EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0587

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2022.
Ligebehandlingsnævnet agissant pour A vs HK/Danmark u HK/Privat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 3(1)(a) u (d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pożizzjoni ta’ president elett minn organizzazzjoni ta’ ħaddiema – Statut ta’ din l-organizzazzjoni li jipprovdi għall-eliġibbiltà għall-presidenza tal-membri biss li, fil-jum tal-elezzjoni, ma jkunux laħqu l-età ta’ 60 sena jew ta’ 61 sena.
Kawża C-587/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:29

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑13 ta’ Jannar 2022 ( 1 )

Kawża C‑587/20

Ligebehandlingsnævnet, f’isem u għan-nom ta’ A

vs

HK/Danmark,

HK/Privat,

fil-preżenza ta’

Fagbevægelsens Hovedorganisation

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età – Artikolu 3(1)(a) u (d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pożizzjoni ta’ president elett ta’ organizzazzjoni tal‑ħaddiema – Statuti ta’ din l-organizzazzjoni li jipprevedu l-eliġibbiltà għall‑presidenza għall-membri biss li, fil-ġurnata tal-elezzjoni, ma jkunux laħqu l‑età ta’ 60 sena jew 61 sena”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol ( 2 ).

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il‑Ligebehandlingsnævnet (il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza fit-Trattament, id‑Danimarka), bħala rappreżentant ta’ A, u l-konfederazzjoni HK/Danmark, sindakat tal-ħaddiema, kif ukoll il-federazzjoni HK/Privat fir-rigward ta’ dispożizzjoni tal-istatuti ta’ din il-federazzjoni li skontha A ma setgħetx tippreżenta ruħha bħala kandidata għall-presidenza ta’ din il-federazzjoni minħabba l-età li tkun laħqet fil-ġurnata tal-elezzjoni.

3.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad‑Direttiva 2000/78 għal tali sitwazzjoni. F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li l-Artikolu 3(1)(a) u (d) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li limitu ta’ età previst fl-istatuti ta’ organizzazzjoni ta’ ħaddiema għall-eliġibbiltà għall-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2000/78

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

d)

is-sħubija ma’, u l-involviment, f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema jew ta’ min iħaddem jew f’kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jeżerċitaw professjoni partikulari, inklużi l-benefiċċji li huma pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet”.

B.   Id-dritt Daniż

5.

Il-lov nr. 459 om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet m.v. (il-Liġi Nru 459 Dwar b’Mod Partikolari l-Projbizzjoni tad-Diskriminazzjoni fuq is-Suq tax-Xogħol), tat-12 ta’ Ġunju 1996, ġiet emendata bil-liġijiet Nri 253, tas‑7 ta’ April 2004, u Nru 1417, tat‑22 ta’ Diċembru 2004, intiżi għat‑traspożizzjoni tad‑Direttiva 2000/78.

6.

L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Id-diskriminazzjoni fis-sens ta’ din il-liġi tfisser kull att ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq […] l-età […]”.

7.

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Persuna li timpjega hija pprojbita milli tiddiskrimina waqt ir-reklutaġġ, it‑tkeċċija, it-trasferiment, il-promozzjoni jew fil-kundizzjonijiet tar‑remunerazzjoni u tax-xogħol”.

8.

L-Artikolu 3(3) u (4) tal-istess liġi jipprevedi:

“3.   Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni tapplika wkoll għal kull min jistabbilixxi r-regoli u jiddeċiedi l-aċċess ta’ persuni għal xogħol għal rashom.

4.   Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni tapplika wkoll għal kull min jiddeċiedi fuq il-kundizzjonijiet għas-sħubija ma’, u għall-involviment f’organizzazzjoni tal-ħaddiema jew ta’ persuni li jimpjegaw, inklużi l-vantaġġi pprovduti minn dan it-tip ta’ organizzazzjonijiet”.

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A, li twieldet fl-1948, ġiet irreklutata fl-1978 bħala rappreżentant sindakali minn sezzjoni lokali tal-organizzazzjoni tal‑ħaddiema HK. Fl-1980, hija ġiet ittrasferita mal-konfederazzjoni nazzjonali. Il‑kungress tal-federazzjoni HK/Service (li saret HK/Privat) eleġġieha Viċi Presidenta fl‑1992, u mbagħad Presidenta fl-1993. Imbagħad hija reġgħet ġiet eletta kull erba’ snin u eżerċitat il-funzjonijiet ta’ president ta’ din il-federazzjoni sat‑8 ta’ Novembru 2011, data li fiha hija kellha l-età ta’ 63 sena u kienet qabżet il-limitu tal-età previst mill-Artikolu 9 tal-istatuti tal-imsemmija federazzjoni biex tieħu sehem fl-elezzjoni li kellha ssir f’dik l-istess sena. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-fatt, fil-paragrafu 1 tiegħu, li jistgħu jiġu eletti għall-pożizzjoni ta’ president biss il-membri li, fil-ġurnata tal-elezzjoni, ma jkunux laħqu l-età ta’ 60 sena, fejn dan il-limitu tal-età jiġi estiż għal 61 sena għall-membri eletti mill-ġdid wara l‑kungress tal‑2005.

