EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0119

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
Līga Šenfelde vs Lauku atbalsta dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill‑Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Programm nazzjonali ta’ żvilupp rurali 2014 – 2020 – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Artikolu 19(1)(a) – Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ – Għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar – Akkumulazzjoni ta’ għajnuna – Possibbiltà li l-akkumulazzjoni tiġi rrifjutata.
Kawża C-119/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:817

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill‑Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Programm nazzjonali ta’ żvilupp rurali 2014–2020 – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Artikolu 19(1)(a) – Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ – Għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar – Akkumulazzjoni ta’ għajnuna – Possibbiltà li l-akkumulazzjoni tiġi rrifjutata”

Fil-Kawża C‑119/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il‑Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Līga Šenfelde

vs

Lauku atbalsta dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Šenfelde, irrappreżentata minnha nnifisha,

għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere, V. Soņeca, L. Juškeviča u E. Bārdiņš, sussegwentement minn K. Pommere u E. Bārdiņš, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kaduczak u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Līga Šenfelde, proprjetarja ta’ azjenda, u l-Lauku atbalsta dienests (is-Servizz ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp Rurali, il-Latvja), dwar id-deċiżjoni li rrifjutatilha li takkumula żewġ għajnuniet relatati mal-iżvilupp tal-azjendi agrikoli u tan-negozji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1305/2013

3

Il-premessi 3, 7 u 17 tar-Regolament Nru 1305/2013 huma redatti kif ġej:

“(3)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp rurali, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri […] iżda […] jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà […]

[…]

(7)

[…] Kull Stat Membru għandu jħejji, jew programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għat-territorju kollu tiegħu, jew sett ta’ programmi reġjonali, jew kemm programm nazzjonali kif ukoll sett ta’ programmi reġjonali. Kull programm għandu jidentifika strateġija li tilħaq il-miri b’rabta mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali u għażla ta’ miżuri. L-ipprogrammar għandu jikkonforma mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, u fl-istess waqt jadatta għal kuntesti nazzjonali u jikkumplimenta l-politiki l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika tas-suq agrikolu, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika komuni tas-sajd. L-Istati Membri li jagħżlu li jħejju sett ta’ programmi reġjonali għandhom ikunu jistgħu jħejju wkoll qafas nazzjonali, mingħajr allokazzjoni baġitarja separata, sabiex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni fost ir-reġjuni biex jindirizzaw l-isfidi nazzjonali.

[…]

(17)

[…] Għandu jiġi inkuraġġut ukoll l-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, li potenzjalment huma ekonomikament vijabbli. Sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda appoġġati minn dik il-miżura, l-appoġġ għandu jkun kondizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ negozju. […]”

4

L-Artikolu 2(1)(n) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“bidwi żagħżugħ” bħala persuna li jkollha inqas minn 40 sena fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni tagħha, li jkollha ħiliet u kompetenzi professjonali adegwati u li tkun qiegħda tistabbilixxi lilha nnifisha għall-ewwel darba f’azjenda agrikola bħala l-kap tal-imsemmija azjenda.

5

Taħt it-titolu “Prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali”, l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi, fil-punt 2(a) tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp rurali li jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu segwiti s-sitt prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali […]:

[…]

(2)

it-titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u l-kompetittività tat-tipi kollha ta’ agrikoltura fir-reġjuni kollha […] b’enfasi fuq l-oqsma li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-prestazzjoni ekonomika tal-azjendi agrikoli kollha u l-faċilitazzjoni tar-ristrutturar u l-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, partikolarment bil-ħsieb li jiżdiedu l-parteċipazzjoni fis-suq u l-orjentament […]”.

6

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 jipprovdi:

“Il-[Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)] għandu jaġixxi fl-Istati Membri permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali. Dawk il-programmi għandhom jimplimentaw strateġija għall-iżvilupp rurali li tilħaq il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri kif definiti fit-Titolu III. Appoġġ mill-FAEŻR għandha tintalab għall-kisba tal-objettivi ta’ żvilupp rurali taħt il-mira permezz tal-prijoritajiet tal-Unjoni.”

7

Skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament:

“Kull miżura għall-iżvilupp rurali għandha tkun ipprogrammata biex tikkontribwixxi b’mod speċifiku għall-kisba ta’ prijorità waħda jew aktar tal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali. Lista indikattiva ta’ miżuri ta’ rilevanza partikolari għall-prijoritajiet tal-Unjoni hija stabbilita fl-Anness VI.”

