This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0003
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 30 November 2021.#Criminal proceedings against AB and Others.#Request for a preliminary ruling from the Rīgas rajona tiesa.#Reference for a preliminary ruling – Protocol (No 7) on the privileges and immunities of the European Union – Member of an organ of the European Central Bank – Governor of a national central bank of a Member State – Immunity from criminal proceedings – Indictment connected with activities carried out in the course of employment within the Member State.#Case C-3/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta’ Novembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra AB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rīgas rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru.
Kawża C-3/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta’ Novembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra AB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rīgas rajona tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru.
Kawża C-3/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:969
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
30 ta’ Novembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l‑Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membru ta’ korp tal-Bank Ċentrali Ewropew – Gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru – Immunità minn proċeduri kriminali – Akkuża marbuta mal-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kariga fi ħdan l-Istat Membru”
Fil-Kawża C‑3/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2020, fil-proċeduri kriminali kontra
AB,
CE,
“MM investīcijas” SIA,
fil-preżenza ta’:
LR Ģenerālprokuratūras Krimināltiesiskā departamenta Sevišķi svarīgu lietu izmeklēšanas nodaļa,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot (Relatur), P. G. Xuereb u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal AB, minn M. Kvēps u A. Repšs, advokāti, |
– |
għal CE, minn D. Vilemsons, advokāts, |
– |
għal LR Ģenerālprokuratūras Krimināltiesiskā departamenta Sevišķi svarīgu lietu izmeklēšanas nodaļa, minn V. Jirgena, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn L. Flynn, I. Naglis u S. Delaude, sussegwentement minn L. Flynn u S. Delaude, bħala aġenti, |
– |
għall-Bank Ċentrali Ewropew, minn C. Zilioli, K. Kaiser u F. Malfrère, bħala aġenti, assistiti minn V. Čukste‑Jurjeva, advokāte, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-29 ta’ April 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(a), tal-Artikolu 17 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 202, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għal korruzzjoni u ħasil ta’ flus mibdija kontra AB, ex Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, CE u “MM investīcijas” SIA. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE
3 |
Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal‑Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2016, C 202, p. 230, iktar ’il quddiem il‑“Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”), jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Għanijiet”: “Skond l-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, il-mira ewlenija [tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ)] għandha tkun li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-mira ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandha wkoll tagħti appoġġ lil-linji politiċi ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-ħsieb li tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ l‑Unjoni kif indikati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-SEBĊ għandha taġixxi skond il-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, u tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi, u konformement mal‑prinċipji indikati fl-Artikolu 119 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l‑Unjoni Ewropea.” |
4 |
L-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Kompiti”, jipprevedi: “3.1. Skond l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, il-ħidma fondamentali li għandha ssir permezz tas-SEBĊ hija:
3.2. Skond l-Artikolu 127(3) tat-Trattat imsemmi, it-tielet subinċiż ta’ l‑Artikolu 3.1 ma jippreġudikax id-dritt ta’ Stati Membri li jżommu in depożitu u jamministraw il-bilanċi operattivi fil-kambju internazzjonali. 3.3. Skond l-Artikolu 127(5) tat-Trattat imsemmi, is-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija tmexxija tajba ta’ linji politiċi segwiti mill‑awtoritajiet kompetenti f’dak li jirrigwarda is-sorveljanza prudenzjali li tkun marbuta mas-sorveljanza għaqlija ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbilità tas‑sistema finanzjarja.” |
5 |
Fi kliem l-Artikolu 7 tal-imsemmi protokoll, intitolat “L-indipendenza”: “Skond l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f’idejhom bit-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u b’dan l-Istatut, la l-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)], la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jitlob jew jaċċetta istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi ta’ l-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni u l-gvernijiet ta’ l-Istati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jippruvawx jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-qadi ta’ dmirijiethom.” |
6 |
L-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprovdi, fil‑paragrafu 9.3 tiegħu: “Skond l-Artikolu 129(1) tat-Trattat imsemmi, il-korpi deċiżjonali tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.” |
7 |
L-Artikolu 10 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Il-Kunsill Regolatorju”, jipprevedi, fil-paragrafu 10.1 tiegħu: “Skond l-Artikolu 283(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jiġbor fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l‑Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.” |
8 |
L-Artikolu 39 tal-imsemmi protokoll, intitolat “Il-privileġġi u l-immunitajiet”, jipprevedi: “Il-BĊE għandu jgawdi fit-territorji ta’ l-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l‑immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-qadi ta’ d-dmirijiet tiegħu, taħt il‑kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l‑Unjoni.” |
9 |
Fi kliem l-Artikolu 44 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, intitolat “Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE”: “44.1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1) tat-Trattat dwar il‑Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ġenerali jiġi kostitwit bħala t‑tielet korp deċiżjonali tal-BĊE. 44.2. Il-Kunsill Ġenerali jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali. […]” |
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet
10 |
Fi kliem l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet: “Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.” |
11 |