10.

Wara li ġiet adita bi lment ippreżentat minn A, il-Kummissjoni għall‑Ugwaljanza fit-Trattament, bid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2016, ikkunsidrat li l-fatt li A, minħabba l-età tagħha, ġiet ipprojbita milli tippreżenta ruħha għall-elezzjoni tal-presidenza ta’ HK/Privat waqt il-kungress tal‑2011 imur kontra l-liġi li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq is-suq tax-xogħol u ordnat lil HK/Danmark u lil HK/Privat sabiex iħallsu lil A s-somma ta’ 25000 krona Daniża (DKK) (madwar EUR 3460) ( 3 ) bħala kumpens, miżjuda bl-interessi.

11.

Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx eżegwita, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 4 ) adixxiet lill-Københavns Byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) b’rikors intiż kontra HK/Danmark u HK/Privat. Peress li qajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju, dan ir-rikors ġie rrinvijat quddiem l-Østre Landsret (il‑Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka).

12.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha tiddependi mill-punt dwar jekk, bħala Presidenta eletta ta’ HK/Privat u membru tal-persunal politiku tiegħu, A taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78, peress li, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 9 tal-istatuti ta’ din il-federazzjoni huwa s-sors ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, skont din id-direttiva, fil-konfront tagħha.

13.

F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li l-funzjonijiet eżerċitati minn A bħala Presidenta ta’ HK/Privat kienu jikkonsistu f’li tiżgura t-tmexxija ġenerali ta’ din il-federazzjoni, li tiddetermina l-azzjoni politika tagħha fil-fergħat professjonali tagħha, li tikkonkludi u ġġedded il-ftehimiet kollettivi kif ukoll tiżgura l-osservanza ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hija kellha timplimenta d-deċiżjonijiet tal-kungress u tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija federazzjoni kif ukoll dawk tal-bord ta’ tmexxija konfederali ta’ HK/Danmark, li fihom hija kienet involuta wkoll.

14.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ A, l-imsemmija qorti tindika li, skont il-“ftehim tal-persuna eletta” tas‑27 ta’ Ottubru 2009, iffirmata minn A, din kienet impjegata full-time ma’ HK/Privat u ma kienet twettaq ebda attività oħra. Hija kienet tirċievi salarju fix-xahar ta’ DKK 69 548.93 (madwar EUR 9350) ( 5 ), li jikkorrispondi għal skala ta’ salarju partikolari tal-Istat. Hija ma kinitx taqa’ taħt il-lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer (il‑Liġi dwar ir-Relazzjonijiet Ġuridiċi bejn il-Persuni li Jimpjegaw u l-Impjegati) ( 6 ), peress li dawn kienu funzjonijiet politiċi. Hija lanqas ma kienet suġġetta għal ftehim kollettiv, imma għall-istatuti ta’ HK. Min-naħa l-oħra, il-lov om ferie (il-Liġi dwar il-Leave Mħallas) ( 7 ) kienet applikabbli għal A u hija kienet obbligata b’obbligu ta’ kunfidenzjalità.

15.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, bħala Presidenta eletta ta’ federazzjoni, A ma kellhiex l-istatus ta’ impjegat, imma kienet tokkupa pożizzjoni ta’ fiduċja peress li kienet responsabbli quddiem il-kungress ta’ HK/Privat, li kien eleġġieha. Madankollu, il-funzjonijiet tagħha ta’ president kienu jinkludu elementi karatteristiċi ta’ xogħol inġenerali.

16.

Dik il-qorti tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx b’mod preċiż il-kunċetti ta’ “impjieg”, ta’ “xogħol ta’ min jaħdem għal rasu” u ta’ “xogħol ieħor” imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, u li hija ma ppronunzjatx ruħha fuq il-punt dwar jekk persuni eletti f’organizzazzjoni tal-ħaddiema, membri tal-persunal politiku tagħha, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal‑Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva [2000/78/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna eletta għall-presidenza ta’ federazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema u membru tal-persunal politiku tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva fiċ-ċirkustanzi deskritti [fit-talba għal deċiżjoni preliminari]?”