8

Taħt it-titolu “Żvilupp tal-azjenda agrikola u tan-negozju”, l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jkopri:

(a)

għajnuna biex jiġi stabbilit negozju għal:

(i)

bdiewa żgħażagħ;

[…]

(iii)

l-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar;

[…]

2.   L-appoġġ skont il-punt (a)(i) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil bdiewa żgħażagħ.

[…]

L-appoġġ skont il-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1 għandu jingħata lil azjendi agrikoli żgħar kif definit mill-Istati Membri.

[…]

4.   L-appoġġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jkun jiddependi fuq il-preżentazzjoni ta’ pjan tan-negozju. L-implimentazzjoni tal-pjan tan-negozju trid tibda fi żmien disa’ xhur mid-data tad-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna.

Għal bdiewa żgħażagħ li jirċievu appoġġ skont il-punt (a)(i) tal-paragrafu 1, għandu jkun previst fil-pjan tan-negozju li l-bidwi żagħżugħ jikkonforma tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, rigward bdiewa attivi, fi żmien 18‑il xahar mid-data tal-istabbiliment.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limiti massimi u minimi biex l-azjendi agrikoli jingħatalhom aċċess għal appoġġ skont il-punti (a)(i) u (a)(iii) tal-paragrafu 1. Il-limitu minimu għall-appoġġ skont il-punt (a)(i) tal-paragrafu 1 għandu jkun ogħla mil-limitu massimu għall-appoġġ skont il-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1. L-appoġġ għandu jkun limitat għall-azjendi li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ impriżi mikro u żgħar.

5.   L-appoġġ taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jitħallas f’tal-anqas żewġ pagamenti fuq perijodu massimu ta’ ħames snin. Il-pagamenti jistgħu jkunu digressivi. Il-ħlas tal-aħħar pagament skont il-punti (a)(i) u (a)(ii) tal-paragrafu 1 għandu jkun jiddependi fuq l-implimentazzjoni korretta tal-pjan tan-negozju.

6.   L-ammont massimu ta’ appoġġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 huwa stabbilit fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-ammont ta’ appoġġ skont il-punti (a)(i) u (a)(ii) tal-paragrafu 1 filwaqt li titqies ukoll is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-qasam ikkonċernat tal-programm.

[…]”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014

9

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1305/2013 (ĠU 2014, L 227, p. 18), jinkludi Parti 5, dwar il-Kodiċijiet tal-miżuri u s-sottomiżuri. Din il-parti tipprevedi, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1305/2013, taħt il-Kodiċi 6, il-miżura intitolata “żvilupp tal-farms u tan-negozji”. Fost is-sottomiżuri għall-finijiet ta’ programmazzjonijiet li jikkorrispondu għal din il-miżura, jinsabu, taħt il-Kodiċi 6.1, dik intitolata “għajnuna biex tibda negozju għall-bdiewa żgħażagħ” u, taħt il-kodiċi 6.3, dik intitolata “għajnuna biex tibda negozju għall-iżvilupp ta’ farms żgħar”.

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 807/2014

10

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU 2014, L 227, p. 1), l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limiti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013 f’termini tal-potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, imkejla bħala produzzjoni standard, kif iddefinit fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi tipoloġija Komunitarja għal azjendi agrikoli (ĠU 2008, L 335, p. 3)], jew ekwivalenti.

Il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020

11

Skont il-punt 99 tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020, (ĠU 2014, C 204, p. 1, “[l]-għajnuna tista’ tingħata flimkien ma’ diversi skemi jew akkumulata ma’ għajnuna ad hoc, sakemm l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għal attività jew proġett megħjun ma taqbiżx il-limiti massimi tal-għajnuna stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida”.

12

Il-punt 184 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi li “l-għajnuna massima trid tkun limitata għal EUR 70000 għal kull bidwi żagħżugħ u EUR 15000 għal kull farm żgħir [u li l-]Istati Membri jridu jiddefinixxu l-ammont ta’ għajnuna għal bdiewa żgħażagħ filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona kkonċernata”.

Id-dritt Latvjan

13

Il-punt 1 tar-Regolament Nru 292 tal-Kunsill tal-Ministri tad-9 ta’ Ġunju 2015 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ għajnuna nazzjonali u ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tas-sottomiżura “Għajnuna sabiex jiġi stabbilit negozju fl-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar” li taqa’ taħt il-miżura “Żvilupp ta’ azjendi agrikoli u negozji” (Latvijas Vēstnesis, 2015, Nru 126), jipprovdi:

“Dan ir-regolament jirregola l-proċedura għall-għoti ta’ għajnuna nazzjonali u ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tas-sottomiżura ‘Għoti ta’ għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar’, li taqa’ taħt il-miżura ‘Żvilupp ta’ azjendi agrikoli u negozji, taħt il-forma ta’ pagament uniku’”.

