EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0066

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Settembru 2021.
Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster vs XK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Procura della Repubblica di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja) – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-66/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:670

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja) – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑66/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa miill-Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li jirrigwarda

XK,

fil-preżenza ta’:

Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello u E. Figliolia, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u F. Halabi, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Pimenta, D. Capinha, P. Barros da Costa u L. Medeiros, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni, fl-Italja, ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster (l-Uffiċju għal Reati Fiskali, Münster, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt Münster”) fir-rigward ta’ XK.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 34 tad-Direttiva 2014/41 hija fformulata kif ġej:

“Din id-Direttiva, permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tittratta biss miżuri provviżorji unikament bil-ħsieb tal-ġbir ta’ provi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kwalunkwe oġġett, inklużi assi finanzjarji, jista’ jkun suġġett għal diversi miżuri interim matul il-proċedimenti kriminali, mhux biss bil-ħsieb tal-ġbir ta’ provi iżda wkoll bil-ħsieb ta’ konfiska. Id-distinzjoni bejn iż-żewġ objettivi ta’ miżuri interim mhijiex dejjem ovvja u li l-objettiv tal-miżura interim jista’ jinbidel matul il-proċedimenti. Għal din ir-raġuni, huwa kruċjali li tinżamm interrelazzjoni bla xkiel bejn id-diversi strumenti applikabbli f’dan il-qasam. Barra minn hekk, għall-istess raġuni, il-valutazzjoni ta’ jekk punt għandux jintuża fil-provi u għalhekk ikun l-oġġett ta’ OIE għandha titħalla għall-awtorità emittenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (“l-Istat emittenti”) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

| ‘awtorità emittenti’ tfisser:

|(i)

imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE;

(d)

‘awtorità ta’ eżekuzzjoni’ tfisser awtorità b’kompetenza li tirrikonoxxi OIE u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Kontenut u għamla tal-OIE”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-OIE fil-forma stabbilita fl-Anness A għandu jitlesta, jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu jiġi ċċertifikat bħala preċiż u korrett mill-awtorità emittenti.

L-OIE għandu, b’mod partikolari, jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

a)

data dwar l-awtorità emittenti u, fejn applikabbli, l-awtorità ta’ validazzjoni;

[…]”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”, jipprevedi:

“1.   L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

(b)

il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2.   Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3.   Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”

8

Fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.

2.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.   Fejn awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma jkunx inħareġ minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 2(c), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-OIE lill-Istat emittenti.”.

9

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni”, jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

10

Il-formola dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li tinsab fl-Anness A tal-istess direttiva, tinkludi, b’mod partikolari, Taqsima L, li fiha għandhom jiġu indikati, jekk ikun hemm bżonn, id-dettalji tal-awtorità ġudizzjarja li vvalidat l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

Id-dritt Ġermaniż

11

L-Artikolu 386 tal-Kodeks pracy (il-Kodiċi tax-Xogħol), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)   Jekk jiġi ssuspettat ksur fiskali, l-awtorità fiskali għandha twettaq investigazzjoni fuq il-fatti. Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, il-‘Hauptzollamt’ [l-Uffiċċju Ewlieni tad-Dwana], il-‘Finanzamt’ [l-Uffiċċju tat-Taxxa], il-‘Bundeszentralamt für Steuern’ [l-Uffiċċju Federali tat-Taxxa] u l-‘Familienkasse’ [il-Fond ta’ Benefiċċji tal-Familja] huma kklassifikati bħala awtorità fiskali.

(2)   L-awtorità fiskali għandha tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni b’mod indipendenti, filwaqt li tirrispetta l-limiti tal-Artikolu 399(1), u tal-Artikoli 400 u 401, meta l-fatti:

1.

jikkostitwixxu esklużivament ksur fiskali jew

2.

fl-istess ħin, jiksru liġijiet kriminali oħra u li l-ksur jikkonċerna t-taxxi tal-qima jew taxxi legali oħra marbuta ma’ bażijiet fiskali, il-bażijiet fiskali għall-artijiet u l-bini jew l-ammonti tat-taxxi.