18.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, HK/Danmark u HK/Privat, il‑Fagbevægelsens Hovedorganisation (il-Konfederazzjoni tas-Sindakati, id‑Danimarka, iktar ’il quddiem il-“FH”), il-Gvern Elleniku kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il‑partijiet għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fl‑20 ta’ Ottubru 2021.

IV. Analiżi

19.

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fuq il‑punt dwar jekk il-kundizzjoni tal-età imposta għall-eliġibbiltà għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażat fuq l-età u fuq l-eventwali ġustifikazzjoni tiegħu. Għaldaqstant mhux ser neżamina dawn l-aspetti f’dawn il-konklużjonijiet.

20.

L-imsemmija qorti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 fir-rigward ta’ dispożizzjoni fl-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema li tissuġġetta l-eliġibbiltà għall-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni għall-kundizzjoni li l-persuna kandidata għal din il-pożizzjoni ma tkunx laħqet l-età ta’ 60 sena jew 61 sena.

21.

Għandu jiġi kkunsidrat li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor” li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt dan il-kunċett limitu fuq l-età previst fl-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema sabiex persuna tkun eliġibbli għall-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni.

22.

L-istess bħall-Gvern Elleniku, jidhirli li, sabiex tingħata risposta utli u sħiħa lill-qorti tar-rinviju, id-domanda magħmula minn din tal-aħħar għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda wkoll l-Artikolu 3(1)(d) ta’ din id-direttiva.

23.

Konsegwentement, ser neżamina, imbagħad, id-domanda magħmula minn dik il-qorti mill-perspettiva tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, u mbagħad minn dik tal-Artikolu 3(1)(d) ta’ din id-direttiva. Ser nagħlaq billi nagħmel xi kummenti dwar il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni proposta mal-libertà ta’ assoċjazzjoni.

A.   Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, kif ikkontemplat fl-Artikolu 3(1)(a) tagħha

24.

Skont il-formulazzjoni stess tat-titolu tad-Direttiva 2000/78, din tikkonċerna l-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Meta jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li issa huwa sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 8 ), l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu b’osservanza ta’ din id-direttiva ( 9 ).

25.

Mill-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din tapplika “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni”.

26.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, id-Direttiva 2000/78 ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor”. Madankollu, mir-rekwiżiti, kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma fiha l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandhom jingħataw normalment, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 10 ).

27.

Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2000/78 ma tiddefinixxix it-termini “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor”, dawn għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha ( 11 ).

28.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-frażi “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor” tirrigwarda, fil-lingwa ta’ kuljum, ċirkustanzi jew fatti li l-eżistenza tagħhom għandha assolutament tiġi stabbilita sabiex persuna tkun tista’ tikseb impjieg jew xogħol partikolari ( 12 ).

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li mill-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din id-direttiva hija applikabbli “għal persuna li tkun qiegħda tfittex xogħol, inkluż fir-rigward tal-kriterji ta’ selezzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ għal dan ix-xogħol” ( 13 ). Madankollu, sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni offruta minn din id-direttiva, jeħtieġ li hija tkun verament qiegħda tfittex li tikseb l-impjieg li fir-rigward tiegħu hija tkun formalment applikat ( 14 ).

30.

Jaqgħu, pereżempju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, skont l-Artikolu 3(1)(a) tagħha, leġiżlazzjoni li tillimita r-reklutaġġ ta’ pumpieri għal persuni ta’ inqas minn 30 sena ( 15 ), kif ukoll leġiżlazzjoni li tistabbilixxi età massima għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni għall-mard ( 16 ).

31.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li, inkwantu l-limitu tal-età previst fl-istatuti ta’ HK/Privat għandu neċessarjament ikun osservat sabiex persuna tkun tista’ tikseb il-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni tal-ħaddiema, tali regola tagħmel parti mill-“kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.

32.

Insostenn ta’ din l-opinjoni, nirrileva li l-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni tixhed ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonċepixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva bħala li huwa partikolarment wiesa’. Fil-fatt, meta jqiegħed ħdejn xulxin il-kliem “impjieg”, “xogħol ta’ min jaħdem għal rasu” u “xogħol ieħor” ( 17 ), dan il-leġiżlatur xtaq, fil-fehma tiegħi, ikopri r-regoli kollha li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal kull attività professjonali, indipendentement min-natura u l-karatteristiċi ta’ dik l-attività. L-imsemmija direttiva tapplika għaldaqstant għar-relazzjonijiet ta’ impjieg fis-settur pubbliku u dak privat ( 18 ), indipendentement min-natura u l-modalitajiet ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Ninnota, f’dan ir-rigward, li skont l-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 3 fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li toħloq qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ( 19 ), “[l]-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għall-attivitajiet bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha (punt a) timplika t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni li tirriżulta minn kull dispożizzjoni li tipprekludi l-aċċess ta’ persuni għal kull forma ta’ impjieg u ta’ professjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 20 ).

