Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0030

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Lulju 2021.
RH vs AB Volvo et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi‑delitt – Post fejn seħħ id-dannu – Akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali – Konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni favur qorti speċjalizzata.
Kawża C-30/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:604

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Lulju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi‑delitt – Post fejn seħħ id-dannu – Akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali – Konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni favur qorti speċjalizzata”

Fil-Kawża C‑30/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n.o 2 de Madrid (il‑Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2020, fil‑proċedura

RH

vs

AB Volvo,

Volvo Group Trucks Central Europe GmbH,

Volvo Lastvagnar AB,

Volvo Group España SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AB Volvo, Volvo Group Trucks Central Europe GmbH, Volvo Lastvagnar AB u Volvo Group España SA, minn R. Murillo Tapia, u N. Gómez Bernardo, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères, N. Vincent u A. Daniel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, RH u, min-naħa l‑oħra, AB Volvo, Volvo Group Trucks Central Europe GmbH, Volvo Lastvagnar AB u Volvo Group España SA, dwar il-ħlas ta’ danni għad-dannu mġarrab minn RH minħabba prattiki antikompetittivi tal-kumpanniji konvenuti fil-kawża prinċipali, li ġew issanzjonati mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-Artikolu 101 TFUE u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il‑“Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 15, 16 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ rabta mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

[…]

(34)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 [tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [ta’ din il-konvenzjoni tal-1968] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4        Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, taħt l-imsemmija Taqsima 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 5(1) tal-istess regolament, li jinsab ukoll taħt l-imsemmija Taqsima 1, jipprevedi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)      a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

[…]

2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        RH hija impriża ddomiċiljata f’Cordoba (Spanja), fejn, bejn is-sena 2004 u s-sena 2009, hija xtrat ħames trakkijiet mingħand konċessjonarju ta’ Volvo Group España. L-ewwel wieħed minn dawn it-trakkijiet kien inizjalment is-suġġett ta’ leasing, qabel ma nxtara minn RH matul is-sena 2008.

8        Fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (ĠU 2017, C 108, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2016”.

9        Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat l-eżistenza ta’ akkordju li fih ipparteċipaw ħmistax‑il manifattur internazzjonali ta’ trakkijiet, fosthom Volvo, Volvo Group Trucks Central Europe u Volvo Lastvagnar, f’dak li jirrigwarda żewġ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri t-trakkijiet li jiżnu bejn 6 tunnellati u 16‑il tunnellata u t-trakkijiet li jiżnu iktar minn 16‑il tunnellata, kemm jekk ikunu trakkijiet bil-kontejner kif ukoll jekk ikunu tal-irmonk.

10      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kien jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha u dam għaddej mis-17 ta’ Jannar 1997 sat-18 ta’ Jannar 2011. Konsegwentement, hija imponiet multi fuq l-entitajiet parteċipanti kollha, bl-eċċezzjoni ta’ entità li bbenefikat, wara proċedura ta’ klemenza, minn immunità totali.

11      RH ressqet azzjoni għall-ħlas tad-danni kontra Volvo (Göteborg), Volvo Group Trucks Central Europe (Ismaning, il-Ġermanja), Volvo Lastvagnar (Göteborg, l-Isvezja) u Volvo Group España (Madrid, Spanja) li insostenn tagħha hija tallega li ġarrbet dannu sa fejn hija xtrat il-ħames vetturi msemmija iktar ’il fuq billi ħallset spejjeż addizzjonali dovuti għall-arranġamenti kollużivi ssanzjonati mill-Kummissjoni.

12      Għalkemm RH xtrat il-vetturi f’Cordoba u hija ddomiċiljata f’dik il-belt, hija ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid, Spanja). Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kkontestawx il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, b’tali mod li, skont id-dritt nazzjonali, huma għandhom jitqiesu li ssottomettew ruħhom b’mod taċitu għall-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti.

13      Madankollu, l-imsemmija konvenuti qajmu kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, billi qiesu li l-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” imsemmi fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa l-post tal-avveniment kawżali, f’dan il-każ, il-post fejn ġie konkluż l-akkordju dwar it-trakkijiet, u mhux il-post tad-domiċilju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Peress li l-akkordju ġie konkluż fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, l-istess konvenuti jikkunsidraw li l-qorti Spanjola ma għandhiex ġurisdizzjoni.

