EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0638

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fis-7 ta’ April 2022.
MCM vs Centrala studiestödsnämnden.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Överklagandenämnden för studiestöd.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru°492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal studji fl-edukazzjoni ogħla fi Stat Membru ieħor – Rekwiżit ta’ residenza – Rekwiżit alternattiv ta’ integrazzjoni soċjali għall-istudenti mhux residenti – Sitwazzjoni ta’ student ċittadin tal-Istat li jgħatti l-għajnuna, residenti sa minn twelidu fl-Istat tal-istudji.
Kawża C-638/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:285

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fis‑7 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawża C-638/20

MCM

vs

Centrala studiestödsnämnden

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Överklagandenämnden för studiestöd (il-Bord Nazzjonali ta’ Appell għal Għajnuna għall-Istudenti, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Artikolu 45 TFUE – Regolament (EU) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Għajnuna finanzjarja għal studji fl-edukazzjoni ogħla barra mill-pajjiż – Kundizzjoni ta’ residenza – Kundizzjoni ta’ integrazzjoni soċjali għal studenti mhux residenti – Student li jkun ċittadin tal-Istat li jagħti l-għajnuna, li jkun dejjem residenti fl-Istat fejn ikun qiegħed jistudja – Ġenitur li qabel kien ħaddiem migrant fl-Istat tal-istudji”

1.

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Överklagandenämnden för studiestöd (il-Bord Nazzjonali ta’ Appell għal Għajnuna għall-Istudenti, l-Isvezja) jitlob interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 2 ). Ir-rinviju sar fil-kuntest ta’ appell mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, MCM, kontra s-Centrala studiestödsnämnden (il-Bord Svediż għal Finanzjament tal-Istudenti, l-Isvezja, li huwa responsabbli biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-istudenti; iktar ’il quddiem iċ-“CSN”) b’rabta ma’ dak li kien qiegħed jitlob MCM biex jikseb għajnuna finanzjarja lill-istudenti mingħand l-Istat Svediż għall-istudji tiegħu fi Spanja.

I. Il‑fatti li taw lok għat‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari

2.

MCM, bħal missieru, huwa ċittadin Svediż, iżda għex fi Spanja sa minn twelidu.

3.

F’Marzu 2020, MCM applika għand iċ-CSN b’rabta ma’ studji universitarji fi Spanja, li kienu bdew f’Jannar 2020 ( 3 ). MCM ibbaża t-talba tiegħu, fost affarijiet oħra, fuq il-fatt li għalkemm missieru kien jgħix u jaħdem fl-Isvezja sa minn Novembru 2011, huwa kien qabel attiv bħala ħaddiem migrant fi Spanja għal madwar 20 sena. Għalhekk, MCM talab li, bħala wild ħaddiem migrant, huwa kellu dritt għall-għajnuna finanzjarja għall-istudenti.

4.

Iċ-CSN ċaħad it-talba ta’ MCM minħabba li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ residenza fl-Isvezja skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23 tal-Kapitolu 3 ta’ studiestödslagen (1999:1395) ( 4 ) u li ma kienx possibbli li huwa jingħata għajnuna finanzjarja abbażi ta’ xi waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 6 sa 6(b) tal-Kapitolu 12 tal-föreskrifter och allmänna råd om beviljning av studiemedel (CSNFS 2001:1) taċ-CSN ( 5 ).

5.

Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, iċ-CSN qal ukoll li ma kienx hemm bażi fil-liġi tal-Unjoni biex issir eċċezzjoni għar-rekwiżit ta’ residenza. L-awtorità qieset li MCM kien jonqos milli jissodisfa r-rekwiżit alternattiv ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Svediża, li l-awtorità kienet stabbiliet għal dawk li jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ residenza u li japplikaw għal għajnuna finanzjarja għall-istudenti biex jistudjaw f’pajjiż ieħor tal-Unjoni.

6.

Iċ-CSN qal ukoll li MCM ma seta’ jkollu ebda dritt għal għajnuna finanzjarja għall-istudenti għall-fatt li missieru kien qabel eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu bħala ħaddiem meta emigra lejn Spanja. Dwar dan iċ-CSN kien tal-fehma li l-missier ma setax jitqies iktar ħaddiem migrant minħabba li kien ilu jgħix u jaħdem fl-Isvezja sa mill-2011.

7.

MCM appella minn din id-deċiżjoni. Fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ appell MCM irrefera prinċipalment għal ċirkustanzi li, huwa ssottometta, kienu jsostnu l-argument tiegħu li huwa kellu jitqies bħala persuna integrata fis-soċjetà Svediża u li missieru kellu jibqa’ jitqies li kellu konnessjoni ma’ Spanja ( 6 ).

8.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-appell lill-qorti tar-rinviju li, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 11 tal-Kapitolu 6 tal-Liġi dwar għajnuna finanzjarja għall-istudenti, hija indikata bħala l-korp tal-appell, iċ-CSN sostna l-evalwazzjoni tiegħu ta’ qabel. Fl-istess waqt, iċ-CSN osserva li ċ-ċaħda ta’ għajnuna finanzjarja għall-istudenti lil MCM għal studji barra mill-pajjiż setgħet titqies bħala tfixkil għad-dritt ta’ missieru għal-libertà ta’ moviment, minħabba li kieku kien jaf b’tali konsegwenza l-missier seta’ wara kollox ma jemigrax lejn Spanja.

