Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0577

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-10 ta’ Marzu 2022.
    Kawża mressqa minn A.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 13(2) – Professjonijiet irregolati – Kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ aċċess għat-titolu ta’ psikoterapista fi Stat Membru abbażi ta’ diploma fil-psikoterapija maħruġa minn università stabbilita fi Stat Membru ieħor – Artikoli 45 u 49 TFUE – Libertajiet ta’ moviment u ta’ stabbiliment – Evalwazzjoni tal-ekwivalenza tat-taħriġ inkwistjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri – Kontestazzjoni, mill-Istat Membru ospitanti, tal-livell ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki li diploma maħruġa fi Stat Membru ieħor tippermetti li jiġi preżunt – Kundizzjonijiet.
    Kawża C-577/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:179

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fl‑10 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

    Kawża C‑577/20

    A

    fil-preżenza ta’

    Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali – Kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ aċċess għat-titolu ta’ psikoterapista abbażi ta’ diploma fil-psikoterapija ta’ Stat Membru ieħor – Evalwazzjoni tal-ekwivalenza tat-taħriġ inkwistjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Id-Direttiva 2005/36/KE ( 2 ) dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki hija bażi prinċipali tas-sistema tas-suq intern, sa fejn tippermetti liċ-ċittadini tal-Istati Membri jeżerċitaw professjoni fi Stat Membru differenti minn dak li fih kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom. Hija għaldaqstant tikkonkretizza d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-persuni.

    2.

    Din id-direttiva hija wkoll fil-qalba ta’ din il-kawża, li toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tindika l-limiti tal-applikazzjoni tagħha.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Il-premessi 1, 3, 6, 11 u 17 tad-Direttiva 2005/36 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità. Għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, din tinkludi, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jeżerċita professjoni, għal rasu jew bħala impjegat, fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ikun kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 47(1) tat-Trattat jistabbilixxi li għandhom jiġu ppubblikati direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali.

    [...]

    (3)

    Il-garanzija mogħtija minn din id-Direttiva lil persuni li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru sabiex ikollhom aċċess għall-istess professjoni u jeżerċitawha fi Stat Membru ieħor bl-istess drittijiet bħal ċittadini hija bla ħsara għall-konformità mill-professjonist li jkun emigra ma’ kondizzjonijiet mhux diskriminatorji ta’ eżerċizzju li jistgħu jkunu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-aħħar, kemm-il darba dawn ikunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonati.

    [...]

    (6)

    Il-faċilitazzjoni tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun assigurata fil-kuntest ta’ rispett serju tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, għandhom ikunu maħsuba dispożizzjonijiet speċifiċi għall-professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa jew is-sigurtà pubblika, li joffru servizzi transkonfini ta’ natura temporanja jew ta’ kultant.

    [...]

    (11)

    Fil-każ tal-professjonijiet koperti mis-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, hawn taħt msejħa ‘s-sistema ġenerali’, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jistabbilixxu l-livell minimu ta’ kwalifiki meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-kwalità tas-servizzi provduti fit-territorju tagħhom. Minkejja dan, skond l-Artikoli 10, 39 u 43 tat-Trattat, dawn ma għandhomx jeħtieġu li ċittadin ta’ Stat Membru jikseb kwalifiki, li huma ġeneralment jistabbilixxu biss f’termini ta’ diplomi mogħtija taħt is-sistema edukattiva nazzjonali tagħhom, fejn il-persuna konċernata tkun diġà kisbet dawk il-kwalifiki kollha jew parti minnhom fi Stat Membru ieħor. Bħala riżultat, għandu jiġi stabbilit li Stat Membru ospitanti li fih professjoni hija regolata għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki miksuba fi Stat Membru ieħor u jistma dwar jekk dawn jaqblux ma’ dawk li huwa jeħtieġ. Is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent, madankollu, ma twaqqafx Stat Membru milli jissuġġetta persuna li tkun qed teżerċita professjoni fit-territorju tiegħu għal rekwiżiti speċifiċi minħabba l-applikazzjoni ta’ regoli professjonali li jkunu ġustifikati mill-interess pubbliku ġenerali. Regoli ta’ dan it-tip huma dawk li, per eżempju, jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-professjoni, standards professjonali, inklużi dawk dwar l-etika, u kontroll u responsabbiltà. Fl-aħħarnett, din id-Direttiva mhix maħsuba sabiex tinterferixxi ma’ l-interess leġittimu ta’ l-Istati Membri li jżommu liċ-ċittadini milli jevadu l-infurzar tal-liġi nazzjonali dwar il-professjonijiet.

    [...]

    (17)

    Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet kollha li għalihom ma hemmx regoli rigward ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, is-sistema ġenerali għandha tkun estiża għal dawk il-każijiet li mhumiex koperti minn sistema speċifika, kemm fejn il-professjoni mhijiex koperta minn waħda minn dawk is-sistemi jew fejn, għalkemm il-professjoni hija koperta minn tali sistema speċifika, l-applikant ma jissodisfax il-kondizzjonijiet sabiex jibbenefika minnha għal xi raġuni partikolari u eċċezzjonali.”

    4.

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jistabbilixxi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.

    Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess parzjali għal professjoni regolata u r-rikonoxximent ta’ dan it-taħriġ prattiku professjonali li jsir fi Stat Membru ieħor.”

    5.

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali, fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati.

    [...]”.

    6.

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, professjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi trattata bħala professjoni regolata;

    (b)

    ‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

    (ċ)

    ‘prova ta’ kwalifiki formali’: diplomi, ċertifikati u provi oħra maħruġa minn awtorità fi Stat Membru nominata skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amminstrattivi ta’ dak l-Istat Membru u li jiċċertifikaw it-temma b’suċċess ta’ taħriġ professjonali miksub prinċiparjament fil-Komunità. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ttrattata bħala prova ta’ kwalifiki formali;

    (d)

    ‘awtorità kompetenti’: kwalunkwe awtorità jew korp inkarigat speċifikament minn Stat Membru sabiex joħroġ jew jirċievi diplomi ta’ taħriġ u dokumenti oħrajn jew informazzjoni u sabiex jilqa applikazzjoni u jieħu deċiżjonijiet, imsemmija f’din id-Direttiva;

    (e)

    ‘edukazzjoni u taħriġ regolat’: kull taħriġ li huwa speċifikatament intiż għall-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet komplimentati, fejn jixraq, b’taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali.

    L-istruttura u l-livell tat-taħriġ professjonali, il-prattika bi prova jew professjonali għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru konċernat jew evalwat jew approvat mill-awtorità maħtura għal dan l-iskop;

    [...]”

