Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0013

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021.
    Top System SA vs L-Istat Belġjan.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter – Direttiva 91/250/KEE – Artikolu 5 – Eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet – Atti meħtieġa sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ jikkorreġi żbalji – Kunċett – Artikolu 6 – Dekumpilazzjoni – Kundizzjonijiet.
    Kawża C-13/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:811

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter – Direttiva 91/250/KEE – Artikolu 5 – Eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet – Atti meħtieġa sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ jikkorreġi żbalji – Kunċett – Artikolu 6 – Dekumpilazzjoni – Kundizzjonijiet”

    Fil-Kawża C‑13/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2019, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

    Top System SA

    vs

    État belge,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Top System SA, minn É. Wery u M. Cock, avocats,

    għall-État belge, minn M. Le Borne, avocat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Top System SA u l-État belge (l‑Istat Belġjan), dwar id-dekumpilazzjoni, mis-Selor, bureau de sélection de l’administration fédérale (l-Uffiċċju ta’ Selezzjoni tal-Amministrazzjoni Federali, il-Belġju, iktar ’il quddiem is-“Selor”), ta’ programm tal-kompjuter żviluppat minn Top System u li jagħmel parti minn applikazzjoni li fuqha dan l-uffiċċju ta’ selezzjoni jżomm liċenzja għall-użu.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Is-sbatax sat-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 91/250 jistabbilixxu:

    “Billi d-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur li jipprevjenu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-eċċezzjoni limitata fil-każ ta’ programm tal-kompjuter li tippermetti r-riproduzzjoni teknika meħtieġa għall-użu ta’ dak il-programm minn min jiksbu legalment; Billi dan ifisser li l-atti li jtellgħu u jħaddmu meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni ta’ l-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt; billi, fl-assenza ta’ disposizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, inkluż meta kopja ta’ programm tkun inbiegħet, kull att ieħor meħtieġ għall-użu tal-kopja ta’ programm jista’ jitwettaq skond l-iskop maħsub tiegħu minn min ikun kiseb legalment dik il-kopja;

    Billi persuna li għandha d-dritt li tuża programm tal-kompjuter m’għandhiex tkun ipprojbita milli twettaq atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonar tal-programm, kemm-il darba dawn l-atti ma jiksrux id-drittijiet ta’ l-awtur fil-programm;

    Billi r-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur;

    Billi, minkejja dan, jistgħu jeżistu ċirkustanzi meta din ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm maħluq indipendentement minn [ma’] programmi oħra;

    Billi għalhekk għad għandu jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi limitati biss, twettiq ta’ l-atti ta’ riproduzzjoni u traduzzjoni minn jew f’isem persuna li għandha d-dritt li tuża kopja tal-programm hija leġittima u kompatibbli ma’ prattika ġusta u għandha għalhekk titqies li ma jkollhiex bżonn l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt;

    Billi skop ta’ din l-eċċezzjoni huwa li jagħmilha possibbli li jikkonnettja l-komponenti kollha ta’ sistema tal-kompjuter, inklużi dawk ta’ manifatturi differenti, biex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien;

    Billi din l-eċċezzjoni tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur ma tistax tintuża’ b’mod li tippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li tmur kontra l-isfruttar normali tal-programm”.

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

    “1.   Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni […] għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi[, iffirmata f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979]. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

    2.   Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

    3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Attijiet Ristretti”, jipprovdi:

    “Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

    a)

    ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

    b)

    it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

    ċ)

    kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu. L-ewwel bejgħ [fl-Unjoni Ewropea] ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni [fl-Unjoni] ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”, jipprovdi:

    “1.   Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni


    mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skond il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

    2.   L-għemil ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.

    3.   Il-persuna li jkollha dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm jekk hu jagħmel hekk waqt li jkun iwettaq kull att ta’ tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm li hu jkun intitolat li jagħmel.”

    7

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250, intitolat “Dekumpilazzjoni”, jinqara kif ġej:

    “1.   L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn [ma’] programmi oħra, kemm‑il darba jsiru skond dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    dawn l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

    b)

    l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fis-sottoparagrafu (a);

    u

    (ċ)

    dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

    2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tiegħu:

    a)

    li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

    b)

    li tingħata lill-oħrajn, għajr meta jkun meħtieġ għall-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

    jew

    ċ)

    li tintuża għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet ta’ l-awtur.