33.

Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li xi ħadd jiġi elett għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema bħalma hija HK/Privat jwassal għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li, jekk wieħed jirreferi għat-tifsira tal-kunċett ta’ “impjieg” fil-lingwa ta’ kuljum, A xtaqet taċċedi għal impjieg, meta ppreżentat ruħha għall-elezzjonijiet, fi ħdan l-organizzazzjoni tal-ħaddiema, li huwa kkaratterizzat, f’dan il-każ, bl-eżerċizzju full-time ta’ funzjonijiet ta’ tmexxija ta’ HK/Privat, li jagħti lok għal ħlas ta’ remunerazzjoni kull xahar ( 21 ).

34.

Huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-użu konġunt fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 tal-kunċetti ta’ “impjieg”, ta’ “xogħol ta’ min jaħdem għal rasu” u ta’ “xogħol ieħor” juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma kellu l-intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-impjiegi li jagħtu lit-titulari tagħhom il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tad-diversi regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jipproteġu lill-ħaddiema bħala l-parti dgħajfa f’relazzjoni ta’ xogħol. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “ħaddiem” jirreferi normalment għal persuna li tipprovdi, matul ċertu żmien, għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni ta’ din, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni ( 22 ).

35.

Dan ma jfissirx li d-definizzjoni ta’ “ħaddiem”, kif tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, hija irrilevanti fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fiha, fil-fatt, diversi eżempji ta’ użu ta’ din id-definizzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ( 23 ). Ir-raġuni hija li, indipendentement mill-qasam li fih jingħataw, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreċiżaw il-kunċett ta’ “ħaddiem” fir-rigward tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ( 24 ), ħaġa li tinvolvi, indirettament, l-użu tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-oqsma kollha fejn ikun involut dan il-prinċipju. Fi kliem ieħor, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, hija intiża naturalment li tinfirex għall‑kawżi kollha li jikkontestaw il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.

36.

Dan premess, filwaqt li l-ħaddiema hekk iddefiniti jaqgħu bla ebda dubju fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, dan huwa, fil-fehma tiegħi, iktar wiesa’ u jkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn kundizzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati f’din id-direttiva titqiegħed quddiem l-aċċess għall-attivitajiet professjonali ta’ kull tip, kemm jekk fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ attivitajiet professjonali ta’ persuna impjegata jew ta’ persuna li taħdem għal rasha ( 25 ). Fi ftit kliem, kull ostakolu għar-reklutaġġ huwa suxxettibbli li jittieħed mill-perspettiva tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva.

37.

Kif sewwa rrileva l-Gvern Elleniku waqt is-seduta, u kif tindika l-bażi legali tagħha ( 26 ), id-Direttiva 2000/78 ma tikkostitwixxix leġiżlazzjoni ta’ protezzjoni tal-ħaddiema bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni ta’ xogħol. Din id-direttiva għandha bħala għan it-tneħħija, għar-raġunijiet ta’ interess soċjali u pubbliku, tal-ostakoli kollha bbażati fuq raġunijiet diskriminatorji għall-aċċess għall-mezzi ta’ għajxien u għall-kapaċità li wieħed jikkontribwixxi għas-soċjetà permezz tax-xogħol, indipendentement mill-forma ġuridika li bih jingħata l-imsemmi xogħol.

38.

B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma huwiex limitat għall-attivitajiet li l-karatteristiċi tagħhom ikunu jippermettu lill-persuna li tixtieq taċċedi għalihom li tissodisfa l-kriterji kollha tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

39.

B’mod partikolari, nosserva li l-kriterju li jirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward tal-persuna li timpjega, li fuqha jidhru li huma kkonċentrati d-dubji tal-qorti tar-rinviju, ma joħroġx mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78. B’kuntrast, fil-fatt, ir-riferiment f’din id-dispożizzjoni għall-aċċess għax-“xogħol ta’ min jaħdem għal rasu” juri l-fatt li biex sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma huwiex neċessarju li tintwera rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward tal-persuna li timpjega. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din tikkonċerna l-“kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor […] fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali” ( 27 ), inkluż għaldaqstant fl-ogħla livell.

40.

Nirrileva, barra minn hekk, li l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jirrigwarda “l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ”, ħaġa li, fil-fehma tiegħi, tista’ tinkludi l-aċċess għal attività professjonali organizzata permezz ta’ elezzjoni. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-aċċess għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema isir b’vot li għalih jistgħu jipparteċipaw il-membri li huma affiljati magħha, ma huwiex tali li jeskludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra mill-fatt li din tal-aħħar ma tagħmilx distinzjoni għal dak li jikkonċerna l-mod li bih isir l-aċċess għal impjieg, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-metodu ta’ reklutaġġ għal xi pożizzjoni ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ( 28 ).

