċilindrata ta’ 2 litri, b’ valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (iktar ’il quddiem il-“valv tal-EGR”).

    18

    Fis‑27 ta’ Diċembru 2017, GSMB Invest ippreżentat rikors quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb l-annullament ta’ dan il-kuntratt ta’ bejgħ, abbażi tal-Artikolu 879(1) u tal-Artikolu 932(4) tal-ABGB, permezz tal-ħlas ta’ kumpens għall-użu.

    19

    Insostenn tar-rikors tagħha, GSMB Invest issostni li, meta xtrat il-vettura inkwistjoni, hija kienet ħasbet li qiegħda tixtri vettura ġdida li tirrispetta l-ambjent u li, b’mod partikolari, il-gassijiet tal-egżost tagħha kienu jissodisfaw ir-regoli legali fis-seħħ. Madankollu, wara l-aġġornament tas-software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna mgħammar fl-imsemmija vettura, magħmul minn Volkswagen fid‑9 ta’ Mejju 2017, il-purifikazzjoni tal-gass tal-egżost hija operattiva biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ sewqan tkun inqas minn 1000 metru (iktar ’il quddiem it-“tieqa ta’ temperaturi”). Din it-tieqa ta’ temperaturi tikkostitwixxi sistema ta’ tnaqqis illegali peress li l-ebda waħda mid-derogi, previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ma tippermetti li dan jiġi ġġustifikat. B’mod partikolari, tnaqqis fil-purifikazzjoni tal-gassijiet tal-egżost li twassal għalih it-tieqa ta’ temperaturi ma jservix sabiex jipproteġi l-magna tal-vettura inkwistjoni kontra ħsara diretta.

    20

    Auto Krainer issostni li tali tieqa ta’ temperaturi tintuża mill-manifatturi kollha ta’ vetturi b’magna diżil tal-kategorija Euro 5 u li l-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali għat-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur, il-Ġermanja), l-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ approvazzjoni tat-tip fil-Ġermanja, iddeċidiet li din it-tieqa ta’ temperaturi hija miżura legali, skont ir-Regolament Nru 715/2007. Barra minn hekk, waqt il-kontroll tal-aġġornament tas-software inkwistjoni, din l-awtorità kkonstatat li din ma kellha ebda effett negattiv fuq it-tul ta’ ħajja tal-apparati li jnaqqsu t-tniġġis.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-punt 10 tal-Artikolu 3 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li t-tieqa ta’ temperaturi hija apparat ta’ manipulazzjoni illegali. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-Ġermanja u fl-Awstrija, it-temperatura ambjentali hija ħafna mill-ħin taħt il-15‑il grad Celsius matul is-sena u, fid-dawl tat-topografija ta’ dawn il-pajjiżi, il-vetturi ta’ spiss jiġu misjuqa f’altitudni ogħla minn 1000 metru, b’tali mod li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li tali kundizzjonijiet ta’ sewqan jintlaħqu waqt it-tħaddim u l-użu normali tal-vetturi, fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3.

    22

    Issa, skont il-qorti tar-rinviju, id-deroga prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 ma tistax isservi bħala bażi legali għal apparat ta’ manipulazzjoni li huwa attivat f’kundizzjonijiet “normali” ta’ użu tal-vetturi.

    23

    L-imsemmija qorti żżid li l-Artikolu 3(9) tar-Regolament Nru 692/2008 jiddetermina l-perijodu ta’ żmien li matulu għandu jintlaħaq funzjonament effikaċi tal-magna wara startjar fil-kesħa. Skont din id-dispożizzjoni, it-tagħmir tat-trattament ta’ wara tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) għandu jilħaq temperatura għolja biżżejjed għal funzjonament effiċjenti fi żmien 400 sekonda wara startjar f’kesħa ta’ -7°gradi Celsius. L-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ma jistgħux jagħtu approvazzjoni tat-tip KE meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmija dispożizzjoni ma jkunux stabbiliti b’mod suffiċjenti. Minn dan l-oneru tal-prova jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa b’mod ċar li tieqa ta’ temperaturi ma tistax tiġi ġġustifikata jekk din ma tkunx tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 li tqajjem il-kawża li hija adita biha.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 5(1) tar-[Regolament Nru 715/2007] għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ vettura fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 715/2007 huwa pprojbit meta l-[valv tal-EGR], jiġifieri komponent li jista’ jaffettwa l-emissjonijiet, ikun iddiżinjat b’mod li r-rata tar- riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, jiġifieri l-proporzjon tal-gass tal-egżost li jiġi rriċirkolat, tkun irregolata b’mod li dan il-valv jiżgura mod ta’ funzjonament li jippermetti livell baxx ta’ tniġġis biss [fit-tieqa ta’ temperaturi] filwaqt li f’temperatura li ma taqax f’din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, din ir-rata tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ [ossidu tan-nitroġenu (NOx)] jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007?

