EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0585

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-28 ta’ April 2022.
BFF Finance Iberia S.A.U vs Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo Valladolid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Irkupru minn awtorità pubblika ta’ dejn ittrasferit minn impriżi lil kumpannija ta’ rkupru – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur f’każ ta’ dewmien fil-ħlas mid-debitur – Artikolu 6 – Ammont fiss minimu ta’ EUR 40 – Tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi – Artikolu 4 – Proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi – Żmien għall-ħlas – Il-punt 8 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ammont dovut’ – Teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-finijiet tal-kalkolu tal-interessi moratorji.
Kawża C-585/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:329

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit-28 ta’ April 2022 ( 1 )

Kawża C‑585/20

BFF Finance Iberia SAU.

vs

Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no. 2 deValladolid (il-Qorti Amministrattiva fil-livell provinċjali ta’ Valladolid, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Irkupru, minn awtorità pubblika, ta’ krediti akkwistati mingħand diversi impriżi minn kumpannija ta’ rkupru – Artikolu 6 – Somma stabbilita ta’ EUR 40 dovuta bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru – Artikolu 4 – Terminu għal ħlas meta proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi hija prevista mil-liġi jew fil-kuntratt – Punt 8 tal‑Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ammont dovut’ – Inklużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fil-bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali ( 2 ). Din id‑direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal tranżazzjonijiet kummerċjali u hija intiża sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, billi titjieb il‑kompetittività tal-impriżi u, b’mod partikulari, ta’ impriżi żgħar u medji (SMEs) ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-qafas ta’ kawża bejn BFF Finance Iberia SAU (iktar ’il quddiem il-“BFF”) u Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León (l-amministrazzjoni reġjonali tas-saħħa ta’ Castilla u Léon, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni reġjonali”) dwar l-irkupru minn BFF, mingħand din l-amministrazzjoni, ta’ djun li jikkorrispondu mal-ammonti dovuti bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ prodotti u ta’ forniment ta’ servizzi mogħtija minn 21 kumpannija lil xi ċentri mediċi marbuta mal-imsemmija amministrazzjoni.

3.

Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar id-dispożizzjonijiet segwenti:

l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 u, b’mod partikolari, dwar in-natura kumulattiva tas-somma stabbilita ta’ EUR 40 bħala kumpens għall‑ispejjeż ta’ rkupru meta d-djun, li l-irkupru tagħhom jintalab b’mod kumulattiv lil awtorità pubblika waħda, jirriżultaw minn diversi fatturi mhux imħallsa fil-ħin minnha, lil impriżi differenti li, fil‑frattemp, ittrasferew dawn id-djun lill-entità li qed titlobhom ( 4 );

l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari, dwar il‑kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-terminu għal ħlas tal‑interessi statutorji għal ħlas tard fi tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi ( 5 ), u

il-punt 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, dwar il-kunċett ta’ “ammont dovut”, u b’mod partikolari l-inklużjoni, jew le, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-fatturi mhux imħallsa fil-ħin fil-bażi ta’ kalkolu tal-interessi statutorji għal ħlas tard ( 6 ).

Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.

BFF, kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-irkupru tad-djun, akkwistat mingħand 21 kumpannija djun relatati ma’ fatturi mhux imħallsa li jirriżultaw mill-provvista ta’ prodotti u mill-forniment ta’ servizzi minn dawn il-kumpanniji, bejn is‑snin 2014 u 2017, lil xi ċentri mediċi marbuta mal-amministrazzjoni reġjonali.

5.

Fil‑31 ta’ Mejju 2019, BFF talbet mingħand din l‑amministrazzjoni l-ħlas ta’ somom korrispondenti għal ammont prinċipali, miżjud bl-interessi moratorji, u kumpens ta’ EUR 40 għall‑ispejjeż ta’ rkupru sostnuti għal kull waħda mill-fatturi mhux imħallsa skont l-Artikolu 8 tal-Ley 3/2004, por la que se establecen medidas de lucha contra la morosidad en las operaciones comerciales (il-Liġi Nru 3/2004 li tistabbilixxi miżuri għall-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali) tad‑29 ta’ Diċembru 2004 ( 7 ).

6.

Peress li l-imsemmija amministrazzjoni ma laqgħetx din it-talba, BFF talbet rimedju ġudizzjarju quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no. 2 de Valladolid (il-Qorti Amministrattiva fil-livell provinċjali Nru. 2 ta’ Valladolid, Spanja), il-qorti tar-rinvju, sabiex l-amministrazzjoni reġjonali tiġi kkundannata tħallasha s-somom korrispondenti għal ammont prinċipali ta’ EUR 51 610.67, miżjud bl-interessi moratorji; ammont ta’ EUR 40, bħala spejjeż ta’ rkupru, għal kull fattura mhux imħallsa; ammont ta’ EUR 43 626.76 bħala interessi statutorji; ammont bħala interessi statutorji li jirriżultaw mill-interessi moratorji, u l-ispejjeż.

7.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7 li jirrigwardaw il-kalkolu ta’ wħud minn dawn l-ammonti u dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal‑leġiżlazzjoni Spanjola li ttrasponiethom.

8.

Qabel xejn, hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2011/7 dwar is-somma stabbilita ta’ EUR 40 dovuta bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru meta titressaq talba konġunta ta’ djun li tinkludi diversi fatturi mhux imħallsa fil-ħin. Hija tispjega li l‑ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din is-somma stabbilita għandhiex tkun ikkalkolata għal kull fattura jew għal kull talba.

9.

Sussegwentement, din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità mad‑Direttiva 2011/7 ta’ regola tad-dritt nazzjonali li tipprevedi terminu għal ħlas ta’ 60 jum fil-każijiet kollha applikabbli u għal kull tip ta’ kuntratt, magħmul minn perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-approvazzjoni u ta’ 30 jum addizzjonali għal ħlas, mingħajr ma dan it-terminu ta’ 60 jum ma jkun espressament stipulat fil-kuntratt jew iġġustifikat minħabba n‑natura partikolari jew minn ċerti elementi tal-kuntratt.