41.

Barra minn hekk, il-fatt li ġie invokat mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema tinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ natura politika, jidhirli li huwa irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 2000/78 hijiex applikabbli, u dan skont ma jipprevedi l-Artikolu 3(1)(a) tagħha. Fil-fatt, għalkemm l-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet jista’ jkun importanti fid-dritt nazzjonali ( 29 ), jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, din id-direttiva tapplika “ikun xi jkun il-qasam ta’ attività”. Barra minn hekk, jidher li, fejn l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għal xi qasam ta’ attività partikolari, dan jissemma espressament minn din tal-aħħar. Dan huwa l-każ tal-forzi armati, li, skont l-Artikolu 3(4) tal-istess direttiva, jistgħu jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq id-diżabbiltà u l-età.

42.

Konsegwentement, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mit-termini ċari tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jinkludi fih regola li tistabbilixxi limitu ta’ età, bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din ir-regola tipprovdi kundizzjoni għall-aċċess għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni ta’ ħaddiema.

43.

L-interpretazzjoni li tista’ tiġi dedotta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, ikkonfermata mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

44.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE, li sar l-Artikolu 19(1) TFUE, li jagħti lill-Unjoni l-kompetenza li tieħu l-miżuri neċessarji biex tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. Din id-direttiva hija intiża, għaldaqstant, li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament għal kull persuna “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ( 30 ), li fosthom hemm l-età.

45.

B’mod partikolari, il-premessa 9 tad-Direttiva 2000/78 tenfasizza li “[l]-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom”. F’dan is-sens ukoll, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tipprevedi li “d‑diskriminazzjoni bbażata fuq [partikolarment l-età] tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [FUE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni”.

46.

Id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza għaldaqstant, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni llum sanċit fl-Artikolu 21 tal-Karta ( 31 ).

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-għan u fid-dawl tan-natura tad-drittijiet li din id-direttiva tixtieq tipproteġi kif ukoll tal-valuri fundamentali sottostanti tagħha, il-kunċett ta’ “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, ma jistax jiġi interpretat b’mod strett ( 32 ).

48.

L-għan imfittex mid-Direttiva 2000/78 ma jistax jintlaħaq kieku l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet fil-qasma tal-impjieg u tax-xogħol tkun tiddependi mill-klassifikazzjoni formali tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom fid-dritt nazzjonali jew mill-għażla magħmula waqt ir-reklutaġġ tal-persuna bejn tip jew ieħor ta’ kuntratt ( 33 ). Bl-istess mod, dan l-għan ikun prekluż jekk tali protezzjoni tkun tiddependi min-natura u l-funzjonijiet eżerċitati fil-kuntest ta’ impjieg partikolari.

49.

Dawn l-elementi kollha jimmilitaw, fil-fehma tiegħi, favur l-approċċ li skontu l-limitu ta’ età previst fl-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward tal-eliġibbiltà għall-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, skont kif jipprevedi l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva.

B.   Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, kif previst fl‑Artikolu 3(1)(d) tagħha

50.

Nikkunsidra li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ wkoll taħt l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2000/78.

51.

Infakkar li din id-dispożizzjoni tirrigwarda “is-sħubija ma’, u l-involviment, f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema jew ta’ min iħaddem jew f’kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jeżerċitaw professjoni partikulari, inklużi l-benefiċċji li huma pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet” ( 34 ).

52.

Fil-fehma tiegħi, meta persuna bħalma hija A tkun tixtieq tippreżenta ruħha għal elezzjoni bil-għan li ssir president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema, dan huwa tip ta’ “involviment” ( 35 ) jew, fi kliem ieħor, involviment min-naħa tagħha f’tali organizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2000/78.

53.

Dan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa meħud mir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ( 36 ).

54.

Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, “[ħ]addiem ċittadin ta’ Stat Membru u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jgawdi ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ sħubija [m]a’ għaqdiet ta’ ħaddiema u t-tħaddim ta’ drittijiet marbutin magħhom, inkluż id-dritt għall-vot; […] Barra minn dan huwa għandu jkollu d-dritt ta’ eliġibilità għal korpi rapprezentattivi tal-ħaddiema fl-intrapriża” ( 37 ).

55.

Fil-kuntest tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ sħubija u ta’ involviment jinkludi d-dritt li teleġġi u li tiġi eletta ( 38 ).