    7.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Effetti tar-rikonoxximent”, jipprovdi:

    “1.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

    2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.

    [...]”

    8.

    L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, jistabbilixxi:

    “1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

    L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.

    2.   L-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni kif deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu awtorizzati wkoll għal applikanti li eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena jew għal perjodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, u li jippossjedu attestazzjoni waħda jew aktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni.

    L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula [skont] il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

    (b)

    jikkonfermaw li d-detentur ġie ppreparat għall-eżerċitar tal-professjoni kkonċerata.

    Is-sena ta’ esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa jekk il-prova ta’ kwalifiki formali li jippossjedi l-applikant tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati.

    [...]”

    B.   Id-dritt Finlandiż

    1. Il-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa

    9.

    Skont il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-laki terveydenhuollon ammattihenkilöistä (559/1994), ammattihenkilölaki (il-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa (559/1994)), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għall-finijiet ta’ din il-liġi, “professjonist tal-kura tas-saħħa” tfisser, b’mod partikolari persuna li, skont l-imsemmija liġi, għandha d-dritt iġġib it-titolu professjonali ta’ professjonist tal-kura tas-saħħa previst f’digriet tal-Gvern (professjonist detentur ta’ titolu professjonali protett). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-istess liġi, professjonist awtorizzat, detentur ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ titolu protett, għandu d-dritt jeżerċita l-professjoni rilevanti u jġib it-titolu professjonali rilevanti. Persuni oħra li jkollhom taħriġ, esperjenza u kompetenzi professjonali suffiċjenti jistgħu wkoll jeżerċitaw professjoni li t-titolu tagħha huwa protett.

    10.

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3a tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa, is-Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (iktar ’il quddiem il-“Valvira”) hija, għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-awtorità kompetenti msemmija fid-Direttiva 2005/36 u fil-laki ammattipätevyyden tunnustamisesta (1384/2015) (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali (1384/2015)).

    11.

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa, persuna li segwiet fil-Finlandja taħriġ li jwassal għal professjoni rregolata prevista minn digriet tal-Gvern għandha d-dritt iġġib it-titolu professjonali kkonċernat.

    2. Id-Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa

    12.

    Skont l-Artikolu 1 tal-asetus terveydenhuollon ammattihenkilöistä (564/1994) (id-Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa (564/1994)) fil-verżjoni tagħha applikabbli f’dan il-każ, fost it-titoli professjonali, għall-professjonisti detenturi ta’ titolu professjonali protett, previsti fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa, hemm, b’mod partikolari, it-titolu ta’ “psikoterapista”.

    13.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2a ta’ dan id-digriet, sabiex persuna tkun awtorizzata ġġib it-titolu professjonali protett ta’ “psikoterapista”, hija għandha tkun segwiet taħriġ ta’ psikoterapista mogħti minn università jew minn università u organu ieħor ta’ tagħlim.

    3. Il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali

    14.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huwa bbażat fuq attestazzjoni ta’ kompetenza, prova ta’ kwalifiki formali partikolari jew serje ta’ tali dokumenti maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna interessata jkollha d-dritt, fl-Istat Membru ta’ oriġini, teżerċita l-professjoni li għall-finijiet tal-eżerċizzju tagħha hija titlob deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

    15.

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali japplika wkoll għall-applikanti li, matul l-aħħar għaxar snin, eżerċitaw il-professjoni tagħhom full-time matul sena jew part-time matul l-istess perijodu fi Stat Membru ieħor li fih il-professjoni inkwistjoni ma hijiex irregolata u li jkollhom attestazzjoni ta’ kompetenza waħda jew iktar jew prova ta’ kwalifiki formali waħda jew iktar. Dawn id-dokumenti għandhom juru l-kompetenza tad-detentur tagħhom sabiex jeżerċita l-professjoni inkwistjoni. Madankollu, esperjenza professjonali ta’ sena ma tkunx meħtieġa jekk il-provi ta’ kwalifiki formali tal-applikant jattestaw taħriġ irregolat.

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    16.

    A segwa, fil-Finlandja u bil-Finlandiż, taħriġ organizzat minn Helsingin Psykoterapiainstituutti Oy (iktar ’il quddiem “HPI”), kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża li twettaq l-attivitajiet tagħha fil-Finlandja, bi sħubija mal-University of West England, Bristol (l-Università tal-Punent tal-Ingilterra Bristol, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“UWE”).

    17.

    Wara l-kisba tad-diploma tiegħu fil-psikoterapija maħruġa fis‑27 ta’ Novembru 2017 mill-UWE, A talab mingħand il-Valvira d-dritt li jġib it-titolu professjonali ta’ psikoterapista, li huwa protett mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

    18.

    Matul is-sena 2017, il-Valvira ġiet ikkuntattjata minn ex parteċipanti f’dan it-taħriġ li esprimewlha t-tħassib tagħhom dwar diversi insuffiċjenzi fil-kontenut effettiv tat-taħriġ u tal-modalitajiet prattiċi tiegħu meta mqabbla mal-għanijiet previsti. Il-Valvira stess ikkuntattjat persuni oħra li pparteċipaw fih li ddeskrivew esperjenzi simili.

    19.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2018, il-Valvira ċaħdet l-applikazzjoni ta’ A intiża sabiex jiġi awtorizzat iġib it-titolu professjonali ta’ psikoterapista protett mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ għar-raġuni prinċipali li dan tal-aħħar ma kienx ipprovdielha informazzjoni suffiċjenti dwar il-kontenut tat-taħriġ tiegħu.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2018, il-Valvira ċaħdet ukoll l-ilment ta’ A, billi qieset li t-taħriġ inkwistjoni kien ġie segwit minn A f’sistema edukattiva barra mill-pajjiż, b’mod li ma setgħetx tiżgura li dan it-taħriġ kien ingħata b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett it-taħriġ fil-psikoterapija fil-Finlandja.

    21.

    Ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn A kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ April 2019. Dik il-qorti ddeċidiet li t-taħriġ inkwistjoni kellu jitqies li ġie segwit fir-Renju Unit minkejja l-fatt li, fil-prattika, huwa kien ġie organizzat fil-Finlandja u bil-Finlandiż. Is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali prevista mid-Direttiva 2005/36 ma teżiġix li tintlaqa’ l-applikazzjoni tal-persuna interessata għaliex din tal-aħħar la eżerċitat il-professjoni ta’ psikoterapista fir-Renju Unit, li fih il-professjoni u t-taħriġ ta’ psikoterapista ma humiex irregolati, u lanqas fi Stat Membru ieħor li għandu sistema simili.

