EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0025

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-25 ta’ Novembru 2021.
Kawża mressqa minn NK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Višje sodišče v Ljubljani.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 28 – Artikolu 32(2) – Terminu stabbilit għall-preżentata ta’ krediti fi proċedura ta’ insolvenza – Preżentata, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja pendenti fi Stat Membru, ta’ krediti mill-istralċjatur tal-proċedura prinċipali pendenti fi Stat Membru ieħor – Terminu ta’ dekadenza previst mid-dritt tal-Istat fejn tressqet il-proċedura ta’ insolvenza sekondarja.
Kawża C-25/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:963

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

25 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 28 – Artikolu 32(2) – Terminu stabbilit għall-preżentata ta’ krediti fi proċedura ta’ insolvenza – Preżentata, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja pendenti fi Stat Membru, ta’ krediti mill-istralċjatur tal-proċedura prinċipali pendenti fi Stat Membru ieħor – Terminu ta’ dekadenza previst mid-dritt tal-Istat fejn tressqet il-proċedura ta’ insolvenza sekondarja”

Fil-Kawża C‑25/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, Is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura mressqa minn

NK, bħala stralċjatur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Alpine BAU GmbH,

fil-preżenza ta’:

Alpine BAU GmbH, Salzbourg – fergħa ta’ Celje, fi stralċ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qegħda taġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NK, bħala stralċjatur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Alpine BAU GmbH, minn L. T. Štruc, odvetnica,

għal ALPINE BAU GmbH, Salzbourg – fergħa ta’ Celje, fi stralċ, minn V. Sodja, odvetnica,

għall-Gvern Sloven, minn V. Klemenc, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kocjan u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn NK, fil-kwalità tiegħu bħala stralċjatur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Alpine BAU GmbH, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, kontra d-digriet tal-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celje, is-Slovenja) li ċaħdet, minħabba tardività, it-talba tagħha għal preżentata ta’ djun fis-Slovenja, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6 u 19 sa 23 tar-Regolament Nru 1346/2000, jipprovdu:

“(6)

Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.

[…]

(19)

Proċeduri sekondarji ta’ falliment jistgħu jservu diversi skopijiet, apparti mill-protezzjoni ta’ interessi lokali. Jistgħu jinqalgħu każijiet fejn l-assi tad-debitur ikunu komplessi wisq biex jiġu amministrati bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati jkunu tant kbar illi jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estenzjoni ta’ effetti li joriġinaw mill-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ lill-Istati l-oħra fejn ikunu jinstabu l-assi. Għal din ir-raġuni il-likwidatur tal-proċeduri prinċipali jista’ jitlob għal ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji meta l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ l-assi tkun titlob hekk.

(20)

Proċediment prinċipali ta’ falliment u proċediment sekondarji jistgħu, b’dana kollu, jikkontribwixxu għar-realiżazzjoni effettiva ta’ l-asso totali biss jekk il-proċedimenti kurrenti kollha pendenti jkunu koordinati. Il-kondizzjoni prinċipali hawnhekk hija illi l-likwidaturi varji għandhom jikkoperaw mill-qrib, b’ mod partikolari bi tpartit ta’ ammont suffiċjenti ta’ informazzjoni. Sabiex jiġi assigurat ir-rwol dominanti tal-proċediment prinċipali ta’ falliment, il-likwidatur fi proċedimenti bħal dawk għandu jingħata diversi possibbilitajiet għal intervent fi proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu pendenti fl-istess żmien. Per eżempju, dan għandu jkun jista’ jipproponi pjan ta’ ristrutturar jew komposizzjoni jew għar-realiżazzjoni ta’ l-assi fil-proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu ser jiġu sospiżi.

(21)

Kull kreditur, li jkollu ir-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fil-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta t-talbiet tiegħu f’kull waħda mill-proċedimenti ta’ falliment pendenti fil-Komunità u li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur. Dan għandu japplika wkoll għall-awtoritajiet tat-taxxi u għall-istituzjonijiet tas-siġurta soċjali. B’dana kollu, sabiex ikun assigurat trattament egwali tal-kredituri, it-tqassim tal-proċedimenti għandu jkun ikkoordinat. Kull kreditur għandu jkun jista’ jżomm dak li jkun irċieva matul il-kors tal-proċedimenti ta’ falliment imma għandu jkun intitolat biss li jipparteċipa fid-distribuzzjoni ta’ l-assi totali fi proċedimenti oħra jekk kredituri bl-istess drittijiet ta’ pożizzjoni jkunu akkwistaw l-istess proporzjon tat-talbiet tagħhom.

