EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0690

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.
Casino, Guichard-Perrachon u Achats Marchandises Casino SAS (AMC) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tordna spezzjoni – Rimedji ġudizzjarji kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 19 – Regolament (KE) Nru 773/2004 – Artikolu 3 – Reġistrazzjoni ta’ intervisti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha – Bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kawża C-690/20 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:579

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑690/20 P

Casino, Guichard-Perrachon,

Achats Marchandises Casino SAS (AMC)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna spezzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Allegat nuqqas ta’ rimedju effettiv kontra t-twettiq tal-ispezzjoni – Rikors għal annullament”

1.

Permezz tal-appell tagħhom, Casino, Guichard-Perrachon (iktar ’il quddiem “Casino”) u Achats Marchandises Casino SAS (iktar ’il quddiem “AMC” u, flimkien ma’ Casino, “l-appellanti”) jitolbu l‑annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Casino, Guichard-Perrachon u AMC vs Il-Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha il-Qorti Ġenerali ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1054 finali tad‑9 ta’ Frar 2017 ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li tordna lil Casino kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha sabiex jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 4 ).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jidhru fil-punti 2 sa 8 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jitqassru kif ġej.

3.

Casino hija l-kumpannija omm tal-grupp Casino, li teżerċita l‑attivitajiet tagħha b’mod partikolari fi Franza, prinċipalment fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel. Is-sussidjarja tagħha, AMC hija ċentru ta’ riferiment li jinnegozja l-kundizzjonijiet ta’ xiri mingħand fornituri għall-marki tal-grupp Casino fi Franza.

4.

Wara li rċeviet informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn Casino u impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi oħra, b’mod partikolari Intermarché, kumpannija li teżerċita wkoll l-attivitajiet tagħha fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

5.

Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

Casino […] kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha huma obbligati li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi prattiki miftiehma li jiksru l-Artikolu 101 [TFUE] fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal‑konsum ta’ kuljum, fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tad-ditta u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal‑konsum ta’ kuljum. Dawn il-prattiki miftiehma jikkonsistu fi:

a)

skambji ta’ informazzjoni, mill‑2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, b’mod partikolari ICDC […], u/jew il‑membri tagħha, b’mod partikolari Casino u AgeCore u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Intermarché, dwar it-tnaqqis miksub minnhom fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal‑prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tal-manutenzjoni u l‑prezzijiet fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tal‑marka fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tal-manutenzjoni, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari Franza, u

b)

skambji ta’ informazzjoni, minn tal-inqas mill‑2016, bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza.

Din l-ispezzjoni tista’ sseħħ fi kwalunkwe sit tal-impriża […]

Casino għandha tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill‑Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjoni u lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jgħinuhom jew jiġu maħtura minn dan tal-aħħar għal dan il-għan, sabiex jaċċedu għas-siti u għall-mezzi ta’ trasport kollha tagħha fil‑ħinijiet normali tal-uffiċċju. Hija għandha tissuġġetta għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz li fuqu jinsab, jekk l-uffiċjali u l-persuni oħra mqabbda jressqu talba għal dan il‑għan u għandha tippermettilhom jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu taħt kwalunkwe forma li tkun, kopja jew estratt ta’ dawn il-kotba jew dokumenti. Hija għandha tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli fis-siti kummerċjali u fuq il-kotba jew dokumenti kollha matul l-ispezzjoni u sa fejn dan huwa neċessarju għall-finijiet tagħha. Hija għandha tagħti immedjatament fuq il-post spjegazzjonijiet orali fuq is-suġġett u fuq l-għan tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni jagħmlu talba għal dan u tawtorizza kull rappreżentant jew membru tal-persunal jagħti tali spjegazzjonijiet. Hija għandha tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma li tkun.

Artikolu 2

L-ispezzjoni tista’ tibda fl‑20 ta’ Frar 2017 jew ftit żmien wara.

Artikolu 3

Casino kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata, eżatt qabel l-ispezzjoni, lill‑impriża li hija d-destinatarja tagħha, skont l‑Artikolu 297(2) [TFUE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.