    22.

    Il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) qieset li ġie pprovat il-fatt li t-taħriġ inkwistjoni kellu insuffiċjenzi u differenzi kbar meta mqabbel mat-taħriġ ta’ psikoterapista fil-Finlandja. Skontha, il-Valvira għalhekk setgħet ġustament tiddeċiedi li A ma kienx ipprova li l-konoxxenzi u l-kwalifiki tiegħu kienu ekwivalenti għal dawk li jkollha persuna li tkun segwiet taħriġ ta’ psikoterapista fil-Finlandja.

    23.

    Fl-appell tiegħu minn din is-sentenza ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, A jsostni li t-taħriġ tiegħu għandu jitqies li huwa taħriġ mogħti fil-Finlandja u li l-UWE affermat, bħala awtorità kompetenti, li dan it-taħriġ huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Digriet dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa. It-taħriġ tiegħu għalhekk għandu jiġi rrikonoxxut bħala taħriġ li jagħtih id-dritt għat-titolu professjonali ta’ psikoterapista fil-Finlandja.

    24.

    Skont A, fil-każ li t-taħriġ tiegħu ma jiġix irrikonoxxut bħala taħriġ li ġie segwit fil-Finlandja, l-ekwivalenza tiegħu għandha tiġi evalwata skont id-dokumenti li jirrigwardaw il-kors u l-kwalità tal-programm ta’ taħriġ previst, ipprovduti minn A u mill-organizzaturi tat-taħriġ. Il-Valvira ma wettqitx tali evalwazzjoni iżda, għall-kuntrarju, ibbażat ruħha fuq ittri anonimi, opinjoni mitluba mingħand università kompetitriċi tal-UWE u intervisti li wettqet hija stess. Issa, il-prinċipju ta’ lealtà tad-dritt tal-Unjoni jimplika li l-Valvira ma tqiegħedx fid-dubju l-kontenut ta’ dokument maħruġ mill-UWE fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

    25.

    Il-Valvira tqis li t-taħriġ ta’ psikoterapista segwit fi Stat Membru ieħor għandu jiġi pparagunat ma’ dak mogħti mill-universitajiet Finlandiżi. Issa, skont il-Valvira, it-taħriġ ta’ A ma jissodisfax il-kundizzjonijiet materjali u kwalitattivi meħtieġa fil-Finlandja, b’mod li dan ma jistax jagħti lok għad-dritt li jinġieb it-titolu professjonali ta’ psikoterapista fil-Finlandja. Il-Valvira żżid li, bħala prinċipju, hija tirrikonoxxi ċ-ċertifikati maħruġa mill-universitajiet u mill-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll l-informazzjoni li huma jipprovdu dwar il-kontenut u l-modalitajiet prattiċi tat-taħriġ offrut, u li hija teżaminahom biss sa fejn ikun neċessarju sabiex tiddetermina jekk jeżistux differenzi bejn it-taħriġ Finlandiż u t-taħriġ barrani.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li hija diġà ddeċidiet, f’kawża oħra, li t-taħriġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jiġi kklassifikat bħala “taħriġ segwit fil-Finlandja” fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa.

    27.

    Dik il-qorti tindika li, fil-Finlandja, il-professjoni ta’ psikoterapista hija professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, għaliex id-dritt li jinġieb it-titolu professjonali kkonċernat jingħata biss lill-persuni li jissodisfaw il-kwalifiki professjonali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Finlandiża applikabbli. Il-professjoni ta’ psikoterapista hija suġġetta għas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-provi ta’ kwalifiki formali prevista, b’mod partikolari, fl-Artikoli 10 sa 14 ta’ din id-direttiva. Peress li, fir-Renju Unit, il-professjoni u t-taħriġ ta’ psikoterapista ma humiex irregolati, japplika l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva.

    28.

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36, peress li A ma eżerċitax il-professjoni ta’ psikoterapista fi Stat Membru ieħor fejn din il-professjoni ma hijiex irregolata, huwa ma għandux id-dritt jaċċedi għal din il-professjoni.

    29.

    Dik il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk, minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, is-sitwazzjoni inkwistjoni għandhiex tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-libertajiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 45 u 49 TFUE kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħhom. Skontha, fil-każ li l-libertajiet fundamentali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandha tingħata deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni li għandha tingħata lid-diploma tal-persuna interessata. Meta tagħmel dan, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat ukoll jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, sabiex tiżgura li d-diploma barranija tattesta li d-detentur tagħha għandu konoxxenzi u kwalifiki, jekk mhux identiċi, tal-inqas ekwivalenti għal dawk attestati mid-diploma nazzjonali, tistax tibbaża ruħha wkoll fuq informazzjoni oħra li hija tkun kisbet dwar il-modalitajiet tat-taħriġ inkwistjoni jew jekk għandhiex tillimita ruħha, ukoll fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, għall-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward minn università ta’ Stat Membru ieħor.

    30.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat UE u mid-Direttiva 2005/36 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tevalwa d-dritt ta’ applikant li jeżerċita professjoni rregolata skont l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE u l-ġurisprudenza relatata (b’mod partikolari is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou[, C‑340/89, EU:C:1991:193], u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard[, C‑298/14, EU:C:2015:652]) minkejja l-fatt li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jidher li jarmonizza l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata li permezz tagħhom l-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti l-eżerċizzju tal-professjoni minn applikant li jkollu evidenza ta’ edukazzjoni u taħriġ minn Stat li fih il-professjoni ma hijiex rregolata iżda li ma jissodisfax ir-rekwiżit sabiex jeżerċita l-professjoni hekk kif stipulat f’dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, wara teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunament fil-kawża [fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015,] Brouillard ([C-298/14, EU:C:2015:652,] punt 55 tas-sentenza) fir-rigward tal-kriterji esklużivi għall-evalwazzjoni tal-ekwivalenza ta’ ċertifikati, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, milli tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ ukoll fuq informazzjoni għajr dik miksuba mill-fornitur tat-taħriġ jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor dwar il-kontenut iktar iddettaljat u l-metodu ta’ implimentazzjoni tat-taħriġ?”

    31.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A, mill-Valvira, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, b’eċċezzjoni tal-Gvern Olandiż, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑2 ta’ Diċembru 2021.

    IV. Analiżi

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    32.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 49 TFUE u l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal aċċess għal professjoni rregolata u għall-eżerċizzju tagħha fi ħdan Stat Membru ospitanti għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 li jippermetti tali aċċess.