10.

Finalment, din il-qorti tqis li għandu jkun magħruf, fid-dawl ta’ interpretazzjonijiet diverġenti mogħtija mill-qrati nazzjonali, jekk l‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 jippermettix li fil-bażi ta’ kalkolu tal‑interessi moratorji jiġi nkluż l-ammont tal-VAT dovut minħabba is‑servizz fornut, li jinsab fil-fattura, jew jirrikjedix li ssir distinzjoni f’dan ir-rigward skont id-data li fiha l-kontraenti tal‑amministrazzjoni tħallas dan l-ammont lit-Teżor Pubbliku.

11.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No. 2 de Valladolid (il-Qorti Amministrattiva fil-livell provinċjali Nru. 2 ta’ Valladolid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li jipprovdu l-Artikoli 4(1), 6 u 7(2) u (3) tad-[Direttiva 2011/7]:

1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li fi kwalunkwe każ l-ammont ta’ EUR 40 japplika għal kull fattura[,] dejjem u meta l-kreditur ikun individwalizza l-fatturi fit-talbiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u l-qrati amministrattivi[,] jew l-ammont ta’ EUR 40 japplika għal kull fattura fi kwalunkew każ, anki jekk ikunu tressqu talbiet magħquda u ġeneriċi?

2)

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 198(4) tal-Liġi [9/2017] ( 8 ) [li jistabbilixxi] perijodu ta’ ħlas ta’ 60 jum f’kull każ u għall-kuntratti kollha, b’perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-approvazzjoni u ta’ 30 jum addizzjonali għall-ħlas[,] [fid-dawl tal-]premessa 23 tad‑Direttiva 2011/7 […]?

3)

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7? L‑interpretazzjoni [ta’ din id-Direttiva], tippermetti li jitqies li[,] fil-bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji li l-istess direttiva tirrikonoxxi, tkun inkluża l-VAT dovuta fuq is-servizz ipprovdut u li l-ammont tagħha jkun inkluż fil-fattura stess? Jew huwa neċessarju li jiġi identifikat u ddeterminat f’liema mument il-fornitur iwettaq il-ħlas tat-taxxa lill-amministrazzjoni tat-taxxa?”

12.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill‑amministrazzjoni reġjonali, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea, li rrispondew ukoll il-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill‑Qorti tal-Ġustizzja.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

13.

Il-kawża li minnha oriġinat it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-irkupru ġudizzjarju ta’ djun li BFF, kumpannija ta’ rkupru ta’ djun, akkwistat mingħand 21 kumpannija, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ ħlas fil-ħin, mill-amministrazzjoni inkwistjoni, tar-remunerazzjoni relatata mal-prodotti u mas-servizzi fornuti minn dawn il-kumpanniji lil ċentri mediċi marbuta ma’ din l-amministrazzjoni.

14.

Preliminarjament, tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-kawża tinvolvix “tranżazzjonijiet kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, iddefiniti bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall‑forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar‑remunerazzjoni”, u, għalhekk, jekk din is-sitwazzjoni taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. Skont l‑Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, din tkopri l-“ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”.

15.

Jista’ jkun hemm dubji f’dan ir-rigward minħabba li d-djun inkwistjoni jirriżultaw minn relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti mhux bejn l-amministrazzjoni reġjonali u BFF, iżda bejn din l‑amministrazzjoni u l-kumpanniji li mingħandhom BFF kienet xtrat dawn id-djun.

16.

F’dan ir-rigward, nirrileva li d-djun inkwistjoni jirrigwardaw remunerazzjonijiet mhux imħallsa minn awtorità pubblika bħala korrispettiv tal-provvista ta’ prodotti u tal-forniment ta’ servizzi minn impriżi (jiġifieri l-21 kumpannija li ttrasferixxew id-djun). Dawn id-djun għalhekk twieldu minn “tranżazzjonijiet kummerċjali”, fis-sens tal‑punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, u BFF akkwistathom mad‑drittijiet kollha li jirriżultaw minnhom. Għalhekk, is-sitwazzjoni fil‑kawża prinċipali taqa’ fl-estensjoni tat-tranżazzjonijiet kummerċjali inizjali. Skont din il-loġika, it-trasferiment tad-djun mill-kredituri inizjali lill-kumpannija ta’ rkupru ma għandux effett fuq l-applikabbiltà ratione materiae ta’ din id-direttiva għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

17.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenzi IOS Finance ( 9 ) u RL ( 10 ) li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad‑Direttiva 2011/7 b’mod wiesa’, biex tkun tista’ tiġi applikata għall‑ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

18.

Għalhekk, inqis li r-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni inkwistjoni u BFF taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad‑Direttiva 2011/7.

Fuq l-ewwel domanda preliminari

19.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-somma stabbilita minima ta’ EUR 40 intiża sabiex tagħti kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru hija dovuta għal kull fattura mhux imħallsa debitament identifikata fit-talba jew għal kull talba amministrattiva jew ġudizzjarja, irrispettivament min-numru ta’ fatturi li l-ħlas tagħhom huwa mitlub ( 11 ).

20.

L-amministrazzjoni reġjonali ssostni li l-Artikolu 6 ta’ din id‑direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-somma stabbilita ta’ EUR 40 hija dovuta għal kull talba, irrispettivament min-numru ta’ fatturi li għalihom jintalab il-ħlas. Bl-istess mod, il-Gvern Spanjol isostni li din is-somma stabbilita hija marbuta mhux mal-fatturi iżda mal-ispejjeż assoċjati mal-irkupru tas-somom dovuti. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li l-imsemmija somma stabbilita hija dovuta għal kull fattura (jew tranżazzjoni kummerċjali) mhux imħallsa fit-terminu mogħti.

21.