L-Artikolu 9 tal-istess protokoll jipprovdi: “Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew. L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.” |
12 |
L-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi li: “Rappreżentanti ta’ Stati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma ta’ l‑istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fil-qadi tad-doveri tagħhom u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post tal‑laqgħa jgawdu mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji. Dan l-Artikolu japplika wkoll għal membri ta’ korpi ta’ konsulenza ta’ l-Unjoni.” |
13 |
L-Artikolu 11 ta’ dan il-protokoll jipprevedi: “Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni:
[…]” |
14 |
Fi kliem l-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll: “Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni. Kull istituzzjoni ta’ l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta’ l-Unjoni.” |
15 |
L-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi: “L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.” |
16 |
L-Artikolu 22 ta’ dan il-protokoll jipprevedi: “Dan il-Protokoll għandu jkun japplika wkoll għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta’ l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. […]” |
Id-dritt Latvjan
Il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Latvja
17 |
L-Artikolu 2 tal-likums “Par Latvijas Banku” (il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal‑Latvja) jipprevedi li l-Bank Ċentrali tal-Latvja huwa membru tas-SEBĊ. |
18 |
Skont l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, il-Bank Ċentrali tal-Latvja għandu jikkoopera mal-BĊE, mal-banek ċentrali tal-Istati Membri tal-Unjoni u mal-banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll ma’ entitajiet finanzjarji oħra. Il-Bank Ċentrali tal-Latvja, bla ħsara għall-ftehim tal-BĊE, huwa awtorizzat jipparteċipa fl-istituzzjonijiet monetarji internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 6.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas‑SEBĊ u tal-BĊE. Il-Bank Ċentrali tal-Latvja jista’ jipparteċipa fl‑istituzzjonijiet monetarji internazzjonali li jikkorrispondu għall-iskopijiet u għall-funzjonijiet tiegħu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta’ dan il‑protokoll. |
19 |
Mill-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-Gvernatur, il-Viċi Gvernatur u l‑Membri tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal-Latvja la jitolbu u lanqas jaċċettaw ebda istruzzjoni mill-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u minn dawk tal-Istati Membri l‑oħra tal-Unjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u minn istituzzjonijiet nazzjonali, barranin jew internazzjonali oħra u mill-organi tagħhom. Dan l‑artikolu jipprevedi wkoll, konformement mal-Artikolu 130 TFUE, li dawn il‑gvernijiet, istituzzjonijiet u l-organi tagħhom ma jistgħux jagħtu istruzzjonijiet lill-Gvernatur, lill-Viċi Gvernatur u lill-Membri tal-Kunsill tal-Bank Ċentrali tal‑Latvja, u lanqas ma jistgħu jfittxu li jinfluwenzawhom b’mod ieħor fl‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Il-Bank Ċentrali tal-Latvja għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu u jimplimentahom b’indipendenza sħiħa. |
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali
20 |
L-Artikolu 10 tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprovdi li l-immunità mill-proċeduri kriminali teżenta, totalment jew parzjalment, persuna milli tipparteċipa fi proċeduri kriminali kif ukoll milli tixhed u tipproduċi dokumenti u atti, u tipprojbixxi jew tirrestrinġi d-dritt li jiġu eżerċitati proċeduri kriminali kontriha u li jiġu applikati miżuri vinkolanti fil-konfront tagħha, kif ukoll id-dritt ta’ dħul fil-bini fil-pussess tagħha u ta’ twettiq fih ta’ atti ta’ investigazzjoni. |
21 |
Fi kliem l-Artikolu 116(1) sa (3) ta’ dan il-kodiċi: “1. L-immunità minn proċeduri kriminali hija bbażata fuq l-istatus ġuridiku speċjali ta’ persuna, ta’ informazzjoni jew ta’ post, speċifikat fil-Kostituzzjoni, f’dan il-kodiċi, jew f’liġijiet jew trattati internazzjonali oħra, li jiggarantixxi d‑dritt ta’ persuna li ma tikkonformax ruħha, totalment jew parzjalment, ma’ obbligu skont il-proċeduri kriminali jew li jirrestrinġi d-dritt ta’ twettiq ta’ atti ta’ investigazzjoni speċifiċi. 2. L-immunità minn proċeduri kriminali ta’ persuna tirriżulta:
3. Persuna għandha d-dritt għall-immunità mill-proċeduri kriminali meta l‑informazzjoni mitluba mingħandha tikkonċerna:
|
22 |
L-Artikolu 404 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li, mingħajr ħsara għal xi dispożizzjoni kuntrarja tal-imsemmi kodiċi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti proposta ta’ awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra persuna li tibbenifika, skont il-liġi, mill‑immunità minn proċeduri kriminali jekk iqis li jeżistu raġunijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali tagħha. Flimkien mal‑proposta għandha tingħata informazzjoni dwar il-provi tal-ħtija tal-persuna li t-tneħħija tal-immunità tagħha hija mitluba. |
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 |
AB okkupa l-pożizzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja mill‑21 ta’ Diċembru 2001 sal‑21 ta’ Diċembru 2019. |
24 |
Huwa sar membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004, u sussegwentement membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fiż-żona euro fl‑1 ta’ Jannar 2014. |
25 |
Fis‑17 ta’ Frar 2018, AB ġie arrestat wara li nfetħet investigazzjoni kriminali preliminari mmexxija mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l‑Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“KNAB”) u ġie rrilaxxat fid‑19 ta’ Frar 2018. Permezz ta’ deċiżjoni adottata fl-istess jum, il-KNAB impona fuqu ċertu numru ta’ miżuri ta’ sigurtà, fosthom il-projbizzjoni mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal‑Bank Ċentrali tal-Latvja. Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, huwa ġie akkużat b’reati ta’ korruzzjoni mill-prosekutriċi responsabbli għall-kawża. |
26 |
Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja (C‑202/18 u C‑238/18 EU:C:2019:139), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet dwar rikorsi ppreżentati minn AB u mill-BĊE, annullat id-deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018 tal-KNAB, sa fejn din kienet tipprojbixxi lil AB milli jeżerċita l‑funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja. Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika tal-Latvja ma kinitx stabbilixxiet li t‑tneħħija tal-funzjonijiet ta’ AB kienet ibbażata fuq indizji suffiċjenti li jistabbilixxu li dan kien aġixxa b’mod serjament ħażin, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. |
27 |
L-att ta’ akkuża ta’ AB ġie kkompletat fl‑24 ta’ Mejju 2019 u jinkludi tliet kapi ta’ akkuża. |
28 |