    33.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 49TFUE jipprekludux li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ tal-applikant fuq informazzjoni dwar il-kontenut eżatt u l-modalitajiet konkreti ta’ dan it-taħriġ, meta din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilha minn sorsi esterni għall-organizzaturi ta’ dan it-taħriġ jew għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    34.

    Dawn iż-żewġ domandi huma bbażati fuq il-premessa li l-applikazzjoni ta’ A sabiex jaċċedi għall-professjoni ta’ psikoterapista hija bbażata fuq kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor. Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ A taqa’, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36, u b’mod partikolari tal-Artikolu 13(2) tagħha, jew, jekk dan ma jkunx il-każ, tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali tat-Trattat.

    35.

    Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tindika li diġà ddeċidiet li t-taħriġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setax jiġi kklassifikat bħala taħriġ segwit fil-Finlandja. Madankollu, abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, wieħed jista’ jiddubita mir-rilevanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokata f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    36.

    Għalhekk ser nifformula ċerti kummenti preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ospitanti li kiseb id-diploma tiegħu bil-ħruġ ta’ taħriġ li sar bi sħubija ma’ università ta’ Stat Membru.

    37.

    Id-Direttiva 2005/36 tikkontribwixxi għall-abolizzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni billi tippermetti li ċ-ċittadini tal-Istati Membri jeżerċitaw professjoni fi Stat Membru differenti minn dak li fih kisbu l-kwalifiki tagħhom ( 3 ).

    38.

    B’mod iktar speċifiku, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi r-regoli li skonthom Stat Membru li jissuġġetta l-aċċess għal professjoni rregolata jew l-eżerċizzju tagħha, fit-territorju tiegħu, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi għandu jirrikonoxxi, għall-aċċess għal din il-professjoni u għall-eżerċizzju tagħha, il-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru wieħed jew iktar ( 4 ).

    39.

    Għal dan il-għan, it-Titolu III tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi tliet sistemi differenti ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, li huma s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku għall-professjonijiet li l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ tagħhom ġew ikkoordinati (Kapitolu III), is-sistema ta’ rikonoxximent abbażi tal-esperjenza professjonali (Kapitolu II) u s-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (Kapitolu I), għall-professjonijiet kollha li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u III ( 5 ).

    40.

    Kif jipprovdi l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/36, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru li jixtiequ jeżerċitaw professjoni rregolata fi Stat Membru differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom.

    41.

    Jidhirli li dan l-element huwa determinanti.

    42.

    Għaldaqstant, id-Direttiva 2005/36 tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom individwu jkun kiseb, fi Stat Membru, ċerti kwalifiki professjonali li jikkwalifikawh għall-aċċess għal ċerta attività jew għall-eżerċizzju tagħha f’dan l-istess Stat Membru, u jkun jixtieq, sussegwentement, li dawn il-kwalifiki jiġu rrikonoxxuti fi Stat Membru ieħor sabiex ikun jista’ jaċċedi għal professjoni jew jeżerċitaha bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru ospitanti.

    43.

    Għalhekk għandu jiġi żgurat, fi Stat Membru A, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru B, sabiex tkun tista’ sseħħ il-libertà ta’ stabbiliment tad-detentur tal-kwalifiki professjonali fl-Istat Membru A, minkejja li d-diploma tiegħu kienet maħsuba, fit-teorija, sabiex huwa jeżerċita professjoni fl-Istat Membru B.

    44.

    Issa, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2005/36.

    45.

    Id-diploma li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa d-detentur tagħha nħarġet fi tmiem taħriġ mogħti fil-Finlandja, fil-lingwa ta’ dan l-Istat, bi sħubija ma’ istitut stabbilit f’dan l-istess Stat Membru. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-università Brittanika li ħarġet id-diploma ssostni li fasslet it-taħriġ mogħti b’mod li dan jissodisfa r-rekwiżiti tad-Digriet Finlandiż dwar il-Professjonisti tal-Kura tas-Saħħa.

    46.

    Abbażi ta’ dawn l-elementi, jista’ jiġi konkluż li t-taħriġ mogħti kien intiż esklużivament li jippermetti l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ psikoterapisti fil-Finlandja. Il-fatt li d-diploma inkwistjoni nħarġet bi sħubija ma’ istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jistax ikollha effett fuq il-konstatazzjoni li f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru ta’ oriġini jikkoinċidi mal-Istat Membru ospitanti. Fir-realtà, ma kienx il-każ għall-applikant li jagħmel użu mid-dritt tiegħu għal-libertà ta’ stabbiliment abbażi ta’ kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, tali sitwazzjoni hija estranja għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, b’mod li ma tistax tiġi analizzata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tagħha.

    47.

    Minn dawn l-elementi jirriżulta wkoll li s-sitwazzjoni ta’ A, kif esposta mill-qorti tar-rinviju, ma għandhiex element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali ( 6 ). Is-sempliċi fatt li d-diploma inkwistjoni nħarġet bi sħubija ma’ università ta’ Stat Membru ieħor ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ element ta’ konnessjoni suffiċjenti mas-sitwazzjoni ta’ A meta din tinħareġ fi tmiem taħriġ li jseħħ fl-Istat Membru ospitanti, fil-lingwa ta’ dan tal-aħħar, intiża esklużivament li tippermetti l-aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapisti fil-Finlandja. Mill-perspettiva ta’ A, l-involviment tal-università barranija, fil-fehma tiegħi, huwa ta’ natura purament anċillari ( 7 ). F’tali ċirkustanzi, l-Artikoli 45 u 49 TFUE, li jfittxu li jipproteġu l-persuni li jagħmlu użu effettiv mil-libertajiet fundamentali, ma jistgħux jagħtu drittijiet lil A ( 8 ). Dan tal-aħħar ma jistax jinvokahom fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista u għall-eżerċizzju tagħha.

    48.

    Huwa minnu li tali konklużjoni ma tfissirx li d-dritt tal-Unjoni ma għandu ebda rilevanza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, jidhirli li hija taqa’ biss taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-UWE, bħala istituzzjoni ta’ Stat Membru li tikkonkludi sħubija ma’ istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor sabiex tagħti taħriġ f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. L-eventwali ostakolu għad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat għandu għalhekk jitfittex prinċipalment fil-konfront tal-università barranija.

    49.

    Issa, fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-kuntest tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, u teħtieġ analiżi differenti li l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi trażmessi fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma hijiex f’pożizzjoni li twettaq.