9.

Madankollu, skont iċ-CSN, ma kienx ċar jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni kinitx tibqa’ taħt il-portata tad-dritt tal-Unjoni minħabba li kien għadda perijodu ta’ żmien tant twil minn meta l-missier kien eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment. F’dak il-kuntest iċ-CSN staqsa wkoll jekk ħaddiem migrant li jmur lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu jistax, fir-rigward ta’ dak il-pajjiż, u għal perijodu ta’ żmien indefinit, jistrieħ fuq il-garanziji li japplikaw għal ħaddiema migranti u għall-membri tal-familja tagħhom skont ir-Regolament Nru 492/2011.

10.

Minħabba dawn il-konsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, l-Överklagandenämnden för studiestöd (il-Bord Nazzjonali ta’ Appell għal Għajnuna għall-Istudenti) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Jista’ Stat Membru (il-pajjiż ta’ oriġini), fir-rigward tal-wild ta’ ħaddiem migranti li rritorna, minkejja l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru] 492/2011, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi baġitarji tal-pajjiż ta’ oriġini, jistabbilixxi rekwiżit li l-wild ikollu konnessjoni mal-pajjiż ta’ oriġini sabiex jagħti lil dan il-wild għajnuna finanzjarja għall-istudenti sabiex jistudja barra mill-pajjiż fl-Istat Membru l-ieħor tal-Unjoni Ewropea li fih il-ġenitur tal-wild ħadem preċedentement (il-pajjiż ospitanti), fejn

(i)

wara li rritorna mill-pajjiż ospitanti, il-ġenitur tal-wild għex u ħadem fil-pajjiż ta’ oriġini għal mill-inqas tmien snin,

(ii)

il-wild ma akkumpanjax lill-ġenitur tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini, iżda baqa’ fil-pajjiż ospitanti sa mit-twelid, u

(iii)

il-pajjiż ta’ oriġini jistabbilixxi l-istess rekwiżit ta’ konnessjoni għal ċittadini oħra fil-pajjiż ta’ oriġini li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ residenza u li japplikaw għal għajnuna finanzjarja għall-istudenti għal studji barra mill-pajjiż f’pajjiż ieħor fl-Unjoni?”

II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

11.

B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw biss il-mertu ta’ din il-kawża.

12.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn MCM, mill-Gvern Svediż, Awstrijak, Daniż u Norveġiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet ma talbux li tinżamm seduta u ma nżammet ebda waħda.

III. Sunt tal‑osservazzjonijiet tal‑partijiet

13.

MCM isostni li l-konnessjoni mal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu hija biżżejjed biex huwa jkun jista’ jirċievi għajnuna finanzjarja għall-istudji ( 7 ). Barra minn dan, il-fatt li missieru bħalissa huwa residenti fl-Isvezja bl-ebda mod ma jnaqqas mill-qagħda tiegħu bħala ħaddiem migrant. Sa mill-2011, il-missier kien iżur Spanja regolarment, fejn għandu fejn joqgħod biex ikun jista’ jaħdem hemmhekk ukoll ( 8 ).

14.

Il-Gvern Svediż jissottometti, fil-qofol, li huwa possibbli jkunu adottati derogi mir-rekwiżit ta’ residenza, li permezz tagħhom il-persuna li tibbenefika mill-għajnuna għandha tkun integrata fis-soċjetà Svediża. Ir-rekwiżit li għandu jkun hemm konnessjoni ma huwiex, madankollu, impost fuq ulied ħaddiema migranti.

15.

Il-Gvern Svediż u dak Daniż jissottomettu, l-ewwel, li missier MCM ma kienx eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu minn meta mar lura l-Isvezja sal-lum, għalhekk, għandu jitqies li tilef l-istat tiegħu ta’ ħaddiem migrant. Dwar l-istat ta’ ex ħaddiem migrant, il-Gvern Svediż jikkontendi li, f’dan il-każ, la ma tingħatax għajnuna finanzjarja għal studji barra mill-pajjiż lill-ħaddiema jew lill-uliedhom minħabba r-relazzjoni tagħhom ta’ impjieg, il-ħaddiem inkwistjoni ma jistax jistrieħ iktar fuq dawk id-drittijiet skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jew l-Artikolu 45 TFUE.

16.

It-tieni, il-Gvern Svediż jikkonċedi, madankollu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE jmur lil hinn minn dak tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, bir-riżultat li ma jistax ikun eskluż għalkollox li restrizzjoni fl-għamla ta’ rekwiżit ta’ residenza tista’ tiddisswadi ċerti ġenituri jew ġenituri futuri milli jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom.

17.

Il-Gvern Daniż jissottometti, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ma japplikawx għall-kawża prinċipali.

18.

Il-Gvern Daniż iqis li r-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ma japplikawx ratione materiae. Huwa jissottometti li l-leġiżlazzjoni Svediża dwar għajnuna finanzjarja għandha tinftiehem bħala li tfisser li student li ma jkunx residenti fl-Isvezja jista’ jibbenefika minn tali għajnuna finanzjarja jekk huwa jkun jista’ juri jew li għandu status ta’ wild ta’ ħaddiem migrant jew li għandu konnessjoni mas-soċjetà Svediża.