L-ewwel kap ta’ akkuża mressaq kontrih jikkonċerna l-aċċettazzjoni, qabel it‑30 ta’ Ġunju 2010, ta’ offerta ta’ tixħim magħmula minn KM, president tal-bord ta’ sorveljanza ta’ bank Latvjan, u ta’ tixħim innifsu, li jikkonsisti fi vjaġġ ta’ divertiment kollettiv lejn il-Kamtchaka (ir-Russja), fl-ammont ta’ EUR 7490, li seħħ mill‑20 sat‑30 ta’ Awwissu 2010. Bħala korrispettiv, AB ipprovda pariri lil KM sabiex dan il-bank ikun jista’ jevadi s-sorveljanza tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“FKTK”) u astjena milli jipparteċipa fil-laqgħat tal-FKTK li matulhom ġew ittrattati l-kwistjonijiet marbuta mas-sorveljanza tal-imsemmi bank. |
29 |
It-tieni kap ta’ akkuża mressaq kontrih jikkonċerna, minn naħa, l-aċċettazzjoni, wara t‑23 ta’ Awwissu 2012, ta’ offerta ta’ tixħim li tikkonsisti fil-ħlas tas-somma ta’ EUR 500000 minn OP, viċi president tal-bord tad-diretturi tal-istess bank Latvjan, inkambju għal pariri ta’ AB sabiex tinkiseb it-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-attivitajiet ta’ dan il-bank ordnati mill-FKTK u sabiex ma jiġux imposti restrizzjonijiet oħra, u, min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni minn AB tal-ħlas ta’ nofs dan it-tixħim, jiġifieri EUR 250000. In-nofs l-ieħor tat-tixħim, li kellu jitħallas wara l-adozzjoni mill-FKTK ta’ deċiżjoni favorevoli għall-imsemmi bank, ma kienx tħallas lil AB. |
30 |
It-tielet kap ta’ akkuża mressaq kontrih jikkonċerna l-ħasil tal-flus intiż sabiex jaħbi l-oriġini, it-trasferimenti u l-proprjetà tal-fondi mħallsa lil AB li jikkorrispondu għat-tixħim imsemmi fit-tieni kap ta’ akkuża. Dan it-tixħim ġie investit fl-akkwist ta’ proprjetà immobbli minn kumpannija skrin permezz ta’ fondi ttrasferiti minn intermedjarju. |
31 |
Matul il-proċeduri kriminali, l-avukati ta’ AB talbu lill-qorti tar-rinviju tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Filwaqt li jinvokaw l-Artikoli 11 u 22 ta’ dan il-protokoll, huma jikkunsidraw li l-immunità minn proċeduri legali prevista mill-imsemmi protokoll hija applikabbli għal AB għall-atti li huwa wettaq fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE. |
32 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jikkontestax li AB jista’ jibbenefika minn din l‑immunità meta jaġixxi bħala membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, iżda jqis li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, l-atti li huwa akkużat bihom ma humiex marbuta mal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru ta’ dan il-kunsill, b’tali mod li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ma japplikax għal AB. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha, qabel ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura kriminali, tippronunzja ruħha fuq l-eżistenza u l-estent ta’ immunità possibbli ta’ AB. Hija tistaqsi jekk il-kwalità ta’ gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja, li minnha toħroġ ukoll dik ta’ membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, tagħtix awtomatikament lil AB immunità minn proċeduri kriminali u minn proċeduri ġudizzjarji. Fil-każ affermattiv, hija tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li tintalab it-tneħħija ta’ din l-immunità fil-każijiet kollha jew jekk l-awtorità responsabbli għall-proċedura, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-fażi preliminari, u l-qorti tal-mertu fil-proċedura ġudizzjarja, humiex kompetenti sabiex jevalwaw jekk, fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri kriminali inkwistjoni, jeżistix interess għall-Unjoni li l-persuna involuta tibbenefika minn din l‑immunità u, fil-każ fejn dan l-interess jeżisti, sabiex jitolbu t-tneħħija tal‑imsemmija immunità meta l-atti jkunu marbuta mal-eżerċizzju ta’ kariga fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, f’dan il-każ il-BĊE. Fil-każ li membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jingħata l-immunità mill-proċeduri kriminali, il-qorti tar‑rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar f’liema stadju tal-proċedura għandha tintalab it-tneħħija ta’ din l-immunità. Fl-aħħar nett, hija tosserva li, sa fejn l-aġir u l-atti ta’ persuna huma ddeterminati mill-informazzjoni kollha li hija għandha, ma huwiex dejjem faċli, fil-prattika, li l-immunità mogħtija fl-interess tal-Unjoni tiġi sseparata mill-atti mwettqa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l‑immunità. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rīgas rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Riga, il‑Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
35 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandux jiġi interpretat fis-sens li l-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru jista’ jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) ta’ dan il-protokoll. |
36 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru huwa fost il-persuni msemmija fl-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il‑Privileġġi u l-Immunitajiet. |
37 |
Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi li dan japplika għall-BĊE, għall-membri tal-korpi tiegħu u għall-persunal tiegħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. |
38 |
Issa, minn naħa, il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma, skont l-Artikolu 283(1) TFUE u l-Artikolu 10.1 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, membri ipso iure tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, li jikkostitwixxi korp deċiżjonali tal-BĊE, skont l-Artikolu 129(1) TFUE u l-Artikolu 9.3 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 44.2 ta’ dan il-protokoll jipprovdi li l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri huma membri tal-Kunsill Ġenerali, it-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE skont l-Artikolu 44.1 tal-imsemmi protokoll. |
39 |
Konsegwentement, bħala membru ta’ mill-inqas korp wieħed tal-BĊE, il-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru għandu jkun fost il-persuni msemmija fl-Artikolu 22(1) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Għaldaqstant, dan il-protokoll huwa applikabbli għalih. |
40 |
Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jistax jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. |
41 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 22(1) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ma jippreċiżax id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll li huma applikabbli għall-persuni li huwa jsemmi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi protokoll jagħti immunitajiet, li jvarjaw skont in-natura u l-portata tagħhom, lil tliet kategoriji ta’ persuni, li magħhom ir-rabta tal-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ma hijiex ovvja. |
42 |
L-ewwel, l-immunitajiet tal-membri tal-Parlament Ewropew, imsemmija fl-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, huma ddefiniti f’termini li jirrigwardaw speċifikament il-funzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar u għalhekk ma humiex applikabbli għal gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali. |
43 |
