EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0100

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021.
XY vs Hauptzollamt B.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Tassazzjoni tal-prodotti enerġetiċi u tal-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 17(1)(a) – Tnaqqis fiskali fuq il-konsum ta’ prodotti enerġetiċi u ta’ elettriku favur impriżi b’konsum enerġetiku għoli – Tnaqqis fakultattiv – Modalitajiet ta’ rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati abbażi ta’ fakultà mogħtija lill-Istati Membri f’din id-direttiva – Ħlas tal-interessi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-100/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:716

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Settembru 2021]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Tassazzjoni tal-prodotti enerġetiċi u tal-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 17(1)(a) – Tnaqqis fiskali fuq il-konsum ta’ prodotti enerġetiċi u ta’ elettriku favur impriżi b’konsum enerġetiku għoli – Tnaqqis fakultattiv – Modalitajiet ta’ rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati abbażi ta’ fakultà mogħtija lill-Istati Membri f’din id-direttiva – Ħlas tal-interessi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑100/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal‑Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

XY

vs

Hauptzollamt B,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

[kif irrettifikat bid-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2021] għal XY, minn L. Jesse, Rechtsanwalt,

għall-Hauptzollamt B, minn G. Rittenauer, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Heimerl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u R. Pethke, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, XY u, min-naħa l-oħra, il-Hauptzollamt B (l-Uffiċju Prinċipali tad-Dwana B, il-Ġermanja), dwar aġġustament fiskali li jirrigwarda t-tassazzjoni fuq il-konsum tal-elettriku ta’ XY, b’mod partikolari, dwar l-eżistenza ta’ dritt ta’ din tal-aħħar għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont ta’ taxxa fuq l-elettriku li hija kienet ħallset indebitament u li għalhekk ġie rrimborsat lilha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu:

“(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Jekk kemm‑il darba dawn jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tasazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva u li huma kompatibbli mal-liġi [tal-Unjoni], ati differenti ta’ tassazzjoni jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri, taħt kontoll fiskali, fil-każijiet li ġejjin:

meta r-rati ivarjaw direttament mal-kwalità tal-prodott;

meta r-rati ivarjaw minħabba l-livelli ta’ konsum kwantitattiv għall-elettriku u prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu;

għall-użu kif imsemmi hawn: trasport lokali pubbliku għall-passiġġieri (li jinkludi t-takxis), ġbir ta’ skart, forzi armati u amministrazzjoni pubblika, persuni b’diżabilità, ambulanzi;

bejn użu għan-negozju u dak li mhuwiex, għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku li hemm riferenza għalihom f’L-Artikoli 9 u 10.”

6

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Jekk kemm‑il darba il-livelli minimi ta’ tassazzjoni preskritti f’din id-Direttiva ikunu rispettati fuq livell ġenerali għal kull negozju, Stati membri jistgħu japplikaw tnaqqis fit-taxxa fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu jew għall-skopijiet skond l-Artikolu 8(2)(b) u (c) u fuq l-elettriku fil-każijiet li ġejjin:

a)

favur negozju konċentrat fl-enerġija [impriża b’konsum enerġetiku għoli]

‘negozju konċentrat fl-enerġija [impriża b’konsum enerġetiku għoli]’ għandu jfisser entità kummerċjali, kif riferita fl-Artikolu 11, fejn jew ix-xiri ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku jammontaw għal ta’ l-inqas 3,0 % tal-valur tal-produzzjoni jew it-taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija tammonta għal ta’ l-inqas 0,5 % tal-valur miżjud. F’din id-definizzjoni, Stati membri jistgħu japplikaw kunċetti iktar ristretti, li jinkludi il-valur tal-bejgħ, definizzjonijiet proċessorjali u settorjali.

‘Xiri ta’ oġġetti ta’ l-enerġija u elettriku’ għandu jfisser l-ispiża attwali enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju. Prodotti ta’ elettriku, sħana u enerġija biss u li jintużaw sabiex isaħħnu jew skon l-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(2)(b) u (c) huma inklużi. It-taxxi kollha huma inklużi, ħlief [it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] li trid titnaqqas.

‘Valur tal-produzzjoni’ għandu jfisser bejgħ, u jinkludi sussidji direttament marbutin mal-prezz tal-prodott, iżżid u tnaqqas it-tibdil fl-istokks ta’ oġġetti lesti, xogħol mhux lest u oġġetti u servizzi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, naqqas ix-xiri ta’ oġġetti li se jerġgħu jinbiegħu.