14

Il-punt 20 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Matul perijodu ta’ programmazzjoni, l-applikant għal għajnuna jista’ jibbenefika darba mill-għajnuna msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, proprjetarja ta’ azjenda agrikola, talbet, fil-5 ta’ Ottubru 2015, fil-kuntest tal-ewwel proġett, l-għoti ta’ għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp tal-azjendi żgħar.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2016, is-Servizz ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp Rurali laqa’ din it-talba.

17

Fis-27 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ħadet f’idejha r-responsabbiltà tal-azjenda agrikola, operata preċedentement mill-ġenituri tagħha.

18

Fit-23 ta’ Awwissu 2016, hija ppreżentat, fil-kuntest tat-tieni proġett, talba għal finanzjament intiż sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, filwaqt li kompliet l-attivitajiet issussidjati mill-ewwel għajnuna.

19

Din it-tieni talba ġiet miċħuda fit-8 ta’ Novembru 2016 mis-Servizz ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp Rurali, abbażi tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013.

20

Dan is-servizz qies li applikant jista’ jibbenefika, abbażi tal-istess miżura, jew minn għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, jew minn għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ. Huwa kkunsidra wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tippermetti li l-ewwel tintalab għajnuna għall-iżvilupp tal-azjendi żgħar u li, sussegwentement, tintalab għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ, billi tali talba ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-ewwel stabbiliment jew tal-operazzjoni mill-ġdid tal-azjenda relatata ma’ din l-għajnuna tal-aħħar.

21

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem is-Servizz ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp Rurali. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2017, huwa kkonferma dan ir-rifjut u tenna l-projbizzjoni tal-akkumulazzjoni tad-diversi għajnuniet previsti minn dan ir-regolament.

22

L-azzjonijiet kontenzjużi ppreżentati sussegwentement mir-rikorrenti kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut ġew miċħuda mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) u mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), rispettivament.

23

Dawn il-qrati qiesu b’mod partikolari li mill-għanijiet stipulati fil-proġetti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li t-tieni proġett kien ifittex l-implimentazzjoni tal-għan imfittex mill-ewwel proġett. Issa, l-għoti ta’ żewġ għajnuniet għall-istess għan imur kontra r-regola ta’ pagament uniku u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala użu proporzjonat tal-fondi. Barra minn hekk, bidwi ma jibqax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidwi żagħżugħ”, ladarba huwa jkun irċieva l-għajnuna għall-iżvilupp tal-azjendi żgħar, prevista fl-Artikolu 19(1)(a)(iii) tar-Regolament Nru 1305/2013.

24

Fit-23 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), fejn sostniet b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1305/2013 ġew interpretati b’mod żbaljat.

25

F’dan ir-rigward, hija ssostni li ż-żewġ għajnuniet huma rregolati minn dispożizzjonijiet distinti u li r-regola li għajnuna ma tistax tingħata iktar minn darba, skont dan ir-regolament, tapplika għal kull sottomiżura individwalment u mhux għall-akkumulazzjoni tagħhom.

26

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) u (i) tar-Regolament Nru 1305/2013 lil bidwi li jkun diġà bbenefika mill-għajnuna taħt il-paragrafu 1(a)(iii) tal-istess artikolu.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 19(1)(a) [tar-Regolament Nru 1305/2013] moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-istess regolament u mal-Linji Gwida [dwar l-Agrikoltura 2014‑2020], għandu jiġi interpretat fis-sens li:

1)

bidwi jitlef il-kwalità ta’ ‘bidwi żagħżugħ’ minħabba s-sempliċi fatt li huwa kien irċieva, sentejn qabel, l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli żgħar prevista fl-Artikolu 19(1)(a)(iii) tar-Regolament Nru 1305/2013?

2)

dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lil Stat Membru li jadotta regoli li jipprojbixxu l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 19(1)(a)(i) [ta’ dan ir-regolament] lil bidwi li jkun diġà rċieva l-għajnuna prevista fl-Artikolu 19(1)(a)(iii)?