56.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 39 ), jirrigwarda llum espressament “li jkun eliġibbli għall-postijiet ta’ amministrazzjoni jew treġija ta’ trejdunjin”.

57.

Dawn l-elementi jinkoraġġuni nikkunsidra li l-kunċett ta’ “involviment” għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda b’mod partikolari l-aċċess għall-pożizzjonijiet ta’ amministrazzjoni jew tmexxija ta’ organizzazzjoni sindakali. Ma narax ir-raġunijiet li għalihom il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għandu japplika għal tali aċċess fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema imma mhux fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età.

58.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2000/78 jirrigwarda l-każ fejn il-persuna li timpjega tistabbilixxi l-limiti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema. Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni tadotta interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha bl-ebda mod ma teżiġi. Jidhirli, fil-fatt, li t-test tal-imsemmija dispożizzjoni ma teskludix li miżura li toħloq tali limiti tkun tista’ toriġina mingħand din l-organizzazzjoni stess, b’mod partikolari mill-istatuti tagħha.

C.   Rimarki finali fuq il-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni proposta mal‑libertà ta’ assoċjazzjoni

59.

Insostenn tal-pożizzjoni tagħha li teskludi l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 għal meta xi ħadd jiġi elett għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema, il-FH indikat waqt is-seduta li din id-direttiva għandha tiġi interpretata skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Nru 87 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), tad-9 ta’ Lulju 1948, dwar il-Libertà Sindakali u l-Protezzjoni tad-Dritt Sindakali, li minnu jirriżulta li l-organizzazzjonijiet sindakali huma liberi li jagħżlu lir-rappreżentanti tagħhom ( 40 ). Meta tressaq dan l-argument, FH taħbi madankollu l-fatt li din id-direttiva tikkostitwixxi l-espressjoni, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li huwa protett b’konvenzjoni oħra tal-OIX, jiġifieri l-Konvenzjoni Nru 111, tal-20 ta’ Ġunju 1958, dwar id-Diskriminazzjoni (Impjieg u Professjoni), li tissemma fil-premessa 4 tal-imsemmija direttiva. L-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ konvenzjonijiet tiżvela l-fatt li l-libertà tal-organizzazzjonijiet sindakali li jeleġġu lir-rappreżentanti tagħhom għandha tkun irrikonċiljata mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.

60.

Issa, l-argument invokat minn FH iwassal, fir-realtà, sabiex isostni li din il-libertà għandha tipprevalixxi fuq il-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Fi kliem ieħor, l-approċċ li jikkonsisti f’li l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ikun inkompatibbli mal-libertà tal-organizzazzjonijiet sindakali li jeleġġu lir-rappreżentanti tagħhom, li tikkostitwixxi komponent tal-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-qasam sindakali, sanċita fl-Artikolu 12(1) tal-Karta ( 41 ).

61.

Tali argument ma jistax, fil-fehma tiegħi, jirnexxi. Fil-fatt, il-libertà tal-organizzazzjonijiet sindakali li jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom ma tistax tagħti lil dawn tal-aħħar libertà assoluta sabiex jadottaw fl-istatuti miżuri li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.

62.

Fuq dan l-aspett, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika, b’analoġija, ir-raġunament li hija adottat fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI ( 42 ).

63.

B’hekk, l-interpretazzjoni li tgħid li l-fatt li xi ħadd jiġi elett għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma tistax tiġi annullata bl-eventwali limitazzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, imsemmija minn FH waqt is-seduta, li tali interpretazzjoni tista’ tinvolvi.

64.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-libertà ta’ assoċjazzjoni ma huwiex dritt assolut u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jinvolvi limitazzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ikunu previsti fil-liġi u li dawn josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri jekk huma jkunu neċessarji u jfittxu effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

65.

Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni li jistgħu joħorġu mid-Direttiva 2000/78 huma fil-fatt previsti mil-liġi, peress li jirriżultaw direttament minn din id-direttiva.

66.

Dawn il-limitazzjonijiet josservaw ukoll il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, peress li japplikaw biss għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li jiggarantixxu l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol u t-twettiq ta’ livell għoli ta’ impjieg u ta’ protezzjoni soċjali. B’hekk huma ġġustifikati minn dawn l-għanijiet.

67.

Tali limitazzjonijiet josservaw ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu r-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti huma elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kemm ratione materiae kif ukoll ratione personae huwa ddefinit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, u l-indħil fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni ma jmurx lil’hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, billi jipprojbixxi biss id-dispożizzjonijiet fl-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema li jikkostitwixxu diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg jew tax-xogħol.

68.

Barra minn hekk, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ assoċjazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/78 huma neċessarji sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol li għandhom il-persuni li jappartjenu lill-gruppi kkaratterizzati minn waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

69.