It-tieni, l-immunitajiet tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma s-suġġett tal-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, lanqas ma jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali. Minn naħa, dan tal-aħħar ma jistax jitqies li huwa r-rappreżentant ta’ Stat Membru meta jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Fil-fatt, l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprovdu li, fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom mit-Trattati, il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali la jistgħu jitolbu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet b’mod partikolari mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 72). Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, l-immunitajiet tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fix-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma l-“immunitajiet […] konswetudinarji”, u dan, kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jinftiehem bħala riferiment għall-immunitajiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961. Issa, tali immunitajiet, li jingħataw lid-diplomatiċi sabiex jiżguraw it-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari fl-Istat ta’ residenza, ma jistgħux, min-natura tagħhom, jiġu invokati mill-benefiċjarji tagħhom kontra l-Istati Membri li tagħhom huma r-rappreżentanti. Konsegwentement, il-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru ma jistax, fi kwalunkwe każ, jinvoka l-benefiċċju tal-imsemmija immunitajiet fil-konfront tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. |
44 |
It-tielet, għalkemm l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni jgawdu, skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, mill-immunità minn proċeduri legali għall-atti mwettqa minnhom, inkluż il-kliem u l-kitbiet tagħhom, fil-kwalità uffiċjali tagħhom, għandu jiġi osservat li l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali jinsabu f’pożizzjoni differenti minn dawn tal-aħħar. Minn naħa, bħala awtoritajiet nazzjonali, huma jinħatru u, meta jkun il-każ, jitneħħew mill-Istati Membri (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 72). Min-naħa l-oħra, dawn ma humiex suġġetti għal istituzzjoni tal-Unjoni, peress li, skont l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, huma la jistgħu jitolbu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet mingħand istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri jew minn kwalunkwe organu ieħor. |
45 |
Madankollu, il-pożizzjoni ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, li huwa ċertament awtorità nazzjonali iżda jaġixxi fl-ambitu tas-SEBĊ u li, bħala gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, jifforma parti mill-korp prinċipali ta’ ġestjoni tal-BĊE, hija kkaratterizzata minn rwol funzjonali doppju li jwassal għal status ibridu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Ilmārs Rimšēvičs u BĊE vs Il-Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 70). Għalhekk, dan il-gvernatur jaġixxi f’isem istituzzjoni tal-Unjoni, f’dan il-każ il-BĊE, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kunsill Regolatorju. L-istess japplika, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, għal gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. |
46 |
L-immunità li minnha gvernatur ta’ bank ċentrali jibbenefika fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jew bħala membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE tirriżulta għalhekk mir-rekwiżit li jiġu żgurati l-immunitajiet tiegħu li huma neċessarji għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu, kif previst fl-Artikolu 39 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Konsegwentement, gvernatur ta’ bank ċentrali għandu jibbenefika, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, minn privileġġi u mill-immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tad-dmirijiet tal-BĊE. |
47 |
Barra minn hekk, l-għoti lill-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-benefiċċju tal-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-indipendenza tal-benefiċjarji tagħha fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali fl-interess tal-Unjoni, huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-indipendenza li l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jirrikjedu b’mod partikolari mill-imsemmija gvernaturi fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom mit-Trattati u mill-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. |
48 |
Barra minn hekk, peress li l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ma jistgħu manifestament jibbenefikaw minn ebda waħda miż-żewġ immunitajiet l-oħra previsti mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, il-fatt li dawn jiġu mċaħħda wkoll mill-benefiċċju tal-immunità minn proċedura legali stabbilita fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ikollu l-konsegwenza paradossali li jċaħħad minn kull immunità lill-persuni li lilhom it-Trattati jafdaw ir-responsabbiltà li jmexxu l-politika monetarja tal-Unjoni u li lilhom huma riedu espressament jipproteġu minn kull influwenza fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu. |
49 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22(1) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-persunal tal-BĊE, li huwa jsemmi espressament, l-istess immunità minn proċeduri legali li minnha jgawdi l-persunal tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni. Issa, la mit-Trattati u lanqas mill-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-membri tal-korpi tal-BĊE, u b’mod partikolari lill-membri tal-Kunsill Regolatorju, il-korp deċiżjonali prinċipali tiegħu, protezzjoni inqas minn dik mogħtija lill-persunal kollu tal-BĊE. |
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, moqri fid-dawl tal-Artikolu 130 TFUE u tal-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar l‑Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru jista’ jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għall-atti li huwa wettaq fil-kwalità uffiċjali tiegħu bħala membru ta’ korp tal‑BĊE. |
Fuq it-tieni domanda
51 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ dan il-protokoll, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru jkompli jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-imsemmi protokoll wara li jkun waqaf jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. |
52 |
Skont din id-dispożizzjoni, l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni għandhom ikomplu jgawdu mill-immunità minn proċeduri legali wara t-tmiem tal‑funzjonijiet tagħhom. Issa, kif ġie konkluż fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il‑gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jibbenefika minn din l-immunità minn proċeduri legali bħala membru ta’ korp tal-BĊE, skont l-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Konsegwentement, huwa jżomm il-benefiċċju wara li jkun waqaf jeżerċita l-funzjonijiet ta’ membru ta’ tali korp. |