    3.   Skond id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni […] għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter.”

    8

    Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

    “[…] Kull disposizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 6 jew għall-eċċezzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom ikunu nulli u bla effett.”

    9

    Id-Direttiva 91/250 ġiet imħassra u kkodifikata bid-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16). Madankollu, hija d-Direttiva 91/250 li hija applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.

    Id-dritt Belġjan

    10

    Il-liġi tat‑30 ta’ Ġunju 1994 li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva Ewropea tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Moniteur belge tas‑27 ta’ Lulju 1994, p. 19315), kif emendata bil-loi du 15 mai 2007 relative à la répression de la contrefaçon et de la piraterie de droits de propriété intellectuelle (Moniteur belge tat‑18 ta’ Lulju 2007, p. 38734) (il-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007 dwar ir-Repressjoni tal-Kontrafazzjoni u tal-Piraterija ta’ Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem l-“LPO”), kienet tipprevedi fl-Artikolu 5 tagħha:

    “Bla ħsara għall-Artikoli 6 u 7, id-drittijiet patrimonjali jinkludu:

    a)

    ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni tal-programm, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

    b)

    it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

    […]”

    11

    L-Artikolu 6 tal-LPO kien jipprovdi:

    “§ 1.   Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 5(a) u (b) ma għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet meta dawn l-atti jkunu meħtieġa sabiex il-persuna li għandha d-dritt li tuża l-programm tal-kompjuter tkun tista’ tużah skont il-fini maħsub tiegħu, inkluż il-korrezzjoni ta’ żbalji.

    […]

    § 3.   Il-persuna li jkollha dritt tuża l-programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ element tal-programm meta twettaq att ta’ tlugħ, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ programm li hija tkun intitolata li tagħmel.”

    12

    Skont l-Artikolu 7 tal-LPO:

    “§ 1.   L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni tal-kodiċi jew it-traduzzjoni tal-forma tiegħu fis-sens tal-Artikolu 5(a) u (b) huma indispensabbli biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement ma’ programmi oħra, kemm‑il darba jsiru skont dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    l-atti ta’ riproduzzjoni u ta’ traduzzjoni jitwettqu minn persuna li tgawdi d-dritt li tuża kopja tal-programm, jew f’isimha minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

    b)

    l-informazzjoni meħtieġa biex tinkiseb l-interoperabbiltà ma tkunx minn qabel disponibbli faċilment u malajr;

    c)

    l-atti ta’ riproduzzjoni u ta’ traduzzjoni huma limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa għal din l-interoperabbiltà.

    § 2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx jippermettu li l-informazzjoni miksuba permezz tal-applikazzjoni tagħhom:

    a)

    tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tinkiseb l-interoperabbiltà tal-programm maħluq indipendentement;

    b)

    tiġi kkomunikata lil terzi, għajr meta din il-komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-interoperabbiltà tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

    c)

    tintuża għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet tal-awtur.

    § 3.   Dan l-artikolu ma jistax jiġi applikat li jikkawża preġudizzju mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet, jew jippreġudika l-isfruttament normali tal-programm tal-kompjuter.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Top System hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan li tiżviluppa programmi tal-kompjuter u tipprovdi servizzi informatiċi.

    14

    Is-Selor huwa l-korp pubbliku responsabbli, fil-Belġju, għall-għażla u għall-orjentament tal-kollaboraturi futuri tas-servizzi pubbliċi differenti tal-amministrazzjoni. Wara l-integrazzjoni tas-SELOR mad-dipartiment pubbliku federali “Strateġija u Sostenn”, l-Istat Belġjan issostitwixxa lilu nnifsu miegħu bħala konvenut fil-kawża prinċipali.

    15

    Mis-sena 1990, Top System tikkollabora mas-Selor, li f’ismu tipprovdi servizzi ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni informatiċi.

    16

    Sabiex iwettaq il-missjonijiet tiegħu, is-Selor implimenta progressivament għodod informatiċi intiżi sabiex jippermettu l-introduzzjoni ta’ kandidaturi online u l-ipproċessar tagħhom.