    50.

    Barra minn hekk, il-kuntest fattwali li fuqu hija bbażata t-tieni domanda preliminari jindika li s-sitwazzjoni ta’ A la taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 u lanqas taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din it-tieni domanda preliminari, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Valvira, bħala awtorità kompetenti, setgħetx twettaq eżami fid-dettall tal-kwalifiki professjonali li jinvoka l-applikant sabiex tiddetermina jekk dawn il-kwalifiki jippermettu lil dan tal-aħħar, fil-Finlandja, l-aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista.

    51.

    Issa, fil-fehma tiegħi, il-fatt innifsu li tintuża informazzjoni dwar il-kontenut eżatt u l-modalitajiet konkreti tat-taħriġ segwit jindika li, indipendentement minn dawn l-elementi, dan it-taħriġ tabilħaqq jippermetti, fit-teorija, li wieħed jaċċedi fil-Finlandja għall-professjoni ta’ psikoterapista. Li kieku t-taħriġ segwit kellu għan kompletament differenti, jew li kieku kellu jirriżulta b’mod ċar li t-taħriġ inkwistjoni kien biss parzjali fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt Finlandiż, tali konstatazzjoni kienet tkun suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal aċċess għal din il-professjoni.

    52.

    Għalhekk huwa biss għaliex it-taħriġ tabilħaqq għandu l-għan li jħarreġ psikoterapisti fil-Finlandja li l-Valvira twettaq tali eżami fid-dettall, intiż li jiġi vverifikat li t-taħriġ jissodisfa, fil-prattika, ir-rekwiżiti tad-dritt Finlandiż.

    53.

    Billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni dwar il-kontenut eżatt u l-modalitajiet konkreti tat-taħriġ, il-Valvira għalhekk ma tfittix li tivverifika l-ekwivalenza ta’ taħriġ mogħti minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma’ dak mogħti fil-Finlandja, iżda tabilħaqq li tivverifika li t-taħriġ mogħti fil-Finlandja jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt Finlandiż sabiex jippermetti l-aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista.

    54.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li t-taħriġ inkwistjoni għandu jitqies li huwa taħriġ mogħti fil-Finlandja fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li s-sitwazzjoni ta’ A la tista’ tiġi analizzata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 u lanqas fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment tiegħu.

    55.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li r-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-applikazzjoni għal aċċess għal professjoni u għall-eżerċizzju tagħha mressqa minn student li kiseb diploma maħruġa bi sħubija ma’ università ta’ Stat Membru ieħor fi tmiem taħriġ segwit esklużivament fl-Istat Membru ospitanti, fil-lingwa ta’ dan l-Istat, bil-għan li tiġi eżerċitata l-professjoni inkwistjoni f’dan l-istess Stat ma tistax tiġi analizzata fid-dawl tad-Direttiva 2005/36 jew tal-Artikoli 45 u 49 TFUE.

    56.

    Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li d-Direttiva 2005/36 u d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment ta’ A huma applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser inwettaq analiżi tad-domandi preliminari.

    B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

    57.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 49 TFUE kif ukoll l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal aċċess għal professjoni rregolata u għall-eżerċizzju tagħha fi ħdan Stat Membru ospitanti għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tippermetti tali aċċess.

    58.

    Fi ħdan is-sistema ġenerali prevista mid-Direttiva 2005/36, l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirregola l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru ospitanti jawtorizza l-aċċess għal professjoni rregolata u l-eżerċizzju tagħha meta l-applikant ikun detentur ta’ prova ta’ kwalifiki formali maħruġa fi Stat Membru li fih din il-professjoni ma tkun irregolata.

    59.

    Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-professjoni ta’ psikoterapista ma hijiex koperta mis-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, u għalhekk hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tas-sistema ġenerali. Barra minn hekk, mill-kuntest ġuridiku u fattwali espost mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-professjoni ta’ psikoterapista hija professjoni rregolata fil-Finlandja fis-sens tad-Direttiva 2005/36, b’differenza mir-Renju Unit fejn din ma hijiex suġġetta għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi.

    60.

    Huwa madankollu paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36. Għalhekk issir id-domanda jekk l-aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista u għall-eżerċizzju tagħha jistgħux madankollu jiġu rrikonoxxuti abbażi tal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat FUE.

    61.

    Kif isostnu l-Gvern Franċiż u l-Gvern Finlandiż, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mil-livell ta’ armonizzazzjoni mwettaq mid-Direttiva 2005/36. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni ( 9 ). Madankollu, dan l-effett ta’ sostituzzjoni tal-att tad-dritt sekondarju għar-regoli tat-Trattat iseħħ biss meta l-att normattiv tal-Unjoni jirregola qasam b’mod eżawrjenti ( 10 ).

    62.

    Fi kliem ieħor, li kieku kellu jiġi deċiż li l-armonizzazzjoni mwettqa mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 hija eżawrjenti, applikazzjoni għal aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista fi Stat Membru ospitanti abbażi ta’ kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor ma tkunx tista’ tiġi evalwata iktar fid-dawl tad-dritt primarju.

    63.

    A kif ukoll il-Gvern Franċiż u l-Gvern Finlandiż jiddefendu din it-teżi, filwaqt li l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jopponuha. Skonthom, il-fatt li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva ma humiex issodisfatti ma jimplikax li l-applikazzjoni għal aċċess għall-professjoni ta’ psikoterapista ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    64.

    Naqbel ma’ din l-opinjoni. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 ma jwettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti u l-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti ma jostakolax l-eżami ta’ applikazzjoni għal aċċess għal professjoni u għall-eżerċizzju tagħha abbażi tat-Trattat FUE.

    1. Fuq l-intensità tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2005/36

    65.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-intensità tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha ( 11 ).

    66.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi għandhom l-għan li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali billi jiġu stabbiliti regoli u kriterji komuni ( 12 ). Barra minn hekk, mill-premessa 40 tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-għanijiet ta’ din tal-aħħar huma “r-razzjonalizzazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-titjib tar-regoli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali”, sabiex iċ-ċittadini tal-Istati Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw professjoni fi Stat Membru differenti minn dak li fih kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom ( 13 ).

    67.

    Għal dan il-għan, id-Direttiva 2005/36 tagħti lill-persuni li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru garanzija ta’ aċċess għall-istess professjoni u tal-eżerċizzju tagħha fi Stat Membru ieħor bl-istess drittijiet bħaċ-ċittadini ( 14 ).

    68.