(22)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal għarfien immedjat ta’ ġudizzji li jkopru l-ftuħ, it-twettieq u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment li jaqgħu taħt l-iskop tiegħu u fil-ġudizzji mgħotija b’ konnessjoni diretta ma’ proċedimenti ta’ falliment bħal dawk. Għarfien awtomatiku għandu għalhekk ifisser li l-effetti attribwiti għal proċedimenti bil-liġi ta’ l-Istat li fih ikunu ġew miftuħa l-proċedimenti, ikunu estiżi lejn l-Istati Membri l-oħra kollha. Għarfien tal-ġudizzji mgħotija mill-qrati ta’ l-Istati Membri għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Għal dan il-għan, il-bażi għal nuqqas ta’ għarfien għandu jkun imnaqqas għal minimu meħtieġ. Dan huwa wkoll il-bażi li fuqu għandha tiġi solvuta xi kwistjoni meta l-qrati ta’ żewġ Stati Membri jinsistu t-tnejn fuq il-kompetenza li jiftħu l-proċedimenti prinċipali tal-falliment. Id-deċiżjoni tal-Prim Awla li tiftaħ il-proċedimenti għandha tkun magħrufa fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma dawk l-Istati jkollhom il-poter li jiflu d-deċiżjoni tal-qorti.

(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.   Meta proċediment ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq.

4.   Proċediment territorjali ta’ falliment msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinfetħu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment skond il-paragrafu 1 biss:

(a)

meta l-proċedimenti ta’ falliment permezz ta’ paragrafu 1 ma jistgħux jinfethu minħabba l-kondizzjonijiet meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur; jew

jew

(b)

meta l-ftuħ ta’ proċedimenti territorjali ta’ falliment ikun mitlub minn kreditur li jkollu id-domiċilju tiegħu, is-residenza tas-soltu jew l-uffiċċju rreġistrat fl-Istat Membru fit-territorju li fih ikun jinstab l-istabbiliment, jew li t-talba tiegħu toriġina mill-operazzjoni ta’ dak l-istabbiliment.”

5

Skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Liġi applikabbli”:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-’Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

(g)

it-talbiet li jkunu ġew ippreżentati kontra l-propjetà tad-debitur u t-trattament tat-talbiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment;

(h)

ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

[…]”

6

L-Artikolu 28 tal-istess regolament, dwar il-liġi applikabbli għal proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza, jipprovdi:

“Ħlief fejn hemm dispożizzjoni mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċediment sekondarji għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti sekondarji.”

7

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Dover ta’ kooperazzjoni u komunikar ta’ informazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għar-regoli li jirrestrinġu il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandu jkollhom id-dmir li jikkomunikaw informazzjoni lill-xulxin. Għandhom immedjatament jikkomunikaw xi informazzjoni li tista’ tkun relevanti għal proċedimenti l-oħra, b’ mod partikolari l-progress magħmul fil-preżentazzjoni u l-verifika ta’ talbiet u l-miżuri kollha li jkollhom il-għan li jitterminaw il-proċedimenti.

2.   Suġġett għar-regoli applikabbli għal kull waħda mill-proċedimenti, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandhom ikollhom id-dmir li jikkooperaw flimkien.

3.   Il-likwidatur tal-proċedimenti sekondarji għandu jagħti lill-likwidatur tal-proċedimenti prinċipali opportunità bikrija li jissottometti proposti dwar il-likwidazzjoni jew użu ta’ l-assi fil-proċedimenti sekondarji.”

8

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżerċizzju tad-drittijiet ta’ kredituri”, jaqra kif ġej:

“1.   Kwalunkwe kreditur jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-proċedimenti prinċipali u fil-proċedimenti sekondarji.