Peress li ġiet informata b’din l-ispezzjoni mill-Kummissjoni, l‑Autorité de la concurrence française (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża) adixxiet il-juges des libertés et de la détention des tribunaux de grande instance de Créteil et de Paris (l-Imħallfin li Jiddeċiedu dwar il-Libertajiet u d-Detenzjoni tal-Qrati tal-Ewwel Istanza ta’ Créteil u ta’ Pariġi, Franza), sabiex titlobhom l-awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ żjarat u ta’ sekwestri fis-siti tal-appellanti. Permezz ta’ digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017, dawn l-Imħallfin li Jiddeċiedu dwar il-Libertajiet u d-Detenzjoni awtorizzaw iż-żjarat u s-sekwestri mitluba bħala miżura ta’ prekawzjoni (iktar ’il quddiem id-“digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017”). Peress li ebda waħda mill-miżuri meħuda waqt l-ispezzjoni ma kienet teħtieġ l-użu ta’ “setgħat vinkolanti” fis-sens tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, dawn id-digrieti ma ġewx ikkomunikati lill-appellanti.

7.

L-ispezzjoni bdiet fl‑20 ta’ Frar 2017, data li fiha l-ispetturi tal‑Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità tal‑Kompetizzjoni Franċiża, ippreżentaw ruħhom fis-sede ta’ Pariġi tal‑grupp Casino kif ukoll fis-siti ta’ ACM u kkomunikaw id-deċiżjoni [kontenzjuża] lill-appellanti.

8.

Fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni, il-Kummissjoni pproċediet b’mod partikolari bi żjara fl-uffiċċji, bi ġbir ta’ materjal, b’mod partikolari tal‑informatika (laptops, mobiles, tablets, apparat ta’ ħżin), bis-smigħ ta’ diversi persuni u biex tikkopja l-kontenut tal-materjal miġbur.

9.

Kull waħda mill-appellanti bagħtet lill-Kummissjoni ittra datata 24 ta’ Frar 2017, li fiha huma fformulaw riżervi fir-rigward tad-deċiżjoni [kontenzjuża] u tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni mwettqa abbażi tagħha.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

10.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017, l-appellanti ppreżentaw, bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġie aċċettat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

11.

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw, essenzjalment, tliet motivi. L-ewwel wieħed ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u t-tielet wieħed ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju. Fil-kuntest ta’ dan l-aħħar motiv, l-appellanti sostnew indħil sproporzjonat fl-isfera ta’ attività privata tagħhom, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-kumpanniji u tas-siti spezzjonati msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża.

12.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji biżżejjed sabiex tissuspetta li kien hemm ksur li jikkonsisti fi skambji ta’ informazzjoni bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, annullat l‑Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 5 ). Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors ( 6 ).

L‑appell u t‑talbiet tal‑partijiet

13.

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu erba’ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li d-dikjarazzjonijiet orali miġbura mill‑Kummissjoni ma kellhomx bżonn jiġu rreġistrati sabiex iservu bħala indizji li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju ma kienx jirrikjedi li d-deċiżjoni tillimita ratione temporis l-eżerċizzju tas‑setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju ma kienx jirrikjedi li d-deċiżjoni kontenzjuża tillimita l-persuni u s-siti li setgħu jiġu spezzjonati. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ma kienx jirrikjedi rimedju awtonomu u immedjat kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

14.

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad‑dispożittiv tas-sentenza appellata, li tilqa’ t-talbiet tagħhom ippreżentanti fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u għal dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

15.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

16.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inkwantu l‑appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ma kienx jirrikjedi rimedju awtonomu u immedjat kontra l-iżvolġiment tal‑ispezzjonijiet u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell.

Fuq it‑tielet aggravju

17.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq it-tielet aggravju.

18.

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju ma kienx jirrikjedi li d‑deċiżjoni kontenzjuża tillimita l-persuni u s-siti li jistgħu jiġu spezzjonati, l-appellanti jikkontestaw b’mod partikolari l-punti 144 sa 147 tas-sentenza appellata.

19.

Qabelxejn ser nagħti fil-qosor ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li huwa s-suġġett tal-kontestazzjonijiet imqajma mill-appellanti u sussegwentement ser nanalizza wieħed wara l-ieħor l-erba’ lmenti li fihom jinqasam l-aggravju li qed jiġi analizzat.

Is‑sentenza appellata

20.

Fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ikkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li la l-kumpanniji u lanqas is-siti spezzjonati ma huma indikati b’isimhom, sa fejn minn naħa waħda, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jindika li l-“ispezzjoni [setgħet] isseħħ fi kwalunkwe sit tal-impriża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], segwita bit-termini “u b’mod partikolari”, li huma segwiti b’żewġ indirizzi, u min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jsemmu li “Casino […] kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu koperti mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

21.