    17

    Fuq it-talba tas-Selor, Top System żviluppat diversi applikazzjonijiet li jinkludu, minn naħa, funzjonalitajiet li ġejjin mis-software-qafas tagħha intitolat “Top System Framework” (iktar ’il quddiem it-“TSF”) u, min-naħa l-oħra, funzjonalitajiet intiżi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tas-Selor.

    18

    Is-Selor iżomm liċenzja għall-użu fuq l-applikazzjonijiet żviluppati minn Top System.

    19

    Fis-6 ta’ Frar 2008, is-Selor u Top System ikkonkludew kuntratt li kellu bħala għan l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ ambjent ġdid ta’ żvilupp kif ukoll l-integrazzjoni u l-migrazzjoni tas-sorsi tal-applikazzjonijiet tas-Selor f’dan l-ambjent il-ġdid.

    20

    Bejn Ġunju u Ottubru 2008, is-Selor u Top System skambjaw ittri elettroniċi rigward problemi ta’ funzjonament li jaffettwaw ċerti applikazzjonijiet li jużaw it-TSF.

    21

    Peress li ma rnexxilhiex tilħaq ftehim mas-Selor dwar ir-riżoluzzjoni ta’ dawn il-problemi, fis‑6 ta’ Lulju 2009, Top System ippreżentat rikors kontra s-Selor u l-Istat Belġjan quddiem it-tribunal de commerce de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell, il-Belġju) bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi kkonstatat li s-Selor kien wettaq id-dekumpilazzjoni tat-TSF, bi ksur tad-drittijiet esklużivi ta’ Top System fuq dan is-software. Top System talbet ukoll li s-Selor u l-Istat Belġjan jiġu kkundannati jħallsuha danni fir-rigward tad-dekumpilazzjoni u tal-kopja tal-kodiċijiet sorsi tal-imsemmi software, miżjuda bl-interessi kumpensatorji mid-data stmata ta’ din id-dekumpilazzjoni, jiġifieri mhux iktar tard mit‑18 ta’ Diċembru 2008.

    22

    Fis‑26 ta’ Novembru 2009, il-kawża ġiet irrinvijata quddiem it-tribunal de première instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell, il-Belġju) li, permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, essenzjalment ċaħdet it-talba ta’ Top System.

    23

    Top System appellat minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju).

    24

    Quddiemha, Top System issostni li s-Selor wettaq illegalment id-dekumpilazzjoni tat-TSF. Fil-fehma tagħha, konformement mal-Artikoli 6 u 7 tal-LPO, dekumpilazzjoni tista’ titwettaq biss permezz ta’ awtorizzazzjoni tal-awtur, jew tal-aventi kawża tiegħu, jew inkella għall-finijiet ta’ interoperabbiltà. Min-naħa l-oħra, din ma hijiex permessa għall-finijiet ta’ korrezzjoni tal-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament tal-programm ikkonċernat.

    25

    Is-Selor jirrikonoxxi li wettaq id-dekumpilazzjoni ta’ parti mit-TSF bil-għan li jiddiżattiva funzjoni li ma kinitx qiegħda taħdem sew. Madankollu, huwa jsostni, b’mod partikolari, li, konformement mal-Artikolu 6(1) tal-LPO, huwa kellu d-dritt li jwettaq din id-dekumpilazzjoni bil-għan li jiġu kkorreġuti ċerti żbalji ta’ tfassil li jaffettwaw it-TSF li għamlu impossibbli użu tiegħu b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu. Is-Selor jinvoka, barra minn hekk, id-dritt tiegħu, skont l-Artikolu 6(3) tal-LPO, li josserva, jistudja jew jittestja l-funzjonament tal-programm ikkonċernat sabiex jiġu stabbiliti l-ideat u l-prinċipji li fuqhom huma bbażati funzjonalitajiet ikkonċernati tat-TSF bil-għan ta’ prevenzjoni tal-imblokkar ikkawżat minn dawn l-iżbalji.