19.

Fit-tieni lok, anki kieku kien hemm restrizzjoni, il-Gvern Daniż iqis li jkun iġġustifikat f’dan il-każ għal raġuni importanti ħafna fl-interess pubbliku.

20.

Il-Gvern Awstrijak essenzjalment jissottometti, b’rabta mal-Artikolu 45 TFUE, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali bl-ebda mod ma teskludi lil ulied ħaddiem migrant minn għajnuna finanzjarja għall-istudenti, iżda tagħtihom l-istess għajnuna bħal dik mogħtija lil ulied ħaddiema li jibqgħu fl-Isvezja, bl-unika differenza li l-ħtieġa ta’ prova ta’ residenza hija ssostitwita bil-ħtieġa ta’ konnessjoni mas-soċjetà Svediża. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Awstrijak iqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tippermetti l-flessibbiltà meħtieġa mitluba mill-ġurisprudenza fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ konnessjoni u għandha, għalhekk, titqies bħala proporzjonata mal-għan ta’ integrazzjoni.

21.

Il-Gvern Norveġiż iqis, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali hija, bħala prinċipju, iġġustifikata skont l-Artikolu 45 TFUE.

22.

Il-Kummissjoni tissottometti li, peress lil MCM ma huwiex ħaddiem u ma kienx ħalla l-Istat Membru fejn huwa jgħix, huwa ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE jew tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ missier MCM, il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, ma hemm ebda restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

IV. Analiżi

A.   Introduzzjoni

23.

Dan il-każ għandu żewġ karatteristiċi distintivi meta mqabbel mal-każijiet preċedenti, li ser niddiskuti hawn taħt: l-ewwel, il-ħaddiem migrant mar lura (minn Spanja) għall-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (l-Isvezja) iktar minn tmien snin ilu; u, it-tieni, il-wild, li qiegħed jitlob mingħand l-Isvezja għajnuna finanzjarja għall-istudenti għal studji barra mill-pajjiż (fi Spanja, li hija art twelidu u ta’ residenza), qatt ma kien residenti f’dak il-pajjiż ta’ oriġini.

24.

L-ewwel u qabel kollox, għandu jitfakkar li “skont l-Artikolu 45(2) TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol” ( 9 ).

25.

Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011, ħaddiem li jkun ċittadin ta’ Stat Membru, għandu – fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – ikollu l-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħal ħaddiema ċittadini.

26.

Dik id-dispożizzjoni hija “l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar” ( 10 ).

27.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għajnuna mogħtija għal manteniment u għall-edukazzjoni biex wieħed isegwi studji universitarji abbażi ta’ prova ta’ kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ( 11 ).

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għajnuna finanzjarja għall-istudenti mogħtija minn Stat Membru lil ulied ta’ ħaddiema tikkostitwixxi, għall-ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, meta l-ħaddiem ikompli jagħti manteniment lill-wild ( 12 ).

29.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem b’mod indirett huma ttrattati b’mod ugwali bħall-ħaddiem skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Peress li l-għoti ta’ fondi għall-istudji lil wild ħaddiem migrant jikkostitwixxi vantaġġ soċjali għall-ħaddiem migrant, il-wild jista’ huwa nnifsu jistrieħ fuq din id-dispożizzjoni biex jikseb dawk il-fondi jekk, skont id-dritt nazzjonali, tali fondi jingħataw direttament lill-istudent ( 13 ).

30.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat” ( 14 ).

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 japplika bħal benefiċċji tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-ħaddiem, tant li dak il-ħaddiem jitlef dawk il-benefiċċji minħabba l-impjieg tiegħu fi Stat Membru ieħor ( 15 ).

32.

Issa ser nuri li mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li la l-Artikolu 45 TFUE u lanqas l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ma jipprekludi li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali.

B.   Skont il‑fatti, jirriżulta wieħed miż‑żewġ kuntesti f’dan il‑każ

33.

Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi liema mill-kuntesti segwenti japplika għall-fatti tal-każ fil-kawża prinċipali: jew li (a) il-missier, (li qabel kien) ħaddiem migrant, għadu jmantni lil ibnu, MCM, biex b’hekk l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni għall-istudenti tkun tikkostitwixxi vantaġġ soċjali għall-missier, li jfisser li tkun taqa’ taħt l-Artikolu 45 TFUE u/jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (“kuntest A”); jew li (b) il-missier ma għadux imantni lil MCM, bir-riżultat li ebda wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli ma jkun japplika għal dan il-każ (“kuntest B”).

34.

Inqis, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-għajnuna finanzjarja Svediża lill-istudenti tikkostitwixxi, fuq kollox, vantaġġ soċjali għall-istudent innifsu. Huwa MCM li qiegħed jitlob dik l-għajnuna u huwa MCM li jekk ikun il-każ ser jirċievi dik l-għajnuna. Il-kuntest ta’ familja, bħalma huwa d-dħul tal-ġenituri, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni. Jekk dan il-każ huwa “tal-kuntest B”, allura l-istudent innifsu, MCM, a priori, ma jaqax taħt il-portata tal-Artikolu 45 TFUE jew tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 sa fejn għandha x’taqsam l-applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni għall-istudenti. Tabilħaqq, MCM ma huwiex (ex) ħaddiem migrant, u lanqas ma telaq għal raġunijiet oħra (lanqas, milli jidher, ma għandu l-intenzjoni li jitlaq) l-Istat Membru fejn twieled u għex ħajtu kollha (Spanja).