Preliminarjament, infakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 huwa intiż sabiex jiżgura kumpens minimu għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti mill-kreditur meta interessi moratorji huma dovuti skont din id‑direttiva, kemm bis-saħħa tal-Artikolu 3 (tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi) jew tal-Artikolu 4 (tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-Artikolu 6 ġie traspost fid-dritt Spanjol permezz tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 3/2004, li rriproduċa l-ammont ta’ EUR 40 previst fl-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva ( 12 ).

22.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha ( 13 ).

23.

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-kliem tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu isemmi d-dritt tal-kreditur li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ somma stabbilita ta’ EUR 40. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jimponi lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, minn naħa waħda, li din is-somma stabbilita tkun dovuta awtomatikament, mingħajr il‑ħtieġa ta’ tfakkira ( 14 ), u, min-naħa l-oħra, li tikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa sostna. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu jistipula, b’mod partikolari, li l-kreditur għandu d-dritt li, minbarra s-somma stabbilita ta’ EUR 40, jitlob mingħand id-debitur, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż ta’ rkupru kollha li jaqbżu dik is‑somma stabbilita u sostnuti minħabba ħlas tard tad-debitur, bħal spejjeż sostnuti biex jitqabbad avukat jew kumpannija ta’ rkupru ta’ djun ( 15 ).

24.

F’dan ir-rigward, minn qari tal-premessi 19 u 20 tad‑Direttiva 2011/7 meħuda flimkien, li essenzjalment għandhom l-għan li jimmotivaw il-kontenut tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li s‑somma stabbilita msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva tirrappreżenta biss parti tal-“kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard”. Fil‑fatt, kif tindika wkoll it-tieni sentenza tal-premessa 19 tal-istess direttiva, is-somma stabbilita minima ffissata mil-leġiżlatur tal-Unjoni tikkorrispondi mal-“irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard”.

25.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-fatt li din il‑premessa 19 tistipula li d-Direttiva 2011/7 għandha tiffissa somma stabbilita minima għall-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u l-kumpens għal spejjeż interni sostnuti minħabba ħlas tard lanqas ma jeskludi li jista’ jingħata kumpens raġonevoli ta’ dawn l-ispejjeż lill-kreditur sa fejn din is-somma stabbilita minima ma hijiex suffiċjenti. Fil-fatt, skont il-premessa 20 ta’ din id-direttiva, minbarra dan id-dritt għall-ħlas tas‑somma stabbilita, il-kreditur għandu jkollu wkoll dritt għar-rimbors tal-“ispejjeż l-oħra ta’ rkupru” sostnuti minħabba l-ħlas tard. Huwa proprju għal dawn l-“ispejjeż l-oħra ta’ rkupru” addizzjonali li jirreferi l‑Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, permezz tal-espressjoni “li jaqbżu dik is-somma”, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza li b’hekk jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens raġonevoli l-ispejjeż ta’ rkupru, ikunu xi jkunu, li jeċċedu s‑somma ta’ EUR 40 ( 16 ), peress li dawn l-ispejjeż ma humiex ta’ natura differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ( 17 ).

26.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sa fejn is-somma stabbilita ta’ EUR 40 hija dovuta “mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira [lid‑debitur]” u hija intiża sabiex tirkupra “spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard”, jidhirli li huwa ċar li l-eżiġibbiltà ta’ dan l-ammont tiddependi mill-eżistenza ta’ talba amministrattiva jew ġudizzjarja.

27.

Madankollu, il-fatt li s-somma stabbilita tippreżupponi tali talba ma għandux jiġi interpretat, kif effettivament jagħmel il-Gvern Spanjol, bħala li hija dovuta għal kull debitur pjuttost milli għal kull fattura, b’tali mod li s-somma stabbilita ta’ EUR 40 tista’ tiġi akkumulata meta l‑irkupru jintalab b’mod kollettiv mingħand awtorità pubblika waħda.

28.

Fil-fatt, skont interpretazzjoni litterali, talba (amministrattiva jew ġudizzjarja) intiża sabiex tagħti kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa sostna tippreżupponi, skont l-Artikolu 6(1) u (3) tad‑Direttiva 2011/7, “ħlas tard”. Effettivament, huwa l-“ħlas tard” li jikkostitwixxi l-motiv tal-kalkolu tal-ispejjeż li għalihom il-kreditur għandu jiġi kkumpensat. Issa, dan id-dewmien jirrigwarda tranżazzjonijiet kummerċjali li kienu maħsuba individwalment. Tali tranżazzjonijiet huma neċessarjament ippruvati bil-ħruġ ta’ fattura (jew b’talba għal ħlas ekwivalenti) ( 18 ). Fil-fatt, kif din ġiet imfakkra fil-premessa 18 ta’ din id-direttiva, il-“fatturi jattivaw talbiet għal ħlas” u hija preċiżament il-wasla tal-fattura li tippermetti li jiġu stabbiliti l-iskadenzi tal-ħlas ( 19 ).

29.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 huwa redatt b’termini li jimplikaw li kull kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru huwa neċessarjament marbut ma’ kull tranżazzjoni kummerċjali, u, għalhekk, ma’ kull fattura.

30.

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt li tikseb ħlas ta’ somma stabbilita jiddependi mill-eżistenza ta’ interessi moratorji dovuti skont l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija direttiva. Fi kliem ieħor, il-kreditur jista’ jitlob interessi moratorji minħabba nuqqas ta’ ħlas fil-qafas ta’ tranżazzjoni partikolari, b’tali mod li kull tranżazzjoni (kif sostnuta bl-eżistenza ta’ fattura) tagħti dritt għal kumpens stabbilit ta’ EUR 40.

31.

Fit-tielet lok, inqis li l-interpretazzjonijiet litterali u kuntestwali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 huma kkorroborati mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minnha kif ukoll mid-dispożizzjoni inkwistjoni.

32.