2.   Il-likwidaturi fil-proċedimenti prinċipali u xi proċedimenti sekondarji għandhom jippreżentaw fil-proċedimenti l-oħra t-talbiet li jkunu diġa ġew ippreżentati fil-proċedimenti li għalihom ikunu ġew maħtura, basta illi l-interessi tal-kredituri f’dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar ikunu b’hekk moqdija, suġġett għad-dritt tal-kredituri li jopponu li jew li jwarrbu l-preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom meta l-liġi applikabbli hekk tipprovdi.

3.   Il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jew sekondarji għandu jkun awtoriżżat illi jipparteċipa fi proċedimenti oħra bl-istess bażi bħala kreditur, b’ mod partikolari billi jattendi laqgħat ta’ kredituri.”

9

Skont l-Artikolu 33 tar-regolament imsemmi, intitolat “Sospenzjoni ta’ likwidazzjoni”:

“1.   Il-qorti, li tkun fetħet il-proċedimenti sekondarji, għandha tissospendi l-proċess ta’ likwidazzjoni, kollu jew partu minnu, mal-wasla ta’ talba minn likwidatur fil-proċedimenti prinċipali, basta illi f’dan il-każ din tista’ tenħtieġ illi l-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-interessi tal-kredituri fil-proċedimenti sekondarji u tal-klassijiet individwali ta’ kredituri. Talba bħal din minn likwidatur tista’ tkun miċħuda biss jekk din tkun b’ mod ovvju ta’ l-ebda interess għal kredituri tal-proċedimenti prinċipali. Tista’ tiġi msejħa sospenzjoni bħal din fil-proċess ta’ likwidazzjoni sa massimu ta’ tlett xhur. Tista’ titkompla jew tiġġedded għal perjodi simili.

2.   Il-qorti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jittermina is-sospenzjoni tal-proċess ta’ likwidazzjoni:

fuq it-talba tal-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali,

fuq id-deċiżjoni tiegħu stess, fuq talba minn kreditur jew fuq talba mill-likwidatur ta’ proċedimenti sekondarji jekk dik il-miżura ma tidhirx aktar ġustifikata, b’mod partikolari, fl-interessi ta’ kredituri fil-proċedimenti prinċipali jew fil-proċedimenti sekondarji.”

10

L-Artikolu 34 tal-istess regolament, dwar il-“Miżuri li jitterminaw il-proċedimenti sekondarji ta’ falliment”, jipprovdi:

“1.   Meta l-liġi applikabbli għal proċedimenti sekondarji tippermetti li proċedimenti bħal dawk jiġu tterminati mingħajr likwidazzjoni bi pjan ta’ salvataġġ, miżura komposta jew kumparabbli, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali għandu jiġi awtoriżżat li jipproponi miżura bħal din huwa stess.

It-terminazzjoni ta’ proċedimenti sekondarji b’miżura msemmija fl-ewwel sub-paragrafu m’għandhiex tkun finali mingħajr il-kunsens tal-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali; fin-nuqqas tal-ftehim tiegħu, b’dana kollu, tista’ tkun finali jekk l-interessi finanzjarji tal-kredituri fil-proċedimenti prinċipali ma jkunux affettwati bil-miżura proposta.

2.   Xi restrizzjoni għad-drittijiet ta’ kredituri li toriġina minn miżura msemmija fil-paragrafu 1 li tkun proposta fi proċedimenti sekondarji, sospenzjoni bħal dik ta’ pagament jew egħluq ta’ dejn, ma jistax ikollu effett fuq l-assi ta’ debitur li ma jkunx koperti b’dawk il-proċedimenti mingħajr il-kunsens tal-kredituri kollha li jkollhom interess.

3.   Matul is-sospenzjoni fil-proċess ta’ likwidazzjoni msejħa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 33, il-likwidatur biss fil-proċedimenti prinċipali jew id-debitur, bil-kunsens ta’ dak ta’ l-ewwel, jista’ jipproponi miżuri mniżżla fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedimenti sekondarji; l-ebda proposta oħra għal miżura bħal din m’għandha tkun ippreżentati għal vot jew approvata.”