35.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-regolament hija ċara u hija intiża għall-“ħaddiema” (jew ex ħaddiema ( 16 )), u mhux għall-“istudenti”.

36.

Minħabba f’hekk inqis li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dak l-artikolu ma għandux ikun estiż mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-istudenti ta’ edukazzjoni ogħla.

37.

Il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni wkoll jirreferu għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Biżżejjed ninnota li dan l-artikolu huwa dwar l-aċċess tal-ulied ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew li kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal korsijiet ta’ taħriġ “ġenerali fl-edukazzjoni” u mhux għal edukazzjoni ogħla bħal dik segwita minn MCM fil-każ fil-kawża prinċipali. Barra minn dan, dan l-artikolu ma huwiex is-suġġett tad-domanda magħmula f’din il-kawża.

38.

Jekk, min-naħa l-oħra, dan il-każ jaqa’ taħt il-“kuntest A”, l-għajnuna finanzjarja għall-istudenti tkun tikkostitwixxi vantaġġ soċjali wkoll għal (ex) ħaddiem migrant (missier MCM), iżda biss bil-kundizzjoni li huwa jkompli jmantni lil ibnu ( 17 ). Ikun biss f’dik is-sitwazzjoni li l-għajnuna finanzjarja għall-istudenti tnaqqas l-obbligi finanzjarji tal-missier.

39.

Sfortunatament, il-ftit tagħrif li hemm fid-digriet tar-rinviju ma jħallix lil dak li jkun jifhem b’mod ċar il-każ fil-kawża prinċipali. Pereżempju, ma huwiex ċar jekk il-missier, il-ħaddiem (ex) migrant għadux jew le jmantni lil ibnu, MCM.

40.

Fl-Isvezja, kif il-Kummissjoni nnotat, skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 7 tal-Föräldrabalken (1949:381) (il-Kodiċi Parentali), l-obbligu legali tal-ġenituri li jmantnu lil uliedhom li jkunu studenti universitarji jintemm meta wliedhom jagħlqu tmintax-il sena. Il-qorti tar-rinviju ma indikatx jekk l-applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja għall-istudenti kinitx tkopri perijodu meta MCM kien taħt it-tmintax-il sena. Lanqas ma jidher mid-digriet tar-rinviju jekk missier MCM għadux għal raġunijiet oħra responsabbli għall-manteniment ta’ MCM wara li MCM għalaq it-tmintax-il sena, bħal fil-liġi Spanjola, fil-każ ta’ kuntratt skont il-liġi ċivili jew il-ħlas volontarju ta’ ċertu ammont bħala għajnuna kull tant żmien.

41.

Kif innotajt fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk aħna qegħdin nitkellmu dwar “kuntest B”, allura li l-għajnuna finanzjarja għall-istudenti inkwistjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ soċjali għall-missier u, b’hekk, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE jew tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

42.

Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula tkun fin-negattiv.

43.

Madankollu, jekk il-missier għadu jmantni lil MCM u, għalhekk, l-għajnuna finanzjarja għall-istudenti inkwistjoni tikkostitwixxi wkoll vantaġġ soċjali għall-missier, ikun l-ewwel meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-ex ħaddiem migrant jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 45 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi dan abbażi tal-fatti tal-każ fil-kawża prinċipali.

44.

Irrid ninnota li “[d]ispożizzjonijiet nazzjonali li jimpedixxu jew jiskoraġġixxu lill-ħaddiem ċittadin ta’ Stat membru li jitlaq l-Istat ta’ oriġini tiegħu biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati” ( 18 ). Sabiex miżura titqies li tkun indirettament diskriminatorja “ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix ħlief liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali” ( 19 ).

45.

Skont l-istess ġurisprudenza, “id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 492/2011, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” ( 20 ).

46.

F’dan l-isfond “iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-artikolu” ( 21 ).

47.

Missier MCM telaq, l-ewwel, mill-Isvezja lejn Spanja u mbagħad irritorna lejn l-Isvezja; fiż-żewġ każijiet huwa għamel hekk biex jaħdem. Wieħed jista’ jistrieħ fuq l-Artikolu 45 TFUE kontra l-pajjiż ta’ oriġini minn ċittadini ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ miżuri li jistgħu ma jħallux jew ifixklu lil dawk iċ-ċittadini milli jħallu lill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ( 22 ).

48.

Kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Gvern Svediż u tal-Gvern Daniż jiena nqis li l-fatt li għadda ammont sinjifikattiv ta’ żmien (iktar minn tmien snin) minn meta missier MCM kien eżerċita dak id-dritt, bħala prinċipju, ma għandux rilevanza dwar jekk japplikax dak l-artikolu (jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011). Ħaddiem migrant għandu jkun jista’ jinvoka d-dritt trattament ugwali wkoll f’sitwazzjoni fejn huwa jkun waqaf iwettaq attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-istat ta’ (dak li qabel kien) ħaddiem migrant jista’ jħalli effetti wara li jkun intemm l-impjieg tiegħu ( 23 ).