    (2)

    L-espressjoni ‘għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti’ li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li strateġija dwar il-gassijiet tal-egżost li tkun prinċipalment intiża li tipproteġi komponenti bħalma huma l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, l-apparat li jkessaħ il-gass tal-egżost li jkun irriċirkolat u l-filtru tal-partikoli tad-diżil, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal deroga?

    (3)

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li strateġija dwar il-gassijiet tal-egżost li tiggarantixxi l-effettività funzjonali sħiħa ta’ tagħmir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biss f’firxa ta’ temperaturi [fit-tieqa ta’ temperaturi] […] u li għalhekk ma tiffunzjonax kompletament fl-Ewropa, u b’mod partikolari fl-Awstrija, matul il-parti l-kbira tas-sena, ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) [ta’ dan ir-regolament] dwar l-użu normali tal-vettura u għalhekk tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni li ma huwiex aċċettabbli?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

    26

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha. Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DocMorris, C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    F’dan il-każ, l-ewwel u t-tielet domanda, li għandhom jiġu mwieġba flimkien, jagħmlu riferiment għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tiddetermina jekk it-tieqa ta’ temperaturi tikkostitwixxix “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li l-użu tiegħu huwa bħala prinċipju pprojbit konformement mal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament.

    28

    Għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Auto Krainer issostni li huwa b’mod żbaljat li l-qorti tar-rinviju tippreżenta l-funzjonament tas-software inkwistjoni. Fil-fatt, dan is-software jwassal għal tnaqqis tar-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost meta t-temperatura tal-arja li tidħol fil-magna, u mhux it-temperatura ambjentali, tkun inqas minn 15‑il grad Celsius. Issa, huwa paċifiku, fuq il-livell tekniku, li din it-temperatura tal-arja li tidħol fil-magna hija, bħala medja, ogħla mit-temperatura ambjentali b’5 gradi Celsius. Konsegwentement, il-gass tal-egżost kollu jiġi rriċirkolat sakemm it-temperatura ambjentali tkun ekwivalenti għal, jew ogħla minn, mhux 15‑il grad Celsius iżda 10 gradi Celsius, jiġifieri fil-medda tat-temperatura ambjentali annwali medja fil-Ġermanja, jiġifieri 10.4 grad Celsius. Barra minn hekk, din il-qorti tonqos milli tindika li, meta t-temperatura ambjentali tkun inqas minn 10°gradi Celsius, huwa biss b’mod progressiv li r-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost għalhekk titnaqqas b’mod lineari għal 0, u dan sa temperatura ambjentali ta’ ‑5°gradi Celsius.

    29

    Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale, C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 46).

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li apparat li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mill-imsemmi regolament biss fit-tieqa ta’ temperaturi jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3.

    31

    Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jiddefinixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni]” bħala “kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

    32

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali definizzjoni tal-apparat ta’ manipulazzjoni tagħti portata wiesgħa lill-kunċett ta’ “element tad-disinn”, li jkopri kemm il-partijiet mekkaniċi kif ukoll l-elementi elettroniċi li jirregolaw l-attivazzjoni ta’ tali partijiet, peress li dawn jaġixxu fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jnaqqsu l-effettività tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 64).

    33

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, kemm it-teknoloġiji u l-istrateġija msejħa “ta’ trattament sussegwenti tal-gass tal-egżost”, li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju sussegwenti, jiġifieri wara l-formazzjoni tagħhom, kif ukoll dawk li, bħas-sistema tal-EGR, inaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti, jiġifieri waqt il-formazzjoni tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 90).

    34

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-vettura inkwistjoni hija mgħammra b’valv tal-EGR u b’software integrat fil-kalkolatur tal-kontroll tal-magna. Dan il-valv huwa wieħed mit-teknoloġiji użati mill-manifatturi tal-vetturi sabiex jikkontrollaw u jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) iġġenerati mill-kombustjoni inkompleta tal-karburant. L-effettività tat-tindif mit-tniġġis hija marbuta mal-ftuħ tal-valv tal-EGR, li huwa rregolat mis-software msemmi iktar ’il fuq. Barra mit-tieqa ta’ temperaturi stabbilita bl-aġġornament tal-imsemmi software u msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost titnaqqas b’mod lineari għal 0, li jwassal għal qbiż tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet stabbiliti għall-ossidu tan-nitroġenu (NOx) mir-Regolament Nru 715/2007.