11

Ir-Regolament Nru 1346/2000 tħassar bir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19). Madankollu, skont l-Artikolu 84(2) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-Regolament Nru 1346/2000 jibqa’ applikabbli ratione temporis għall-proċeduri ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt Sloven.

12

L-Artikolu 59(2) taż-Zakon o finančnem poslovanju, postopkih zaradi insolventnosti in prisilnem prenehanju (il-Liġi dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji, il-proċeduri ta’ insolvenza u l-istralċ obbligatorju, Uradni list RS, Nru 126/2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZFPPIPP”), jipprovdi li l-kreditur għandu jippreżenta, fil-passiv tal-falliment, il-krediti tiegħu fir-rigward tad-debitur insolventi f’terminu ta’ tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu.

13

Konformement mal-Artikolu 298(1) taż-ZFPPIPP, jekk il-kreditu jkun iggarantit bi privileġġ, il-kreditur għandu wkoll jiddikjara l-privileġġ tiegħu fil-passiv tal-falliment, fit-terminu previst għall-preżentazzjoni tal-kreditu ggarantit, ħlief meta jiġi previst mod ieħor fl-Artikolu 281(1) jew fl-Artikolu 282(2) taz-ZFPPIPP.

14

Skont l-Artikolu 296(5) taż-ZFPPIPP, jekk il-kreditur ma josservax it-terminu għall-preżentazzjoni tal-kreditu tiegħu, il-kreditu jiġi estint fil-konfront tad-debitur insolventi u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiċħad il-preżentazzjoni tal-kreditu bħala tardiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 298(5) taz-ZFPPIPP jirriżulta li, jekk il-kreditur ma josservax it-terminu għall-preżentazzjoni tal-privileġġ, dan id-dritt jiġi estint.

Id-dritt Awstrijak

15

L-Artikolu 107(1) tal-Insolvenzordnung (il-Liġi dwar l-Insolvenza) jipprovdi li għandha tinżamm seduta speċjali dwar il-provi tal-eżistenza ta’ djun għall-krediti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-preżentazzjoni tal-krediti u li ma jkunux ġew eżaminati waqt is-seduta ġenerali relattiva għall-provi tal-eżistenza tad-djun. Il-krediti ppreżentati inqas minn erbatax-il jum qabel is-seduta relattiva għall-eżami tal-kont finali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), tad-19 ta’ Ġunju 2013, infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra ALPINE BAU u NK inħatar bħala stralċjatur tagħha. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ din il-qorti tal-5 ta’ Lulju 2013, din hija proċedura ta’ insolvenza prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

17

Fuq rikors ta’ NK, l-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celje), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2013, fetħet proċedura ta’ insolvenza sekondarja kontra ALPINE BAU GmbH, Salzburg — fergħa ta’ Celje (iktar ’il quddiem, “ALPINE BAU Slovenja”).

18

Permezz ta’ avviż ippubblikat fl-istess jum fuq is-sit internet tal-Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve (l-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-reġistri u għas-servizzi pubbliċi), l-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celje) informat lill-kredituri u lill-istralċjaturi fi proċeduri ta’ insolvenza oħra marbuta li, konformement mal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1346/2000, huma kellhom id-dritt li jippreżentaw, fil-proċedura sekondarja miftuħa fis-Slovenja, il-krediti tal-proċedura prinċipali u tal-proċeduri sekondarji l-oħra u ffissat, għal dan il-għan, terminu ta’ tliet xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, li skada fil-11 ta’ Novembru 2013.

19

Fl-okkażjoni ta’ din il-pubblikazzjoni, l-imsemmija qorti ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-kredituri u tal-istralċjaturi għall-fatt li, jekk ma jippreżentawx il-krediti tagħhom qabel din id-data, dawn il-krediti jintemmu fir-rigward tad-debitur insolventi f’din il-proċedura sekondarja u li hija kienet ser tiċħad il-preżentazzjoni tal-krediti tagħhom skont l-Artikolu 296(5) jew l-Artikolu 298(5) taż-ZFPPIPP.