    Dawn l-għanijiet ta’ semplifikazzjoni u ta’ titjib tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, flimkien mal-idea ta’ garanzija mogħtija mid-Direttiva 2005/36, jindikaw b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura d-dritt għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini tal-Istati Membri fi Stati Membri ospitanti meta l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2005/36 ikunu ssodisfatti. Għall-kuntrarju, minn dan ma jirriżultax li r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jista’ jsir biss taħt dawn il-kundizzjonijiet.

    69.

    Fi kliem ieħor, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2005/36, għalkemm ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huwa ffaċilitat abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u għalkemm il-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fihom ikunu ssodisfatti jiggarantixxi lid-detentur id-dritt li jaċċedi għal professjoni u għall-eżerċizzju tagħha fi Stat Membru ieħor, minn dan ma jistax jiġi dedott li dan id-dritt jista’ jiġi rrikonoxxut biss f’dawn il-każijiet.

    70.

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, turi dan ukoll. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-aċċess għall-professjoni u l-eżerċizzju tagħha “għandhom jiġu awtorizzati” għall-applikanti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti. Tali formulazzjoni tissuġġerixxi li, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali inkwistjoni u jippermetti l-aċċess għall-professjoni. L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 huwa f’dan is-sens l-espressjoni tal-garanzija ddikjarata fil-premessi ta’ din id-direttiva.

    71.

    Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li dawn il-kundizzjonijiet huma l-uniċi li jistgħu jippermettu l-aċċess għal professjoni u l-eżerċizzju tagħha. Għall-kuntrarju, dawn huma tabilħaqq l-uniċi kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-aċċess għal din il-professjoni.

    72.

    Qari tal-għanijiet tad-Direttiva 2005/36 u tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tagħha jindika, fil-fehma tiegħi, li t-test ma jwettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti. Għalkemm l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 għalhekk jipprevedi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor, dan ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri li jirrifjutaw sistematikament l-aċċess għal professjoni u l-eżerċizzju tagħha meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti.

    2. Ir-rabta bejn id-Direttiva 2005/36 u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat

    73.

    Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju inerenti għal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat FUE ma jistax jitlef parti mill-valur tiegħu minħabba l-adozzjoni ta’ direttivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi. Fil-fatt, dawn id-direttivi ma għandhomx l-għan u ma jistax ikollhom l-effett li jirrendu iktar diffiċli r-rikonoxximent ta’ tali diplomi, ċertifikati jew provi oħra ta’ kwalifiki formali fis-sitwazzjonijiet mhux koperti minnhom ( 15 ).

    74.

    Għandi nenfasizza li għalkemm it-termini “sitwazzjonijiet mhux koperti” jidhru li jindikaw is-sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, din il-ġurisprudenza madankollu ġiet żviluppata kemm fil-kuntest ta’ tali sitwazzjonijiet ( 16 ) kif ukoll fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-direttivi ma kinux issodisfatti ( 17 ).

    75.

    Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2005/36 twettaq l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha. Għall-kuntrarju, hija ma tipprevedi ebda regola ta’ rikonoxximent (jew ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent) tal-kwalifiki professjonali għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jew li fihom il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 ma jkunux issodisfatti.

    76.

    Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE għalhekk huma intiżi li japplikaw għal sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tagħha.

    77.

    Jidhirli li tali interpretazzjoni hija msaħħa minn qari tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE meta d-Direttiva 2005/36 ma jkunx applikabbli sa fejn, peress li ma jkunx spiċċa l-kors tiegħu, l-applikant ma jkollux prova ta’ kwalifiki formali li tattesta l-kwalifika professjonali tiegħu ta’ spiżjar ( 18 ) jew fejn l-applikant, minkejja li hu detentur ta’ prova ta’ kwalifiki formali, ma jipproduċix iċ-ċertifikat ta’ esperjenza li jakkompanja prova ta’ kwalifiki formali li jikkundizzjona d-dritt li wieħed jeżerċita bis-sħiħ il-professjoni ta’ tabib fl-Istat Membru ta’ oriġini ( 19 ).

    78.

    Jidhirli li huwa paradossali li jiġi ammess li applikazzjoni għal aċċess tista’ tiġi eżaminata abbażi ta’ dispożizzjonijiet differenti minn dawk tad-Direttiva 2005/36 meta l-applikant ma jkollux prova ta’ kwalifiki formali kompleta, filwaqt li dan ma jistax ikun il-każ meta dan tal-aħħar ikollu prova ta’ kwalifiki formali, iżda ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2005/36. Applikant mingħajr prova ta’ kwalifiki formali għalhekk jitqiegħed f’pożizzjoni iktar favorevoli mid-detentur ta’ kwalifiki formali li madankollu ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36.

    79.

    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, f’dak li jirrigwarda dawn is-sitwazzjonijiet, nikkonstata li l-limitu bejn dak li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u dak li huwa eskluż minnha jista’ jirriżulta diffiċli li jiġi ddeterminat. Fil-fatt, jista’ daqstant ieħor jiġi sostnut, f’dak li jirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-applikant ma jkollux diploma, li, minkejja li applikabbli, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 ma jkunux issodisfatti, peress li l-applikant ma jinvokax prova ta’ kwalifiki formali fis-sens tad-Direttiva 2005/36.

    80.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li jkun diffiċilment ammissibbli li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod separat. F’dawn iż-żewġ każijiet, id-Direttiva 2005/36 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni partikolari, u ma timponix fuq l-Istat li jiċħad ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali li jkollu l-applikant.

    81.

    Inżid ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, ma narax ir-riskju li tippreżenta tali interpretazzjoni għall-effett utli tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36.

    82.

    Il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jibqgħu l-uniċi kundizzjonijiet li jiggarantixxu lill-applikant l-aċċess għal professjoni u l-eżerċizzju tagħha, peress li, meta jkunu ssodisfatti, l-Istat Membru jkun obbligat jilqa’ l-applikazzjoni tiegħu. Il-fatt li l-applikazzjoni tal-applikant li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet tkun tista’ tiġi eżaminata abbażi tat-Trattat FUE ma jqiegħedx din il-konstatazzjoni fid-dubju. F’dan il-każ, tali applikant ma jkollu ebda garanzija li l-Istat Membru jilqa’ l-applikazzjoni tiegħu, peress li l-eżami tal-kwalifiki professjonali għall-finijiet tal-aċċess għal professjoni jiddependi minn fatturi oħra ( 20 ).

    83.

    Għaldaqstant, jidhirli li l-Artikoli 45 u 49 TFUE u l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikazzjoni għal aċċess għal professjoni rregolata fi ħdan Stat Membru ospitanti u għall-eżerċizzju tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar li tippermetti tali aċċess.