Fil-fatt, minn naħa waħda, f’dak li jirrigwarda l-għan ġenerali tad‑Direttiva 2011/7, din tal-aħħar, kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, tirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħlas tard fit‑tranżazzjonijiet kummerċjali, peress li dan id-dewmien jikkostitwixxi, skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, ksur tal-kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri b’mod partikolari minħabba r-rata baxxa jew l-assenza ta’ interessi moratorji ffatturati ( 20 ). Minn dan isegwi li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa l-protezzjoni effettiva tal-kreditur kontra l-ħlas tardiv ( 21 ). Tali protezzjoni timplika li toffri lill-imsemmi kreditur kumpens sħiħ kemm jista’ jkun għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa sostna b’tali mod li tiskoraġġixxi tali ħlasijiet tardivi ( 22 ). Fir-rigward tal‑fatti tal-kawża prinċipali, interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-istess direttiva fis-sens li s-somma stabbilita ta’ EUR 40 hija marbuta mat-talba u li għalhekk hija applikabbli darba biss tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra dan il-għan.

33.

Min-naħa l-oħra, mill-premessa 19 tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta b’mod ċar li l-għan tal-Artikolu 6 tagħha huwa li jingħata “kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard” ( 23 ). Kif issostni l-Kummissjoni, u kif juru l-‑ammonti mitluba fil-qafas ta’ din il-kawża prinċipali, l-ispejjeż sostnuti għall-irkupru ta’ djun mhux imħallsa jistgħu jirrappreżentaw parti kunsiderevoli mil-likwidità ta’ operatur ekonomiku, b’mod partikolari fil-każ ta’ SME. Għalhekk, il-fatt li dan il-kumpens jintrabat ma’ kull fattura mitluba u mhux ma’ dejn kollu kemm hu, mingħajr dubju jżid l‑ammont ta’ dejn li l-kreditur jista’ jirkupra, u b’hekk jiskoraġġixxi d‑dewmien ta’ ħlasijiet, u jiġi segwit l-għan ġenerali tad-direttiva msemmi fil-punt 32ta’ dawn il-konklużjonijiet.

34.

Fl-aħħar lok, inżid li l-imsemmija interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-ġenesi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7. Fil-fatt, l-espożizzjoni tal-motivi tal‑proposta ta’ Direttiva tal-Kummissjoni kienet tindika li din id‑dispożizzjoni kellha għan doppju, jiġifieri, minn naħa waħda, li l‑kreditur kellu b’dan il-mod jikseb ir-rimbors tal-ispejjeż amministrattivi interni sostnuti minħabba l-ħlas tard u li, min-naħa l-oħra, din il-miżura kellu jkollha effett dissważiv fuq id-debituri ( 24 ).

35.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2011/7 għandu jkun interpretat fis-sens li d-dritt għall-kumpens (minimu) ta’ EUR 40 (jew ekwivalenti) minħabba spejjeż ta’ rkupru għandu japplika għal kull fattura (jew tranżazzjoni kummerċjali) li tagħti lok għall-ħlas ta’ interessi moratorji.

Fuq it-tieni domanda preliminari

36.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal‑premessa 23 tagħha, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, terminu għal ħlas ta’ perijodu massimu ta’ 60 jum fi kwalunkwe ċirkustanza u għall‑kuntratti kollha, maqsum f’terminu inizjali ta’ 30 jum għall‑proċedura ta’ approvazzjoni jew ta’ verifika tal-konformità tal‑prodotti kkonsenjati jew tas-servizzi fornuti mal-kuntratt u terminu addizzjonali ta’ 30 jum għall-ħlas effettiv tal-prezz maqbul.

37.

L-amministrazzjoni reġjonali u l-Gvern Spanjol isostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-pożizzjoni, sakemm, minn naħa waħda, l-applikazzjoni tat-terminu addizzjonali huwa suġġett għall-eżistenza ta’ proċedura speċifika ta’ approvazzjoni jew ta’ verifika tal-konformità tal-prodotti kkonsenjati jew tas-servizzi fornuti mal‑kuntratt (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ approvazzjoni”) u, min‑naħa l-oħra, u ma jkollhiex l-effett li tevadi l-obbligu ġenerali ta’ ħlas fit-30 jum.

38.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2011/7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit‑tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur huwa awtorità pubblika, kreditur li wettaq l-obbligi tiegħu u li ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, ikun intitolat jikseb l-interessi statutorji għall-ħlas tard, mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira, ħlief jekk id-debitur ma huwiex responsabbli għad‑dewmien ( 25 ). Sussegwentement, skont l-Artikolu 4(3)(a) ta’ din id‑direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-qafas ta’ dawn l-istess tranżazzjonijiet, illi t-terminu ta’ ħlas ma jeċċedix 30 jum kalendarju (iktar ’il quddiem it-“terminu ġenerali”) li jidħol fis-seħħ b’effett minn avvenimenti fattwali li jelenka b’mod partikolari fil-punti i) sa iv). Finalment, l-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jestendu dan it-terminu sa massimu ta’ 60 jum kalendarju għall-awtoritajiet u l-entitajiet pubbliċi msemmija ( 26 ).

39.

Minn naħa waħda, f’dak li jirrigwarda l-kliem tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/7, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id‑dispożizzjoni timponi obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri li huwa l‑osservanza effettiva, mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, tat-termini ta’ ħlas tal-interessi statutorji li hija tistipula ( 27 ).

40.

B’mod iktar preċiż, il-punti i) sa iv) ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxu terminu ta’ ħlas li ma jeċċedix 30 jum kalendarju, li huwa kkalkolat li jibda jidekorri minn tliet dati differenti, skont avvenimenti fattwali applikabbli, jiġifieri:

id-data meta d-debitur jirċievi l-fattura (jew talba ekwivalenti għall‑ħlas, iktar ’il quddiem, flimkien, il-“fattura”) [punt i)];

id-data meta d-debitur jirċievi l-konsenja tal-prodotti jew il-forniment tas-servizzi meta d-data meta tasal il-fattura tkun inċerta [punt ii)] jew meta d-debitur jirċievi l-fattura qabel il-prodotti jew is-servizzi [punt iii)], jew

id-data li fiha sseħħ l-approvazzjoni jew verifika, fejn proċedura ta’ approvazzjoni jew verifika hija prevista statutorjament jew kuntrattwalment, u jekk id-debitur jirċievi l-fattura qabel jew fid-data li fiha sseħħ dik l-approvazzjoni jew verifika [punt iv)].

