EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0720

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-24 ta’ Marzu 2022.
RO legalment irrappreżentata vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn minuri fl-Istat Membru tat-twelid tiegħu – Ġenituri ta’ dan il-minuri li preċedentement kisbu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Artikolu 3(2) – Artikolu 9 – Artikolu 20(3) – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u responsabbiltà għall-eżami tagħha.
Kawża C-720/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:219

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JEAN RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑24 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑720/20

RO legalment irrappreżentata

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn wild minuri bħala inammissibbli minħabba l-għoti preċedenti ta’ protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja tiegħu – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Interessi superjuri tal-wild minuri”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża turi d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-kriterji stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 2 ) meta mat-teknikalità ta’ dawn ir-regoli tiżdied il-kumplessità tar-realtajiet soċjali u, b’mod partikolari, ir-realtà tal-ħajja tal-familja tar-refuġjati. Kif juru d-diversi kawżi attwalment ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ħajja tal-familja la hija marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet ratione temporis u lanqas ma’ dawk ta’ spazju ( 3 ). Il-familji jiċċaqilqu minn Stat Membru wieħed lejn ieħor, minkejja li l-istatus ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali mogħti lill-membri tagħhom ma jippermettilhomx li jistabbilixxu ruħhom, b’għażla tagħhom, fit-territorju tal-Unjoni ( 4 ). Fl-istess ħin, il-familji jikbru, u b’hekk tqum il-kwistjoni tal-istatus legali tal-wild u, b’mod partikolari, tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-wild minuri imwieled fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-istess wieħed li jagħti din il-protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja tiegħu (iktar ’il quddiem l-“Istat ospitanti”).

2.

Din il-kawża turi tali sekwenza ta’ ċirkustanzi. F’dan il-każ, il-membri ta’ familja ta’ nazzjonalità Russa kisbu l-istatus ta’ refuġjati fil-Polonja fl‑2012, qabel ma ċċaqilqu u stabbilixxew ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja, mingħajr ma kienet inħarġet awtorizzazzjoni ta’ residenza għal dan il-għan. Huwa f’dan l-aħħar Stat Membru, li fih din il-familja tgħix b’mod irregolari, li twieled, fl‑2015, wild minuri ieħor (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). Dan il-wild minuri ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi, liema applikazzjoni ġiet iddikjarata inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE ( 5 ).

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tiddetermina r-regoli proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, imressqa mill-imsemmi wild minuri fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa twieled u fejn jgħix mal-membri tal-familja tiegħu, filwaqt li dawn tal-aħħar kisbu l-istatus ta’ refuġjati fi Stat Membru ieħor, li huma għażlu li jitilqu minnu u li ma jixtiqux jirritornaw lura fih.

4.

Huwa paċifiku li għandha tinżamm l-unità tal-familja kemm tal-applikanti kif ukoll tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u li tingħata lill-interessi tal-wild minuri il-kunsiderazzjoni kollha meħtieġa imposta skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Huwa wkoll essenzjali li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għall-ażil, sanċit fl-Artikolu 18 tal-Karta, f’dak li jirrigwarda kemm l-aċċess tal-minuri għal proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-benefiċċju mill-membri tal-familja tiegħu tad-drittijiet marbuta mal-istatus tagħhom ta’ refuġjati. Issa, għalkemm ir-Regolament Nru 604/2013 jiddelimita t-trasferiment tar-responsabbiltajiet marbuta mal-eżami ta’ din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, id-dispożizzjonijiet previsti fih ma jippermettux li jinftehmu s-sekwenzi kollha taċ-ċirkustanzi marbuta, b’mod partikolari, mal-ispostament tal-familji fit-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan ir-regolament ma għandux l-għan li jirregola t-trasferiment tar-responsabbiltajiet relatati mal-protezzjoni internazzjonali, daqstant ieħor essenzjali f’każijiet bħal dak inkwistjoni, u li, attwalment, jaqa’ taħt il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 6 ) u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasferiment tar-Responsabbiltà fir-rigward tar-Refuġjati ( 7 ).

5.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesprimi r-riżervi tiegħi fir-rigward tar-rimedji proċedurali li ġew ikkunsidrati kemm fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll matul id-dibattiti, jiġifieri applikazzjoni b’analoġija jew tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013, jew tal-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament, jew tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32. Konsegwentement, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi rimedju ieħor, ibbażat fuq l-interessi superjuri tal-wild minuri, u ser nipproponilha li tiddeċiedi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn il-wild minuri ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa twieled u fejn huwa għandu, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-interessi superjuri ta’ dan il-wild minuri jeżiġu li dan l-Istat Membru jkun responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-imsemmija applikazzjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

6.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nagħmel riferiment għall-Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta kif ukoll għall-Artikoli 3, 6, 9, 20 u 21 tar-Regolament Nru 604/2013. Ser insemmi wkoll l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95.

B.   Id‑dritt Ġermaniż

7.

L-Artikolu 29 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 ( 8 ), kif emendata bl-Integrationsgesetz (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni) tal‑31 ta’ Lulju 2016 ( 9 ), li daħlet fis-seħħ fis‑6 ta’ Awwissu 2016, huwa intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli” u jipprevedi:

“(1)   Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

1.

Stat Membru ieħor huwa responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil

a)

skont ir-Regolament [Nru 604/2013], jew

b)

skont regoli oħra tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ftehim internazzjonali

[…]”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8.

Ir-rikorrenti u l-membri tal-familja tagħha huma ċittadini Russi, ta’ oriġini Ċeċena. Fid‑19 ta’ Marzu 2012, filwaqt li r-rikorrenti kienet għadha ma twelditx, il-membri tal-familja tagħha kisbu l-istatus ta’ refuġjati fil-Polonja. Sussegwentement huma telqu minn dan l-Istat Membru f’Diċembru 2012 sabiex imorru l-Ġermanja, fejn ippreżentaw applikazzjonijiet ġodda għal protezzjoni internazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi għalhekk indirizzaw talbiet għat-teħid lura tal-persuni kkonċernati lill-awtoritajiet Pollakki, li dawn tal-aħħar ma laqgħux minħabba li l-membri tal-familja kienu diġà bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fil-Polonja ( 10 ).

9.

Fit‑2 ta’ Ottubru 2013, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti għalhekk ikkunsidraw dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli. Huma għalhekk ordnaw lill-membri tal-familja jitilqu mit-territorju, taħt piena ta’ tneħħija, peress li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98) ( 11 ).