3)

Stat Membru għandu d-dritt li jirrifjuta l-applikazzjoni tal-kumulu tal-għajnuna lil bidwi meta l-ordni ta’ kumulu stabbilita fil-programm ta’ żvilupp rurali miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea ma tkunx ġiet osservata?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li bidwi li jkun ibbenefika mill-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni, ikun jista’ jakkumula din l-għajnuna mal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, prevista fil-punt (a)(i) tal-istess dispożizzjoni.

29

Kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1)(a) ta’ dan ir-regolament, l-għajnuna taħt il-miżura “Żvilupp ta’ azjendi agrikoli u negozji” tkopri tliet tipi ta’ għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji, fosthom dik għall-bdiewa żgħażagħ u dik għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar.

30

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 808/2014 jindika, fil-Parti 5 tiegħu dwar il-Kodiċijiet tal-miżuri u s-sottomiżuri, il-kodiċi li jikkorrispondi għall-għajnuna taħt il-miżura “Żvilupp ta’ azjendi agrikoli u negozji” prevista fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1305/2013 u l-kodiċijiet li jikkorrispondu rispettivament għas-sottomiżuri “Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ” u “Għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp tal-azjendi żgħar”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1305/2013 jipprovdi li l-għajnuna prevista fil-paragrafu 1(a)(i) ta’ dan l-artikolu hija mogħtija lill-bdiewa żgħażagħ u dik prevista fil-paragrafu 1(a)(iii) tiegħu hija mogħtija lill-azjendi żgħar, kif iddefiniti mill-Istati Membri.

32

Filwaqt li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tħalli għalhekk f’idejn l-Istati Membri l-oneru li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “azjendi żgħar”, l-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament Nru 1305/2013 jiddefinixxi l-“bidwi żagħżugħ” bħala “persuna li jkollha inqas minn 40 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, li jkollha ħiliet u kompetenzi professjonali adegwati u li tkun qiegħda tistabbilixxi lilha nnifisha għall-ewwel darba f’azjenda agrikola bħala l-kap ta’ dik l-azjenda”.

33

Għalkemm il-kliem tal-Artikolu 19(1)(a) tal-imsemmi regolament, jirrigwarda b’mod partikolari l-għoti taż-żewġ għajnuniet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li dan ma jistabbilixxix ordni ta’ għoti ta’ dawn l-għajnuniet, u lanqas ma jeskludi b’mod espliċitu l-għoti kumulattiv tagħhom.

34

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013 jipprevedi li l-għoti tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, li taħtu jaqgħu ż-żewġ għajnuniet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa suġġett għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ negozju u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan.

35

Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-limitu minimu u l-limitu massimu għall-aċċess tal-azjendi agrikoli għall-għajnuna skont il-paragrafu 1(a)(i) u (iii) ta’ dan l-artikolu. Huwa jistabbilixxi li l-limitu minimu għall-għajnuna taħt dan il-paragrafu 1(a)(i) għandu jkun ogħla mil-limitu massimu stabbilit għall-għajnuna taħt l-imsemmi paragrafu 1(a)(iii), u li din l-għajnuna hija limitata għall-azjendi li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-impriżi mikro u żgħar.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(8) tar-Regolament Nru 1305/2013, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta atti ta’ delega b’mod partikolari għad-definizzjoni tal-limiti previsti fl-imsemmi paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 19. Għalhekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014 jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limiti msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 19(4) f’termini tal-potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, imkejla bħala produzzjoni standard jew ekwivalenti.

37

Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, minn naħa, l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1305/2013 ma jindirizzax, espliċitament, il-kwistjoni tal-akkumulazzjoni tal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 19(1)(a)(i) u (iii) tiegħu, u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment tal-limiti għal din l-għajnuna, bħal dawk imsemmija f’dan il-paragrafu 4, ma jipprekludix li l-għajnuna kkonċernata tkun tista’ tiġi akkumulata, sakemm l-ammont massimu tal-għajnuna mogħtija, kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 19, ikun osservat.

38

Fil-fatt, ma huwiex eskluż li, wara li jkun kiseb għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjenda agrikola żgħira, il-benefiċjarju tagħha jgawdi minn tkabbir tal-potenzjal tal-produzzjoni tiegħu, possibbilment, bħala riżultat tal-kisba tal-ewwel għajnuna, b’tali mod li jiddeċiedi li jistabbilixxi ruħu bħala “bidwi żagħżugħ”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(n) tal-imsemmi regolament.