41.

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/7, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta lill-Istati Membri jestendu t-termini ċċitati hawn fuq, imsemmija fil-paragrafu 3(a) ta’ dan l-artikolu, sa terminu massimu ta’ 60 jum, f’żewġ każijiet, jiġifieri, għall-awtoritajiet pubbliċi li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali bħala impriża pubblika [paragrafu a)] ( 28 ) jew għall-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta’ kura tas-saħħa ( 29 ) [paragrafu b)], u dan permezz ta’ proċedura li tinvolvi li jintbagħat rapport dwar tali estensjoni lill-Kummissjoni.

42.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tidher qed tesprimi dubji biss dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2011/7 relatati mal-proċedura ta’ approvazzjoni, fis-sens tal‑Artikolu 4(3)(a)(iv) ta’ din id-direttiva. B’hekk, il-fatt li l-kawża prinċipali tirrigwarda servizzi mogħtija lil xi ċentri mediċi ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi, inkwantu din il-qorti ma tindikax li dan il-fatt jista’ jwassal fih innifsu għall-applikazzjoni tat-terminu massimu previst fl-Artikolu 4(4)(b) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk għandhom jiġu analizzati biss id-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura ta’ approvazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(3)(a)(iv) ta’ din l-istess direttiva.

43.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, it-terminu għal ħlas jibda jiddekorri mid-data tal-approvazzjoni meta tali proċedura ta’ approvazzjoni hija prevista mil-liġi jew fil-kuntratt. Min-naħa l-oħra, l‑Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/7 jispjega, meta mqabbel ma’ din l‑ewwel dispożizzjoni, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dan il‑perijodu massimu tal-proċedura ta’ approvazzjoni ma jeċċedix 30 jum kalendarju mid-data meta d-debitur jirċievi l-konsenja tal-prodotti jew il‑forniment tas-servizzi, “sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil‑kuntratt u kull dokumenti relatati ma’ sejħa għall-offerti u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal‑Artikolu 7”. Fil-fatt, il-premessa 26 ta’ din id-direttiva tistipula li “proċedura ta’ aċċettazzjoni […] m’għandhiex iddum iktar minn 30 jum kalendarju, bħala regola ġenerali, [ħlief] fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi, meta miftiehem espliċitament fil-kuntratt u fi kwalunkwe dokumenti relatati ma’ sejħa għall-offerti u jekk ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur”.

44.

Minn qari tal-paragrafu 3(a)(iv) u tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 meħuda flimkien jirriżulta li t-terminu għal ħlas, fil‑qafas ta’ proċedura ta’ approvazzjoni, jista’ jkun kompost minn terminu inizjali massimu ta’ 30 jum għall-proċedura ta’ approvazzjoni, segwit minn terminu addizzjonali massimu ta’ 30 jum għall-ħlas effettiv tal-prezz maqbul. Fil-fatt, anki jekk mill-kliem ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet ma jirriżultax b’mod espress li t-terminu għal ħlas għandu jsegwi t-terminu għall-verifika, il-loġika ekonomika, kuntrattwali u baġitarja tippreżupponi, bħala regola ġenerali, li l-ħlas ma għandux isir ħlief wara li l-prodotti jew is-servizzi jkunu ġew approvati.

45.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li din l-estensjoni tat-terminu ġenerali ta’ 30 jum skont l-Artikolu 4(3)(a)(iv) tad-Direttiva 2011/7 u l‑paragrafu 5 tal-istess artikolu ma hijiex awtomatika u ma tistax tiġi stabbilita b’mod ġenerali. Fil-fatt, l-użu tat-terminu massimu huwa possibbli biss meta l-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet huma ssodisfatti, jiġifieri meta proċedura ta’ approvazzjoni hija prevista fil-liġi jew fil-kuntratt.

46.

Fil-fatt, f’dan is-sens, l-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-terminu għal ħlas stabbilit fil‑kuntratt ma jeċċedix it-termini ta’ 30 jum previsti fil-paragrafu 3, “sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm ikun iġġustifikat oġġettivament fid-dawl tan-natura jew tal‑karatteristiki partikulari tal-kuntratt” ( 30 ). Barra minn hekk f’tali każ, “fl-ebda każ m’għandu jaqbeż [it-terminu massimu ta’] 60 jum kalendarju”. Tali elementi li jistgħu oġġettivament jiġġustifikaw din l‑estensjoni tat-terminu minħabba proċedura ta’ approvazzjoni jistgħu jikkostitwixxu ċ-ċirkustanza li l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tidher partikolarment kumplessa mill-perspettiva teknika.

47.

Għalhekk, minn qari tal-Artikolu 4(3), (5) u (6) tad‑Direttiva 2011/7 meħuda flimkien jirriżulta li l-estensjoni tat-terminu ġenerali mat-terminu massimu ta’ 60 jum hija eċċezzjonali. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala Awla Manja, l-Artikolu 4 ta’ din id‑direttiva jistipula espressament li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodu ta’ ħlas ma jaqbiżx it-tletin jum jew, f’ċerti każijiet, massimu ta’ sittin jum” ( 31 ).

48.

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill‑għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-direttiva ( 32 ). F’dan ir-rigward, il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn qari tal-premessi 3, 9 u 23 tad-Direttiva 2011/7 meħuda flimkien jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi, li jwettqu numru kunsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-impriżi, jibbenefikaw minn flussi ta’ dħul iktar żguri, prevedibbli u kontinwi mill-impriżi, jistgħu jiksbu finanzjament b’kundizzjonijiet iktar attraenti minnhom, u jiddependu inqas mill-impriżi privati fuq il-bini ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbli sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom. Issa, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija impriżi, il-ħlasijiet tard min-naħa ta’ dawn l‑awtoritajiet iwasslu għal spejjeż mhux iġġustifikati għalihom, billi jaggravaw il-limitazzjonijiet tagħhom fil-qasam ta’ likwidità u billi jirrendu l-amministrazzjoni finanzjarja tagħhom iktar ikkumplikata. Dawn il-ħlasijiet tard huma wkoll ta’ ħsara għall-kompetittività u għall‑profitabbiltà tagħhom, peress li dawn l-impriżi jkollhom jiksbu finanzjamenti esterni minħabba l-imsemmija ħlasijiet tard ( 33 ).