10.

Fil‑21 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti twieldet fil-Ġermanja. Hija għandha nazzjonalità Russa, bħall-membri tal-familja tagħha. Hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl‑2016. Skont il-qorti tar-rinviju, ebda proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma nbdiet fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni.

11.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi tal‑14 ta’ Frar 2019, aġġornata fid‑19 ta’ Marzu 2019, il-membri tal-familja tar-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ ordni ġdida ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2019, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti bħala inammissibbli. Għalhekk, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din għandha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hijiex, skont ir-Regolament Nru 604/2013, l-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jekk, fin-nuqqas ta’ dan, hija għandhiex madankollu d-dritt li tiċħadha bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

13.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fid-dawl tal-għan tad-dritt tal-Unjoni li jiġi evitat il-moviment sekondarju, iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-unità tal-familja li huwa espress fir-[Regolament Nru 604/2013] għandha ssir applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament meta wild minuri u l-ġenituri tiegħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-istess Stat Membru, iżda fejn il-ġenituri għandhom diġà protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor filwaqt li l-wild twieled fl-Istat Membru li fih huwa ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-applikazzjoni għal ażil tal-wild minuri skont ir-[Regolament Nru 604/2013] għandha ma tiġix eżaminata u għandha tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni, pereżempju, li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-wild minuri l-Istat Membru li fih il-ġenituri tiegħu għandhom protezzjoni internazzjonali?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 20(3) tar-[Regolament Nru 604/2013] japplika wkoll b’analoġija sa fejn, skont it-tieni sentenza tiegħu, huwa inutli li tinbeda proċedura ġdida ta’ responsabbiltà għall-wild li twieled sussegwentement, minkejja li hemm imbagħad ir-riskju li l-Istat Membru ospitanti ma jkollux għarfien tal-eventwali neċessità li tittieħed responsabbiltà għall-wild minuri jew ir-riskju li, skont il-prassi amministrattiva tiegħu, huwa jiċħad applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament u, b’hekk, ikun hemm ir-riskju li l-wild minuri jsir ‘refugee in orbit’?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni u t-tielet domanda, tista’ tingħata deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-[Direttiva 2013/32], lil wild minuri li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru anki jekk ma jkunx dan il-wild innifsu, iżda l-ġenituri tiegħu, li jkollhom protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor?”

14.

Ir-rikorrenti, il-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Taljan, Olandiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u/jew orali waqt is-seduta li nżammet fl‑14 ta’ Diċembru 2021.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

15.

Preliminarjament, jidhirli li huwa neċessarju li nagħmel xi rimarki dwar il-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari b’rabta mal-portata tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati kif ukoll tad-dibattiti orali.

16.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari li l-formulazzjoni tagħhom tirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32. Dan l-artikolu jiddistingwi bejn, minn naħa, il-każijiet li fihom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013, peress li l-Istat Membru adit iwettaq għalhekk trasferiment tar-responsabbiltà tiegħu li jeżamina din l-applikazzjoni lill-Istat Membru li huwa jqis responsabbli, u, min-naħa l-oħra, dawk li fihom tali applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli ( 12 ).

17.

L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari jirrigwardaw għalhekk il-punt sa fejn ir-responsabbiltà marbuta mal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ wild minuri imwieled fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi ttrasferita lil Stat Membru ieħor li qabel ikun ta l-istatus ta’ refuġjati lill-membri tal-familja tiegħu. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex possibbli li jiġi applikat b’analoġija l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 u, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk huwiex possibbli, abbażi tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, li dan il-wild minuri jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru li fih il-ġenituri tiegħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u dan għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu.

18.

Fil-każ li tali applikazzjoni b’analoġija ma tkunx prevedibbli, dik il-qorti għalhekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tar-raba’ domanda tagħha, jekk huwiex possibbli li din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ddikjarata inammissibbli abbażi ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

19.

Fl-ewwel lok, ser nesponi r-raġunijiet għaliex l-ebda wieħed mir-rimedji proċedurali previsti fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jidher li huwa adatt, peress li kull waħda mill-partijiet tidher li għandha diffikultajiet sabiex tipproċedi b’applikazzjoni b’analoġija aċċettabbli għal wieħed jew ieħor minn dawn ir-rimedji. Din l-applikazzjoni b’analoġija teħtieġ jekk mhux identiċità, tal-inqas xebh bejn is-sitwazzjoni li hija s-suġġett ta’ lakuna ġuridika u dik espressament irregolata. Issa, is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 u fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 huma nettament differenti ħafna minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm mill-kliem tagħhom kif ukoll mir-raison d’être tagħhom.

20.

Fit-tieni lok, ser neżamina rimedji proċedurali oħra. Minn naħa, ser nanalizza dak issuġġerit mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, jiġifieri l-applikazzjoni b’analoġija tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “Membri tal-familja li huma benefiċarji tal-protezzjoni internazzjonali”. Il-partijiet setgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-użu ta’ tali dispożizzjoni, kemm fit-tweġibiet bil-miktub tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll waqt is-seduta. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-limiti li tippreżenta tali applikazzjoni b’analoġija, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja alternattiva għal dan ir-rimedju proċedurali, li l-prinċipju ewlieni tagħha huwa l-interessi superjuri tal-wild minuri.

21.

Kif qablu l-partijiet waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tipprovdi soluzzjoni għall-futur peress li, fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi li hija saret responsabbli sabiex twettaq l-eżami tal-applikazzjoni tal-wild minuri, minħabba l-iskadenza tat-termini stabbiliti mir-Regolament Nru 604/2013 għall-preżentata ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà. Dan il-futur ma huwiex daqshekk ’il bogħod peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’problema simili fil-Kawża C‑153/21, Ministre de l’immigration et de l’asile ( 13 ), sospiż fil‑11 ta’ Novembru 2021.

B.   L‑eżami tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

1. Fuq l‑applikazzjoni b’analoġija tal‑Artikolu 20(3) tar‑Regolament Nru 604/2013, dwar it‑teħid inkunsiderazzjoni tas‑sitwazzjoni tal‑minuri fil‑kuntest tal‑proċess ta’ determinazzjoni tal‑Istat Membru responsabbli (l‑ewwel sat‑tielet domanda preliminari)

22.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, bil-għan li tillimita l-movimenti sekondarji u li jiġi ppreżervat id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 jistax jiġi applikat b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha wild minuri jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fih huwa twieled, filwaqt li l-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

23.