    C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

    84.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludux li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ tal-applikant fuq informazzjoni dwar il-kontenut eżatt u l-modalitajiet konkreti ta’ dan it-taħriġ meta din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilha minn sorsi li ma jkunux l-organizzatur ta’ dan it-taħriġ jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

    85.

    Ser ngħaddi sabiex infakkar fil-qosor il-ġurisprudenza dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal aċċess għal professjoni fi Stat Membru ospitanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, li tistabbilixxi preżunzjoni ta’ kisba ta’ konoxxenzi u ta’ kwalifiki bbażata fuq id-diploma li jinvoka l-applikant. Sussegwentement ser neżamina jekk, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata.

    1. Il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 49 TFUE għall-eżami mill-Istat Membru ospitanti ta’ applikazzjoni għal aċċess għal professjoni u għall-eżerċizzju tagħha: l-eżistenza ta’ preżunzjoni

    86.

    Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għal aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddefinixxu l-konoxxenzi u l-kwalifiki neċessarji sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni u li jirrikjedu l-produzzjoni ta’ diploma li tattesta l-pussess ta’ dawn il-konoxxenzi u ta’ dawn il-kwalifiki ( 21 ).

    87.

    Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ( 22 ). B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu mhux iġġustifikat għall-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 45 u 49 TFUE ( 23 ).

    88.

    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet għal kwalifiki, anki jekk applikati mingħajr diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, jista’ jkollhom l-effett li jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-konoxxenzi u l-kwalifiki diġà miksuba mill-persuna interessata fi Stat Membru ieħor ( 24 ).

    89.

    F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru aditi minn ċittadin tal-Unjoni b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita professjoni li l-aċċess għaliha huwa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, jew għal perijodi ta’ esperjenza prattika, huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u l-provi l-oħra ta’ kwalifiki formali kollha, kif ukoll l-esperjenza rilevanti tal-persuna interessata, billi jwettqu paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi attestati minn dawn il-provi ta’ kwalifiki formali u minn din l-esperjenza u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenzi u l-kwalifiki meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 25 ).

    90.

    Din il-proċedura ta’ eżami komparattiv għandha tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jiżguraw irwieħhom oġġettivament li d-diploma barranija tattesta li d-detentur tagħha għandu konoxxenzi u kwalifiki li jekk mhux identiċi huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk attestati permezz tad-diploma nazzjonali. Din l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza tad-diploma barranija għandha ssir esklużivament billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-konoxxenzi u tal-kwalifiki li din id-diploma tippermetti li jiġi preżunt li għandu d-detentur tagħha, fid-dawl tan-natura u tat-tul tal-istudji, kif ukoll tat-taħriġ prattiku marbuta magħha ( 26 ).

    91.

    Fi kliem ieħor, l-awtorità tal-Istat Membru ospitanti hija obbligata tafda fil-konoxxenzi u fil-kwalifiki li d-diploma li jinvoka l-applikant tippermetti li jinkisbu. F’dan is-sens, dan il-mekkaniżmu, ibbażat fuq il-fiduċja bejn l-Istati Membri, jistabbilixxi preżunzjoni li l-applikant għandu l-konoxxenzi u l-kwalifiki li tattesta d-diploma inkwistjoni, mingħajr ma l-Istat Membru ospitanti jkun jista’ jivverifika jekk dawn il-konoxxenzi u kwalifiki effettivament inkisbux mill-applikant.

    92.

    B’mod iktar speċifiku, il-proċedura ta’ eżami komparattiv tfittex biss li jiġu ddeterminati l-kontenut tat-taħriġ, in-natura tat-tagħlim segwit u t-tul tat-taħriġ, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kwalifiki attestati mid-diploma barranija jikkorrispondux għal dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti ( 27 ). Għall-kuntrarju, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-analiżi komparattiva mwettqa mill-Istat Membru ospitanti f’ebda każ ma tista’ tasal sabiex tippermetti evalwazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ mogħti jew verifika tal-kisba effettiva tal-konoxxenzi attestati mid-diploma.

    93.

    Tali verifika mhux biss tmur kontra l-idea ta’ preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza u bbażata biss fuq id-diploma li jkollu l-applikant, iżda barra minn hekk tippreġudika l-fiduċja bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, u, fl-aħħar mill-aħħar, tostakola r-rikonoxximent tad-diplomi.

    94.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludu, bħala prinċipju, li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-ekwivalenza tat-taħriġ tal-applikant fuq informazzjoni dwar il-kontenut eżatt u l-modalitajiet konkreti ta’ dan it-taħriġ, meta din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilha minn sorsi esterni għall-organizzaturi ta’ dan it-taħriġ jew għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini. Jidhirli li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali elementi fil-fatt imur lil hinn minn dak li tippermetti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u jippreġudika s-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki fi ħdan l-Unjoni.

    2. Il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni

    95.

    Għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-eżami komparattiv tad-diplomi mwettaq mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti huwa bbażat fuq il-kwalifiki li d-diploma li jinvoka d-detentur tippermetti li jiġu preżunti, jidhirli wkoll li tali preżunzjoni tista’, f’każijiet limitati, tiġi kkonfutata u li f’dawk il-każijiet l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ twettaq verifiki li jmorru lil hinn mill-kwalifiki li tattesta d-diploma tal-applikant.

    96.

    Fil-fehma tiegħi, tali possibbiltà hija inerenti għal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat, li jiżguraw il-libertà ta’ stabbiliment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor jew fi tmiem taħriġ mogħti minn istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, filwaqt li jipprevedu eċċezzjonijiet għal dawn il-prinċipji f’ċerti każijiet limitati.

    97.

    Għaldaqstant, għalkemm huwa ċar, kif tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja, li regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet għal kwalifiki, anki jekk applikati mingħajr diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, jista’ jkollhom l-effett li jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali meta r-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-konoxxenzi u l-kwalifiki diġà miksuba mill-persuna interessata fi Stat Membru ieħor, jidhirli madankollu li tali ostakolu jista’ jkun iġġustifikat għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    98.

    Kif jirrilevaw il-Gvern Franċiż u l-Gvern Finlandiż, il-professjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa responsabbli għal pazjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami komparattiv imwettaq mill-awtorità kompetenti u li jmur lil hinn mill-preżunzjoni bbażata fuq id-diploma li jinvoka l-applikant ifittex li jiggarantixxi s-sigurtà tal-pazjenti, u għalhekk huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ( 28 ).