53 |
Huwa għalhekk li t-tmiem tal-funzjonijiet ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, li jtemm, skont l-Artikolu 10.1 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, l-eżerċizzju ipso iure tal-funzjonijiet ta’ membru ta’ korp tal-BĊE minn dan il-gvernatur, ma jneħħix lil dan tal-aħħar il-benefiċċju tal-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l‑Immunitajiet. |
54 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru jkompli, għall-atti mwettqa fil-kwalità uffiċjali tiegħu, jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal‑imsemmi protokoll wara li jkun waqaf jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. |
Fuq ir-raba’ domanda
55 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(a) tal‑Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan il-protokoll, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali, jiġifieri, skont l-istadju tal‑proċedura, l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali jew il-qorti kriminali kompetenti, tikkonstata hija stess li l-kundizzjonijiet tal-immunità minn proċeduri legali jkunu ssodisfatti qabel ma titlob lill-istituzzjoni kkonċernata t‑tneħħija tagħha. |
56 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni għandhom igawdu mill-immunità minn proċeduri legali biss għall-atti li huma jkunu wettqu “fil-kwalità uffiċjali tagħhom”, jiġifieri fil-kuntest tal-kompitu fdat lill-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Sayag u Leduc, 5/68, EU:C:1968:42, p. 585). |
57 |
Barra minn hekk, il-privileġġi u l-immunitajiet, irrikonoxxuti lill-Unjoni permezz ta’ dan il-protokoll, huma ta’ natura funzjonali sa fejn dawn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, li jimplika, b’mod partikolari, li l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet mogħtija lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni jingħataw biss fl-interess ta’ din tal-aħħar (digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 19 u 20, u s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 47). |
58 |
Sabiex tiġi ggarantita din in-natura funzjonali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll jipprovdi li l-immunità għandha tingħata lill-uffiċjali u lill‑membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni esklużivament fl-interess tal-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-istess protokoll jimplimenta dan il-prinċipju billi jipprovdi li kull istituzzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa tneħħi l-immunità mogħtija lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal ieħor fil-każijiet kollha fejn hija tqis li t-tneħħija tal-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. |
59 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li hija l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata u mhux l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali li għandha tevalwa jekk it-tneħħija tal-immunità tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. |
60 |
B’kuntrast ma’ dan, la l-Artikolu 11(a) u lanqas l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ma jindikaw liema hija l-awtorità kompetenti sabiex tevalwa l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-immunità minn proċeduri legali mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li l-att li bih huwa akkużat l‑uffiċjal jew l-membru tal-persunal tal-Unjoni għandu jkun twettaq minn dan tal‑aħħar fil-kwalità uffiċjali tiegħu. |
61 |
Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet li għandha tiġi ddeterminata l-awtorità kompetenti sabiex tevalwa jekk din il-kundizzjoni tkunx issodisfatta. |
62 |
Fl-ewwel lok, l-istituzzjoni tal-Unjoni li taħtha jaqa’ l-uffiċjal jew il-membru tal‑persunal involut hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina f’liema kwalità dan aġixxa. Huwa possibbli wkoll li din ikollha d-dokumenti neċessarji għall‑konstatazzjoni tar-reat (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315). Barra minn hekk, il‑kompetenza li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jagħti espliċitament lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata sabiex tivverifika li t-talba għat-tneħħija tal-immunità indirizzata lilha ma tmurx kontra l‑interessi tal-Unjoni tagħtiha l-kompetenza sabiex tiżgura ruħha li l-att li bih huwa akkużat l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikun twettaq fil-kwalità uffiċjali tiegħu f’isem l-Unjoni. Fil-fatt, jekk l-aġir tal-uffiċjal jew tal-membru tal‑persunal ma jkunx twettaq fil-kwalità uffiċjali tiegħu, il-proċeduri mressqa kontra dawn tal-aħħar ma jkunux a fortiori mistennija li jkunu ta’ ħsara għall‑interessi tal-Unjoni. Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l‑istituzzjoni tal-Unjoni li taħtha taqa’ l-persuna kkonċernata hija kompetenti sabiex tevalwa l-kundizzjoni mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza. |
63 |
Fit-tieni lok, tali konklużjoni ma timplikax madankollu li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata tkun, f’kull ċirkustanza, kompetenti sabiex tevalwa jekk l-att li bih ikun akkużat l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni twettaqx minnu fil‑kwalità uffiċjali tiegħu. |
64 |
Fil-fatt, kif l-Avukata Ġenerali esponiet essenzjalment fil-punt 93 tal‑konklużjonijiet tagħha, huma qabelxejn l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti tal-Istati Membri li fil-prattika huma aditi bil-kwistjoni dwar jekk jeżistix ostakolu għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra membru tal-persunal tal-Unjoni minħabba l-immunità li dan tal-aħħar jista’ jinvoka, peress li huma biss għandhom l-informazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-att inkriminat għandux il‑karatteristiċi ta’ att imwettaq minn tali membru tal-persunal fl-Unjoni fil‑kwalità uffiċjali tiegħu f’isem l-istituzzjoni tal-Unjoni li taħtha huwa jaqa’. |
65 |
Jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ma jkollhom ebda kompetenza sabiex jevalwaw jekk l-att twettaqx fil-kwalità uffiċjali, huma jkunu obbligati jitolbu lill‑istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata t-tneħħija tal-immunità fil-każijiet kollha fejn l-att inkriminat ikun twettaq minn uffiċjal jew membru tal-persunal tal‑Unjoni. |
66 |
Madankollu, tali interpretazzjoni tmur kontra l-għanijiet li l-awturi tat-Trattati jfittxu li jilħqu billi jagħtu lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni immunità minn proċeduri legali. |
67 |