Għar-raġunijiet li ser nesponi, jekk tali analoġija tiġi ammessa, dan iwassal sabiex jiġu injorati t-termini u r-ratio legis tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013.

24.

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi r-regoli applikabbli għall-ftuħ, jew għall-“bidu”, sabiex nuża l-kliem tat-titolu tiegħu, tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

25.

Fl-Artikolu 20(1) u (2) tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jispeċifika, fl-ewwel lok, li l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jibda “hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru” ( 14 ) (paragrafu 1) u li tali applikazzjoni titqies sottomessa mill-mument li fih l-awtorità kompetenti tirċievi jew il-formola ppreżentata għal dan il-għan mill-applikant jew ir-rapport redatt mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (paragrafu 2).

26.

Fit-tieni lok, fl-Artikolu 20(3) tal-istess regolament, dan il-leġiżlatur jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni tal-minorenni” fil-kuntest ta’ dan il-proċess. Dan il-paragrafu huwa redatt kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, is-sitwazzjoni ta’ minorenni li jkun jakkumpanja lill-applikant u li jissodisfa d-definizzjoni ta’ membru tal-familja għandha tkun indissoċjabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu/tagħha u għandha tkun materja tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dak il- membru tal-familja, ukoll jekk il-minorenni ma huwiex/ma hijiex individwalment applikant(a), sakemm huwa fl-aħjar interess tal-minorenni. L-istess trattament għandu jkun applikat lil tfal imwielda wara li l-applikant jasal fit-territorju tal-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li titnieda proċedura ġdida biex wieħed jinkariga ruħu minnhom.” ( 15 )

27.

L-ewwel, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għas-sitwazzjoni ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu jkunu ppreżentaw għall-ewwel darba fi Stat Membru applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 604/2013, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma għalhekk involuti fi proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet ( 16 ).

28.

Issa, ma hijiex possibbli analoġija bejn is-sitwazzjoni ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali u dik ta’ minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma diġà benefiċjarji ta’ tali protezzjoni. Il-kunċetti ta’ “applikant għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” huma ddefiniti b’mod differenti fl-Artikolu 2(b), (c) u (f) tar-Regolament Nru 604/2013 u jkopru statuti legali distinti li r-rikonoxximent u l-kontenut tagħhom huma rregolati minn dispożizzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddistingwi, fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, bejn is-sitwazzjoni tal-minuri li l-membri tal-familja tiegħu jkunu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u, fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament, is-sitwazzjoni tal-minuri li l-membri tal-familja tiegħu huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali. L-aċċettazzjoni ta’ tali analoġija bejn is-sitwazzjoni prevista minn dan il-leġiżlatur fl-Artikolu 20(3) tal-istess regolament u dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju tkun għalhekk ta’ natura li tikkomprometti d-distinzjoni li jagħmel l-imsemmi leġiżlatur bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Dan iwassal, essenzjalment, għall-istabbiliment ta’ kriterju ta’ responsabbiltà differenti minn dawk elenkati b’mod eżawrjenti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013, distint minn dak espressament imsemmi fl-Artikolu 9 tiegħu.

29.

It-tieni, li ssir tali analoġija jkun ifisser li jiġi miċħud ir-ratio legis tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013.

30.

Dan huwa espost fix-xogħol preparatorju tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 ( 17 ), li l-Artikolu 4(2) tiegħu ġie riprodott, essenzjalment, fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013. Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni ( 18 ) li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li din ir-regola hija intiża sabiex tippreżerva l-unità taċ-ċellola tal-familja, filwaqt li tipproċedi bit-trasferiment tal-minuri u tal-membri tal-familja tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn dawn tal-aħħar, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-minuri huwiex formalment applikant fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li quddiemu ġew ippreżentati dawn l-applikazzjonijiet. Din ir-regola għandha tippermetti li jiġi evitat li l-Istati Membri japplikaw b’mod differenti d-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-fatt li dawn jirregolaw b’mod differenti l-formalitajiet li minuri għandu jissodisfa sabiex jitqies bħala applikant meta jakkumpanja adult.

31.

Bla ħsara għall-fatt li dan għandu jkun fl-interessi superjuri tal-minuri, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu għalhekk l-intenzjoni li jagħmel parallel bejn is-sitwazzjoni ta’ dan il-minuri u dik tal-membri tal-familja tiegħu, li huwa jqis “indissoċjabbli” fl-istadju tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, peress li l-applikazzjonijiet tagħhom huma marbuta fiż-żmien u fl-ispazju.

32.

Issa, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni hija fundamentalment differenti minn dik prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013. Fil-fatt, kuntrarjament għall-każ previst f’dan l-artikolu, il-wild minuri ppreżenta formalment u personalment applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li għandu jitqies li huwa l-applikant. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-membri tal-familja tal-minuri, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex raġuni sabiex tibda proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Minħabba d-data u l-post tat-twelid tal-wild minuri, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan tal-aħħar, u l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jirriżulta minnha, huma ddisassoċjati fiż-żmien u fl-ispazju mill-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati preċedentement mill-membri tal-familja tiegħu fi Stat Membru ieħor ( 19 ). Minn din il-perspettiva, is-sitwazzjoni ta’ dan il-wild minuri hija de facto dissoċjabbli minn dik ta’ dawn il-membri tal-familja tiegħu.

33.

It-tielet, ma naħsibx li applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 tista’ tkun ibbażata fuq l-għan tal-ġlieda kontra l-“movimenti sekondarji” li huwa segwit mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament huma intiżi sabiex jipprevjenu l-ispostament tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. L-għan huwa għalhekk li jiġi evitat li l-applikanti, ladarba l-applikazzjoni tagħhom ġiet ippreżentata fl-ewwel Stat Membru, jitilqu minn dan l-Istat qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni, sabiex imorru fit-tieni Stat Membru li fih huma jippreżentaw applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali.

34.