20

Fit-30 ta’ Jannar 2018, NK adixxa lill-Okrožno sodišče v Celju (il-Qorti Reġjonali ta’ Celje) b’talba għal preżentazzjoni ta’ krediti tal-proċedura prinċipali fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja, konformement mal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000. B’digriet tal-5 ta’ Lulju 2019, din il-qorti, abbażi tal-Artikolu 296(5) taż-ZFPPIPP, ċaħdet l-imsemmija preżentazzjoni ta’ krediti bħala tardiva.

21

NK appella minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja). Huwa jqis li l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi “dritt speċjali” favur l-istralċjatur fil-proċeduri ta’ falliment prinċipali li ma huwiex magħruf fid-dritt Sloven. Dan id-dritt speċjali jawtorizzah jippreżenta krediti tal-proċedura prinċipali fi kwalunkwe proċedura ta’ insolvenza sekondarja, mingħajr ma jingħatalhu ebda terminu sabiex jagħmel dan. Skont NK, l-applikazzjoni ta’ tali terminu għandha l-konsegwenza li ċċaħħadu, fil-fatt, mid-dritt previst fl-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn kien impossibbli għalih li jippreżenta, fit-terminu ta’ tliet xhur previst mil-leġiżlazzjoni Slovena, krediti li kienu għadhom ma ġewx iddikjarati jew irrikonoxxuti fi Stat Membru ieħor.

22

NK jippreċiża li l-falliment ta’ Alpine BAU jikkostitwixxi wieħed mill-iktar kbar minn dawk li seħħew fl-Awstrija u li l-proċedura ta’ stralċ estendiet fuq diversi snin, fejn l-aħħar seduta seħħet fit-2 ta’ Ottubru 2018. Issa, għall-finijiet tal-applikazzjoni effettiva tiegħu, l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jeħtieġ li l-istralċjatur fi proċedura ta’ insolvenza prinċipali ta’ tali portata ma jkunx suġġett għal terminu strett għall-preżentazzjoni ta’ krediti abbażi biss tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih infetħet il-proċedura sekondarja. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata s-supremazija tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi eskluż iż-ZFPPIPP.

23

Alpine BAU Slovenja ssostni, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, id-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet proċedura ta’ insolvenza japplika fil-każijiet kollha, sakemm ir-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprovdix mod ieħor. Issa, dan ma fih ebda dispożizzjoni li twarrab l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali f’dak li jikkonċerna t-terminu mogħti fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja għall-preżentazzjoni tal-krediti mill-istralċjatur fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali. Barra minn hekk, l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jipprevedi ebda “dritt speċjali” favur l-istralċjatur fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, peress li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tippermetti lill-imsemmi stralċjatur jippreżenta l-krediti bħala rappreżentant legali tal-kredituri tal-massa. L-interpretazzjoni li tgħid li l-kredituri Sloveni huma marbuta b’terminu strett għall-preżentazzjoni ta’ krediti fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja, filwaqt li l-kredituri ta’ Stati Membri oħra rrappreżentati minn stralċjatur fil-proċeduri ta’ insolvenza ma humiex hekk marbuta, toħloq inugwaljanza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kredituri. Qabel kollox, Alpine BAU Slovenja tallega li l-kliem tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jeżiġix li l-krediti ppreżentati mill-istralċjatur tal-proċedura prinċipali u dawk tal-proċeduri sekondarji l-oħra jiġu vverifikati u aċċettati minn qabel f’dawn il-proċeduri.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplikaw għall-preżentazzjoni ta’ talbiet fi proċedura sekondarja mill-istralċjatur tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, id-dispożizzjonijiet relatati mat-termini ta’ preżentazzjoni ta’ talbiet tal-kredituri u mal-konsegwenzi tal-preżentazzjoni tardiva abbażi tal-liġi tal-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura sekondarja?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk le (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Santen, C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 28 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-preżentazzjoni, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja, ta’ krediti diġà ppreżentati fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, mill-istralċjatur ta’ din l-aħħar proċedura, huwiex suġġett għad-dispożizzjonijiet dwar it-termini ta’ preżentazzjoni tal-krediti u l-konsegwenzi tal-preżentazzjoni tardiva, previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ ta’ din il-proċedura sekondarja.