49.

Il-kwistjoni jekk għandux ikun hemm jew le għajnuna finanzjarja Svediża lill-istudenti għal studji universitarji barra mill-pajjiż, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi dwar għajnuna finanzjarja għall-istudenti, bħal dik fil-kawża prinċipali, tiddependi minn sensiela twila ta’ ġrajjiet futuri u ipotetiċi: li l-ħaddiem attwalment ikollu wlied oħra fil-ġejjieni; li dawk l-ulied (ipotetiċi) jagħżlu li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti minkejja li l-missier ikun irritorna l-Isvezja u li huma ma jkunux integrati fis-soċjetà Svediża jew li ma jkunux jistgħu jistrieħu fuq raġunijiet eċċezzjonali biex jibbenefikaw minn dik l-għajnuna.

50.

Kif osservaw il-Gvern Daniż u l-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ), f’dan il-każ, il-katina ta’ ġrajjiet hija wisq inċerta u l-eventwali impatt tagħha fuq l-għażla li l-ħaddiem jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu hija wisq indiretta biex id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq titqies li tista’ tfixkel il-moviment liberu tal-ħaddiema.

51.

Minħabba f’hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ ħaddiema ( 25 ).

52.

Dwar dan, huwa meħtieġ li wieħed jiddistingwi dan il-każ minn dak fil-kawża Prinz u Seeberger ( 26 ), fejn il-kundizzjonijiet inkwistjoni kienu jistgħu jiddisswadu lir-rikorrenti nfushom f’dawk il-kawżi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment u għal residenza fi Stat Membru ieħor, minħabba l-impatt li l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà x’aktarx kien ikollu fuq id-dritt għall-fondi għall-edukazzjoni jew it-taħriġ mogħtija inkwistjoni f’dawk il-kawżi magħquda. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom x’jaqsmu mhux mal-azzjoni personali tal-benefiċjarju, iżda mal-imġiba futura ta’ persuna oħra li għadha ma twelditx, jiġifieri l-wild (ipotetiku) tal-ħaddiem.

53.

Wara dan, tqum il-mistoqsija jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jirrikonoxxi d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema migranti kollha (inklużi ħaddiema staġjonali u fruntalieri; ara l-premessa 5 ta’ dak ir-regolament ( 27 )), japplikax biss għal ħaddiem migrant minn Stat Membru ieħor fir-rigward tar-regoli tal-Istat Membru ospitanti jew jekk jistax jintuża, bħal f’dan il-każ, minn ċittadin tal-Istat Membru ta’ oriġini li jkun mar fi Stat Membru ieħor u li wara jkun mar lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

54.

Jista’ (ex) ħaddiem migrant u/jew uliedu studenti universitarji jistrieħu fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-regolament, mhux fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, iżda, bħal f’dan il-każ, fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom?

55.

Nqis li dik il-mistoqsija għandha titwieġeb fin-negattiv.

56.

Sa fejn naf jiena, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma estendiet il-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq dan l-artikolu b’rabta mal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ (ex) ħaddiem migrant jew mal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ wildu. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li dak l-artikolu jfittex li jiżgura ugwaljanza fit-trattament ta’ (ex) ħaddiem migrant u ta’ ħaddiema ċittadini fl-Istat Membru ospitanti ( 28 ).

57.

Tabilħaqq, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ moviment ifittxu primarjament li jiżguraw il-protezzjoni kontra diskriminazzjonijiet li studenti, ulied ta’ (ex) ħaddiema migranti, jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom fl-Istat Membru ospitanti, iktar milli l-protezzjoni kontra tfixkil li jista’ jkun hemm fl-Istat Membru ta’ oriġini f’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadin ikun jixtieq jikseb mingħand l-Istat Membru tiegħu stess għajnuna finanzjarja għall-istudenti biex jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment. Din il-fehma hija sostnuta wkoll fil-letteratura akkademika legali ( 29 ).

58.

L-interpretazzjoni tiegħi hija konsistenti mal-għan tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 492/2011 ( 30 ) li tiddeskrivi t-tneħħija ta’ ostakoli dwar il-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni tal-familja ta’ ħaddiem fil-pajjiż ospitanti.

C.   Konklużjoni preliminari: ma hemmx restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑ħaddiema

59.

Mill-konsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq isegwi li la l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u lanqas l-Artikolu 45 TFUE ma jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk f’dan il-każ, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika b’rabta mal-fatti tal-każ fil-kawża prinċipali.

D.   Biex ikun ingħad kollox: anki kieku kien hemm restrizzjoni, din kienet tkun iġġustifikata

60.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ dan iktar ’il fuq u tasal għall-konklużjoni li dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ser nispjega iktar ’il quddiem li, f’kull każ, dik ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata.

61.

Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdu li, fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja lill-istudenti għal studji barra mill-pajjiż, student li ma jkunx residenti fl-Isvezja jista’ jikseb tali għajnuna jekk huwa jkun jista’ juri konnessjoni mas-soċjetà Svediża jew li huwa wild ħaddiem migrant li oriġina minn Stat Membru ieħor li jkun jaħdem fl-Isvezja. Għalhekk, iċ-ċittadini Svediżi kollha residenti barra mill-Isvezja huma suġġetti għar-rekwiżit ta’ konnessjoni mas-soċjetà Svediża meta huma japplikaw għal għajnuna finanzjarja għall-istudenti għal studji fi Stat Membru ieħor, indipendentement mill-fatt jekk il-ġenitur ikunx eżerċita jew le d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment. Inqis li huwa iġġustifikat li MCM jenħtieġlu juri tali konnessjoni. Tabilħaqq, kieku ma kinitx meħtieġa konnessjoni, ir-rikorrent ikun imbagħad f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dawk l-istudenti li l-ġenituri tagħhom ma jkunux eżerċitaw id-dritt għal-libertà ta’ moviment. Dan ikun imur lil hinn mill-għan segwit mir-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li primarjament ifittxu li jiggarantixxu li ħaddiema jgawdu mill-istess kundizzjonijiet fl-Istat Membru ospitanti u li ma jkunx hemm x’jiddisswadihom milli jiċċaqilqu u jsibu impjieg fi Stat Membru ieħor.

62.

Fir-rigward tad-domanda dwar jekk l-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ residenza fuq MCM tikkostitwixxix diskriminazzjoni, jeħtieġ li nqabblu s-sitwazzjoni inkwistjoni mas-sitwazzjoni li fiha ma jkunx issodisfatt ir-rekwiżit ta’ residenza u jkun japplika d-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, is-sitwazzjoni li fiha ċittadin Svediż, minħabba li ma jkunx jissodisfa r-rekwiżit ta’ residenza għax ikun mar mill-Isvezja għal Spanja biex jaħdem hemmhekk, sussegwentement jitlob għajnuna finanzjarja biex isegwi studji hemmhekk (fil-pajjiż ospitanti). Huwa ċar li l-konnessjoni mas-soċjetà Svediża hija meħtieġa fiż-żewġ każijiet. B’riżultat ta’ dan, ma hemmx diskriminazzjoni diretta.

63.

Barra minn dan, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li hemm diskriminazzjoni indiretta f’dan il-każ (li mhux il-każ), inqis li l-ħtieġa ta’ konnessjoni hija ġġustifikata, minħabba li ssegwi għan leġittimu u hija xierqa u proporzjonata ( 31 ).

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “huma l-awtoritajiet nazzjonali, li meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit tal-Unjoni, għandhom jippruvaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għaldaqstant jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija [adatta] u [proporzjonata], kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li tissostanzja l-argumenti [tiegħu]” ( 32 ).

65.

Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti tista’ tikkostitwixxi raġuni ta’ interess pubbliku superjuri li tista’ tiġġustifika restrizzjoni, sakemm il-kriterji adottati jkunu adatti u proporzjonati ( 33 ). Kriterju relatat ma’ residenza, jew, jekk iwassal għal sitwazzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, il-ħtieġa li jkun hemm konnessjoni suffiċjenti mas-soċjetà Svediża, jitolbu li jkun żgurat li tali studenti jmorru lura l-Isvezja wara l-istudji tagħhom barra mill-pajjiż u li jiksbu t-tagħrif tagħhom fl-aħħar mill-aħħar biex isaħħu s-suq tax-xogħol u l-ekonomija fl-Isvezja ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ħtieġa għal tali konnessjoni tista’ tkun iġġustifikata jekk tkun tfittex li jkun żgurat livell ta’ edukazzjoni għolja b’rabta relatata mal-popolazzjoni residenti ( 35 ).

66.

Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jistabbilixxu kundizzjonijiet li jirregolaw il-konnessjoni taċ-ċittadini tagħhom stess mas-soċjetà ta’ dak l-Istat Membru biex dawn jingħataw fondi għal studji fi Stat Membru ieħor, jiġifieri li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu tali fondi jekk ikollhom prova ta’ konnessjoni ġenwina mal-Istat Membru li jiffinanzja, għalkemm “il-prova meħtieġa […] ma għandhiex tkun wisq esklużiva, jew tiffavorixxi indebitament fattur li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-grad ġenwin u effettiv tal-konnessjoni bejn l-applikant u dan l-Istat Membru, bl-esklużjoni ta’ kull fattur ieħor rappreżentattiv” ( 36 ). Din il-ġurisprudenza, relatata mal-Artikoli 20 u 21 TFUE, tapplika wkoll għal każ dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, minħabba li s-suġġett tal-protezzjoni huwa l-istess. Jekk is-sitwazzjoni ta’ MCM kellha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE – li jiena ma nistax niddetermina minħabba l-ftit tagħrif li hemm fid-digriet tar-rinviju– allura, biex jiġi stabbilit jekk hemmx restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni, l-evalwazzjoni jekk il-miżura hijiex iġġustifikata, proporzjonata u xierqa għandha tkun identika għal dik magħmula skont l-Artikolu 45 TFUE.

67.

Minħabba li d-dritt għall-għajnuna finanzjarja għall-istudenti inkwistjoni fil-każ fil-kawża prinċipali ma huwiex ibbażat esklużivament fuq il-perijodu minimu ta’ residenza fl-Isvezja, iżda jista’ wkoll ikun ibbażat fuq konnessjoni suffiċjenti mas-soċjetà Svediża, il-leġiżlazzjoni Svediża taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Inqis li dik il-leġiżlazzjoni tippermetti l-flessibbiltà meħtieġa mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tal-livell ta’ konnessjoni tal-istudent mas-soċjetà tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna u tista’, għalhekk, titqies li hija ġġustifikata, proporzjonata u xierqa (b’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

68.