Issa, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-membri tal-familja tal-applikanti ma ppreżentawx applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin quddiem diversi Stati Membri peress li diġà kienu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjati f’wieħed minn dawn l-Istati ( 20 ). Din is-sitwazzjoni qabelxejn tirrileva ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, li jillimita l-moviment liberu tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għat-territorju tal-Istat Membru tal-għoti, peress li l-membri tal-familja spostjaw ruħhom u stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ il-Ġermanja, mingħajr ma kienet inħarġitilhom awtorizzazzjoni ta’ residenza għal dan il-għan.

35.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, naħseb għalhekk li ma huwiex possibbli li jiġi applikat, b’analoġija, l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għal każ bħal dak imsemmi mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tad-differenzi sostanzjali li jeżistu bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

36.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġi applikat b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha wild minuri jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa twieled u fejn jirrisjedi mal-membri tal-familja tiegħu filwaqt li dawn jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

37.

Fid-dawl tar-risposta li qiegħed nipproponi għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

2. Fuq applikazzjoni b’analoġija tar‑raġuni ta’ inammissibbiltà tat‑talba, prevista fl‑Artikolu 33(2)(a) tad‑Direttiva 2013/32 (ir‑raba’ domanda preliminari)

38.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, abbażi ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, Stat Membru jistax jikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn wild minuri bħala inammissibbli għar-raġuni li tali protezzjoni ngħatat lill-membri tal-familja tiegħu minn Stat Membru ieħor.

39.

Għar-raġunijiet li ser nesponi, naħseb ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipproċedi b’tali applikazzjoni b’analoġija.

40.

L-ewwel, mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta “il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor”. Il-portata ta’ din ir-regola hija ppreċiżata fil-premessa 43 ta’ din id-direttiva kif ġej:

“(43)   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE […] B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jeżaminaw fil-mertu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fejn pajjiż ta’ ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat […]” ( 21 )

41.

Dan il-kliem juri mingħajr ambigwità li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 huma intiżi li japplikaw għas-sitwazzjoni li fiha l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun diġà l-benefiċjarju ta’ tali protezzjoni fi Stat Membru ieħor. Huwa fid-dawl ta’ din l-identiċità bejn l-applikant u l-benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni internazzjonali li, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, dan l-artikolu jikkonstitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ( 22 ). Tali każ ma jistax, evidentement, jiġi assimilat ma’ sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-applikant u l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jkunu persuni differenti.

42.

It-tieni, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li dan l-elenku għandu jitqies bħala eżawrjenti kemm fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu u mill-użu tal-terminu “biss” qabel l-elenku ta’ dawn ir-raġunijiet kif ukoll fid-dawl tal-iskop tiegħu, billi l-imsemmi artikolu huwa intiż li speċifikament “li l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiġi mħaffef billi jiġu ddefiniti każijiet fejn tali applikazzjoni titqies inammissibbli” ( 23 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 ma jistax jiġi applikat b’analoġija għal sitwazzjoni li ma għandha xejn komparabbli, billi dan ikun iwassal sabiex tiżdied raġuni ta’ inammissibbiltà oħra minbarra dawk elenkati espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan l-artikolu, fatt li jmur kontra r-rieda li huwa esprima b’mod ċar.

43.

Barra minn hekk, dan iwassal sabiex wild minuri, bħar-rikorrenti, jiġi mċaħħad minn aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, fatt li jmur manifestament kontra d-drittijiet fundamentali tiegħu, u b’mod partikolari kontra l-Artikolu 18 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta ( 24 ), li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2013/32. Id-dritt tal-ażil huwa dritt individwali. Billi jiddikjaraw bħala inammissibbli l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan il-wild minuri minħabba li l-membri tal-familja tiegħu rċevew protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jesponu ruħhom għall-fatt li l-applikazzjoni ppreżentata mill-imsemmi wild minuri qatt ma tiġi eżaminata. Deċiżjoni ta’ inammissibbiltà twassal għal konsegwenzi kbar li l-portata tagħhom għandha tiġi limitata strettament. Għalhekk ninnota li, fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (C‑504/21), li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu t-talba għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà tal-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, imressqa mill-awtoritajiet Griegi skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 604/2013, minħabba li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali kienu ġew iddikjarati inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

44.

It-tielet, ma nistax naqbel mal-idea, espressa minn waħda mill-partijiet waqt is-seduta, li, fil-każ ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ trasferiment lejn l-Istat ospitanti, il-wild jista’ madankollu jibbenefika mid-drittijiet u mill-vantaġġi ekonomiċi u soċjali msemmija fl-Artikoli 23 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, bħala membru tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

45.

Minn naħa, il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-vantaġġi ma huwiex ekwivalenti għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li għalihom għandha dritt kull persuna li tissodisfa individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti stabbiliti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2011/95, b’mod partikolari għaliex tkun esposta jew hemm riskju li tiġi esposta għal theddid ta’ persekuzzjoni jew ta’ periklu serju fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex, fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżerva espressament l-għoti tal-imsemmija drittijiet u tal-imsemmija vantaġġi biss għall-membri tal-familja li ma jissodifawx, individwalment, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali ( 25 ). Issa, huwa raġonevoli li jinħaseb li fil-kawża prinċipali l-wild minuri jista’ jibbenefika minn din il-protezzjoni, l-istess bħal dik mogħtija lill-membri tal-familja tiegħu ( 26 ). Għaldaqstant ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan il-minuri, jekk jiġi ttrasferit lejn l-Istat ospitanti, għandu jikkuntenta biss bil-vantaġġi previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tal-imsemmija direttiva.

46.

Min-naħa l-oħra, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) ( 27 ), “minn qari flimkien tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ ‘membri tal-familja’ għall-bżonnijiet ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 23(2) tagħha jirriżulta li l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu l-aċċess għal dawn il-vantaġġi ma jestendix għat-tfal ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li twieldu fl-Istat Membru ospitanti ta’ familja li kienet stabbilita fih” ( 28 ). F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha l-wild minuri ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “membri tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, għaldaqstant ma jeżisti l-ebda obbligu għall-Istat ospitanti li jagħtih id-drittijiet u l-vantaġġi previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tal-imsemmija direttiva.

47.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-opinjoni għalhekk li Stat Membru ma jistax, abbażi ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, jikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn wild minuri bħala inammissibbli għar-raġuni li ngħatat protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja tiegħu minn Stat Membru ieħor.