Sussegwentament, hija kkonstatat, fil-punt 135 tas-sentenza appellata li l-portata wiesgħa ħafna tal-ispezzjoni li għaliha jwasslu tali riferimenti ma ġietx ikkunsidrata mill-ġurisprudenza bħala li tikkostitwixxi, bħala tali, indħil eċċessiv fl-isfera ta’ attività privata tal‑impriżi.

22.

Wara li fakkret, fil-punti 137 sa 141 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ investigazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 1/2003 għal kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-impriżi kkonċernati, il-Qorti Ġenerali wieġbet bil-mod segwenti għall-ilment, imqajjem mill-appellanti, li jgħid li l-Kummissjoni kellha, f’dan il-każ, bħala garanziji intiżi sabiex jipproteġuhom kontra ndħil sproporzjonat, tispeċifika b’mod iktar preċiż il-kumpanniji u s-siti previsti mill‑ispezzjoni.

23.

L-ewwel, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, meħuda flimkien, tippermetti li jiġu stabbiliti l-kumpanniji u s-siti kkonċernati mill-ispezzjoni. Hija spjegat, f’dan ir-rigward, li “[…] permezz tal-ispeċifikazzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni, u, b’mod partikolari, tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, u tal‑preċiżjoni li skontha huma kkonċernati Casino u s-sussidjarji tagħha kif ukoll is-siti tagħhom, jista’ faċilment jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata li huma previsti mill-ispezzjoni Casino u s-sussidjarji attivi tagħha fis-setturi kkonċernati mill-ksur issuspettat – jiġifieri s-swieq tal‑provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum (prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti ta’ manutenzjoni) dawk mill-bejgħ lill-konsumaturi ta’ dawn l-oġġetti u dak tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tad-ditta fis-settur ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum – u li l-ispezzjoni tista’ ssir fis-siti tagħhom kollha”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li “speċifikazzjonijiet iktar preċiżi dwar il-kamp tal‑ispezzjoni ma kinux indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tar‑rikorrenti”.

24.

It-tieni, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kritika tal-appellanti li l-kamp kopert mill-ispezzjoni kien, minħabba l-assenza ta’ speċifikazzjoni tal-kumpanniji u tas-siti previsti, wiesa’ wisq. F’dan ir-rigward, hija rrilevat ukoll li l-Kummissjoni kienet inkludiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, “is-suġġett bażiku tad-dritt tal‑kompetizzjoni li hija l-impriża, li ħafna drabi tinkludi kumpannija omm kif ukoll is-sussidjarju jew is-sussidjarji tagħha, li lilha jista’ jiġi imputat il-ksur u, b’mod partikolari, il-ksur issuspettat f’dan il-każ, li jiġġustifika għaldaqstant li jissemmew fid-deċiżjoni [kontenzjuża] kemm il-kumpannija omm Casino kif ukoll is-sussidjarji”.

25.

It-tielet, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “l-assenza ta’ preċiżjoni fl-indikazzjoni tal-kumpanniji u tas‑siti msemmija tikkontribwixxi għall-iżvolġiment tajjeb tal‑ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, sa fejn din tagħtiha l-marġni ta’ manuvra neċessarja għall-ġabra tal-massimu ta’ provi possibbli u fejn tippermetti li jinżamm effett ta’ sorpriża indispensabbli sabiex jiġi evitat riskju ta’ qerda jew ta’ ħabi ta’ dawn il-provi”.

26.

Finalment, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li d-digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017, imsemmija fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li kienu awtorizzaw iż-żjarat u s-sekwestri inkwistjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni, f’każ ta’ oppożizzjoni għall‑ispezzjoni, kienu speċifikaw espressament u b’mod eżawrjenti s‑siti li fihom dawn iż-żjarat u dawn is-sekwestri setgħu jsiru. Skont il-Qorti Ġenerali, garanzija addizzjonali li tikkonsisti fl-indikazzjoni tas‑siti li saret żjara tagħhom kienet għalhekk irrikonoxxuta fil-każ li l‑indħil involut fl-ispezzjoni jkun iktar sinjifikattiv, f’dan il-każ għaliex isir minkejja l-oppożizzjoni tal-kumpanniji spezzjonati u billi tintuża l‑assistenza tal-pulizija abbażi tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003. Peress li l-appellanti ma opponewx l-ispezzjoni, din il‑garanzija addizzjonali ma hemmx lok li ssir.