Tabilħaqq, sa fejn id-digriet tar-rinviju jirreferi għall-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 37 ), il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq għanijiet komparabbli, jiġifieri li kemm l-integrazzjoni tal-istudenti kif ukoll ix-xewqa li jkun żgurat li jkun hemm konnessjoni jkunu jistgħu jikkostitwixxu għanijiet fl-interess pubbliku ( 38 ).

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li Stat Membru jista’ jissuġġetta l-għoti ta’ fondi għall-prova ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat, biex ma jħallix li l-għoti ta’ tali għajnuna lill-istudenti minn Stati Membri oħra jsir piż mhux raġonevoli li jkun jista’ jaffettwa l-ammont totali ta’ għajnuna li tkun tista’ titħallas mill-Istat ( 39 ). Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’dawk is-sentenzi li konsiderazzjonijiet simili jistgħu, bħala prinċipju, jintużaw bħala bażi għall-għoti, minn Stat Membru, ta’ għajnuna lill-istudenti li jkunu jixtiequ jsegwu studji fi Stati Membri oħra.

70.

Naqbel mal-Gvern Daniż li l-konnessjoni mas-soċjetà Svediża, għalhekk, tirrifletti bilanċ raġonevoli ta’ żewġ interessi opposti, jiġifieri, l-interess tal-ħaddiema fil-libertà ta’ moviment u l-għan ta’ mobbiltà tal-istudenti fl-Unjoni Ewropea, minn naħa, u l-interess ta’ sistemi ta’ għajnuna finanzjarja għal studji li, min-naħa l-oħra, jipprovduhom l-Istati Membri.

71.

Minkejja l-fatt li d-dispożizzjonijiet Svediżi applikabbli ma jirreferux espressament għall-kriterju ta’ integrazzjoni tal-istudent fis-soċjetà Svediża, il-ġurisprudenza applikabbli għal dawk id-dispożizzjonijiet tinkludi dak il-fattur fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet straordinarji li jiġġustifikaw l-għoti ta’ fondi għall-istudji.

72.

Għalkemm ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-evalwazzjoni tal-integrazzjoni soċjali fis-soċjetà Svediża b’hekk jidhru mal-ewwel daqqa t’għajn li qegħdin jitqiesu f’dan il-każ, hija, madankollu, l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina abbażi tal-fatti jekk dawk il-kriterji ġewx applikati sewwa fil-każ ta’ MCM.

73.

Inqis, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li t-tagħrif mogħti fid-digriet tar-rinviju ma jidhirx li juri b’mod ċar li l-Isvezja hija ċ-ċentru tal-interessi ta’ MCM.

74.

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 MCM, bħala wild ta’ (ex) ħaddiem migrant, huwa intitolat għal għajnuna għall-edukazzjoni Spanjola bl-istess kundizzjonijiet għal ċittadini Spanjoli, minħabba li d-dritt għal fondi taħt dak l-artikolu ma jiddependix minn jekk il-missier għadux jew le responsabbli għall-manteniment ta’ MCM ( 40 ).

75.

Filwaqt li huwa possibbli li l-għajnuna Spanjola għall-istudji tista’ tkun inqas favorevoli mill-għajnuna Svediża, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li jekk dan imur fi Stat Membru ieħor il-moviment ikun newtrali soċjalment għalih jew għal familtu.

76.

Tabilħaqq, ħaddiem li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment ma jistax jistenna newtralità f’affarijiet soċjali, minħabba li jekk imur fi Stat Membru ieħor, dan jista’ ftit jew wisq ikun vantaġġuż jew żvantaġġuż għalih. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jiggarantixxi l-iktar l-iktar li (ex) ħaddiema migranti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti ( 41 ).

V. Konklużjoni

77.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari mill-Överklagandenämnden för studiestöd (il-Bord Nazzjonali ta’ Appell għal Għajnuna għall-Istudenti, l-Isvezja) kif ġej:

La l-Artikolu 45 TFUE u lanqas l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (EU) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ma jipprekludi Stat Membru (il-pajjiż ta’ oriġini) milli jistabbilixxi rekwiżit li wild ta’ (ex) ħaddiem migrant, wara li dan tal-aħħar ikun mar lura fil-pajjiż ta’ oriġini, ikollu konnessjoni mal-pajjiż ta’ oriġini biex dak il-wild jingħata għajnuna finanzjarja għall-istudenti biex jistudja barra mill-pajjiż fl-Istat Membru l-ieħor tal-Unjoni fejn il-ġenitur tiegħu qabel kienu jaħdem (il-pajjiż ospitanti), f’sitwazzjoni li fiha:

(i)

dak il-wild qatt ma kellu r-residenza fil-pajjiż ta’ oriġini, iżda jkun għex minn twelidu fil-pajjiż ospitanti; u

(ii)

fejn fil-pajjiż ta’ oriġini jissuġġetta liċ-ċittadini tiegħu l-oħra, li ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ residenza u li japplikaw għal għajnuna finanzjarja għall-istudenti biex jistudjaw fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, għall-istess rekwiżit li jkun hemm konnessjoni mal-pajjiż ta’ oriġini.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU L 141 2011, p. l.