    99.

    Madankollu, għandu wkoll jiġi vverifikat jekk tali eżami huwiex adegwat sabiex jiggarantixxi l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    100.

    Fil-fehma tiegħi, sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità u ta’ neċessità, eżami komparattiv tal-kwalifiki professjonali li jieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra s-sempliċi kwalifiki professjonali li d-diploma miżmuma tippermetti li jiġu preżunti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ jseħħ biss f’każ li jeżisti speċifikament riskju kkonfermat għas-sigurtà tal-pazjenti u għas-saħħa pubblika li kieku l-applikant kellu jaċċedi għall-professjoni inkwistjoni u għall-eżerċizzju tagħha.

    101.

    L-eżistenza ta’ tali riskju għandu jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li tista’ tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ indizji konkordanti dwar nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward tat-taħriġ li jkun ġie segwit mill-applikant. Għall-kuntrarju, hija ma tistax tibbaża ruħha biss fuq denunzji anonimi u iżolati, mingħajr ma twettaq verifiki oħra, u dan iktar u iktar meta t-taħriġ fir-realtà jkun ġie segwit f’dan l-Istat Membru, u meta hija għalhekk ikollha mezzi estensivi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tagħmel dan.

    102.

    B’mod partikolari, kif jirrileva l-Gvern Franċiż, l-awtorità li toħroġ id-diploma inkwistjoni għandha tkun tista’ tressaq elementi ta’ kjarifika meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tidentifika l-possibbiltà ta’ riskju għas-saħħa pubblika minħabba t-taħriġ segwit.

    103.

    Fi kliem ieħor, għalkemm il-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika eżami komparattiv tad-diplomi li ma jkunx ibbażat biss fuq il-kwalifiki professjonali li d-diploma li jinvoka l-applikant tippermetti li jiġu preżunti, l-awtorità kompetenti hija dejjem obbligata, fi kwalunkwe każ, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kompetenzi professjonali li effettivament ikollu l-applikant, iżda kull element rilevanti li jippermetti l-aċċess għal professjoni u l-eżerċizzju tiegħu.

    104.

    Għaldaqstant, jidhirli li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 45 u 49 TFUE ma jipprekludux li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar il-kontenut eżatt u l-modalitajiet konkreti ta’ dan it-taħriġ, meta din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilha minn sorsi affidabbli esterni għall-organizzaturi ta’ dan it-taħriġ jew għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju kkonfermat għas-sigurtà tal-pazjenti. Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ma tistax tibbaża ruħha esklużivament fuq tali elementi sabiex tirrifjuta l-aċċess għal professjoni u l-eżerċizzju tagħha lil ċittadin ta’ Stat Membru li jkun kiseb id-diploma tiegħu minn università ta’ Stat Membru ieħor.

    V. Konklużjoni

    105.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li nirrispondi għad-domandi magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) bil-mod li ġej:

    Applikazzjoni għal aċċess għal professjoni u għall-eżerċizzju tagħha mressqa minn student li kiseb diploma maħruġa bi sħubija ma’ università ta’ Stat Membru ieħor fi tmiem taħriġ segwit esklużivament fl-Istat Membru ospitanti, fil-lingwa ta’ dan l-Istat, u bil-għan li tiġi eżerċitata l-professjoni inkwistjoni f’dan l-istess Stat ma tistax tiġi analizzata fid-dawl tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013. L-Artikoli 45 u 49TFUE, li huma intiżi li jipproteġu l-persuni li jagħmlu użu effettiv mil-libertajiet fundamentali, lanqas ma huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ tali student, b’mod li dan tal-aħħar ma jistax jinvokahom fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess għal professjoni u għall-eżerċizzju tagħha.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

    ( 3 ) Premessa 1 tad-Direttiva 2005/36. Għal preżentazzjoni tad-Direttiva 2005/36 u tas-sistemi ta’ rikonoxximent li hija tistabbilixxi, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Angerer (C‑477/13, EU:C:2014:2338, punti 19 sa 23).

    ( 4 ) Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36.

    ( 5 ) Għal analiżi ddettaljata tad-diversi sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali previsti mid-Direttiva 2005/36, ara Barnard, C., The Substantive Law of the EU. The Four Freedoms, is-sitt edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2019, p. 320.

    ( 6 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 57).

    ( 7 ) Għalkemm is-sitwazzjoni ta’ A għalhekk ma għandhiex elementi ta’ konnessjoni mal-libertajiet fundamentali, dawn tal-aħħar jista’ madankollu jkollhom effett fil-kuntest fattwali kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-università ta’ Stat Membru ieħor. Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 8 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 57).

    ( 9 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C‑37/92, EU:C:1993:836); tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64); kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 30).

    ( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑216/11, EU:C:2012:819, punt 35).

    ( 11 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 35).

    ( 12 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 36).

    ( 13 ) Premessa 1 tad-Direttiva 2005/36.

    ( 14 ) Premessa 3 tad-Direttiva 2005/36.

    ( 15 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2000, Hocsman (C‑238/98, EU:C:2000:440, punti 3134); tat‑22 ta’ Jannar 2002, Dreessen (C‑31/00, EU:C:2002:35, punti 2526); u tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554, punti 3536), u tat-3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali-ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (taħriġ medikali bażiku) (C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 37).

    ( 16 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2002, Dreessen (C‑31/00, EU:C:2002:35); tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554), u tat-3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali-ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (taħriġ medikali bażiku) (C‑634/20, EU:C:2022:149).

    ( 17 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2000, Hocsman (C‑238/98, EU:C:2000:440, punt 34).

    ( 18 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554). Għalkemm dik il-kawża kienet tirrigwarda professjoni li taqa’ taħt is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, l-istess raġunament madankollu japplika f’dak li jirrigwarda professjoni li ma taqax taħtha.

    ( 19 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali-ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (taħriġ medikali bażiku) (C‑634/20, EU:C:2022:149).

    ( 20 ) Ara l-analiżi tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari.

    ( 21 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 9), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 48).

    ( 22 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 51).

    ( 23 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 52).

    ( 24 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 15), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 53).

    ( 25 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 16); tat‑22 ta’ Jannar 2002, Dreessen (C‑31/00, EU:C:2002:35, punt 24); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 54); tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 34), u tat-3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali-ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (taħriġ medikali bażiku) (C‑634/20, EU:C:2022:149).

    ( 26 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 17), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 55).

    ( 27 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 57).

    ( 28 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association et Reynaud (C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 58).

    Top