    35

    Għalhekk, is-software inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprogrammat skont it-tieqa ta’ temperaturi, jidentifika t-temperatura tal-arja kif ukoll l-altitudni ta’ sewqan, “bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007.

    36

    Konsegwentement, meta jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jnaqqas l-effettività tagħha, tali software jikkostitwixxi “element tad-disinn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 66).

    37

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-software inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, għandu jerġa’ jiġi eżaminat jekk dan is-software jnaqqasx l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet “taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

    38

    Ir-regolament Nru 715/2007 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura” u ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu.

    39

    Għaldaqstant, dan il-kunċett jikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fihom, iżda wkoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-għan imfittex minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 45).

    40

    Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, il-kunċett ta’ “it-tħaddim u l-użu normali” ta’ vettura jagħmel riferiment għall-użu tagħha f’kundizzjonijiet ta’ sewqan normali, jiġifieri mhux biss, kif issostni, essenzjalment, Auto Krainer fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għall-użu tagħha taħt il-kundizzjonijiet previsti għat-test ta’ approvazzjoni, applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, imsejjaħ “New European Driving Cycle” (NEDC), magħmul f’laboratorju u li jikkonsisti fir-repetizzjoni ta’ erba’ ċikli urbani, segwiti b’ċiklu mhux urban. Dan il-kunċett jagħmel riferiment għalhekk għall-użu ta’ din il-vettura f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, kif normalment jeżistu fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punti 96101). Fil-fatt, iċ-ċikli ta’ testijiet għall-emissjonijiet tal-vetturi matul il-proċedura ta’ approvazzjoni ma humiex ibbażati fuq il-kundizzjonijiet reali ta’ sewqan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 92).

    41

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jidħol fih il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, il-miżuri tekniċi adottati mill-manifattur għandhom ikunu tali li jiggarantixxu b’mod partikolari limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet mit-tailpipe tul il-ħajja normali kollha tal-vetturi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’tali mod li l-komponenti li jaġixxu fuq l-emissjonijiet, bħas-software inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jippermettu lill-vetturi, f’użu normali, jikkonformaw ruħhom mal-limiti ta’ emissjoni previsti mill-istess regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 97).

    42

    Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ma juru ebda element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-funzjonament ta’ apparat bħas-software inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-fażi ta’ test ta’ approvazzjoni u matul is-sewqan f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vetturi. Għall-kuntrarju, l-istabbiliment ta’ apparat li jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mir-Regolament Nru 715/2007 biss matul il-fażi tat-test ta’ approvazzjoni, minkejja li din il-fażi ta’ test ma tippermettix li jiġu rriprodotti kundizzjonijiet ta’ użu normali ta’ vettura, imur kontra l-obbligu li tiġi żgurata limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet f’tali kundizzjonijiet ta’ użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punti 9798). L-istess japplika fir-rigward tal-istabbiliment ta’ apparat li jippermetti li tiġi żgurata din l-osservanza biss fil-kuntest ta’ tieqa ta’ temperaturi li, għalkemm tkopri l-kundizzjonijiet li fihom isseħħ il-fażi tat-test ta’ approvazzjoni, ma tikkorrispondix għal kundizzjonijiet ta’ sewqan normali, kif iddefiniti fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

    43

    L-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, skont liema l-kunċett ta’ “it-tħaddim u l-użu normali” ta’ vettura jagħmel riferiment għall-użu tagħha f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, kif normalment jeżistu fit-territorju tal-Unjoni, hija wkoll ikkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 6 tiegħu, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, li jitnaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) tal-vetturi b’magna diesel sabiex tiġi mtejba l-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punti 67, 8687).

    44

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk software bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jnaqqasx l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan normali, huwa paċifiku li temperaturi ambjentali ta’ inqas minn 15‑il grad Celsius, kif ukoll is-sewqan f’toroq li jinsabu f’altitudni ta’ iktar minn 1000 metru, huma ta’ natura abitwali fit-territorju tal-Unjoni.