39

Għalhekk, il-kwalità ta’ benefiċjarju ta’ tali għajnuna ma teskludix li wieħed ikun jista’ jitlob dik ta’ “bidwi żagħżugħ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi biss kriterji ta’ età, ta’ kompetenza kif ukoll tal-ewwel installazzjoni bħala kap ta’ azjenda agrikola. Minn dan isegwi li bidwi, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi kklassifikat bħala “bidwi żagħżugħ”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, anki meta jkun diġà bbenefika mill-għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fl-Artikolu 19(1)(a)(iii) ta’ dan ir-regolament.

40

Il-kriterju tal-ewwel installazzjoni f’azjenda agrikola ma timplikax neċessarjament li l-azjenda agrikola li fl-ambitu tagħha l-“bidwi żagħżugħ” jinstalla ruħu għall-ewwel darba tkun azjenda ġdida, billi dan il-kriterju jista’ jiġi ssodisfatt ukoll meta “bidwi żagħżugħ” ikun jixtieq ikompli jiżviluppa azjenda qadima.

41

Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġu akkumulati ż-żewġ għajnuniet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sostnuta mill-fatt li r-Regolament Nru 1305/2013 ippreveda l-ħlas tal-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ mhux f’daqqa, iżda b’mod gradwali, billi l-possibbiltà ta’ tali ħlas maqsum f’partijiet hija espressament prevista fl-Artikolu 19(5) ta’ dan ir-regolament u riflessa, barra minn hekk, fil-premessa 17 tiegħu.

42

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li bidwi żagħżugħ ikun jista’ jitlob, anki wara l-kisba tal-għajnuna għall-iżvilupp ta’ azjenda agrikola żgħira, il-benefiċċju tal-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ, li minnu sussegwentement jitnaqqas l-ammont diġà rċevut bħala l-ewwel għajnuna, jieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir-realtà tal-ħajja tal-bdiewa żgħażagħ u huwa konformi kemm mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1305/2013 kif ukoll mal-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp rurali.

43

Fil-fatt, il-bżonn li l-bdiewa jiġu inkoraġġuti fil-fażi ta’ installazzjoni sabiex ikabbru u jiżviluppaw l-azjendi tagħhom u konsegwentement jemendaw il-pjanijiet ta’ negozju inizjali tagħhom jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-iżvilupp rurali, kif rifless fil-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ azjendi żgħar li jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli, kif tispeċifika l-premessa 17 tal-imsemmi regolament.

44

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1305/2013 jistabbilixxi kemm l-għanijiet li għalihom għandha tikkontribwixxi l-politika ta’ żvilupp rurali kif ukoll il-prijoritajiet korrispondenti tal-Unjoni, billi jipprevedi l-miżuri adegwati sabiex jimplimentawha. Fil-fatt, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jelenka sitt prijoritajiet għall-iżvilupp rurali, li fosthom jinsab, fil-punt 2 ta’ dan l-artikolu, it-titjib tal-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u l-kompetittività tat-tipi kollha ta’ agrikoltura, kif ukoll it-tiġdid ta’ ġenerazzjonijiet, bl-enfasi b’mod partikolari fuq it-titjib tal-prestazzjoni ekonomika tal-azjendi agrikoli kollha u l-faċilitazzjoni tar-ristrutturar u tal-modernizzazzjoni ta’ dawn l-azjendi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2021, Reġjun ta’ Wallonie (Għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ), C‑830/19, EU:C:2021:552, punt 34).

45

Issa, il-bżonn li l-bdiewa jiġu inkoraġġuti fil-fażi ta’ installazzjoni li jkabbru u jiżviluppaw l-azjendi tagħhom, enfasizzat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jaqa’ wkoll fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali.

46

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet preċiżament uriet ix-xewqa, fil-pjan ta’ negozju tagħha dwar l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ, li tkompli l-proġett mibdi, billi tiżviluppa l-operat tagħha permezz taż-żieda tal-bhejjem tagħha.

47

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(6) tar-Regolament Nru 1305/2013 jillimita s-somom li jistgħu jinkisbu minn individwu bħala bidwi żagħżugħ taħt l-għajnuna prevista fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, billi jipprevedi ammont “massimu” tal-għajnuna mogħtija fuq din il-bażi.

48

Il-punt 99 tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal‑2020 jipprovdi li għajnuna tista’ tingħata simultanjament taħt diversi skemi ta’ għajnuna jew tiġi akkumulata ma’ għajnuna ad hoc bil-kundizzjoni li l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija favur attività jew proġett ma jaqbiżx il-limiti massimi ta’ għajnuna previsti f’dawn il-linji gwida.