(3)   Il-paragrafu 2 ma japplikax jekk l-akkużat kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ arrest jew ta’ priġunerija.

(4)   L-awtorità fiskali tista’, f’kull mument, tittrasferixxi l-proċeduri kriminali lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, u l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ fi kwalunkwe ħin jibda l-proċeduri kriminali. Fiż-żewġ każijiet, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’, bi qbil mal-awtorità fiskali, jgħaddi lura l-kawża lill-awtorità fiskali.”

12

L-Artikolu 399(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk l-awtorità fiskali taġixxi b’mod indipendenti skont l-Artikolu 386(2), hija teżerċita d-drittijiet u l-obbligi li huma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-fażi ta’ investigazzjoni preliminari.”

13

Skont l-Artikolu 400 tal-imsemmi kodiċi:

“Jekk, matul l-investigazzjonijiet, ikunu ssodisfatti provi suffiċjenti sabiex il-kawża tintbagħat lura, l-awtorità fiskali titlob lill-qorti tipproċedi għall-ħruġ ta’ digriet kriminali sommarju, jekk il-kawża kriminali tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ digriet kriminali sommarju; Jekk dan ma jkunx il-każ, l-awtorità fiskali għandha tibgħat il-fajl lill-Uffiċċju tal-Prosekutur.”

Id-dritt Taljan

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

14

L-Artikolu 257(1) tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) huwa fformulat kif ġej:

“Skont l-Artikolu 324, il-persuna akkużata, il-persuna li l-beni tagħha jkunu ġew issekwestrati u l-persuna li jkollha dritt għall-ħlas lura tagħha tista’ tressaq, kontra d-deċiżjoni ta’ sekwestru, talba għal eżami mill-ġdid, inkluż fil-mertu.”

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17

15

Id-Direttiva 2014/41 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo n. 108 – Norme di attuazione della direttiva 2014/41/UE del Parlamento europeo et del Consiglio, del 3 aprile 2014, relativa all’ordine europeo di indagine penale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 108 dwar id-Dispożizzjonijiet ta’ Traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’Materji Kriminali), tal-21 ta’ Ġunju 2017 (GURI Nru 162, tat-13 ta’ Lulju 2017, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17”).

16

L-Artikolu 4(1) sa (4) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17 jipprevedi:

“1.   Il-Prosekutur tar-Repubblika quddiem il-qorti tal-kapital tad-disrett li fih għandhom jiġu eżegwiti l-miżuri mitluba, għandu, permezz ta’ digriet motivat, jirrikonoxxi l-ordni ta’ investigazzjoni fi żmien 30 jum minn meta jirċeviha jew, fejn xieraq, f’perijodu differenti indikat mill-awtorità emittenti, li ma jistax ikun ta’ iktar minn 60 jum. Il-Prosekutur tar-Repubblika għandu jinforma lill-procuratore nazionale antimafia e antiterrorismo [(il-Prosekutur Nazzjonali Anti-mafia u Anti-terroriżmu)] li jirċievi l-ordni ta’ investigazzjoni għall-finijiet tal-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet, fil-każ ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw ir-reati msemmija fl-Artikolu 51(3a) u (3c) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Fi kwalunkwe każ, kopja tad-deċiżjoni ta’ investigazzjoni riċevuta tintbagħat lill-Ministeru għall-Ġustizzja.

2.   Għandha tiġi eżegwita fi żmien 90 jum li jsegwu, skont forom espressament mitluba mill-awtorità emittenti sakemm dawn ma jmorrux kontra l-prinċipji tal-ordinament ġuridiku tal-Istat. It-twettiq tal-atti msemmija fl-Artikoli 21 u 22 huwa, fi kwalunkwe każ, irregolat mid-dritt Taljan.