Analiżi

27.

L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u r-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna. Essenzjalment, huma jsostnu li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ddeċidietx li d-deċiżjoni kontenzjuża, li ma identifikatx b’mod individwali la l-persuni ġuridiċi suġġetti għall‑ispezzjoni, u lanqas is-siti li fihom l-ispezzjoni kienet awtorizzata, kienet manifestament illegali inkwantu kienet tikser id-dritt għall‑invjolabbiltà tad-domiċilju.

28.

Kif diġà indikajt, l-appellanti jressqu erba’ lmenti insostenn tat-tielet aggravju tagħhom.

29.

Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil‑punt 144 tas-sentenza appellata, id-definizzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni ma tistax tpaċi l-assenza ta’ limitazzjoni tas-setgħat tal‑Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuni u tas-siti li jistgħu jiġu spezzjonati. Filwaqt li bbażaw ruħhom fuq sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża ( 7 ), huma żiedu li ma huwiex aċċettabbli, li l‑persuni li għandhom dritt għad-domiċilju – f’dan il-każ, kull persuna ġuridika li tifforma l-grupp Casino – għandhom jiddeduċu mid‑definizzjoni tal-għan tal-investigazzjoni, u għalhekk il-wasla tal‑ispetturi, li huma jiffurmaw parti mis-suġġetti li ser jiġu spezzjonati.

30.

F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li kif enfasizzat korrettament il-Kummissjoni u kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw l‑appellanti, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li d-definizzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni kienet paċiet l-allegata assenza ta’ limitazzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni.

31.

Għall-kuntrarju, minn naħa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-osservanza tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju ma tirrikjedix li l‑kumpanniji u s-siti spezzjonati jkunu b’mod partikolari indikati fid‑deċiżjoni ta’ spezzjoni. F’dan ir-rigward, hija fakkret li indikazzjonijiet simili għal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu jidhru fid-deċiżjonijiet inkwistjoni f’kawżi oħra deċiżi mill-Qorti Ġenerali ( 8 ) u li l-portata ferm wiesgħa tal-ispezzjoni li għaliha kienu jwasslu tali indikazzjonijiet ma kinitx meqjusa mill-ġurisprudenza li tikkostitwixxi, bħala tali, indħil eċċessiv fl-isfera ta’ attività privata ta’ impriżi.

32.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, l‑indikazzjonijiet dwar il-kamp tal-ispezzjoni li kienu jinsabu fid‑deċiżjoni kontenzjuża kienu biżżejjed sabiex jippermettu li jiġu stabbiliti l-kumpanniji u s-siti kkonċernati bl-ispezzjoni u li indikazzjonijiet iktar preċiżi ma kinux indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-appellanti. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija kkunsidrat mhux biss l-indikazzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni li kienet tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, u, b’mod partikolari, l‑ispeċifikazzjoni tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, iżda wkoll l-ispjegazzjoni, li tinsab f’din id-deċiżjoni li “huma kkonċernati Casino u s-sussidjarji tagħha kif ukoll is-siti tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, hija indikat li dawn l-indikazzjonijiet meħuda flimkien faċilment jippermettu li mid-deċiżjoni kontenzjuża jiġi dedott li huma biss Casino u s-sussidjarji attivi tagħha fis-setturi kkonċernati li kienu suġġetti għall-ispezzjoni.

33.

Issa, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali deskritt hawn fuq, fl‑opinjoni tiegħi, ma jmurx kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fil-qasam ta’ spezzjonijiet domiċiljarji fis‑siti kummerċjali tal-kumpanniji, għall-finijiet b’mod partikolari ta’ spezzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, u lanqas jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta miżuri li jippreġudikaw id‑dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju stipulat fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) li għandhom natura sproporzjonata jew arbitrarja.

34.

F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni ( 9 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Bahn”), għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tal-KEDB tista’ testendi għal ċertu bini kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li din il-qorti ddeċidiet li l-indħil pubbliku seta’ jmur lil hinn għal bini jew għal attivitajiet professjonali jew kummerċjali milli f’każijiet oħra.

35.