C.   L‑eżami tar‑rimedji proċedurali l‑oħra possibbli

48.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina rimedji proċedurali oħra: l-ewwel, dak issuġġerit mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, jiġifieri l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013, imbagħad, it-tieni, dak li jidhirli li huwa l-iktar sempliċi u l-iktar wieħed rispettuż lejn l-interessi tal-wild minuri, ibbażat fuq applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament, jiġifieri l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar.

1. Fuq applikazzjoni b’analoġija tal‑kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fl‑Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 604/2013

49.

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013 jistabbilixxi kriterju għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif jixhed il-Kapitolu III tiegħu li fih huwa stabbilit. Dan il-kriterju għandu t-titolu “Membri tal-familja li huma benefiċarji tal-protezzjoni internazzjonali”. Dan huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet familjari li taħthom jaqgħu wkoll il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8 (“Minorenni”), fl-Artikolu 10 (“Membri tal-familja li huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”), fl-Artikolu 11 (“Il-proċedura tal-familja”) kif ukoll fl-Artikolu 17(2) (“Klawsoli diskrezzjonali”) ta’ dan ir-regolament.

50.

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament jipprevedi li meta Stat Membru jkun aċċetta membru tal-familja tal-applikant sabiex jirrisjedi bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, dan l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-membri l-oħra tal-familja, bil-kundizzjoni madankollu li l-persuni kkonċernati jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub ( 29 ).

51.

L-eżami tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 343/2003 jindika li dan il-kriterju għandu diversi għanijiet. Huwa intiż, minn naħa, sabiex jiggarantixxi r-riunifikazzjoni tal-familja billi jipproċedi għall-konċiljazzjoni tal-applikant ma’ membri tal-familja tiegħu fl-Istat Membru li fih dawn tal-aħħar ġew awtorizzati jirrisjedu bħala benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, huwa jfittex li jiżgura l-ħeffa tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni, peress li l-Istat Membru li fih tal-inqas membru wieħed tal-familja jkun diġà kiseb l-istatus ta’ refuġjat u huwa ammess jirrisjedi jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa l-fondatezza tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

52.

L-applikazzjoni tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013 teħtieġ li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet. L-ewwel, dan l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni biss bil-kundizzjoni preliminari li tal-inqas wieħed mill-membri tal-familja tal-applikant ikun ġie ammess jirrisjedi fit-territorju tal-Istat ikkunsidrat bħala responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. It-tieni, l-imsemmi Stat Membru huwa responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni biss jekk l-applikant u l-membru tal-familja tiegħu li jkun ġie ammess jirrisjedi fit-territorju tal-istess Stat Membru jesprimu l-kunsens tagħhom bil-miktub fir-rigward tal-konċiljazzjoni tagħhom.

53.

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1560/2003 ( 30 ), it-talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà indirizzata lill-Istat mitlub abbażi tal-kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013 għandha għalhekk tinkludi mhux biss il-konferma bil-miktub tar-“residenza legali” tal-membri tal-familja fit-territorju ta’ dan l-Istat, il-permessi ta’ residenza li nħarġulhom u l-estratt tar-reġistri, iżda għandha wkoll tinkludi d-dokumenti li juru r-rabta ta’ parentela, jekk ikunu disponibbli, u jixhdu l-kunsens tal-persuni kkonċernati.

54.

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jipprekludu, fil-fehma tiegħi, li jiġi applikat b’analoġija l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55.

Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-membru tal-familja għandu jkun “tħalla jirrisjedi bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” fit-territorju tal-Istat rikjest, nikkonstata li din hija differenti minn dik stabbilita fl-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li skontha dan il-membru tal-familja għandu “[jkun] legalment preżenti” f’dan it-territorju ( 31 ). Madankollu, jidhirli li, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri r-riunifikazzjoni tal-familja, din il-kundizzjoni timplika li l-imsemmi membru tal-familja tal-applikant għandu mhux biss ikun jibbenefika fl-imsemmi territorju minn permess ta’ residenza mogħti lilu mill-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ( 32 ), iżda jkun wkoll effettivament jirrisjedi fl-istess territorju. Fil-fatt, ma tistax tiġi organizzata l-konċiljazzjoni ta’ applikant ma’ membru tal-familja tiegħu, b’mod partikolari meta dan l-applikant ikun minuri, jekk dan il-membru ma jkunx effettivament jirrisjedi fit-territorju tal-Istat rikjest jew jekk ma jkunx awtorizzat jirrisjedi hemmhekk minħabba t-theddida li huwa jirrappreżenta għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, jew minħabba r-revoka jew it-tmiem tal-permess ta’ residenza tiegħu ( 33 ). F’tali każijiet, din ir-riunifikazzjoni tal-familja tkun prekluża u l-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ trasferiment tal-imsemmi applikant tista’ twassal għall-bidu ta’ proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tal-applikazzjoni.

56.

Nenfasizza, barra minn hekk, li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-membri tal-familja ma jibqgħux jirrisjedu fit-territorju tal-Istat ospitanti u jopponu r-ritorn tagħhom lejn dan l-Istat, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni timplika li l-Istat rikjedenti jieħu passi qabel il-preżentazzjoni tat-talba tiegħu sabiex jieħu r-responsabbiltà u, b’mod partikolari, jiżgura ruħu mill-validità tal-permess ta’ residenza ta’ dawn il-membri tal-familja fl-Istat ospitanti ( 34 ) u li huwa jipproċedi bit-tneħħija tagħhom lejn dan l-Istat. Issa, dawn il-passi huma ta’ natura li jwasslu għal termini li jidhirli li huma ferm itwal minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għall-preżentata ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà.

57.

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li quddiemu titressaq l-applikazzjoni għandu jippreżenta t-talba tiegħu għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-applikant “kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata” ( 35 ). Issa, f’sitwazzjoni li fiha l-membri tal-familja jopponu r-ritorn tagħhom lejn it-territorju tal-Istat ospitanti, il-preżentazzjoni ta’ din it-talba għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà kif ukoll il-komunikazzjoni tal-provi marbuta magħha jkunu jirrikjedu neċessarjament l-implimentazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ ritorn b’applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, possibbilment ukoll ta’ natura koerċittiva, fil-konfront ta’ din il-familja. Issa, l-eżekuzzjoni ta’ tali proċedura ‐ li għandha tirrispetta d-drittijiet tal-persuni kkonċernati ‐ jidhirli li huwa diffiċli li titwettaq fit-termini stabbiliti mir-Regolament Nru 604/2013, tkun xi tkun id-diliġenza li juru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fid-dawl tat-termini marbuta mal-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni ta’ ritorn u tar-riskji li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni, l-Istat rikjedenti, li quddiemu l-wild minuri ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, għandu jistenna l-eżitu definittiv ta’ din l-azzjoni (possibbilment) ippreżentata kontra d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija ordnati kontra l-membri tal-familja tiegħu, qabel ma jressaq talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-wild minuri mill-Istat rikjest. Minn dan jirriżulta mhux biss sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, iżda wkoll terminu inevitabbli ta’ stennija li matulu l-eżitu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan il-wild minuri ma jkunx definit.