49

F’dan ir-rigward, il-punt 184 tal-imsemmija linji gwida jippreċiża li l-ammont massimu tal-għajnuna ma għandux jaqbeż EUR 70000 għal kull bidwi żagħżugħ u EUR 15000 għal kull azjenda żgħira, u l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-ammont tal-għajnuna favur bdiewa żgħażagħ billi jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona kkonċernata.

50

Għalhekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, u kif ġie espost fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-ammont miksub bħala għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjenda agrikola żgħira għandu jitnaqqas mill-ammont li għandu jinkiseb fil-kuntest tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għal bidwi żagħżugħ, b’tali mod li l-limitu massimu tal-għajnuna għal kull bidwi żagħżugħ, previst fl-Artikolu 19(6) u fl-Anness II tar-Regolament Nru 1305/2013, ma jinqabiżx.

51

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li bidwi li jkun ibbenefika mill-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jakkumula din l-għajnuna mal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, prevista fil-punt (a)(i) tal-istess dispożizzjoni, sakemm l-ammont massimu tal-għajnuna mogħtija, kif previst fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, ikun osservat.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

52

Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni, jeskludi l-ksib tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, prevista fil-punt (a)(i) tal-istess dispożizzjoni.

53

Il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ dawn id-domandi jikkonċernaw b’mod iktar preċiż il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ skema ta’ għoti ta’ dawn iż-żewġ għajnuniet sabiex jiġu stabbiliti negozji.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jimplimentaw ir-Regolament Nru 1305/2013 permezz tal-programmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali tagħhom. Kif jirriżulta mill-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, u kif huwa rifless fil-premessa 7 tiegħu, il-FAEŻR jaġixxi, fil-fatt, f’dawn l-Istati, permezz tal-imsemmija programmi.

55

Kull Stat Membru għandu, għalhekk, ifassal programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali li jkopri t-territorju kollu tiegħu, sett ta’ programmi reġjonali jew fl-istess ħin programm nazzjonali u sett ta’ programmi reġjonali, u dawn il-programmi jimplimentaw strateġija maħsuba sabiex tissodisfa l-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali.

56

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1305/2013 iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna li huwa jipprevedi.

57

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, huwa jistabbilixxi r-regoli dwar l-ipprogrammar, in-networking, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni abbażi tar-“responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni”, kif ukoll ir-regoli sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-FAEŻR mal-istrumenti l-oħra tal-Unjoni.

58

Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dan il-kuntest jista’ jikkonċerna b’mod partikolari l-kriterji ta’ għażla tal-proġetti, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji intiżi għall-iżvilupp rurali jintużaw bl-aħjar mod possibbli u sabiex l-miżuri taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali jiġu orjentati b’mod konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali u sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-applikanti.

59

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jikkonċerna wkoll l-iżvilupp tal-programmi ta’ żvilupp rurali nazzjonali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-preskrizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs tal-azjendi eliġibbli, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tal-imsemmi regolament, jew tal-ammont tal-għajnuna, kif jirriżulta mill-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

60

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1305/2013, kull miżura għall-iżvilupp rurali għandha tkun ipprogrammata sabiex tikkontribwixxi b’mod speċifiku għall-kisba ta’ prijorità waħda jew ta’ diversi prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali. Issa, għandu jiġi rrilevat li, kif il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu tispeċifika, il-lista ta’ miżuri, li tinsab fl-Anness VI tal-imsemmi regolament u li hija ta’ interess partikolari għall-prijoritajiet tal-Unjoni, hija biss indikattiva.

61

Minn dan isegwi li, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jagħżlu x’jinkludu jew x’ma jinkludux fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali. Għalhekk, huma għandhom il-possibbiltà li jipprevedu restrizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedu projbizzjoni li jsir ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 19(1)(a)(i) tal-imsemmi regolament lil bidwi li jkun diġà bbenefika mill-għajnuna prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni, jeskludi l-ksib tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, prevista fil-punt (a)(i) tal-istess dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li bidwi li jkun ibbenefika mill-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jakkumula din l-għajnuna mal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, prevista fil-punt (a)(i) tal-istess dispożizzjoni, sakemm l-ammont massimu tal-għajnuna mogħtija, kif previst fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, ikun osservat.

 

2)

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-iżvilupp ta’ azjendi żgħar, prevista fil-punt (a)(iii) ta’ din id-dispożizzjoni, jeskludi l-ksib tal-għajnuna sabiex jiġu stabbiliti negozji għall-bdiewa żgħażagħ, prevista fil-punt (a)(i) tal-istess dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top