3.   Fejn ikun hemm raġunijiet ta’ urġenza jew ta’ neċessità, għandu jingħata rikonoxximent u eżekuzzjoni fl-iqsar terminu indikat mill-awtorità emittenti.

4.   Id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent hija kkomunikata mis-segretarjat tal-prosekutur lill-avukat tal-persuna ssuspettata fit-terminu stabbilit għan-notifika li dan għandu dritt għaliha, skont il-liġi Taljana, għat-twettiq tal-att. Meta l-liġi Taljana tipprevedi biss id-dritt tal-avukat li jassisti għat-twettiq tal-att mingħajr notifika minn qabel, id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent għandha tiġi nnotifikata fil-mument stess tat-twettiq tal-att jew immedjatament wara.”

17

L-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa redatt kif ġej:

“1.   Meta l-awtorità emittenti titlob li l-miżura tiġi eżegwita mill-qorti jew meta l-att mitlub għandu jiġi eżegwit minn qorti skont il-liġi Taljana, il-Prosekutur tar-Repubblika għandu jirrikonoxxi l-ordni ta’ investigazzjoni u jitlob l-eżekuzzjoni tiegħu mill-imħallef responsabbli għall-investigazzjoni preliminari.

2.   Malli tirċievi t-talba, il-qorti tawtorizza l-eżekuzzjoni wara verifika tal-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-ordni ta’ investigazzjoni.”

18

L-Artikolu 13 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“1.   F’terminu ta’ ħamest ijiem min-notifika msemmija fl-Artikolu 4(4), il-persuna ssuspettata u l-avukat tagħha jistgħu jressqu oppożizzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent quddiem l-imħallef responsabbli għall-investigazzjoni preliminari.

2.   L-imħallef għall-investigazzjonijiet preliminari jiddeċiedi permezz ta’ digriet, wara li jkun sema’ lill-Prosekutur tar-Repubblika. Id-digriet għandu jiġi nnotifikat lill-prosekutur tar-Repubblika u nnotifikat lill-persuna kkonċernata.

3.   Il-Prosekutur tar-Repubblika għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtorità emittenti bid-deċiżjoni. Meta l-oppożizzjoni tintlaqa’, id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent hija annullata.

4.   L-oppożizzjoni ma għandhiex effett sospensiv fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ investigazzjoni u fuq it-trażmissjoni tar-riżultati tal-attivitajiet imwettqa. Fi kwalunkwe każ, il-Prosekutur tar-Repubblika jista’ ma jittrażmettix ir-riżultati tal-attivitajiet eżerċitati jekk ikun hemm riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli għall-persuna ssuspettata, għall-persuna akkużata jew għall-persuna kkonċernata, barra minn hekk, mit-twettiq tal-att.

5.   Meta r-raġunijiet ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 10 jiġu ssodisfatti, l-imħallef għall-investigazzjonijiet preliminari, meta jkollu quddiemu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 5, jordna, ukoll fuq talba tal-partijiet, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent maħruġa mill-Prosekutur tar-Repubblika.

6.   Fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent ma għandhiex titwettaq.

7.   Il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata, l-avukat tagħha, il-persuna li kienet is-suġġett ta’ ffriżar ta’ provi jew ta’ beni, kif ukoll il-persuna li għandha dritt għall-ħlas lura tagħhom jistgħu wkoll iressqu oppożizzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-ordni ta’ investigazzjoni dwar l-iffriżar ta’ provi. Il-qorti għandha tiddeċiedi in camera skont l-Artikolu 127 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi appellata fil-kassazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u mill-persuni kkonċernati għal ksur tal-liġi, f’terminu ta’ 10 ijiem min-notifika tagħha. Il-Qorti tal-Kassazzjoni tiddeċiedi in camera f’terminu ta’ 30 jum li jibda jiddekorri mid-data tal-appell. L-appell ma għandux effett sospensiv.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Fl-14 ta’ Novembru 2019, il-Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento”) rċieva Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea maħruġa fl-istess jum mill-Uffiċju għal Reati Fiskali ta’ Münster, għal tfittxija ta’ ċertu bini kummerċjali, fil-kuntest ta’ investigazzjoni għal frodi fiskali, skont il-Kodiċi Fiskali.