B’mod partikolari, jekk, b’kuntrast mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u (d) tad-Direttiva 2000/78 li nipproponi, dispożizzjonijiet li jipprekludi ċerti kategoriji ta’ persuni milli jippreżentaw ruħhom għall-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ president ta’ organizzazzjoni tal-ħaddiema ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva minħabba li, b’mod partikolari, din il-pożizzjoni tinvolvi funzjonijiet ta’ natura politika, ikun hemm il-possibbiltà ta’ limitazzjonijiet għall-aċċess għal tali pożizzjoni ta’ president għal kwalunkwe wieħed mir-raġunijiet protetti mill-imsemmija direttiva. Dan ikun jeskludi firxa sħiħa ta’ professjonijiet eżerċitati fil-kuntest ta’ organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema mill-protezzjoni mogħtija mill-istess direttiva fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.

70.

Inżid li, jekk wieħed isegwi tali kunċett, dan ikun ifisser li jkun possibbli li wieħed jinvoka kontra persuna fir-regolamenti ta’ organizzazzjoni sindakali, b’mod partikolari, ir-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha biex jipprekludiha milli tkun eliġibbli għall-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni. Għaldaqstant, nistgħu naraw sa liema estremità jista’ jwassal dan il-kunċett restrittiv tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

71.

Sabiex nagħlaq, jidhirli li huwa minn tal‑inqas paradossali li tkun organizzazzjoni li għandha l-missjoni li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema li tiddefendi kunċett restrittiv tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola intiża li tiġġieled id-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol.

72.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, nikkunsidra li dispożizzjoni fl-istatuti ta’ organizzazzjoni ta’ ħaddiema li tillimita l-eliġibbiltà għall-pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni għall-persuni li ma laħqux ċerta età ma tistax tevita r-regoli għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol stabbilit mid-Direttiva 2000/78. Tali dispożizzjoni taqa’ għaldaqstant fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, kif iddefinita fl-Artikolu 3(1)(a) u (d) ta’ din id-direttiva.

V. Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar‑Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 3(1)(a) u (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li limitu fuq l-età prevista fl-istatuti ta’ organizzazzjoni ta’ ħaddiema sabiex persuna tkun eliġibbli għall‑pożizzjoni ta’ president ta’ din l-organizzazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 3 ) Bir-rata tal-kambju tat‑22 ta’ Ġunju 2016.

( 4 ) Jiġifieri l-Kummissjoni għall-Ugwaljanza fit-Trattament, fil-kapaċità tagħha ta’ rappreżentanta ta’ A fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

( 5 ) Bir-rata tal-kambju tas‑27 ta’ Ottubru 2009.

( 6 ) Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet ta’ Kodifikazzjoni Nru 81, tat‑3 ta’ Frar 2009, kif emendat.

( 7 ) Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet ta’ Kodifikazzjoni Nru 1177, tad‑9 ta’ Ottubru 2015, kif emendat.

( 8 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 33).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 2935). Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha persuna, billi tippreżenta l-kandidatura tagħha għal impjieg, tfittex li tikseb mhux dan l-impjieg, iżda biss l-istatus formali ta’ applikant, bl-għan waħdieni li titlob kumpens, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “aċċess għall-impjieg jew xogħol” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u tista’, jekk ir-rekwiżiti taħt id-dritt tal-Unjoni jkunu ssodisfatti, tiġi kklassifikata bħala abbuż ta’ dritt (punt 44 u d-dispożittiv ta’ din is-sentenza).

( 15 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3).

( 16 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna wkoll il-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 (punt 33).

( 17 ) It-termini “impjieg”, “xogħol ta’ min jaħdem għal rasu” u “xogħol ieħor” użati, pereżempju, fil-lingwa Spanjola huma “empleo”, “actividad por cuenta propia”, kif ukoll “ejercicio profesional” u, fil-lingwa Ingliża, “employment”, “self-employment”, kif ukoll “occupation”.

( 18 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 42).

( 19 ) COM(1999) 565 final.

( 20 ) Enfasi miżjuda minni.

( 21 ) Ara l-punti 13 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punti 22 sa 27), kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C‑143/16, EU:C:2017:566, punti 19 sa 23). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża HR Rail (C‑485/20, EU:C:2021:916, punt 48), li jirrileva, filwaqt li jibbaża ruħu fuq din l-aħħar sentenza li l-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, huwa l-istess fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1995, Megner u Scheffel (C‑444/93, EU:C:1995:442, punt 20).