    45

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 692/2008, applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li, skont l-Artikolu 1 tiegħu, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament Nru 715/2007, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(9) tiegħu, li l-manifatturi għandhom jikkomunikaw lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni tad-data li turi li l-apparat tal-ipproċessar ta’ wara tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) tal-vetturi tagħhom jilħaq temperatura għolja biżżejjed għal funzjonament effiċjenti fi żmien 400 sekonda wara startjar f’kesħa ta’ ‑7 grad Celsius. Skont il-ħames subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 3(9), l-awtorità kompetenti ma għandhiex tagħti l-approvazzjoni jekk l-informazzjoni pprovduta ma tkunx suffiċjenti sabiex jintwera li l-apparat tat-trattament ta’ wara jilħaq effettivament temperatura li tippermettilu jiffunzjona b’mod effiċjenti f’perijodu ta’ żmien iddeterminat. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tikkonferma l-interpretazzjoni skont liema l-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mir-Regolament Nru 715/2007 għandhom jiġu osservati meta t-temperaturi jkunu sinjifikament inqas minn 15‑il grad Celsius.

    46

    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li software, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet “taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, u li għalhekk jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    47

    Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mill-imsemmi regolament biss fit-tieqa ta’ temperaturi jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3.

    Fuq it-tieni domanda

    48

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti minn dan ir-regolament biss fit-tieqa ta’ temperaturi, jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ tali apparati, prevista f’din id-dispożizzjoni, jekk dan l-apparat jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ komponenti bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel.

    49

    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Madankollu, din il-projbizzjoni tirrikonoxxi tliet eċċezzjonijiet, fosthom dik li tinsab f’dan l-Artikolu 5(2)(a), jiġifieri meta “il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura”.

    50

    Sa fejn tistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punti 111112).

    51

    F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-kunċett ta’ “magna”, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 118 u 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Anness I tar-Regolament Nru 692/2008 jagħmel distinzjoni espliċita bejn il-magna u s-sistema ta’ kontroll tat-tniġġis. Fil-fatt, ir-rekwiżiti dwar il-“magna” huma stabbiliti fil-punt 3.3.1.2 ta’ dan l-anness, filwaqt li dawk relatati mal-“parametri tas-sistema għall-kontroll tat-tniġġis” huma stabbiliti fil-punt 3.3.1.3 tal-imsemmi anness. L-inċiżi (a) u (ċ) ta’ dan il-punt tal-aħħar jinkludu espressament il-filtri għall-partikulati u r-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, għall-ħtiġijiet ta’ dan tal-aħħar, il-filtri tal-partikulati għandhom jitqiesu bħala apparat għall-kontroll tat-tniġġis.

    52

    Konsegwentement, il-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel jikkostitwixxu komponenti distinti tal-magna. Fil-fatt, il-valv tal-EGR jinsab fil-ħruġ tal-magna, wara l-manifold tal-egżost. Dan il-valv jippermetti, mal-ftuħ tiegħu, li l-gassijiet tal-egżost jgħaddu lejn il-manifold tad-dħul sabiex dawn jinħarqu għat-tieni darba u sabiex dawn jiġu mkessħa permezz ta’ skambjatur tas-sħana, l-iskambjatur tal-EGR. Il-filtru tal-partikulati, li jinsab qabel it-tailpipe, jippermetti, min-naħa tiegħu, li tiġi ffiltrata l-arja sabiex jinżammu l-partikulati fini li jniġġsu.

    53

    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kunċetti ta’ “inċidenti” u ta’ “ħsara”, li jinsabu fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikun jista’ jiġi ġġustifikat konformement ma’ din id-dispożizzjoni, apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet għandu jippermetti l-protezzjoni tal-magna minn danni li jseħħu f’daqqa waħda u li huma eċċezzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 109).

    54

    Għalhekk, il-fatt li magna tinstadd u tiqdiem ma jistax jitqies, fi kwalunkwe każ, bħala “inċident” jew “ħsara”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta dawn l-avvenimenti huma, bħala prinċipju, prevedibbli u inerenti fil-funzjonament normali ta’ vettura (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 110).

    55

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti, bħalma ġie rrilevat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u f’li tiġi mtejba l-kwalità tal-arja fi ħdan l-Unjoni, li jimplika t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) matul il-ħajja normali kollha tal-vetturi. Fil-fatt, il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament titneħħielha s-sustanza tagħha u tiġi mċaħħda minn kull effett utli jekk il-manifatturi jkunu awtorizzati jgħammru l-vetturi bil-mutur b’tali apparat ta’ manipulazzjoni bl-għan uniku li jipproteġu l-magna milli tinstadd jew tiqdiem (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 113).