27

L-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-istralċjaturi fil-proċeduri prinċipali u fil-proċeduri sekondarji għandhom jippreżentaw fil-proċeduri l-oħra l-krediti li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-proċedura li jkunu ġew maħtura għaliha, sa fejn din il-preżentazzjoni tkun utli għall-kredituri tal-proċedura li jkunu ġew maħtura għaliha u suġġett għad-dritt ta’ dawn il-kredituri li jopponu jew li jirtiraw il-preżentazzjoni tagħhom, meta l-liġi applikabbli hekk tipprovdi.

28

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu ta’ prinċipju, għal stralċjatur fil-proċeduri ta’ insolvenza, li jippreżenta l-krediti diġà prodotti fil-proċedura ta’ insolvenza li jkun ġie maħtur għaliha fil-proċeduri ta’ insolvenza l-oħra marbuta. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni, l-istess bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1346/2000, ma tippreċiżax it-termini li jirregolaw tali preżentazzjoni ta’ krediti u l-konsegwenzi ta’ eventwali produzzjoni tardiva.

29

Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza, imsejjaħ l-“Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti”. Kif jirriżulta mill-premessa 23 ta’ dan ir-regolament, din ir-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet tapplika kemm għall-proċeduri prinċipali kif ukoll għall-proċeduri sekondarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia, C‑444/07, EU:C:2010:24, punt 25). L-Artikolu 28 tar-regolament imsemmi jipprovdi, f’dan is-sens, li ħlief fejn hemm dispożizzjoni mod ieħor f’dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għal proċeduri sekondarji għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċeduri sekondarji.

30

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, li jippreċiża l-portata tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jinkludi elenku mhux eżawrjenti tal-punti differenti tal-proċedura li huma rregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ, li fosthom hemm, b’mod partikolari, fil-punt h), ir-regoli dwar il-produzzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti.

31

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux imċaħħda mill-effett utli tagħhom, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-liġi tal-Istat tal-ftuħ dwar il-preżentazzjoni tal-krediti, u, b’mod partikolari, tat-termini previsti f’dan ir-rigward, għandhom ukoll jiġu evalwati abbażi ta’ din il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI, C‑212/15, EU:C:2016:841, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Isegwi li, peress li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jarmonizzax it-termini stabbiliti għall-preżentazzjoni tal-krediti fil-proċeduri ta’ insolvenza li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li r-regoli marbuta miegħu ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI, C‑212/15, EU:C:2016:841, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

B’mod iktar partikolari, it-termini relatati mal-produzzjoni, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja, ta’ krediti ppreżentati, fi proċedura ta’ insolvenza marbuta magħha, miftuħa fi Stat Membru ieħor, mill-istralċjatur ta’ din l-aħħar proċedura, skont l-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament, huma rregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ ta’ din il-proċedura sekondarja, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

34

F’dan il-każ, NK, stralċjatur fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, isostni, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-istralċjatur fil-proċedura prinċipali “dritt speċjali” li jippreżenta, fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja, il-krediti diġà ppreżentati fil-proċedura prinċipali li ġie maħtur għaliha, mingħajr ma jkun suġġett għat-termini ta’ preżentazzjoni previsti mil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja. Dan id-dritt speċjali huwa ġġustifikat mill-obbligu, għal dan l-istralċjatur, li jistenna l-verifika u l-ammissjoni tal-krediti fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali qabel ma jipproduċihom fi proċedura sekondarja.

35

Huwa minnu li l-istralċjatur fil-proċedura prinċipali għandu ċerti prerogattivi li jagħtuh il-possibbiltà jeżerċita influwenza fuq il-proċedura ta’ insolvenza sekondarja, b’tali mod li din tal-aħħar ma tipperikolax l-għan protettiv tal-proċedura prinċipali. B’hekk, skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, dan jista’ jitlob is-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni għal perijodu li għalkemm huwa limitat għal tliet xhur jista’ jiġi estiż jew imġedded għal perijodi oħra tal-istess tul. Skont l-Artikolu 34(1) tal-istess regolament, l-istralċjatur fil-proċedura prinċipali jista’ jipproponi li l-proċedura sekondarja tingħalaq permezz ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, kompożizzjoni jew miżura paragunabbli. Matul il-perijodu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 33(1) tar-regolament imsemmi, huma biss l-istralċjatur fil-proċedura prinċipali jew id-debitur bil-kunsens tiegħu li jistgħu, skont l-imsemmi Artikolu 34(3), jagħmlu tali proposta (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 61).