14      Skont il-qorti tar-rinviju, hemm dubji serji dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

15      F’dan ir-rigward, hija tosserva, b’mod konformi mas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 56), li meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti jiġu mfittxija għad-danni minħabba ksur uniku u kontinwu li għalih ipparteċipaw f’diversi Stati Membri f’dati u f’postijiet differenti, u dan il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jkun ġie kkonstatat mill-Kummissjoni, il-fatt dannuż ikun seħħ fir-rigward ta’ kull allegata vittma meħuda individwalment, u kull waħda minnhom tista’ tagħżel li tressaq l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti tal-post fejn l-akkordju kkonċernat ġie definittivament konkluż jew, jekk ikun il-każ, tal-post fejn ikun sar arranġament speċifiku u identifikabbli bħala l-uniku avveniment kawżali tad-dannu allegat, jew quddiem il-qorti tal-post tas-sede proprja tagħha.

16      Huwa għalhekk possibbli li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu mħarrka fit-territorju Spanjol, fid-dawl tal-post fejn tinsab is-sede ta’ RH.

17      Sussegwentement, u speċifikament fir-rigward tal-akkordju fuq it-trakkijiet li ġie ssanzjonat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Lulju 2016, il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 33), li, meta s-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv ikun jinsab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu allegatament seħħ id-dannu allegat, għandu jitqies li l-post fejn seħħ id-dannu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jinsab f’dan l-Istat Membru.

18      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk il-ġurisprudenza esposta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tirreferix għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru li fih seħħ id-dannu jew jekk tistabbilixxix ukoll direttament il-ġurisdizzjoni territorjali interna fi ħdan dan l-Istat Membru. Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkostitwixxix regola li tikkonċerna strettament il-ġurisdizzjoni internazzjonali jew jekk hijiex regola doppja jew imħallta, li topera wkoll bħala regola ta’ ġurisdizzjoni territorjali interna.

19      Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza nazzjonali u l-ġurisprudenza tal-Unjoni ma jneħħux dan id-dubju.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil n.o 2 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1215/2012], inkwantu jistabbilixxi li persuna ddomiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor: ‘[…] fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-korpi ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih jinsab l-imsemmi post, b’mod li sabiex tiġi ddeterminata l-qorti nazzjonali li territorjalment ikollha ġurisdizzjoni fi ħdan dan l-Istat għandu jsir riferiment għar-regoli proċedurali nazzjonali, jew għandu jiġi interpretat bħala regola mħallta li, għaldaqstant, tiddetermina direttament kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa li jsiru riferimenti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-talba hija inammissibbli minħabba li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ċara.

22      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma hijiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 19).

23      Barra minn hekk, sabiex tkun ammissibbli, talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, minbarra t-test tad-domandi magħmula b’mod preliminari, l-elementi ta’ informazzjoni li huma meħtieġa fl-Artikolu 94(a) sa (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, essenzjalment, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali titlob l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (digriet tas-16 ta’ Marzu 2021, DS (Qtugħ ta’ ekwidi), C‑557/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:204, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalhekk, il-fatt, anki jekk stabbilit, li r-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju tista’ tingħata risposta ċara, fi kwalunkwe każ, ma jistax jaffettwa l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

25      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet preċiżament ir-raġuni li għaliha, fil-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali u fid-dawl tal-ġurisprudenza, minn naħa, tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-portata tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

26      Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fis-suq affettwat minn arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar u ż-żieda tal-prezzijiet ta’ oġġetti, għandha ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali sabiex tieħu konjizzjoni, abbażi tal-post fejn seħħ id-dannu, ta’ azzjoni għal kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn l-arranġamenti li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha l-impriża li tqis ruħha leża tkun xtrat l-oġġetti affettwati mill-imsemmija arranġamenti, jew, fil-każ ta’ xiri magħmul minn din l-impriża f’diversi postijiet, il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha tkun tinsab is-sede ta’ din.

28      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001 li, huwa stess, issostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi msemmija l-aħħar tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Dan huwa l-każ, minn naħa, tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u, min-naħa l-oħra, tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li ta lok għal dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, skont l-għażla tal-applikant, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mid-deċiżjoni tagħha jirriżulta li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tfittex li tidentifika l-post fejn seħħ id-dannu.

31      Mid-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2016 jirriżulta li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 101 TFUE, li ta lok għad-dannu allegat, kien ikopri s-suq kollu taż-ŻEE u għalhekk wassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-post fejn seħħ dan id-dannu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jinsab fl-imsemmi suq, li Spanja tagħmel parti minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punti 32 u 33).

32      Tali determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu hija, b’mod partikolari, konformi mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40), sa fejn, skont l-Artikolu 6(3)(a) ta’ dan ir-regolament, il-liġi applikabbli fil-każ ta’ azzjonijiet għal danni b’rabta ma’ att li jirrestrinġi l-kompetizzjoni hija dik tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew jista’ jkun, affettwat (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 35).