    26

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġi stabbilit jekk is-Selor kellux id-dritt li jwettaq l-imsemmija dekumpilazzjoni abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-LPO, hija għandha tivverifika jekk id-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter kollu jew parti minnu taqax taħt l-atti msemmija fl-Artikolu 5(a) u (b) tal-LPO.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter jiddekumpila l-programm kompletament jew parzjalment meta din id-dekumpilazzjoni tkun neċessarja sabiex huwa jkun jista’ jikkoreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tal-imsemmi programm, inkluż meta l-korrezzjoni tikkonsisti fid-diżattivazzjoni ta’ funzjoni li taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjoni li minnha jagħmel parti dan il-programm?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandhom barra minn hekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva jew kundizzjonijiet oħra?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt li jwettaq id-dekumpilazzjoni ta’ parti minnu jew kollu sabiex jikkorreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament ta’ dan il-programm, inkluż meta l-korrezzjoni tikkonsisti fid-diżattivazzjoni ta’ funzjoni li taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjoni li minnha jagħmel parti l-imsemmi programm.

    29

    Skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 91/250, li jistabbilixxi, b’mod partikolari, id-drittijiet esklużivi tal-awturi ta’ programmi tal-kompjuter, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter għandu d-dritt esklużiv li jagħmel u li jawtorizza r-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ dan il-programm, kompletament jew parzjalment, b’kull mezz u f’kull forma li tkun, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 tagħha.

    30

    Bla ħsara għal dawn l-istess eċċezzjonijiet, l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 91/250 jagħti lid-detentur id-dritt esklużiv li jagħmel jew li jawtorizza t-traduzzjoni, l-addattament, l-arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tal-programm li tirriżulta minn dan.

    31

    Madankollu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li, meta l-atti elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva jkunu meħtieġa sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ juża l-programm tal-kompjuter b’mod konformi skont il-fini maħsub tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkorreġuti żbalji, dawn ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, ħlief għal dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi.

    32

    Konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250, intitolat “Dekumpilazzjoni”, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet lanqas ma għandha tkun meħtieġa meta r-riproduzzjoni tal-kodiċi jew it-traduzzjoni tal-forma ta’ dan il-kodiċi, fis-sens tal-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva hija indispensabbli biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement ma’ programmi oħra, bla ħsara li ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti.

    33

    Għandu jiġi rrilevat li d-dekumpilazzjoni ma tissemmiex, bħala tali, fost l-atti elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, li għalihom l-Artikolu 5(1) tagħha jagħmel riferiment.

    34

    Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, minkejja din iċ-ċirkustanza, l-atti meħtieġa għad-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(a) u/jew (b) ta’ din id-direttiva.

    35

    Għal dan il-għan, għandu qabelxejn jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li programm tal-kompjuter huwa inizjalment redatt fil-forma ta’ “kodiċi sors” f’lingwa ta’ programmazzjoni intelliġibbli, qabel ma jiġi traskritt f’forma li tista’ tiġi eżegwita minn kompjuter, jiġifieri fil-forma ta’ “kodiċi oġġett”, permezz ta’ programm iddedikat imsejjaħ “kumpilatur”. L-operazzjoni li tikkonsisti fit-trasformazzjoni tal-kodiċi sors f’kodiċi oġġett iġġib l-isem ta’ “kumpilazzjoni”.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett ta’ programm tal-kompjuter, sa fejn jikkostitwixxu żewġ forom ta’ espressjoni tiegħu, jibbenefikaw mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C‑393/09, EU:C:2010:816, punt 34).

    37

    Bil-kontra, id-“dekumpilazzjoni” hija intiża sabiex tirrikostitwixxi l-kodiċi sors ta’ programm permezz tal-kodiċi oġġett tiegħu. Id-dekumpilazzjoni titwettaq permezz ta’ programm imsejjaħ “dekumpilatur”. Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dekumpilazzjoni ġeneralment tippermetti li jinkiseb mhux il-kodiċi sors oriġinali, iżda t-tielet verżjoni tal-programm ikkonċernat imsejjaħ “kważi‑kodiċi sors”, li min-naħa tiegħu jista’ jiġi kkumpilat f’kodiċi oġġett li jippermetti lil dan il-programm li jiffunzjona.