Fil-fatt, minn naħa, l-immunità minn proċeduri legali hija, skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, limitata għall-atti mwettqa mill‑uffiċjali u mill-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni fil-kwalità uffiċjali tagħhom u, konsegwentement, tkopri biss proporzjon żgħir ta’ atti kriminalment sanzjonabbli li dawn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal jistgħu jwettqu. F’dan ir‑rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma koperti minn dan il-kunċett biss l‑atti li, min-natura tagħhom, jirrappreżentaw parteċipazzjoni ta’ dak li jinvoka l‑immunità fl-eżerċizzju tal-kompiti tal-istituzzjoni li taħtha huwa jaqa’ (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Sayag u Leduc, 5/68, EU:C:1968:42, p. 585). Fid-dawl ta’ din l-istess definizzjoni, atti ta’ frodi jew, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flus jaqgħu mid-definizzjoni tagħhom barra mill-ambitu tal‑funzjonijiet ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni, kif ukoll ta’ dawk ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru li jaġixxi fi ħdan korp tal‑BĊE, u ma jistgħux għalhekk jaqgħu taħt atti mwettqa minn dawn il-persuni fil-kwalità uffiċjali tagħhom. |
68 |
Min-naħa l-oħra, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il‑Privileġġi u l-Immunitajiet jirriżulta li l-immunità minn proċeduri legali hija intiża esklużivament, billi tevita li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 19), sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni u ma tistax għalhekk tostakola l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom fil-qasam tar-repressjoni tar-reati kriminali meta dawn l-interessi ma jkunux involuti. |
69 |
Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza jkun ostakolat, jew tal-inqas sistematikament imdewwem, jekk l-awtorità nazzjonali responsabbli għall‑proċeduri kriminali tkun, fil-każijiet kollha, obbligata li titlob lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata t-tneħħija tal-immunità malli jinbdew proċeduri kriminali kontra wieħed mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni. |
70 |
Konsegwentement, din l-awtorità nazzjonali għandha tkun tista’ tikkonstata li r‑reat imwettaq minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni ma kienx manifestament imwettaq minn dan tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. |
71 |
It-tqassim tal-kompetenza bejn l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali u l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk l-att li jista’ jiġi kklassifikat kriminali twettaqx minn uffiċjal jew minn membru tal‑persunal ieħor tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu huwa barra minn hekk konformi mal-intenzjoni espressa mill-awturi tat-Trattati fl-Artikolu 18 tal‑Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprovdi li, għall-applikazzjoni ta’ dan il-protokoll, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri kkonċernati. |
72 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għoti tal-assistenza attiva tagħha għal proċeduri ġudizzjarji, billi tgħaddi lill-qorti nazzjonali dokumenti u billi tawtorizza lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal tagħha jixhdu fil-proċedura nazzjonali jikkostitwixxi obbligu għal kull istituzzjoni tal-Unjoni, u dawn l‑istituzzjonijiet jibqgħu marbuta, fl-applikazzjoni tal-imsemmi protokoll, li josservaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari dawk ġudizzjarji, li huwa impost fuqhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 21 u 22). |
73 |
Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ din il-kooperazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil‑prattika, il-kwistjoni dwar jekk l-att inkriminat twettaqx mill-uffiċjal jew mill‑membru tal-persunal tal-Unjoni fil-kwalità uffiċjali tiegħu tkun qabelxejn kwistjoni tal-awtorità nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali u li din hija f’pożizzjoni li twettaq biss evalwazzjoni sommarja dwar ir-realtà ta’ dan il‑kriterju. Għalhekk, meta din tal-aħħar tikkonstata li l-att li huwa s-suġġett tal‑proċeduri kriminali ma twettaqx manifestament mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal tal-Unjoni involut fil-kwalità uffiċjali tiegħu, il-proċeduri fil‑konfront tiegħu jistgħu jitkomplew sa fejn l-immunità minn proċeduri legali ma tapplikax. B’kuntrast ma’ dan, meta, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-imsemmija awtorità nazzjonali tistaqsi dwar dan il-punt, hija għandha, skont il‑prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, u konformement mal-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, tikkonsulta lill‑istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata u, fil-każ li din tqis li l-att twettaq fil‑kwalità uffiċjali, titlob mingħandha t-tneħħija tal-immunità tal-uffiċjal jew tal‑membru tal-persunal involut. |
74 |
Fil-każ fejn l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali tikkunsidra mill-bidu li l-att twettaq mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat fil-kwalità uffiċjali tiegħu, hija għandha tindirizza direttament lill‑istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu jekk ikollha l-intenzjoni tkompli b’dawn il-proċeduri. Skont ir-regola inkluża fit‑tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, li tikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li għandhom l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni lejn l-Istati Membri, din it-talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tintlaqa’ ħlief jekk jiġi stabbilit li l‑interessi tal-Unjoni jipprekludu dan. Din in-natura funzjonali u, għaldaqstant, relattiva tal-privileġġi u tal-immunitajiet tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tenfasizza (digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 20), tassumi importanza ikbar sa fejn l‑effettività tal-proċeduri, partikolarment dawk kriminali, fl-Istati Membri tista’ hija stess taqa’ direttament taħt l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir‑rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punti 27 sa 29; tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 53 sa 55; u tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 212 sa 214). |
75 |
L-osservanza tat-tqassim u tal-eżerċizzju tajjeb tal-kompetenzi hawn fuq deskritti tiġi żgurata, jekk ikun il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont ir‑rimedji legali previsti mit-Trattati. Għalhekk, in-nuqqas tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi dawk ġudizzjarji, responsabbli għall-proċeduri kriminali milli jwettqu l-obbligu tagħhom, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jikkonsultaw lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata meta kwalunkwe dubju dwar jekk l-att li jikkostitwixxi l-allegat reat twettaqx f’kwalità uffiċjali ma jkunx jista’ raġonevolment jiġi eskluż, jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl‑Artikolu 258 TFUE. B’mod invers, meta t-tneħħija tal-immunità tkun intalbet lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata u tkun ġiet irrifjutata minnha, il-validità ta’ dan ir-rifjut tista’ tkun is-suġġett ta’ domanda preliminari mill-qorti nazzjonali kompetenti jew ta’ rikors dirett tal-Istat Membru kkonċernat abbażi tal‑Artikolu 263 TFUE. Fl-aħħar nett, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal‑Unjoni involut jista’ jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors kontra d‑deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni li taħtha huwa jaqa’ li tneħħi l-immunità tiegħu minn proċeduri legali skont l-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91 tar‑Regolamenti tal-Persunal, sa fejn din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att li jikkawżalu preġudizzju (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 48). |