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li s-setgħat investigattivi li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huma limitati b’mod li l-membri tal-persunal ta’ din tal-aħħar huma awtorizzati, fost affarijiet oħra, jidħlu fil-postijiet li huma jindikaw, jiġu pprovduti bid-dokumenti li huma jitolbu u jagħmlu kopja tagħhom u jaraw il-kontenut tal-għamara li huma jindikaw ( 10 ). B’mod iktar preċiż, l‑Artikolu 20(2)(a) ta’ dan ir-regolament jispjega li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom, awtorizzati mill-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom, fost l-oħrajn, is-setgħa li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi. Il‑Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tispjega li tali setgħa turi importanza partikolari safejn tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor il-provi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn dawn il-provi normalment jinsabu, jiġifieri fl-istabbilimenti kummerċjali tal-impriżi, u li kemm l-għan tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-elenkar, permezz tal-Artikolu 20 tiegħu, tas-setgħat li għandhom l-uffiċjali tal‑Kummissjoni juru li l-verifiki jista’ jkollhom portata wiesgħa ferm ( 11 ).

36.

Finalment, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-eżerċizzju tas‑setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni għandu biżżejjed garanziji li joffru protezzjoni kontra azzjonijiet arbitrarji tal-awtorità pubblika ( 12 ) – fosthom, kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, il-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni speċifika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandu rwol suprem ( 13 ) – u, min-naħa l-oħra, li l-ispezzjonijiet imwettqa, bħal f’dan il-każ, abbażi tal‑Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ setgħat vinkolanti, li jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-awtoritajiet nazzjonali f’każ ta’ użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 20(6) sa (8) ta’ dan ir-regolament.

37.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiġi kkritikata għaliex ikkonkludiet li, meta l-impriżi u s-siti suġġetti għal spezzjoni ma humiex indikati b’isimhom fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, iżda l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tippermetti faċilment u, għalhekk, mingħajr sforzi ta’ interpretazzjoni sproporzjonati, li jiġi dedott liema huma dawk il-persuni ġuridiċi u s-siti tagħhom speċifikament suġġetti għall-verifiki, ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jiġi osservat meta jiġu adottati miżuri li jinvolvu ndħil fl-Artikolu 7 tal-Karta ( 14 ).

38.

Il-Qorti EDB adottat approċċ simili fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza ( 15 ), fejn hija qieset li l-fatt li waħda mill-kumpanniji spezzjonati fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinitx imsemmija speċifikament fid-digriet li kien jawtorizza ż-żjarat domiċiljarji inkwistjoni “ma jikkontestax il-legalità tal-indħil, peress li d-digriet ta’ awtorizzazzjoni kien isemmi b’mod ġenerali l-istabbilimenti ta’ “Canal Plus”, “mingħajr speċifikazzjoni dwar il-forma kummerċjali tal-entitajiet differenti kkonċernati b’dan il-mod iżda li mingħajr dubju jaqgħu taħt dan l-isem” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

39.

F’dak li jirrigwarda s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża invokata mill-appellanti, nirrileva li, f’din is-sentenza, din il‑qorti kkonkludiet li kien hemm ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad‑domiċilju inkwantu d-digriet ta’ tfittxija inkwistjoni ma kienx jippermetti li tiġi identifikata l-kumpannija li s-siti tagħha kellhom ikunu suġġetti għal tfittxija u għalhekk, ma kinux speċifikati.

40.

Il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża waslet għal din il-konklużjoni wara li kkonstatat li ebda impriża li kellha biss l-isem tal-kumpannija indikat fid-digriet ta’ tfittxija ma kienet tuża siti fl-indirizz indikat minn dan id‑digriet u li, minn fost l-impriżi li jokkupaw uffiċji f’dan l-indirizz u li l‑isem kummerċjali tagħhom kien magħmul minn kliem użati fl-imsemmi digriet, segwit minn kelma addizzjonali, ma kienx possibbli jinftiehem liema minnhom kienet koperta. Barra minn hekk, din il-qorti kkonstatat li ma kienx possibbli li jintefa’ dubju dwar il-kumpannija li kienet imsemmija billi jiġu kkunsidrati ismijiet oħra li jinsabu fl-ordni ta’ tfittxija.

41.