    56

    Huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident fuq il-magna li joħolqu periklu konkret waqt is-sewqan ta’ vettura li għalhekk huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, skont l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.

    57

    L-interpretazzjoni tal-kelma “ħsara”, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:1040), ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Gvern Ġermaniż u ta’ Auto Krainer li, mill-verżjonijiet ta’ din il-kelma fil-lingwa Ingliża (“damage”) u Ġermaniża (“Beschädigung”), jirriżulta li l-imsemmija kelma ma tkoprix biss avvenimenti li jseħħu f’daqqa waħda u li huma imprevedibbli.

    58

    Fil-fatt, minn naħa, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li, b’differenza mid-definizzjoni tal-istess kelma fil-lingwa Franċiża, id-definizzjonijiet tagħha fil-lingwa Ingliża u dik Ġermaniża ma jimplikawx neċessarjament li ħsara hija dovuta għal avveniment “li jseħħ f’daqqa waħda”, dawn ma jinvalidawx l-interpretazzjoni tal-kelma “ħsara” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni stretta adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq il-motivi mfakkra fil-punti 50 u 55 ta’ din is-sentenza.

    59

    Madankollu, il-Gvern Ġermaniż u Auto Krainer isostnu li l-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni huwa ġġustifikat peress li, fil-każ ta’ temperaturi baxxi wisq jew għoljin wisq, jistgħu jinħolqu depożiti, waqt ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, u għalhekk iwasslu għal pożizzjonament ħażin tal-valv tal-EGR, jiġifieri, pereżempju, valv li ma jinfetaħx iktar jew li ma jibqax jingħalaq korrettament, jew saħansitra li dan il-valv ikun kompletament ibblokkat. Issa, valv tal-EGR bil-ħsara jew ippożizzjonat ħażin jista’ jikkawża ħsara lill-magna stess u jwassal, b’mod partikolari, għal telf ta’ saħħa tal-vettura. Barra minn hekk, huwa impossibbli li jiġi previst u kkalkolat f’liema mument jintlaħaq il-limitu ta’ falliment tal-valv tal-EGR, peress li dan il-limitu jista’ jinqabeż f’daqqa waħda u b’mod imprevedibbli, anki jekk ikun twettaq xogħol regolari ta’ manutenzjoni ta’ dan il-valv. Telf ta’ saħħa tal-vettura, li jseħħ f’daqqa waħda u b’mod imprevedibbli, jaffettwa l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura, billi jżid, pereżempju, kunsiderevolment ir-riskju ta’ inċident gravi tat-traffiku waqt manuvra sabiex tinqabeż vettura oħra.

    60

    Barra minn hekk, Auto Krainer issostni li l-fatt li komponenti tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost jinstaddu, billi jikkawżaw nuqqas ta’ funzjonament tal-valv tal-EGR li jista’ jasal sal-ibblokkar tiegħu, jista’ jwassal għall-kombustjoni tal-filtru tal-partikulati u sabiex tieħu n-nar il-magna, jew saħansitra, sussegwentement għal dan, li tieħu n-nar il-vettura kollha kemm hi, li jikkomprometti l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura.

    61

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 jsegwi li, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-bżonn ta’ apparat ta’ manipulazzjoni għandu jkun iġġustifikat mhux biss f’termini ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident, iżda wkoll għall-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura. Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-użu, fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-konġunzjoni “u”, din għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi huma kumulattivi.

    62

    Għaldaqstant, u fid-dawl, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, tal-interpretazzjoni stretta li għandha tirċievi din l-eċċezzjoni, apparat ta’ manipulazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi ġġustifikat taħt l-imsemmija eċċezzjoni biss jekk jiġi stabbilit li dan l-apparat jissodisfa strettament il-ħtieġa li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsarat jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi apparat. Madankollu, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali verifika taqa’, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, taħt l-evalwazzjoni tal-fatti li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss.

    63

    Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jimponix formalment kundizzjonijiet oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li apparat ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, jiffunzjona fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tkun protetta minn ħsarat jew inċident u li l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura jkun żgurat, huwa manifestament kuntrarju għall-għan imfittex minn dan ir-regolament li l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li ssir deroga minnu f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna biss, u jwassal sabiex jiġi ppreġudikat b’mod sproporzjonat il-prinċipju nnifsu tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) mill-vetturi.