‘Valur miżjud’ għandu jfisser il-bejgħ totali li fuqu tapplika il-VAT li jinkludi bejgħ permezz ta’ esportazzjoni u tnaqqas ix-xiri totali li fuqu tapplika il-VAT inkluż dawk l-oġġetti importati.

Stati Membri, li bħalissa japplikaw sistemi ta’ taxxa nazzjonali dwar l-enerġija u fejn negozji li huma konċentrati fuq l-enerġija huma definiti skond kriterji barra minn spejjeż ta’ enerġija meta tqabbel mal-valur tal-produzzjoni u taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija mqabbla mal-valur miżjud, għandhom jingħataw perjodu ta’ transizzjoni sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2007 biex jadottaw għad-definizzjoni kif imniżżla f’punt (a) l-ewwel subparagrafu;

b)

fejn ikun hemm ftehim milħuq bl-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jew fejn skemi ta’ permessi negozzjabbli jew arranġamenti ekwivalenti ikunu implimentati, jekk kemm‑il darba iwasslu biex jintlaħqu l-oġġettivi dwar protezzjoni ambjentali jew titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija.

2.   Minkejja l-Artikolu 4(1), Stati Membri jistgħu japplikaw livell ta’ tassazzjoni sa zero fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku kif definit fl-Artikolu 2, meta jkunu użati għall-negozji konċentrati fuq enerġija kif definit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Minkejja l-Artikolu 4(1), Stati Membri jistgħu japplikaw livell ta’ tassazzjoni sa 50 % tal-livelli minimi f’din id-Direttiva għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif definit fl-Artikolu 2, meta użati minn entitajiet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 11, li mhumiex konċentrati fuq enerġija kif definit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Negozji li jgawdu mill-possibilitajiet li hemm rifernza għalihom f’paragrafi 2 u 3 għandhom jidħlu fi ftehim, skemi ta’ permessi negozjabbli jew arranġamenti ekwivalenti kif hemm riferut fil-paragrafu 1(b). Il-ftehim, skemi ta’ permessi negozjabbli jew arranġamenti ekwivalenti għandhom iwasslu biex jintlaħqu għanijiet ambjentali jew effiċjenza ikbar fl-enerġija, ġeneralment ekwivalenti għal dak li seta’ nkiseb li kieku r-rati minimi standard tal-Komunità kienu osservati.”

7

Skont l-Artikoli 7, 15, 16 u 19 tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni fil-każijiet li jsir riferiment għalihom.

8

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(5)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Bl-iskop li japplika l-Artikoli 5 u 6 ta’ Direttiva 92/12/KEE [tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)], eletrriċità u gass naturali għandhom ikunu suġġett għall-tassazzjoni u għandhom jiġu dovuti meta ssir il-fornitura mid-distributur jew ridistributur.”

Id-dritt Ġermaniż

9

Ix-Stromsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Elettriku) tal‑24 ta’ Marzu 1999 (BGBl. 1999 I, p. 378, u BGBl. 2000 I, p. 147), kif emendata bil-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 2794) (iktar ’il quddiem ix-“StromStG”), jipprovdi, fl-Artikolu 3, intitolat “Rata ta’ tassazzjoni”:

“It-taxxa hija ta’ EUR 20.50 għal kull megawatt fis-siegħa”.

10

L-Artikolu 9 tax-StromStG, intitolat “Eżenzjonijiet u tnaqqis ta’ taxxa”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-elettriku huwa suġġett, għall-eċċezzjoni għall-każijiet li jaqgħu taħt il-punt 2 tal-paragrafu 2, għal taxxa b’rata mnaqqsa ta’ EUR 12.30 għal kull megawatt fis-siegħa jekk din tinġabar mingħand impriża li topera fl-industrija tal-manifattura jew dik agrikola jew forestali għal finijiet marbuta mat-twettiq tan-negozju u ma huwiex eżentat mit-taxxa skont il-paragrafu 1.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

XY hija impriża tal-manifattura li, fl‑2010, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, kisbet l-elettriku min-network ta’ provvista sabiex tiċċarġja l-akkumulaturi.