36

Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, hija l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza sekondarja, fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedura prinċipali u li tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura tar-Regolament Nru 1346/2000, li huwa intiż, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 20 tiegħu, li jiżgura li l-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali joperaw b’effiċjenza u b’effettività permezz ta’ koordinazzjoni imperattiva bejn proċedura prinċipali u sekondarji li tiżgura s-supremazija tal-proċedura prinċipali (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 62).

37

Madankollu, l-istralċjatur tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali ma jistax jinjora, abbażi tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, it-termini għall-preżentazzjoni tal-krediti ffissati mil-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja li fiha huwa jippreżenta l-krediti diġà ppreżentati fil-proċedura prinċipali li ġie maħtur għaliha.

38

Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1346/2000 huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri, li fuqu hija bbażata, mutatis mutandis, kull proċedura ta’ insolvenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2018, Tarragó da Silveira, C‑250/17, EU:C:2018:398, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, l-istralċjaturi jaġixxu f’isem u għan-nom tal-kredituri, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li dawn l-istralċjaturi jistgħu jevitaw il-liġi tal-Istat tal-ftuħ li tirregola t-termini ta’ preżentazzjoni ta’ dawn il-krediti, hekk kif il-kredituri li jaġixxu f’isimhom u għan-nom tagħhom stess ma jkunux jistgħu jagħmlu dan. Kieku dan kellu jkun il-każ, dawn l-aħħar kredituri jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li l-krediti tagħhom huma ppreżentati mill-istralċjatur ta’ proċedura oħra marbuta.

40

B’hekk, il-kredituri li jaġixxu f’isimhom u għan-nom tagħhom stess ma humiex biss obbligati josservaw it-termini għall-preżentata tal-krediti tagħhom, iżda, fil-każ ta’ preżentazzjoni tardiva, ikollhom ibatu l-konsegwenzi previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ, filwaqt li l-kredituri rrappreżentati minn stralċjatur fi proċedura oħra marbuta jibbenefikaw minn assenza totali ta’ terminu ta’ dekadenza u jevitaw kull konsegwenza ta’ preżentazzjoni tardiva. Tali inugwaljanza fit-trattament tista’ twassal għal ksur mhux iġġustifikat tad-drittijiet ta’ kategorija ta’ kredituri.

41

Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jsostni NK fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-istralċjatur tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali għandu jistenna li d-djun li huwa għandu l-intenzjoni li jippreżenta fil-proċedura sekondarja jkunu s-suġġett ta’ verifika u ta’ ammissjoni fil-proċedura prinċipali qabel ma jkun jista’ jippreżentahom fil-proċedura sekondarja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti huma, skont l-Artikolu 4(2)(h) ta’ dan ir-regolament, irregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura. Għaldaqstant, huwa l-istralċjatur tal-proċedura sekondarja li għandu jivverifika, fid-dawl tad-dritt tal-Istat ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura sekondarja, l-ammissibbiltà tal-krediti hekk ippreżentati. Il-fatt li l-istralċjatur tal-proċedura prinċipali jkun ivverifika l-krediti fid-dawl tad-dritt applikabbli għall-proċedura prinċipali ma huwiex a priori rilevanti għall-verifika tal-istess krediti prodotti fil-proċedura sekondarja.

42

Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 28 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentazzjoni, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja, ta’ krediti diġà ppreżentati fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, mill-istralċjatur ta’ din l-aħħar proċedura, hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar it-termini ta’ preżentazzjoni tal-krediti u l-konsegwenzi tal-preżentazzjonijiet tardivi, previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ ta’ din il-proċedura sekondarja.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 32(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 28 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentazzjoni, fi proċedura ta’ insolvenza sekondarja, ta’ krediti diġà ppreżentati fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, mill-istralċjatur ta’ din l-aħħar proċedura, hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar it-termini ta’ preżentazzjoni tal-krediti u l-konsegwenzi tal-preżentazzjonijiet tardivi, previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ ta’ din il-proċedura sekondarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.

Top