20

It-Taqsima L ta’ din l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, li fiha għandhom jidhru, sa fejn meħtieġ, id-dettalji tal-awtorità ġudizzjarja li vvalidat l-imsemmija ordni ta’ investigazzjoni, ma kinitx issodisfatta.

21

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento talab lill-Uffiċju għal Reati Fiskali ta’ Münster sabiex tibgħatlu kopja tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea vvalidata minn awtorità ġudizzjarja.

22

Permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Jannar 2020, l-Uffiċju għal Reati Fiskali ta’ Münster, informat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento li l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea ma kellhiex tiġi vvalidata minn awtorità ġudizzjarja. Fil-fatt huwa spjega li, billi jeżerċita, skont l-Artikolu 399(1) tal-Kodiċi Fiskali, il-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-proċeduri ta’ ksur fiskali, huwa kellu jitqies bħala huwa stess awtorità ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2014/41.

23

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jirrileva li l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea għandha neċessarjament tkun deċiżjoni ġudizzjarja, fis-sens li, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2014/41, din għandha tiġi adottata minn awtorità ġudizzjarja jew adottata minn awtorità amministrattiva u vvalidata minn awtorità ġudizzjarja.

24

Fil-fatt, u kif jirriżulta, b’analoġija, mis-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C-453/16 PPU, EU:C:2016:860), li kienet tikkonċerna l-mandat ta’ arrest Ewropew irregolat mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri jimplika l-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

25

Issa, f’dan il-każ, l-Uffiċju għal Reati Fiskali ta’ Münster, li hija awtorità amministrattiva, issostni li huwa jista’ joħroġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, iffirmata mid-direttur amministrattiv tiegħu, mingħajr ma din id-deċiżjoni għandha tiġi vvalidata minn imħallef jew prosekutur pubbliku, minħabba li huwa awtorizzat jeżerċita l-istess drittijiet u l-istess responsabbiltajiet bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż, skont l-Artikolu 399(1) tal-Kodiċi Fiskali Ġermaniż.

26

Għalhekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jenfasizza li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2014/41 jawtorizzax Stat Membru li jibgħat Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea maħruġa minn awtorità amministrattiva meta din ma tkunx ġiet ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja.

27

F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jqis li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG et PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)(C‑508/18 u C-82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 4849), li fiha kienet inkwistjoni d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huma applikabbli fil-kuntest tad-Direttiva 2014/41, peress li Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, minkejja li ma għandhiex effett fuq il-libertà individwali, tikkostitwixxi miżura intrużiva ħafna.

28

Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jikkunsidra li huwa awtorizzat jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja l-fatt li rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jsir biss, skont il-kliem tal-Artikolu 267 TFUE, minn “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”.

29

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:491), li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Taljan ma kienx awtorizzat jadixxi b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, din is-sentenza ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tikkonċerna proċeduri kriminali miftuħa quddiem dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur, li ma kellux bħala missjoni li jiddeċiedi b’indipendenza sħiħa tilwima, iżda li jissuġġettaha, jekk ikun il-każ, għall-konjizzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

30

Issa, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento josserva li ma huwiex parti fil-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija fil-Ġermanja mill-Uffiċju għal Reati Fiskali ta’ Münster. Barra minn hekk, huwa ma jista’ jeżerċita ebda azzjoni kriminali fl-Italja għall-fatti msemmija mill-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas jissuġġetta għall-evalwazzjoni ta’ qorti din l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, peress li, fid-dritt Taljan, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur u mhux l-imħallef li għandu jirrikonoxxi Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea u, konsegwentement, li jeżegwixxi jew, jekk ikun il-każ, jirrifjuta r-rikonoxximent tagħha. Għaldaqstant, ebda qorti ma tipparteċipa fil-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ tali deċiżjoni.