    38

    Għalhekk id-dekumpilazzjoni tikkostitwixxi operazzjoni ta’ trasformazzjoni tal-forma tal-kodiċi ta’ programm li jimplika riproduzzjoni, tal-inqas parzjali u temporanja, ta’ dan il-kodiċi, kif ukoll traduzzjoni tal-forma tiegħu.

    39

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter timplika t-twettiq ta’ atti, jiġifieri r-riproduzzjoni tal-kodiċi ta’ dan il-programm u t-traduzzjoni tal-forma ta’ dan il-kodiċi, li effettivament jaqgħu taħt id-drittijiet esklużivi tal-awtur, kif huma ddefiniti fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250.

    40

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/250 li, filwaqt li jsemmi, skont it-titolu tiegħu, id-dekumpilazzjoni, jirreferi espressament għar-“riproduzzjoni taċ-ċifrarju (kodiċi)” u għat-“traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b)” ta’ din id-direttiva. Isegwi li l-kunċett ta’ “dekumpilazzjoni”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, effettivament jaqa’ taħt id-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

    41

    Issa, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter jista’ jwettaq l-atti kollha elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, inklużi dawk li jikkonsistu fir-riproduzzjoni tal-kodiċi u fit-traduzzjoni tal-forma tiegħu, mingħajr ma jkun kiseb minn qabel l-awtorizzazzjoni tad-detentur, sa fejn dan ikun meħtieġ għall-finijiet tal-użu ta’ dan il-programm, inkluża l-korrezzjoni tal-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu.

    42

    Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm għandu d-dritt li jipproċedi għad-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm sabiex jikkorreġi l-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu.

    43

    Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 li, kuntrarjament għal dak li ssostni Top System, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-possibbiltà li titwettaq id-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija permessa biss sa fejn titwettaq għal finijiet ta’ interoperabbiltà.

    44

    Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 jintroduċi eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter billi jippermetti r-riproduzzjoni tal-kodiċi jew it-traduzzjoni tal-forma ta’ dan il-kodiċi mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta dawn l-atti huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ dan il-programm ma’ programm ieħor maħluq indipendentement.

    45

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-premessa għoxrin u l-premessa wieħed u għoxrin ta’ din id-direttiva jipprovdu li, f’ċerti ċirkustanzi, riproduzzjoni tal-kodiċi ta’ programm tal-kompjuter jew traduzzjoni tal-forma tiegħu tista’ tirriżulta indispensabbli sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà ta’ programm maħluq indipendentement ma’ programmi oħra u li, f’“dawn iċ-ċirkustanzi limitati biss”, it-twettiq ta’ dawn l-atti huwa leġittimu u konformi ma’ prattika ġusta, b’tali mod li ma għandux jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

    46

    Mill-Artikolu 6(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 91/250, moqri fid-dawl tal-premessa dsatax u tal-premessa għoxrin tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk kellu l-intenzjoni li jillimita l-portata tal-eċċezzjoni għall-interoperabbiltà li huwa ppreveda għal din id-dispożizzjoni għaċ-ċirkustanzi li fihom l-interoperabbiltà ta’ programm maħluq indipendentement ma’ programmi oħra tista’ titwettaq b’mezzi oħra unikament billi ssir dekumpilazzjoni tal-programm ikkonċernat.

    47

    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 91/250 li jipprojbixxi b’mod partikolari li l-informazzjoni miksuba permezz ta’ tali dekumpilazzjoni tintuża għal finijiet oħra għajr it-twettiq ta’ tali interoperabbiltà jew użata sabiex jiġu żviluppati programmi simili u li jeskludi wkoll, b’mod ġenerali, li tali dekumpilazzjoni tista’ titwettaq b’mod tali li tikkawża dannu mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew tippreġudika l-isfruttament normali tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat.

    48

    Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi dedott la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250, moqri flimkien mal-premessa dsatax u mal-premessa għoxrin tagħha, u lanqas mill-istruttura ta’ dan l-artikolu li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi kull possibbiltà li ssir ir-riproduzzjoni tal-kodiċi ta’ programm tal-kompjuter u t-traduzzjoni tal-forma ta’ dan il-kodiċi barra mill-każ li fih dawn jitwettqu bil-għan li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-interoperabbiltà ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement ma’ programmi oħra.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 jikkonċerna l-atti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ programmi maħluqa indipendentement, l-Artikolu 5(1) tagħha huwa intiż sabiex jippermetti lix-xerrej leġittimu ta’ programm li juża lil dan tal-aħħar b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu. Konsegwentement, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom skopijiet differenti.