76 |
Fid-dawl tal-konklużjoni dedotta fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li skontha l‑gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, bħala membru ta’ korp tal-BĊE skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-protokoll, l‑interpretazzjoni li tinsab fil-punti 56 sa 75 ta’ din is-sentenza tapplika bl-istess mod għall-każ ta’ tali gvernatur. |
77 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, moqri flimkien mal-Artikoli 17 u 22 ta’ dan il-protokoll, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-proċeduri kriminali, jiġifieri, skont l-istadju tal-proċeduri, l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali jew il-qorti kriminali kompetenti, għandha l-kompetenza sabiex tevalwa fl-ewwel lok jekk l-eventwali reat li twettaq mill-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali, fil‑kwalità tiegħu ta’ membru ta’ korp tal-BĊE, huwiex riżultat ta’ att ta’ dan il‑gvernatur imwettaq fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu fi ħdan dan il-korp, iżda għandha, f’każ ta’ dubju, titlob, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l‑opinjoni tal-BĊE u taġixxi skont din l-opinjoni. B’kuntrast ma’ dan, huwa biss il-BĊE li għandu jevalwa, meta titressaq quddiemu talba għat-tneħħija tal‑immunità ta’ dan il-gvernatur, jekk tali tneħħija tal-immunità tmurx kontra l‑interessi tal-Unjoni, bla ħsara għall-istħarriġ li jista’ jkun hemm ta’ din l‑evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq it-tielet domanda
78 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandux jiġi interpretat fis-sens li l-immunità minn proċeduri legali li huwa jipprevedi tipprekludi l-proċeduri kriminali kollha, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni, il-ġbir tal-provi u n-notifika tal-att ta’ akkuża, jew tipprekludi biss li l-benefiċjarji tagħha jiġu ġġudikati u kkundannati minn qorti, u jekk din l‑immunità minn proċeduri legali tostakolax l-użu sussegwenti tal-provi miġbura matul l-investigazzjoni. |
79 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir‑rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kif ukoll tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri, billi jitqiesu t‑termini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali), C‑18/20, EU:C:2021:710, punt 32). |
80 |
Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ riferiment, fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, għad-dritt nazzjonali, il-kunċett ta’ “immunità minn proċeduri legali” li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li s-sens u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil dan il-kunċett interpretazzjoni uniformi fl-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni. |
81 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, l‑immunità prevista f’din id-dispożizzjoni tipprekludi tal-inqas li l-benefiċjarji tagħha jiġu ġġudikati u kkundannati minn qorti. B’kuntrast ma’ dan, mis-sempliċi formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li din l-immunità ma tkoprix ukoll uħud mill-atti tal-proċedura kriminali msemmija fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, hekk kif tirrileva l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha. |
82 |
Konsegwentement, hemm lok li l-kunċett ta’ “immunità minn proċeduri legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar. |
83 |
Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l‑Immunitajiet, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 8 u 9 ta’ dan il-protokoll jiddefinixxu l-portata tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’mod iktar preċiż minn dik tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni. Minn dawn l-artikoli jirriżulta li l-immunità tal-membri tal-Parlament hija ddefinita bħala li tinkludi l-proċeduri legali u ma hijiex għalhekk limitata biss għall-fażi tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579, punt 27, u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il-Parlament, C‑12/19 P, EU:C:2020:725, punt 39). B’kuntrast ma’ dan, tali preċiżazzjoni ma tirriżultax fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet f’dak li jikkonċerna l-immunità minn proċeduri legali. |
84 |
F’dak li jirrigwarda l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il‑Privileġġi u l-Immunitajiet, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jostakola l‑eżerċizzju ta’ proċeduri kontra uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni mill‑awtoritajiet ta’ Stat Membru biss fil-każijiet eċċezzjonali fejn l-att li huwa akkużat bih jitwettaq mill-imsemmi uffiċjal jew membru tal-persunal fil-kwalità uffiċjali tiegħu u sa fejn huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni. Issa, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑immunità minn proċeduri legali tippreżumi l-ewwel nett li jiġu stabbiliti r‑realtà u l-imputabbiltà tal-fatti, u b’hekk ħafna drabi tirrendi neċessarju li ssir investigazzjoni tal-pulizija jew ġudizzjarja u li jinġabru provi. Għaldaqstant, imur kontra l-portata deliberatament relattiva li l-awturi tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet taw lill-immunità minn proċeduri legali li din tostakola l‑investigazzjonijiet tal-pulizija jew ġudizzjarji. |
85 |
Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-immunità minn proċeduri legali, li tinkludi l-investigazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja kif ukoll il-proċeduri kriminali preliminari, tista’ twassal sabiex l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal‑Unjoni jkollhom kważi eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali u sabiex l‑eżerċizzju tal-ġustizzja kriminali fl-Istat Membru kkonċernat jiġi abbużivament ostakolat meta xi ħadd minnhom ikun involut, u dan imur kontra l-valuri, esposti fl-Artikolu 2 TUE, li għalihom issottoskrivew l-awturi tat-Trattati, u b’mod partikolari l-Istat tad-dritt. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari ma huwiex iġġustifikat li l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali ma tkunx tista’ tinnotifikah b’att ta’ akkuża. |
86 |
Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-immunità minn proċeduri legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ma tipprekludix il-proċeduri kriminali fl-intier tagħhom, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni, il-ġbir ta’ provi u n-notifika tal-att ta’ akkuża. |
87 |