49.

Fil-fatt, kif korrettament tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-premessa 23 tad-Direttiva 2011/7 tikkonferma li d-dispożizzjoni li tistipula perijodu ta’ 60 jum ma hijiex dispożizzjoni ta’ natura ġenerali, iżda hija b’mod ċar limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom hemm ġustifikazzjoni oġġettiva, jew skont l-Artikolu 4(3)(a)(iv) ta’ din id-direttiva, jew skont il‑paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, skont din il-premessa 23, “[i]l‑perjodi twal għall-ħlas u l-ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi għall‑prodotti u s-servizzi jwasslu għal spejjeż mhux ġustifikati għall‑intrapriżi. Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti regoli speċifiċi fir-rigward tat-transazzjonijiet kummerċjali għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi minn intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jipprevedu b’mod partikolari perjodi għall-ħlas li normalment ma jaqbżux [30] jum kalendarju, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor espliċitament fil-kuntratt u sakemm ikun oġġettivament iġġustifkat meta jitqiesu n-natura jew il-karatteristiki partikulari tal-kuntratt u fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu s-60 jum kalendarju” (korsiv miżjud minni).

50.

Għalhekk, l-użu, minn Stat Membru, tal-possibbiltà li jiġi previst terminu addizzjonali ta’ 30 jum kalendarju għal ħlas tal-ammonti dovuti, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) tad‑Direttiva 2011/7 ( 34 ), għandu jkun espressament stipulat mill-kuntratt kif ukoll oġġettivament iġġustifikat min-natura partikolari jew minn ċerti elementi tal-kuntratt.

51.

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula terminu għal ħlas ta’ 60 jum fiċ-ċirkustanzi kollha u għall‑kuntratti kollha hijiex konformi mal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2011/7.

52.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-qafas ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi dwar jekk l-interpretazzjoni li tagħtihom il-qorti tar-rinviju hijiex korretta. Fil-fatt, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt intern ( 35 ). Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti tad-dritt nazzjonali, jekk id-dritt nazzjonali jistipulax b’mod suffiċjentement immotivat il-bżonn għall-użu tal-proċedura ta’ approvazzjoni sabiex regola ġenerali tad-dritt ma tippermettix li jiġi evitat l-obbligu ġenerali għal ħlas fit-30 jum.

53.

F’dan il-każ, nosserva li l-qorti tar-rinviju ma ssemmi l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Spanjol li tirrigwarda b’mod speċifiku proċedura ta’ approvazzjoni jew raġuni speċifika li tiġġustifika b’mod oġġettiv il‑ħtieġa ta’ terminu għal ħlas addizzjonali ta’ 30 jum. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, sempliċi riferiment magħmul f’leġiżlazzjoni nazzjonali għal din il-proċedura ma għandux ikun biżżejjed sabiex jissodisfa l‑kundizzjoni mitluba f’dan l-Artikolu 4(3)(a)(iv). Fil-fatt, tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jista’ jkollha l-effett li tevita l-obbligu ġenerali għal ħlas fit-30 jum stabbilit fid-Direttiva 2011/7 u li tikkawża preġudizzju għall-effett utli tagħha.

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2011/7 ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, tistipula terminu għal ħlas ta’ perijodu massimu ta’ 60 jum, kompost minn perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-proċedura ta’ approvazzjoni jew ta’ verifika tal‑konformità tal-prodotti kkonsenjati jew tas-servizzi fornuti mal‑kuntratt u minn terminu addizzjonali ta’ 30 jum għal ħlas effettiv tal‑prezz maqbul, sakemm l-applikazzjoni ta’ dan it-terminu addizzjonali tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ proċedura speċifika ta’ approvazzjoni jew ta’ verifika li hija prevista espressament mil-liġi jew fil-kuntratt u sakemm l-użu ta’ dan it-terminu addizzjonali jkun oġġettivament iġġustifikat min-natura partikolari jew minn ċerti elementi tal-kuntratt inkwistjoni.

Fuq it-tielet domanda preliminari

55.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“ammont dovut” li huwa ddefinit fih, minn naħa waħda, jinkludix l-interessi għal ħlas tard ikkalkolati abbażi tal‑ammont totali tal-fattura, jiġifieri billi jiġi inkluż l-ammont tal-VAT dovut għas-servizz fornut, u min-naħa l-oħra, jekk, għal dan il-għan, huwiex rilevanti li ssir distinzjoni skont il-mument li fih il-kreditur ikun ħallas minn qabel din is-somma lit-Teżor Pubbliku.

56.

L-amministrazzjoni reġjonali u l-Gvern Spanjol isostnu, essenzjalment, li l-inklużjoni tal-VAT fil-bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji hija permessibbli biss fil-każ fejn il-kreditur juri li ħallas dan l‑ammont lit-Teżor Pubbliku. Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, tqis li l-VAT għandha tkun inkluża fl-ammont li jservi bħala bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji, irrispettivament mill-fatt jekk il-ħlas tal-VAT kienx tressaq ’il quddiem, ġiex maqsum fi skadenzi jew ġiex pospost.

57.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-punt 8 tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2011/7 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ammont dovut” bħala “is‑somma prinċipali li għandha tkun tħallset fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, inklużi t-taxxi, dazji, imposti jew miżati speċifikati fil-fattura jew talba għal ħlas ekwivalenti” ( 36 ). Barra minn hekk, infakkar li, fi tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, l-interessi għall-ħlas tard previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huma dovuti meta l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 tiegħu huma ssodisfatti, jiġifieri l-kreditur ikun issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

58.

Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, billi uża l‑espressjoni “inklużi t-taxxi”, mingħajr ebda spjegazzjoni oħra f’dan ir‑rigward, l-“ammont dovut” fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2011/7, għandu neċessarjament jinkludi l-VAT u, a fortiori, li l-leġiżlatur ma xtaqx jagħmel distinzjoni skont jekk il-kreditur ikunx ħallas, minn qabel jew le, il-VAT lit-Teżor Pubbliku. L-eżami tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jwassal għalhekk sabiex jiġi kkunsidrat li l‑kunċett ta’ “ammont dovut” jinkludi l-ammont tal-VAT applikabbli li jidher fuq il-fattura jew it-talba għal ħlas ekwivalenti, irrispettivament minn jekk hux magħruf jekk il-kreditur kienx ħallas, minn qabel jew le, dan l-ammont lit-Teżor Pubbliku.

59.

Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll minn interpretazzjoni kuntestwali, inkwantu l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/7 ma tistipula eċċezzjonijiet jew regoli speċjali dwar il-kalkolu tal-interessi moratorji. Fil-fatt, l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva huwa limitat sabiex jiddefinixxi l-“imgħax għal ħlas tard” bħala “imgħax statutorju għal ħlas tard jew imgħax b’rata miftehma bejn l-intrapriżi, soġġett għall‑Artikolu 7”, mingħajr ebda riferiment għall-VAT. Minn dan nikkonkludi li l-kalkolu tal-interessi moratorji għandu jsir irrispettivament mill-modalitajiet jew mill-mument tal-ħlas tal-VAT.

60.

Madankollu, inqis li huwa utli li jiġi spjegat li, jekk l-interessi moratorji għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-ammont totali tal-fattura, bil-VAT inkluża, l-interessi moratorji stess ma humiex, min-naħa tagħhom, suġġetti għall-VAT. Fi kliem ieħor, dawn ma jiffurmawx parti mill‑bażi ta’ taxxa tal-VAT għaliex ma jikkostitwixxux il-korrispettiv tal‑prodotti jew tas-servizzi fornuti, iżda għandhom rwol purament kumpensatorju.

61.

F’dan ir-rigward, u għall-finijiet ta’ kompletezza, infakkar li l‑Artikolu 63 tad-Direttiva 2006/112 ( 37 ) jistipula, b’mod partikolari, li t-taxxa issir dovuta fil-mument tal-konsenja tal-prodotti jew tal-provvista tas-servizzi. Madankollu, l-Artikolu 66 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ġenerali tal-Artikolu 63 billi jipprevedi jagħmel distinzjoni fil-mument fejn din il-VAT issir dovuta, jiġifieri, fil-mument meta l-klijent jagħmel il-ħlas. F’tali eżempju, jirriżulta li l-kreditur ma għandux iħallas il-VAT lit-Teżor Pubbliku għaliex il-VAT ma hijiex “dovuta”, peress li d-debitur ma ħallashiex. F’tali eżempju, l-interessi moratorji ma għandhomx ikopru l-ammont tal‑VAT peress li ma hemmx “taxxi” dovuti, fis-sens tal-punt 8 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7.

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-punt 8 tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑“ammont dovut” għandu jinkludi l-interessi moratorji kkalkolati abbażi tal-ammont totali tal-fattura, bil-VAT inkluża, u dan irrispettivament mill-fatt li l-kreditur ikun ħallas minn qabel din it-taxxa lit-Teżor Pubbliku.

Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposti segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo No. 2 Valladolid (il‑Qorti Amministrattiva fil-livell provinċjali Nru. 2 ta’ Valladolid, Spanja):

1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li d‑dritt għall-kumpens (minimu) ta’ EUR 40 (jew ekwivalenti) minħabba spejjeż ta’ rkupru għandu japplika għal kull fattura (jew tranżazzjoni kummerċjali) li tagħti lok għall-ħlas ta’ interessi moratorji.

2)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, terminu għal ħlas ta’ perijodu massimu ta’ 60 jum, kompost minn perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-proċedura ta’ approvazzjoni jew ta’ verifika tal-konformità tal-prodotti kkonsenjati jew tas-servizzi fornuti mal-kuntratt u minn terminu addizzjonali ta’ 30 jum għall‑ħlas effettiv tal-prezz maqbul, sakemm l-applikazzjoni ta’ dan it‑terminu addizzjonali tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ proċedura speċifika ta’ approvazzjoni jew ta’ verifika li hija prevista espressament mil-liġi jew fil-kuntratt u sakemm l-użu ta’ dan it‑terminu addizzjonali jkun oġġettivament iġġustifikat min-natura partikolari jew minn ċerti elementi tal-kuntratt inkwistjoni.

3)

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“ammont dovut” għandu jinkludi l-interessi moratorji kkalkolati abbażi tal-ammont totali tal-fattura, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża, u dan irrispettivament mill-fatt li l‑kreditur ikun ħallas minn qabel din it-taxxa lit-Teżor Pubbliku.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2011, L 48, p. 1. Din id-direttiva ħassret, b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, u ssostitwixxiet id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7.

( 4 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 fis‑sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, iktar ’il quddiem is‑sentenza IOS Finance, EU:C:2017:121); tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Zarski (C‑330/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Zarski, EU:C:2017:418); tat‑13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna (C‑287/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Česká pojišťovna, EU:C:2018:707), u tad-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard) (C‑199/19, iktar ’il quddiem is-sentenza RL, EU:C:2020:548), u d-digriet tal‑11 ta’ April 2019, Gambietz (C‑131/18, EU:C:2019:306). L-Artikolu 3(1)(c) tad‑Direttiva 2000/35, li, essenzjalment, ġie ssostitwit mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, kien ukoll is-suġġett ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tat‑3 ta’ April 2008, 01051 Telecom (C‑306/06, EU:C:2008:187), u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec (C‑256/15, iktar ’il quddiem is-sentenza NemecEU:C:2016:954). L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 huwa s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża pendenti C‑370/21, DOMUS‑SOFTWARE-AG vs Marc Braschoß Immobilien GmbH.