    64

    Fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lil dan l-Artikolu 5(2)(a), tali apparat ta’ manipulazzjoni ma jistax, għaldaqstant, jiġi ġġustifikat skont din id-dispożizzjoni.

    65

    Li jiġi aċċettat li apparat ta’ manipulazzjoni bħal dak deskritt fil-punt 63 ta’ din is-sentenza jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 jwassal sabiex jirrendi din l-eċċezzjoni applikabbli matul il-parti l-kbira tas-sena fil-kundizzjonijiet reali ta’ sewqan li jipprevalu fit-territorju tal-Unjoni, b’tali mod li l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ tali apparat ta’ manipulazzjoni, stabbilit f’dan l-Artikolu 5(2) ikun jista’, fil-prattika, ikun applikat inqas ta’ spiss mill-imsemmija eċċezzjoni.

    66

    Barra minn hekk, Auto Krainer u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-kunċett ta’ “bżonn” ta’ apparat ta’ manipulazzjoni ma jeżiġix l-aħjar teknika disponibbli u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat tat-teknika fid-data tal-approvazzjoni KE sabiex jiġi evalwat jekk dan il-bżonn huwiex iġġustifikat f’termini ta’ protezzjoni tal-magna u ta’ funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007. F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-użu ta’ sistema tal-EGR li tiffunzjona skont tieqa ta’ temperaturi, b’mod differenti skont id-data ta’ approvazzjoni, jikkorrispondi għall-istat tat-teknika. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tat-terminu “bżonn”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġu bbilanċjati l-interessi fil-qasam tal-ambjent mal-interessi ekonomiċi tal-manifatturi.

    67

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, li mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 715/2007 isegwi li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ddetermina l-valuri limitu ta’ emissjonijiet ta’ inkwinanti, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi tal-manifatturi u, b’mod partikolari, l-ispejjeż imposti fuq l-impriżi bin-neċessità li jiġu osservati dawn il-valuri. Huwa għalhekk l-obbligu tal-manifatturi li jadattaw ruħhom u li japplikaw apparat tekniku xieraq sabiex josserva l-imsemmija valuri, b’dan ir-regolament bl-ebda mod ma jimponi l-użu ta’ teknoloġija partikolari.

    68

    Min-naħa l-oħra, bħalma ġie indikat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u f’li tiġi mtejba l-kwalità tal-arja fi ħdan l-Unjoni, jimplika t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) matul il-ħajja normali kollha tal-vetturi (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 113). Madankollu, awtorizzazzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni skont l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament għas-sempliċi raġuni li, pereżempju, l-ispejjeż tar-riċerka huma kbar, li l-apparat tekniku jiswa ħafna flus jew li l-manutenzjoni tal-vettura hija iktar frekwenti u iktar għalja għall-utent, tkun tikkontesta dan l-għan.

    69

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni għandha, kif tfakkar fil-punti 50 u 62 ta’ din is-sentenza, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, għandu jitqies li l-“bżonn” ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jeżisti biss meta, fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ dan l-apparat jew tal-vettura li huwa mgħammar fuqha, ebda soluzzjoni teknika oħra ma tippermetti li jiġu evitati riskji immedjati ta’ ħsarat jew ta’ inċident tal-magna li jiġġeneraw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura.

    70

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti minn dan ir-regolament biss fit-tieqa ta’ temperaturi, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ tali apparat, prevista f’din id-dispożizzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-apparat jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-komponenti, bħalma huma l-valv tal-EGR, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel, sakemm ma jkunx stabbilit li l-imsemmi apparat jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsarat jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ wieħed minn dawn il-komponenti, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-istess apparat. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, apparat ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, jiffunzjona fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tkun protetta minn ħsarat jew inċident u li l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura jkun żgurat.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mill-imsemmi regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ sewqan tkun ta’ inqas minn 1000 metru jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3.

     

    2)

    L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, li jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti minn dan ir-regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u l-altitudni ta’ sewqan tkun ta’ inqas minn 1000 metru, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ tali apparat, prevista f’din id-dispożizzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li dan l-apparat jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-komponenti, bħalma huma l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, l-iskambjatur tal-EGR u l-filtru tal-partikulati tad-diesel, sakemm ma jkunx stabbilit li l-imsemmi apparat jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsarat jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ wieħed minn dawn il-komponenti, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-istess apparat. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, apparat ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, jiffunzjona fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tkun protetta minn ħsarat jew inċident u li l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura jkun żgurat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top