( 3 ) Fl-osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, MCM spjega li huwa kien beda l-istudji universitarji fil‑15 ta’ Settembru 2018 u issa huwa student fit-tieni sena fix-Xjenza Politika. MCM talab għall-għajnuna għal studji barra mill-pajjiż biss minn Jannar 2020, minħabba li ma kienx jaf bil-proċedura li kellha tiġi segwita u minħabba li l-għajnuna ma setgħetx tintalab retroattivament.

( 4 ) Il-Liġi (1999:1395) dwar għajnuna finanzjarja għall-istudenti; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar għajnuna finanzjarja għall-istudenti”.

( 5 ) Regolamenti u linji gwida ġenerali dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lill-istudenti (CSNFS 2001:1).

( 6 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) MCM jirreferi għall-fatt li huwa ċittadin Svediż, għandu ġenitur Svediż, għandu membri oħra tal-familja tiegħu li huma Svediżi u li huwa regolarment iqatta’ żmien fl-Isvezja.

( 8 ) MCM jissottometti li missieru kien eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment bejn Stokkolma (l-Isvezja) u Barcelona (Spanja), kull xahar u kien joqgħod bejn erba’ u erbatax-il jum. MCM jissottometti li dawk il-mawriet ma jistgħux jitqiesu bħala “btajjel”, minħabba li dawk il-mawriet kollha kienu jirrappreżentaw ċertu għadd ta’ jiem tax-xogħol (telework), li kienet ir-raġuni għaliex missieru kien żamm fejn joqgħod fi Spanja.

( 9 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 34) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Giersch”). Ara, b’rabta ma’ din is-sentenza, Michel, V., Travailleurs frontaliers, Europe, Nru 8, Awwissu 2013, Carlier, J.-Y., La libre circulation des personnes dans l’Union européenne, Chroniques, Journal de droit européen, Nru 208 – 4/2014, p. 170 u O’Leary, S., The Curious Case of Frontier Workers and Study Finance: Giersch, CMLR, 51, p. 601 (li argumenta li l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi approvati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kura tas-saħħa – ir-riskju li jkun mhedded il-bilanċ finanzjarju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali jew l-għan li jinżamm servizz ibbilanċjat mediku u ta’ sptar – jidhru li huma għodda iktar xierqa mill-kriterju ta’ konnessjoni ġenwina biex iservu t-tip ta’ mobbiltà ta’ studenti u spejjeż relatati inkwistjoni f’każijiet bħal dak li wassal għas-sentenza Giersch). B’rabta ma’ dan, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Humbel and Edel (263/86, mhux ippubblikata, EU:C:1988:151, p. 5380).

( 10 ) Ara s-sentenza Giersch, punt 35. Is-sentenza hija relatata mar-Regolament (KKE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Peress li l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament huwa identiku għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni tapplika mutatis mutandis għall-interpretazzjoni tat-tieni waħda.

( 11 ) Ara, dwar dan, is-sentenza Giersch, punt 38. Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet (C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 25) (ara, b’rabta ma’ dik is-sentenza, Rigaux, A., Bourse d’enseignement supérieur, Europe, Nru 10, Ottubru 2019, p. 24, u Lhernould, J.-Ph., Comment établir le degré de rattachement des travailleurs frontaliers à leur Etat de travail?, RJS, 11/19, p. 770).

( 12 ) Ara s-sentenza Giersch, punt 39.

( 13 ) Ara s-sentenza Giersch, punt 40.

( 14 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet (C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 26).

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Landkreis Südliche Weinstraße (C‑830/18, EU:C:2020:275, punti 22 sa 24).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punti 45 sa 55).

( 17 ) Ara s-sentenza Giersch, punt 39.

( 18 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 30).

( 19 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 31).

( 20 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 32).

( 21 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 41).

( 22 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 96).

( 23 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 35).

( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 40).

( 25 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punti 2425) u tat‑13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 40).

( 26 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013 (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524).

( 27 )

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, (249/83, EU:C:1985:139, punt 20 u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 72: “L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li l-persuni li għandhom dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jistgħu jinvokaw […] jipprovdi, essenzjalment, li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika fl-Istat Membru ospitanti, inkluż meta jispiċċa mingħajr xogħol, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali”.

( 29 ) Martin, D., Arrêts “Giersch” et “Prinz”: les différents statuts de l’étudiant, Journal de droit européen, 2013, p. 273.

( 30 )

( 31 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 36).

( 32 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:346, punti 8182).

( 33 ) Ara s-sentenza fil-kawża Giersch, punti 53 sa 56.

( 34 ) Ara, għal raġunament simili, is-sentenza fil-kawża Giersch, punti 67 u 68.

( 35 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga (C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 46).

( 36 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punti 3738), u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses (C‑220/12, EU:C:2013:683, punt 36).

( 37 ) Qiegħed isir riferiment għas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524).

( 38 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 34).

( 39 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 36), u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses (C‑220/12, EU:C:2013:683, punt 35).

( 40 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, EU:C:1989:130), u tal‑4 ta’ Mejju 1995, Gaal (C‑7/94, EU:C:1995:118).

( 41 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 3334 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top