58.

Tali soluzzjoni tkun tmur kontra l-interessi superjuri tal-wild minuri, li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu interpretati u applikati l-proċeduri kollha previsti mir-Regolament Nru 604/2013 ( 36 ). Il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament jenfasizza espressament li “[f]’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u mal-[Karta], l-aħjar interess tat-tifel/tifla għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru meta japplikaw dan ir-Regolament”.

59.

Barra minn hekk, tali soluzzjoni ma tippermettix id-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli u għalhekk tirriskja li tiggarantixxi la aċċess effettiv għall-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u lanqas il-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal din il-protezzjoni internazzjonali, u dan kuntrarjament għall-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 604/2013 fil-premessa 5 tiegħu.

60.

Fir-rigward, preżentement, tal-kundizzjoni dwar il-kunsens bil-miktub tal-persuni kkonċernati, din tirreferi għal att pożittiv ċar min-naħa tal-applikant u tal-membri tal-familja tiegħu li permezz tiegħu juru r-rieda tagħhom li jiġu riunifikati. Din il-kundizzjoni għandha l-għan li tevita sitwazzjonijiet li fihom dawn il-persuni kkonċernati ma jixtiqux li jiġu riunifikati għal raġunijiet speċifiċi għalihom. L-imsemmija kundizzjoni tinsab ukoll fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 604/2013. Huwa evidenti li din il-kundizzjoni ma kinitx prevista sabiex tapplika għal sitwazzjoni bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li fiha l-applikant u l-membri tal-familja tiegħu jkunu riunifikati u jgħixu flimkien taħt l-istess saqaf, fl-istess Stat Membru. Għal darba oħra, din il-kundizzjoni tagħmel sens biss sa fejn issir it-tneħħija tal-membri tal-familja lejn l-Istat tal-għoti. Madankollu, f’tali ċirkustanza, din il-kundizzjoni hija użata għal għan differenti minn dak previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni peress li ma hijiex intiża li tiżgura r-riunifikazzjoni tal-familja tal-membri tal-familja, mifruxa fit-territorju tal-Unjoni, iżda pjuttost li tinżamm l-unità tal-familja.

61.

Għalkemm, matul il-proċedura, ċerti partijiet ipproponew lill-Qorti tal-Ġustizzja li twarrab l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, tali soluzzjoni ma jidhirlix li hija mixtieqa għaliex ir-rekwiżit ta’ kunsens bil-miktub huwa kundizzjoni espressament prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 604/2013.

62.

Jiena naħseb, fir-realtà, li n-numru kbir ta’ kawżi dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal sitwazzjonijiet li fihom l-interessi tal-wild minuri huma inkwistjoni jimponi viġilanza kbira fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. Ir-regolament Nru 604/2013 huwa strument ta’ natura prinċipalment proċedurali mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw, abbażi ta’ kriterji elenkati b’mod eżawrjenti u bir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, min fosthom huwa responsabbli sabiex iwettaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

63.

Issa, bħall-kriterji l-oħra elenkati fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament ma jidhirlix li huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn il-membri tal-familja tal-applikant, li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, ma jibqgħux jirrisjedu fit-territorju tal-Istat tal-għoti u jopponu r-ritorn tagħhom lejn dan l-Istat.

64.

Għalhekk ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ ieħor, ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 604/2013 u, b’mod partikolari, fuq l-interessi superjuri tal-wild minuri.

2. Fuq l‑implimentazzjoni tal‑garanziji stabbiliti favur l‑ulied minuri fl‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 604/2013

65.

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, “[f]ejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati [fil-Kapitolu III ta’] dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha”. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament ma huwa applikabbli, b’tali mod li huwa tassew l-ewwel Stat Membru li fih il-wild minuri ddepożita l-applikazzjoni tiegħu li huwa responsabbli sabiex jeżaminaha. Skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, dan jippermetti li jiġi ggarantit lil dan il-wild minuri aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, billi ma jiġix kompromess l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu.

66.

L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tippermetti hawnhekk li tingħata kunsiderazzjoni primarja lill-interessi superjuri tal-wild minuri kif rikjest mill-Artikolu 24(2) tal-Karta ( 37 ), sa fejn dan l-Istat Membru huwa wkoll l-Istat li fit-territorju tiegħu twieled dan il-wild minuri u fejn jirrisjedi, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu.

67.

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 604/2013, “[l]-aħjar interess tat-tifel jew tifla għandha tkun il-konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament”. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġ, skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li l-Istati Membri jikkooperaw bejniethom meta jevalwaw l-interessi superjuri tal-minuri u jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, “b’mod partikolari”, il-possibbiltajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, il-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sikurezza u mas-sigurtà, b’mod partikolari meta l-minuri jista’ jkun vittma tat-traffikar tal-bnedmin, u, fl-aħħar nett, l-opinjoni tal-minuri skont l-età tiegħu u tal-maturità tiegħu, inkluż il-passat tiegħu ( 38 ).

68.

Għaldaqstant, l-interessi superjuri tal-minuri jirrikjedu li jiġi ddeterminat l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan kollu filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jkunu partikolari għal kull każ ( 39 ). Il-preżenza fiżika ta’ dan il-minuri fit-territorju tal-Istat Membru fejn twieled u ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza tiegħu flimkien mal-familja tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat huma fatturi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwaw l-interessi tal-minuri.

69.