33      Fir-rigward tal-punt dwar liema qorti għandha ġurisdizzjoni fi ħdan l-Istat Membru hekk identifikat, mill-kliem stess tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tattribwixxi direttament u immedjatament kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali lill-qorti tal-post fejn seħħ id-dannu. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-analiżi hija kkorroborata, b’mod partikolari, mir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1).

34      Dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenza differenti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-imsemmi punt 2 tal-Artikolu 7. Madankollu, għandu jiġi speċifikat li d-delimitazzjoni tat-territorju ġurisdizzjonali tal-qorti li fih jinsab il-post fejn seħħ id-dannu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, taqa’, fil-prinċipju, taħt il-kompetenza organizzattiva tal-Istat Membru li dik il-qorti tagħmel parti minnu.

35      Kif enfasizzaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li Stat Membru jiddeċiedi li jafda tip ta’ kontenzjuż partikolari lil qorti waħda, li għalhekk ikollha ġurisdizzjoni esklużiva irrispettivament mill-post fejn seħħ id-dannu fi ħdan dan l-Istat Membru.

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà speċifikat li konċentrazzjoni ta’ ġurisdizzjoni quddiem qorti waħda speċjalizzata tista’ tiġi ġġustifikata fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 44).

37      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kumplessità teknika tar-regoli applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ wkoll timmilita favur konċentrazzjoni ta’ kompetenzi.

38      Fl-assenza ta’ tali qorti speċjalizzata, l-identifikazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti fi ħdan l-Istati Membri sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għal kumpens minħabba arranġamenti kollużivi li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE għandha tissodisfa l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, kif ukoll ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja mfakkra fil-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor‑Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 34).

39      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta jkun hemm inkwistjoni x-xiri ta’ oġġett li, wara manipulazzjoni mwettqa mill-produttur tiegħu, ikollu valur imnaqqas, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens għad-dannu li jikkorrispondi għall-ispejjeż żejda mħallsa mix-xerrej hija dik tal-post tal-akkwist tal-oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punti 37 u 40).

40      Din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata wkoll f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk l-oġġetti inkwistjoni nxtrawx direttament jew indirettament mingħand il-konvenuti, bi trasferiment ta’ proprjetà immedjata jew wara kuntratt ta’ leasing. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija soluzzjoni timplika li x-xerrej leż ikun xtara esklużivament oġġetti affettwati mill-arranġamenti kollużivi inkwistjoni fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti waħda. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, ma jistax jiġi identifikat post wieħed ta’ materjalizzazzjoni fir-rigward tax-xerrej leż.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ kawża għall-kumpens għad-danni kkawżati minn arranġamenti li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE, u li jikkonsistu fi spejjeż addizzjonali mħallsa minħabba prezz artifiċjalment għoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post fejn seħħ id-dannu huwa identifikabbli biss għal kull allegata vittma meħuda individwalment u jinsab, bħala prinċipju, fis-sede tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 52).

42      Fil-każ ta’ xiri mwettaq f’diversi postijiet, attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti tas-sede tal-impriża leża tosserva r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà mfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, peress li l-konvenuti, membri tal-akkordju, ma jistgħux jinjoraw il-fatt li x-xerrejja tal-oġġetti inkwistjoni huma stabbiliti fi ħdan is-suq affettwat mill-prattiki kollużivi. Barra minn hekk, din l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni tissodisfa l-għan ta’ prossimità u l-post tas-sede tal-impriża leża jippreżenta l-garanziji kollha għall-organizzazzjoni utli ta’ kawża eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 53).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-suq affettwat minn arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar u ż-żieda tal-prezzijiet ta’ oġġetti, għandha ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali sabiex tieħu konjizzjoni, skont il-post fejn seħħ id-dannu, ta’ azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn l-arranġamenti li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha l-impriża li tqis ruħha leża tkun xtrat l-oġġetti affettwati mill-imsemmija arranġamenti, jew, fil-każ ta’ xiri magħmul minn din l-impriża f’diversi postijiet, il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha tkun tinsab is-sede ta’ din.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-suq affettwat minn arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar u ż-żieda tal-prezzijiet ta’ oġġetti, għandha ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali sabiex tieħu konjizzjoni, skont il-post fejn seħħ id-dannu, ta’ azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn l-arranġamenti li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha l-impriża li tqis ruħha leża tkun xtrat l-oġġetti affettwati mill-imsemmija arranġamenti, jew, fil-każ ta’ xiri magħmul minn din l-impriża f’diversi postijiet, il-qorti li fit-territorju ġurisdizzjonali tagħha tkun tinsab is-sede ta’ din.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: l-Ispanjol.

Top