12

Fid-dikjarazzjoni tagħha dwar it-taxxa fuq l-elettriku għas-sena 2010, XY iddikjarat li l-volum ta’ elettriku miksub intuża għall-konsum proprju tagħha u għażlet l-applikazzjoni tat-taxxa b’rata mnaqqsa prevista fl-Artikolu 9(3) tax-StromStG. Fl-avviż tat-taxxa korrispondenti, l-Uffiċju Prinċipali tad-Dwana B madankollu applika t-taxxa fuq l-elettriku bir-rata normali, fatt li ġie kkontestat minn XY.

13

Wara li ġie kkonstatat, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għas-sena 2006, li t-taxxa b’rata mnaqqsa prevista fl-Artikolu 9(3) tax-StromStG kienet applikabbli, l-Uffiċju Prinċipali tad-Dwana B reġa’ lura mid-deċiżjoni tiegħu għal dak li jikkonċerna s-sena 2010, billi qies b’mod definittiv li XY kellha d-dritt titlob l-applikazzjoni ta’ din it-taxxa, u pproċeda, fis-27 ta’ Awwissu 2013, bir-rettifika tal-avviż tat-taxxa ta’ XY kif ukoll għar-rimbors tal-ammont imħallas indebitament minn din tal-aħħar għas-sena 2010.

14

F’Diċembru 2014, XY talbet li l-ammont irrimborsat għas-sena 2010 jiżdied bl-interessi moratorji, li ġie rrifjutat mill-Uffiċju Prinċipali tad-Dwana B.

15

Ir-rikors ta’ XY intiż sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ dawn l-interessi moratorji ġie miċħud mill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), minħabba li XY ma kellhiex dritt għalihom, la skont id-dritt tal-Unjoni u lanqas skont id-dritt Ġermaniż. B’mod partikolari, skont dik il-qorti, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix li l-ammont irrimborsat għandu jiżdied bl-interessi moratorji. Fil-fatt, minn naħa, il-ksib ta’ elettriku sabiex jiġu ċċarġjati l-akkumulaturi ma huwiex inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura fakultattiva, b’tali mod li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix il-ħlas ta’ interessi moratorji fil-każ ta’ rimbors.

16

XY ippreżentat appell għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Skont XY, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitħallsu interessi moratorji fil-każ ta’ rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, u dan anki fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ tnaqqis fakultattiv tat-taxxa. Wara kollox, l-iċċarġjar ta’ batterija jikkostitwixxi operazzjoni riversibbli li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96.

17

Kuntrarjament għall-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi), il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tqis li l-attività ta’ XY taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 u tistaqsi biss dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-ammont tat-taxxa fuq l-elettriku indebitament imħallas u rrimborsat lilha għandux jiżdied bl-interessi moratorji.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Mad-dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq l-elettriku stabbilita b’mod żbaljat għandhom, skont id-dritt tal-Unjoni, jiżdiedu l-interessi, meta l-iffissar ta’ taxxa fuq l-elettriku iktar baxxa kien ibbażat fuq it-tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv previst fl-Artikolu 17(1)(a) tad-[Direttiva 2003/96] u meta l-iffissar ta’ taxxa għolja wisq sar biss minħabba żball imwettaq fl-applikazzjoni fil-każ inkwistjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali adottata għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) ta’ din id-direttiva?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż, mingħajr ma jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, iqis, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96, l-elettriku pprovdut sabiex jinħażen f’akkumulaturi għandu jiġi ntaxxat jew ukoll jiġi ntaxxat fil-mument tad-distribuzzjoni ulterjuri tiegħu lil terzi. Din l-opinjoni hija differenti mill-premessa tal-qorti tar-rinviju, li tqis li l-provvista tal-elettriku għall-ħażna f’akkumulaturi hija l-uniku fatt taxxabbli għat-taxxa kkonċernata.

20

Dawn l-osservazzjonijiet ma jaffettwawx l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula.

21

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew inkella meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex taqta’ t-tilwima pendenti quddiemha (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Mid-domanda magħmula jirriżulta li hija għandha rabta mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li din ma għandhiex bħala suġġett l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96, iżda l-kundizzjonijiet għar-rimbors ta’ taxxa miġbura abbażi tal-applikazzjoni żbaljata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta fakultà prevista minn din id-direttiva.

23

Għall-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-domanda magħmula ma kellhiex tirreferi għall-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, iżda għar-raba’ inċiż tal-Artikolu 5 tagħha.