31

Għalhekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Taljan għandu jiġi kklassifikat bħala korp li għandu bħala funzjoni li “jiddeċiedi b’indipendenza sħiħa kontroversja” u, għalhekk, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento ddeċieda li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(ċ)(ii) tad-Direttiva 2014/41 […] safejn jipprevedi li tista’ tkun ikkunsidrata wkoll bħala awtorità emittenti ‘kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali’, billi tipprovdi f’dan il-każ, madankollu ‘qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jeżenta lil awtorità amministrattiva mill-obbligu li l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) tkun ivvalidata billi tikklassifikaha bħala ‘awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 2 tad-direttiva’?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

33

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni esprimew dubji dwar jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento għandux il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan il-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fir-rigward tal-kriterji rrelatati mal-oriġini legali tal-korp tar-rinviju, mal-permanenza tiegħu, man-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, mal-indipendenza tiegħu, kif ukoll mal-applikazzjoni, minn dan il-korp, tad-dispożizzjonijiet legali, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento ma jissodisfax dawn il-kriterji.

36

Madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, fil-kuntest tal-proċedura li wasslitha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jaġixxix fl-eżerċizzju ta’ attività ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

37

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċedura li matulha l-qorti nazzjonali tifformula domanda preliminari, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk dawn jintalbu jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Issa, meta jaġixxi bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2014/41, uffiċċju ta’ prosekutur Taljan, bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento, ma huwiex mitlub jiddeċiedi tilwima u ma jistax, konsegwentement, jitqies li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja.

39

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea bħala ordni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru sabiex tiġi eżegwita miżura jew diversi miżuri investigattivi speċifiċi fi Stat Membru ieħor bil-għan li jinkisbu provi, skont din id-direttiva, inklużi dawk li diġà huma fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

40

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra, u għandha tiżgura li din tiġi eżegwita bl-istess mod u skont l-istess modalitajiet daqslikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Skont din l-istess dispożizzjoni, din l-awtorità tista’ tiddeċiedi li ma teżegwixxix Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea billi tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li, meta awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea li ma tkunx inħarġet minn awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura din id-deċiżjoni lill-Istat emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Falsifikazzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bankarju), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punti 43 sa 45).

41

Kif jirriżulta mill-premessa 34 tal-imsemmija direttiva, il-miżuri ta’ investigazzjoni previsti minn Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea huma ta’ natura provviżorja. L-eżekuzzjoni tagħhom għandha biss l-għan li jinkisbu provi u, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-għan ikunu ssodisfatti, li tittrażmettihom lill-awtorità emittenti, imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, li tipproċedi għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, ma tistax titqies li hija responsabbli sabiex “tagħti sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, huma esklużivament l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istat Membru emittenti li għandhom jiddeċiedu b’mod definittiv fuq dawn il-provi fil-kuntest tal-proċedura kriminali miftuħa fih.

43

Għaldaqstant, meta jaġixxi bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2014/41, uffiċċju ta’ prosekutur Taljan, bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento, ma jaġixxix fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

44

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt evokat mill-korp tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet u r-risposti tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17 ma ppreveda ebda stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li ma jirrikonoxxix Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea.

45

Fil-fatt, tali fatt li, barra minn hekk, huwa limitat biss għall-ipoteżi tan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk uffiċċju ta’ prosekutur Taljan, bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento, jeżerċitax attività ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta jintalab jadotta deċiżjoni intiża għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ tali Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea. Dan il-fatt ma jaffettwax il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, li l-miżuri investigattivi previsti minn Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea huma ta’ natura provviżorja u għalhekk id-deċiżjonijiet intiżi għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ tali Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea ma humiex simili għal deċiżjonijiet ta’ natura ġudizzjarja.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem l-organu tar-rinviju, huwa dan l-organu li jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2020, hija inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top