( 5 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 fis-sentenzi IOS Finance u tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard) (C‑122/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Italja”, EU:C:2020:41).

( 6 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta ċerti punti oħra tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2011/7 fis-sentenzi Zarski, Il-Kummissjoni vs L-Italja, RL, tat‑18 ta’ Novembru 2020, Techbau (C‑299/19, EU:C:2020:937), kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, New Media Development & Hotel Services (C‑327/20, EU:C:2022:23).

( 7 ) BOE Nru 314, tat‑30 ta’ Diċembru 2004, p. 42334 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 3/2004”).

( 8 ) Ley 9/2017, de Contratos del Sector Público, por la que se transponen al ordenamiento jurídico español las Directivas del Parlamento Europeo y del Consejo 2014/23/UE y 2014/24/UE, de 26 de febrero de 2014 (il-Liġi Nru 9/2017 dwar il‑kuntratti pubbliċi, li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Spanjol id‑Direttivi 2014/23/UE u 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014), tat‑8 ta’ Novembru 2017 (BOE Nru 272 tad‑9 ta’ Novembru 2017, p. 107714)

( 9 ) Il-kawża IOS Finance li tat lok lis-sentenza oriġinat ukoll minn talba għal irkupru ta’ diversi djun miġbura flimkien minn kumpannija ta’ rkupru ta’ djun, fejn dawn id-djun ġew ittrasferiti lilha minn diversi kumpanniji. Minkejja li huwa veru li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione materiae tad-Direttiva 2011/7, il-fatt li rrispondiet d-domandi preliminari dwar l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jippreżupponi li hija kkunsidrat li dan il-każ kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

( 10 ) Sentenza RL (punti 22 u 23 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Fil-każ li tinżamm l-ewwel interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-ħlas ta’ EUR 40 għal kull fattura huwiex suġġett għall-individwalizzazzjoni preċedenti ta’ dawn il-fatturi mill-kreditur f’kull waħda mit-talbiet tiegħu, kemm jekk jitressqu b’mod amministrattiv jew b’mod kontenzjuż, jew jekk talba konġunta u ġenerika hijiex biżżejjed sabiex sussegwentement jintalbu dawn l-EUR 40 għal kull fattura.

( 12 ) Fir-rigward ta’ armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu somom stabbiliti għall-kumpens ta’ spejjeż ta’ rkupru iktar mill-ammont ta’ EUR 40, u għalhekk iktar favorevoli għall-kreditur (ara l-premessa 21 tad-Direttiva 2011/7).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Fil-fatt, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/7, “[din] m’għandhiex tobbliga lil kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard. Fil-każ ta’ ħlas tard, din id-Direttiva għandha tippermetti li kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard mingħajr ma jagħti ebda avviż minn qabel ta’ nuqqas ta’ ħlas jew avviż simili ieħor li jfakkar lid-debitur dwar l-obbligu tiegħu li jħallas”.

( 15 ) Ara s-sentenza Česká pojišťovna (punti 18, 20 u 21).

( 16 ) Ara s-sentenza Česká pojišťovna (punt 22).

( 17 ) Ara s-sentenza Česká pojišťovna (punti 22 u 23).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 4 u 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7.

( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara s-sentenzi Česká pojišťovna (punt 25) u IOS Finance (punt 24).

( 21 ) Ara s-sentenzi Česká pojišťovna (punt 26) u Nemec (punt 50).

( 22 ) Ara s-sentenza Česká pojišťovna (punt 26).

( 23 ) Korsiv miżjud minni.

( 24 ) Ara l-Artikolu 4 tal-proposta tal-Kummissjoni ta’ tfassil mill-ġdid tad‑Direttiva 2000/35 [COM (2009) 126 finali]. Fil-fatt, il-prinċipju li jiġi stipulat ammont stabbilit intiż sabiex jagħti kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ta’ ammonti mhux imħallsa kien previst fl-Artikolu 4 (intitolat “Kumpens għall-spejjeż ta’ rkupru”) tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, iżda b’obbligu iktar diffiċli. B’mod partikolari, skont din id-dispożizzjoni inizjali, is-somma stabbilita ta’ EUR 40 tikkonċerna biss id-djun inqas minn EUR 1000. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4 tal‑proposta tal-Kummissjoni kien jistipula somma stabbilita ta’ EUR 70 għad-djun inklużi bejn l-EUR 1000 u EUR 10000 u, finalment, ammont korrispondenti għal 1 % tas-somma li għaliha huma dovuti interessi moratorji għad-djun ta’ EUR 10000 jew iktar. Il-Parlament Ewropew esprima x-xewqa li jnaqqas is-severità tal‑imsemmija dispożizzjoni inizjali, billi ppropona emenda li, essenzjalment, kienet tikkonsisti f’li tiġi ffissata somma stabbilita għall-irkupru skont id-debitur iktar milli skont il-fattura, iżda, sussegwentement, irtira din l-emenda (ara l-emenda Nru 29 tar‑rapport dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Mejju 2010), u essenzjalment qabel mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-fatt li dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu għal kull fattura.

( 25 ) Ara s-sentenza IOS Finance (punt 27).

( 26 ) Ara s-sentenza l-Kummissjoni vs L-Italja (punt 38).

( 27 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (punti 40, 43 u 53). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li terminu medju ta’ ħlas tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ 50 jum kalendarju għas-sena 2016 kollha jikkostitwixxi qbiż kontinwu u sistematiku tat-termini ta’ ħlas previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7 u ksur tiegħu (ara l-punti 16, 22, 57, 59, 62 u 66 ta’ din is-sentenza).

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 24 tad-Direttiva 2011/7.

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 25 tad-Direttiva 2011/7.

( 30 ) Korsiv miżjud minni.

( 31 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 44). Korsiv miżjud minni.

( 32 ) Ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (punt 46).

( 34 ) Ara l-punti 38 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza IOS Finance (punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Korsiv miżjud minni.

( 37 ) Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

Top