24

F’dan ir-rigward, kif osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat li kemm il-vantaġġi fiskali għall-impriżi b’konsum għoli ta’ enerġija, previsti fl-imsemmi Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati skont l-użu kummerċjali jew mhux kummerċjali tal-elettriku, imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, huma ta’ natura fakultattiva għall-Istati Membri. Ir-riżoluzzjoni tal-problema ġuridika mqajma fid-domanda magħmula tista’ għalhekk tkun importanti għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-bażi legali li fuqha l-leġiżlatur Ġermaniż introduċa l-applikazzjoni tar-rati ta’ taxxa differenzjati kkonċernati.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li, fil-każ ta’ rimbors tal-ammont tat-taxxa indebitament imħallsa fuq l-elettriku, minħabba l-applikazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni nazzjonali, adottata abbażi ta’ fakultà mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 2003/96, dan l-ammont għandux jiżdied bl-interessi.

26

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati, bħala prinċipju, jirrimborsaw it-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ April 2020, Sole‑Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági, C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2020:292, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta Stat Membru jkun ġabar taxxi bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-individwi għandhom id-dritt mhux biss għar-rimbors tat-taxxa indebitament imħallsa, iżda wkoll għall-ammonti mħallsa lil dan l-Istat jew miżmuma minnu b’rabta diretta ma’ din it-taxxa. Dan jinkludi wkoll it-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ somom ta’ flus wara l-ġbir prematur tat-taxxa. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ obbligu tal-Istati Membri li jirrimborsaw bl-interessi l-ammonti tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn dan id-dritt tal-aħħar (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ April 2020, Sole‑Mizo u Dalmandi Mezőgazdasági, C‑13/18 u C‑126/18, EU:C:2020:292, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ żieda bl-interessi tal-ammont tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni japplika wkoll meta dan il-ksur jirriżulta minn ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt.

29

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/96 għandha bħala għan, kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 5 u mill-Artikolu 1 tagħha, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Repsol Petróleo, C‑44/19, EU:C:2020:982, punt 21).

30

Fil-kuntest ta’ din is-sistema, il-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikoli 5, 7, 15 sa 17 u 19 ta’ din id-direttiva, ikkonferixxa lill-Istati Membri sensiela ta’ possibbiltajiet sabiex jintroduċu rati ta’ tassazzjoni ddifferenzjati, eżenzjonijiet mit-taxxa jew tnaqqis fiskali tad-dazji tas-sisa, liema possibbiltajiet jagħmlu parti integrali mis-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita mill-imsemmija direttiva.

31

Għal dan il-għan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali li huma għandhom bis-saħħa ta’ dawn l-artikoli b’rispett tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jirrigwarda kemm il-miżuri li permezz tagħhom tintuża din is-setgħa diskrezzjonali kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom.

32

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, mill-perspettiva tal-ammont tat-taxxa indebitament imħallsa u tal-obbligu ta’ rimbors korrispondenti, operatur ekonomiku suġġett għal rata mnaqqsa tat-taxxa fuq l-elettriku b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timplimenta l-fakultà prevista mid-Direttiva 2003/96, u li l-ammont tagħha tħallas indebitament, jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ operatur ekonomiku suġġett għar-rata normali ta’ din it-taxxa b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, li l-ammont tagħha tħallas indebitament.

34

Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti, li jimplika, fil-każ ta’ rimbors, l-obbligu taż-żieda tal-interessi fuq l-ammont tat-taxxa indebitament imħallsa.

35

Fil-fatt, il-paragun bejn l-operaturi ekonomiċi għandu jsir skont jekk ikunux ġarrbu jew le t-telf ikkostitwit mill-indisponibbiltà ta’ somom ta’ flus wara l-eżiġibbiltà żbaljata tat-taxxa, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, indipendentement minn jekk dawn ikunux jaqgħu taħt l-applikazzjoni tar-rata normali jew tar-rata mnaqqsa tagħha, peress li ż-żewġ rati jaqgħu taħt l-istess sistema armonizzata stabbilita mid-Direttiva 2003/96.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fil-każ ta’ rimbors tal-ammont tat-taxxa indebitament imħallsa fuq l-elettriku, minħabba l-applikazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni nazzjonali, adottata abbażi ta’ fakultà mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva 2003/96, dan l-ammont għandu jitħallas bl-interessi.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li, fil-każ ta’ rimbors tal-ammont tat-taxxa indebitament imħallsa fuq l-elettriku, minħabba l-applikazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni nazzjonali, adottata abbażi ta’ fakultà mogħtija lill-Istati Membri mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, dan l-ammont għandu jitħallas bl-interessi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top