Madankollu, jekk, sa mill-istadju tal-investigazzjonijiet immexxija mill‑awtoritajiet nazzjonali u qabel ma tiġi adita qorti, jiġi kkonstatat li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni jista’ jibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali għall-atti li huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, huma dawn l‑awtoritajiet, skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il‑Privileġġi u l-Immunitajiet, li għandhom jitolbu t-tneħħija tal-immunità lill‑istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, li għalhekk għandha taġixxi, b’mod partikolari, b’mod konformi ma’ dak li ġie espost fil-punti 58, 62 u 74 ta’ din is‑sentenza. |
88 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-immunità minn proċeduri legali tostakolax l‑użu sussegwenti tal-provi miġbura matul l-investigazzjoni, mill‑kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li din l-immunità ma għandhiex tali portata. Din tipprekludi biss kull użu tal-provi miġbura sabiex l-uffiċjal jew il‑membru tal-persunal tal-Unjoni involut jiġi ġġudikat u kkundannat għall-att kopert minn din l-immunità. B’kuntrast ma’ dan, peress li l-imsemmija immunità tibbenefika biss lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal tal-Unjoni kkonċernat għal att partikolari, hija ma tipprekludix li dawn il-provi jkunu jistgħu jintużaw fi proċeduri oħra li jikkonċernaw atti oħra li ma humiex koperti mill-immunità jew li huma indirizzati kontra terzi. |
89 |
Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, l‑interpretazzjoni esposta fil-punti 81 sa 88 ta’ din tal-aħħar hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-immunità minn proċeduri legali ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru, fil-kwalità tiegħu ta’ membru ta’ korp tal-BĊE. |
90 |
Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l‑Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandu jiġi interpretat fis-sens li l-immunità minn proċeduri legali li huwa jipprevedi ma tipprekludix il-proċeduri kriminali fl-intier tagħhom, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni, il-ġbir ta’ provi u n-notifika tal-att ta’ akkuża. Madankollu, jekk, sa mill-istadju tal-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet nazzjonali u qabel ma tiġi adita qorti, jiġi kkonstatat li l-persuna suġġetta għall‑investigazzjonijiet tista’ tibbenefika mill-immunità minn proċeduri legali għall-atti li huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jitolbu t-tneħħija tal-immunità lill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Din l-immunità ma tipprekludix li l-provi miġbura matul l-investigazzjoni jkunu jistgħu jintużaw fi proċeduri ġudizzjarji oħra. |
Fuq il-ħames domanda
91 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 11(a) u l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-immunità minn proċeduri legali tista’ tiġi invokata fl-interess tal-Unjoni meta l-benefiċjarju ta’ din l-immunità jkun involut fl-ambitu ta’ proċeduri kriminali għal atti li ma humiex marbuta mal-funzjonijiet li huwa jeżerċita f’isem istituzzjoni tal-Unjoni. |
92 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, minn naħa, mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jirriżulta li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni jgawdu minn immunità minn proċeduri legali biss għall-atti mwettqa fil-kwalità uffiċjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, mill-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 17 ta’ dan il-protokoll, jirriżulta li din l-immunità tingħata biss jekk tkun iġġustifikata minn interess tal-Unjoni. |
93 |
Kif ġie espost fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, meta l-awtorità responsabbli għall‑proċeduri kriminali tikkonstata li r-reat imwettaq mill-uffiċjal jew mill‑membru tal-persunal tal-Unjoni manifestament ma jikkostitwixxix att imwettaq fil-kwalità uffiċjali tiegħu, hija tista’ teskludi l-immunità minn proċeduri legali mingħajr il-ħtieġa li l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni tiġi evalwata mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata fil-kuntest ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità. |
94 |
Konsegwentement, l-immunità minn proċeduri legali hija inapplikabbli fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali eżerċitati kontra uffiċjal jew membru tal-persunal tal‑Unjoni li jirrigwardaw atti li ma għandhom ebda rabta mal-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tiegħu. Kif tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, din il‑konklużjoni tapplika wkoll għall-gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru fil‑kwalità tiegħu ta’ membru ta’ korp tal-BĊE. |
95 |
Il-protezzjoni hekk mogħtija mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet lill-benefiċjarji tal-immunità minn proċeduri legali hija, kif tfakkar fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, ta’ portata funzjonali u, għaldaqstant, relattiva u b’mod partikolari ma tippermettix li dawn jiġu protetti, jekk ikun il-każ, minn pressjonijiet eventwali li jistgħu jiġu eżerċitati intenzjonalment fuqhom permezz ta’ proċeduri abbużivi għal atti li ma jitwettqux mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal l‑oħra tal-Unjoni fil-kwalità uffiċjali tagħhom. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri huma marbuta, skont it‑tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitaw it-twettiq mill-Unjoni tal-missjoni tagħha u li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal‑għanijiet tal-Unjoni. Issa, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil‑punt 138 tal-konklużjonijiet tagħha, tali pressjonijiet jistgħu jaffettwaw il‑funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, għaldaqstant, jipperikolaw it‑twettiq tal-għanijiet tagħha. |
96 |
Fi kwalunkwe każ, l-osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali skont l‑Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet u l‑Artikolu 4(3) TUE tista’ tiġi imposta permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE), (C‑316/19, EU:C:2020:1030). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali li jifforma parti mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE, l‑Artikolu 130 TFUE, riprodott fl-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, li jiggarantixxi l-indipendenza tal-membri tal‑korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal‑kompiti u tad-dmirijiet mogħtija lilhom mit-Trattati u mill-Protokoll dwar l‑Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, jipprovdi wkoll bażi legali xierqa lill-Kummissjoni sabiex titlob, jekk ikun il-każ, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata manuvri intiżi sabiex jikkompromettu din l-indipendenza. |
97 |
Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l‑Artikolu 11(a) u l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-immunità minn proċeduri legali ma tapplikax meta l-benefiċjarju ta’ din l-immunità jkun involut fi proċeduri kriminali għal atti li ma jkunux twettqu fil-kuntest tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita f’isem istituzzjoni tal-Unjoni. |
Fuq l-ispejjeż
98 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.