( 25 ) Huwa interessanti, f’dan ir-rigward, li jseħħ paralleliżmu mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid “d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom l-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju tal-Unjoni”: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, MH u ILA (Drittijiet għall-pensjoni f’każ ta’ falliment) (C‑168/20, EU:C:2021:907, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 26 ) Jiġifieri l-Artikolu 13 KE, li sar l-Artikolu 19(1) TFUE.

( 27 ) Enfasi miżjuda minni.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 45).

( 29 ) Jidher li fid-dritt Daniż teżisti distinzjoni bejn il-persunal li jeżerċita funzjonijiet politiċi u l-membri l-oħra tal-persunal ta’ organizzazzjoni sindakali, fejn l-ewwel kategorija ma hijiex suġġetta għal-liġi dwar l-impjegati.

( 30 ) Ara, fir-rigward tad-diżabbiltà, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla (C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kunċett ta’ ‘il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] u għal xogħol ieħor’ li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna matul xandira awdjoviżiva, li hija qatt ma ser tirrekluta jew tħaddem persuni ta’ ċerta orjentazzjoni sesswali fl-impriża tagħha, u dan meta ma kien hemm ebda proċedura ta’ reklutaġġ għaddejja jew ipprogrammata, jaqgħu taħt dan il-kunċett, bil-kundizzjoni li r-rabta bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg jew għax-xogħol fi ħdan din l-impriża ma tkunx ipotetika”.

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 69), li turi l-fatt li l-protezzjoni mogħtija mid-direttivi tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol hija mmirata għall-individwi lil hinn mis-sempliċi kwalità tagħhom ta’ “ħaddiem” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-punti 64 et seq. ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ persuna membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ revoka meta hija kienet tqila jkollha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess fil-każ fejn tali persuna ma tistax, fid-dawl tan-natura tal-attività eżerċitata u fil-kuntest li din titwettaq, tipprevalixxi ruħha mill-kwalità ta’ “ħaddiema tqila” fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

( 34 ) Enfasi miżjuda minni.

( 35 ) “Participación”, “Mitwirkung” u “involvement” fil-lingwa Spanjola, Ġermaniża u Ingliża rispettivament.

( 36 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15. Ara, f’dan is-sens, Martin, D., “Article 3 – Champ d’application”, Directive 2000/78 portant création d’un cadre général en faveur de l’égalité de traitement en matière d’emploi et de travail: Commentaire article par article, Bruylant, Brussell, 2020, p. 85 sa 106, b’mod partikolari p. 98.

( 37 ) Enfasi miżjuda minni.

( 38 ) Ara, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi lill-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, impjegati f’dan l-Istat Membru, mid-dritt li jeleġġu jew li jiġu eletti waqt l-elezzjonijiet organizzati fi ħdan organizzazzjonijiet professjonali, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1994, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑118/92, EU:C:1994:198). Ara wkoll, dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta lill-ħaddiema barranin id-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet tal-membri ta’ organizzazzjoni professjonali li magħha huma affiljati b’mod obbligatorju, u li għaliha jridu jħallsu miżata, li hija responsabbli sabiex tiddefendi l-interessi tal-ħaddiema affiljati u li teżerċita funzjoni konsultattiva fil-qasam leġiżlattiv, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1991, ASTI (C‑213/90, EU:C:1991:291). Fuq il-bażi ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta hija kienet mitluba tinterpreta l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, interpretat id-dritt li persuna tkun eliġibbli għall-assemblea plenarja ta’ organu ta’ rappreżentanza u li jiddefendi l-interessi tal-ħaddiema bħala li jikkonċerna l-“kundizzjonijiet tax-xogħol” tal-ħaddiema Torok: Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam (C‑171/01, EU:C:2003:260), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wählergruppe Gemeinsam (C‑171/01, EU:C:2002:758, punti 42 sa 46). Ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑465/01, EU:C:2004:530). Inkwantu d-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi, fl-Artikolu 3(1)(d), dispożizzjoni speċifika għall-involviment f’organizzazzjoni tal-ħaddiema, ma jidhirlix li huwa utli li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali anki mill-perspettiva tal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li l-imsemmija direttiva hija applikabbli għall-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol”.

( 39 ) ĠU 2011, L 141, p. 1.

( 40 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[l]-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jimpjegaw għandhom id-dritt li jelaboraw l-istatuti u r-regoli amministrattivi tagħhom, li jeleġġu liberament lir-rappreżentanti tagħhom, li jorganizzaw it-tmexxija u l-attività tagħhom u li jifformulaw il-programm ta’ azzjoni tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 41 ) Id-dritt għan-negozjati u għall-azzjonijiet kollettivi huwa, min-naħa tiegħu, sanċit fl-Artikolu 28 tal-Karta.

( 42 ) C‑507/18, EU:C:2020:289.

Top