    50

    Fit-tieni lok, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-analiżi hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 91/250, li minnu jirriżulta li l-inklużjoni, fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea, tal-attwali Artikolu 6 ta’ din id-direttiva kienet intiża sabiex tirregola, b’mod speċifiku, il-kwistjoni tal-interoperabbiltà tal-programmi maħluqa minn awturi indipendenti, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jippermettu lix-xerrej leġittimu tal-programm użu normali tiegħu.

    51

    Fit-tielet lok, interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 fis-sens issuġġerit minn Top System ikollha bħala konsegwenza li tippreġudika l-effett utli tal-possibbiltà espressament mogħtija lix-xerrej leġittimu ta’ programm mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, li jipproċedi għall-korrezzjoni tal-iżbalji li jipprekludu użu tal-programm konformement mal-fini maħsub tiegħu.

    52

    Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-korrezzjoni tal-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter timplika, fil-parti l-kbira tal-każijiet, u b’mod partikolari meta l-korrezzjoni li għandha titwettaq tikkonsisti f’li tiġi diżattivata funzjoni li taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjoni li minnha jagħmel parti dan il-programm, li jkun jeżisti kodiċi sors jew, fin-nuqqas ta’ dan, kważi-kodiċi sors tal-imsemmi programm.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt li jwettaq id-dekumpilazzjoni totali jew parzjali tiegħu sabiex jikkorreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament ta’ dan il-programm, inkluż meta l-korrezzjoni tikkonsisti fid-diżattivazzjoni ta’ funzjoni li taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjoni li minnha jagħmel parti l-imsemmi programm.

    Fuq it-tieni domanda

    54

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter li jixtieq iwettaq id-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm sabiex jikkorreġi l-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu għandux jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jew rekwiżiti oħra.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250 għandha kamp ta’ applikazzjoni u skopijiet differenti minn dak previst fl-Artikolu 5(1) tagħha. Konsegwentement, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 6 ma humiex, bħala tali, applikabbli għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

    56

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istruttura u tal-iskop tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, it-twettiq tal-atti li, flimkien, jikkostitwixxu d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter huwa, meta jitwettaq konformement ma’ din id-dispożizzjoni, suġġett għal ċerti rekwiżiti.

    57

    Fl-ewwel lok, konformement mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu meħtieġa sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ juża l-programm ikkonċernat b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu u, b’mod partikolari, sabiex jikkorreġi “żball”.

    58

    Fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri u ta’ definizzjoni rilevanti fid-Direttiva 91/250, il-kunċett ta’ “żball”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat konformement mas-sens abitwali ta’ dan it-terminu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-informatika, żball jindika komunement nuqqas li jaffettwa programm tal-kompjuter li jagħti lok għal funzjonament ħażin tiegħu.

    60

    Barra minn hekk, konformement mal-iskop tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, imfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, tali nuqqas, li jikkostitwixxi żball fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jaffettwa l-possibbiltà li jintuża l-programm ikkonċernat b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu.

    61

    Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jirriżulta li d-dekumpilazzjoni ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun “meħtieġa” sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ juża l-programm ikkonċernat b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-korrezzjoni ta’ żbalji li jaffettwaw l-użu ta’ programm b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu ser timplika fil-parti l-kbira tal-każijiet modifika tal-kodiċi ta’ dan il-programm u l-implimentazzjoni ta’ din il-korrezzjoni ser teħtieġ li jkun hemm aċċess għall-kodiċi sors, jew, tal-inqas, kważi-kodiċi sors tal-imsemmi programm.

    63

    Madankollu, meta l-kodiċi sors huwa legalment jew kuntrattwalment aċċessibbli għax-xerrej tal-programm ikkonċernat, ma jistax jitqies li huwa “meħtieġ” għalih li jwettaq dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm.