Meta ddeċidiet hekk, hija, għalhekk, ma eskludietx il-possibbiltà li, meta l-att li permezz tiegħu jiġu ordnati żjarat domiċiljari ma jsemmix b’isimha l-kumpannija suġġetta għal dawn iż-żjarat, din tista’ tkun identifikata b’mod indirett abbażi tal-kontenut tal-att. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Kostituzzjonali għall-kuntrarju opponiet il-possibbiltà li tali identifikazzjoni tkun tista’ ssir abbażi ta’ elementi li ma humiex fid-digriet ta’ tfittxija, bħal fil-fajl ta’ investigazzjoni.

42.

Issa, f’dan il-każ, kien biss fid-dawl tal-ismijiet li kienu jinsabu fid‑deċiżjoni kontenzjuża li l-Qorti Ġenerali qieset li l-kumpanniji msemmija b’din id-deċiżjoni kienu identifikabbli b’mod ċar.

43.

Hemm lok li jiġi osservat ukoll li wieħed mill-fatturi li kien jitfa’ dubju fuq l-identifikazzjoni tal-kumpannija kkonċernata mill-ordni ta’ tfittxija inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza hawn fuq imsemmija tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża kienet ikkostitwita minn nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar is-settur ta’ attività ta’ din il-kumpannija. Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża tindika b’mod ċar is-swieq li fihom l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE kien preżunt u, għalhekk, tippermetti li jiġi identifikat b’mod ċar is-settur ta’ attività tal-kumpanniji suġġetti għall‑ispezzjoni.

44.

Permezz tat-tieni ilment tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-kunċett ta’ “impriża” – li huwa kunċett ekonomiku u purament funzjonali użat esklużivament għall-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tad-dritt tal-kompetizzjoni bħall-klassifikazzjoni ta’ akkordju – ma għandux jostakola l-osservanza tad-drittijiet fundamentali marbuta mal‑kunċett ta’ “persuna ġuridika”. Fir-rigward ta’ kumpanniji, huwa biss min għandu d-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju li huwa l-persuna ġuridika u mhux l-impriża li ma għandhiex personalità ġuridika. F’dan il‑kuntest, l-appellanti jirreferu għas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Uralita vs Il-Kummissjoni ( 16 ), li fiha l-Qorti Ġenerali ddikjarat li meta l‑Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 101 tat-TFUE, hija għandha tidentifika l-persuna/persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li jistgħu jinżammu responsabbli għall-aġir tal-impriża inkwistjoni u li jistgħu jiġu ssanzjonati b’dan il-mod.

45.

F’dan ir-rigward, nirrileva, minn naħa, li l-argumenti żviluppati mill-appellanti fil-qafas ta’ dan it-tieni ilment ma għandhomx jikkontestaw il-validità tal-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali u tal‑konklużjoni li għaliha waslet fil-punt 144 tas-sentenza appellata.

46.

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, fl‑opinjoni tiegħi, mill-punt 145 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li filwaqt li rreferiet għall-impriża bħala “suġġett bażiku tad-dritt tal‑kompetizzjoni”, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tiddikjara li l-“impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, u mhux il-persuni ġuridiċi li jiffurmawha, kellha titqies bħala li għandha d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju limitat bl-adozzjoni ta’ miżura ta’ spezzjoni. Dan ir-riferiment għandu iktar jinqara bħala spjegazzjoni dwar il-portata li għandha tingħata għall-indikazzjoni li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, li tistipula li “Casino […] kif ukoll il‑kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kienu obbligati jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni, fid-dawl tal-delimitazzjoni korretta tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-deċiżjoni.

47.

F’dan il-kuntest, ir-riferiment magħmul mill-appellanti għas‑sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Uralita vs Il-Kummissjoni ( 17 ), dwar deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u mhux deċiżjoni ta’ spezzjoni, ma għandux, kif korrettament irrilevat il-Kummissjoni, ikun b’xi mod ta’ utilità għall-appellanti. L-ispezzjonijiet isiru fi stadju fejn il‑Kummissjoni jkun għad ma għandhiex informazzjoni ddettaljata, inkluża dik li tikkonċerna l-awturi tal-allegat ksur, u għandha l-ewwel tivverifika l-validità tas-suspetti tagħha kif ukoll il-portata tal-fatti li jkunu seħħew, peress li l-għan tal‑ispezzjoni huwa preċiżament sabiex jinġabru provi fir-rigward ta’ allegat ksur.

48.