F’dan il-kuntest, naħseb li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li ġġustifikaw it-tluq tal-membri tal-familja mill-Istat ospitanti. Ċertament, il-każ li bih il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita huwa differenti mis-sitwazzjonijiet li hija kkunsidrat fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 40 ), li fihom kien hemm riskju serju li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ttrattat, fl-Istat ospitanti, b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tiegħu minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni. Madankollu, ikunu qegħdin jiġu injorati l-garanziji li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-minuri u d-dispożizzjonijiet li huwa jistabbilixxi espressament għall-evalwazzjoni tal-interessi superjuri tal-minuri, jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom il-membri tal-familja jkunu telqu mill-Istat ospitanti. Billi jeżiġi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 604/2013 li l-Istati Membri “jikkoperaw flimkien mill-viċin” u jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, dan il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżnu l-elementi fattwali kollha relatati mal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-minuri fl-Istati Membri kkonċernati.

70.

F’dan ir-rigward, ma naħsibx li mill-għażla tal-ġenituri li jitilqu mill-Istat ospitanti wieħed jista’ jiddeduċi sempliċi rieda li jevitaw ir-regoli tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil jew li jabbużaw minnha. It-teħid tad-deċiżjoni ta’ tluq minn dan l-Istat, li fih il-membri kollha tal-familja, inklużi minuri ta’ età żgħira, jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u dan wara li jkunu ġew imġiegħla jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u b’hekk jieħdu r-riskju li jirrinunzjaw għas-sigurtà u għall-vantaġġi li jagħti dan l-istatus lill-familja kollha, jaqa’ jew taħt nuqqas ta’ għarfien jew taħt il-bżonn u l-għażla meqjusa sewwa li l-ġenituri jagħmlu fid-dawl tal-interessi superjuri tal-ulied minuri tagħhom. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-membri tal-familja tar-rikorrenti jidhru li telqu mill-Polonja biex imorru l-Ġermanja minħabba atti ta’ intimidazzjoni li dawn tal-aħħar kienu jsofru minnhom minħabba l-oriġini tagħhom fl-Istat ospitanti. Fil-kawża Ministre de l’immigration isse et de l’asile (C‑153/21), attwalment sospiża, il-ġenituri għażlu wkoll li jitilqu mill-Greċja minħabba, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-ħajja, ta’ akkoljenza u ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ulied minuri tagħhom li huma kienu qiesu bħala ħżiena ħafna. Għalhekk ma naħsibx li wieħed jista’ jirriduċi jew jiġbor fil-qosor dawn il-vjaġġi għal “turiżmu” ta’ ġenituri ‐ biex nirriproduċi l-kliem użat f’ċerti partijiet tal-proċeduri.

71.

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, fejn il-wild minuri ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa twieled u fejn huwa għandu, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni ‐ liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, naħseb li l-interess ta’ dan il-wild minuri jitlob li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat. Kull soluzzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija ta’ dan il-wild minuri u tal-membri tal-familja tiegħu mill-ambjent soċjali li fih huma integraw ruħhom, minħabba li dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, tmur totalment kontra l-interessi tal-wild minuri.

72.

Jidhirli li dan il-kriterju huwa l-iktar sempliċi u l-iktar rispettuż tal-interess tal-wild minuri, sa fejn huwa ta’ natura li jiżgura l-effettività tad-drittijiet li dan għandu taħt l-Artikolu 18 tal-Karta, billi jiggarantilu aċċess effettiv għall-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu kif ukoll it-trattament mgħaġġel tagħha.

73.

Madankollu, naf li dan il-kriterju għandu jimplika wkoll trasferiment tar-responsabbiltà tal-protezzjoni internazzjonali mogħtija lill-membri tal-familja tal-wild minuri, u dan sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għall-ażil li minnu jibbenefikaw dawn tal-aħħar skont dan l-istess artikolu.

74.

Fil-fatt, l-effettività ta’ dan id-dritt timplika li jiġi ggarantit mhux biss lill-wild minuri l-aċċess għal proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, iżda wkoll lill-membri tal-familja tiegħu t-tgawdija tad-drittijiet li l-istatus tagħhom ta’ refuġjati jagħtihom sakemm dan tal-aħħar ma jiġix revokat jew mitmum. Issa, fl-istat attwali, l-Istat tal-għoti huwa materjalment inkapaċi li jissodisfa l-obbligi tiegħu minħabba t-tluq tal-membri tal-familja, peress li dawn tal-aħħar telqu mit-territorju ta’ dan l-Istat mingħajr ma tkun ingħatat awtorizzazzjoni għal dan il-għan. Bl-istess mod, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax legalment tissostitwixxi l-protezzjoni tagħha għal dik tal-pajjiż ta’ oriġini, peress li l-membri tal-familja jinsabu barra minn hekk f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju tagħha.

75.

Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-membri tal-familja ma humiex eliġibbli għad-drittijiet u għall-vantaġġi ekonomiċi u soċjali previsti fl-Artikoli 23 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, peress li dawn jissodisfaw individwalment il-kriterji ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, li huwa mixhud mill-istatus ta’ refuġjati li minnu huma diġà jibbenefikaw.

76.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk isir trasferiment tar-responsabbiltà tal-protezzjoni internazzjonali mogħtija lill-membri tal-familja tal-wild minuri, skont il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasferiment tar-Responsabbiltà fir-rigward tar-Refuġjati. F’din il-kawża, għalkemm jidher li l-awtoritajiet Pollakki taw il-kunsens tagħhom għal dan it-trasferiment, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan il-ftehim, jidher li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma taw l-ebda segwitu f’dan ir-rigward ( 41 ). Madankollu, infakkar li, skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim, it-trasferiment tar-responsabbiltà fir-rigward tar-refuġjati jitqies li seħħ mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ sentejn ta’ residenza effettiva u mhux interrotta fit-tieni Stat, bil-kunsens tal-awtoritajiet tiegħu jew qabel, jekk it-tieni Stat aċċetta li r-refuġjat jibqa’ fit-territorju tiegħu jew b’mod permanenti jew għal żmien li jeċċedi l-validità tal-permess tal-ivvjaġġar.

77.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, fis-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jiġi adit b’applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ wild minuri li l-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjati fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 3(2) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-interessi superjuri tal-wild minuri jitolbu li l-Istat Membru li quddiemu titressaq l-applikazzjoni jkun responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tagħha meta dan il-wild minuri ikun twieled u jkollu, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu.

V. Konklużjoni

78.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja) kif ġej:

1)

L-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi applikat b’analoġija għas-sitwazzjoni li fiha wild minuri jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa twieled u fejn jirrisjedi mal-membri tal-familja tiegħu, filwaqt li dawn jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

2)

Stat Membru ma jistax, abbażi ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, jikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn wild minuri bħala inammissibbli għar-raġuni li ngħatat protezzjoni internazzjonali lill-membri tal-familja tiegħu minn Stat Membru ieħor.