    64

    Fit-tielet lok, konformement mal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jippermetti l-korrezzjoni ta’ żbalji bla ħsara għad-“disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali”.

    65

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont is-sbatax‑il premessa tad-Direttiva 91/250, kemm l-atti li jtellgħu u li jħaddmu meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment kif ukoll il-korrezzjoni tal-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu pprojbiti kuntrattwalment.

    66

    Għalhekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250, moqri flimkien mat-tmintax‑il-premessa tagħha, għandu jinftiehem fis-sens li l-partijiet ma jistgħux jeskludu kuntrattwalment kwalunkwe possibbiltà li jipproċedu għal korrezzjoni ta’ dawn l-iżbalji.

    67

    Min-naħa l-oħra, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, id-detentur u x-xerrej jibqgħu liberi li jorganizzaw kuntrattwalment il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà. Konkretament, dawn jistgħu, b’mod partikolari, jilħqu ftehim li d-detentur għandu jiżgura l-manutenzjoni korrettiva tal-programm ikkonċernat.

    68

    Isegwi wkoll li, fl-assenza ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali speċifiċi f’dan is-sens, ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter għandu dritt li jwettaq, mingħajr il-kunsens minn qabel tad-detentur, l-atti elenkati fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, inkluż li jiddekumpila dan il-programm, sa fejn dan jirriżulta meħtieġ sabiex jiġu kkorreġuti l-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu.

    69

    Fir-raba’ lok, ix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter li jkun wettaq id-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm bil-għan li jikkorreġi l-iżbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu ma jistax juża r-riżultat ta’ din id-dekumpilazzjoni għal finijiet oħra għajr il-korrezzjoni ta’ dawn l-iżbalji.

    70

    Fil-fatt, l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 91/250 jagħti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur id-dritt esklużiv li jagħmel u li jawtorizza mhux biss “it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter” iżda wkoll “[i]r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom”, jiġifieri, fil-każ tad-dekumpilazzjoni, dik tal-kodiċi sors jew tal-kważi-kodiċi sors li jirriżulta minnha.

    71

    Għalhekk, kull riproduzzjoni ta’ dan il-kodiċi tibqa’ suġġetta, skont l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 91/250, għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm.

    72

    Minbarra dan, l-Artikolu 4(ċ) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm, u dan japplika, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/205, ukoll għall-kopji tal-kodiċi sors jew tal-kważi-kodiċi sors, miksub permezz ta’ dekumpilazzjoni.

    73

    Issa, għalkemm huwa paċifiku li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jawtorizza lix-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter sabiex iwettaq tali atti, mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, dan huwa biss sa fejn dawn ikunu meħtieġa sabiex ikun jista’ juża l-programm tal-kompjuter b’mod konformi mal-fini maħsub tiegħu.

    74

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter li jixtieq iwettaq id-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm bil-għan li jikkorreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu ma huwiex obbligat li jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan ix-xerrej għandu d-dritt li jwettaq tali dekumpilazzjoni biss sa fejn hija meħtieġa għal din il-korrezzjoni u fl-osservanza, jekk ikun il-każ, tal-kundizzjonijiet previsti kuntrattwalment mad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-imsemmi programm.

    Fuq l-ispejjeż

    75

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter għandu d-dritt li jwettaq id-dekumpilazzjoni totali jew parzjali tiegħu sabiex jikkorreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament ta’ dan il-programm, inkluż meta l-korrezzjoni tikkonsisti fid-diżattivazzjoni ta’ funzjoni li taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-applikazzjoni li minnha jagħmel parti l-imsemmi programm.

     

    2)

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xerrej leġittimu ta’ programm tal-kompjuter li jixtieq iwettaq id-dekumpilazzjoni ta’ dan il-programm bil-għan li jikkorreġi żbalji li jaffettwaw il-funzjonament tiegħu ma huwiex obbligat li jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan ix-xerrej għandu d-dritt li jwettaq tali dekumpilazzjoni biss sa fejn hija meħtieġa għal din il-korrezzjoni u fl-osservanza, jekk ikun il-każ, tal-kundizzjonijiet previsti kuntrattwalment mad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-imsemmi programm.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top