Permezz tat-tielet ilment tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ preċiżjoni fl‑indikazzjoni tal-kumpanniji u tas-siti msemmija tikkontribwixxi għall‑iżvolġiment tajjeb tal-ispezzjonijiet. Huma jsostnu li l-eżempju ta’ ġurisdizzjonijiet li fihom l-indikazzjoni tal-kumpanniji u/jew tas-siti koperti hija mitluba turi li tali spjegazzjoni ma tippreġudikax l‑iżvolġiment tajjeb taż-żjarat domiċiljarji.

49.

F’dan ir-rigward, hemm lok, minn naħa, li jiġi rrilevat li, anki jekk il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod inkorrett jew issopravvalutat il‑vantaġġi, f’termini ta’ effikaċja tal-ispezzjonijiet, marbuta man-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-ismijiet tal-kumpanniji u tas-siti suġġetti għall‑ispezzjoni, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jikkontesta l-validità tal-approċċ li segwiet u tal-konklużjoni li għaliha waslet fil-punt 144 tas‑sentenza appellata.

50.

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li prattiki leġiżlattivi jew ġudizzjarji nazzjonali, anki jekk ikunu komuni għall-Istati Membri kollha, ma għandhomx ikunu imposti fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat ( 18 ).

51.

Finalment, permezz tar-raba’ ilment tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 147 tas-sentenza appellata, għandu jkun sostnut biss li r‑riskju ta’ arbitrarjetà marbut man-nuqqas ta’ indikazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-persuni u tas-siti li jistgħu jiġu spezzjonati kien ikkumpensat bil-livell ta’ protezzjoni sussidjarja li l-eventwali eżekuzzjoni tad-digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017 offriet. Fil-fatt, id-dritt tal‑Unjoni għandu jkun suffiċjenti fih innifsu billi joffri b’mod dirett lill‑persuni fil-kawża l-garanziji kollha rikjesti għall-protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali tagħhom u mhux ikun ibbażat fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistgħu jiġu applikati wkoll. Barra minn hekk, sabiex dawn id-digrieti jsiru eżekuttivi, l-appellanti ma kellhomx jippermettu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jaċċedu fuq is-siti tagħhom, u b’hekk dawn kellhom jitolbu l-intervent tal-awtoritajiet Franċiżi. Tali oppożizzjoni kienet tesponihom għar-riskju ta’ multa qawwija.

52.

L-argument tal-appellanti jidhirli li għal darb’oħra huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li l-irregolarità li tirriżulta min-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża tal-kumpanniji u tas-siti suġġetti għal spezzjoni kienet ikkumpensata mir-riferiment espress, fid-digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017, tas-siti li setgħu jiġu spezzjonati. Hija fil-fatt illimitat ruħha sabiex tirrileva li, fil-każ fejn l-intervent tal-Kummissjoni kien jinvolvi, minħabba l-oppożizzjoni tal-appellanti, l-eżerċizzju ta’ setgħat vinkolanti, huma bbenefikaw minn garanzija addizzjonali li kienet tikkonsisti fl-ispeċifikazzjoni espressa u limitattiva tas-siti suġġetti għall-ispezzjoni.

53.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li t‑tielet aggravju tal-appell ma għandux jiġi aċċettat.

Konklużjoni

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad it-tielet aggravju tal-appell bħala infondat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑249/17, EU:T:2020:458.

( 3 ) Kawża AT.40466 – Tute 1.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 5 ) Punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

( 6 ) Punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

( 7 ) Bundesverfassungsgericht, 16 ta’ April 2015, 2 BvR 440/14, NJW 2015, 2870.

( 8 ) Fil-punt 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssemmi l-kawżi li wasslu għas‑sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404).

( 9 ) C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20.

( 10 ) Ara s-sentenza Deutsche Bahn tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 23.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204/62), is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 26).

( 12 ) Ara s-sentenza Deutsche Bahn, punt 28, kif ukoll is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 74).

( 13 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il-Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:53, punt 40).

( 14 ) Ara, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, (C‑247/14 P, EU:C:2015:694, punt 42).

( 15 ) CE:ECHR:2010:1221JUD002940808, punt 52.

( 16 ) T‑349/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:622, punt 36.

( 17 ) T‑349/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:622, punt 36

( 18 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni (43/82 u 63/82, EU:C:1984:9, punt 40).

Top