3)

Fis-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jiġi adit b’applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ wild minuri li l-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjati fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 3(2) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-interessi superjuri tal-wild minuri jitolbu li l-Istat Membru li quddiemu titressaq l-applikazzjoni jkun responsabbli sabiex iwettaq l-eżami tagħha meta dan il-wild minuri ikun twieled u jkollu, flimkien mal-membri tal-familja tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).

( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2021:780) u s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103). Ara wkoll il-kawża Ministre de l’immigration et de l’asile (C‑153/21), li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li fiha ġiet imressqa domanda simili għal din il-kawża, u l-Kawża C‑745/21, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid, li tikkonċerna d-drittijiet ta’ wild minuri li għandu jitwieled, fejn omm il-wild minuri hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-Litwanja, skont ir-Regolament Nru 604/2013, filwaqt li missier dan il-wild minuri jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), li jippermetti biss lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali l-fakultà li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni u li jkun jista’ jagħżel il-post ta’ residenza tagħhom f’dan it-territorju, kif ukoll is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 37).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 6 ) Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)). Din ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 28 ta’ din il-konvenzjoni.

( 7 ) Iffirmat fi Strasbourg fis‑16 ta’ Ottubru 1980 (STE Nru 107). Il-Kummissjoni Ewropea pprevediet l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu fil-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni tas‑6 ta’ Ġunju 2007 (KUMM(2007) 301 finali, mhux ippubblikata fil-ĠU, punt 2.3, p. 7), li jsir riferiment għalih fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif adattata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1). Ara wkoll, fuq dan is-suġġett, Ippolito, F., “Reconnaissance et confiance mutuelles en matière d’immigration et d’asile: de l’in(é)volution d’un principe?” f’Fartunova-Michel, M. u Marzo, C., Les dimensions de la reconnaissance mutuelle en droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2018, p. 218 sa 243, b’mod partikolari p. 220.

( 8 ) BGBl. 2008 I, p. 1798.

( 9 ) BGBl. 2016 I, p. 1939.

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “Stat Membru ma jistax validament jirrikjedi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura, fil-kuntest tal-proċeduri ddefiniti mi[r-Regolament Nru 604/2013], ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja mit-tieni minn dawn l-Istati Membri” (punt 78).

( 11 ) Barra minn hekk, fid-dawl taż-żmien qasir tar-residenza tagħhom fil-Polonja, huma ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ April 2017, Ahmed (C‑36/17, EU:C:2017:273, punt 38).

( 13 ) F’din il-kawża, il-membri ta’ familja Sirjana telqu mill-Greċja, minkejja li f’dan l-Istat Membru huma kienu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjati, bil-għan li jmorru l-Lussemburgu fejn twieled l-aħħar membru tal-aħwa. Huwa proprju f’dan l-Istat Membru li l-wild minuri ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, liema applikazzjoni ġiet iddikjarata inammissibbli wkoll abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

( 14 ) Korsiv miżjud minni.

( 15 ) Korsiv miżjud minni.

( 16 ) F’dan ir-rigward, nosserva, bħall-Kummissjoni, li l-fatt li l-membri tal-familja tar-rikorrenti ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja jidher li huwa irrilevanti. Fil-fatt, dawn l-applikazzjonijiet ġew iddikjarati inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

( 17 ) Ir-Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p.109).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex iwettaq eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (COM(2001) 447 final).

( 19 ) F’dan il-każ, għalkemm il-membri tal-familja tar-rikorrenti ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fl‑2012 fil-Polonja, il-wild minuri ippreżenta l-applikazzjoni inkwistjoni fl‑2016, fil-Ġermanja.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (C‑616/19, EU:C:2020:1010, punti 51, 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa wkoll l-għan tad-Direttiva 2013/32, kif jirriżulta mill-premessa 13 tagħha li tiddikjara li “[l]-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dawn il-movimenti jkunu kkawżati mid-differenzi fl-oqsfa legali, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95/UE fl-Istati Membri”, kif ukoll mid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), skont il-premessa 12 tagħha.

( 21 ) Korsiv miżjud minni. Ara, wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex obbligati jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 meta tali protezzjoni tkun diġà żgurata fi Stat Membru ieħor” (punt 24).

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-Familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103, punti 2937 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2020:218, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 149182 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) L-Artikolu 24(2) tal-Karta jindika li “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 51).

( 26 ) Dan jista’ jkun każ ta’ rikonoxximent fuq bażi prinċipali jew derivata, b’applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 72) u kkonfermati minnha fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 41).

( 27 ) C‑91/20, EU:C:2021:898.

( 28 ) Punt 37 ta’ dik is-sentenza.

( 29 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni jispeċifika li din id-dispożizzjoni tapplika għall-familja li kienet jew ma kinitx komposta minn qabel fil-pajjiż ta’ oriġini, u b’hekk tiddistingwixxi ruħha mid-definizzjoni ta’ “membri tal-familja”, stabbilita fl-Artikolu 2(g) tal-istess regolament.

( 30 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 118/2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1). Dan ir-regolament ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 343/2003, li sar l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 604/2013.

( 31 ) Din id-differenza fil-formulazzjoni hija komuni għall-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

( 32 ) Ara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95.

( 33 ) Ara l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95.

( 34 ) Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, il-permess ta’ residenza mogħti lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjati huwa validu għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded, u dak mogħti lill-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huwa validu għal perijodu ta’ mill-inqas sena u jiġġedded għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn. Fil-kawża prinċipali, il-permessi ta’ residenza tal-membri tal-familja tar-rikorrenti skadew fl‑4 ta’ Mejju 2015, skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Polonja.

( 35 ) Fin-nuqqas ta’ dan, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

( 36 ) Ara l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

( 37 ) Dan l-artikolu jipprovdi li fl-azzjonijiet kollha relatati mal-minuri, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-interessi superjuri tal-minuri għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja. Ara, wkoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara wkoll il-premessa 13 tar-Regolament Nru 604/2013.

( 39 ) Ara, f’dan il-kuntest, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 42 et seq. kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

( 40 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219.

( 41 ) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Polonja rratifikaw dan il-ftehim.

Top